Language of document : ECLI:EU:C:2023:424

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Mejju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u għat-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Direttiva 93/83/KEE – Artikolu 1(2) – Komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita – Kunċett – Fornitur ta’ pakketti bis-satellita – Xandir ta’ programmi fi Stat Membru ieħor – Post tal-att ta’ sfruttament li permezz tiegħu dan il-fornitur jipparteċipa f’tali komunikazzjoni”

Fil-Kawża C‑290/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger Reg. Gen. mbH (AKM)

vs

Canal+ Luxembourg Sàrl,

fil-preżenza ta’:

Tele 5 TM-TV GmbH,

Österreichische Rundfunksender GmbH & Co. KG,

Seven.One Entertainment Group GmbH,

ProSiebenSat.1 PULS 4 GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger Reg. Gen. mbH (AKM), minn N. Kraft, Rechtsanwalt,

–        għal Canal+ Luxembourg Sàrl, minn A. Anderl, Rechtsanwalt,

–        għal Seven.One Entertainment Group GmbH u ProSiebenSat.1 PULS 4 GmbH, minn M. Boesch, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas‑27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger Reg. Gen. mbH (AKM), soċjetà Awstrijaka għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, u Canal+ Luxembourg Sàrl (iktar ’il quddiem “Canal+”), operatur tat-televiżjoni bis-satellita, dwar ix-xandir, minn din il-kumpannija tal-aħħar, ta’ programmi tat-televiżjoni fl-Awstrija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 93/83

3        Il-premessi 5, 14, 15 u 17 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxu:

“(5)      Billi, iżda, l-kisba ta’ dawn l-għanijiet għar-rigward ta’ xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra u t-ritrasmissjoni bil-cable ta’ programmi minn Stati Membri oħra preżentement għadha mxekkla b’diversi differenzi bejn regoli nazzjonali dwar drittijiet ta’ l-awtur u ċerta grad ta’ inċertezza legali; billi dan ifisser li dawk li jkollhom jeddijiet huma esposti għat-theddida li jaraw ix-xogħlijiet tagħhom sfruttati mingħajr ħlas ta’ remunerazzjoni jew li dawk l-individwi li jkollhom jeddijiet esklussivi f’diversi Stati Membri jimblukkaw l-isfruttar tal-jeddijiet tagħhom; billi l-inċertezza legali b’mod partikolari tikkostitwixxi ostakolu dirett għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ programmi fil-Komunità;

[…]

(14)      Billi l-inċertezza legali dwar il-jeddijiet li għandhom ikunu akkwistati li timpedixxi xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra għandha tkun megħluba billi jkun definit il-kunċett ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita fuq livell tal-Komunità; billi din id-definizzjoni għandha fl-istess waqt tispeċifika fejn isir l-att ta’ komunikazzjoni; billi dik it-tifsira hi meħtieġa biex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir; billi l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ssir biss meta, u fl-Istat Membru fejn, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir fil-katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja; billi proċeduri tekniċi normali dwar is-sinjali li jwasslu l-programm m’għandhomx ikunu kunsidrati bħal interruzzjonijiet fil-katina tax-xandir;

(15)      Billi l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ jeddijiet esklussivi ta’ xandir għandu jkun konformi ma’ kull leġislazzjoni dwar drittijiet ta’ l-awtur u jeddijiet dwar drittijiet ta’ l-awtur fl-Istati Membri li fihom isseħħ il-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita;

[…]

(17)      Billi, biex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir għall-jeddijiet akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, bħall-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa;”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsiriet”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) sa (ċ) tiegħu:

“(a)      Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita’ tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(b)      L-att ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri billi, taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(ċ)      Jekk is-sinjali li jġorru programmi huma encrypted, allura jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kondizzjoni li l-mezzi għal decrypting ix-xandir ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha.”

5        L‑Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

 IdDirettiva 2001/29

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

 Iddritt Awstrijak

7        L-Artikolu 17b(1) tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), tad‑9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tagħha tas‑27 ta’ Diċembru 2018, (BGBl. I 105/2018), jistabbilixxi li:

“Fix-xandir bis-satellita, l-att ta’ sfruttament irriżervat għall-awtur jikkonsisti fl-introduzzjoni, taħt il-kontroll u bir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, tas-sinjali li jittrażmettu l-programm f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u lura lejn id-dinja. Bla ħsara għall-paragrafu 2, ix-xandir bis-satellita għalhekk iseħħ biss fl-Istat li fih tkun saret din l-introduzzjoni.”

8        L-Artikolu 59a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Huma biss is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jistgħu jinvokaw id-dritt li jużaw ix-xandiriet, inkluż permezz tas-satellita, ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid simultanja, kompleta u mhux modifikata permezz tal-cable; madankollu, dan ma jikkonċernax id-dritt għal teħid ta’ azzjoni legali għal ksur tad-drittijiet tal-awtur.

2.      Xandiriet jistgħu jintużaw għal trażmissjoni mill-ġdid fis-sens tal-paragrafu 1 jekk l-organizzazzjoni tax-xandir li twettaq it-trażmissjoni mill-ġdid tkun kisbet, għal dan l-għan, l-awtorizzazzjoni tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva responsabbli.

3.      Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-organizzazzjoni tax-xandir li x-xandira tagħha tiġi trażmessa mill-ġdid ikollha d-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid fis-sens tal-paragrafu 1.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        AKM hija proprjetarja ta’ liċenzja ta’ sfruttament għal xogħlijiet mużikali, li tawtorizzaha teżerċita, fuq bażi fiduċjarja, drittijiet ta’ xandir fit-territorju Awstrijak.

10      Canal+, stabbilita fil-Lussemburgu, toffri, permezz tas-satellita u bi ħlas, fl-Awstrija, pakketti ta’ programmi kriptati (iktar ’il quddiem il-“pakketti bis-satellita inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) ta’ diversi organizzazzjonijiet tax-xandir, li jinsabu fi Stati Membri oħra, f’definizzjoni għolja jew f’definizzjoni standard.

11      L-introduzzjoni ta’ kull wieħed mis-sinjali satellitari li jittrażmettu l-programmi fil-katina ta’ komunikazzjoni (trażmissjoni ’l fuq) issir ħafna drabi mill-organizzazzjoni tax-xandir stess, xi drabi minn Canal+, f’dawn l-Istati Membri l-oħra. Jinħareġ fluss li jinkludi l-programm kollu bil-kwalità ta’ definizzjoni għolja u informazzjoni addizzjonali, bħal data awdjo u data tas-sottotitoli. Wara li jkun ġie “mibgħut lura” bis-satellita, dan il-fluss jinqabad minn installazzjonijiet ta’ riċezzjoni satellitari ġewwa ż-żona ta’ kopertura. L-imsemmi fluss huwa għalhekk maqsum u l-utent jista’ jaċċedi għal kull wieħed mill-programmi fuq terminal permezz ta’ dekodifikatur.

12      Il-pakketti bis-satellita inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu programmi televiżivi bi ħlas u mingħajr ħlas. Dawn tal-aħħar ma humiex kriptati u jistgħu jiġu rċevuti minn kwalunkwe persuna bi kwalità standard fit-territorju Awstrijak.

13      AKM ressqet azzjoni intiża, essenzjalment, għall-waqfien tat-trażmissjoni, minn Canal+, tas-sinjali bis-satellita fl-Awstrija kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens, billi sostniet li, fl-Istati Membri li fihom seħħ l-att ta’ xandir jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, ebda awtorizzazzjoni ma kienet inkisbet għal tali sfruttament u li hija ma kinitx awtorizzat dan ix-xandir fl-Awstrija. Fil-fatt, AKM tqis li l-imsemmija trażmissjoni sservi lil kategorija addizzjonali ta’ klijenti ta’ Canal+ li ma hijiex koperta mill-awtorizzazzjonijiet miksuba, skont il-każ, fl-Istati Membri ta’ trażmissjoni mill-organizzazzjonijiet tax-xandir ikkonċernati għall-finijiet tal-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet inkwistjoni permezz tas-satellita u li Canal+ kellha tikseb awtorizzazzjoni min-naħa ta’ AKM għat-trażmissjoni tas-sinjali bis-satellita fl-Awstrija. Għaldaqstant, AKM tqis li Canal+ tippreġudika d-drittijiet li hija tamministra.

14      Canal+ tirribatti li hija sempliċement tqiegħed għad-dispożizzjoni, bil-kunsens tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, infrastruttura li tippermetti li jiġi kriptat sinjal introdott minn dawn l-organizzazzjonijiet tax-xandir barra mill-Awstrija f’katina ta’ komunikazzjoni li twassal għal satellita. Skont il-prinċipju tal-Istat Membru emittenti stabbilit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, ma hijiex AKM iżda s-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri emittenti biss li huma awtorizzati jaġixxu skont l-att tal-isfruttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dan l-att tal-isfruttament, imwettaq minn Canal+ huwa kopert mill-awtorizzazzjonijiet miksuba fl-Istati Membri ta’ trażmissjoni mill-organizzazzjonijiet tax-xandir ikkonċernati.

15      Erba’ kumpanniji, fosthom Seven.One Entertainment Group GmbH, organizzazzjoni tax-xandir stabbilita fil-Ġermanja, u ProSiebenSat.1 PULS 4 GmbH, organizzazzjoni tax-xandir stabbilita fl-Awstrija, ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-kawża prinċipali insostenn ta’ Canal+.

16      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) ċaħdet l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni tax-xandir tas-sinjali bis-satellita fl-Awstrija, iżda laqgħet fil-parti l-kbira kemm l-azzjoni (parzjalment sussidjarja) għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni tat-trażmissjoni bis-satellita, diretta lejn it-territorju Awstrijak, tas-sinjali ta’ programm inkwistjoni kif ukoll it-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti relatati magħha. Adita b’appell minn din is-sentenza, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020, iddeċidiet fil-parti l-kbira fl-istess sens. Din il-qorti tal-aħħar qieset b’mod partikolari li l-pakketti bis-satellita inkwistjoni fil-kawża prinċipali jolqtu pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku differenti minn dak kopert mit-trażmissjonijiet b’aċċess liberu tal-operaturi tax-xandir. Kemm AKM kif ukoll Canal+ flimkien ma’ Seven.One Entertainment Group GmbH u ProSiebenSat.1 PULS 4 GmbH ippreżentaw appelli għal reviżjoni minn din is-sentenza tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

17      Filwaqt li tirreferi għall-punti 61 u 69 tas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648), li kienet tikkonċerna wkoll fornitur tal-pakketti bis-satellita, il-qorti tar-rinviju tqis li jista’ jitqies li kemm l-att tal-isfruttament tal-organizzazzjoni tax-xandir kif ukoll l-intervent tal-fornitur tal-pakketti bis-satellita għandhom ikunu jinsabu esklużivament fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni kkonċernata, peress li tali fornitur jillimita ruħu, fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu flimkien mal-organizzazzjoni tax-xandir, li jipparteċipa fl-att oriġinali, uniku u indiviżibbli ta’ trażmissjoni bis-satellita.

18      Jekk dan ma jkunx il-każ, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn l-atti konkreti ta’ sfruttament ta’ dan il-fornitur jiksru d-drittijiet tal-awtur minħabba li pubbliku ġdid ikun potenzjalment affettwat fl-Istat Membru ta’ riċezzjoni ta’ dawn is-sinjali. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-fatt li, fil-pakketti bis-satellita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi fornitur joffri wkoll programmi tat-televiżjoni bla ħlas huwiex rilevanti, peress li dawn il-programmi huma diġà liberament aċċessibbli għal kull utent fiż-żona ta’ kopertura.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 1(2)(b) tad-[Direttiva 93/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex biss l-organizzazzjoni tax-xandir, iżda wkoll fornitur ta’ pakkett ta’ satelliti involut fl-att indiviżibbli u uniku tax-xandir, li jwettaq att ta’ użu – li fi kwalunkwe każ jeħtieġ kunsens – biss fl-Istat fejn, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jittrażmettu l-programm jiġu inklużi f’katina ta’ komunikazzjoni mhux interrotta diretta li twassal għas-satellita u lura lejn id-dinja, bil-konsegwenza li l-involviment tal-fornitur tal-pakkett ta’ satelliti fl-att tax-xandir ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fl-Istat ta’ riċezzjoni?

2.      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 1(2)(a) u (c) tad-Direttiva 93/83 kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2001/29], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ pakkett ta’ satelliti li jkun involut bħala operatur ieħor f’komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, jiġbor f’pakkett kompost minnu, diversi sinjali kriptati ta’ definizzjoni għolja ta’ programmi televiżivi b’xejn u bi ħlas ta’ diversi organizzazzjonijiet tax-xandir u joffri bi ħlas il-prodott indipendenti awdjoviżiv kompost b’dan il-mod lill-konsumaturi tiegħu, għandu jikseb awtorizzazzjoni separata mingħand id-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati anki fir-rigward tal-kontenut protett fil-programmi televiżivi b’xejn inklużi fil-pakkett ta’ programmi, minkejja li f’dan ir-rigward huwa sempliċement jagħti aċċess lill-konsumaturi tiegħu għal xogħlijiet diġà aċċessibbli gratwitament lil kulħadd fiż-żona tax-xandir, għalkemm bi kwalità ta’ definizzjoni standard ta’ livell inferjuri?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita huwa obbligat jikseb, għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li jipparteċipa fih, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati, din l-awtorizzazzjoni għandhiex tinkiseb, bħal dik mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernat, biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita.

21      Skont l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita sseħħ biss fl-Istat Membru li fih, taħt il-kontroll u responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jittrażmettu l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

22      Sabiex tapplika r-regola stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, għandu jkun hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(2)(a) u (ċ), fejn dawn id-dispożizzjonijiet jimponu kundizzjonijiet kumulattivi għal dan l-għan. Għaldaqstant, trażmissjoni tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” waħda jekk, l-ewwel, din tiġi attivata minn “att ta’ introduzzjoni” ta’ sinjali li jittrażmettu programmi mwettqa “taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir”; it-tieni, dawn is-sinjali jiġu introdotti “f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja”; it-tielet, l-imsemmija sinjali jkunu “maħsuba għal reception mill-pubbliku”, u r-raba’ nett, fil-każ fejn l-istess sinjali huma kriptati, l-apparati ta’ dekodifikazzjoni tagħhom għandhom “ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 52).

23      Fir-rigward ta’ trażmissjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kemm trażmissjoni indiretta kif ukoll trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi kollha, għandhom jiġu kkunsidrati, kull waħda minnhom, bħala li tikkostitwixxi komunikazzjoni waħda lill-pubbliku permezz tas-satellita u għalhekk bħala indiviżibbli. Madankollu, l-indiviżibbiltà ta’ tali komunikazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2)(a) u (ċ), ma tfissirx li l-intervent tal-fornitur ta’ pakkett bis-satellita f’din il-komunikazzjoni jista’ jitwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 69 u 70).

24      Fil-fatt, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, moqri flimkien mal-premessa 17 tagħha, jirriżulta li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għandhom jawtorizzaw kull komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita tax-xogħlijiet protetti u li sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni xierqa ta’ dawn id-detenturi għal tali komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri kollha tax-xandir, bħan-numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 71 u 73).

25      Tali awtorizzazzjoni għandha b’mod partikolari tinkiseb mill-persuna li tagħti bidu għal din il-komunikazzjoni jew li tintervjeni fiha, b’tali mod li tagħmel, permezz tal-imsemmija komunikazzjoni, ix-xogħlijiet protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi tax-xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lil persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 72).

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83, komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinbeda mill-organizzazzjoni tax-xandir li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha s-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita. Barra minn hekk, huwa stabbilit li din l-organizzazzjoni tagħmel ix-xogħlijiet protetti aċċessibbli, bħala regola ġenerali, għal pubbliku ġdid. Konsegwentement, din l-organizzazzjoni hija obbligata tikseb l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punt 75).

27      Sa fejn, b’applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, tali komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita titqies li sseħħ biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita, l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-obbligu li tikseb din l-awtorizzazzjoni biss f’dan l-Istat Membru.

28      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għal tali komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri kollha tax-xandira kkonċernata, bħan-numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi ta’ din tal-aħħar Għaldaqstant, meta parti minn numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi tkun tinsab fi Stati Membri differenti minn dak li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi jkun introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita, huma, skont il-każ, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva kkonċernati li għandhom isibu soluzzjonijiet adegwati sabiex jiżguraw ħlas ekwu għal dawn id-detenturi.

29      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li operaturi oħra jintervjenu fil-kuntest ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, b’tali mod li jagħmlu aċċessibbli x-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti lil pubbliku iktar wiesa’ minn dak intiż mill-organizzazzjoni tax-xandar ikkonċernat, jiġifieri pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet jew ta’ dawn l-oġġetti meta huma awtorizzaw l-użu ta’ dawn tal-aħħar minn din l-organizzazzjoni. F’tali każ, l-intervent ta’ dawn l-operaturi ma huwiex kopert mill-awtorizzazzjoni mogħtija lill-imsemmija organizzazzjoni. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ meta operatur ikabbar iċ-ċirku ta’ persuni li jkollhom aċċess għal din il-komunikazzjoni u b’hekk jagħmel ix-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal, C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 76 u 77).

30      Issa, mill-kliem tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83 u mill-istruttura ta’ dan l-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) jirriżulta li, fil-każ fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita jkun obbligat li jikseb, għall-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li jipparteċipa fiha, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati, din l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb, bħal dik mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernat, biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita.

31      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan li għandu l-intenzjoni li jilħaq l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-premessi 5 u 14 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-inċertezza legali li tirriżulta mid-differenzi li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur tikkostitwixxi ostakolu dirett għall-moviment liberu tal-programmi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li l-inċertezza legali dwar id-drittijiet li għandhom jinkisbu, li tostakola t-trażmissjoni mill-ġdid transkonfinali ta’ programmi bis-satellita, hija meqjusa bħala eskluża mid-definizzjoni tal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita fuq livell tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali għall-istess att ta’ xandir. Min-naħa l-oħra, l-premessa 15 tal-imsemmija direttiva żżid tgħid li l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir għandu jkun konformi mal-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-seħħ fl-Istat Membru li fih isseħħ il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita;

32      Għaldaqstant, mill-premessi 5, 14 u 15 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-Artikolu 1(2)(b) tagħha huwa intiż sabiex jiżgura li kull “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) u (ċ), tkun suġġetta esklużivament għal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-seħħ fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għal dan l-għan li fornitur ta’ pakketti bis-satellita jkollu jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati wkoll fi Stati Membri oħra.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita jkun obbligat jikseb, għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li jipparteċipa fih, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati, din l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb, bħal dik mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernata, biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita.

 Fuq ittieni domanda

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita jkun obbligat jikseb, għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li jipparteċipa fih, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati, din l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb, bħal dik mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernata, biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.