KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑22 ta’ Settembru 2022 (1)
Kawża C-395/21
D.V.
vs
M.A.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il‑Qorti Suprema, il-Litwanja))
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżola kuntrattwali li tiddetermina l-ammont ta’ remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi permezz ta’ rata fis-siegħa
I. Introduzzjoni
1. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ġie fformulat fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħlas ta’ onorarji dovuti lil persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi lill-klijent.
2. Peress li kellha dubji dwar il-possibbiltà li jiġi rrikonoxxut li l-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi jikkostitwixxu klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE (2), il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-analiżi tal-ħames u tas-sitt domanda preliminari.
3. Il-ħames u s-sitt domanda preliminari huma fformulati fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel erba’ domandi preliminari tkun fis-sens li jkollu jitqies li l-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi huma inġusti. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kuntratti inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ wara l-eliminazzjoni ta’ dawn il-klawżoli. Il-ħames u s-sitt domanda jirrigwardaw il-konsegwenzi li, bla ħsara għad-Direttiva 93/13, jistgħu jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli f’sitwazzjoni li fiha diġà ġew ipprovduti servizzi ġuridiċi.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
5. L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
B. Id‑dritt Litwan
6. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ġew trasposti fil-Kodiċi Ċivili Litwan. Minn dawn jirriżulta li fil-każ li qorti tiddikjara li klawżola kuntrattwali hija inġusta, dik il-klawżola tkun nulla sa mill-konklużjoni tal-kuntratt – iżda l-klawżoli l-oħra tal-kuntratt jibqgħu vinkolanti għall-partijiet sa fejn ikun possibbli li l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.
7. L-Artikolu 50(3) tal-Advokatūros įstatymas (il-Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat), tat‑18 ta’ Marzu 2004 (Žin. 2004, Nru 50–1632) jipprovdi:
“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ onorarji dovut lil avukat għas-servizzi ġuridiċi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ kumplessità tal-kawża, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-avukat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent kif ukoll ċirkustanzi rilevanti oħra.”
8. Rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu tat-tariffa għall-assistenza pprovduta minn avukat (advokatas) jew minn avukat staġista, mogħtija fil-qasam ċivili kienu ġew approvati permezz tad-Digriet Nru 1R-85 tal-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja tat‑2 ta’ April 2004, u permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kamra tal-Avukati Litwana tas‑26 ta’ Marzu 2004 (fil-verżjoni fis-seħħ mill‑20 ta’ Marzu 2015). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet japplikaw għad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
III. Il‑fatti fil‑kawżi prinċipali
9. F’din il-kawża, il-konvenut fil-kawża prinċipali kkonkluda ħames kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi mar-rikorrenti. Dawn kienu jikkonċernaw ir-rappreżentanza tal-konvenut fil-kawża prinċipali (i) f’kawża ċivili dwar il-konstatazzjoni li ċerti beni huma koperti mis-sistema tal-koproprjetà, ii) f’kawża ċivili dwar l-istabbiliment tal-post ta’ residenza tal-ulied minuri, dwar id-dritt li jidħol f’kuntatt magħhom u dwar l-ammont tal-manteniment (iii) fil-ftuħ ta’ investigazzjoni mibdija quddiem il-Kummissarjat tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Prosekutur u (iv) f’investigazzjoni quddiem dawn l-awtoritajiet kif ukoll (v) f’kawża ta’ divorzju.
10. Dawn il-kuntratti jistipulaw li l-avukat jintrabat li jagħti konsulenza, oralment jew bil-miktub, jipprepara abbozzi ta’ dokumenti ġuridiċi u jiffirmahom, iwettaq verifika ġuridika fuq id-dokumenti kif ukoll li jirrappreżenta lill-klijent quddiem diversi awtoritajiet filwaqt li jwettaq attivitajiet relatati.
11. Huma jipprovdu wkoll li l-ammont ta’ onorarji tal-avukat jammonta għal EUR 100 għal kull siegħa ta’ konsulenza mogħtija lill-klijent jew ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi. Parti minn din ir-remunerazzjoni kellha titħallas immedjatament wara l-ħruġ, mill-avukat, ta’ kont għas-servizzi ġuridiċi li jieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ sigħat iddedikati għall-konsulenza jew għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi.
12. Barra minn hekk, skont it-termini tad-diversi kuntratti, il-konvenut fil-kawża prinċipali kellu jħallas ċerti somom bħala akkont. Fuq din il-bażi, huwa ħallas is-somma ta’ EUR 5 600.
13. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pprovdiet servizzi fil-perijodi minn April sa Diċembru 2018 kif ukoll minn Jannar sa Marzu 2019.
14. Fil‑21 u fis‑26 ta’ Marzu 2019, hija ppreżentat kontijiet għas-servizzi ġuridiċi li pprovdiet lill-konvenut fil-kawża prinċipali.
15. Fl‑10 ta’ April 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza talba intiża sabiex il-konvenut fil-kawża prinċipali jiġi kkundannat iħallasha EUR 9 900 għat-twettiq ta’ servizzi ġuridiċi u EUR 194.30 bħala rimbors għal infiq sostnut minnha, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.
16. Il-qorti tal-ewwel istanza qieset li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet twettaq servizzi li għalihom kellha tkun intitolata għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ EUR 12 900. Fl-istess waqt, din il-qorti qieset ukoll li l-klawżoli kuntrattwali dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi kienu inġusti u naqqset bin-nofs l-ammont tar-remunerazzjoni għal EUR 6 450.
17. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali diġà ħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somma ta’ EUR 5 600, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li s-somma ta’ EUR 850 kienet dovuta lilha, flimkien ma’ ammont ta’ EUR 194.30 bħala spejjeż sostnuti. Hija ddeċidiet ukoll fuq l-interessi u l-ispejjeż.
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Din ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni tal-qorti tal-appell li kontriha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
19. Skont il-qorti tar-rinviju żewġ klawżoli li jinsabu fil-kuntratti inkwistjoni huma essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima bejn il-partijiet: (i) il-klawżola kuntrattwali dwar id-determinazzjoni tal-ispiża għas-servizzi effettivament imwettqa abbażi ta’ rata fis-siegħa u (ii) il-klawżola kuntrattwali li tirrigwarda l-arranġamenti għall-ħlas għal servizzi ġuridiċi. Jekk fil-kuntratt tissemma rata fis-siegħa, iżda ma jissemmewx f’iktar dettall il-portata u t-tul ta’ servizzi ġuridiċi speċifiċi kif ukoll l-ammont tal-ispejjeż definittivi previsti, il-klijent seta’ ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa l-portata tas-servizzi li jeħtieġ u l-ispiża definittiva tagħhom.
20. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher, f’ċerti partijiet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tagħmel riferiment separat għall-klawżola kuntrattwali dwar ir-rata fis-siegħa u għal dik dwar il-modalitajiet ta’ ħlas għas-servizzi ġuridiċi, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet miniex ser nittrattahom b’mod separat iżda ser niddefinixxihom bħala klawżola kuntrattwali dwar ir-remunerazzjoni.
21. Fil-fatt, il-ħames u s-sitt domanda preliminari jirrigwardaw il-konsegwenzi li, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 93/13, għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola kuntrattwali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-assenza ta’ din il-klawżola, il-kuntratti inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu japplikaw – bil-konsegwenza li tiġi ddikjarata l-invalidità tagħhom.
22. Skont il-qorti tar-rinviju, il-konsegwenza, li tirriżulta fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 93/13, hija s-sitwazzjoni fejn il-klawżola kuntrattwali dwar ir-remunerazzjoni tiġi ttrattata bħallikieku qatt ma kienet vinkolanti għall-konsumatur. Dan ikun ifisser li l-qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta li tagħti lil avukat onorarji għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi.
23. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk il-fatt li tinsilet tali konsegwenza mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratti inkwistjoni jmurx kontra l-prinċipju ta’ remunerazzjoni tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi. It-tieni, sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, tali konsegwenza tikkostitwixxi sanzjoni xierqa għall-bejjiegħ jew fornitur għall-użu ta’ klawżoli inġusti, jista’ jkun hemm dubji dwar jekk tali sanzjoni, fil-każ fejn l-avukat ma jirċievi ebda remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti, twassalx għal arrikkiment indebitu tal-konsumatur u toħloqx riżultat manifestament inġust.
24. Min-naħa l-oħra, billi tistaqsi dwar il-possibbiltà li jingħataw onorarji ta’ ċertu ammont lill-avukat, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk il-ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li l-konstatazzjoni ta’ klawżola inġusta relatata mal-prezz kuntrattwali tippermettix lill-qorti tnaqqas il-prezz tas-servizzi pprovduti jew li tagħti l-prezz tal-kost jew il-prezz tas-suq l-iktar baxx possibbli teliminax l-effett dissważiv u, bħala tali, tmurx kontra l-għan għal żmien twil tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.
IV. Il‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u d‑domandi preliminari
25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2021, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw il-ħames u s-sitt domanda preliminari, li huma fformulati kif ġej:
“5. Il-fatt li kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi ma jkunx vinkolanti meta klawżola kuntrattwali dwar il-prezz tkun ġiet iddikjarata inġusta, kif jipprevedi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jimplika li għandha tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet? L-istabbiliment mill-ġdid ta’ din is-sitwazzjoni jkun ifisser li l-konsumatur ma għandux l-obbligu li jħallas għas-servizzi diġà pprovduti?
6. Jekk in-natura tal-kuntratt ta’ servizzi remunerati jkollha l-konsegwenza li jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun fiha l-konsumatur li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet (filwaqt li s-servizzi diġà jkunu ġew ipprovduti), l-istabbiliment tar-remunerazzjoni tal-avukat għas-servizzi pprovduti [minnu] ma jkunx imur kontra l-għan tal-Artikolu [7(1)] tad-Direttiva 93/13? Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, il-bilanċ effettiv, li permezz tiegħu tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kuntratt, jiġi ppreġudikat:
(i) kieku l-avukat kien jitħallas għas-servizzi pprovduti skont rata fis-siegħa prevista mill-kuntratt;
(ii) kieku l-avukat kien [imħallas] skont tariffa minima għas-servizzi ġuridiċi (pereżempju dik prevista minn att legali nazzjonali jew mir-rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu tar-remunerazzjoni għall-assistenza pprovduta mill-avukat); jew
(iii) kieku livell ta’ remunerazzjoni raġonevoli għas-servizzi, stabbilit mill-qorti, kellu jitħallas lill-avukat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-kawża, tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-avukat, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent u taċ-ċirkustanzi importanti l-oħra?”
26. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Litwan u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta.
V. Analiżi
27. Permezz tal-ħames u s-sitt domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi u dawn il-provvisti jkunu twettqu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali, minflok ma tikkundanna lil dan il-bejjiegħ jew fornitur għal kumpens ta’ ċertu ammont, tiċħad kompletament l-azzjoni għall-ħlas ippreżentata minn dan il-bejjiegħ jew fornitur kontra l-konsumatur.
28. F’dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li l-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza fil-kawża prinċipali naqqsu r-remunerazzjoni tas-servizzi ġuridiċi pprovduti bin-nofs (3). Għalkemm il-qorti tar-rinviju hija adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza, dawn il-ħames u s-sitt domanda preliminari ma humiex limitati għall-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix tali tnaqqis tar-remunerazzjoni.
29. Huwa minnu li, fl-espożizzjoni tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-direttiva, tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, li tawtorizza, minbarra l-ordni ta’ ħlas tal-prezz ta’ dawn is-servizzi jew tal-prezz tas-suq l-iktar baxx possibbli, il-possibbiltà li r-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti titnaqqas (4).
30. Madankollu, il-ħames domanda preliminari hija intiża biss sabiex isir magħruf jekk, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, li twassal għall-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu, tistax twassal għal sitwazzjoni li fiha l-bejjiegħ jew fornitur b’mod ġenerali ma jikseb ebda remunerazzjoni għas-servizzi ġuridiċi pprovduti.
31. Min-naħa l-oħra, fil-formulazzjoni tas-sitt domanda preliminari l-qorti tar-rinviju ssemmi tliet ipoteżijiet li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont ta’ tali remunerazzjoni skont (i) il-kuntratti kontenzjużi jew (ii) l-ispiża minima tas-servizzi ġuridiċi, iddeterminata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (5) jew (iii) iċ-ċirkustanzi li jippermettu li din ir-remunerazzjoni tiġi ddeterminata f’ammont “raġonevoli”. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax jekk l-ipoteżijiet eżaminati minnha jikkonsistux fiż-żamma fis-seħħ tal-kuntratti kontenzjużi u l-emenda tal-kontenut tagħhom jew fl-għoti tar-remunerazzjoni għal servizzi ġuridiċi abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Litwan dwar is-servizzi pprovduti mingħajr bażi legali.
32. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma fihx informazzjoni dwar il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tar-rinviju waqt l-eżami tal-appell fil-kassazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-ħames u s-sitt domanda preliminari jirrigwardaw l-istess problematika bħal dik imqajma quddiem dik il-qorti. Huma jirrigwardaw il-konsegwenzi li għalihom twassal il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, li min-naħa tagħha twassal għall-invalidità tal-kuntratt. Għalhekk nipproponi li dawn id-domandi jiġu eżaminati flimkien.
33. Qabel ma ngħaddi għall-eżami tad-domandi preliminari, ser nesponi l-osservazzjonijiet imressqa mill-partijiet ikkonċernati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Sussegwentement ser nindirizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u r-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza għal din il-kawża. Fuq din il-bażi, nipproponi risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula.
A. Il‑pożizzjonijiet tal‑persuni kkonċernati
34. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ġuridiċi jikkonċernaw il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, u ġew redatti b’mod ċar u li jinftiehem u, bħala tali, ma jistax isir eżami mill-perspettiva tan-natura inġusta tagħhom.
35. Għaldaqstant huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tesprimi l-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-ħames u s-sitt domanda preliminari. Hija tqis li, peress li s-servizzi ġuridiċi diġà ġew ipprovduti abbażi tal-kuntratti inkwistjoni, minħabba n-natura tal-kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ servizzi bi ħlas, huwa impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur li kieku din il-klawżola ma ġietx inkluża fil-kuntratti kontenzjużi. Interpretazzjoni kuntrarja, li tippermetti lill-qorti nazzjonali tibdel il-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni bejn il-partijiet u li tittrasformaha f’kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas, tqiegħed inkwistjoni s-sustanza tal-kuntratti inkwistjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tidher ukoll li ssostni li tnaqqis tal-ammont tar-remunerazzjoni, kif imwettaq minn din il-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali, ma jdgħajjifx l-effett dissważiv meħtieġ mid-Direttiva 93/13.
36. Il-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż hija fl-istess sens, li wkoll tirreferi għas-sitt domanda preliminari b’mod esklużivament sussidjarju. Skont dan il-gvern, klawżola inġusta dwar ir-remunerazzjoni ta’ servizzi ġuridiċi tista’ tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni supplettiva dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ tali servizzi.
37. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Litwan huwa tal-opinjoni li, meta s-servizzi ġuridiċi jkunu twettqu minn avukat b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt li l-klawżoli tiegħu jkunu ġew iddikjarati inġusti, il-qorti nazzjonali għandha tagħti lill-avukat onorarji billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-grad ta’ kumplessità tal-kawża, il-kompetenzi u l-esperjenza tal-avukat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent u ċirkustanzi rilevanti oħra, fid-dawl tal-għan ta’ prevenzjoni tal-użu tal-klawżoli inġusti.
38. Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni differenti. Hija tqis li l-klawżoli kuntrattwali dwar ir-remunerazzjoni li ġew iddikjarati inġusti ma jistgħux jipproduċu effetti ġuridiċi. Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-qorti nazzjonali tista’ tevita l-annullament ta’ kuntratt billi klawżola inġusta tiġi ssostitwita permezz ta’ dispożizzjoni supplettiva, sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jiġi espost għal “konsegwenzi partikolarment dannużi”, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, ma hemmx lok li wieħed jirreferi għas-soluzzjoni żviluppata minn din il-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni tqis li ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li l-annullament tal-kuntratti kontenzjużi jista’ jkollu tali “konsegwenzi” għall-konsumatur.
B. Il‑ġurisprudenza dwar il‑konsegwenzi tat‑tneħħija ta’ klawżola inġusta f’sitwazzjoni li fiha l‑kuntratt jista’ jibqa’ fis‑seħħ mingħajr din il‑klawżola
39. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, il-qorti nazzjonali tkun tista’ tbiddel il-kontenut ta’ din il-klawżola minflok sempliċement ma tapplikahiex għall-evalwazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur (6). Il-qorti nazzjonali lanqas ma tista’, bħala prinċipju, tapplika, minflok klawżola kuntrattwali inġusta, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplettiva li tirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ikkonċernati minn din il-klawżola.
40. Dan huwa kkonfermat mis-sentenza Dexia Nederland (7), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-Direttiva 93/13 tipprekludi li, ladarba tiġi ddikjarata inġusta klawżola li tipprevedi l-ħlas ta’ danni lill-bejjiegħ jew fornitur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-konsumatur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-bejjiegħ jew il-fornitur ikun jista’ jitlob il-kumpens legali previst minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplettiva li kienet tkun applikabbli fl-assenza tal-imsemmija klawżola.
41. L-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-ammonti.
42. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talbiet restitutorji tikkonċerna qabel kollox il-pretensjonijiet li l-konsumatur jindirizza fil-konfront ta’ bejjiegħ jew fornitur. Dan jista’ jiġi spjegat mill-kontenut tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klawżoli inġusti “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur” u mhux li lanqas ma jkunu jorbtu lill-bejjiegħ jew fornitur. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha twassal, tal-inqas bħala prinċipju, għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur li kien ikun jinsab fiha fl-assenza ta’ dik il-klawżola (Artikolu 6(1) tad-Direttiva) (8). Din ma hijiex kwistjoni ta’ ekwivalenza tal-provvista ta’ servizzi tal-konsumatur u tal-bejjiegħ jew fornitur, iżda ta’ garanzija li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma jkollhiex biss portata simbolika, u li l-konsumatur ma jibqax ibati l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-inserzjoni fil-kuntratt ta’ klawżola li toħloq drittijiet u obbligi tal-partijiet f’dan il-kuntratt għad-detriment tal-interessi tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-assenza ta’ effett restitutorju hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-effett dissważiv li permezz tiegħu d-direttiva tfittex li tiżgura li l-bejjiegħa jew fornituri ma jagħmlux użu minn klawżoli kuntrattwali inġusti (Artikolu 6(1) tad-Direttiva flimkien mal-Artikolu 7(1)) (9).
43. Huwa minnu li fis-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (10)il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, f’każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi li l-konsumatur iħallas l-ispejjeż kollha tal-kostituzzjoni u tar-rilaxx tal-ipoteka, il-qorti nazzjonali tirrifjuta l-ħlas lura lill-konsumatur tal-ammonti mħallsa abbażi tal-imsemmija klawżola, sakemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkunu japplikaw fin-nuqqas tal-klawżola msemmija ma jkunux jimponu fuq il-konsumatur il-ħlas tat-totalità jew ta’ parti minn dawn l-ispejjeż.
44. Għalkemm, fid-duttrina, din is-sentenza tqajjem ċertu numru ta’ dubji ta’ interpretazzjoni (11), huwa għall-finijiet ta’ koerenza mal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 93/13 li jidher li din għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda pretensjonijiet restitutorji u mhux is-sostituzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali b’dispożizzjoni supplettiva jew l-emenda tal-kontenut tal-kuntratt. Jidher li dawn kienu pretensjonijiet restitutorji intiżi sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-ispejjeż finalment sostnuti mhux fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur parti fil-kuntratt (anki jekk, indirettament, il-fondi intiżi sabiex jiffinanzjaw dawn l-ispejjeż kellhom jitħallsu lura lil dan l-operatur), iżda fir-rigward ta’ terzi.
45. Huwa għalhekk possibbli li din is-sentenza tinqara fis-sens li din kienet tirrigwarda klawżola kuntrattwali li permezz tagħha l-konsumatur kien obbligat iħallas l-ispejjeż kollha ta’ kostituzzjoni u ta’ rilaxx tal-ipoteka. Peress li tali klawżola ma toħloqx effetti fir-rigward ta’ dan il-konsumatur fir-relazzjonijiet tiegħu mal-bejjiegħ jew fornitur, waqt l-eżami tal-pretensjonijiet ta’ natura restitutorja jista’ jkun hemm regoli nazzjonali li jipprevedu li huwa l-konsumatur li għandu jbati l-ispejjeż relatati mat-terzi. F’tali sitwazzjoni, li tintlaqa’ t-talba għal restituzzjoni tal-konsumatur fil-fatt tkun tirrikjedi sostituzzjoni, li fid-dawl tal-ġurisprudenza hija inammissibbli, ta’ klawżola kuntrattwali permezz ta’ dispożizzjoni supplettiva jew emenda tal-kontenut tal-klawżola kontenzjuża sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-bejjiegħ jew fornitur huwa marbut jeħles lill-konsumatur mid-dejn li dan tal-aħħar għandu taħt dawn ir-regoli nazzjonali.
46. Irrispettivament mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (12), minn din ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet li l-portata tagħhom tmur wisq lil hinn minn din il-kawża. Din kienet tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li ma kinitx titratta mhux d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-bejjiegħ jew fornitur u tal-konsumatur iżda l-obbligi ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ terzi. B’mod iktar importanti, din is-sentenza tikkonċerna sitwazzjoni li fiha kuntratt jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, filwaqt li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-possibbiltà li l-kuntratti inkwistjoni jibqgħu fis-seħħ mingħajr klawżola ta’ remunerazzjoni tidher dubjuża.
C. Il‑ġurisprudenza dwar is‑sitwazzjonijiet li fihom il‑kuntratt ma jistax jibqa’ fis‑seħħ fid‑dawl tad‑dritt nazzjonali
47. Ejja nħarsu lejn il-ġurisprudenza dwar il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-każ fejn, skont id-dritt nazzjonali, il-kuntratt ma jistax jibqa’ fis-seħħ mingħajr din il-klawżola. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mingħajr klawżola dwar remunerazzjoni, ma huwiex possibbli li l-kuntratti inkwistjoni jibqgħu jiġu eżegwiti, u dan iwassal għan-nullità tagħhom. L-evalwazzjoni definittiva ta’ din id-domanda għandha titħalla f’idejn il-qorti nazzjonali (13).
48. Mill-ġurisprudenza attwali l-Qorti tal-Ġustizzja tislet il-konklużjoni li fis-sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali tikkonstata li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, ma huwiex possibbli li jinżamm fis-seħħ kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti li jinsabu fih, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li, bħala prinċipju, dan il-kuntratt jiġi invalidat (14).
49. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi li l-invalidità ta’ kuntratt tikkawża għall-konsumatur jistgħu jikkostitwixxu l-ostakolu li jirriżulta mill-invalidità ta’ dak il-kuntratt.
50. Skont is-sentenza Kásler (15), li tat lok għal ġurisprudenza żviluppata u preċiża fid-deċiżjonijiet preliminari segwenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’ tissostitwixxi klawżola kuntrattwali inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplettiva jew b’dispożizzjoni applikabbli meta l-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni jkunu taw il-kunsens tagħhom għal dan. Il-possibbiltà ta’ tali sostituzzjoni hija limitata mill-ġurisprudenza għall-każijiet fejn, minħabba l-invalidità ta’ kuntratt, il-konsumatur jista’ jiġi espost għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” (16).
51. Minflok il-klawżoli inġusti, jistgħu jiġu applikati dispożizzjonijiet li jirriflettu l-bilanċ li l-leġiżlatur nazzjonali xtaq jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti fil-każ fejn il-partijiet ma jkunux tbiegħdu min-norma standard stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għall-kuntratti inkwistjoni. Madankollu, il-klawżoli inġusti ma jistgħux jiġu ssostitwiti biss mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li ma kinux is-suġġett ta’ analiżi speċifika tal-leġiżlatur sabiex jiġi stabbilit bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet fil-kuntratt, liema dispożizzjonijiet jipprevedu li l-effetti espressi fl-att ġuridiku għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwità jew ta’ użanzi stabbiliti (17).
52. F’waħda mid-digrieti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tawtorizza l-possibbiltà li l-konsumatur jiġi protett minn “konsegwenzi partikolarment dannużi” billi tiddetermina, abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, iċ-ċirkustanzi li fihom il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali inġusti b’mod li jitbiegħed miċ-ċirkustanzi li ġew deskritti fil-kuntratt (18).
53. Fl-interess tal-koerenza ta’ dan id-digriet mal-ġurisprudenza inkwistjoni hawnhekk, jidhirli li dan id-digriet għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi kwalunkwe każ u f’tali każ, ikollhom jiġu identifikati l-elementi li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għas-sostituzzjoni tal-klawżoli inġusti b’dispożizzjonijiet supplettivi u, fuq kollox, li tali ndħil mill-qorti ma jippreġudikax l-effettività tad-Direttiva 93/13 u t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha.
54. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza Banca B. (19), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 93/13 ma għandhiex l-għan li tipproponi soluzzjonijiet uniformi fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, jidhru wkoll li huma magħmula f’dan l-ispirtu.
55. Minn naħa, il-qorti għandha tiżgura li tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet li l-eżistenza tagħha tkun tqiegħdet f’dubju b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta fil-konfront tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi żgurat li l-bejjiegħ jew fornitur jiġi skoraġġut milli jinkludi tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri lill-konsumaturi (20).
56. Bħala prinċipju, dawn l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva jistgħu jintlaħqu, “fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali”, sempliċement billi ma tiġix applikata, fir-rigward tal-konsumatur, il-klawżola inġusta kkonċernata jew, jekk il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżola ddikjarata inġusta, billi tiġi ssostwita b’dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura supplettiva. Madankollu, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma jeżawrixxux is-soluzzjonijiet kollha possibbli (21).
57. B’hekk, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet supplettivi li bis-saħħa tagħhom jista’ jiġi evitat l-annullament ta’ kuntratt li jinkludi klawżoli kuntrattwali inġusti u l-invalidità tal-kuntratt tkun tesponi lil dan il-konsumatur għal xi “konsegwenzi partikolarment dannużi”, l-intervent tal-qorti nazzjonali huwa permess (hija tista’ tieħu “il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jikkawża”), iżda l-eżerċizzju minn din il-qorti tal-prerogattivi tagħha ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ abbażi ta’ kuntratt bejn il-partijiet kuntrattwali, u b’hekk il-konsumatur ikun protett mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-invalidità tal-imsemmi kuntratt jista’ jkollha, bla ħsara għall-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 93/13 (22). Il-possibbiltà li l-kontenut tal-klawżoli inġusti jiġi emendat jew limitat liberament tibqa’ eskluża.
D. Il‑konsegwenzi tal‑konstatazzjoni tan‑natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar ir‑remunerazzjoni tas‑servizzi ġuridiċi
58. Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kásler ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi li fihom, minħabba n-natura monetarja tat-trasferimenti bejn il-partijiet fil-kuntratti u l-possibbiltà li jiġu eżerċitati talbiet ta’ natura restitutorja, jidher, bħala prinċipju, possibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet tipprevali li kieku l-kuntratt ma kienx ġie konkluż (23). Madankollu, it-twettiq ta’ tali sitwazzjoni jkun iwassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” għall-konsumatur preċiżament minħabba pretensjonijiet ta’ natura restitutorja u fuq kollox minħabba l-eżiġibbiltà relatata immedjata tal-pretensjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għar-rimbors tal-kapital mogħti lill-konsumatur.
59. Fil-fatt, il-protezzjoni żgurata mid-Direttiva 93/13 lill-konsumaturi ma tasalx sal-punt li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jneħħu, mingħajr eċċezzjoni, l-effetti kollha tal-att ġuridiku li fih klawżola inġusta tkun ġiet inkluża, daqslikieku l-klawżoli kollha tal-kuntratt ikkonċernat kienu inġusti (24). Dan jirriżulta mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jorbot is-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma’ klawżola kuntrattwali inġusta u mhux mal-kuntratt kollu li fih din il-klawżola hija inkluża.
60. L-għoti ta’ risposta għad-domanda dwar liema huma l-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt għall-partijiet u, b’mod partikolari, dwar jekk u kif is-sitwazzjoni tagħhom għandha titreġġa’ lura għas-sitwazzjoni li kienet tipprevali li kieku l-kuntratt ma kienx ġie konkluż jitħalla, għall-inqas bħala prinċipju, għad-dritt nazzjonali.
61. Bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali li jiddeċiedi jekk, wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta konformement mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-kuntratt jistax jibqa’ fis-seħħ. Huwa wkoll id-dritt nazzjonali li jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li ġġib magħha n-nullità tal-kuntratt, minkejja li l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nullità tiegħu ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u jmorru kontra l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.
62. Mis-sentenza Lombard Pénzügyi és Lízing (25)jirriżulta li, anki jekk il-qorti nazzjonali tqis li ma huwiex possibbli li s-sitwazzjoni tal-partijiet titreġġa’ għal dik li kienu jkunu jinsabu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż, għalkemm id-dritt nazzjonali jeżiġi dan, dan l-indħil mill-qorti nazzjonali fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet ma jeżentax lil din il-qorti mill-obbligu tagħha li tiżgura li l-konsumatur ikun jinsab b’mod definittiv fis-sitwazzjoni li fiha kien ikun jinsab li kieku l-klawżola ddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet.
63. Bħalma l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina b’mod definittiv jekk l-annullament ta’ kuntratt li fih klawżoli ddikjarati inġusti jesponix lill-konsumatur għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” (26), hija wkoll din il-qorti li għandha tevalwa jekk huwiex possibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-partijiet fil-kuntratt li fiha kienu jkunu jinsabu li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż (27).
64. Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jidher li joħroġ is-suġġeriment li, fid-dawl tan-natura tal-kuntratti ta’ servizzi ġuridiċi inkwistjoni u fid-dawl tal-fatt li dawn is-servizzi twettqu, fil-kawża prinċipali ma huwiex possibbli, skont il-qorti tar-rinviju, li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur kien ikun jinsab li kieku l-klawżoli inġusti ma kinux ġew inklużi f’dawn il-kuntratti.
65. Jekk dan is-suġġeriment għandu jinftiehem fis-sens li l-konsumatur ma jistax b’xi mod “jagħti lura” s-servizzi li jingħatawlu, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali huwiex kompatibbli ma’ din is-sitwazzjoni u jekk jagħtix xi pretensjonijiet lill-parti li tkun ipprovdiet dawn is-servizzi b’konsegwenza tal-annullament tal-kuntratt.
66. Jekk id-dritt nazzjonali jitlob risposta fl-affermattiv għad-domanda hekk ifformulata, id-Direttiva 93/13 ma teżiġix “salvataġġ” speċifiku tal-kuntratt qabel l-annullament, b’mod li jiġi żgurat lill-bejjiegħ jew fornitur li daħħal klawżoli inġusti fih il-possibbiltà li jikseb remunerazzjoni bil-pretest tar-rieda li jiżgura l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt jew li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur kien ikun jinsab fl-assenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta.
67. L-ewwel, il-konsegwenzi li d-dritt nazzjonali jorbot man-nullità ta’ kuntratt ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u jkunu f’kontradizzjoni mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva (28). L-għan tagħha huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija ma timponix l-għoti ta’ livell speċifiku ta’ protezzjoni lill-bejjiegħa jew fornituri fil-każ li jiġi annullat il-kuntratt kollu minħabba l-użu, min-naħa tagħhom, ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti.
68. It-tieni, kif diġà semmejt fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur, il-punt huwa li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma għandhiex tkun ta’ natura simbolika b’detriment għall-konsumatur.
69. It-tielet, interpretazzjoni kuntrarja tad-Direttiva 93/13 tkun twassal għal sitwazzjoni fejn il-kuntratti li jinkludu klawżoli kuntrattwali inġusti jkunu sistematikament “ikkompletati” mill-qrati nazzjonali, għaliex dan ikun imur kontra l-għan ta’ dissważjoni li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva. Din hija r-raġuni għalfejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kásler tillimita l-possibbiltà ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet supplettivi minflok il-klawżoli kuntrattwali inġusti għal sitwazzjoni fejn l-annullament tal-kuntratt jista’ jwassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” għall-konsumatur.
70. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-konsumatur ma jistax “jagħti lura” s-servizzi ġuridiċi diġà pprovduti ma għandux neċessarjament ifisser li d-dritt nazzjonali ma jimponi ebda konsegwenza mat-twettiq ta’ dawn is-servizzi abbażi ta’ kuntratt li rriżulta null. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma fih ebda informazzjoni fuq din il-kwistjoni. Madankollu, jekk id-dritt Litwan jaċċetta tali tip ta’ soluzzjoni (29), tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha teżamina jekk l-annullament tal-kuntratt jagħtix lok għal “konsegwenzi partikolarment dannużi”. Għalhekk għandhom isiru xi osservazzjonijiet li jippermettu lill-qorti tar-rinviju teskludi li hija tiġi kkonfrontata b’tali sitwazzjoni.
71. Il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-konsumatur kontra eventwali “konsegwenzi dannużi” għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima li fil-kuntest tagħha titqajjem il-kwistjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali (30). Dak li huwa importanti huwa kif tiżviluppa s-sitwazzjoni ta’ dan il-konsumatur abbażi tad-dritt sostantiv mill-perspettiva ekstraġudizzjarja u ġudizzjarja kif ukoll kif tkun is-sitwazzjoni proċedurali tiegħu fi proċeduri oħra (31).
72. It-tneħħija tal-effetti ta’ att ġuridiku li fil-kuntest tiegħu l-avukat ikun aġixxa f’isem u għan-nom tal-klijent tiegħu tista’ twassal għas-sitwazzjoni fejn il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi jkollha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ kostruzzjonijiet legali oħra li, f’sitwazzjoni konkreta u fid-dawl tal-kuntest ġuridiku nazzjonali, jistgħu jipprevedu drittijiet għas-saldar ta’ dawn is-servizzi. Jistgħu jkunu involuti tali kostruzzjonijiet legali bħall-kisba ta’ servizz mhux dovut jew it-twettiq tal-affarijiet ta’ ħaddieħor mingħajr mandat (negotiorum gestio). Is-soluzzjonijiet adottati f’dan ir-rigward mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jistgħu jkunu ppreżentati b’diversi modi. Dawn jistgħu jikkonsistu fir-rimbors tal-ispejjeż inkorsi jew fil-ħlas tas-somma li tikkorrispondi għall-prezz tas-suq għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi.
73. Sabiex jitqies li l-invalidità ta’ kuntratt ta’ kreditu twassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi”, normalment huwa suffiċjenti li tali invalidità twassal għall-eżiġibbiltà immedjata tal-pretensjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għar-rimbors tal-kapital mogħti lill-konsumatur. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ invalidità ta’ kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi, is-sempliċi determinazzjoni ta’ kif ser iseħħ is-saldar bejn il-partijiet tista’ teħtieġ l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri intiżi għad-determinazzjoni tal-portata tas-servizzi mogħtija u għall-evalwazzjoni tal-valur tagħhom.
74. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jassumi li tali attivitajiet jistgħu jitwettqu b’mod awtonomu mill-konsumatur. L-invalidità ta’ kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi diġà eżegwiti tista’ tqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Dan huwa iktar u iktar essenzjali peress li n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija marbuta mal-fatt li l-konsumatur ma kellux il-possibbiltà li jevalwa l-ispiża finali tas-servizzi ġuridiċi. Għalhekk, jekk id-dritt nazzjonali jaċċetta kwalunkwe saldar tas-servizzi ġuridiċi pprovduti abbażi ta’ kuntratt li rriżulta null, it-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali dwar ir-remunerazzjoni u l-invalidità tal-kuntratt iqiegħdu lill-konsumatur f’sitwazzjoni analoga għal dik li d-Direttiva 93/13 kellha l-intenzjoni li tirrimedja.
75. Għaldaqstant, jekk, f’sitwazzjoni konkreta u fid-dawl tal-kuntest ġuridiku nazzjonali, tiġi ammessa kwalunkwe forma ta’ saldar tas-servizzi ġuridiċi pprovduti skont kuntratt li rriżulta li huwa null, għandu jiġi tendenzjalment konkluż li l-invalidità tal-kuntratt twassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” għall-konsumatur.
76. Flimkien ma’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li s-servizzi ġuridiċi jistgħu jikkonsistu fl-aġir f’isem u għan-nom tal-konsumatur fi proċeduri quddiem il-qrati u awtoritajiet pubbliċi oħra. Il-bażi tal-mandat mogħti lill-avukat sabiex jissostitwixxi ruħu għall-klijent f’dawn il-proċeduri u li jaġixxi f’ismu tista’ tikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-invalidità ta’ dan il-kuntratt hijiex mingħajr effett fuq il-validità u l-effettività tal-atti mwettqa. Ir-risposta għal din id-domanda hija mogħtija mid-dritt nazzjonali. Jekk ikun hemm dubju dwar il-validità jew l-effettività ta’ tali atti, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra li l-annullament tal-kuntratt iwassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” għall-konsumatur.
77. Jekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-invalidità tal-kuntratt tista’ twassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi”, hija tista’ tieħu miżuri intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumatur minn dawn il-konsegwenzi.
78. Tista’ tkun kwistjoni li tiġi applikata dispożizzjoni li kienet is-suġġett ta’ analiżi speċifika mil-leġiżlatur sabiex jiġi stabbilit bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet (32) jew tali ndħil fil-kontenut tal-kuntratt li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-direttiva (33).
79. Il-kontenut tas-sitt domanda preliminari jindika li l-mod kif huwa possibbli, fid-dritt Litwan, li jiġu saldati s-servizzi ġuridiċi diġà pprovduti huwa li tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni għall-provvista tagħhom sal-ammont minimu tal-ispiża ta’ dawn is-servizzi (rati minimi), kif iddefinita minn att tad-dritt nazzjonali.
80. Jiena tal-fehma li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix l-iffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni ta’ servizzi ġuridiċi b’tali mod li jipprevjeni li l-annullament ta’ kuntratt iwassal għal “konsegwenzi partikolarment dannużi” għall-konsumatur.
81. Minn naħa, dan huwa metodu ta’ ffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni tas-servizzi ġuridiċi li l-leġiżlatur jikkunsidra bħala sodisfaċenti mill-perspettiva tal-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
82. Min-naħa l-oħra, dan il-metodu ta’ ffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni tas-servizzi ġuridiċi pprovduti permezz ta’ rati minimi stabbiliti f’att tad-dritt nazzjonali jippermetti lill-konsumatur jiddeċiedi jekk jirrikorrix għall-protezzjoni ggarantita lilu mid-Direttiva 93/13 b’għarfien sħiħ tal-effetti ekonomiċi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni. Dan huwa ulterjorment importanti peress li l-konsumatur jista’ wkoll jirrinunzja għall-protezzjoni li tagħtih din id-direttiva (34). Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tinformah bil-konsegwenzi ġuridiċi li jista’ jġib miegħu l-annullament tal-kuntratt billi jesponi, jekk ikun il-każ, lill-konsumatur għal pretensjonijiet restitutorji (35).
83. Fis-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher, barra minn hekk, tippreżumi li huwa possibbli li mod ta’ ffissar tal-prezz tas-servizzi li jista’ jitwettaq fid-dritt Litwan jikkonsisti wkoll fid-determinazzjoni ta’ remunerazzjoni “raġonevoli”, fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża, tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-avukat, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent u ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tindikax dan espressament, iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont “raġonevoli” tar-remunerazzjoni jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk imsemmija fid-dispożizzjoni tad-dritt Litwan li tinkludi l-indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tar-remunerazzjoni mill-partijiet fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi (36).
84. Għalkemm il-metodu ta’ saldar, fid-dritt nazzjonali, tas-servizzi ġuridiċi pprovduti huwa d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni skont rata minima u b’hekk jista’ jipproteġi lill-konsumatur mill-“konsegwenzi partikolarment dannużi” li jirriżultaw mill-annullament tal-kuntratt, id-Direttiva 93/13 tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tirrikorri għall-metodu ta’ saldar tas-servizzi ġuridiċi msemmi iktar ’il fuq billi timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ remunerazzjoni “raġonevoli”.
85. Mill-ġurisprudenza jirriżulta (37) li l-indħil mill-qorti nazzjonali fil-kontenut ta’ kuntratt ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kuntratt u, għaldaqstant, jipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li jista’ jwassal għalihom l-annullament tal-kuntratt ikkonċernat, bla ħsara għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva. Peress li tali bilanċ huwa diġà stabbilit mill-ġdid bl-iffissar tar-remunerazzjoni permezz ta’ rati minimi (38), l-indħil iktar estensiv jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju.
86. Kull konsegwenza li l-qorti nazzjonali tislet mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiżgura t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jinkisbu mid-Direttiva 93/13 (39). Anki f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-“konsegwenzi partikolarment dannużi” li jirriżultaw mill-annullament tal-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tikkunsidra jekk dawn il-konsegwenzi jiddisswadux lill-konsumatur milli jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-direttiva u jwasslux għal sitwazzjoni li fiha l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma jkollhiex effett dissważiv fir-rigward tal-bejjiegħa jew fornituri. Jidher li dan ikun il-każ jekk l-effett tal-użu, minn bejjiegħ jew fornitur, ta’ klawżola kuntrattwali inġusta sabiex jiddetermina s-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi jkun li kull darba tingħatalu remunerazzjoni “raġonevoli”.
VI. Konklużjoni
87. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ħames u s-sitt domanda preliminari magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja):
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija, minn dan il-kuntratt, ta’ klawżola inġusta relatata mar-remunerazzjoni tas-servizzi ġuridiċi u fejn dawn is-servizzi jkunu twettqu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali tiċħad kompletament l-azzjoni ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur intiża għall-kundanna tal-konsumatur sabiex iħallsu tal-provvista ta’ servizzi ġuridiċi meta l-kuntest ġuridiku nazzjonali ma jkun jipprevedi ebda saldar tal-provvista ta’ servizzi ġuridiċi abbażi ta’ kuntratt li jkun ġie annullat.
Fil-każ fejn l-invalidità ta’ kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi twassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux lill-qorti nazzjonali milli tipprevjeni li dan il-kuntratt jiġi annullat u milli timponi l-għoti, lill-bejjiegħ jew fornitur, ta’ remunerazzjoni għas-servizzi ġuridiċi diġà pprovduti sal-ammont tal-ispiża minima ta’ dawn is-servizzi (rati minimi) stabbilita minn att tad-dritt nazzjonali.