Language of document : ECLI:EU:T:2008:212

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ġunju 2008 (1)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva Komunitarja MEZZOPANE – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti MEZZO u MEZZOMIX – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-kawża T‑175/06,

The Coca-Cola Compay, stabbilita f’Atlanta, Georgia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u L. Rampini, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

San Polo Srl, stabbilita f’Montalcino (l-Italja), irrappreżentata minn G. Casucci u F. Luciani, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ April 2006 (Każ R 99/2005-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Coca-Cola Company u San Polo Srl,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Frar 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Jannar 2007,

wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-31 ta’ Mejju 2001, l-intervenjenti, Azienda Agricola San Polo Exe Srl, li saret San Polo Srl, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Nbejjed”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 110/2001 tal-24 ta’ Diċembru 2001.

5        Fil-25 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti, The Coca-Cola Company, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

6        Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-probabbilità ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u d-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali MEZZO, irreġistrata fl-Awstrija, fit-28 ta’ Novembru 1973, li tkopri l-prodotti li ġejjin: “birer, ale (birra ċara), porter (birra kannella skura); ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet”, li jaqgħu fil-klassi 32;

–        it-trade mark verbali MEZZOMIX, irreġistrata fil-Ġermanja, fil-5 ta’ Marzu 1975, li tkopri l-prodotti li ġejjin: “xorb imħallat abbażi ta’ luminata”, li jaqgħu fil-klassi 32.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2004, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fuq il-bażi li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Awstrijaka MEZZO fid-dawl ta’ impressjoni ġenerali simili bejn is-sinjali inkwistjoni u ta’ ċertu xebh bejn il-birer u l-inbejjed inkwistjoni. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li din l-analiżi kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark u li għalhekk ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-oppożizzjoni mqajma fuq il-bażi tat-trade mark Ġermaniża MEZZOMIX u tal-allegata reputazzjoni tagħha.

8        Fis-27 ta’ Jannar 2005, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2006 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell laqa’ t-talba tal-intervenjenti għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Skont il-Bord tal-Appell, ma kienet teżisti ebda probabbilità ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade marks inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li fid-deċiżjoni tagħha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-każ kellu jiġi rrinvijat quddiemha sabiex teżamina dan il-motiv.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors u l-annessi tiegħu;

–        tikkonstata li rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie ppreżentat fit-termini preskritti u fil-forma korretta u xierqa;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

11      Il-konvenut jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tiċħad ir-rikors;

–         tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

1.     Osservazzjonijiet preliminari

13      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li, insostenn tar-rikors tagħha, hija ressqet motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/49.

14      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġunijiet ta’ identiċità jew xebh ma’ trade mark preċedenti u ta’ identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

15      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jirreferu għat-trade marks irreġistrati f’xi Stat Membru li d-data ta’ depożitu tagħhom tkun preċedenti għal dik tal-applikazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni huma ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

17      Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak bejn il-prodotti jew servizzi koperti (ara s-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata fil-punt 16 iktar’il fuq, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

18      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI, C-3/03 P, Ġabra p. I-3657, punt 29; ara b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25).

19      Jibqa’ xorta neċessarju, anke fil-każ ta’ eżistenza ta’ identicità ma’ sinjal li għandu karattru distintiv partikolarment qawwi, li tiġi pprovata l-preżenza ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti, peress li probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tippresupponi identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2007, Alecansan vs UASI, C-196/06 P, Ġabra p. I-36, punt 24; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 22).

20      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati d-diversi argumenti mressqa mill-partijiet.

21      Qabel dan però, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li t-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni huma rreġistrati fl-Awstrija u fil-Ġermanja u jkopru prodotti ta’ konsum ta’ kuljum. Għaldaqstant, bħalma ġustament sostna l-Bord tal-Appell, mingħajr ma kien ikkontestat fuq dan il-punt mill-partijiet, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa magħmul mill-konsumatur medju ta’ dawn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata fil-punt 16 iktar’il fuq, punt 34). B’konsegwenza ta’ dan, waqt l-evalwazzjoni tas-sinjifikat tat-trade marks inkwistjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-użu tal-lingwa Ġermaniża.

2.     Fuq il-paragun bejn it-trade marks inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti tqis li m’hemm ebda dubju li jeżisti xebh viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti, peress li l-kelma “mezzo” preżenti fit-trade marks preċedenti hija wkoll l-ewwel kelma tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza, invokata fid-deċiżjoni kkontestata, li ssostni li l-attenzjoni tal-konsumatur tmur normalment fuq l-ewwel parti tas-sinjal distintiv [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, Ġabra p. II-965, punt 83).

23      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kelma “mezzo” tiġbed l-għajn, b’mod partikolari peress li hemm żewġ ittri “z” miġbura flimkien fin-nofs tal-kelma. Fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, din l-attrazzjoni viżwali tal-element verbali hija enfasizzata permezz ta’ frejm b’linja rqiqa ħafna li jagħtuh id-dehra ta’ tikketta.

24      Finalment, ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade marks inkwistjoni huma t-tlieta li huma miktubin bl-istess mod, mingħajr l-ebda dettall partikolari fil-grafika, fid-disinn u fid-daqs tal-karattri.

25      Fir-rigward tax-xebh fonetiku, ir-rikorrenti tikkunsidra li n-numru farradi tas-sillabi tat-trade marks inkwistjoni ma jipprekludix xebh fonetiku. Skont ir-rikorrenti jkun hemm xebh fonetiku ċar jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-identiċità f’dak li jikkonċerna l-pronunzja u r-ritmu tal-ewwel żewġ sillabi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (“mez” u “zo”) u taż-żewġ sillabi li jiikkostitwixxu t-trade mark Awstrijaka tagħha (“mez” u “zo”). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll, skont ir-rikorrenti, għall-paragun bejn it-trade mark MEZZOMIX tagħha u t-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni. Finalment, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil-pronunzja Ġermaniża ta’ dawn iż-żewġ trade marks, l-aċċent jaqa’ fuq l-ewwel żewġ sillabi. Minħabba l-ħoss partikolari tiegħu, ibbażat fuq iż-żewġ ittri “z”, l-element verbali “mezzo” huwa iktar b’saħħtu meta mqabbel mal-elementi verbali “pane” jew “mix”.

26      Fir-rigward tax-xebh kunċettwali, ir-rikorrenti taqbel mal-Bord tal-Appell meta tikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni m’għandhom ebda tifsira fil-Ġermaniż. Dan l-aspett ma jistax, għalhekk, iwassal biex issir distinzjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

27      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li diġà ġie deċiż li, fil-każ fejn waħda mill-uniċi żewġ kelmiet li jikkostitwixxu trade mark verbali tkun identika, mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku, għall-unika kelma li tikkostitwixxi trade mark verbali preċedenti u li, fil-każ li dawn il-kelmiet, meta meqjusa flimkien jew individwalment, ma jkollhom ebda sinjifikat mill-aspett kunċettwali għall-pubbliku kkonċernat, it-trade marks inkwistjoni, meta kull waħda tkun ikkunsidrata fl-intier tagħha, għandhom normalment jiġu kkunsidrati bħala simili [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Novembru 2003, Oriental Kitchen vs UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, Ġabra p. II-4953, punt 39 u tal-4 ta’ Mejju 2005, Reemark vs UASI – Bluenet (Westlife), T-22/04, Ġabra p. II-1559, punti 37 sa 40]. Għalhekk, din il-ġurisprudenza tikkonferma x-xebh bejn it-trade marks MEZZO u MEZZOPANE.

28      Il-konvenut u l-intervenjenti qegħdin jikkontestaw li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta evalwa x-xebh u d-differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Introduzzjoni

29      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk l-impressjoni ġenerali tas-sinjali inkwistjoni li tirriżulta minn paragun fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, adottata mill-Bord tal-Appell, hijiex ivvizzjata bi żball.

 Fuq il-paragun viżiv

30      Fir-rigward tal-paragun viżiv, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kienu jeżistu kemm elementi ta’ xebh kif ukoll differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni. Skont il-Bord tal-Appell, ix-xebh jinsab fit-terminu “mezzo” li jikkorrispondi għat-trade mark preċedenti Awstrijaka u li huwa wkoll l-ewwel parti tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u tat-trade mark preċedenti Ġermaniża MEZZOMIX. Il-Bord tal-Appell jippreċiża li, fid-dawl tal-pożizzjoni inizjali tal-kelma MEZZO, din għandha impatt iktar importanti mit-tieni parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mill-bqija tat-trade mark Ġermaniża. Fir-rigward tad-differenzi viżivi, il-Bord tal-Appell jikkunsidra li s-suffiss “pane” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jagħmilha itwal mit-trade mark Awstrijaka u differenti mit-trade mark Ġermaniża.

31      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-paragun bejn it-trade mark preċedenti Ġermaniża MEZZOMIX u t-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi mfakkar li diġà ġie deċiż li l-konsumatur jagħti normalment iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza MUNDICOR, iċċitata fil-punt 22 iktar’il fuq, punt 81, u tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oreal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, Ġabra p. II-949, punti 64 u 65]. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tapplikax f’kull każ [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, Ġabra p. II-2073, punt 48, u tas-16 ta’Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI – Audi (ALLTREK), T-158/05, Ġabra p. II-49, punt 70].

32      F’dan il-każ, huwa minnu li l-kelma “mezzo” tat-trade marks MEZZOMIX u MEZZOPANE, tattira b’mod partikolari l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti minħabba l-pożizzjoni inizjali tagħha. Madankollu, din l-attenzjoni addizzjonali ma teskludix il-perċezzjoni, mill-istess konsumatur rilevanti, tal-kelma “mix” tat-trade mark preċedenti Ġermaniża, liema kelma hija magħrufa mill-konsumatur li jitkellem bil-Ġermaniż, u tal-kelma “pane” tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni.

33      Għaldaqstant, għalkemm il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-pożizzjoni inizjali tal-kelma “mezzo” kellha impatt iktar importanti mill-bqija tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huwa wkoll b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-suffissi “pane” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u “mix” tat-trade mark Ġermaniża preċedenti joħolqu distinzjoni bejniethom.

34      F’dak li jirrigwarda l-paragun bejn it-trade mark preċedenti Awstrijaka MEZZO u t-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jrid ukoll jiġi rrikonoxxut li hemm ċertu xebh bejn dawn it-trade marks. Fil-fatt, l-istess bħal ma sar għall-finijiet tal-paragun bejn it-trade marks MEZZOMIX u MEZZOPANE, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li l-kelma “mezzo”, minħabba l-pożizzjoni inizjali tagħha, tiġbed b’mod partikolari l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti. Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li l-kelma “pane” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiddistingwi lil din tal-aħħar mit-trade mark preċedenti Awstrijaka MEZZO.

35      Ir-rikorrenti terġa’ tinvoka l-attrazzjoni partikolari tal-kelma “mezzo” fuq il-bażi taż-żewġ ittri “z” miġbura flimkien fin-nofs tas-sinjal, tal-element verbali aċċentwat fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni permezz ta’ frejm b’linja rqiqa ħafna madwar dan l-element u tal-kitba uniformi tat-trade marks inkwistjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet tar-rikorrenti huma eżatti. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn l-evalwazzjonijiet ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

36      B’mod iktar partikolari, fir-rigward taż-żewġ ittri “z” miġbura flimkien fin-nofs tal-kelma “mezzo”, jista’ jingħad li ċertament mhumiex komuni fil-Ġermaniż u, għalhekk, jagħtu dehra viżiva speċifika li taċċentwa x-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni. Madankollu, dawn ma jneħħux kompletament id-differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni fir-rigward tat-tmiem “pane” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-aċċentwazzjoni tal-element verbali “mezzopane” permezz tal-element grafiku, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element. Għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni tar-rikorrenti, din l-aċċentwazzjoni tal-element verbali ma tippermettix li jiġi kkonstatat xebh ikbar bejn it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u t-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX, min-naħa l-oħra, mix-xebh ikkonstatat mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, għalkemm it-tikketta b’linji rqiqa taċċentwa l-kelma “mezzopane”, din it-tikketta tiddistingwi wkoll it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mit-trade marks preċedenti. Għal dak li jikkonċerna l-uniformità bejn it-trade marks inkwistjoni fid-dawl tal-grafika identika tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din ma toħloqx xebh ikbar minn dak li diġà ġie rikonoxxut mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, dan ix-xebh ma jneħħix kompletament id-differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni fir-rigward tal-frejm tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u tad-differenzi bejn il-kelma “mezzopane”, minn naħa, u l-kliem “mezzo” u “mezzomix”, min-naħa l-oħra (ara l-punti 31 sa 35 iktar’il fuq).

37      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord tal-Appell ma żbaljax meta kkunsidra li, f’dan il-każ, fuq livell viżiv, kienu jeżistu kemm xebh kif ukoll differenzi bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti. Minn dan isegwi li jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut xebh viżiv medju bejn it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX.

 Fuq il-paragun fonetiku

38      Fir-rigward tal-paragun fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, għalkemm it-trade marks inkwistjoni għandhom struttura ta’ sillabi differenti u għalhekk ritmu ta’ ħoss differenti, huma għandhom identiċità fonetika fir-rigward tal-kelma “mezzo”.

39      Din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, huwa minnu li t-trade marks inkwistjoni għandhom identiċità fonetika fir-rigward tal-kelma “mezzo”. Madankollu, it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni tiddistingwi ruħha kemm mit-trade mark preċedenti MEZZO, kif ukoll mit-trade mark preċedenti MEZZOMIX permezz tal-istuttura tas-sillabi u tar-ritmu tal-ħoss differenti tagħha fil-konfront ta’ dawn it-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, għalkemm jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li l-konsumatur rilevanti f’dan il-każ jagħmel l-aċċent fuq l-ewwel sillaba tas-sinjali inkwistjoni meta ppronunzjati bil-Ġermaniż, tali aċċent ma jeliminax madankollu d-differenzi fonetiċi bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade marks preċedenti dovuti għall-aħħar sillabi “pa” u “ne” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Dawn l-aħħar sillabi jagħtu ħoss differenti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-konfront tat-trade mark preċedenti Awstrijaka. Barra minn hekk, meta mqabbla mat-trade mark preċedenti Ġermaniża, l-aħħar sillabi “pa” u “ne” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joħolqu kuntrast mal-aħħar sillaba “mix” tat-trade mark preċedenti Ġermaniża.

40      Ir-rikorrenti ssostni madankollu li, permezz tal-ħoss partikolari aċċentwat fuq id-doppja “z”, il-ħoss “mezzo” ser ikun iktar qawwi fil-konfront tas-sekwenzi ta’ ħsejjes “pane” u “mix”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ma ġiex ipprovat li, tal-anqas fil-Ġermaniż, iż-żewġ “z” tal-kelma “mezzo” jagħtuha ħoss partikolari fil-konfront tal-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li dan il-ħoss iwassal sabiex il-pubbliku rilevanti jikkunsidra l-ħoss “mezzo” bħala iktar qawwi fil-konfront tas-sekwenzi tal-ħsejjes “pane” u “mix” mhijiex fondata.

41      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, għalhekk, li l-Bord tal-Appell ma żbaljax meta rrikonoxxa li kien hemm, fuq livell fonetiku, kemm xebh kif ukoll differenzi bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u t-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra. Minn dan isegwi li għandu jiġi rrikonoxxut li jeżisti xebh fonetiku medju bejn it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u t-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX, min-naħa l-oħra.

 Fuq il-paragun kunċettwali

42      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma setax jagħmel paragun kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti fid-dawl tal-fatt li b’mod ġenerali m’għandhom ebda sinjifikat.

43      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għall-pubbliku rilevanti, il-kliem “mezzo”, “mezzomix” u “mezzopane” m’għandhom ebda sinjifikat partikolari, peress li ma jfissru xejn bil-Ġermaniż. Għaldaqstant, ma jistax jiġi stabbilit xebh kunċettwali bejn it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti MEZZO, u lanqas bejn din l-istess trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti MEZZOMIX. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, invokat mill-intervenjenti, li l-kelma “mix” tista’ tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li tirreferi għal taħlita. Fil-fatt, anke jekk jitqies li l-pubbliku rilevanti jista’ jifhem il-kelma “mezzomix” bħala li tirreferi għal taħlita tal-“mezzo”, jibqa’ l-fatt li l-kelma “mezzopane” m’għandhiex tifsira fil-Ġermaniż, b’tali mod li fil-Ġermaniż ma jistax ikun hemm xebh kunċettwali bejn, minn naħa, it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti “MEZZOMIX”. Dan huwa iktar u iktar minnu meta wieħed jikkunsidra li l-kelma “mezzopane” ma tinkludix biss il-kelma “mezzo”, iżda wkoll il-kelma “pane”, u li kull wieħed minn dawn l-elementi, anke jekk meħuda separatament, m’għandhom ebda sinjifikat kunċettwali fil-Ġermaniż.

 Konklużjoni

44      Fid-dawl tal-elementi kollha msemmija iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minn evalwazzjoni globali tas-sinjali inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li għandhom xebh medju. Fil-fatt, minkejja l-element komuni għal dawn it-tliet trade marks, jiġifieri l-kelma “mezzo”, is-sinjali jiddistingwu ruħhom minn xulxin fir-rigward tal-kelma “mix” tat-trade mark preċedenti Ġermaniża u tal-kelma “pane” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Meta dawn l-elementi kollha jiġu bbilanċjati, joħroġ xebh medju bejn dawn is-sinjali.

45      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti li minnha jirriżulta li, prima facie, fil-każ fejn waħda mill-uniċi żewġ kelmiet li jikkostitwixxu trade mark verbali tkun identika, mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku, għall-unika kelma li tikkostitwixxi t-trade mark verbali preċedenti, u fejn dawn il-kliem, meta meqjusa flimkien jew individwalment, ma jkollhom ebda tifsira, mill-aspett kunċettwali, għall-pubbliku kkonċernat, it-trade marks inkwistjoni, ikkunsidrati kull waħda fl-intier tagħhom, għandhom normalment jitqiesu bħala simili fis-sens tal-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza KIAP MOU, iċċitata fil-punt 27 iktar’il fuq, punt 39, u Westlife, iċċitata fil-punt 27 iktar’il fuq, punt 37).

46      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tista’ twassal biss għal analiżi prima facie. Għalhekk, din l-applikazzjoni ma tistax teskludi evalwazzjoni ulterjuri sabiex tiġi ggarantita evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li din il-ġurisprudenza kienet tikkonċerna l-paragun bejn żewġ trade marks verbali. Issa, f’dan il-każ, it-trade mark MEZZOPANE hija trade mark figurattiva, fatt dan li fid-dawl tiegħu għandha tiġi kkunsidrata r-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza għal din il-kawża. Fl-aħħar lok, għandu jiġi mfakkar, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza iktar’il fuq, li, f’dan il-każ, ċertu xebh bejn it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rikonoxxut.

47      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 iktar’il fuq ma tistax tikkontesta l-konklużjoni magħmula fil-punt 44 iktar’il fuq.

3.     Fuq il-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh u d-differenzi bejn il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni.

49      Ir-rikorrenti tikkunsidra, għal dak li jikkonċerna l-paragun bejn l-inbejjed koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-birer, ale (birra ċara) u porter (birra kannella skura) li għalihom tirreferi t-trade mark tagħha MEZZO, li, fl-ewwel lok, dawn huma prodotti tal-istess natura: xorb alkoħoliku. Fit-tieni lok, dawn huma prodotti li għandhom l-istess użu intenzjonat: il-konsum mill-bniedem. Fit-tielet lok, dawn huma prodotti użati b’mod simili mill-konsumaturi: bħala akkompanjament mal-ikel jew bħala aperittivi. Fir-raba’ lok, dawn huma prodotti li huma indirizzati lill-istess pubbliku: il-konsumaturi finali. Fil-ħames lok, dawn huma prodotti kkummerċjalizzati taħt l-istess forma: fi fliexken. Fis-sitt lok, dawn huma prodotti ddistribwiti mill-istess netwerks: minn bars, minn ristoranti, minn supermarkets, u minn stabbilimenti kbar, eċċ; ser ikun normali li dawn il-prodotti jitqiegħdu ħdejn xulxin f’dawn l-istabbilimenti kummerċjali u ser ikunu ħdejn xulxin fuq il-menus tar-ristoranti, eċċ. Fis-seba’ lok, dawn il-prodotti ser ikunu rriklamati bl-istess mezzi: televiżjoni, radju, rivisti, eċċ. Fit-tmien lok, dawn huma prodotti li, sa ċertu punt, jikkompetu bejniethom: il-konsumatur jista’ jagħżel li jixrob inbid jew birra mal-ikel, jew bħala aperittiv eċċ.

50      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-punti komuni bejn il-prodotti inkwistjoni, flimkien mal-preżenza ta’ sinjali identiċi jew simili mwaħħla fuq il-prodotti għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jistgħu jġiegħlu lill-pubbliku rilevanti jaħseb li dawn il-prodotti ġew prodotti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribbwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, punt 28).

51      Skont ir-rikorrenti l-fatt li l-prodotti inkwistjoni huma differenti fir-rigward tal-ingredjenti u l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom ma jinvalidax dawn il-kunsiderazzjonijiet.

52      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li mhijiex affermazzjoni eżatta meta jingħad li l-ingredjenti u l-metodi ta’ produzzjoni tal-birer u l-inbejjed huma differenti. Hija tfakkar li l-inbid u l-birra huma t-tnejn xorb alkoħoliku u li l-birra hija magħmula permezz ta’ fermentazzjoni tax-xgħir, filwaqt li l-inbid huwa magħmul permezz ta’ fermentazzjoni ta’ għeneb magħsur.

53      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-differenza bejn il-kompożizzjoni tal-inbid u dik tal-birra ma tipprekludix lil dawn ix-xarbiet milli jkunu skambjati ma’ xulxin safejn huma intiżi li jissodisfaw l-istess bżonn.

54      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, anke jekk il-pubbliku rilevanti jkun konxju u jinduna bil-karatteristiċi differenti ta’ dawn il-prodotti fir-rigward tal-kompożizzjoni u tal-metodu ta’ produzzjoni tagħhom, minn dan huwa ma jikkonkludix, tajjeb jew ħażin, li minħabba dawn id-differenzi l-istess impriża ma tistax tipproduċi jew tikkummerċjalizza dawn iż-żewġ tipi ta’ xarbiet simultanjament. Skont ir-rikorrenti, l-elementi ta’ xebh invokati fil-punt 49 iktar’il fuq jieħdu preċedenza fuq l-uniċi żewġ fatturi ta’ differenza invokati mill-Bord tal-Appell, iktar u iktar peress li l-Bord tal-Appell ma pprovda ebda informazzjoni oġġettiva ta’ natura li tissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li għall-konsumatur medju Awstrijak huwa normali li l-inbejjed, minn naħa, u l-birer, min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti.

55      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderzzjonijiet japplikaw ugwalment għall-paragun bejn l-inbejjed koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xarbiet imħallta abbażi ta’ luminata li għalihom tirreferi t-trade mark tagħha MEZZOMIX. Hija tenfasizza li dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu xorb alkoħoliku, u li f’dak il-każ dan ix-xorb jista’ jkun sostitut għall-inbid.

56      Skont ir-rikorrenti, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu estiżi, għalkemm b’mod limitat, għall-prodotti l-oħra koperti mit-trade mark tagħha MEZZO, jiġifieri l-ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku, ix-xiroppi u l-preparazzjonijiet l-oħra biex isiru xarbiet. Għalkemm ix-xarbiet alkoħoliċi mhumiex espliċitament inklużi f’din il-kategorija, ir-rikorrenti tqis li, għall-pubbliku rilevanti, dawn jistgħu jkunu prodotti li jappartjenu lill-istess familja. A priori, m’hemm xejn li jwaqqaf lil dak li jkun milli jaħseb li “l-preparazzjonijiet biex isiru xarbiet” jinkludu preparazzjonijiet biex isiru kemm xarbiet alkoħoliċi u kemm xarbiet mhux alkoħoliċi.

57      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-argument tagħha huwa konsistenti ma’ dak sostnut mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni li ġiet annullata mid-deċiżjoni kkontestata.

58      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY) (T-99/01, Ġabra. p. II-43, punt 40), fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet xebh bejn xarbiet, minkejja li kienu differenti mill-aspett tal-ingredjenti u tal-metodu ta’ produzzjoni tagħhom, billi bbażat ruħha fuq in-natura, l-użu intenzjonat u l-mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni komuni tagħhom. Bl-istess mod, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT) (T-203/02, Ġabra p. II-2811, punti 66 u 67) ġiet rikonoxxuta l-eżistenza ta’ xebh bejn, minn naħa, l-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u tal-ħaxix, meraq tal-frott, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet; xarbiet abbażi ta’ ħaxix u ta’ vitamini” u, min-naħa l-oħra, il-“konċentrati ta’ meraq tal-frott”.

59      Ir-rikorrenti tikkonkludi li hemm xebh evidenti bejn il-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti.

60      Il-konvenut u l-intervenjenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tar-rikorrenti u jikkunsidraw, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni ġusta tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Introduzzjoni

61      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-rabta li tista’ teżisti bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, punt 23).

62      F’dan il-każ, jeħtieġ isir paragun bejn, minn naħa, l-inbejjed koperti mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u l-“birer, ale (birra ċara) u porter (birra kannella skura), ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” koperti mit-trade mark preċedenti Awstrijaka MEZZO u, min-naħa l-oħra, bejn l-inbejjed koperti mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb imħallat abbażi ta’ luminata tat-trade mark Awstrijaka preċedenti MEZZOMIX.

 Paragun bejn l-inbid u l-birra

63      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, in-natura, l-użu intenzjonat u l-użu tal-inbejjed u tal-birer, ale (birra ċara) u porter (birra kannella skura), huwa minnu li, bħalma ssostni r-rikorrenti, dawn il-prodotti huma xarbiet alkoħoliċi li joriġinaw minn proċess ta’ fermentazzjoni u li jiġu kkunsmati waqt l-ikel jew mixruba bħala aperittivi.

64      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li l-ingredjenti bażiċi ta’ dawn ix-xarbiet m’għandhom ebda punt komuni. Fil-fatt, l-alkoħol mhuwiex ingredjent użat għall-produzzjoni ta’ dawn ix-xarbiet, iżda huwa wieħed mill-komponenti ġġenerati minn din il-produzzjoni. Barra minn hekk, għalkemm il-produzzjoni ta’ kull waħda minn dawn ix-xarbiet għandha bżonn proċess ta’ fermentazzjoni, il-metodu ta’ produzzjoni rispettiv tagħhom mhuwiex limitat biss għal fermentazzjoni u huwa fundamentalment differenti. B’dan il-mod, it-tagħsir tal-għeneb u t-tqegħid tal-għeneb magħsur f’bittiji ma jistgħux jiġu mqabbla mal-proċessi tal-produzzjoni tal-birra.

65      Barra minn hekk, il-fatt li l-birra hija magħmula mill-fermentazzjoni tax-xgħir, mentri l-inbid huwa prodott mill-fermentazzjoni ta’ għeneb magħsur, jiġġenera prodotti finali li huma distinti minn xulxin mill-aspett tal-kulur tagħhom, tar-riħa tagħhom u tat-togħma tagħhom. Din id-differenza fil-kulur, fir-riħa u fit-togħma twassal sabiex il-konsumatur rilevanti jipperċepixxi dawn iż-żewġ prodotti bħala ta’ natura differenti.

66      Barra minn hekk, minkejja li l-inbid u l-birra jistgħu, sa ċertu punt, jissodisfaw l-istess bżonn, jiġifieri l-iggostar ta’ xarba waqt l-ikel jew bħala aperittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konsumatur rilevanti jipperċepihom bħala żewġ prodotti distinti. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkunsidra ġustament li l-inbejjed u l-birer ma jappartjenux lill-istess familja ta’ xorb alkoħoliku.

67      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura komplementarja tal-inbid u tal-birra fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li din in-natura komplementarja toħloq rabta stretta bejn il-prodotti, fis-sens li prodott huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-prodott l-ieħor [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T-169/03, Ġabra p. II-685, punt 60]. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-inbid la huwa indispensabbli u lanqas importanti għall-użu tal-birra, u bil-kontra. Barra minn hekk ma jeżisti ebda element li jwassal għall-konklużjoni li x-xerrej ta’ wieħed minn dawn il-prodotti jkun inkuraġġit biex jixtri l-ieħor.

68      F’dak li jirrigwarda n-natura kompetittiva tal-inbid u l-birra, diġà ġie deċiż, f’kuntest ieħor, li teżisti ċerta kompetizzjoni bejn iż-żewġ prodotti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-inbid u l-birra huma, sa ċertu punt, ta’ natura li jissodisfaw bżonnijiet identiċi, b’tali mod li jista’ jiġi aċċettat li jeżisti ċertu livell ta’ sostituzzjoni bejniethom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tad-differenzi kbar fil-kwalità u, għaldaqstant, fil-prezz, li jeżistu bejn l-inbejjed, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni determinanti bejn il-birra, xarba popolari kkunsmata f’ammonti kbar, u l-inbid għandha tiġi stabbilita mal-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri mal-inbejjed li huma, ġeneralment, l-eħfef u l-orħos (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 356/85, Ġabra p.3299, punt 10; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 170/78, Ġabra p. 2265, punt 8, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C-166/98, Ġabra p.I-3791, punt 18). Xejn ma jindika li din l-evalwazzjoni ma tistax tkun applikata wkoll għal din il-kawża. Minn dan isegwi li jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut, bħalma indikat ir-rikorrenti, li l-inbid u l-birra huma, sa ċertu punt, kompetituri.

69      Fl-aħħar lok, inkonformità mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi aċċettat li għall-konsumatur medju Awstrijak huwa normali u, għalhekk, jistenna, li l-inbejjed, minn naħa, u l-birer, ale (birra ċara) u porter (birra kannella skura), min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti u li dawn ix-xarbiet ma jappartjenux lill-istess familja ta’ xorb alkoħoliku. Xejn ma jindika li l-pubbliku Awstrijak mhuwiex konxju ta’ jew ma jindunax bil-karatteristiċi differenti tal-birra u tal-inbid fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom u tal-metodu ta’ produzzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn id-differenzi huma pperċepiti bħala li jagħmlu ftit probabbli l-possibbiltà li l-istess impriża tipproduċi u tikkummerċjalizza simultanjament iż-żewġ tipi ta’ xarbiet. Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li huwa magħruf li, fl-Awstrija, hemm tradizzjoni ta’ produzzjoni kemm tal-birra kif ukoll tal-inbid u li din il-produzzjoni ssir minn impriżi differenti. Għalhekk, il-konsumatur medju Awstrijak jistenna li l-birer, ale (birra ċara) u porter (birra kannella skura), minn naħa, u l-inbid, min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti.

70      Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għall-konsumatur medju Awstrijak jeżisti biss xebh żgħir bejn l-inbejjed, minn naħa, u l-birer, min-naħa l-oħra.

 Paragun bejn l-inbid kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb l-ieħor, li mhuwiex birra, kopert mit-trade marks Awstrijaċi.

–       Introduzzjoni

71      Fir-rigward tal-paragun bejn, minn naħa, l-inbid kopert mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” tat-trade mark preċedenti MEZZO u x-“xorb imħallat abbażi ta’ luminata” tal-marka preċedenti MEZZOMIX, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm bżonn li jiġi ddeterminat minn qabel jekk il-prodotti msemmija iktar’il fuq li huma koperti mit-trade marks preċedenti inkwistjoni jinkludux kemm xorb mhux alkoħoliku kif ukoll xorb alkoħoliku.

72      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell flimkien mar-rikorrenti kkunsidraw li x-xarbiet koperti mit-trade marks preċedenti setgħu jinkludu xarbiet alkoħoliċi li mhumiex birer. Il-konvenut jikkontesta din l-evalwazzjoni għar-raġuni li hija kuntrarja kemm għall-karattru sistematiku tal-klassifikazzjoni tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 li jinkludu l-prodotti inkwistjoni u kif ukoll għan-noti ta’ spjega tal-lista tal-klassijiet ta’ prodotti u servizzi tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, iċċitat iktar’il fuq (iktar’il quddiem in-“noti ta’ spjega”).

73      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” tat-trade mark MEZZO u x-“xorb imħallat abbażi ta’ luminata” tat-trade mark MEZZOMIX kienu ġew irreġistrati fil-klassi 32.

74      Madankollu, mit-test ċar u bla ambigwità tal-klassi 33 jirriżulta li din il-klassi tinkludi x-xarbiet alkoħoliċi kollha bl-unika eċċezzjoni tal-birer. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li, fil-klassi 32 il-kelmiet “mhux alkoħoliċi” ma jirreferux espressament għax-“xorb tal-frott u l-meraq tal-frott” u għax-“xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” mhuwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk din il-klassi tistax tinkludi prodotti alkoħoliċi oħra minbarra l-birra. Fil-fatt, mhux biss it-test tal-klassi 33 ma jħalli ebda possibbiltà ta’ interpretazzjoni ħlief dik li tinkludi x-xorb alkoħoliku kollu bl-eċċezzjoni tal-birra, iżda, barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tal-klassijiet 32 u 33 jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-klassi 33 tinkludi x-xorb alkoħoliku kollu bl-eċċezzjoni tal-birra. Skont in-nota ta’ spjega tal-klassi 33, hekk kif xarba alkoħolika jitneħħielha l-alkoħol, hija ma tibqax inkluża fil-klassi 33 iżda tidħol fil-klassi 32. In-nota ta’ spjega tal-klassi 32 tikkonferma dan billi tindika li hija tinkludi x-xorb “li jitneħħielu l-alkoħol”.

75      Għaldaqstant, id-deskrizzjoni ġenerali mogħtija fin-nota ta’ spjega tal-klassi 32 li tipprovdi li din il-klassi tinkludi “essenzjalment” xorb mhux alkoħoliku għandha tinqara fid-dawl tat-test tal-klassi 33. Għalhekk, il-bidu tan-nota ta’ spjega ta’ din il-klassi u d-dettalji l-oħra fin-nota ta’ spjega tal-klassi 32 għandhom jinqraw fis-sens li l-klassi 32 tinkludi, bħala regola ġenerali, xarbiet u preparazzjonijiet mhux alkoħoliċi biss, bil-birer l-unika eċċezzjoni għan-natura mhux alkoħolika tax-xorb inkluż f’din il-klassi.

76      Din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (LINDENHOF) (T-296/02, Ġabra p. II-563), peress li din is-sentenza sempliċement tirrikonoxxi l-possibbiltà teoretika li x-xorb tal-frott u l-meraq tal-frott jista’, mingħajr interpretazzjoni sistematika tal-klassijiet 32 u 33, jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi xorb alkoħoliku. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fis-senteza LINDENHOF, iċċitata iktar’il fuq, ġie kkunsidrat li l-kelmiet “xorb tal-meraq tal-frott” u “meraq tal-frott” jirreferu biss għal prodotti mingħajr alkoħol (punt 53 tas-sentenza).

77      Għaldaqstant, l-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” tat-trade mark preċedenti MEZZO u x-“xorb imħallat abbażi ta’ luminata” tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX, inklużi fil-klassi 32, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu biss prodotti mingħajr alkoħol.

78      Huwa fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni li jeħtieġ li tiġi analizzata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, l-inbid kopert mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” tat-trade mark preċedenti MEZZO u x-“xorb imħallat abbazi ta’ luminata” tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX.

–       Paragun bejn, minn naħa, l-inbid u, min-naħa l-oħra, l-ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet u x-xorb imħallat abbażi ta’ luminata.

79      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna n-natura, l-użu intenzjonat u l-użu tal-inbid kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb mhux alkoħoliku kopert mit-trade marks preċedenti, jeħtieġ li jiġi osservat li n-natura stess ta’ dawn il-prodotti hija differenti fid-dawl tal-preżenza jew tan-nuqqas ta’ alkoħol fil-kompożizzjoni tagħhom.

80      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li l-konsumatur medju Ġermaniż huwa mdorri u attent għad-distinzjoni bejn xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi, distinzjoni li hija barra minn hekk neċessarja peress li xi konsumaturi ma jkunux jixtiequ, jew ma jistgħux, jikkunsmaw alkoħol (sentenza LINDENHOF, iċċitata fil-punt 76 iktar’il fuq, punt 54). Għalhekk, il-konsumatur medju Ġermaniż jagħmel din id-distinzjoni meta jagħmel paragun bejn l-inbid tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb mhux alkoħoliku tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX.

81      Ebda element imressaq mir-rikorrenti ma jindika li din l-evalwazzjoni ma tapplikax ukoll għall-konsumatur medju Awstrijak. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li anke dan tal-aħħar huwa mdorri u attent għad-distinzjoni bejn ix-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku. Minn dan isegwi li anke dan il-konsumatur jagħmel din id-distinzjoni meta jagħmel paragun bejn l-inbid tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb mhux alkoħoliku tat-trade mark preċedenti MEZZO.

82      Huwa għaldaqstant b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li “l-inbejjed huma xarbiet alkoħoliċi u, bħala tali, nettament distinti mill-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti MEZZO, kemm fil-ħwienet kif ukoll fil-listi tax-xarbiet” u li, f’dan il-każ, “il-konsumatur medju huwa meqjus li huwa mdorri bis-separazzjoni bejn ix-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku u li din is-separazzjoni hija neċessarja peress li xi konsumaturi ma jkunux jixtiequ, jew ma jistgħux, jikkunsmaw alkoħol”.

83      Fir-rigward tal-użu intenzjonat u tal-użu tal-inbid u tax-xorb mhux alkoħoliku, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn jikkoinċidu parzjalment. Il-konsum tal-inbid ma jeskludix il-konsum ta’ xorb mhux alkoħoliku u bil-kontra, iżda l-konsum ta’ waħda minn dawn ix-xarbiet ma twassalx neċessarjament għall-konsum tal-oħra. Barra minn hekk, l-inbid huwa ġeneralment intenzjonat għall-iggostar u mhuwiex intenzjonat sabiex jaqta’ l-għatx, mentri x-xarbiet mhux alkoħoliċi koperti mit-trade marks preċedenti huma intenzjonati ġeneralment, jekk mhux esklużivament, meta jkunu ilmijiet minerali u effervexxenti, sabiex jaqtgħu l-għatx. Il-preżenza jew in-nuqqas ta’ alkoħol u d-differenza fit-togħma bejn l-inbid u x-xorb l-ieħor mhux alkoħoliku kopert mit-trade marks preċedenti huma, għall-konsumatur rilevanti, iktar importanti mill-użu intenzjonat jew mill-użu komuni tagħhom.

84      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda n-natura komplementarja tal-prodotti inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61 u 67 iktar’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li m’hemm ebda rabta mill-qrib bejn dawn il-prodotti fis-sens li x-xiri ta’ wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor u li ma jeżisti ebda element li jwassal għall-konklużjoni li x-xerrej ta’ wieħed minn dawn it-tipi ta’ prodotti jkun inkuraġġit biex jixtri l-ieħor

85      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda n-natura kompetittiva tal-prodotti inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-differenza fit-togħma u d-differenza dovuta għall-preżenza jew in-nuqqas ta’ alkoħol iwasslu sabiex, inġenerali, konsumatur medju Ġermaniż jew Awstrijak li jixtieq jakkwista nbid, ma ma jqabblux max-xorb mhux alkoħoliku kopert mit-trade marks preċedenti, iżda jakkwista jew inbid jew waħda minn dawn ix-xarbiet mhux alkoħoliċi. F’dan is-sens, il-Bord tal-Appell seta’ validament iqis li l-inbid mhuwiex xarba li tista’ tissostitwixxi x-xorb kopert mit-trade marks preċedenti.

86      Din l-aħħar evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza LINDENHOF, iċċitata fil-punt 76 iktar’il fuq, fejn ġie deċiż li l-inbejjed frizzanti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kompetituri tax-xorb mhux alkoħoliku, peress li l-inbejjed frizzanti jikkostitwixxu biss xarba atipika li tissostitwixxi x-xarbiet mhux alkoħoliċi (punt 56 tas-sentenza).

87      Fl-aħħar lok, din l-istess ġurisprudenza kkunsidrat ukoll li l-konsumatur medju Ġermaniż jikkunsidra bħala normali, u għalhekk jistenna, li l-inbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet imsejħa “ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott”, min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti (sentenza LINDENHOF, iċċitata fil-punt 76 iktar’il fuq, punt 51). Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li, b’mod iktar partikolari, l-inbejjed frizzanti u l-imsemmija xarbiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu lill-istess familja ta’ xarbiet jew bħala elementi ta’ gamma ġenerali ta’ xarbiet li jista’ jkollhom oriġini kummerċjali komuni (sentenza LINDENHOF, iċċitata fil-punt 76 iktar’il fuq, punt 51).

88      Din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, konsumatur medju Awstrijak, meta kkonfrontat b’inbid tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u b’xorb mhux alkoħoliku kopert bit-trade mark MEZZO, min-naħa l-oħra, jew konsumatur medju Ġermaniż, meta kkonfrontat b’inbid tat-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u b’xorb mhux alkoħoliku kopert mit-trade mark MEZZOMIX, min-naħa l-oħra, ma jistennewx li dawn ix-xarbiet għandhom l-istess oriġini kummerċjali.

89      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-konsumatur rilevanti ma jistenniex li l-inbejjed u x-xorb mhux alkoħoliku koperti mit-trade marks preċedenti joriġinaw mill-istess impriża u li dawn ix-xarbiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi ta’ gamma ġenerali ta’ xarbiet li jista’ jkollhom oriġini kummerċjali komuni.

90      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-inbid u l-prodotti mhux alkoħoliċi koperti mit-trade marks preċedenti m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala simili.

91      Din il-konklużjoni li tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li dawn il-prodotti huma servuti fir-ristoranti u fil-bars, mibjugħa fil-ħwienet u fil-bars wieħed ħdejn l-ieħor, fil-forma ta’ flixkun, intenzjonati għall-konsum mill-bniedem u għandhom l-istess netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ riklamar. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi japplikaw kważi għax-xorb kollu, inklużi dawk l-iktar varji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LINDENHOF, iċċitata fil-punt 76 iktar’il fuq, punt 58) u għalhekk mhumiex biżżejjed sabiex jipprovaw li, għall-konsumaturi medji Ġermaniżi u Awstrijaċi, l-inbid u x-xorb koperti mit-trade marks preċedenti joriġinaw mill-istess impriża.

–       Ġurisprudenza MYSTERY u VITAFRUIT

92      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li s-sentenzi MYSTERY u VITAFRUIT, iċċitati fil-punt 58 iktar’il fuq, invokati mir-rikorrenti, ma jaffettwawx l-evalwazzjonijiet preċedenti li wasslu għall-konklużjoni li teżisti differenza bejn il-prodotti inkwistjoni.

93      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza MYSTERY, iċċitata fil-punt 58 iktar’il fuq (punti 3 u 4), kellhom jiġu pparagunati, minn naħa, xorb mhux alkoħoliku, bl-eċċezzjoni tal-birer mhux alkoħoliċi, u, min-naħa l-oħra, birer u xorb li fih il-birra. Issa, fid-dawl tad-differenza bejn l-inbid u l-birra (punti 63 et seq iktar’il fuq), dan il-paragun mhuwiex rilevanti għall-paragun f’dan il-każ bejn l-inbid, kopert mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, u x-xorb mhux alkoħoliku, kopert mit-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX.

94      B’mod iktar partikolari, b’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti li fil-kawża li wasslet għas-sentenza MYSTERY, iċċitata fil-punt 58 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet ix-xebh bejn xarbiet, minkejja li kienu differenti mill-aspett tal-ingredjenti u tal-metodu ta’ produzzjoni tagħhom, billi bbażat ruħha fuq in-natura, l-użu intenzjonat u l-mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni komuni tagħhom, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, għall-konsumatur medju Ġermaniż, ix-xarbiet imħallta abbażi ta’ birra jistgħu jiġu sostitwiti kemm bil-birer kif ukoll bix-xorb mhux alkoħoliku (sentenza MYSTERY, iċċitata fil-punt 58 iktar’il fuq, punti 37 u 40). Madankollu, ma jistax jiġi rikonoxxut l-istess grad ta’ sostituzzjoni meta jsir il-paragun, mill-konsumatur rilevanti Ġermaniż jew Awstrijak, bejn l-inbid kopert mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb kopert mit-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX. Fil-fatt, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 66 et seq iktar’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-konsumatur rilevanti Ġermaniż jew Awtrijak jista’ faċilment jissostitwixxi l-inbid mal-birra. Barra minn hekk, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 85 et seq iktar’il fuq, ma jistax jiġi kkunisidrat li l-konsumatur rilevanti Ġermaniż jew Awstrijak jista’ jissostitwixxi l-inbid ma’ xorb ieħor mhux alkoħoliku kopert mit-trade marks preċedenti.

95      Fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza VITAFRUIT, iċċitata fil-punt 58 iktar’il fuq, invokata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li l-kwistjoni tax-xebh bejn il-prodotti tirrigwarda biss ix-xorb abbażi ta’ ħaxix u ta’ vitamini, minn naħa, u l-meraq tal-frott, min-naħa l-oħra (sentenza VITAFRUIT, iċċitata fil-punt 58 iktar’il fuq, punt 64). Għalhekk, dik il-kawża b’ebda mod ma kienet tirrigwarda l-paragun bejn l-inbid u x-xorb l-ieħor u dan ifisser li hija irrilevanti għall-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni fil-kawża preżenti.

–       Konklużjoni

96      Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konlużjoni tal-Bord tal-Appell, li sabet li l-prodotti inkwistjoni mhumiex simili, għandha tiġi kkonfermata.

4.     Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

 L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa rari li l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti u li huwa jkollu jafda fl-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu. Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li jeħtieġ li tingħata importanza partikolari ħafna, meta jsir paragun bejn is-sinjali inkwistjoni, għall-preżenza tal-espressjoni “mezzo” fiż-żewġ trade marks.

98      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li r-reputazzjoni tat-trade mark tagħha MEZZOMIX fil-Ġermanja titlob iktar severità u protezzjoni ikbar tagħha meta titqabbel mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li r-reputazzjoni tas-sinjal MEZZOMIX kienet espressament rikonoxxuta mill-intervenjenti matul il-proċeduri.

99      Mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq (punt 19), ir-rikorrenti tiddeduċi li, anke jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li x-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni mhuwiex evidenti, dan in-nuqqas ta’ xebh ma jistax jieħu preċedenza fid-dawl tax-xebh bejn it-trade marks u tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX.

100    Finalment, ir-rikorrenti tqis li t-trade marks inkwistjoni għandhom biżżejjed affinitajiet mill-aspett tal-applikazzjoni tagħhom u li huma simili viżwalment u fonetikament, b’tali mod li jistgħu jiġu konfużi mill-konsumatur medju Awstrijak jew Ġermanż, li normalment jipperċepixxihom fl-intier tagħhom, mingħajr ma jidħol fid-dettall u li rarament ikollu l-possibbiltà li jqabbilhom direttament. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li b’hekk id-deċiżjoni kkontestata hija illegali.

101    Il-konvenut u l-intervenjenti jikkontestaw din il-kunsiderazzjoni u jqisu li evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade marks preċedenti, turi li m’hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

102    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad ogħli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra (ara, b’analoġija, is-sentenzi Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 18 iktar’il fuq, punt 19).

103    Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li iktar kemm tkun distintiva n-natura tat-trade mark preċedenti, iktar ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza SABEL, iċċitata fil-punt 18 iktar’il fuq, punt 24). Ġie deċiż ukoll li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi rrifjutata, anki jekk ikun hemm livell żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti, meta x-xebh bejn it-trade marks ikun kbir u meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, ikun qawwi (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, punt 19).

104    F’dan il-każ, wara evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, għalkemm hemm xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni, ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

105    B’mod partikolari, fir-rigward tal-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti Awstrijaka, il-Bord tal-Appell qies li, fid-dawl tal-karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti u tad-distanza ċara bejn il-prodotti inkwistjoni, ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni sinjifikanti f’moħħ il-pubbliku Awstrijak ikkonċernat. Fir-rigward tal-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti Ġermaniża, il-Bord tal-Appell qies li, minkejja r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti Ġermaniża fir-rigward ta’ xorb imħallat tal-cola u tal-luminata, il-konsumatur medju Ġermaniż ma kienx ser jaħseb li l-inbejjed tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u x-xorb imħallat abbażi ta’ luminata tat-trade mark preċedenti Ġermaniża kellhom l-istess oriġini. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-differenzi ċari bejn il-prodotti inkwistjoni kellhom bħala korollarju li x-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni kien innewtralizzat meta ssir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

106    Din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell mhijiex ivvizzjata bi żball. Huwa minnu li l-konsumatur rilevanti jżomm biss fil-memorja stampa imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, b’tali mod li l-element komuni bejniethom, jiġifieri l-kelma “mezzo”, toħloq xebh bejniethom. Barra minn hekk, ir-reputazzjoni mhux ikkontestata tat-trade mark MEZZOMIX iżżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark preċedenti u t-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni.

107    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, fid-dawl tal-interdipendenza bejn il-fatturi differenti li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni u tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX, ma jistax jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade marks preċedenti MEZZO U MEZZOMIX. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minkejja r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX, in-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni flimkien max-xebh medju bejn it-trade marks inkwistjoni fuq livell viżiv u fonetiku, kif ukoll flimkien man-nuqqas ta’ tifsira tat-trade marks inkwistjoni fil-Ġermaniż, ma jippermettix li tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumatur rilevanti fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade mark MEZZOPANE li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u mit-trade marks preċedenti MEZZO u MEZZOMIX, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, id-differenzi bejn it-trade marks u l-prodotti inkwistjoni esposti fil-punti 29 et seq iktar’il fuq u fil-punti 61 et seq iktar’il fuq huma importanti biżżejjed sabiex jeskludu, meta jittieħed approċċ globali, li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-inbejjed koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u l-birer u x-xorb l-ieħor kopert mit-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra, għandhom oriġini komuni, u dan anke jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX għax-xorb imħallat abbażi ta’ luminata.

108    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti kienet żbaljata meta, mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 19 iktar’il fuq, iddeduċiet li, f’dan il-każ, nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni ma jistax jieħu preċedenza fid-dawl tax-xebh li jeżisti bejn it-trade marks inkwistjoni u tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti MEZZOMIX.

109    Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, mill-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade marks preċedenti, jirriżulta li m’hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

111    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-konvenut u mill-intervenjenti

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      The Coca-Cola Company hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2008.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President


1 Lingwa tal-kawża: it-Taljan