Language of document : ECLI:EU:C:2024:372

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Kisba ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kriptati – EncroChat – Neċessità għad-deċiżjoni ta’ Imħallef – Użu ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑670/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura kriminali kontra

M.N.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, I. Jarukaitis, A. Kumin, D.  Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni, u K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-iStaatsanwaltschaft Berlin, minn R. Pützhoven u J. Raupach, bħala aġenti,

–        għal M.N., minn S. Conen, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek, u T. Suchá, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, M. A. Joyce u D. O’Reilly, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain u R. Bénard, B. Dourthe, B. Fodda u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn F.-L Göransson u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold, M. Wasmeier u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra M.N. u tikkonċerna l-legalità ta’ tliet Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea, maħruġa mill-Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2002/58/KE

3        Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), jipprovdi.

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355]. […] Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

 IdDirettiva 2014/41

4        Il-premessi 2, 5 sa 8, 19 u 30 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Taħt l-Artikolu 82(1) tat-[TFUE], il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, li, mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999 ’l hawn, ġie komunement imsejjaħ bħala bażi importanti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni.

[…]

(5)      Mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet Kwadru [tal-Kunsill 2003/577/JHA tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185, u rettifika fil-ĠU 2006, L 374, p. 20)] u [2008/978/ĠAI tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72)] ’l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

(6)      Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal‑10 sal‑11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI, li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

(7)      Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

(8)      L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi. Madankollu, it-twaqqif ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan skwadra bħal din jeħtieġu regoli speċifiċi li jkun aħjar jekk jiġu ttrattati separatament. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-istrumenti eżistenti għandhom għaldaqstant jibqgħu japplikaw għal din it-tip ta’ miżura investigattiva.

[...]

(19)      Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-presunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-”Karta”)], l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata.

[…]

(30)      Il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni taħt din id-Direttiva dwar l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati għall-kontenut tat-telekomunikazzjoni, iżda jistgħu jkopru wkoll id- data ta’ traffiku u post assoċjata ma’dawn it-telekomunikazzjonijiet, li tippermetti lill-awtoritajiet li joħorġu OIE għall-finijiet li jiksbu data inqas intrużiva dwar telekomunikazzjonijiet. OIE li jinħareġ biex tinkiseb data storika ta’ traffiku u post relatata ma’ telekomunikazzjonijiet għandu jiġi ttrattat skont is-sistema ġenerali applikabbli għal-eżekuzzjoni tal-OIE u jista’ jkun ikkunsidrat, skont it-termini tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, bħala miżura investigattiva koerċitiva.”

5        Bit-titolu “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

6        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c) ‘awtorità emittenti ’ tfisser:

(i)      imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)      kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;

(d)      ‘awtorità ta’ eżekuzzjoni’ tfisser awtorità b’kompetenza li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”

7        Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Tipi ta’ proċedimenti li għalihom jista’ jinħareġ l-OIE”:

“OIE jista’ jinħareġ:

(a)      fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali istitwiti minn, jew li jistgħu jiġu istitwi quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti;

[…]”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”, jipprevedi:

“1.      L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

(b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.      Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.      Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

9        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Rimedji legali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

[…]

7.      L-Istat emittenti għandu jieħu kont ta’ kontestazzjoni li jkollha suċċess kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE skont il-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-OIE.”

10      L-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet b’assistenza teknika ta’ Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

“1.      OIE jista’ jinħareġ għall-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Istat li minnu tkun meħtieġa assistenza teknika.

[…]

7.      Meta toħroġ l-OIE msemmi fil-paragrafu 1 jew matul l-interċettazzjoni, l-awtorità emittenti tista’, fejn ikollha raġuni partikolari biex tagħmel hekk, titlob ukoll traskrizzjoni, dekodifikar u decrypting tar-reġistrazzjoni li tkun l-oġġett ta’ qbil mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

8.      L-ispejjez li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jitħallsu f’konformità mal-Artikolu 21, ħlief għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-traskrizzjoni, id-dekodifikar u d-decrypting tal-komunikazzjoni ta' interċettazzjoni li għandhom jitħallsu mill-Istat emittenti.”

11      L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Notifika tal-Istat Membru fejn jinsab is-suġġett tal-interċettazzjoni li minnu ma tinħtieġ l-ebda assistenza teknika”, jipprovdi li:

“1.      Fejn, għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva, l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed (l-‘Istat Membru ta’ interċettazzjoni’) u l-indirizz ta’ komunikazzjoni tal-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni li jkun speċifikat fl-ordni tal-interċettazzjoni jkun qed jintuża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (l-‘Istat notifikat’) li minnu ma tinħtieġ l-ebda assistenza teknika biex issir l-interċettazzjoni, l-Istat Membru ta’ interċettazzjoni għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru notifikat bl-interċettazzjoni:

(a)      qabel l-interċettazzjoni f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ interċettazzjoni tkun taf meta tordna l-interċettazzjoni li l-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni tinsab jew ser tkun fit-territorju tal-Istat Membru notifikat;

(b)      matul l-interċettazzjoni jew wara li tkun saret l-interċettazzjoni, minnufih hekk kif isir jaf li l-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni tinsab jew kienet tinsab, matul l-interċettazzjoni, fit-territorju tal-Istat Membru notifikat.

2.      In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness C.

3.      L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri notifikati tista’, f’każ fejn l-interċezzjoni ma tkunx awtorizzata f’każ domestiku simili, tinnotifika, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 96 siegħa wara r-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ interċettazzjoni b’dawn li ġejjin:

(a)      li l-interċettazzjoni tista’ ma ssirx jew li għandha tiġi terminata; u

(b)      fejn meħtieġ, li kull materjal digà interċettat waqt li l-persuna suġġetta għall-interċettazzjoni kienet tinsab fit-territorju tiegħu ma jistax jintuża, jew jista’ jintuża biss taħt il-kondizzjonijiet li hija għandha tispeċifika. L-awtorità kompetenti tal-Istat notifikat għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ interċettazzjoni dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dawk il-kondizzjonijiet.

[…]”

12      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Notifiki”, jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) stabbilit bl-Azzjoni Konġunta 98/428/JHA tad‑29 ta’ Ġunju 1998, adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, rigward tal-ħolqien ta’ Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 91).

 Iddritt Ġermaniż

13      L-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali hija rregolata mill-iStrafprozessordnung (StPO) (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) (iktar ’il quddiem is-“StPO”).

14      L-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 100a(1) tas-StPO jawtorizzaw, il-kontroll tal-komunikazzjonijiet li jkunu għaddejjin fil-forma ta’ kontroll “klassiku” tat-telekomunikazzjonijiet, is-sorveljanza tal-komunikazzjonijiet li jkunu għaddejjin grazzi għall-installazzjoni ta’ spyware fuq it-tagħmir terminali (“interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet f’ras l-għajn”) u s-sekwestru tal-komunikazzjonijiet lesti u diġà rreġistrati fuq apparat fid-data tal-ħruġ tad-digriet tal-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) li jordna l-miżura kkonċernata (“tfittxija ristretta online”), rispettivament. Skont l-Artikolu 100b tas-StPO, id-data kollha rreġistrata fuq tagħmir terminali tista’ tinqara (“tfittxija online”).

15      Dawn il-miżuri kollha jippreżumu l-eżistenza ta’ suspett konkret tat-twettiq ta’ reat kriminali, peress li l-kategorija tal-atti li jikkostitwixxu ksur imsemmija hija limitata għal ċerti fatti elenkati fl-Artikolu 100a(2) u fl-Artikolu 100b(2) tas-StPO.

16      Skont l-Artikolu 100e(1) u (2) tas-StPO, l-imsemmija miżuri jistgħu, barra minn hekk, jiġu ordnati mil-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) kompetenti biss fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonċernat. F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 100e(2) tas-StPO, moqri flimkien mal-Artikolu 74a(4) tal-Gerichtsverfassungsgesetz (GVG) (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja), tat‑12 ta’ Settembru 1950 (BGBl. 1950 I, p. 455), tfittxija online taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ awla speċjalizzata ta’ din il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali).

17      Il-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (IRG) (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat‑23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IRG”), ma tiddeterminax espressament l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea. B’riferiment għall-Artikolu 161 tas-StPO, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tirrigwarda s-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet barra mill-pajjiż tista’ għalhekk tiġi adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt l-investigazzjoni ta’ qabel ma l-persuna tiġi akkużata.

18      L-Artikolu 91g(6) tal-IRG, li jittrasponi l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 fid-dritt Ġermaniż, jipprovdi li l-awtorità kompetenti, li lilha Stat Membru jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi għal miżura ta’ interċettazzjoni fit-territorju Ġermaniż, għandha tipprojbixxi l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura jew l-użu tad-data interċettata f’mhux iktar tard minn 96 siegħa jew tissuġġetta l-użu ta’ din id-data għal xi kundizzjonijiet meta l-imsemmija miżura ma tkunx awtorizzata fil-livell nazzjonali f’każ paragunabbli. Madankollu, l-IRG ma tippreċiżax jekk l-istess miżura għandhiex tiġi kkomunikata lil-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) kompetenti jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonċernat. L-Artikolu 92d tal-IRG jirregola biss il-kompetenza ġeografika tal-awtorità kompetenti.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Franċiżi, deher li l-persuni akkużati kienu jużaw telefons mobbli kriptati li kienu joperaw taħt liċenzja msejħa “EncroChat” sabiex iwettqu reati prinċipalment marbuta mat-traffikar tad-drogi narkotiċi. Dawn it-telefons mobbli kienu jippermettu, permezz ta’ softwer speċjali u materjal immodifikat, li tiġi stabbilita, permezz ta’ server installat f’Roubaix (Franza), komunikazzjoni kriptata kompletament minn tarf sa tarf li ma tistax tiġi interċettata permezz ta’ metodi ta’ investigazzjoni tradizzjonali (iktar ’il quddiem is-“servizz EncroChat”).

20      Il-pulizija Franċiża rnexxielha, bl-awtorizzazzjoni ta’ mħallef, tissejvja data minn dan is-server fl-2018 u fl-2019. Din id-data ppermettiet l-iżvilupp, minn skwadra ta’ investigazzjoni konġunta, li tinkludi esperti Olandiżi, ta’ softwer tat-tip “Trojan”. Dan is-softwer ġie installat fir-rebbiegħa tas-sena 2020, bl-awtorizzazzjoni tat-tribunal correctionnel de Lille (il-Qorti Kriminali ta’ Lille, Franza), fuq l-imsemmi server u, minn hemm, fuq l-imsemmija telefons mobbli permezz ta’ aġġornament simulat.  32 477 utent, minn total ta’ 66 134 utent irreġistrat, imqassma f’122 pajjiż, kienu kkonċernati mill-imsemmi softwer, fosthom madwar 4 600 fil-Ġermanja.

21      Fid-9 ta’ Marzu 2020, rappreżentanti tal-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Ġudizzjarja, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BKA”) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, flimkien ma’ rappreżentanti, b’mod partikolari, tal-awtoritajiet Franċiżi, Olandiżi u tar-Renju Unit, ipparteċipaw f’vidjokonferenza organizzata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust). Matul din il-konferenza, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Franċiżi u Olandiżi informaw lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra bl-investigazzjoni li huma kienu qegħdin iwettqu kontra kumpannija li topera telefons mobbli kriptati u bil-miżura ta’ interċettazzjoni tad-data li huma kienu qegħdin jipprevedu, inkluża data li toriġina minn telefons mobbli li kienu jinsabu f’postijiet oħra minbarra fit-territorju Franċiż. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġermaniżi esprimew l-interess tagħhom fid-data tal-utenti Ġermaniżi.

22      F’nota tat‑13 ta’ Marzu 2020, il-BKA ħabbar li fetaħ investigazzjoni kontra grupp mhux magħruf ta’ utenti tas-servizz EncroChat għal allegat traffikar organizzat ta’ drogi fi kwantitajiet kunsiderevoli u assoċjazzjoni kriminali. Il-BKA ġġustifika l-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni billi spjega li l-użu tas-servizz EncroChat kien jippermetti, bħala tali, li jiġi ssuspettat it-twettiq ta’ reati serji, b’mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ traffikar ta’ drogi narkotiċi.

23      Abbażi ta’ din in-nota, fl‑20 ta’ Marzu 2020, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt fetaħ, taħt ir-referenza “Urgent”, investigazzjoni kontra X (iktar ’il quddiem il-“proċedura UJs”).

24      Fis‑27 ta’ Marzu 2020, il-BKA rċieva, permezz tas-sistema sigura ta’ skambju ta’ informazzjoni mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), imsejħa “Secure Information Exchange Network Application” (SIENA), messaġġ mibgħut mill-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri kkonċernati mid-data tas-servizz EncroChat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri kienu mistiedna jikkonfermaw bil-miktub li kienu ġew informati bil-metodi użati biex tinġabar data minn telefons mobbli li jinsabu fit-territorju nazzjonali tagħhom. Huma kellhom jiggarantixxu wkoll li d-data trażmessa fil-prinċipju kellha tiġi trażmessa biss, inizjalment, għal finijiet ta’ użu u ma kellhiex tintużax għal proċeduri ta’ investigazzjoni pendenti ħlief wara awtorizzazzjoni mill-Istati Membri tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa bi ftehim mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt li l-BKA bagħat il-konfermi mitluba.

25      Bejn it‑3 ta’ April u t‑28 ta’ Ġunju 2020, il-BKA kkonsulta d-data mxandra kull jum fuq is-server tal-Europol dwar it-telefons mobbli użati fil-Ġermanja.

26      Fit‑2 ta’ Ġunju 2020, fil-kuntest tal-proċedura Ujs, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt talab lill-awtoritajiet Franċiżi, permezz tal-ewwel Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, l-awtorizzazzjoni sabiex tintuża mingħajr restrizzjoni d-data li tirriżulta mis-servizz EncroChat fi proċeduri kriminali. Huwa ġġustifika t-talba tiegħu billi espona li l-BKA kien ġie informat mill-Europol li numru kbir ta’ reati serji ħafna, b’mod partikolari l-importazzjoni u t-traffikar ta’ drogi narkotiċi fi kwantitajiet kunsiderevoli, kienu twettqu fil-Ġermanja permezz ta’ telefons mobbli mgħammra b’dan is-servizz u li persuni li kienu għadhom mhux identifikati kienu ssuspettati bl-ippjanar u t-twettiq ta’ ksur serju ħafna fil-Ġermanja billi jużaw komunikazzjonijiet kriptati.

27      Wara din it-talba, it-tribunal correctionnel de Lille (il-Qorti Kriminali ta’ Lille) awtorizzat it-trażmissjoni u l-użu legali tad-data tat-telefons mobbli mgħammra bis-servizz EncroChat tal-utenti Ġermaniżi. Sussegwentement ġiet trażmessa data addizzjonali b’applikazzjoni ta’ żewġ Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea addizzjonali, bid-data tad‑9 ta’ Settembru 2020 u tat‑2 ta’ Lulju 2021, rispettivament (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tat‑2 ta’ Ġunju 2020, l-“Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea”).

28      Sussegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt issepara l-proċedura UJs, billi assenja mill-ġdid il-proċeduri ta’ investigazzjoni mibdija kontra ċerti utenti, fosthom M.N., lil uffiċċji tal-prosekutur lokali. Huwa f’dan il-kuntest li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi dwar il-legalità tal-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea fid-dawl tad-Direttiva 2014/41.

29      Permezz tal-ewwel sensiela ta’ tliet domandi, din il-qorti tixtieq tiddetermina liema kienet l-awtorità kompetenti sabiex tadotta l-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea.

30      F’dan ir-rigward, f’digriet tat‑2 ta’ Marzu 2022 mogħti fil-kuntest tal-Kawża 5 StR 457/21 (DE:BGH:2022:020322B5STRT457.21.0), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, li kien qiegħed jinvestiga fil-proċedura UJs, kien kompetenti sabiex joħroġ Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea intiżi għat-trażmissjoni ta’ provi (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2022”). Il-qorti tar-rinviju ma tikkondividix din l-interpretazzjoni. Hija għandha t-tendenza tqis li, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, qorti biss setgħet tagħti l-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), u tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni) (C‑724/19, EU:C:2021:1020). Hija tibbaża ruħha, b’mod iktar preċiż, fuq l-argumenti li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn is-sentenzi, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fir-rigward tad-drittijiet fundamentali bbażati fuq l-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta. Skont din il-qorti, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41.

32      L-aċċess tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni Ġermaniżi għad-data tas-servizz EncroChat permezz ta’ Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea għandu jkun suġġett għal kriterji analogi għal dawk li jirregolaw l-aċċess għal data miżmuma skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Il-fatt li d-data ta’ dan is-servizz ma ġietx issejvjata minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ ordni amministrattiva, iżda nġabret immedjatament mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni Franċiżi, ma jiġġustifikax soluzzjoni differenti. Għall-kuntrarju, dan il-fatt jaggrava l-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

33      Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għandha, indipendentement mir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni f’sitwazzjoni paragunabbli fil-livell nazzjonali, dejjem tingħata minn Imħallef li ma jkunx responsabbli għal miżuri investigattivi speċifiċi, fejn l-istħarriġ ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva jeħtieġ ibbilanċjar kumpless tal-interessi involuti u jikkonċerna ksur serju tad-drittijiet fundamentali.

34      It-tieni u t-tielet sensiela ta’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-rekwiżiti sostantivi li għalihom hija suġġetta l-adozzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

35      Din il-qorti hija tal-fehma, fl-ewwel lok, li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li titlob l-aċċess għal data li tirriżulta mill-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41, biss jekk tkun teżisti preżunzjoni, kontra kull persuna kkonċernata, ibbażata fuq fatti konkreti, ta’ parteċipazzjoni f’reat serju.

36      L-imsemmija qorti ma taqbilx, f’dan ir-rigward, mal-konklużjoni tad-digriet tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2022, li jgħid li s-sempliċi preżunzjoni, mhux speċifikata, ta’ diversi reati hija suffiċjenti sabiex jiġu adottati Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea. Hija tibbaża d-dubji tagħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità taż-żamma tad-data, b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet dwar il-proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 39, 40 u 50) kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 44). F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati hija suffiċjentement iggarantita fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali mir-regoli ta’ proċedura kriminali nazzjonali.

37      Il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tqajjem ukoll mistoqsijiet, fi ħdan il-qorti tar-rinviju, dwar id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Dan id-dritt jeżiġi li parti fi proċedura ġudizzjarja jkollha possibbiltà reali li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq prova. Dan japplika b’mod partikolari meta l-provi joriġinaw minn qasam tekniku li fih il-qorti kompetenti u l-parti fil-proċedura ma jkollhomx għarfien speċjalizzat.

38      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, konformement mal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41, l-awtorità emittenti għandha tistħarreġ il-miżura indikata fl-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fid-dawl tad-dritt nazzjonali.

39      Fid-digriet tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2022, din madankollu qieset li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli fil-kawża prinċipali. L-imsemmija dispożizzjoni kienet tirrigwarda biss Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża sabiex jinġabru provi li kienet għadha trid tiġi eżegwita. Din ma kinitx applikabbli għal Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża biss sabiex jiġu trażmessi provi diġà miġbura. L-istħarriġ tal-miżura fid-dawl tad-dritt nazzjonali kien għalhekk superfluwu.

40      Il-qorti tar-rinviju tqis, għall-kuntrarju, li l-awtorità emittenti ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għandha, f’dak il-każ, tistħarreġ il-miżura investigattiva li wasslet għall-ġbir tad-data fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, din l-awtorità tista’ titlob, permezz ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, provi miġbura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni biss jekk il-miżura investigattiva li permezz tagħha jkunu nġabru dawn il-provi kienet tkun awtorizzata fl-Istat emittenti f’każ nazzjonali paragunabbli.

41      Ir-raba’ sensiela ta’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41.

42      Din il-qorti tqis li, meta Stat Membru jkun jixtieq jinterċetta t-telekomunikazzjonijiet ta’ persuni li jkunu jinsabu fit-territorju Ġermaniż, huwa għandu, skont dan l-artikolu, jinnotifika l-interċettazzjoni ppjanata lill-awtorità Ġermaniża kompetenti qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tal-miżura jew hekk kif isir jaf bil-post fejn ikunu jinsabu dawn il-persuni.

43      Fid-digriet tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2022, din tal-aħħar poġġiet f’dubju l-fatt li l-miżura ta’ estrazzjoni tad-data Franċiża tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41. Il-qorti tar-rinviju hija ta’ opinjoni opposta. Hija tqis li l-awtoritajiet investigattivi Franċiżi kellhom jinnotifikaw lill-awtorità Ġermaniża kompetenti l-miżura ta’ infiltrazzjoni tat-telefons mobbli Ġermaniżi, mgħammra bis-servizz EncroChat, qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura.

44      Madankollu, għalkemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tiddetermina l-kompetenza territorjali ta’ din l-awtorità, hija min-naħa l-oħra ma tippreċiżax jekk tali notifika għandhiex tiġi indirizzata lil Landgericht (Qorti Reġjonali) jew lill-uffiċċju tal-prosekutur ikkonċernat. F’dan ir-rigward, hemm kontroversja fi ħdan il-ġurisprudenza u fid-duttrina Ġermaniża. Il-qorti tar-rinviju hija favur l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, imsemmi fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41 fis-sens li huwa jista’ jindika biss korp indipendenti minn kull istruzzjoni u mhux ikkonċernat mid-data għal finijiet ta’ investigazzjoni, jiġifieri qorti.

45      Fil-fatt, fil-każ ta’ miżuri transkonfinali mwettqa fil-livell tat-territorju tal-Unjoni u implimentati fl-interess simultanju ta’ diversi Stati Membri, il-kunċett ta’ “Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41, u dak ta’ “notifika” msemmi fl-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, huma interkambjabbli ħafna. Għaldaqstant, għandha tiġi promossa l-approssimazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet responsabbli għal dawn il-miżuri.

46      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-għan ta’ protezzjoni tas-sovranità tal-Istati Membri li huwa mfittex fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sensittività partikolarment għolja ta’ interferenza sigrieta fil-komunikazzjonijiet.

47      Il-ħames sensiela ta’ domandi tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

48      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjonijiet nazzjonali li ngħataw fir-rigward tad-data li tirriżulta mill-użu tas-servizz EncroChat jitilqu mill-prinċipju, minn naħa, li din id-data tista’ tintuża u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ fejn jista’ jkun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prijorità għandha madankollu tingħata lill-proċeduri kriminali fid-dawl tal-gravità tar-reati identifikati abbażi tal-imsemmija data.

49      Madankollu, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-konformità ta’ dan l-approċċ mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

50      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-imsemmija qorti tirrileva li, skont ir-regoli tal-proċedura kriminali Ġermaniżi, id-data miġbura permezz ta’ miżura ta’ interċettazzjoni tat-telefon adottata bi ksur tal-kompetenza rriżervata lill-qorti fil-qasam u fl-assenza ta’ preżunzjoni konkreta ta’ reat elenkat ma setgħetx tintuża.

51      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 43), jirriżulta li l-għan intiż li jiġi evitat li informazzjoni u provi miksuba b’mod illegali jippreġudikaw indebitament lil persuna ssuspettata li tkun wettqet reati jista’ jintlaħaq mhux biss permezz ta’ projbizzjoni tal-użu ta’ tali informazzjoni u provi, iżda wkoll permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura illegali tagħhom fl-evalwazzjoni tal-provi jew fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-piena.

52      Skont il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni tal-użu ta’ dawn il-provi tirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Din il-projbizzjoni tapplika fil-kawża prinċipali peress li l-prinċipju ġenerali tad-dritt għal smigħ xieraq inkiser f’diversi aspetti, u, b’mod partikolari, mill-fatt li d-data mitluba mill-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea ma tistax tiġi vverifikata minn espert tekniku minħabba l-klassifikazzjoni ta’ “sigriet tad-difiża” li ġiet invokata kontrihom mill-awtoritajiet Franċiżi.

53      Barra minn hekk, din il-qorti tiddeduċi mis-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et  (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 141), tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 50), kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 65), li l-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji ma jistax jiġġustifika żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni ta’ data personali. Tali data miżmuma illegalment u mingħajr raġuni hija eskluża mill-aċċess ulterjuri tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni, anki jekk ikollha tintuża sabiex jiġu ċċarati reati serji f’każ speċifiku.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘awtorità emettenti’ skont l-Artikolu 6(1), flimkien mal-Artikolu 2(c),tad-[Direttiva 2014/41]:

a)      Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew […] intiża għall-ksib ta’ provi li diġà jinsabu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza) għandha tinħareġ minn Imħallef meta fid-dritt nazzjonali tal-Istat emettenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja), il-ġbir tal-provi kien ikollu jiġi ordnat minn Imħallef f’każ nazzjonali paragunabbli?

b)      Sussidjarjament: dan ikun minn tal-inqas il-każ fejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun wettaq il-miżura inkwistjoni fit-territorju tal-Istat emettenti bil-għan li sussegwentement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet investigattivi fl-Istat emettenti l-informazzjoni miġbura, liema awtoritajiet ikunu interessati f’tali informazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali?

c)      Irrispettivament mir-regoli ġurisdizzjonali nazzjonali tal-Istat emettenti, [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] għall-ksib ta’ provi għandha għalhekk dejjem tinħareġ minn Imħallef (jew awtorità indipendenti li ma hijiex involuta f’investigazzjonijiet kriminali), meta l-miżura tkun timplika interferenza serja fi drittijiet fundamentali primordjali?

2)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41:

a)      L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 jipprekludi [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] intiża għat-trażmissjoni ta’ data li diġà tinsab fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza), miksuba bl-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni kif ukoll reġistrazzjonijiet tal-kontenut ta’ komunikazzjonijiet, meta l-interċettazzjoni imwettqa mill-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun kopriet l-utenti kollha tal-konnessjoni ta’servizz ta’ kommunikazzjoni, l-[Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] tkun talbet it-trażmissjoni tad-data li tikkonċerna l-konnessjonijiet kollha użati fit-territorju tal-Istat emettenti u ma kienx hemm indikazzjonijiet konkreti ta’ twettiq ta’ reati kriminali serji min-naħa ta’ dawn l-utenti individwali, la meta ġiet ordnata u twettqet il-miżura ta’ interċettazzjoni u lanqas meta nħarġet l-[Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea]?

b)      L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 jipprekludi tali [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] jekk l-integrità tad-data miġbura permezz tal-miżura ta’ interċettazzjoni ma tistax tiġi vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni minħabba kunfidenzjalità totali?

3)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41:

a)      L-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 jipprekludi [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] intiża għat-trażmissjoni ta’ data ta’ telekomunikazzjonijiet li diġà tinsab fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (f’dan il-każ, Franza), meta l-miżura ta’ interċettazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li ppermettiet il-ġbir tad-data kienet tkun illegali skont id-dritt nazzjonali tal-Istat emettenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja) f’każ nazzjonali paragunabbli?

b)      Sussidjarjament: dan japplika fi kwalunkwe każ meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun wettaq l-interċettazzjoni fit-territorju tal-Istat emettenti u fl-interessi ta’ dan tal-aħħar?

4)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (3) tad-[Direttiva 2014/41]:

a)      Miżura li tikkonċerna l-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali għall-finijiet ta’ estrazzjoni ta’ data ta’ traffiku, ta’ lokalizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet tikkostitwixxi interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41?

b)      In-notifika skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41 għandha dejjem tiġi indirizzata lil Imħallef, jew dan għandu jkun il-każ minn tal-inqas meta l-miżura prevista mill-Istat ta’ interċettazzjoni (Franza) tista’ biss tiġi ordnata skont id-dritt tal-Istat innotifikat (il-Ġermanja) minn Imħallef f’każ nazzjonali paragunabbli?

c)      Sa fejn l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 iservi wkoll għall-protezzjoni tal-utenti tat-telekomunikazzjonijiet individwali ikkonċernati, tali protezzjoni testendi wkoll għall-użu ta’ data għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali fl-Istat innotifikat (il-Ġermanja) u, skont il-każ, din il-finalità hija ekwivalenti għall-finalità addizzjonali ta’ protezzjoni tas-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat?

5)      Konsegwenzi legali tal-ksib ta’ provi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni

a)      Fil-każ li l-provi jkunu nkisbu permezz ta’ [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-projbizzjoni li jintużaw provi tista’ tirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ effettività skont id-dritt tal-Unjoni?

b)      Fil-każ li l-provi jkunu nkisbu permezz ta’ [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea] bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza skont id-dritt tal-Unjoni jinkludi projbizzjoni li jintużaw provi jekk il-miżura li tkun ippermettiet il-ksib ta’ provi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma setgħetx tiġi ordnata f’każ nazzjonali paragunabbli fl-Istat emettenti u li l-provi miksuba minn tali miżura nazzjonali ma setgħux jintużaw skont id-dritt tal-Istat emettenti?

c)      Huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, li l-użu fi proċeduri kriminali ta’ provi li l-ksib tagħhom kien kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ suspett li twettaq reat, jiġi ġġustifikat, fil-kuntest ta’ bbilanċjar tal-interessi, bil-gravità tal-fatti rrilevati għall-ewwel darba fl-evalwazzjoni tal-provi?

d)      Sussidjarjament: mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ effettività, jirriżulta li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jiżnatura l-ġbir ta’ provi fi proċeduri kriminali nazzjonali ma jistax jibqa’ kompletament mingħajr konsegwenza, anki fil-każ ta’ reati kriminali serji, u għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni favur l-imputat minn tal-inqas fl-evalwazzjoni tal-provi jew fl-iffissar tal-piena?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

55      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56      Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni li l-kawża prinċipali għandha tiġi ttrattata b’urġenza partikolari. Fil-fatt, għalkemm il-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ kontra M.N. ma huwiex attwalment qiegħed jiġi eżegwit, dewmien tal-proċedura li jista’ jiġi evitata u li huwa imputabbli lill-Istat jista’ jwassal għall-annullament ta’ dan il-mandat ta’ arrest. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna, barra minn hekk, diversi proċeduri simili pendenti.

57      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

58      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali maħsub sabiex jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-każ ineżami, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fis‑16 ta’ Novembru 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatriċi u l-Avukata Ġenerali, li jiċħad it-talba msemmija fil-punt 55 tas-sentenza preżenti.

60      Fil-fatt, l-ewwel nett, peress li M.N. ma huwiex is-suġġett ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kollox sabiex tiżgura soluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Ottubru 2013, Rabal Cañas, C‑392/13, EU:C:2013:877, punt 15, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, EU:C:2018:766, punt 13, kif ukoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord, C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punt 46).

61      It-tieni nett, l-importanza tad-domandi jew il-fatt li numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali huma potenzjalment ikkonċernati minn dawn id-domandi ma jikkostitwixxux, bħala tali, raġunijiet li jistabbilixxu urġenza straordinarja, li madankollu hija neċessarja sabiex jiġi ġġustifikat trattament bi proċedura mħaffa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Settembru 2004, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/04, EU:C:2004:834, punt 11, u s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild), C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 30).

62      Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

63      L-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-Ġermanja) u diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li ċerti domandi huma inammissibbli, peress li dawn tal-aħħar huma, essenzjalment, ipotetiċi, jew ġenerali wisq, jew jirrigwardaw evalwazzjoni tal-fatti jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 15). Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022,VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 56).

65      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi magħmula lilha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 57).

66      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, ċertament, li ċerti preokkupazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju joriġinaw effettivament mid-dritt nazzjonali u li ċerti evalwazzjonijiet fattwali għadhom iridu jiġu ddeterminati minn din il-qorti.

67      Madankollu, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull mument tal-proċedura li huma jqisu xieraq. Fil-fatt, l-għażla tal-iktar mument opportun sabiex issir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni identifikati b’mod ċar u li għalihom, skont l-imsemmija qorti, hija suġġetta s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-argumenti invokati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin u mill-Gvernijiet imsemmija fil-punt 63 tas-sentenza preżenti ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li jidher b’mod manifest li din l-interpretazzjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula tidher li hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

69      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(c) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha neċessarjament tinħareġ minn Imħallef meta, skont id-dritt tal-Istat emittenti, il-ġbir inizjali ta’ dawn il-provi kien ikollu jiġi ordnat minn Imħallef f’proċedura purament interna tal-Istat emittenti.

70      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jipparteċipa fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, huwa ma jiddeterminax in-natura tal-awtorità li tista’ toħroġ tali deċiżjoni.

71      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ f’żewġ każijiet. Tali deċiżjoni tista’ għalhekk tirrigwarda, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ miżura jew ta’ diversi miżuri investigattivi speċifiċi fi Stat Membru ieħor, bl-għan li jinkisbu provi jew, min-naħa l-oħra, il-kisba ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ dawn il-provi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti. Fi kwalunkwe każ, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għandha tinħareġ jew tiġi vvalidati minn “awtorità ġudizzjarja”.

72      Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” użat f’din id-dispożizzjoni ma huwiex madankollu ddefinit fiha. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 2(c) tagħha, liema artikolu jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “awtorità emittenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Staatsanwaltschaft Graz (Servizz tal-affarijiet fiskali kriminali ta’ Düsseldorf), C‑16/22, EU:C:2023:148, punti 27 u 28).

73      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament li l-prosekutur jinsab fost l-awtoritajiet li, bħall-Imħallef, il-qorti jew il-qorti istruttorja, jinftiehmu bħala “awtorità emittenti”. Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-kwalifika ta’ “awtorità emittenti” għall-unika kundizzjoni li l-qorti u l-persuni li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ mħallef, ta’ qorti istruttorja jew ta’ prosekutur ikollhom kompetenza fil-kawża kkonċernata (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 50 u 51).

74      Għaldaqstant, peress li, skont id-dritt tal-Istat emittenti, prosekutur huwa kompetenti, f’sitwazzjoni purament interna ta’ dan l-Istat, sabiex jordna miżura investigattiva intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dan jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi li huma diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 52).

75      Min-naħa l-oħra, meta, fid-dritt tal-Istat emittenti, prosekutur ma jkollux kompetenza sabiex jordna tali miżura ta’ trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u għalhekk b’mod partikolari meta, f’sitwazzjoni purament interna, tali trażmissjoni jkollha tiġi awtorizzata minn Imħallef minħabba l-fatt li din tinvolvi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, il-Prosekutur Pubbliku ma jistax jitqies li huwa awtorità emittenti kompetenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni), C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 39).

76      Fil-każ ineżami, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-punt 1 tal-Artikolu 100e(6) tas-StPO jawtorizza t-trażmissjoni ta’ provi, fil-livell nazzjonali, minn awtorità investigattiva nazzjonali lil oħra. Barra minn hekk, din il-bażi legali, differenti minn dik użata għall-ġbir inizjali ta’ data, ma teħtieġx li tali trażmissjoni tkun awtorizzata minn Imħallef. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.

77      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex neċessarjament tinħareġ minn Imħallef meta, skont id-dritt tal-Istat emittenti, fi proċedura purament interna għal dan l-Istat, il-ġbir inizjali ta’ dawn il-provi kien ikollu jiġi ordnat minn Imħallef iżda prosekutur pubbliku għandu kompetenza jordna t-trażmissjoni tal-imsemmija provi.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

78      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-informazzjoni kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion, 251/83, EU:C:1984:397, punt 9, kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 131).

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw il-kisba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt, min-naħa tal-awtoritajiet investigattivi Franċiżi, ta’ data miġbura minn telefons mobbli mgħammra bis-servizz EncroChat li kienu jużaw l-utenti Ġermaniżi. Din id-data kienet inġabret minn dawn l-awtoritajiet wara li kienu rċevew l-awtorizzazzjoni ta’ Imħallef Franċiż.

80      Is-sitwazzjoni prevista mit-tieni u mit-tielet domanda preliminari tikkonċerna għalhekk, hekk kif jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi, esklużivament it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41, jiġifieri l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għat-trażmissjoni ta’ provi li diġà huma fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

81      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti sostantivi għall-ħruġ ta’ tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/41, fil-kuntest speċifiku li fih l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ġabru data minn telefons mobbli li tippermetti, permezz ta’ softwer speċjali u ta’ materjal immodifikat, komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf.

82      Huwa għalhekk li, permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41, il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandux ikun suġġett, b’mod partikolari, għall-eżistenza ta’ indizji konkreti ta’ reat serju, kontra kull persuna kkonċernata, fil-mument li fih din l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tiġi ordnata jew jekk indizji relatati mal-eżistenza ta’ diversi reati mwettqa minn persuni li jkunu għadhom ma ġewx identifikati jistgħux ikunu biżżejjed f’dan ir-rigward.

83      Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea meta d-data kollha miksuba permezz tal-miżura ta’ interċettazzjoni ma tkunx tista’ tiġi vverifikata minħabba l-kunfidenzjalità tat-teknoloġija li tkun ippermettiet din il-miżura u li l-parti akkużata tista’ ma tkunx, għal din ir-raġuni, f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv dwar din id-data matul il-proċedura kriminali sussegwenti.

84      Fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-punti (a) u (b) tat-tielet domanda tagħha, jekk, b’mod ġenerali jew, tal-inqas, meta din id-data tkun inġabret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fit-territorju tal-Istat emittenti u fl-interess tiegħu, il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni huwiex suġġett għall-istess rekwiżiti sostantivi bħal dawk applikati, fl-Istat emittenti, fil-qasam tal-ġbir ta’ dawn il-provi f’sitwazzjoni purament interna.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u jekk ikun il-każ f’liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jipprekludi li prosekutur jadotta Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta dawn il-provi jkunu nkisbu wara l-interċettazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, fit-territorju tal-Istat emittenti, ta’ telekomunikazzjonijiet tal-utenti kollha ta’ telefons mobbli li jippermettu, permezz ta’ softwer speċjali u ta’ materjal immodifikat, komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2014/41, hekk kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, huwa li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 39).

87      Konformement mal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2014/41, il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea huwa suġġett għall-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi vverifikata mill-awtorità emittenti. Minn naħa, skont l-Artikolu 6(1)(a), din l-awtorità għandha tiżgura li l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea jkun neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew tal-persuna akkużata. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41, l-imsemmija awtorità għandha tikkontrolla li l-miżura jew il-miżuri investigattivi indikati fl-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea setgħu jiġu ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

88      L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 jeżiġi għalhekk li jitwettaq stħarriġ tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-ħruġ tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea billi jsir riferiment għall-għanijiet tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Dan l-artikolu tal-aħħar, li jiddetermina t-tipi ta’ proċeduri li għalihom tista’ tinħareġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, jipprovdi, fil-punt (a), li tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ “fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali istitwiti minn, jew li jistgħu jiġu istitwi quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti”. Peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għad-dritt tal-Istat emittenti, in-natura neċessarja u proporzjonata tal-ħruġ ta’ tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tiegħu.

89      F’dan ir-rigward, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-domandi tal-qorti tar-rinviju mfakkra fil-punti 82 u 83 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 ma jeżiġix li l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun neċessarjament suġġett għall-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ reat serju bbażata fuq fatti konkreti, kontra kull persuna kkonċernata, fil-mument meta din l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tiġi ordnata, meta tali rekwiżit ma jirriżultax mid-dritt tal-Istat emittenti.

90      Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea meta d-data kollha miksuba mill-miżura ta’ interċettazzjoni ma tkunx tista’ tiġi vverifikata minħabba l-kunfidenzjalità tat-teknoloġija li tkun ippermettiet din il-miżura, sakemm id-dritt għal smigħ xieraq ikun iggarantit fil-proċedura kriminali sussegwenti. Fil-fatt, il-provi kollha trażmessi, bħala prinċipju, jistgħu jiġu evalwati biss fil-mument meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom effettivament il-provi inkwistjoni u mhux fl-istadju ta’ qabel il-ħruġ tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

91      Sussegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 kif ukoll mid-distinzjoni magħmula fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, imfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, fil-każ fejn “il-miżura investigattiva indikata fl-OIE [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea]” tikkonsisti fil-kisba ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ dawn il-provi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, tali deċiżjoni tista’ tinħareġ biss bil-kundizzjoni li din it-trażmissjoni “setgħet tiġi ordnata taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili”.

92      Billi juża l-kliem “taħt l-istess kondizzjonijiet” u “f’każ domestiku simili”, l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 jissuġġetta d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet preċiżi meħtieġa għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea biss għad-dritt tal-Istat emittenti.

93      Minn dan isegwi li, meta awtorità emittenti tkun tixtieq tikseb provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità għandha tissuġġetta Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt tal-Istat Membru tagħha stess għal proċedura nazzjonali simili.

94      Dan ifisser li l-legalità ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għat-trażmissjoni ta’ data fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa minn utent ta’ telefon mobbli li jippermetti, permezz ta’ softwer speċjali u materjal immodifikat, komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf, hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli, jekk ikun il-każ, għat-trażmissjoni ta’ tali data f’sitwazzjoni purament interna għall-Istat emittenti.

95      Konsegwentement, jekk id-dritt tal-Istat emittenti jissuġġetta din it-trażmissjoni għall-eżistenza ta’ indizji konkreti ta’ twettiq ta’ reati serji mill-persuna akkużata jew għall-ammissibbiltà tal-provi li jikkostitwixxu d-data inkwistjoni, l-adozzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea hija suġġetta għal dawn l-istess kundizzjonijiet kollha.

96      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 ma jeżiġix, inkluż f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-data inkwistjoni nġabret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fit-territorju tal-Istat emittenti u fl-interess tiegħu, li l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun suġġett għall-istess rekwiżiti sostantivi bħal dawk applikati, fl-Istat emittenti, fil-qasam tal-ġbir ta’ dawn il-provi.

97      Huwa minnu li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 huwa intiż li jevita evażjoni tar-regoli u garanziji previsti mid-dritt tal-Istat emittenti. Madankollu, fil-każ ineżami, ma jidhirx li l-imsemmi ġbir u t-trażmissjoni, permezz ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, tal-provi miġbura b’dan il-mod kellhom bħala għan jew effett tali evażjoni, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

98      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe regola, fid-Direttiva 2014/41, li tista’ tvarja s-sistema applikabbli għal Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi li huma diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni skont il-post fejn ikunu nġabru dawn il-provi, il-fatt li, fil-każ ineżami, l-Istat ta’ eżekuzzjoni wettaq dan il-ġbir fit-territorju tal-Istat emittenti u fl-interess tiegħu huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, b’mod partikolari, mill-premessi 2, 6 u 19 tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl-Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Madankollu, dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 40).

100    Minn dan isegwi li meta l-awtorità emittenti tkun tixtieq tikseb, permezz ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, it-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-ewwel waħda minn dawn l-awtoritajiet ma hijiex awtorizzata tistħarreġ ir-regolarità tal-proċedura distinta li permezz tagħha l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ġabar il-provi li tagħhom. hija titlob it-trażmissjoni. B’mod partikolari, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva twassal, fil-prattika, għal sistema iktar kumplessa, u inqas effikaċi, li tippreġudika l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2014/41 tiggarantixxi stħarriġ ġudizzjarju tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

102    Minn naħa, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li rimedji ġudizzjarji ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili jkunu applikabbli għall-miżuri ta’ investigazzjoni indikati fl-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea. Issa, f’dan il-kuntest, hija l-qorti kompetenti li għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali deċiżjoni, li huma stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u mfakkra fil-punti 87 sa 95 tas-sentenza preżenti.

103    Għaldaqstant, jekk it-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kellha tidher, jew sproporzjonata għall-finijiet tal-proċeduri kriminali mibdija kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat emittenti, minħabba, pereżempju, il-gravità tal-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna, jew tkun ġiet ordnata bi ksur tas-sistema legali applikabbli għal proċedura nazzjonali simili, il-qorti adita bir-rikors kontra l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li tordna din it-trażmissjoni jkollha tislet minn dan il-konsegwenzi imposti skont id-dritt nazzjonali.

104    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, fi proċeduri kriminali mibdija fl-Istat emittenti jkunu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir l-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz ta’ din l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

105    Issa, fir-rigward b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq, għandu jitfakkar b’mod partikolari li, meta qorti tqis li parti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq prova li tista’ tinfluwenza b’mod predominanti l-evalwazzjoni tal-fatti, din il-qorti għandha tikkonstata ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u teskludi din il-prova sabiex jiġi evitat tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44).

106    Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li prosekutur jadotta Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta dawn il-provi jkunu nkisbu wara l-interċettazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, fit-territorju tal-Istat emittenti, ta’ telekomunikazzjonijiet tal-utenti kollha ta’ telefons mobbli li jippermettu, permezz ta’ softwer speċjali u ta’ materjal immodifikat, komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf, sakemm tali deċiżjoni tosserva l-kundizzjonijiet kollha previsti, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Istat emittenti għat-trażmissjoni ta’ tali provi f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat.

 Fuq ilpunti (a) u (b) tarraba’ domanda

107    Permezz tal-punti (a) u (b) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura marbuta mal-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali, intiża għall-estrazzjoni ta’ data dwar it-traffiku, il-lokalizzazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet, tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li għandha tiġi nnotifikata lil Imħallef tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun il-mira tal-interċettazzjoni.

108    L-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-każijiet fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun awtorizzat, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva, l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ suġġett immirat li l-indirizz ta’ komunikazzjoni tiegħu jkun jintuża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li l-assistenza teknika min-naħa tiegħu ma tkunx neċessarja sabiex titwettaq din l-interċettazzjoni. F’dan il-każ, l-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, imsejjaħ “Stat Membru li jinnotifika”, għandu jinnotifika l-imsemmija interċettazzjoni lill-awtorità kompetenti tat-tieni wieħed minn dawn l-Istati Membri, imsejjaħ “Stat Membru nnotifikat”.

109    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “telekomunikazzjonijiet” użat f’din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 49).

110    Fid-dawl tal-fatt li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/41 ma tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “telekomunikazzjonijiet” użat fl-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, u lanqas riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fid-dritt tal-Unjoni, konformement mal-metodoloġija mfakkra fil-punt preċedenti.

111    L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41, it-terminu “telekomunikazzjonijiet” jirreferi, fis-sens normali tiegħu, għall-proċessi kollha ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-bogħod.

112    It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ssir permezz tal-formola li tinsab fl-Anness C ta’ din id-direttiva. Issa, taħt it-titolu “Mira tal-interċettazzjoni”, il-punt B (III) ta’ dan l-anness jipprevedi kemm numru tat-telefon kif ukoll indirizz ta’ protokoll tal-internet (“indirizz IP”) jew ukoll indirizz tal-posta elettronika. Il-kunċett wiesa’ tal-kelma “telekomunikazzjonijiet” huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2014/41 li jipprevedi, mingħajr distinzjoni, d-“data” interċettata.

113    It-tielet nett, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41, mill-premessa 30 tagħha jirriżulta li l-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni abbażi ta’ din id-direttiva fil-qasam tal-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati għall-kontenut tat-telekomunikazzjonijiet, iżda jistgħu jikkonċernaw ukoll il-ġbir ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni marbuta ma’ dawn it-telekomunikazzjonijiet.

114    Minn dan jirriżulta li l-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali għall-finijiet ta’ estrazzjoni ta’ data ta’ kommunikazzjoni, iżda wkoll ta’ traffiku jew ta’ lokalizzazzjoni, minn servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41.

115    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-awtorità li lilha għandha tiġi indirizzata n-notifika prevista f’dan l-artikolu, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement irrefera għall-“awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat”, mingħajr ma speċifika n-natura, amministrattiva jew ġudizzjarja, li din l-awtorità għandu jkollha jew il-funzjonijiet tagħha.

116    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat ukoll, minn naħa, li l-imsemmija awtorità ma tagħmilx parti mill-informazzjoni, elenkata fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/41, li kellha tiġi kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, mill-formola li tinsab fl-Anness C ta’ din id-direttiva, li, kif indikat fil-punt 112 tas-sentenza preżenti, għandha tintuża għan-notifika tal-“interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li l-unika indikazzjoni li għandha tingħata f’dan ir-rigward fuq din il-formola hija l-“Istat Membru nnotifikat”.

117    Minn dan isegwi li huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jindika l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41. Fil-każ li l-Istat Membru li jinnotifika ma jkunx f’pożizzjoni li jidentifika l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat, din in-notifika tista’ tiġi indirizzata lil kwalunkwe awtorità tal-Istat Membru nnotifikat li l-Istat Membru li jinnotifika jqis li hija adatta għal dan l-għan.

118    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li l-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41 tista’, skont l-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva, fost oħrajn, tinnotifika li l-interċettazzjoni ma tistax issir jew għandha tiġi interrotta meta l-interċettazzjoni ma tkunx awtorizzata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. Minn dan isegwi li, jekk l-awtorità li tirċievi n-notifika ma tkunx l-awtorità kompetenti skont id-dritt tal-Istat Membru nnotifikat, din l-ewwel awtorità għandha, sabiex tiżgura l-effett utli tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41, tibgħat ex officio n-notifika lill-awtorità kompetenti.

119    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura marbuta mal-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali, intiża għall-estrazzjoni ta’ data dwar it-traffiku, il-lokalizzazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet, tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità maħtura għal dan il-għan mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-mira tal-interċettazzjoni. Fil-każ li l-Istat Membru li jinnotifika ma jkunx f’pożizzjoni li jidentifika l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat, din in-notifika tista’ tiġi indirizzata lil kwalunkwe awtorità tal-Istat Membru nnotifikat li l-Istat Membru li jinnotifika jqis li hija adatta għal dan l-għan.

 Fuq il-punt (c) tar-raba’ domanda

120    Permezz tal-punt (c) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-utenti kkonċernati minn miżura ta’ “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li testendi għall-użu tad-data hekk miġbura fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fl-Istat Membru nnotifikat.

121    L-ewwel nett, kuntrarjament għall-“interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet b’assistenza teknika ta’ Stat Membru ieħor”, irregolata fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/41, l-“interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet” imsemmija fl-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, jiġifieri dik li ma teħtieġx l-assistenza teknika tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-mira ta’ din l-interċettazzjoni, ma hijiex is-suġġett ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea. Minn dan isegwi li d-diversi kundizzjonijiet u garanziji li jirregolaw tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ma japplikawx għall-imsemmija interċettazzjoni.

122    Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, mill-kliem tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat tista’, fil-każ fejn l-interċettazzjoni ma tkunx awtorizzata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jinterċetta li din l-interċettazzjoni ma tistax titwettaq jew għandha tiġi interrotta, jew saħansitra, jekk ikun il-każ, li d-data interċettata ma tistax tintuża jew tista’ tintuża biss fil-kundizzjonijiet li hija tispeċifika.

123    L-użu tal-verb “jista’” f’din id-dispożizzjoni jimplika li l-Istat Membru nnotifikat għandu possibbiltà li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat, peress li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà għandu jkun iġġustifikat mill-fatt li tali interċettazzjoni ma tkunx awtorizzata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

124    L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 huwa għalhekk intiż mhux biss sabiex jiggarantixxi l-osservanza tas-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat iżda wkoll sabiex jiżgura li l-livell ta’ protezzjoni ggarantit f’dan l-Istat Membru fil-qasam tal-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet ma jiġix kompromess. Għaldaqstant, sa fejn miżura ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, tas-suġġett tal-mira tal-interċettazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et, C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 36), għandu jitqies li l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 huwa intiż ukoll sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-persuni kkonċernati minn tali miżura, għan li jestendi għall-użu tad-data għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru nnotifikat.

125    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-punt (c) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż ukoll sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-utenti kkonċernati minn miżura ta’ “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 Fuq ilħames domanda

126    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività jimponix fuq il-qorti kriminali nazzjonali li teskludi, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa kontra persuna ssuspettata li wettqet atti kriminali, informazzjoni u provi li nkisbu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

127    Preliminarjament, għandu jiġi indikat, minn naħa, li r-risposta għal din id-domanda għandha tingħata biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni, abbażi tar-risposti għall-ewwel sar-raba’ domanda preliminari, li t-talbiet għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni ġew ordnati illegalment.

128    F’dan ir-rigward, fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, bħala regola, huwa biss id-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi r-regoli relatati mal-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 222).

129    Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li jisiltu l-individwi mid-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 223).

130    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 104 u 105 tas-sentenza preżenti, ma jistax jiġi injorat li l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41 jimponi espressament fuq l-Istati Membri li jiżguraw, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċeduri nazzjonali, li, fi proċeduri kriminali fl-Istat emittenti, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura jiġu osservati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li jimplika li prova li dwarha parti ma tkunx f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effikaċi għandha tiġi eskluża mill-proċedura kriminali.

131    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti kriminali nazzjonali teskludi, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuna ssuspettata li wettqet atti kriminali, informazzjoni u provi miksuba bi ksur ta’ din id-direttiva, jekk din il-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv dwar din l-informazzjoni kif ukoll dwar dawn il-provi u jekk dawn il-provi jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti.

 Fuq lispejjeż

132    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex neċessarjament tinħareġ minn Imħallef meta, skont id-dritt tal-Istat emittenti, fi proċedura purament interna għal dan l-Istat, il-ġbir inizjali ta’ dawn il-provi kien ikollu jiġi ordnat minn Imħallef, iżda prosekutur pubbliku għandu kompetenza sabiex jordna t-trażmissjoni tal-imsemmija provi.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li prosekutur jadotta Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta dawn il-provi jkunu nkisbu wara l-interċettazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, fit-territorju tal-Istat emittenti, ta’ telekomunikazzjonijiet tal-utenti kollha ta’ telefons mobbli li jippermettu, permezz ta’ softwer speċjali u ta’ materjal immodifikat, komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf, sakemm tali deċiżjoni tosserva l-kundizzjonijiet kollha previsti, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Istat emittenti għat-trażmissjoni ta’ tali provi f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat.

3)      L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

miżura marbuta mal-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali, intiża għall-estrazzjoni ta’ data dwar it-traffiku, il-lokalizzazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet, tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità maħtura għal dan il-għan mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-mira tal-interċettazzjoni. Fil-każ li l-Istat Membru li jinnotifika ma jkunx f’pożizzjoni li jidentifika l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat, din in-notifika tista’ tiġi indirizzata lil kwalunkwe awtorità tal-Istat Membru nnotifikat li l-Istat Membru li jinnotifika jqis li hija adatta għal dan l-għan.

4)      L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

huwa intiż ukoll li jipproteġi d-drittijiet tal-utenti kkonċernati minn miżura ta’ “interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

5)      L-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jobbliga lill-qorti kriminali nazzjonali teskludi, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuna ssuspettata b’atti kriminali, informazzjoni u provi miksuba bi ksur ta’ din id-direttiva, jekk din il-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv dwar din l-informazzjoni kif ukoll dwar dawn il-provi u jekk dawn il-provi jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.