Language of document : ECLI:EU:C:2024:375

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2024 (1)

Kawża C650/22

Fédération internationale de football association (FIFA)

vs

BZ,

Intervenjenti:

Union Royale Belge des Sociétés de Football-Association ASBL (URBSFA),

SA Sporting du Pays de Charleroi,

Fédération Internationale des Footballeurs Professionnels,

Union Nationale des Footballeurs Professionnels,

Fédération Internationale des Footballeurs Professionnels, Division Europe

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-ħaddiema — Projbizzjonijiet ta’ ftehimiet — Ir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment ta’ Plejers — Terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt konkluż bejn klabb u plejer — Regolamenti li jippenalizzaw lil klabb l-ieħor li jimpjega lill-plejer inkwistjoni — Projbizzjoni tal-ħruġ taċ-ċertifikat meħtieġ għat-trasferiment ta’ dan il-plejer lil dan il-klabb l-ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, tressqet fi proċeduri bejn BZ, plejer tal-futbol, u l-Fédération internationale de football association (l-Assoċjazzjoni tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol; FIFA) dwar id-dannu li l-plejer jallega li sofra minħabba ċerti regoli tal-FIFA li jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-plejers u l-klabbs.

2.        Ir-regoli inkwistjoni jirrigwardaw il-kumpens, is-sanzjonijiet sportivi u l-ħruġ ta’ ċertifikat internazzjonali ta’ trasferiment mandatorju, f’sitwazzjoni ta’ allegata terminazzjoni ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, jien ser neżamina jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex preklużi mill-Artikoli 45 u 101 TFUE jew mill-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

II.    Ilfatti, ilproċedura u ddomandi magħmula

A.      Ilpartijiet fittilwima

4.        BZ huwa ex plejer tal-futbol professjonali li jirrisjedi f’Pariġi (Franza).

5.        SA Sporting du Pays de Charleroi huwa klabb tal-futbol Belġjan.

6.        Il-FIFA hija assoċjazzjoni li ġiet stabbilita f’Pariġi fl-1904. Hija bbażata fi Zurich (l-Isvizzera) u hija rregolata mid-dritt Svizzeru. L-għanijiet tal-FIFA, deskritti fl-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-FIFA huma, inter alia, “li toħloq regoli u dispożizzjonijiet li jirregolaw il-logħba tal-futbol u materji relatati u li tiżgura l-infurzar tagħhom” (2) u “biex tikkontrolla kull tip ta’ assoċjazzjoni tal-futbol billi tieħu passi xierqa biex tipprevjeni l-ksur tal-Istatuti, tar-regoli jew tad-deċiżjonijiet tal-FIFA jew tal-Liġijiet tal-Logħba” (3). Fost l-organi tagħha hemm il-“Kungress” bħala l-“organu suprem u leġiżlattiv” (4), il-“Kunsill” bħala l-“organu strateġiku u ta’ sorveljanza” (5) u s-“segretarjat ġenerali” bħala l-“organu eżekuttiv, operazzjonali u amministrattiv” (6).

7.        Skont l-Artikoli 11 u 14 tal-Istatuti tal-FIFA, kull “assoċjazzjoni li hija responsabbli li torganizza u tissorvelja l-futbol” f’pajjiż partikolari tista’ ssir membru tal-FIFA sakemm, inter alia, hija tkun diġà membru ta’ wieħed mis-sitt konfederazzjonijiet kontinentali rrikonoxxuti mill-FIFA u msemmija fl-Artikolu 22 tal-Istatuti tal-FIFA. Dawn jinkludu l-Union des associations européennes de football (l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol; UEFA). Tali assoċjazzjoni għandha l-ewwel timpenja ruħha li tikkonforma mal-istatuti, regoli, direttivi u deċiżjonijiet tal-FIFA, kif ukoll ma’ dawk tal-konfederazzjoni kontinentali li tagħha l-assoċjazzjoni hija diġà membru. Fil-prattika, fil-preżent hemm iktar minn 200 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA. Bħala tali, huma obbligati skont l-Artikoli 14 u 15 tal-Istatuti tal-FIFA, inter alia, li “jiżguraw li l-membri tagħhom jikkonformaw mal-Istatuti tal-FIFA, mar-regoli, mad-direttivi u mad-deċiżjonijiet tal-korpi tal-FIFA” (7), u biex jiżguraw li dawn jiġu osservati minn kull min huwa involut fil-futbol, b’mod partikolari l-leagues professjonali, il-klabbs u l-plejers. Barra minn hekk, il-“klabbs, leagues jew kwalunkwe gruppi oħra affiljati ma’ assoċjazzjoni membru għandhom ikunu suġġetti għal, u rrikonoxxuti minn din l-assoċjazzjoni membru” (8).

B.      Iddispożizzjonijiet ikkontestati

8.        Fit‑22 ta’ Marzu 2014, il-FIFA adottat test intitolat “Regolamenti dwar l-Istatus u t-Trasferiment ta’ Plejers” (iktar ’il quddiem ir-“RSTP”), li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena. Dawn ir-regoli ħassru u ssostitwixxew sett ta’ regolamenti preċedenti bl-istess titolu.

9.        L-Artikolu 9.1 tar-RSTP huwa fformulat kif ġej:

“Plejers irreġistrati ma’ assoċjazzjoni waħda jistgħu jkunu rreġistrati ma’ assoċjazzjoni ġdida biss malli din tal-aħħar tkun irċeviet Ċertifikat Internazzjonali ta’ Trasferiment (iktar ’il quddiem “ĊIT”) mill-assoċjazzjoni preċedenti. Iċ-ĊIT għandu jinħareġ mingħajr ħlas, mingħajr kundizzjonijiet jew terminu. Kwalunkwe dispożizzjonijiet kuntrarja tkun nulla u bla effett. L-assoċjazzjoni li toħroġ iċ-ĊIT għandha tibgħat kopja lill-FIFA. Il-proċeduri amministrattivi għall-ħruġ ta’ ĊIT jinsabu fl-Artikolu 8 tal-Anness 3 […] ta’ dawn ir-regolamenti”.

10.      L-Artikolu 8.2(7) tal-Anness 3 tar-RSTP jistipula li “l-ewwel assoċjazzjoni ma għandhiex tagħti ĊIT jekk tkun qamet tilwima kuntrattwali fuq xi waħda miċ-ċirkustanzi stipulati fl-Artikolu 8.2(4b) tal-Anness 3 bejn il-klabb preċedenti u l-plejer professjonali […]”.

11.      L-Artikolu 8.2(4b) tal-Anness 3 tar-RSTP, minn naħa tiegħu, jipprovdi li “fi żmien sebat ijiem mid-data tat-talba għaċ-ĊIT, l-assoċjazzjoni preċedenti għandha […] tiċħad it-talba għaċ-ĊIT u tindika […] ir-raġuni għaċ-ċaħda, li tista’ tkun jew li l-kuntratt bejn il-klabb preċedenti u l-plejer professjonali ma skadiex jew li ma kien hemm ebda ftehim reċiproku dwar it-terminazzjoni bikrija tiegħu”.

12.      Skont l-Artikolu 17 tar-RSTP:

“Id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw meta kuntratt jiġi tterminat mingħajr raġuni valida:

1.      F’kull każ, il-parti li tkun kiser il-kuntratt għandha tħallas kumpens. Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 u tal-Anness 4 fir-rigward tal-kumpens għat-taħriġ, u sakemm mhux ipprovdut mod ieħor fil-kuntratt, il-kumpens għall-ksur għandu jiġi kkalkolat bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-liġi tal-pajjiż ikkonċernat, għall-ispeċifiċità tal-isport, u għal kwalunkwe kriterju oġġettiv ieħor. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu, b’mod partikolari, ir-remunerazzjoni u benefiċċji oħra dovuti lill-plejer taħt il-kuntratt eżistenti u/jew taħt il-kuntratt il-ġdid, iż-żmien li fadal taħt il-kuntratt eżistenti sa massimu ta’ ħames snin, il-miżati u l-ispejjeż imħallsa jew sostnuti mill-klabb preċedenti (amortizzati fuq tul il-kuntratt) u jekk il-ksur kuntrattwali jaqax f’perijodu protett.

2.      Id-dritt għal kumpens ma jistax jiġi assenjat lil terza persuna. Jekk plejer professjonali jkun meħtieġ iħallas kumpens, il-plejer professjonali u l-klabb il-ġdid tiegħu jkunu responsabbli in solidum bejniethom għall-ħlas tiegħu. L-ammont jista’ jiġi stipulat fil-kuntratt jew miftiehem bejn il-partijiet.

[…]

4.      B’żieda mal-obbligu għall-ħlas tal-kumpens, għandhom jiġu imposti sanzjonijiet sportivi fuq kull klabb li jinstab li kiser il-kuntratt jew jinstab li qiegħed jinduċi ksur tal-kuntratt matul perijodu protett. Għandu jkun hemm preżunzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit bil-kontra, li kull klabb li jiffirma plejer professjonali li jkun ittermina l-kuntratt tiegħu mingħajr raġuni valida, ikun induċa lil dak il-plejer professjonali jwettaq ksur. Il-klabb għandu jkun ipprojbit milli jirreġistra plejers ġodda, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment, għal żewġ perijodi ta’ reġistrazzjoni sħaħ u konsekuttivi. Il-klabb għandu jkun jista’ jirreġistra plejers ġodda, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment, mal-perijodu ta’ reġistrazzjoni sussegwenti biss wara li jkun skonta s-sanzjoni sportiva sħiħa. B’mod partikolari, huwa ma jkunx jista’ juża l-eċċezzjoni u l-miżuri provviżorji stipulati fl-Artikolu 6(1) ta’ dawn ir-regolamenti sabiex jirreġistra plejers fi stadju iktar bikri”.

C.      Ilkawża prinċipali

13.      BZ kien plejer professjonali bejn l‑2004 u l‑2019.

14.      Fl‑20 ta’ Awwissu 2013, huwa ffirma kuntratt ta’ erba’ snin mal-klabb tal-futbol professjonali Russu Futbolny Klub Lokomotiv (iktar ’il quddiem “Lokomotiv Moscow”).

15.      Fit‑22 ta’ Awwissu 2014, Lokomotiv Moscow ittermina dan il-kuntratt u talab lill-Kamra għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-FIFA (iktar ’il quddiem il-“KRT” għal ordni biex BZ iħallas kumpens ta’ EUR 20 miljun, filwaqt li allega ksur u “terminazzjoni ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida” fis-sens tal-Artikolu 17 tar-RSTP. Sussegwentement, BZ ippreżenta kontrotalba fejn talab il-ħlas mingħand Lokomotiv Moscow tal-pagi mhux imħallsa u kumpens ekwivalenti għall-ammont tar-remunerazzjoni li kienet tkun dovuta lilu taħt il-kuntratt li kieku dan baqa’ għaddej sal-aħħar.

16.      Sussegwentement, BZ beda jfittex klabb ġdid biex jimpjegah, li kien diffiċli. BZ isostni li dan kien minħabba r-riskju li l-klabb il-ġdid jinżamm responsabbli, in solidum ma’ BZ stess, li jħallas il-kumpens li jinstab li jkun dovut lil Lokomotiv Moscow.

17.      BZ jiddikjara li, minkejja l-interess minn diversi klabbs, l-unika offerta li huwa rċieva kienet dik mingħand Sporting du pays de Charleroi li, fid‑19 ta’ Frar 2015, bagħtlu offerta ta’ impjieg li kien fiha żewġ kundizzjonijiet sospensivi kumulattivi: (1) li huwa jkun irreġistrat u eliġibbli, skont ir-regoli applikabbli u mhux iktar tard mit‑30 ta’ Marzu 2015, biex jilgħab mal-ewwel tim ta’ Sporting du Pays de Charleroi fi kwalunkwe kompetizzjoni uffiċjali organizzata mill-Union Royale Belge des Sociétés de Football-Association ASBL (l-Assoċjazzjoni Irjali Belġjana tal-Futbol; iktar ’il quddiem l-“URBSFA”), mill-UEFA jew mill-FIFA; u (2) li (sal-istess data) huwa jkun kiseb konferma bil-miktub u mingħajr kundizzjonijiet li Sporting du Pays de Charleroi ma tistax tinżamm responsabbli in solidum għal kwalunkwe kumpens (b’mod partikolari, kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt) li BZ jista’ jinżamm responsabbli jħallas lil Lokomotiv Moscow.

18.      Permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Frar u tal‑5 ta’ Marzu 2015, il-konsulenti rispettivi ta’ BZ u ta’ Sporting du Pays de Charleroi talbu konferma kemm mill-FIFA kif ukoll mill-URBSFA li BZ seta’ jiġi rreġistrat u jkun eliġibbli, skont ir-regoli applikabbli, biex jilgħab għall-ewwel tim ta’ Sporting du Pays de Charleroi u li l-Artikolu 17.2 u .4 tar-RSTP ma kinux ser jiġu infurzati kontrih.

19.      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2015, il-FIFA wieġbet li kien biss l-organu kompetenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u mhux l-organu amministrattiv tagħha, li kellu s-setgħa japplika d-dispożizzjonijiet tar-RSTP. Min-naħa tagħha, l-URBSFA indikat, fis‑6 ta’ Marzu 2015 li, taħt ir-regoli tal-FIFA, BZ ma setax ikun irreġistrat qabel ma l-klabb preċedenti tiegħu joħroġlu ĊIT.

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2015, il-KRT laqgħet parzjalment it-talba ta’ Lokomotiv Moscow, iffissat l-ammont ta’ kumpens pagabbli minn BZ fis-somma ta’ EUR 10.5 miljun u ċaħdet it-talbiet ta’ BZ. Il-KRT iddeċidiet ukoll li l-Artikolu 17.2 tar-RSTP ma jkunx applikabbli għal BZ fil-futur. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Court of Arbitration for Sport (CAS) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ għall-Isport (CAS), fis‑27 ta’ Mejju 2016.

21.      Fl‑24 ta’ Lulju 2015, BZ ikkonkluda kuntratt ta’ impjieg mal-klabb Olympique de Marseille (Franza).

22.      Fid‑9 ta’ Diċembru 2015, BZ beda proċeduri kontra l-FIFA u l-URBSFA quddiem it-tribunal de commerce du Hainaut, division de Charleroi (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hainaut, Diviżjoni ta’ Charleroi, il-Belġju), fejn talab kumpens għad-danni, jiġifieri telf ta’ qliegħ ta’ EUR 6 miljuni, li huwa jsostni li sofra minħabba l-applikazzjoni li huma għamlu tad-dispożizzjonijiet ikkontestata, li huwa jikkunsidra li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

23.      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, dik il-qorti ddeċidiet li t-talba ta’ BZ kienet bħala prinċipju fondata u ordnat lil FIFA u lill-URBSFA jħallsu s-somma provviżorja ta’ EUR 60 001.

24.      Il-FIFA appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Wara li intervjeniet fil-proċeduri, l-URBSFA talbet ukoll biex is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017 tiġi rriformata.

D.      Iddomanda magħmula

25.      Huwa f’dan l-isfond li, b’digriet tad‑19 ta’ Settembru 2022, irċevut fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ottubru 2022, il-Cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 45 u 101 tat-Trattat FUE għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprojbixxu:

–        il-prinċipju li l-plejer u l-klabb li jixtieq jimpjegah huma responsabbli in solidum bejniethom għall-ħlas tal-kumpens dovut lill-klabb li l-kuntratt mal-plejer inkwistjoni ġie tterminat mingħajr raġuni valida, kif stabbilit fl-Artikolu 17.2 tar-Regolamenti dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers (iktar ’il quddiem ir-‘RSTP’) tal-FIFA, flimkien mas-sanzjonijiet sportivi previsti fl-Artikolu 17.4 tal-istess regolamenti u mas-sanzjonijiet finanzjarji previsti fl-Artikoli 17.1;

–        il-possibbiltà għall-federazzjoni li minnha jiddependi l-klabb preċedenti tal-plejer li ma toħroġx iċ-[ĊIT], li huwa neċessarju sabiex il-plejer jimpjega ruħu ma’ klabb ġdid, jekk tkun teżisti tilwima bejn dan il-klabb preċedenti u l-plejer (l-Artikolu 9.1 tar-RSTP tal-FIFA u l-Artikolu 8.2.7 tal-Anness 3 tal-imsemmija RSTP)?”

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-FIFA, minn BZ, minn URBSFA, mill-Fédération Internationale des Footballeurs Professionnels (il-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Plejers Professjonali tal-Futbol; iktar ’il quddiem il-“FIFPro”) (9), mill-Fédération Internationale des Footballeurs Professionnels, Division Europe; (il-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Plejers Professjonali tal-Futbol, Diviżjoni Ewropa, iktar ’il quddiem il-“FIFPro Europe”), mill-Union Nationale des Footballeurs Professionnels (l-Unjoni Nazzjonali ta’ Plejers Professjonali tal-Futbol, iktar ’il quddiem il-“UNFP”), mill-Gvern Grieg, Franċiż, Taljan u Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. FIFA, BZ, l-URBSFA, FIFPro, FIFPro Europe, UNFP, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta, li nżammet fit‑18 ta’ Jannar 2024.

III. Levalwazzjoni

A.      Lammissibbiltà

27.      Il-FIFA u l-URBSFA jallegaw nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti fid-digriet tar-rinviju u jargumentaw li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tinftiehem bħala li hija ta’ natura “purament interna”, bir-riżultat li l-każ preżenti għandu jitqies bħala inammissibbli. Il-Gvern Grieg, Franċiż u Ungeriż għandhom dubji simili dwar l-ammissibbiltà tal-kawża.

28.      Jien ma nistax naqbel ma’ dan l-argument. Il-kwistjonijiet legali jirriżultaw perfettament ċari mid-digriet tar-rinviju. Il-partijiet ikkonċernati kollha fehmu kompletament it-tifsira u l-kuntest tad-domanda magħmula u l-kuntest fattwali u regolatorju li fih qamet, kif ukoll il-fatt li t-tilwima kellha dimensjoni transkonfinali inkwantu l-plejer tal-futbol, li kien ta’ nazzjonalità Franċiża u ddomiċiljat fi Franza, allega li huwa kien ġie prekluż, għall-iskopijiet tal-professjoni tiegħu, milli jiċċaqlaq lejn il-Belġju (10).

B.      Is-sustanza

29.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 101 TFUE jipprekludux l-applikazzjoni tar-regoli, kif adottati mill-FIFA, li jistabbilixxu li: (1) plejer u klabb li jkun jixtieq jimpjegah huma responsabbli in solidum bejniethom fir-rigward tal-kumpens dovut lill-klabb li l-kuntratt tiegħu mal-plejer ikun ġie tterminat mingħajr raġuni valida; u (2) assoċjazzjoni li minnha jiddependi l-klabb preċedenti tal-plejer għandha l-possibbiltà li ma toħroġx iċ-ĊIT meħtieġ jekk il-plejer ikun ser jiġi impjegat ma’ klabb ġdid, fejn ikun hemm tilwima bejn il-klabb preċedenti u l-plejer.

1.      Ir-rimarki metodoloġiċi

30.      Għandu jitfakkar li reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja tat żewġ arrêts de principe li jikkonċernaw regoli adottati minn entitajiet privati responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-kontroll tal-futbol fil-livell dinji, Ewropew u nazzjonali (11). Dan jimplika li għadu kif sar sforz konsiderevoli biex issir sinteżi u jingħata sunt tal-ġurisprudenza preċedenti. Għaldaqstant, peress li dawn il-konklużjonijiet jistgħu jibnu fuq dawn is-sentenzi reċenti, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw primarjament fuq il-partikolaritajiet ta’ dan il-każ (12).

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ regoli bħalma huma d-dispożizzjonijiet ikkontestati kemm mill-perspettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll minn dik tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern (13). Għaldaqstant, l-Artikoli 101 u 45 TFUE huma, bħala prinċipju, applikabbli għal dan il-każ. Dan huwa approċċ pragmatiku li jista’, madankollu, iwassal għal sitwazzjonijiet potenzjalment delikati, kif ser nipprova nuri fil-qosor.

32.      Fil-loġika tat-Trattati, kemm il-libertajiet fundamentali kif ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni jservu l-għan li jipprovdu għal suq intern funzjonali (14) F’dan ir-rigward, il-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni jiċċara espressament li s-suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 3 TUE jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta (15). It-tifsira inizjali tat-Trattati kienet li l-libertajiet fundamentali kienu diretti lejn l-Istati Membri bħala entitajiet pubbliċi, filwaqt li r-regoli dwar il-kompetizzjoni kellhom jorbtu lill-impriżi privati.

33.      Matul is-snin, madankollu, din is-separazzjoni saret imċajpra. Spiss ikun diffiċli li wieħed jiċħad li xi entitajiet privati jaġixxu b’mod qrib dak ta’ Stat, jew minħabba l-poter ekonomiku tagħhom jew minħabba l-mod li bih jippromulgaw ir-“regoli”, filwaqt li hemm sitwazzjonijiet oħra li fihom l-atti tal-Istat ikunu iktar simili għal dawk ta’ kumpannija privata. Għaldaqstant, matul is-snin, il-Qorti tal-Ġustizzja (kellha) żżomm il-pass ma’ dawn l-iżviluppi u l-ġurisprudenza evolviet: minn naħa, f’ċerti sitwazzjonijiet xi wħud mil-libertajiet tas-suq intern ġew applikati għall-entitajiet privati (16), filwaqt li min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet oħra, l-azzjonijiet tal-Istati Membri ġew meqjusa li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (17). Ikun barra mill-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet li nagħmel evalwazzjoni komprensiva u konklużiva ta’ din il-kwistjoni.

34.      B’żieda ma’ dan, f’ċerti istanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istess sett ta’ fatti huma suġġetti kemm għal-libertajiet fundamentali kif ukoll għar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, l-approċċ ma kienx għadu għażla binarja (jew ir-regoli tal-kompetizzjoni jew il-libertajiet fundamentali) imma wieħed parallel (jew: kumulattiv). Fid-dawl tar-raġunament inizjali tat-Trattati deskritt iktar ’il fuq, tista’ tqum il-kwistjoni dwar liema raġunijiet wasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta dan l-approċċ. Ovvjament, filwaqt li tali applikazzjoni parallela tad-dispożizzjonijiet tista’ twassal għas-sitwazzjoni mixtieqa li ebda regoli adottati minn entità bħalma hija l-FIFA ma jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dan ma huwiex mingħajr diffikultajiet: x’jiġri meta, pereżempju, dispożizzjoni kkontestata tinstab li hija kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE, imma inkompatibbli mal-Artikolu 45 TFUE, jew viċiversa? Ir-risposta intuwittiva hija ċara: iż-żewġ settijiet ta’ regoli (kompetizzjoni u libertajiet fundamentali) jridu jiġu evalwati indipendentement fuq il-merti tagħhom.

35.      Ejja nieħdu, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Royal Antwerp Football Club (18) u nimmaġinaw li meta tapplika l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tasal f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati (1) għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (19) u (2) jikkostitwixxu restrizzjoni taħt l-Artikolu 45 TFUE. Imbagħad, filwaqt li tkompli tapplika s-sentenza Royal Antwerp Football Club għall-każ li għandha quddiemha, il-qorti nazzjonali jkollha tikkonkludi li restrizzjoni minħabba l-għan (Artikolu 101 TFUE) hija pprojbita per se, u għalhekk tagħmilha impossibbli li din tiġi evalwata fid-dawl ta’ għanijiet oħra skont il-ġurisprudenza (20) Wouters et (21). Fl-istess ħin, il-qorti nazzjonali tista’ teżamina ġustifikazzjonijiet possibbli taħt l-Artikolu 45 TFUE u anki tikkonstata li r-restrizzjonijiet huma ġġustifikati in casu. B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE, imma kompatibbli mal-Artikolu 45 TFUE.

36.      Finalment, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-konsegwenzi legali marbutin mal-ksur tal-libertajiet fundamentali u dawk marbutin mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jvarjaw fundamentalment: ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-FIFA kisret, pereżempju, l-Artikolu 45 TFUE, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu applikati fil-ġurisdizzjoni tal-FIFA sa fejn tikkonċerna s-suq intern tal-Unjoni. Madankollu, xorta waħda jrid ikun hemm element transkonfinali bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, malli jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE, d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu applikati, lanqas fi Stat Membru.

37.      Irrispettivament, f’dawn il-konklużjonijiet ser inkun qiegħed insegwi l-istess approċċ li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-arrêts de principe msemmija: ser neżamina kemm l-Artikolu 45 kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE.

2.      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati

38.      F’dan l-istadju, jidhirli li huwa utli li nerġa nesponi malajr id-dispożizzjonijiet ikkontestati.

39.      Skont l-Artikolu 17.1, .2 u .4 tar-RSTP, il-plejer u l-klabb li jkun jixtieq jimpjegah huma responsabbli in solidum bejniethom fir-rigward tal-kumpens dovut lill-klabb li l-kuntratt tiegħu mal-plejer ikun ġie tterminat mingħajr raġuni valida. Barra minn hekk, sanzjonijiet sportivi u sanzjonijiet finanzjarji jiġu imposti kemm fuq il-plejer kif ukoll fuq il-klabb. Iktar ’il quddiem ser nirreferi għal dawn ir-regoli bħala r-“regoli dwar il-kumpens u s-sanzjonijiet”.

40.      Skont l-Artikolu 9.1 tar-RSTP u l-Artikolu 8.2(7) tal-Anness 3 tar-RSTP, l-assoċjazzjoni li minnha jiddependi l-klabb preċedenti ta’ xi plejer hija intitolata li ma toħroġx iċ-ĊIT meħtieġ jekk il-plejer ikun ser jiġi impjegat ma’ klabb ġdid, meta jkun hemm tilwima bejn il-klabb preċedenti u l-plejer.

3.      Ir-restrizzjoni taħt lArtikolu 45 TFUE

41.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura, irrispettivament minn jekk din tkunx ibbażata fuq in-nazzjonalità jew jekk tkunx applikabbli indipendentement min-nazzjonalità, li tista’ tisfavorixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni meta dawn ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom billi din il-miżura tipprekludihom jew tiddisswadihom milli jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom (22).

42.      Ftit jista’ jkun hemm dubju dwar in-natura restrittiva tad-dispożizzjonijiet kollha kkontestati, kif jirriżulta speċjalment mill-fatt li ebda waħda mill-partijiet f’dawn il-proċeduri ma tipprova tikkontesta tali natura restrittiva.

43.      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għar-responsabbiltà in solidum tal-klabb il-ġdid għall-ħlas tal-kumpens għall-ksur tal-kuntratt dovut mill-plejer professjonali lill-klabb preċedenti tiegħu f’każ ta’ terminazzjoni prematura ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida huma tali li jiskoraġġixxu jew jiddiswadu lill-klabbs milli jimpjegaw lill-plejer minħabba l-biża’ ta’ riskju finanzjarju. L-istess japplika għas-sanzjoni sportiva li tikkonsisti fil-projbizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ plejers ġodda fuq livell nazzjonali jew internazzjonali, għal żewġ perijodi ta’ reġistrazzjoni sħaħ u konsekuttivi, kif ukoll għar-rifjut ta’ ħruġ taċ-ĊIT. Dan jista’ effettivament jipprekludi lill-plejer milli jeżerċita l-professjoni tiegħu ma’ klabb li jinsab fi Stat Membru ieħor.

44.      F’dan ir-rigward, huwa inutli li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxux diskriminazzjoni indiretta kontra ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew jekk humiex sempliċiment ostakli għall-moviment liberu tal-persuni. Dak li jgħodd huwa li l-plejers huma effettivament preklużi milli jiċċaqilqu lejn klabbs fi Stati Membri oħra. Dan hu preċiżament dak li ġara f’dan il-każ: BZ, bħala ċittadin Franċiż u impjegat, xtaq jibda xogħol fil-Belġju, Stat li tiegħu ma huwiex ċittadin. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati effettivament ipprekludewh milli jkun jista’ jagħmel dan.

4.      Dwar lArtikolu 101 TFUE

45.      Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.

46.      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (23), li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni (24). F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw dak li tipikament jitqies bħala d-dritt industrijali ma jbiddilx din il-konstatazzjoni. B’mod partikolari, dik li saret magħrufa bħala l-“eċċezzjoni Albany” ma tapplikax għal dan il-każ, għas-sempliċi raġuni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jammontawx għal ftehimiet kollettivi bejn il-persuni li jimpjegaw u l-impjegati (25). Pjuttost, kif ġustament enfasizza BZ, huwa minħabba l-assenza ta’ tali ftehimiet li l-FIFA adottat ir-RSTP.

47.      Issa ser neżamina jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jammontawx għal aġir li għandu bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

48.      BZ u FIFPro jsostnu li l-Artikolu 101(1) TFEU għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom l-għan (26) li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. L-Artikolu 17, l-Artikolu 9.1. u l-Artikolu 8.2(7) tal-Anness 3 tar-RSTP, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, tal-kuntest ekonomiku u legali tagħhom u tal-iskop oġġettiv tagħhom, għandhom l-għan speċifiku, u fi kwalunkwe każ, l-effett, kemm attwali kif ukoll potenzjali, li jimponu fuq l-“impriżi” kollha li, mill-perspettiva ekonomika, huma l-klabbs tal-futbol professjonali affiljati mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA, sett ta’ kundizzjonijiet li huma tant projbittivi u dissważivi, b’mod li jiżguraw is-servizzi ta’ plejers ta’ livell għoli li ma jkunux għadhom taħt kuntratt ma’ klabb kompetitur iżda li l-kuntratt tagħhom ikun allegat li ġie tterminat mingħajr raġuni valida, li dawn il-kundizzjonijiet jitqiesu bħala li jillimitaw jew “jeskludu” b’mod eċċessiv, fid-dritt u fil-prattika, il-possibbiltà għal dawk il-klabbs li jikkompetu ma’ xulxin b’dan il-mod. Tali restrizzjoni hija iktar u iktar sinjifikattiva inkwantu tirrigwarda element li, skont il-kummentarji legali u ekonomiċi, jikkostitwixxi wieħed mill-parametri prinċipali li permezz tiegħu l-klabbs jistgħu jikkompetu ma’ xulxin, fid-dawl tal-fatt li r-reklutaġġ tal-plejers huwa marbut minnu nnifsu mal-organizzazzjoni u x-xandir tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs. Barra minn hekk, dawn ir-regoli jillimitaw, bl-istess mod u manjiera, il-possibbiltà għall-plejers innifishom li jikkompetu.

49.      Għall-kuntrarju, il-FIFA u l-URBSFA jiċħdu li din hija restrizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE u jiffukaw fuq eventwali ġustifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Il-Gvern Grieg u Ungeriż jagħmlu analiżi simili. Il-Gvern Franċiż, essenzjalment, jibgħat lura d-domanda dwar ir-restrizzjoni minħabba l-għan jew l-effett, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, lill-qorti tar-rinviju (27).

50.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Hija ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-kuntest ekonomiku u legali tagħhom u tal-iskopijiet tagħhom, inkwantu japplikaw biss f’każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida u għaldaqstant ma għandhomx effett fuq il-possibbiltà tal-klabbs li jikkompetu liberament billi jiffirmaw plejers kemm fi tmiem il-kuntratt li jorbothom mal-klabb preċedenti tagħhom kif ukoll matul it-terminu ta’ dak il-kuntratt, sakemm tali ffirmar ikun miftiehem minn kull min huwa kkonċernat u jikkonforma mad-diversi regoli ratione temporis u ratione materiae li jirregolaw ir-reġistrazzjoni tal-plejers.

a)      Ir-restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan (l-Artikolu 101(1) TFUE)

51.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew l-effett, huwa xieraq li wieħed jibda billi jeżamina l-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, wara li jsir tali eżami, jirriżulta li dan l-aġir għandu għan antikompetittiv, ma jkunx neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant huwa biss fil-każ fejn l-imsemmi aġir ma jitqiesx li għandu tali għan antikompetittiv li jkun neċessarju li, sussegwentement, isir l-eżami tal-effett tiegħu (28). Sabiex jiġi ddeterminat, f’każ speċifiku, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jinvolvux, min-natura tagħhom stess (29), grad suffiċjenti ta’ noċività fil-konfront tal-kompetizzjoni tant li jkunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kontenut tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni; it-tieni nett, il-kuntest ekonomiku u legali li minnu jiffurmaw parti u, it-tielet nett, l-għanijiet tagħhom (30).

52.      L-effett konġunt tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jwassal għax-xenarju li ġej: l-Artikolu 17 tar-RSTP jipprovdi li, malli plejer ikun ittermina l-kuntratt mingħajr raġuni valida, għandu jitħallas kumpens u jiskattaw sanzjonijiet sportivi ħarxa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8.2 tal-Anness 3 tar-RSTP, tali plejer ma jirċevix iċ-ĊIT li jippermetti li klabb ikun jista’ jilagħbu.

53.      Fi kliem ieħor, il-konsegwenzi għal plejer li jittermina kuntratt mingħajr raġuni valida tant huma drakonjani li huwa inversomili ħafna li plejer jagħżel din it-triq. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma mfassla b’tali mod li jkollhom effett ta’ deterrent u jagħtu xokk lil kull plejer. L-istess japplika fir-rigward tal-klabbs potenzjalment interessati li jħajru lil plejers għal opportunitajiet ġodda meta dawn tal-aħħar ikunu għadhom f’kuntratt li għadu fis-seħħ. Il-“prezz” għal tali operazzjoni jkun għoli wisq.

54.      Għaldaqstant, min-natura tagħhom stess (31), id-dispożizzjonijiet ikkontestati jillimitaw il-possibbiltà li l-plejers jibdlu l-klabbs u, min-naħa l-oħra, li l-klabbs (ġodda) jimpjegaw il-plejers, f’sitwazzjoni fejn plejer ikun ittermina l-kuntratt tiegħu mingħajr raġuni valida. Kif ġie rrikonoxxut espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reklutaġġ ta’ plejers b’talent jikkostitwixxi “wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni li jistgħu jipprattikaw il-klabbs tal-futbol professjonali” (32), b’mod li l-plejers huma l-iktar “fattur tal-produzzjoni”(33) importanti għall-klabbs.

55.      B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet ikkontestati, billi jillimitaw il-kapaċità tal-klabbs li jirreklutaw il-plejers, jaffettwaw neċessarjament il-kompetizzjoni bejn il-klabbs fis-suq tal-akkwist tal-plejers professjonali.

56.      Dawn l-elementi huma indikazzjonijiet qawwija li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Ovvjament, jeżistu sitwazzjonijiet oħra fejn il-plejers jistgħu jibdlu l-klabbs u jiġu rreklutati. Madankollu, dan ma jfissirx, kif timplika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma hemmx restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (34). F’sitwazzjoni fejn kuntratt jiġi tterminat mingħajr raġuni valida, il-kompetizzjoni, taħt id-dispożizzjonijiet ikkontestati, hija ppjanata li tieqaf. Ma narax kif dan ma jistax jitqies li jammonta għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

b)      Ir-restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba rriżultat (Artikolu 101(1) TFUE)

57.      Bħala konsegwenza tal-analiżi tiegħi, ma għadx hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tagħhom. B’dan premess, jidhirli li huwa ċar li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom, mill-inqas, bħala effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-FIFA spjega li kważi ma teżisti ebda istanza ta’ terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr raġuni valida, fatt li, fil-fehma tiegħi, huwa l-iktar prova ċara li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom l-effett “xokkanti” maħsub, kif deskritt iktar ’il fuq.

c)      L-eżenzjoni (Artikolu 101(3) TFUE)

58.      Ir-rekwiżiti għal eżenzjoni possibbli taħt l-Artikolu 101(3) TFUE evidentement ma humiex, fil-fehma tiegħi, issodisfatti, u din hija r-raġuni għaliex dawn mhux ser jiġi eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet (35).

d)      Il-konklużjoni dwar lArtikolu 101

59.      L-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi d-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni, mhux minħabba l-għan, imma minħabba l-effett, il-pass li jmiss ikun li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiġu eżaminati fid-dawl ta’ għanijiet oħra skont il-ġurisprudenza Wouters et (36) sabiex jiġi aċċertat jekk dawn humiex iġġustifikati minħabba li jfittxu li jilħqu għan leġittimu wieħed jew iktar fl-interess pubbliku li ma humiex per se antikompetittivi min-natura tagħhom (37). F’dan ir-rigward, it-test, essenzjalment, ikun paragunabbli għat-test ta’ ġustifikazzjoni taħt l-Artikolu 45 TFUE, li ser nikkunsidra issa.

5.      Il-ġustifikazzjoni

60.      Restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema ma tistax tkun iġġustifikata sakemm, fl-ewwel lok, ma taqdix waħda mir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni elenkati fl-Artikolu 45(3) TFUE (38) jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (39) u sakemm, fit-tieni lok, ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li tkun adatta sabiex jiġi ggarantit, b’mod konsistenti u sistematiku, l-ilħuq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (40).

a)      Lidentifikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku

61.      Il-FIFA u l-URBSFA jsostnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma intiżi li jżommu l-istabbilità kuntrattwali fis-settur tal-futbol professjonali u, b’mod iktar speċifiku, li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li jkunu daħlu għalihom kemm il-plejers kif ukoll il-klabbs.

62.      Ma narax problema li naċċetta dawn ir-raġunijiet li ġew invokati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, inkwantu ma jikkostitwixxux għanijiet ta’ natura purament ekonomika (41). Barra minn hekk, sa fejn l-istabbiltà kuntrattwali hija intiża li tikkontribwixxi għal ċertu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-klabbs, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament l-għan li jinżamm bilanċ bejn il-klabbs billi jiġi ppreżervat ċertu livell ta’ ugwaljanza u inċertezza fir-rigward tar-riżultati (42).

b)      Il-proporzjonalità

63.      Imbagħad, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li jridu jkunu adatti li jiżguraw, b’mod konsistenti u sistematiku, l-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova dwar il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jaqa’ fuq il-FIFA.

1)      L-adattabbiltà

64.      B’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jidhru li x’aktarx jippromwovu l-istabbiltà kuntrattwali u għaldaqstant li jikkontribwixxu kemm għall-istabbiltà tal-kompożizzjoni tat-timijiet fil-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll għall-għan li jkun hemm ċerta bilanċ bejn il-klabbs fil-kompetizzjonijiet sportivi billi jiġi ppreżervat livell ta’ opportunitajiet indaqs. Hawnhekk, għandu jitfakkar li hemm ċertu partikolarità ta’ sport, inkwantu l-klabbs tal-futbol jeħtieġu lill-avversarji biex is-sistema tiffunzjona (43).

65.      L-obbligu tal-plejer u tal-klabb il-ġdid li jħallsu kumpens (44) għandu jinkoraġġixxi lill-plejers biex ma jitterminawx il-kuntratti tagħhom mingħajr raġuni valida u jiskoraġġixxi lill-klabbs milli jirreklutaw plejer li jkun ittermina l-kuntratt tiegħu b’mod prematur mingħajr raġuni valida. L-istess japplika għas-sanzjonijiet sportivi (45) kif ukoll għaċ-ĊIT (46), sa fejn in-nuqqas ta’ ħruġ tiegħu jaggrava l-inkonvenjent tal-plejer billi joħloq ostaklu tekniku għar-reġistrazzjoni tiegħu ma’ klabb ġdid li jappartjeni lil assoċjazzjoni oħra.

2)      In-neċessità

66.      Imbagħad, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan tal-istabbiltà kuntrattwali jintlaħaq (47).

i)      Il-kumpens għall-ksur tal-kuntratt (l-Artikolu 17.1 tar-RSTP)

67.      Il-ħlas tal-kumpens għat-terminazzjoni ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida jista’ jitqies li huwa raġonevolment neċessarju biex jilħaq l-għan tal-istabbiltà kuntrattwali. Madankollu, il-kalkolu ta’ dan il-kumpens għandu jkun tali li l-ammont dovut mill-parti li lilha jiġi attribwit in-nuqqas ta’ raġuni valida ma jkunx jaqbeż dak li jista’ raġonevolment jitqies neċessarju biex jikkumpensa lill-parti l-oħra għad-dannu mġarrab b’riżultat tal-ksur tal-kuntratt u biex jiskoraġġixxi – f’dan il-każ lill-plejer – milli jittermina l-kuntratt mingħajr raġuni valida (48).

ii)    Ir-responsabbiltà in solidum (l-Artikolu 17.2 tar-RSTP) u sanzjonijiet sportivi (l-Artikolu 17.4 tar-RSTP)

68.      Filwaqt li, mill-perspettiva tal-FIFA, jista’ jkun diffiċli li jsiru magħrufa r-raġunijiet li wasslu għat-terminazzjoni prematura tal-kuntratt tal-plejer professjonali mal-klabb preċedenti tiegħu, meta plejer jiġi rreklutat ma’ klabb ieħor, il-fatt li l-klabb il-ġdid jinżamm sistematikament responsabbli jidhirli li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan leġittimu, f’sitwazzjoni fejn il-klabb il-ġdid ma kellu ebda rwol fit-terminazzjoni tal-kuntratt. Il-preżunzjoni li tinsab fl-Artikolu 17.4 tar-RSTP li l-klabb il-ġdid wassal lill-plejer iwettaq il-ksur tidher li hija drakonjana, peress li jien ma narax kif il-klabb il-ġdid jista’ jipprova l-“innoċenza” tiegħu. Filwaqt li wieħed jista’ jargumenta, kif jagħmlu l-FIFA u l-Kummissjoni, li huwa possibbli li wieħed jidderoga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 17.2 tar-RSTP, fejn il-KRT għandha s-setgħa li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà in solidum (49), jiena tal-fehma li l-għoti ta’ tali diskrezzjoni lill-KRT ma jipprovdix iċ-ċertezza legali neċessarja għall-plejers u għall-klabbs, peress li kollox jistrieħ fuq il-vijabbiltà u l-ħeffa tal-proċedura, punt li jidher li huwa diffiċli li jiġi aċċertat.

iii) Iċ-ċertifikat internazzjonali ta’ trasferiment (l-Artikolu 8.2(7) u l-Artikolu 8.2(4b) tal-Anness 3 tarRSTP)

69.      Hawnhekk, l-Artikolu 8.2(7) tal-Anness 3 tar-RSTP iġorr ir-riskju ta’ rifjut tal-ħruġ taċ-ĊIT, ibbażat fuq is-sempliċi allegazzjoni li l-plejer ma osservax it-termini tal-kuntratt tiegħu u li l-klabb kien sfurzat jittermina l-kuntratt minħabba l-allegat nuqqas tal-plejer li josserva l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Għal darba oħra, wieħed jista’ jargumenta li s-sistema tinkludi l-flessibbiltà neċessarja inkwantu, f’każ ta’ tilwima bejn il-plejer u l-klabb preċedenti tiegħu, il-FIFA tista’ tadotta miżuri provviżorji fuq talba tal-klabb il-ġdid u f’ċirkustanzi eċċezzjonali (50). Għal darba oħra, madankollu, dawn l-elementi jidhru, fil-fehma tiegħi, li huma dgħajfa wisq biex iwasslu għall-konklużjoni li huma neċessarju biex tintlaħaq l-istabbiltà kuntrattwali.

c)      Fuq lArtikolu 15 talKarta

70.      Peress li l-Artikolu 15 tal-Karta ġie invokat minn xi partijiet, jidhirli xieraq li din id-dispożizzjoni tiġi eżaminata f’dawn il-konklużjonijiet.

1)      Il-kamp ta’ applikazzjoni: lArtikolu 51(1) talKarta

71.      Qabel ma ndur għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 15 tal-Karta, għandu l-ewwel jiġi ċċarat jekk, bħala prinċipju, dan l-artikolu effettivament japplikax fil-każ li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. Fi kliem ieħor, meta tadotta test bħalma huma r-RTSP, il-FIFA hija marbuta bil-Karta, b’mod partikolari bl-Artikolu 15 tagħha?

72.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija “iva”.

73.      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

74.      Il-FIFA ma hijiex stricto sensu Stat Membru li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni,

75.      Madankollu, kif spjegajt iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, entitajiet privati bħal FIFA huma funzjonalment paragunabbli mhux ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, iżda ma’ Stat Membru li jkun qiegħed jipprova jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali (51). Sa mis-sentenza Walrave u Koch (52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għal entità bħalma hija l-FIFA. Tali entità hija ttrattata daqslikieku kienet Stat Membru li jixtieq jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali (jew, skont il-każ, restrizzjoni tal-kompetizzjoni). Konsegwentement, huwa biss loġiku li, f’tali sitwazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom japplikaw għaliha fis-sens li hija marbuta bihom. Fi kliem ieħor, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex problema tapplika l-Artikolu 45 TFUE orizzontalment għal entità bħalma hija l-FIFA, l-istess għandu japplika fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta (53).

76.      Għal dak li jirrigwarda l-kliem “jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni”, dawn ġew iċċarati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Åkerberg Fransson (54), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta u ddeċidiet li l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ddefinit fil-kuntest tal-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (55). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiddeċiedi li, peress li d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta (56).

77.      Hija l-fehma tiegħi li tali “prinċipju mera” huwa kompletament konformi mar-raġunament tal-Artikolu 51 tal-Karta, li huwa dak li jiġi żgurat li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġu osservati d-drittijiet tal-Karta.

78.      Barra minn hekk, nixtieq infakkar il-ġurisprudenza stabbilita sew, kemm qabel (57) u kif ukoll wara (58) d-dħul fis-seħħ tal-Karta, fis-sens li, meta Stat Membru jinvoka raġuni ta’ ġustifikazzjoni fil-kuntest ta’ restrizzjoni ta’ libertà fundamentali, dak l-Istat Membru għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma narax għaliex f’din l-istanza partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma għandhomx jiġu applikati fis-sens li l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra entità bħalma hija l-FIFA (59).

80.      Fl-aħħar nett, nixtieq ngħaddi rimarka qasira oħra dwar il-metodoloġija. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, insostni li l-post xieraq biex jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex kompatibbli mal-Karta huwa fl-analiżi tal-ġustifikazzjoni mressqa mill-FIFA u mill-URBSFA. F’dan ir-rigward, naqbel kompletament mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe li “meta l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-libertajiet ta’ moviment, il-ksur allegat ta’ dritt fundamentali żgurat mill-Karta ma jistax ikun eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur ta’ dawn il-libertajiet” (60). Biżżejjed jingħad li dan huwa wkoll il-mod li bih jidhirli li pproċediet il-Qorti tal-Ġustizzja sal-llum: kwistjonijiet li jinvolvu d-drittijiet fundamentali f’każijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu jiġu ttrattati taħt il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni (61).

2)      Ir-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 15 tal-Karta

81.      F’dan l-istadju nixtieq ngħid mill-ewwel li xejn fl-analiżi li jmiss dwar l-Artikolu 15(1) tal-Karta (62) ma huwa ser ikun sostanzjalment differenti mill-analiżi tal-Artikolu 45 TFUE.

82.      L-ewwel, f’każ bħal dak preżenti, id-dritt ekonomiku suġġettiv (fundamentali u individwali) ipprovdut fl-Artikolu 45 TFUE (63) għandu jitqies bħala funzjonalment ekwivalenti għall-Artikolu 15 tal-Karta (64), u għaldaqstant, għall-fini ta’ kompletezza, ser nillimita ruħi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il quddiem (65). F’dan ir-rigward, għandi l-intenzjoni li nindika problemi potenzjali, li ser ikollhom jiġu solvuti, f’xi stadju, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

83.      L-ewwel nett, kif jirriżulta ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tal-Karta, dan jipprovdi d-dritt li persuna taħdem u twettaq xogħol jew professjoni (66). Peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-professjoni tal-plejers tal-futbol, dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 15(1) tal-Karta.

84.      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda eventwali limitazzjoni għad-dritt li persuna teżerċita professjoni, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

85.      Għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk ir-RSTP għandhomx jitqiesu bħala “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (67). Hawnhekk, ir-risposta intuwittiva u, fil-fehma tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar konvinċenti tkun li, fuq livell astratt, att bħalma huma r-RSTP jista’ jikkostitwixxi “liġi”, u r-raġunament hawnhekk huwa għal darba oħra simili għal dak taħt l-Artikolu 51(1) tal-Karta, espost iktar ’il fuq: ġaladarba att tal-FIFA jew tal-URBSFA jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, allura dan l-att għandu jitqies “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fi kliem ieħor, jiena nagħżel approċċ funzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tat-terminu “liġi” u nikkunsidra r-RSTP bħala “liġi sostantiva”, peress li hija fformulata u intiża li tapplika b’mod astratt. Filwaqt li jien konxju mis-sinjifikat kostituzzjonali ta’ tali konstatazzjoni, li jkun ċertament jistħoqqilha eżami fil-fond f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 15 tal-Karta ma jkunx “ikkunsmat” mill-Artikolu 45 TFUE, nemmen li dan huwa konsegwenza tal-estensjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għal entitajiet bħal-FIFA.

86.      Imbagħad, ir-regoli inkwistjoni għandhom ikunu aċċessibbli b’mod adegwat u fformulati bi preċiżjoni suffiċjenti (68). Jidhirli li dan huwa l-każ għal dak li jirrigwarda r-RSTP.

87.      Finalment, għal dak li jirrigwarda t-test li jifdal tal-limitazzjoni (identifikazzjoni ta’ raġuni ta’ ġustifikazzjoni, proporzjonalità), peress li dan huwa funzjonalment ekwivalenti għal dak taħt l-Artikolu 45 TFUE, nista’ nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet korrispondenti magħmula iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet.

IV.    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju) bil-mod kif ġej:

(1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli li jkunu ġew adottati minn assoċjazzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell dinji u implimentati kemm minn dik l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali li huma membri tagħha, li jipprovdu li plejer u klabb li jkunu jixtiequ jimpjegah huma responsabbli in solidum bejniethom fir-rigward tal-kumpens dovut lill-klabb li l-kuntratt tiegħu mal-plejer ikun ġie tterminat mingħajr raġuni valida u li jipprovdu li assoċjazzjoni li minnha jiddependi l-klabb preċedenti tal-plejer hija intitolata li ma toħroġx iċ-ċertifikat internazzjonali ta’ trasferiment meħtieġ jekk il-plejer ikun ser jiġi impjegat ma’ klabb ġdid, fejn ikun hemm tilwima bejn il-klabb preċedenti u l-plejer, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel, li dawn id-deċiżjonijiet tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi huma kapaċi li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, it-tieni, li huma għandhom bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali, sakemm, fit-tieni xenarju minn dawn, jintwera, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li dawn huma kemm iġġustifikati bit-tiftix ta’ għan wieħed jew iktar li leġittimi kif ukoll strettament neċessarju biex dan il-għan jintlaħaq.

(2)      L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli li jkunu ġew adottati mill-assoċjazzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol fuq livell dinji u implimentati kemm minn dik l-assoċjazzjoni kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali li huma membri tagħha:

–        li jipprovdu li plejer u klabb li jkunu jixtiequ jimpjegah huma responsabbli in solidum bejniethom fir-rigward tal-kumpens dovut lill-klabb li l-kuntratt tiegħu mal-plejer ikun ġie tterminat mingħajr raġuni valida, sakemm ma jkunx jista’ jiġi pprovat li huwa ġenwinament possibbli, fi żmien raġonevoli, li dan il-prinċipju ma jiġix applikat meta jkun jista’ jiġi stabbilit li l-klabb il-ġdid ma kienx involut fit-terminazzjoni prematura u mhux iġġustifikata tal-kuntratt tal-plejer;

–        li jipprovdu li assoċjazzjoni li minnha jiddependi l-klabb preċedenti tal-plejer hija intitolata li ma toħroġx iċ-ċertifikat internazzjonali ta’ trasferiment meħtieġ jekk il-plejer ikun ser jiġi impjegat ma’ klabb ġdid, fejn ikun hemm tilwima bejn il-klabb preċedenti u l-plejer, sakemm ma jkunx jista’ jiġi pprovat li jistgħu jittieħdu miżuri provviżorji li jkunu effettivi, ġenwini u mħaffa f’sitwazzjoni fejn kien hemm sempliċi allegazzjoni li l-plejer ma osservax it-termini tal-kuntratt tiegħu u li l-klabb kien sfurzat jittermina l-kuntratt minħabba l-allegat nuqqas tal-plejer li josserva l-obbligu kuntrattwali tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-Artikolu 2(c) tal-Istatuti tal-FIFA.


3      Ara l-Artikolu 2(d) tal-Istatuti tal-FIFA.


4      Ara l-Artikolu 24(1) tal-Istatuti tal-FIFA.


5      Ara l-Artikolu 24(2) tal-Istatuti tal-FIFA.


6      Ara l-Artikolu 24(3) tal-Istatuti tal-FIFA.


7      Ara l-Artikolu 14(1)(d) tal-Istatuti tal-FIFA.


8      Ara l-Artikolu 20(1) tal-Istatuti tal-FIFA.


9      FIFPro, FIFPro Europe u UNFP huma assoċjazzjonijiet jew “sindakati” li jirrappreżentaw lill-plejers tal-futbol professjonali fuq livell dinji, Ewropew u Franċiż. Dawn l-assoċjazzjonijiet ippreżentaw rikors biex jintervjenu volontarjament fil-kawża prinċipali wara d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-tliet assoċjazzjonijiet li ressqu din it-talba għal intervent għandhom jitqiesu bħala partijiet fil-proċeduri taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli għalihom. Konsegwentement, huma jistgħu jipparteċipaw fil-fażi bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10      Għaldaqstant, peress li l-fatti ta’ dan il-każ ma humiex purament interni għal xi Stat Membru, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet imsemmija fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50).


11      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, iktar ’il quddiem is-“sentenza European Superleague Company”), u tal-21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010, iktar ’il quddiem is-“sentenza Royal Antwerp Football Club”). Barra minn hekk, fl-istess ġurnata l-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza fejn eżaminat regoli introdotti minn assoċjazzjoni internazzjonali tal-isports fil-qasam tal-pattinaġġ: ara s-sentenza International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, iktar ’il quddiem is-“sentenza International Skating Union”).


12      Bħala eżempju, ser inqis li ħafna kwistjonijiet legali huma stabbiliti, bħalma huwa l-fatt li r-regoli adottati mill-entitajiet bħalma huma l-FIFA u l-URBSFA li, skont l-istatuti rispettivi tagħhom, għandhom l-istatus ta’ assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat responsabbli għall-organizzazzjoni tal-futbol fuq livell dinji, Ewropew jew nazzjonali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


13      Nixtieq insemmi wkoll li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża kemm ir-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll dawk relatati mas-suq intern b’mod parallel huwa relattivament fenomenu ġdid. Fil-fatt, fis-sentenza Bosman, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiksru l-Artikolu 45 TFUE, użat il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju u kkonstatat li ma “kienx neċessarju” li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dak li llum huma l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 138). Irrid insemmi wkoll li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’dik il-kawża kienu jirrigwardaw kemm ir-regoli tal-kompetizzjoni u kif ukoll dawk relatati mas-suq intern, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:293).


14      Ara, fid-dettall, Müller-Graff, P.-C., „Die Verfassungsziele der Europäischen Union“, punti 128 sa 136, f‘Dauses, M. A., Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, Vol. I, EL 59, C.H. Beck, Munich, 2023.


15      Din l-affermazzjoni fir-rigward tad-dritt primarju (li minnu jifformaw parti integrali l-protokolli, ara l-Artikolu 51 TUE) kienet meħtieġa peress li l-Artikolu 3(1)(g) KE (li permezz tiegħu l-attivitajiet tal-Komunità jipprovdu għal “sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern”) ma kienx għadu rifless fl-Artikoli 3 sa 6 TUE, li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, issostitwixxew, essenzjalment, l-Artikolu 3(1) KE.


16      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punt 17).


17      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri ma setgħux iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni li tippermetti lill-impriżi jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minħabba li tali leġiżlazzjoni ċċaħħad id-dritt tal-kompetizzjoni mill-effettività tiegħu. Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1987, van Vlaamse Reisbureaus (311/85, EU:C:1987:418, punt 10).


18      Li fiha kelli l-unur li nikteb il-konklużjonijiet, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 45 TFUE, u fejn kont kuntent nara li, fil-parti l-kbira tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-imsemmija konklużjonijiet tiegħi.


19      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punti 101 sa 111).


20      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 115). Ara wkoll is-sentenzi European Superleague Company (punt 186), u International Skating Union (punt 113).


21      Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002 (C‑309/99, EU:C:2002:98).


22      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 18), u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 40).


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 81).


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 83).


25      Din l-eċċezzjoni tirreferi għat-tliet sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija fl-istess ġurnata, li jirrigwardaw l-affiljazzjoni mandatorja mal-iskemi ta’ pensjoni settorjali. Għaldaqstant, fis-sentenza Albany, kumpannija Olandiża kkontestat l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ fond tal-pensjoni supplimentari, fejn argumentat li tali rekwiżit kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jikser dak li llum huwa l-Artikolu 101 TFUE minħabba li l-kumpanniji ma setgħux joffru pensjonijiet alternattivi biex jattiraw lill-impjegati. Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 59 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li filwaqt li “[ċ]ertament, ċerti effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma inerenti fil-ftehim kollettivi bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema”, tali ftehim “minħabba l-iskop u n-natura tiegħu, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101(1) TFUE]”. Ara wkoll is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’ (C‑115/97 sa C‑117/97, EU:C:1999:434, punt 56 et seq.), u tal-21 ta’ Settembru 1999, Drijvende Bokken (C‑219/97, EU:C:1999:437, punt 46 et seq.).


26      Jew, alternattivament, mill-inqas bħala l-effett tagħhom.


27      Il-Gvern Taljan ma ħax pożizzjoni fuq din il-kwistjoni.


28      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Jiġifieri, “fiha nnifisha”, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 57).


30      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Filwaqt li jien ovvjament konxju mill-fatt li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiżvelawx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ ħsara lill-kompetizzjoni li jistgħu jitqiesu bħala li għandhom bħala l-“għan” tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, nemmen li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni, f’dan l-istadju, li tiggwida lill-qorti tar-rinviju.


32      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 107).


33      Naqbel kompletament ma’ dan it-terminu, użat minn FIFPro fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


34      Min-naħa l-oħra, naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, minkejja li ma hijiex vinkolanti, li tinsab fil-“Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU 2002, C 374, p. 2), fejn jingħad li f’sitwazzjoni fejn il-klabbs professjonali sportivi fi Stat Membru jaqblu bejniethom biex ma jirreklutawx atleti mill-klabbs rispettivi tagħhom matul il-kuntratti tal-atleti ma’ wieħed mill-klabbs sportivi, tali arranġament x’aktarx li jikser l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan tiegħu, peress li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-klabbs sportivi biex jirreklutaw lill-aħjar atleti fis-suq.


35      F’dak li jirrigwarda l-erba’ rekwiżiti kumulattivi li għandhom ikunu ssodisfatti f’dan il-kuntest, ara fid-dettall is-sentenza European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 189 sa 200).


36      Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002 (C‑309/99, EU:C:2002:98).


37      Ara s-sentenza Royal Antwerp Football Club (punt 113 et seq.).


38      Il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika.


39      Matul is-snin, il-Qorti tal-Ġustizzja użat terminoloġija differenti biex tiddeskrivi r-raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika bħala raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni, li kienu ġew (jew qegħdin jiġu) żviluppati mill-ġurisprudenza. Ara Martucci, F., Droit du marché intérieur de l’Union européenne, Presses Universitaires de France, Pariġi, 2021, punt 261. Għall-konvenjenza, ser nirreferi għat-terminu “raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku” f’dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara, f’dan is-sens, essenzjalment, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104); tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38); u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 55).


41      Hija ġurisprudenza stabbilita li dawn l-għanijiet ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat: ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige u Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106).


43      Ara, f’dan is-sens, Weatherill, S., “Is Sport ‘Special’?”, EU Law Live, 23.01.2024, https://eulawlive.com/competition-corner/op-ed-is-sport-special-by-stephen-weatherill/.


44      Artikolu 17.1 u .2 tar-RSTP.


45      Artikolu 17.4 tar-RSTP.


46      Artikolu 8.2(7) u l-Artikolu 8.2(4)(b) tal-Anness 3 tar-RSTP.


47      Nixtieq nirrepeti l-fehma tiegħi li ma narax għalfejn wieħed għandu jitbiegħed mill-ġurisprudenza standard sabiex il-FIFA tingħata diskrezzjoni iktar wiesgħa minn dak li normalment ikun il-każ. Ara, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:188, punti 74 sa 78).


48      F’dan ir-rigward ninnota li, skont l-Artikolu 17.1 tar-RSTP, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens jinkludu r-remunerazzjoni u l-benefiċċji l-oħra dovuti lill-plejer taħt il-kuntratt eżistenti u/jew il-kuntratt il-ġdid, iż-żmien li fadal fil-kuntratt eżistenti sa massimu ta’ ħames snin, il-miżati u l-ispejjeż imħallsa jew sostnuti mill-klabb preċedenti (amortizzati fuq it-terminu tal-kuntratt) u jekk il-ksur kuntrattwali jaqax f’perijodu protett.


49      Kif jidher li kienet is-sitwazzjoni f’dan il-każ.


50      Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 8.2(7) tal-Anness 3 tar-RSTP.


51      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:188, punt 54). Għaldaqstant, qegħdin fil-qasam tal-integrazzjoni negattiva fejn entità tkun fi ħsiebha li tirrestrinġi libertà fundamentali sabiex tippromwovi politika oħra li hija tqis ta’ importanza superjuri.


52      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974 (36/74, EU:C:1974:140, punt 17).


53      Għal dak li jirrigwarda l-interazzjoni bejn l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 15 tal-Karta, din il-fehma jaqblu magħha Kühling, J., Drechsler, S., f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U., (Edituri), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Edizzjoni Nru 2., Vol. I, Mohr Siebeck, Tübingen, 2023, Art. 15 GRC, paragrafu 5.


54      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140).


55      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20).


56      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 62); tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63); u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 85).


57      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43).


58      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35).


59      Barra minn hekk, din il-fehma hija kondiviża mill-parti l-kbira tal-letteratura legali: ara, pereżempju, Kliesch, J., Der Status des Profifußballers im Europäischen Recht, Nomos, Baden-Baden, 2017, p. 151 sa 159.


60      Ara l-konklużjonijiet għall-Kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2017:410, punt 142).


61      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 127 et seq.), u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 54 et seq.).


62      Għall-kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li – kif jidher ċar mill-ewwel mill-formulazzjoni stess tad-dispożizzjoni – l-Artikolu 15(2) tal-Karta ma għandu l-ebda kontenut normattiv tiegħu u fl-aħħar mill-aħħar huwa superfluwu, peress li jirrifletti essenzjalment il-libertajiet fundamentali li jinsabu fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE. Dan huwa kkonfermat mill-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 15 tal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17). Ara, f’dan is-sens ukoll, Kühling, J., Drechsler, S., f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U., (Edituri), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, op. cit., Art. 15 GRC, paragrafu 11, u Streinz, R., f’Streinz, R. (Editur), EUV/AEUV Kommentar, C.H. Beck, Munich, it-tielet edizzjoni, 2018, Art. 15 GR-Charta, paragrafu 14. Anki l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 4 TFUE, ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 39); tas‑7 ta’ April 2016, ONEm u M. (C‑284/15, EU:C:2016:220, punt 33); u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 32).


63      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:293, punt 203) fejn l-Artikolu 45 TFUE huwa deskritt bħala “dritt fundamentali li t-Trattat jagħti individwalment lil kull ħaddiem fl-[Unjoni]”.


64      Ara, fuq din il-kwistjoni, Mantouvalou, V., Frantziou, E., f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., (Edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Edizzjoni Nru 2, C.H. Beck, Hart, Nomos, 2021, Art. 15, paragrafu 15.04.


65      Dan ma jeskludix li jista’ jkun hemm istanzi fejn l-Artikolu 15 tal-Karta jkollu kontenut normattiv indipendenti minn dak tal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-każ ineżami fejn il-miżura tirrestrinġi b’mod daqstant ċar il-moviment liberu, dan ma huwiex il-każ.


66      Ara wkoll, għal dan il-għan, Jarass, H.D., Charta der Grundrechte der Europäischen Union, Edizzjoni Nru 4, C.H.Beck, Munich, 2021, Art. 15, paragrafu 8.


67      Ara wkoll f’dan is-sens, Kliesch, J., Der Status des Profifußballers im Europäischen Recht, Nomos, Baden-Baden, 2017, p. 279.


68      Dwar dan ir-rekwiżit, ara QEDB, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 49.