Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2012 - Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-438/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Global Steel Wire, SA (Cerdanyola del Vallés, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz u P. Herrero Prieto, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 264TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Lulju 2012 fil-Każ COMP/38.344 - Azzar għall-Prestressing;

titlob lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tipproduċi d-dokumenti, il-kalkoli u l-punti l-oħra ta' fatt u/jew ta' liġi li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tilqa' t-talbiet li jinvokaw l-assenza ta' kapaċità kontributtiva ta' Proderac, ta' CB, ta' ITAS, ta' OriMartin, ta' Siderúrgica Latina Martin u/jew sabiex taċċetta tnaqqis tal-ammont tal-multa ta' ArcelorMittal;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ċaħdet it-talba li tinvoka l-assenza ta' kapaċità kontributtiva u/jew ta' ħlas differit bl-eżenzjoni mill-obbligu tal-kostituzzjoni ta' garanzija bankarja, ippreżentata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta' fatt u ta' liġi fl-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti sabiex tħallas il-multa.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta' fatt u ta' liġi fl-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-azzjonisti tar-rikorrenti.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, sa fejn, fir-rigward ta' impriżi oħra tas-settur, il-Kummissjoni rrikonoxxiet sitwazzjoni ta' inkapaċità kontributtiva, billi naqqset l-ammont tal-multa jew billi tat eżenzjoni mill-obbligu ta' kostituzzjoni ta' garanzija.

4.    Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

-    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti l-opportunità li tippreżenta l-fehma tagħha.

-    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kisret ir-regoli ta' ġurisdizzjoni meta kisret il-prinċipju ta' kolleġjalità.

-    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________