Language of document : ECLI:EU:T:2014:223

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

10 ta’ April 2014

Kawża T‑57/14 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Appell ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu — Firma tal-avukat imniżżla fil-faks differenti minn dik imniżżla fl-oriġinal ippreżentat permezz tal-posta — Preżentata tal-oriġinal wara l-iskadenza tat-terminu — Tardività — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑94/12), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma miktuba bl-id tal-avukat li hija differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta tiġi riċevuta l-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 43(6))

Skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni għandha tiġi meħuda inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal tal-att iffirmat jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

Meta l-firma tal-avukat li jirrappreżenta rikorrent li tidher fil-qiegħ tar-rikors ta’ appell trażmess permezz ta’ faks ma tkunx identika għal dik li tidher fl-oriġinal tar-rikors ta’ appell ippreżentat sussegwentement, id-data ta’ trażmissjoni tar-rikors ta’ appell ippreżentat permezz ta’ fax ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Isegwi li, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija biss id-data ta’ preżentata tal-oriġinal iffirmat li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta’ dan it-terminu.

(ara l-punti 6, 8 u 9)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 29 ta’ Novembru 2011, ENISA vs CEPD, T‑345/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 15 sa 17, u l-ġurisprudenza ċċitata; 3 ta’ Ottubru 2012, Tecnimed vs UASI – Ecobrands (ZAPPER-CLICK), T‑360/10, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 15 sa 17; 14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑229/13 P, punti 14 u 15