Language of document : ECLI:EU:T:2016:455

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Settembru 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Is-suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż u Olandiż tal-gambli mill-Baħar tat-Tramuntana – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tal-volumi ta’ bejgħ – Ammissibbiltà tal-provi – Użu bħala prova ta’ reġistrazzjonijiet sigrieti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi – Evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑54/14,

Goldfish BV, stabbilita f’Zoutkamp (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Heiploeg BV, stabbilita f’Zoutkamp,

Heiploeg Beheer BV, stabbilita f’Zoutkamp,

Heiploeg Holding BV, stabbilita f’Zoutkamp,

irrappreżentati minn P. Glazener u B. Winters, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, sussegwentement minn Van Nuffel u H. van Vliet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8286 finali, tas‑27 ta’ Novembru 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.39633 – Gambli), sa fejn tikkonċerna r-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Goldfish BV, Heiploeg BV, Heiploeg Beheer BV u Heiploeg Holding BV (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, ir-“rikorrenti” jew “Heiploeg”), jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li għandhom bħala attività prinċipali n-negozju tal-gambli, l-moluski u l-krostaċej oħrajn.

2        Il-prodott ikkonċernat minn din il-kawża huwa l-gamblu tal-baħar tat-Tramuntana (crangon crangon), li huwa speċji ta’ gambli maqbud fil-baħar tat-Tramuntana. Il-biċċa l-kbira tal-qabdiet jinħattu l-art fid-Danimarka, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn il-qabdiet sussegwentement jinxtraw direttament min-negozjanti speċjalizzati fix-xiri tal-gambli (contract fishing) jew jinxtraw sew fil-Pajjiżi l-Baxxi matul bejgħ bl-irkant (free fishing).

3        Sussegwentement, in-negozjanti jipproċessaw u jittrattaw il-gambli tal-baħar tat-Tramuntana, li jinkludi l-pil tagħhom, l-iffriżar tagħhom u l-ippakkjar tagħhom. Dawn il-kummerċjanti jipprovdu l-gambli tal-baħar tat-Tramuntana għall-konsum tal-bniedem, imqaxxrin jew bil-qoxra, iffriżati jew mhux iffriżati, lill-bejjiegħa bl-imnut bħas-supermarkets, il-bejjiegħa bl-ingrossa ta’ frott tal-baħar, kumpaniji li jipproċessaw l-ikel jew ukoll ir-ristoranti.

4        Fl-14 ta’ Jannar 2003, in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża, iktar ’il quddiem in-“NMa”) adottat deċiżjoni fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni Olandiż u tal-Artikolu 101 kontra diversi impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi attivi fl-industrija tal-gambli fil-baħar tat-Tramuntana. Din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna ftehimiet fuq il-prezz minimu u restrizzjonijiet dwar il-produzzjoni għall-perijodu minn Jannar 1998 sa Jannar 2000 kif ukoll l-ostaklu għad-dħul ta’ negozjanti ġodda għall-bejgħ ta’ gambli bl-irkant Olandiż minn Ottubru sa Novembru 1999. Xi multi ġew imposti fuq Heiploeg BV, fuq Goldfish, fuq Klaas Puul & Zoon BV u fuq L. Kok International Seafood BV.

5        Fit-28 ta’ Diċembru 2004, fil-kuntest ta’ appell amministrattiv, il-multi ta’ diversi negozjanti żgħar inkluża L. Kok International Seafood ġew annullati, filwaqt li l-multi kontra Heiploeg BV, kontra Goldfish, kontra Klaas Puul & Zoon tnaqqsu. Mill-kumplament, id-deċiżjoni tan-NMa prinċipalment inżammet permezz tad-deċiżjonijiet tar-Rechtbank Rotterdam (tribunal ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell tal-kontenzjuż amministrattiv fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“College van Beroep”).

6        Fit-13 ta’ Jannar 2009, Klaas Puul BV, Klaas Puul Beheer BV, Klaas Puul Holding BV (iktar ’il-quddiem, meħudin flimkien, “Klaas Puul”), li kienu jipproduċu u jinnegozjaw diversi tipi ta’ frott tal-baħar, wasslu l-intenzjoni tagħhom, lill-Kummissjoni Ewropea, li jissottomettu kandidatura għall-immunità mill-multi b’rabta mal-eżistenza ta’ kartell fl-industrija tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana. Sussegwentement, il-Kummissjoni tat “markatur”, fis-sens tal-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw xi akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006”), lil Klaas Puul sas-26 ta’ Jannar 2009 sabiex tippermettilha li tiġbor l-informazzjoni u l-provi neċessarji.

7        Fis-26 ta’ Jannar 2009, Klaas Puul ressqet, konformement mal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006, talba għal klemenza mingħand il-Kummissjoni, li ngħatatilha b’mod kondizzjonali fis-17 ta’ Marzu 2009.

8        Fl-24, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni wettqet, konformement mal-Artikolu 20(4) u mal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), verifiki fil-postijiet kummerċjali u d-djar privati fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi. Bejn it-3 ta’ Awwissu 2009 u d-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni wettqet diversi talbiet għal informazzjoni. Klaas Puul kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni billi pprovditilha informazzjoni, dokumentazzjoni u spjegazzjonijiet.

9        Fit-12 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tibda proċedura kontra Heiploeg, Holding L.J.M. Kok BV, kontra L. Kok International Seafood (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Kok Seafood”), kontra Klaas Puul u kontra Stührk Delikatessen Import GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem “Stührk”). Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tal-ilmenti kontra dawn il-kumpanniji.

10      Id-destinatarji kollha tal-komunikazzjoni tal-ilmenti sussegwentement talbu u rċevew DVD li fih id-dokumenti li jistgħu jiġu kkonsultati tal-fajl tal-Kummissjoni. Id-dokumenti u dikjarazzjonijiet aċċessibbli fil-postijiet tal-Kummissjoni ġew ikkonsultati biss minn Heiploeg. Id-destinatarji l-oħra tal-komunikazzjoni tal-ilmenti ma xtaqux ikollhom aċċess għal dawn. Id-destinatarji kollha tal-komunikazzjoni tal-ilmenti ppreżentaw kummentarji bil-miktub u nstemgħu matul seduta fis-7 ta’ Frar 2013.

11      Fis-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 8286 finali, tas-27 ta’ Novembru 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.39633 – Gambli) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

12      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata:, il-Kummissjoni kkonstatat li Heiploeg, Klaas Puul, Kok Seafood u Stührk, kumpanniji attivi fis-settur tal-gambli griżi tal-baħar tat-Tramuntana, kienu, matul il-perijodi inklużi bejn Ġunju 2000 u Jannar 2009, ipparteċipaw f’diversi ftehimiet u prattiki miftiehma u wettqu skambji ta’ informazzjoni sensittivi, li taw lok għal ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

13      Is-suq ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata kien dak tal-gambli griżi tal-baħar tat-Tramuntana. Il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-gambli kienu prinċipalment distribwiti lill-konsumaturi f’ħames Stati Membri, jiġifieri l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Belġju kien jirrappreżenta madwar 50 % tat-total tal-konsum tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana, il-Ġermanja 25 % u l-Pajjiżi l-Baxxi l-ikbar parti tal-konsum li jibqa’. L-ikbar żewġ negozjanti ta’ gambli tal-baħar tat-Tramuntana fl-Unjoni Ewropea kienu Heiploeg u Klaas Puul.

14      L-akkordju msemmi fid-deċiżjoni kkontestata kien jikkonċerna ksur uniku, kontinwu u kumpless tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Kummissjoni indikat li dan l-akkordju kien jikkonsisti fi ftehimiet fuq il-prezzijiet, prattiki miftiehma u skambji ta’ informazzjoni sensittiva bejn il-fornituri tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-akkordju kellu bħala għan li jinfluwenza flimkien il-livelli tal-prezzijiet tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana, li jillimita l-kompetizzjoni u li jistabbilizza s-suq.

15      L-akkordju huwa deskritt fid-deċiżjoni kkontestata bħala li jaħdem fuq il-bażi ta’ kuntratti bilaterali bejn il-kumpanniji. Il-kumpanniji kkonċernati, partikolarment Heiplog u Klaas Puul, kellhom minn żmien twil kuntatti frekwenti sabiex jiddiskutu n-negozju tagħhom. Heiploeg u Klaas Puul kienu b’mod partikolari żvelaw u kkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq u kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. B’mod partikolari, iż-żewġ kumpanniji kienu kkonkludew ftehimiet fuq il-prezzijiet li kellhom jitħallsu lill-fornituri tagħhom, il-prezzijiet li kellhom jiġu fatturati lil diversi klijenti u t-tqassim ta’ dawn il-klijenti.

16      Il-Kummissjoni kkonstatat li Stührk kienet ukoll ikkonkludiet ftehimiet fuq l-iffissar tal-prezzijiet ma’ Heiploeg u kienet fil-miftuħ evitat li tkun f’kompetizzjoni ma’ Heiploeg u ma’ Klaas Puul. Finalment, id-deċiżjoni kkontestata indikat li Kok Seafood kienet ikkonkludiet ftehim fit-tul ma’ Heiploeg, intiż li tbigħ il-gambli tagħha lil Heiploeg għal prezz iffissat abbażi tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid li setgħet tikseb Heiploeg. L-għan ta’ dan il-ftehim kien b’mod partikolari li Kok Seafood ma ssirx kompetitur fis-suq tal-gambli.

17      Dawn il-konstatazzjonijiet jibbażaw, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjonijiet li saru minn Klaas Puul bil-għan li tikseb il-klemenza u d-dokumenti ta’ sostenn mehmużin insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, fuq dokumenti li l-Kummissjoni sabet fl-impriżi matul spezzjonijiet għall-għarrieda (punt 8 iktar ’il fuq), fosthom ċerti reġistrazzjonijiet awdjo ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi li saru minn M.K. u xi noti bil-miktub ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi li nstabu għand Kok Seafood, kif ukoll fuq risposti għal talbiet għal informazzjoni u fuq konfermazzjonijiet li saru minn Stührk.

18      Id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet, fuq il-bażi tal-elementi msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq, li dawn l-arranġamenti differenti u kumplessi bejn il-varji kumpanniji kienu jikkostitwixxu aġir ta’ koordinazzjoni tas-suq li jinkludi ftehimiet antikompetittivi jew prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

19      L-akkordji li jikkonċernaw lil Heiploeg ġew ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li jestendi mill-21 ta’ Ġunju 2000 sat-13 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”). Madankollu, Heiploeg Holding ġiet ikkunsidrata bħala responsabbli biss għal perijodu ta’ sentejn u ħdax-il xahar b’effett mit-3 ta’ Frar 2006.

20      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, dispożizzjonijiet tal-linji gwida għall-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Fir-rigward ta’ Heiploeg, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ għas-sena finanzjarja tas-snin 2000-2001 sa 2007-2008 (80 sa 90 miljuni ta’ euro) abbażi tal-grad ta’ gravità tal-ksur (16 %), immulitiplikata bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża (8.5 għal Heiploeg u 2.91 għal Heiploeg Holding). Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet ammont addizzjonali ta’ 16 % skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida. Dawn il-kalkoli wasslu għal ammont bażiku tal-multa li tiġi imposta ta’ EUR 124 596 000 (li tinkludi l-multa ta’ Heiploeg Holding).

21      Minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, il-multa kontra Heiploeg tnaqqset b’75 % sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-prodott li ħoloq kartell fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ totali kif ukoll id-differenzi ta’ parteċipazzjoni individwali bejn il-partijiet. Wara dan l-aġġustament, l-ammont tal-multa li kellu jiġi impost kien ta’ EUR 31 149  000 (li tinkludi l-multa ta’ Heiploeg Holding).

22      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-ammont tal-multa ma għandux jaqbeż rata ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tas-sena preċedenti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont tal-multa ġie ffissat għal EUR 27 082 000 (li jinkludi l-multa ta’ Heiploeg Holding).

23      Finalment, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa mressqa minn Heiploeg għall-assenza tal-kapaċità kontributtiva, skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida.

24      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kissru l-Artikolu 101(1) TFUE billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu fl-industrija tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana fl-Unjoni Ewropea, u li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ u/jew xiri u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva fuq il-prezzijiet, il-klijienti u l-volumi, u għal xi wħud fosthom ukoll għat-tqassim tas-suq u tqassim tal-klijenti:

(a)       Heiploeg mill-21 ta’ Ġunju 2000 sat-13 ta’ Jannar 2009;

(b)       Klaas Puul mill-21 ta’ Ġunju 2000 sat-13 ta’ Jannar 2009;

(c)       Stührk mill-14 ta’ Marzu 2003 sal-5 ta’ Novembru 2007;

(d)       Kok Seafood mill-11 ta’ Frar 2005 sat-13 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti l-multi segwenti:

(a)       Heiploeg BV,

Goldfish BV u

Heiploeg Beheer BV

flimkien u in solidum għal: 14 262 000 [euros;]

Heiploeg BV,

Goldfish BV

Heiploeg Beheer BV u

Heiploeg Holding BV

flimkien u in solidum għal: 12 820 000 [euros;]

(b)       Klaas Puul BV,

Klaas Puul Beheer BV u

Klaas Puul Holding BV

flimkien u in solidum għal: 0 [euros;]

(c)       Stührk Delikatessen Import Gmbh & Co. KG: 1 132 000 [euros;]

(d)       L. Kok International Seafood BV u

Holding L.J.M. Kok BV

flimkien u in solidum għal: 502 000 [euros;]

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

26      Fil-kuntest tar-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti infurmaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu ġew iddikjarati falluti mir-Rechtbank Noord-Nederland (tribunal tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana) fit-28 ta’ Jannar 2014.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti talbu mill-Qorti Ġenerali trattament prijoritarju għal din il-kawża.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tilqa’ t-talba għal trattament prijoritarju ppreżentata mir-rikorrenti.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015, li matulha ġie deċiż li r-rikorrenti jiġu mistiedna jipprovdu lill-Qorti Ġenerali wara s-seduta informazzjoni fuq il-valur tal-bejgħ tal-assi differenti tagħhom u fuq il-kontinwazzjoni tal-impriżi wara l-falliment tagħhom. Ir-rikorrenti wieġbu għal din it-talba fit-terminu impost.

30      Il-fażi tal-proċedura orali ngħalqet fit-18 ta’ Jannar 2016.

31      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla in toto jew in parte d-deċiżjoni kkontestata;

–        tħassar l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom jew tal-inqas tnaqqsu;

–        tieħu d-deċiżjonijiet li l-Qorti Ġenerali tiġġudika neċessarji;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Matul is-seduta, ir-rikorrenti indikaw b’risposta għal domanda mill-Qorti Ġenerali, li t-tielet kap tat-talbiet tar-rikors ma kienx kap tat-talbiet awtonomu u li, konsegwentement, huma ma kinux qed jitolbu lill-Qorti Ġenerali li tieħu deċiżjoni fuq dan, dwar liema ttieħdet nota fil-proċess tas-seduta.

 Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qajmu tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, rispettivament, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, imwettaq minħabba l-użu mill-Kummissjoni, bħala prova ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ reġistrazzjonijiet tal-awdjo mwettqa fis-sigriet, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, imwettqa minħabba użu mill-Kummissjoni, bħala prova ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ noti dwar xi reġistrazzjonijiet awdjo mwettqa fis-sigriet, it-tielet, minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat bi żball li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida.

35      Billi l-ewwel u t-tieni motivi jqajmu kwistjonijiet marbuta, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, imwettqa minħabba l-użu mill-Kummissjoni, rispettivament, tar-reġistrazzjonijiet awdjo mwettqa fis-sigriet u tan-noti dwar dawn ir-reġistrazzjonijiet

36      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li r-reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi jikkostitwixxu mezz ta’ prova illegali biex jistabbilixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex tuża tali reġistrazzjonijiet bħala mezzi ta’ prova fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma twettaq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

37      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li n-noti li jakkumpanjaw ir-reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat fid-deċiżjoni kkontestata huma inaffidabbli ħafna, b’mod li l-użu tagħhom bħala mezz ta’ prova fid-deċiżjoni kkontestata jikser ukoll l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

38      Inizjalment, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, hija msejħa li teżamina f’liema kundizzjonijiet xi reġistrazzjonijiet sigrieti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u n-noti relatati magħhom stess jistgħu jiġu ammessi bħala mezzi ta’ prova biex jistabbilixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

39      Għalkemm huwa mitlub għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li jkollha rikors għal dawn il-provi f’dan il-każ, it-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti marbutin mal-kredibbiltà tan-noti relatati mal-imsemmija konverżazzjonijiet telefoniċi biex jiġi stabbilit jekk titqigħedx f’dubju l-osservanza mill-Kummissjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-oneru tal-prova tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE jaqa’ fuqha.

 Fuq il-legalità tal-użu ta’ reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u tan-noti relatati magħhom stess biex jiġi stabbilit it-twettiq ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE

40      Fil-premessi 262 sa 268 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti mressqa matul il-proċedura amministrattiva li jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-reġistrazzjonijiet inkwistjoni, li dawn saru fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ma jaqgħux taħt ksur penali, li, anki jekk xi partijiet privati kienu kisbu illegalment dawn il-provi, hija ma tiġix ipprojbita tużahom fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), li la hija stess u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali ma kienu fl-oriġini tar-reġistrazzjonijiet inkwistjoni u li l-impriża li mingħandha nstabu dawn ir-reġistrazzjonijiet ma kellhiex l-interess tipprovdilha dawn il-provi f’idejha.

41      Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni sigrieta tal-konverżazzjonijiet telefoniċi tikkostitwixxi ksur f’diversi Stati Membri u, konsegwentement, hija mezz ta’ prova illegali biex jistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, it-tieni nett, l-użu bħala prova ta’ reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi ma jistax jiġi ġġustifikat fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, it-tielet nett, dan l-użu ma jistax jiġi ġġustifikat iktar fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u, finalment, ir-raba’ nett, id-dritt Olandiż ma jippermettix l-użu fid-dritt tal-kompetizzjoni ta’ reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li, peress li prova tkun inkisbet b’mod regolari, l-ammissibbiltà tagħha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-uniku kriterju rilevanti biex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128).

43      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ prova, il-mezzi ta’ prova li d-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri jammettu fi proċeduri simili huma, fil-prinċipju, ammissibbli (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 29).

44      Madankollu, ċerti provi jistgħu jiġu esklużi mill-proċess, b’mod partikolari jekk jeżisti dubju kemm fuq l-istess natura tad-dokument ikkontestat kif ukoll fuq il-kwistjoni jekk inkiseb permezz ta’ mezzi leġittimi minn dak li jinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, EU:C:1981:311, punt 16). Tali esklużjoni ma hijiex, madankollu, awtomatika, peress li l-qrati tal-Unjoni f’ċerti każijiet aċċettaw li jieħdu inkunsiderazzjoni xi dokumenti fejn ma huwiex għaldaqstant stabbilit li huma nkisbu permezz ta’ mezzi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-legalità tal-provi kkontestati ma jistax jeskludi l-obbligu għall-istituzzjonijiet li josservaw id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

46      Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u ma jistgħux jiġu ammessi fl-Unjoni xi miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:676, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta provi miġbura bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-produzzjoni tal-provi u li hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. L-użu ta’ din il-proċedura għandu, għalhekk, jitqies li huwa forma proċedurali sostanzjali, skont l-Artikolu 263(2) TFUE. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali jwassal għal xi konsegwenzi, indipendentement mill-kwistjoni jekk dan il-ksur ikkawżax dannu lil min jinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 42 u 52, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:676, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, jeħtieġ, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “l-istess valur legali bħat-Trattati”.

49      L-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispeċifika li, sa fejn tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħti lilhom din il-konvenzjoni. Skont l-ispjegazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 35).

50      F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tal-provi kkontestati, jiġifieri xi reġistrazzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi bejn persuni privati, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, jinkludi xi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Għandu għaldaqstant jingħata lill-Artikolu 7 tal-Karta l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 70).

51      B’hekk, peress li l-interċezzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet jikkostitwixxu indħil fl-eżerċizzju ta’ dritt iggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB (il-Qorti EDB, 6 ta’ Settembru 1978, Klass et vs il-Ġermanja, KE:QEDB:1978:0906JUD000502971, § 41 ; Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 1984, Malone vs ir-Renju Unit, KE:QEDB:1984:0802JUD000869179, § 64; Qorti EDB, 24 ta’ April 1990, Kruslin vs Franza, KE:QEDB:1990:0424JUD001180185, § 26, u Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2006, Weber u Saravia vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2006:0629DEC005493400, § 79), huma jikkostitwixxu wkoll limitu tal-eżerċizzju tad-dritt li jikkorrispondi ddedikat għall-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi l-artikolu. Skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

53      Skont l-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti EDB, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, f’kuntest penali, prova illegalment miksuba ttellef akkużat minn proċess ġust u hija ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, jekk wieħed jikkunsidra dan li ġej (Qorti EDB, 26 ta’April 2007, Popescu vs Ir-Rumanija, KE:QEDB:2007:0426JUD007152501, § 106) :

“Għalkemm il-[KEDB] tiggarantixxi fl-Artikolu 6 tagħha d-dritt għal smigħ xieraq, hija ma tirregolax madankollu l-ammissibbiltà tal-provi bħala tali, suġġett li jaqa’ taħt l-ewwel kap tad-dritt intern. Il-Qorti, għalhekk, ma tistax teskludi l-ammissibbiltà ta’ prova miġbura mingħajr ma tosserva il-preskrizzjonijiet tad-dritt nazzjonali [...] Il-Qorti tfakkar barra minn hekk li, fil-passat, hija diġà kellha l-okkażjoni tiddikjara li l-użu ta’ reġistrazzjoni illegali, u minbarra dan bħala unika prova, ma jmurx, minnu nnifsu, kontra l-prinċipji ta’ ekwità stabbiliti mill-Artikolu 6[(1) KEDB], inkluż hemmhekk meta din il-prova nkisbet bi ksur tar-rekwiżiti tal-[KEDB], b’mod partikolari dawk tal-[Artikolu 8 tagħha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55      Il-Qorti EDB kellha wkoll l-okkażjoni li tispeċifika li kellu jiġi eżaminat jekk l-użu bħala mezz ta’ prova ta’ reġistrazzjoni miksuba illegalment ma kinitx tellfet lir-rikorrenti minn smigħ xieraq u jekk id-drittijiet tad-difiża kienu ġew rispettati, b’mod partikolari billi jiġi vverifikat jekk hija kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-awtentiċità u x-xogħol tal-imsemmija reġistrazzjoni. Hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk tali reġistrazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ prova miżmuma biex jimmotiva kundanna (Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 1988, Schenk vs L-Isvizzera, KE:QEDB:1988:0712JUD001086284, § 48).

56      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra hawn fuq li għandu jiġi eżaminat jekk huwa korrett li l-Kummissjoni użat ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni bħala mezzi ta’ prova fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

57      F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-reġistrazzjonijiet ikkontestati kienu nkisbu mill-Kummissjoni matul spezzjoni fl-uffiċċji ta’ waħda mill-impriżi implikati fl-akkordju, jiġifieri Kok Seafood, imwettqa konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

58      Għalhekk għandu jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, minn naħa, dawn ir-reġistrazzjonijiet twettqu la mill-Kummissjoni u lanqas minn awtorità pubblika oħra, iżda minn parti privata li pparteċipat fl-imsemmija konverżazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li dawn il-provi nġabru legalment mill-Kummissjoni, il-legalità tal-ispezzjoni li matulha huma ġew issekwestrati ma ġietx, barra minn hekk, ikkontestata mir-rikorrenti.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq, il-provi li l-Kummissjoni kisbet regolarment huma, fil-prinċipju, ammissibbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

60      Madankollu, id-domanda magħmula f’dan il-każ hija dik jekk il-provi miġbura regolarment mill-Kummissjoni jistgħu jintużaw minn din tal-aħħar, anki jekk fl-oriġini huma nkisbu minn terzi, jekk ikun il-każ, illegalment, pereżempju bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjonijiet inkwistjoni.

61      B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni twettqu mill-impjegat ta’ kompetitur bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif stabbilita fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

62      Madankollu, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta, iċċitata fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, li l-użu bħala mezz ta’ prova ta’ reġistrazzjoni illegali ma jmurx, minnu nnifsu, kontra l-prinċipji ta’ ekwità stabbiliti permezz tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, inkluż hemmhekk meta din il-prova nkisbet bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tal-KEDB, meta, minn naħa, ir-rikorrenti inkwistjoni ma ttellfitx minn smigħ xieraq, lanqas mid-drittijiet tagħha tad-difiża u, min-naħa l-oħra, din il-prova ma kkostitwietx l-uniku mezz ta’ prova miżmuma biex timmotiva l-kundanna.

63      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif huwa indikat fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni offriet lill-partijiet kollha l-possibbiltà li jkollhom aċċess għar-reġistrazzjonijiet awdjo kollha u għan-noti miktubin li jakkompanjaw dawn ir-reġistrazzjonijiet li jidhru fil-proċess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li huma kellhom l-okkażjoni li jisimgħu r-reġistrazzjonijiet awdjo, li jikkonsultaw in-noti miktubin u li jagħmlu rimarki fuq id-dokumenti kollha tal-proċess.

64      Minbarra dan, ir-rikorrenti ma jressqu fl-atti tagħhom ebda argument ieħor li jippermetti li wieħed jiddubita mill-iżvolġiment ġust tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni.

65      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjonijiet inkwistjoni ma kkostitwewx l-uniku mezz ta’ prova użat mill-Kummissjoni, il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE imwettqa mir-rikorrenti jibbaża fuq il-provi kollha li nkisbu mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

66      Kif din ġiet irrilevata fil-punt 17 iktar ’il fuq, l-imsemmija provi huma, b’mod partikolari, ikkostitwiti, minbarra r-reġistrazzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u ta’ noti miktubin li jakkumpanjaw dawn ir-reġistrazzjonijiet li nstabu fl-uffiċċji ta’ M.K. de Kok Seafood, mid-dikjarazzjonijiet imwettqa minn Klaas Puul u d-dokumenti miktubin ipprovduti insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, kif ukoll minn provi oħra skoperti matul ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mit-tweġiba ta’ Stührk għall-komunikazzjoni tal-ilmenti.

67      Għaldaqstant, anki jekk ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni kellhom ċerta importanza fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, huma ma kkostitwixxewx l-unika prova li ssawwar il-kundanna tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtija tar-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li dawn jargumentaw.

68      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jillimitaw irwieħom li jikkontestaw b’mod lakoniku l-kredibbiltà tar-reġistrazzjonijiet u l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġenerali u l-kuntest speċifiku li fih huma kienu twettqu.

69      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti qatt ma ċaħdu l-kontenut tar-reġistrazzjonijiet inkwistjoni, lanqas ma kkontestaw l-awtentiċità tagħhom.

70      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni vverifikat il-konsistenza tar-reġistrazzjonijiet inkwistjoni mal-provi l-oħra inklużi fil-proċess.

71      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-fatt li r-reġistrazzjonijiet inkwistjoni li jikkonċernaw konverżazzjonijiet telefoniċi bejn żewġ kompetituri, li fihom l-interlokuturi skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, inkluż hemmhekk informazzjoni li tikkonċerna l-prezzijiet tagħhom, fir-rigward ta’ provi partikolarment validi fid-dawl tar-rabta immedjata u diretta tagħhom mal-għan tal-investigazzjoni inkwistjoni.

72      Finalment, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-imsemmija reġistrazzjonijiet ikkawżaw dannu wkoll lil-impriża li wettqithom, jiġifieri Kok Seafood, li pprovat tipprekludi l-użu tagħhom bħala mezz ta’ prova. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti, irrepetut matul is-seduta, li jgħid li Kok Seafood kienet wettqet ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni bil-għan li tużahom quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li dan ikun għad-dannu tar-rikorrenti jew insostenn ta’ talba eventwali għall-klemenza. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minbarra l-fatt li ebda talba għall-klemenza ma ġiet ippreżentata minn dawn tal-aħħar, li r-rikorrenti ma ġabu ebda prova intiża li turi li Kok Seafood kellha dawn l-intenzjonijiet.

73      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, għandu jiġi konkluż li, anki jekk wieħed għandu jikkunsidra li r-reġistrazzjonijiet inkwistjoni twettqu illegalment minn waħda mill-impriżi kompetituri tar-rikorrenti, huwa korrett li l-Kummissjoni użathom bħala mezzi ta’ prova fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

74      Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-reġistrazzjonijiet ikkontestati bħala mezzi ta’ prova, dawn ma jistgħux jiġu milqugħa.

75      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argumenti li jgħidu li r-reġistrazzjonijiet sigrieti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi jikkostitwixxu ksur f’diversi Stati Membri u, konsegwentement, huwa mezz ta’ prova illegali biex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma appoġġew ebda allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-użu ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi simili, fil-kuntest ta’ proċedura intiża li tikkonstata l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija pprojbita bħala prova fid-dritt ta’ diversi Stati Membri. Fil-fatt, ir-rikorrenti jipprovdu, fir-replika tagħhom, eżempju wieħed biss konkret. Fir-rigward ta’ sentenza tal-Cour de Cassation Franċiża (Cour de cassation, Seduta plenarja, 7 ta’ Jannar 2011, 09-14.316 09-14.667, ippubblikata fil-bullettin) li biha din tal-aħħar iġġudikat li reġistrazzjonijiet sigrieti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ma setgħux jintużaw bħala provi fi proċedura li tikkonstata l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fi Franza.

76      Minbarra dan, ma teżistix dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni li tipprevedi espressament il-projbizzjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ta’ provi miksuba illegalment, pereżempju bi ksur tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 75), u, b’mod ġenerali, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 55 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jeżistix prinċipju li bis-saħħa tiegħu provi miksuba illegalment ma jistgħux jintużaw fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew proċedura ġudizzjarja.

77      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-prova mill-Kummissjoni fil-kontenzjuż tal-kompetizzjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq jirriżulta li, anki jekk il-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-prova jipprevali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

78      F’dan il-kuntest, huwa ċertament veru li l-qorti tal-Unjoni tista’ tispira ruħha mid-dritt tal-Istati Membri. Madankollu, din ma timplikax li għandu jiġi applikat id-dritt tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fuq l-amministrazzjoni tal-prova tkun l-iktar stretta, tant li kemm l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kif ukoll id-dritt tal-Unjoni huma intiżi jintegraw il-garanziji stabbiliti mill-KEDB.

79      Fil-fatt, meta ebda tendenza dominanti fuq domanda legali ma tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ libera amministrazzjoni tal-provi fl-Unjoni huma indispensabbli sabiex l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji jistgħu jiżvolġu fil-kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-impriżi kkonċernati. Li kieku dan ma kienx il-każ, ir-rikors għar-regoli jew għal kunċetti legali tad-dritt nazzjonali u li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkollu bħala effett li joħloq preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 69 sa 76).

80      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid, jekk id-dritt Olandiż kellu jiġi kkunsidrat bħala applikabbli, dan kien jipprojbixxi l-użu ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet.

81      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li jista’ jiġi dedott miż-żewġ deċiżjonijiet mogħtija mir-Rechtbank Rotterdam (tribunal ta’ Rotterdam), fil-kuntest ta’ azzjoni bejn in-Nederlandse Autoriteit Consument en Markt (awtorità Olandiża ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tas-suq, iktar ’il quddiem l-“ACM”) u impriżi privati, li r-reġistrazzjonijiet sigrieti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi minn kompetitur huma esklużi bħala provi fid-dritt Olandiż (Rechtbank Rotterdam, 13 ta’Ġunju 2013, NL:RBROT:2013:CA3079 u Rechtbank Rotterdam, 11 ta’ Lulju 2013, NL:RBROT:2013:5042).

82      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, li, f’dan il-każ, inkwistjoni hemm l-iskoperta minnha, permezz ta’ mezzi legali, ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi rreġistrati bil-moħbi minn impriża u tal-użu ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, filwaqt li, fid-deċiżjonijiet tar-Rechtbank Rotterdam, inkwistjoni kien hemm it-trażmissjoni lill-ACM ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi rreġistrati mill-Openbaar Ministerie (ministeru pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

83      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif ġie diskuss matul is-seduta, li d-deċiżjonijiet tar-Rechtbank Rotterdam ġew invalidati minn żewġ sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2015 tal-College van Beroep (College van Beroep voor het bedrijfsleven, 9 ta’ Lulju 2015, NL:CBB:2015:192, u College van Beroep voor het bedrijfsleven, 9 ta’ Lulju 2015, NL :CBB :2015 :193). Kuntrarjament għar-Rechtbank Rotterdam, li kien annulla l-emendi billi kkunsidra li ma kienx muri għal liema raġunijiet dawn ir-reġistrazzjonijiet kienu ġew ipprovduti lill-ACM, il-College van Beroep qieset li din kienet awtorizzata tuża informazzjoni provenjenti mir-reġistrazzjonijiet li kienu ġew miġbura mill-ministeru pubbliku fil-kuntest ta’ investigazzjoni penali, b’mod legali.

84      Il-College van Beroep b’mod partikolari speċifika li r-reġistrazzjonijiet ipprovduti lill-ACM setgħu jiġu kkunsidrati bħala informazzjoni penali u li ma kienx hemm ebda bażi legali li teħtieġ spezzjoni minn qabel mill-ministeru pubbliku qabel ma l-informazzjoni, li setgħet tiġi eżaminata minn tribunal, tkun ipprovduta lill-ACM. Il-College van Beroep speċifika li l-unika kundizzjoni, sabiex xi reġistrazzjonijiet ikunu ttrasferiti, kienet dik tan-neċessità li jitwettaq dan it-trasferiment għal raġunijiet sostanzjali ta’ interess ġenerali. Madankollu, il-College van Beroep ikkunsidra li l-projbizzjoni tal-kartells kienet għan sostanzjali ta’ interess ġenerali, fid-dawl tal-fatt li din kienet issemmi l-ġid ekonomiku tal-pajjiż. Finalment, il-College van Beroep speċifika wkoll li l-ACM ma setax jikseb din l-informazzjoni b’mod differenti jew inqas ta’ indħil.

85      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx illegalità billi użat ir-reġistrazzjonijiet telefoniċi kkontestati biex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

86      L-istess konklużjoni timponi ruħha fir-rigward tan-noti dwar l-imsemmija reġistrazzjonijiet, li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata wkoll mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn jillimitaw ruħhom li jargumentaw, f’dan ir-rigward, li l-argumenti tagħhom dwar l-użu tar-reġistrazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-imsemmija noti.

87      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandhom ukoll jiġu miċħuda dawn l-argumenti fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imwettqa fil-punti 42 sa 85 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-kredibbiltà tal-imsemmija noti, huma ser ikunu ttrattati fil-punti 88 et seq iktar ’il quddiem.

 Fuq il-kredibbiltà tan-noti relatati mal-konverżazzjonijiet telefoniċi u fuq l-osservanza mill-Kummissjoni tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward.

88      Għall-premessi 312 sa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, bi tweġiba għal argumenti tar-rikorrenti mressqa matul il-proċedura amministrattiva li jikkontestaw il-kredibbiltà tan-noti relatati mal-konverżazzjonijiet telefoniċi, li, sa fejn ir-reġistrazzjonijiet awdjo oriġinali kienu disponibbli, hija eżaminat b’mod rigoruż in-noti miktubin fid-dawl tagħhom. Il-Kummissjoni tindika li hija wkoll qieset il-fatt li n-noti miktubin ma kinux jikkostitwixxu neċessarjament kopja eżatta tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u li l-awtur kien f’ċerti każijiet żied xi rimarki personali jew ħalla barra xi partijiet li ma qiesx li kienu importanti biżżejjed. Hija żżid tgħid li l-interpretazzjonijiet tagħha tan-noti twettqu b’mod oġġettiv u raġonevoli u ġew ivverifikati fid-dawl tal-provi l-oħra tal-proċess.

89      Ir-rikorrenti jressqu, essenzjalment, ħames ilmenti biex iqiegħdu f’dubju l-kredibbiltà tan-noti relatati mal-konverżazzjonijiet telefoniċi. L-ewwel nett, in-noti dwar l-imsemmija konverżazzjonijiet telefoniċi huma interpretazzjonijiet suġġettivi. It-tieni nett, id-data u l-lista tal-persuni li pparteċipaw f’dawn il-konverżazzjonijiet ma humiex ċari. It-tielet nett, il-Kummissjoni wettqet żbalji fit-tqassim tal-oneru tal-prova. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni kien imissha vverifikat il-kontenut tal-konverżazzjonijiet billi tindirizza t-talbiet għal informazzjoni lill-interlokuturi ta’ dak li kien irreġistra l-imsemmija konverżazzjonijiet, jiġifieri M.K., u, il-ħames nett, jekk ir-reġistrazzjonijiet awdjo u n-noti miktubin kellhom jiġu esklużi bħala prova, il-kawża mressqa kontra Heiploeg tikkollassa.

90      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’każ ta’ tilwima fuq l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tirrapporta l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u biex tistabbilixxi l-provi adatti li juru, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għal dan l-effett, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi li l-ksur allegat seħħ (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fuq provi dokumentarji, huwa l-obbligu tal-impriżi kkonċernati mhux biss sempliċement jippreżentaw alternativa plawżibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda biex iqajmu l-insuffiċjenza tal-provi miżmuma fid-deċiżjoni kkontestata biex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Għandu jitqies li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi diretti, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom juru li l-provi invokati huma insuffiċjenti. Diġà ġie deċiż li tali inverżjoni tal-oneru tal-prova ma tiksirx il-preżunzjoni tal-innoċenza (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, ma huwiex obbligatorju li l-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni jkunu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li n-numru ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fil-fatt, l-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE min-naħa ta’ impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu fil-moħbi u, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompettivi għandha tinsilet min-numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, ikunu jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-uniku kriterju rilevanti biex jiġu evalwati l-provi prodotti liberament jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu, mid-destinatarju u min-natura sensibbli u affidabbli tal-kontenut tiegħu. Għandha, b’mod partikolari, tingħata importanza kbira għall-fatt li ġie redatt dokument fir-rigward direttament il-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt biss li l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn impriżi li ressqu talba biex jibbenefikaw mill-avviż fuq il-kooperazzjoni tal-2006 ma jpoġġix indiskussjoni l-valur ta’ prova tagħha (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni milli tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Jekk tali ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni ta’ aġir li jikser l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija attribwita lilha mit-Trattat FUE (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Ċertu nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali għal akkordju illegali hija komprensibbli, peress li dawn il-parteċipanti jistgħu jimminimizzaw l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-ksur u jimmassimizzaw dik tal-oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-imsemmi avviż (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. B’hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma provi partikolarment affidabbli (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Madankollu, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi kkonċernati fil-kuntest tat-talbiet intiżi għall-benefiċċju tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 għandhom jiġu evalwati bi prudenza u, b’mod ġenerali, ma jistgħux jitqiesu bħala provi partikolarment affidabbli jekk dawn ma jkunux ġew ikkorroborati minn provi oħra (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 49).

100    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, li l-eżattezza tiegħu tkun qiegħda tiġi kkontestata minn diversi impriżi oħra investigati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun issostanzjata minn provi oħra (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 50u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 90 sa 100 iktar ’il fuq li hemm lok li jiġi vverifikat jekk huwa ġust li l-Kummissjoni użat, fid-deċiżjoni kkontestata, in-noti miktubin relatati mar-reġistrazzjonijiet awdjo bħala provi suffiċjentement kredibbli.

102    F’dan il-każ, għall-premessi 31 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa msemmi li l-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-postijiet tal-impriżi kkonċernati kif ukoll fil-postijiet privati sabiex tagħmel l-investigazzjoni tagħha. Matul dawn l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni sabet, b’mod partikolari, reġistrazzjonijiet awdjo tal-konverżazzjonijiet telefoniċi bejn Heiploeg u Kok Seafood, kif ukoll xi noti ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet, li twettqu mingħajr ma kienet taf Heiploeg minn Kok Seafood (ara l-premessi 262, 266 u 268 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ din l-ispezzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

103    Fir-rigward tal-ewwel ilment li jgħid li n-noti miktubin huma interpretazzjonijiet suġġettivi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-uniku kriterju rilevanti biex jiġu evalwati l-provi prodotti liberament jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

104    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li n-noti miktubin ma jikkostitwixxux neċessarjament reġistrazzjoni mill-ġdid eżatta tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u li ċerti reġistrazzjonijiet ġew distrutti (ara l-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata), li tagħha hija, barra minn hekk, ħadet inkunsiderazzjoni matul l-analiżi tagħhom kif ukoll tal-fatt li l-awtur tan-noti f’ċerti każijiet żied xi rimarki personali (ara, b’mod partikolari, premessi 321, 322, 324 u 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat in-noti miktubin abbażi tar-reġistrazzjonijiet awdjo meta dawn kienu disponibbli u kkonfermat l-interpretazzjoni tal-imsemmija noti permezz ta’ Kok Seafood (ara, b’mod partikolari, premessi 138, 182, 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riferiment “ma’ Klaas Puul”, li skont huma ġiet miżjuda minn M.K. fin-noti miktubin imsemmija fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata, li tbiddel is-sens tar-rimarki li saru. Dan l-argument ma jistax jirnexxi, iż-żieda ta’ tali riferiment ma tbiddel xejn mill-valur probatorju ta’ dawn in-noti. Fil-fatt, indipendentement mill-imsemmi żieda, in-noti inkwistjoni jixhdu l-eżistenza ta’ kuntatti bejn Heiploeg u Klaas Puul intiżi li jiftiehmu fuq żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ, kif il-Kummissjoni rrilevat ġustament fil-premessi 207 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata.

107    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova konvinċenti ta’ natura li turi li l-imsemmija żieda tagħti sinjifikat differenti lin-noti inkwistjoni. Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li dawn in-noti huma koerenti ma’ atti oħra tal-proċess, bħad-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti ta’ sostenn ta’ Klaas Puul (ara l-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

109    Fir-rigward tat-tieni ilment li jgħid li d-data u l-lista tal-persuni li pparteċipaw f’dawn il-konverżazzjonijiet ma humiex daqshekk ċari, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jsemmu l-ebda eżempju konkret biex isostnu din l-allegazzjoni. L-uniku eżempju li huma ċċitaw huwa dak taż-żieda ta’ riferiment “ma’ Klaas Puul”, iċċitat fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 106 iktar ’il fuq, l-estratt tan-noti ċċitati fl-imsemmija premessa jikkonferma l-eżistenza tal-kontatti bejn Heiploeg u Klaas Puul intiżi li jikkoordinaw l-istrateġija tagħhom fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ.

110    Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, jistgħu jiġu dedotti min-noti msemmija iktar ’il fuq l-identità tal-persuni li ħadu parti fil-konverżazzjonijiet li huma rrapportati hemmhekk u l-mument meta dawn il-konverżazzjonijiet seħħew, kif din ġiet irrilevata ġustament, b’mod partikolari, fil-premessi 96 u 207 tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

112    Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq żball tat-tqassim tal-oneru tal-prova li twettaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni tibbaża fuq provi li huma, fil-prinċipju, suffiċjenti biex juru l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex suffiċjenti għall-impriża kkonċernata li tevoka l-possibbiltà li ċirkustanza li tkun seħħet li tpoġġi fid-dubju l-valur probatorju ta’ dawn il-provi. B’mod kuntrarju, ħlief fil-każijiet fejn tali prova ma tistax tiġi ppreżentata mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, tkun l-impriża kkonċernata li jkollha tipprova b’mod suffiċjenti fil-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt iqiegħed indiskussjoni l-valur probatorju tal-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T-27/10, EU:T:2014:59, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi miktubin li ġejjin direttament mill-impriżi msemmija mid-deċiżjoni kkontestata biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi fattwali u l-ksur ikkritikat lir-rikorrenti.

114    Għalhekk, huwa ġust li hija tfakkar li, meta hija tibbaża fuq provi diretti, l-impriża kkonċernata hija obbligata mhux biss li tipproponi alternattiva plawżibbli għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda wkoll li turi li l-provi prodotti biex jiġi stabbilit l-ksur huma insuffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P et C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑27/10, EU:T:2014:59, punti 63 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-Kummissjoni ġustament, b’mod partikolari, fil-premessi 334 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ħarġu biss kriterji vagi fuq il-mezzi ta’ prova bħala tali, mingħajr ma jitqiegħdu fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li rriżultaw minnhom. Barra minn hekk, huma ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni alternattiva plawżibbli ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, u lanqas ma wrew li l-provi kienu insuffiċjenti biex jiġi stabbilit ksur.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

117    Fir-rigward tar-raba’ ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kien imissha tivverifika l-kontenut tal-konverżazzjonijiet billi tindirizza t-talbiet għal informazzjoni mingħand il-parteċipanti għall-imsemmija konverżazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-impriżi kkonċernati, inklużi Heiploeg u Kok Seafood, kollha kellhom l-okkażjoni jivverifikaw l-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni u li jippreżentaw interpretazzjonijiet alternattivi.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, jissemma l-fatt li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kollha rċevew DVD li jinkludi dokumenti tal-proċess tal-Kummissjoni u li Heiploeg ikkonsulta wkoll dokumenti oħra fil-lokali ta’ din tal-aħħar. Id-destinatarji kollha tal-komunikazzjoni tal-ilmenti, barra minn hekk, issottomettew kummentarji bil-miktub u nstemgħu matul seduta li saret fis-7 ta’ Frar 2013.

119    Barra minn hekk, Heiploeg kellu aċċess, matul il-proċedura amministrattiva, għan-noti inkwistjoni u għar-reġistrazzjonijiet awdjo, kif jixhed il-fatt li l-konsulent ta’ Heiploeg talab u rċieva kopja tad-diversi reġistrazzjonijiet awdjo.

120    Minkejja l-fatt li parti mir-reġistrazzjonijiet inqerdet (ara l-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti b’mod wiesa’ kellhom l-okkażjoni jivverifikaw in-natura vera tan-noti miktubin fid-dawl tar-reġistrazzjonijiet u għaldaqstant qatt ma allegaw li ltaqgħu ma’ xi diffikultajiet f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kummissjoni ma ttrażmettietx talbiet għal informazzjoni lill-parteċipanti għall-konverżazzjonijiet telefoniċi ma jistax jaffettwa l-kredibbiltà tan-noti misjubin għand Kok Seafood.

121    Għaldaqstant, lanqas ir-raba’ lment ma jista’ jiġi milqugħ.

122    Fir-rigward tal-ħames ilment, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, għalkemm ir-reġistrazzjonijiet awdjo kif ukoll in-noti li huma marbutin magħhom stess kienu esklużi bħala provi, l-azzjoni mibdija kontra Heiploeg taqa’, għaliex l-uniċi provi li jibqgħu huma d-dikjarazzjonijiet ta’ Klaas Puul bil-għan li jikseb il-klemenza.

123    Kif din tfakkret mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni milli tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Li kieku dan ma kienx hekk, l-oneru li l-Kummissjoni għandha li tipprova l-aġir li jmur kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE jkun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija lilha mit-Trattat.

124    Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun issostanzjata minn provi oħra.

125    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta, imfakkar fil-punt 100 iktar ’il fuq, li l-eżattezza tad-dikjarazzjoni ta’ impriża li tipparteċipa f’akkordju għandha titqiegħed f’dubju minn diversi impriżi oħra taħt investigazzjoni sabiex jinħoloq dubju fuq il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni inkwistjoni. F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jikkontestaw l-użu tad-dikjarazzjonijiet ta’ Klaas Puul mingħajr ma jġibu l-argument li jqiegħed fid-dubju l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet fattwali li jirriżultaw minnhom. Minbarra dan, ebda impriża oħra li pparteċipat fl-akkordju ma tikkontesta l-eżattezza tal-imsemmija dikjarazzjonijiet (ara l-premessi 300 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw bi żball li, għalkemm ir-reġistrazzjonijiet awdjo u n-noti relatati magħhom stess ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, id-dikjarazzjonijiet biss li twettqu minn Klaas Puul, bil-għan li tinkiseb il-klemenza, jeżistu bħala prova. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 17 u 66 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża wkoll fuq mezzi ta’ prova oħrajn, li r-rikorrenti ma jikkontestawx ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tagħmir ta’ spezzjoni li jibqa’, it-tweġiba ta’ Stührk għall-komunikazzjoni tal-ilmenti u d-dokumenti għall-kundanna miktubin trażmessi minn Klaas Puul insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha (ara l-premessi 55 sa 224 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq u kif irrimarkat ġustament fuqu l-Kummissjoni, l-indizji li tinvoka f’deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minn impriża għandhom jiġu evalwati mhux waħedhom, iżda fl-intier tagħhom.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas il-ħames ilment ma jista’ jiġi milqugħ.

129    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 billi użat f’dan il-każ ir-reġistrazzjonijiet ikkontestati tal-konverżazzjonijiet telefoniċi inkwistjoni jew in-noti relatati magħhom stess.

130    Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat bi żball li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida

131    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi ċċaħdet it-talba tagħhom ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, ibbażata fuq l-assenza tagħhom ta’ kapaċità ta’ ħlas. Huma jinvokaw il-fatt, l-ewwel nett, li l-ħlas tal-multa jqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà tagħhom, it-tieni nett, li l-ħlas tal-multa jnaqqas mill-assi tal-impriża parti sinjifikattiva tal-valur tagħhom u, it-tielet nett, li l-kuntest soċjoekonomiku huwa partikolari ħafna f’dan il-każ.

132    Il-paragrafu 35 tal-linji gwida, li jipprevedi l-effett li jista’ jkollha l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża sanzjonata talli kisret l-Artikolu 101 TFUE fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha, hija redatta kif ġej:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida, ser tippreġudika b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u ser twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

133    Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211 , u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 40).

134    Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li t-tnaqqis tal-ammont ta’ multa jista’ jingħata biss skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida f’ċirkustanzi eċċezzjonali u li ssegwi l-kundizzjonijiet li huma definiti mill-imsemmi paragrafu. B’hekk, minn naħa, għandu jintwera li l-multa imposta “tippreġudika b’mod li irrimedjabbilment il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza ta’ “kuntest ekonomiku u soċjali partikolari”. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet kienu ġew żviluppati minn qabel mill-qrati tal-Unjoni.

135    Fir-rigward tal-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma hijiex, fiil-prinċipju, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ defiċit ta’ impriża, fid-dawl tal-fatt li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 327 , u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 94).

136    Minħabba f’hekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata ma tistax tkun biżżejjed sabiex isservi ta’ bażi għal talba sabiex il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha bil-għan li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa.

137    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew il-likwidazzjoni ta’ impriża ma huwiex ipprojbit, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm tali tranżazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti, madankollu ma jfissirx li l-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, EU:T:2004:118, punt 372, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni,T‑400/09 EU:T:2012:675, punt 50).

138    Ma jkunx ammess li, billi tadotta l-paragrafu 35 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tkun imponiet xi obbligu li jmur kontra din il-ġurisprudenza. Prova ta’ dan huwa l-fatt li l-paragrafu msemmi ma jagħmilx referenza għall-falliment ta’ impriża, iżda jikkunsidra sitwazzjoni, li sseħħ “f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”, li fiha l-impożizzjoni ta’ multa “tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex l-assi tagħha jiġu pprivati minn kull valur” (sentenza tat-12 ta’ 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni, T‑352/09, EU:T:2012:673, punt 188),

139    B’hekk jirriżulta s-sempliċi fatt li l-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tipperikola li tipprovoka l-falliment tal-impriża kkonċernata ma hux suffiċjenti, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta’ kumpannija ma timplikax neċessarjament ix-xoljiment tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tibqa’ teżisti bħala tali, kemm fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija, u kemm fil-każ ta’ rkupru globali tal-elementi tal-assi tagħha minn entità oħra. Tali rkupru jista’ jintervjeni jew permezz ta’ xiri mill-ġdid volontarju, jew inkella minn bejgħ forzat tal-assi tal-kumpannija bit-tkomplija tal-operat (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni, T‑352/09, EU:T:2012:673, punt 189).

140    Għaldaqstant, ir-riferiment magħmul fil-punt 35 tal-Linji gwida għall-fatt li l-assi tal-impriża kkonċernata jiġu mċaħħda minn kull valur għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sitwazzjoni fejn it-trasferiment tal-impriża fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq ikun jidher improbabbli, jekk mhux ukoll impossibbli. F’tali ipoteżi, l-elementi tal-assi ta’ din l-impriża jiġu offerti għall-bejgħ b’mod separat u jkun probabbli li ħafna minnhom ma jsibu ebda xerrej jew, l-iktar l-iktar, jinbiegħu bi prezz kunsiderevolment imnaqqas (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 98).

141    Fir-rigward tat-tieni grupp ta’ kundizzjonijiet, relatati mal-eżistenza ta’ kuntest ekonomiku u soċjali partikolari, dan jirreferi, skont il-ġurisprudenza, għall-konsegwenzi li l-pagament tal-multa jista’ jġib miegħu, b’mod partikolari fil-livell ta’ żieda tal-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni tas-setturi ekonomiċi ’l fuq jew ’l isfel tal-impriża kkonċernata (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 106, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 99).

142    Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija preċedentement ikunu ssodisfatti, l-impożizzjoni ta’ multa li tirriskja li tikkawża x-xoljiment ta’ impriża tirriżulta kuntrarja għall-għan segwit mill-punt 35 tal-Linji gwida. L-applikazzjoni tal-imsemmi punt għall-impriżi kkonċernati tikkostitwixxi, b’hekk, applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam ta’ sanzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 100).

143    Fl-aħħar nett, kif fakkret ġustament il-Kummissjoni diversi drabi, fil-kuntest tal-proċeduri bil-miktub u orali quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida tikkostitwixxi l-aħħar element meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati taqa’ fil-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

144    Fir-rigward tal-portata ta’ din il-kompetenza, għandu jitfakkar li hija tikkostitwixxi modalità ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum jinsab espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 51; tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 47, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 36).

145    Skont il-ġurisprudenza, fil-fatt, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jeskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, il-“piena” tiġi imposta l-ewwel minn awtorità amministrattiva. Madankollu hija tippresupponi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li fiha nnifisha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ korp ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni sħiħa, tinsab is-setgħa li jibdel fir-rigward tal-punti kollha, kemm fil-fatt u kemm fil-liġi, tad-deċiżjoni meħuda. Tali korp għandu b’mod partikolari jkollu l-kompetenza biex jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 35).

146    Barra minn hekk, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

147    Għalhekk, bla ħsara għall-mezzi ta’ ordni pubbliku li hija għandha teżamina, u jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio, il-Qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tagħha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati, u ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fid-dettall kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62).

148    Fl-aħħar nett, il-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, għandha, fil-prinċipju u bla ħsara għall-eżami tal-elementi sottomessi mill-partijiet, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-dritt u ta’ fatt prevalenti fid-data li fiha hija tiddeċiedi meta hija ġġustifikata teżerċita l-poter tagħha ta’ riforma (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, puntsi51 u 52; tal-14  ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punt 61, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punti 282 sa 285).

149    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti wara s-seduta li għandu jiġi evalwat ir-raġunament li jidher fid-deċiżjoni kkontestata.

150    F’dan il-każ, fil-premessi 562 sa 566 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa bbażata fuq l-assenza tagħhom ta’ kapaċità ta’ ħlas, billi rrilevat, essenzjalment, li, l-ewwel nett, tnaqqis tal-ammont tal-multa ma tnaqqasx ir-riskju ta’ falliment u, it-tieni nett, li r-rikorrenti ma kinux urew li, wara eventwali falliment, l-assi tagħhom ma humiex iżjed użati fl-industrija u li, konsegwentement, it-telf tal-valur tal-assi tagħhom huwa sostanzjali. Skont il-Kummissjoni, kien probabbli li Heiploeg, jew għall-inqas ċertu numru ta’ kumpanniji tal-grupp Heiploeg, tirkupra u tkompli l-attivitajiet tagħha “as a going concern”. Hija kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, anki f’każ ta’ bejgħ individwali tal-assi ta’ Heiploeg, dawn l-assi jinbiegħu lil impriża kompetitur jew lil xi ħadd ġdid li ġie fis-settur u huma dejjem użati fl-industrija.

151    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet diġà daqshekk ħażina li falliment kien possibbli anki fl-assenza ta’ multa. Ir-rikorrenti jinvokaw verżjoni aġġornata minn rapport ta’ perizja tal-24 ta’ Ottubru 2012 imwettaq minn ditta tal-awditjar (iktar ’il quddiem ir-“Rapport P”), liema kien ġie pprovdut lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mir-Rapport P li r-rikorrenti kienu jinsabu diġà, qabel l-impożizzjoni tal-multa mill-Kummissjoni, f’sitwazzjoni finanzjarja partikolarment diffiċli li kienet poġġiethom viċin il-falliment.

153    Ir-Rapport P jindika li r-ristrutturazzjoni finanzjarja li kienet saret f’Ġunju 2012 kien bilkemm ipprovda lir-rikorrenti l-finanzjament suffiċjenti, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, għall-ġestjoni tal-affarijiet kurrenti.

154    Dan l-istess dokument jindika, barra minn hekk, li r-relazzjoni bejn id-dejn u l-profitt qabel l-interessi, taxxi, deprezzament u amortizzazzjoni li jkejlu l-kapaċità tal-impriża li tirrimborsa d-dejn tagħha, kienet partikolarment għolja (16.2 fl‑2011) u li dan il-profitt qabel l-interessi, taxxi, diprezzament u amortizzazzjoni għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja 2012-2013 kien ħafna iktar baxx mill-proviżjonijiet (0.7 miljuni ta’ Euro minflok 3.9 miljuni).

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Rapport P ma jurix, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li dawn kienu jaħarbu mill-fallimenti jekk il-multa ma kinitx imposta fuqhom.

156    Huwa ċertament veru, kif isostnu r-rikorrenti, li l-impożizzjoni ta’ multa żiedet ir-riskji ta’ tqegħid fil-falliment. Madankollu, bħal dak li tfakkar fil-punt 137 iktar ’il fuq, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li miżura meħuda minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew il-likwidazzjoni ta’ impriża ma huwiex ipprojbit, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni.

157    Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, ma huwiex biżżejjed li jiġi pprovat li l-impriża kkonċernata ser tiġi ddikjarata falluta f’każ ta’ impożizzjoni ta’ multa. Fil-kliem stess ta’ dan il-paragrafu, għandhom jeżistu “provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa […] tpoġġi irremedjabbilment fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex ittellef lill-assi tagħha minn kull valur”, li ma huwiex awtomatikament il-każ fis-sitwazzjoni ta’ falliment tal-kumpanniji li joperaw l-impriża inkwistjoni (ara punt 138 iktar ’il fuq).

158    Minn dan isegwi li huwa ġust li l-Kummissjoni evalwat li tnaqqis tal-ammont tal-multa ma jnaqqasx ir-riskju ta’ falliment.

159    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pagament tal-multa ttellef lill-assi tal-impriża parti sinjifikanti tal-valur tagħhom, lanqas ma jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fid-dawl ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-valur fil-kotba ta’ Heiploeg, li jogħla għal 178 miljuni ta’ Euros skont ir-Rapport P, kien ġie kkalkolat fil-31 ta’ Marzu 2012, jiġifieri kważi sentejn qabel il-falliment tal-impriża, li seħħ fl-aħħar ta’ Jannar 2014. Konsegwentement, fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Heiploeg, ma jistax jiġi eskluż li l-valur tagħha fil-kotba kien ikun inferjuri fil-bidu tas-sena 2014, fil-mument tal-falliment tagħha.

161    Huwa ċertament veru, kif isostnu r-rikorrenti, li r-Rapport P kien ikkonkluda li l-valur tal-assi tal-impriża jonqos b’50 % f’każ ta’ falliment u li l-informazzjoni li pprovdew wara s-seduta jindika li l-prodott totali tal-bejgħ ta’ diversi assi ta’ Heiploeg wara l-falliment tagħha kien jogħla għal ammont inferjuri għal EUR70 miljun.

162    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kemm ir-rapport tal-amministraturi tal-falliment kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti wara s-seduta jindikaw li parti sinjifikattiva tal-assi inkwistjoni, bħal b’mod partikolari s-sit ta’ trattament f’Zoutkamp (il-Pajjiżi l-Baxxi), ġew irkuprati mix-xerrejja li segwew l-operat tal-impriża fis-settur tat-trattament u tan-negozju tal-gambli tal-baħar tat-Tramuntana.

163    Konsegwentement, l-istralċ ta’ Heiploeg ma implikax it-tmiem tagħha. Bil-kontra, din kompliet teżisti bħala tali, peress li l-operat tagħha ġie segwit minn entitajiet oħrajn.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-assi tal-impriża kkonċernata ma tilfux il-valur kollu permezz tal-impożizzjoni tal-multa fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida.

165    It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-kuntest soċjali u ekonomiku li fih kienu joperaw kien partikolari, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix analiżi f’dan ir-rigward.

166    Madankollu, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, kif din ġiet irrilevata fil-punti 150 sa 164 iktar ’il fuq, li l-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet kumulattivi ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-assenza tal-kapaċità ta’ ħlas ma kienx issodisfatt, hija ma wettqitx żball billi kkunsidrat li analiżi tat-tieni sett ta’ kundizzjonijiet ma kienx neċessarju.

167    Fi kwalunkwe każ, jekk huwa veru li r-Rapport P kien jipprevedi li falliment ta’ Heiploeg iwassal għal telf ta’ impjiegi u għaldaqshekk rata għolja ta’ qgħad fil-provinċja kollha ta’ Groningen (il-Pajjiżi l-Baxxi), xorta jibqa’ l-fatt li, fir-realtà, ir-Rapport tal-amministraturi fuq il-falliment kien jindika li l-irkupru minn entità oħra tal-attivitajiet ta’ Heiploeg, li jimplika ż-żamma tas-sede tal-impriża u tas-sit ta’ trattament f’Zoutkamp, kien jippermetti li jinżammu fil-parti l-kbira l-impjiegi fir-reġjun u li jiġi kkonservat, fil-parti l-kbira, is-suq għal xi 200 sajjied ta’ gambli.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet biex jingħataw tnaqqis fl-ammont tal-multa skont l-allegata assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, kienu ssodisfatti. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

169    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li, b’mod partikolari peress li ebda mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tal-konklużjonijiet tagħhom, kemm b’annullament kif ukoll b’riforma, ma hija bbażata, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Goldfish BV, Heiploeg BV, Heiploeg Beheer BV u Heiploeg Holding BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, imwettqa minħabba l-użu mill-Kummissjoni, rispettivament, tar-reġistrazzjonijiet awdjo mwettqa fis-sigriet u tan-noti dwar dawn ir-reġistrazzjonijiet

Fuq il-legalità tal-użu ta’ reġistrazzjonijiet sigrieti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u tan-noti relatati magħhom stess biex jiġi stabbilit it-twettiq ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE

Fuq il-kredibbiltà tan-noti relatati mal-konverżazzjonijiet telefoniċi u fuq l-osservanza mill-Kummissjoni tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat bi żball li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċitŕ ta’ ħlas tar-rikorrenti fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.