Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Ottubru 2012 - Fondation IDIAP vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-286/10) 

("Klawsola ta' arbitraġġ - Sitt programm kwadru dwar l-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp tekonoloġiku u ta' dimostrazzjoni - Kuntratti dwar il-proġetti Amida, Bacs u Dirac - Spejjeż eliġibbli - Mudell ta' spejjeż addizzjonali - Salarju tar-riċerkaturi li jibbenefikaw minn kuntratti ta' impjieg għal żmien indeterminat - Nuqqas ta' riżorsi proprji tal-kontraenti")

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Fondation de l'Institut de recherche IDIAP (Martigny, l-Isvizzera) (rappreżentanti: G. Chapus-Rapin u G. Couchepin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac u A. Sauka, aġenti)

Suġġett

Talba mressqa prinċipalment abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, intiża sabiex tinkiseb mill-Qorti Ġenerali dikjarazzjoni li ċerti spejjeż esposti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-Kuntratti Nru 33812, dwar il-proġett Amida, Nru 27140, dwar il-proġett Bacs u Nru 27787, dwar il-proġett Dirac, konklużi mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tas-Sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp tekonoloġiku u ta' dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-riċerka u għall-innovazzjoni (2002-2006), stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 576), huma eliġibbli għal rimbors u li, konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex tirrimborsa s-somom ta' EUR 98 042.45 għall-kuntratt dwar il-proġett Dirac u ta' EUR 251 505.76 għall-kuntratt dwar il-proġett Amida, kif ukoll talba mressqa sussidjarjament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, intiża sabiex jinkiseb, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonfermat il-konklużjonijiet ta' verifika li ddikjarat l-ispejjeż inkwisjtoni ineliġibbli u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex twettaq minnufih verifika tal-proġetti li kellhom jitwettqu minn kumpannija oħra differenti minn dik li kienet wettqet l-ewwel verifika.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Il-Fondation de l'Institut de recherche IDIAP hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

____________

1 - ĠU C 221, 14.8.2010.