Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ Awwissu 2018 (1)

Kawża C-310/18 PPU

Spetsializirana prokuratura

vs

Emil Milev

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikoli 3, 4 u 10 – Preżunzjoni tal-innoċenza – Referenzi pubbliċi għall-ħtija – Artikoli 6, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-libertà – Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – Preżunzjoni ta’ innoċenza u drittijiet tad-difiża – Proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ arrest provviżorju”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2018 mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali (2), kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mressqa minn Emil Milev, akkużat b’serqa bl-użu ta’ armi f’ħanut, fid-dawl tat-tneħħija ta’ miżura koerċittiva ta’ arrest provviżorju meħuda fil-konfront tiegħu.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3.        L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà”, jistipula:

“1)      Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

(ċ)      l-arrest jew detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;

[…]

3.      Kull min ikun arrestat jew detenut skont id-disposizzjonijiet tal-paragrafu (1)(ċ) ta’ dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b’liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja u jkollu dritt għal proċeduri fi żmien raġonevoli jew għal ħelsien waqt pendenza tal-proċeduri. Il-ħelsien jista’ jkun taħt kundizzjoni ta’ garanziji biex jidher għall-proċeduri.

4.      Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.

[…]”

4.        L-Artikolu 6 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt għal proċediment ġust”, jistipula:

“1)      Fid-determinazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]

2.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

[…]”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

5.        Skont l-Artikolu 82(2) TFUE:

“Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu permezz ta’ direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.

Dawn għandhom jikkonċernaw:

[…]

b)      id-drittijiet ta’ l-individwi fil-proċedura kriminali;

[…]”

2.      Il-Karta

6.        L-Artikolu 6 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.

7.        Skont l-Artikolu 47 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

8.        L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi dan li ġej:

“1)      Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.      Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

9.        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett xieraq tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

10.      L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

3.      Id-Direttiva 2016/343

11.      Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343:

“Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.”

12.      Il-premessa 48 tad-Direttiva 2016/343 tiddisponi:

“Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [iktar ’il quddiem il-‘QEDB’]”.

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistipula:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva”.

14.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi”.

15.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jipprevedi:

“1)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri xierqa fil-każ ta’ ksur tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja, f’konformità ma’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10.”

[…]”

16.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Rimedji” jipprovdi:

“1)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.

2.      Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

C.      Id-dritt Bulgaru

17.      Skont l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi tan-Nakasatelno-protsesualen kodeks (Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), “[m]iżura koerċittiva tista’ tittieħed fil-konfront tal-persuna akkużata […] meta l-provi tal-proċess juru suspett raġonevoli li wettqet ir-reat u meta teżisti waħda mill-ġustifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57”.

18.      Skont l-Artikolu 57 tan-NPK, “[i]l-miżuri koerċittivi jiġu adottati sabiex jiġi evitat li l-persuna akkużata taħrab, twettaq reat jew ittellef l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali finali”.

19.      L-Artikolu 58 tan-NPK isemmi l-arrest provviżorju fost il-miżuri koerċittivi.

20.      Skont l-Artikolu 63 tan-NPK, “miżura ta’ arrest provviżorju tittieħed meta jeżisti suspett raġonevoli li l-persuna akkużata wettqet reat li huwa punibbli b’sentenza ta’ priġunerija jew piena oħra iktar severa u li mill-evidenza fil-kawża jirriżulta li hemm perikolu reali li l-persuna akkużata taħrab jew twettaq reat”.

21.      Skont l-Artikolu 65(4) tan-NPK, f’kull mument matul il-proċedura prekontenzjuża, il-persuna akkużata tista’ titlob l-eżami mill-ġdid tal-miżura koerċittiva ta’ arrest provviżorju u “[i]l-qorti għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-legalità tad-detenzjoni […]”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22.      E. Milev kien issuspettat li wettaq serqa bl-użu ta’ armi f’ħanut fil-katina ta’ supermarkits “Billa” li seħħet fit-30 ta’ Diċembru 2008 f’Sofia (il-Bulgarija). Madankollu, peress li l-investigazzjoni ma ppermettietx li jinġabru l-provi kontrih, huwa ma ġiex akkużat. Fil-31 ta’ Lulju 2009, din l-investigazzjoni ġiet sospiża, mingħajr ma ġiet identifikata l-ebda persuna suspettata u mingħajr ma ġie akkużat ħadd.

23.      Sadanittant, żewġ kawżi kriminali oħra (3) nfetħu fil-konfront ta’ E. Milev. Fil-kuntest tal-ewwel minn dawn iż-żewġ kawżi, qorti Bulgara rrifjutat li tqiegħed lil E. Milev taħt arrest provviżorju, peress li kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet tax-xhud prinċipali BP ma kinux kredibbli. L-ebda deċiżjoni tal-qorti fuq il-mertu għadha ma ttieħdet fil-kawża msemmija.

24.      Fil-kuntest tat-tieni kawża, E. Milev ġie detenut mill-24 ta’ Novembru 2013 sad-9 ta’ Jannar 2018, data li fiha ġie meħlus mill-akkużi kollha fil-konfront tiegħu. Il-qorti inkwistjoni bbażat dan il-ħelsien b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li d-dikjarazzjonijiet tax-xhud BP ma kinux kredibbli (4).

25.      Fiż-żewġ kawżi inkwistjoni, ix-xhud BP għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet rigward ir-reati kriminali li allegatament ipparteċipa fihom E. Milev. Fl-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ma għamel referenza għas-serqa bl-użu ta’ armi f’ħanut fit-30 ta’ Diċembru 2008.

26.      Fil-11 ta’ Jannar 2018, il-każ dwar din is-serqa bl-użu ta’ armi f’ħanut fl-2008 nfetaħ mill-ġdid.

27.      Fl-istess jum, ix-xhud BP ġie interrogat. Dan indika li kien ippjana s-serqa inkwistjoni ma E. Milev u persuni terzi, iżda li E. Milev ma kienx mar fid-data miftiehma. Sussegwentement, BP sar jaf mill-mezzi ta’ xandir li s-serqa bl-użu ta’ armi kienet twettqet u E. Milev qallu li kien wettaqha ma’ persuni oħrajn. BP indika li xehed wara perijodu ta’ żmien daqshekk twil għaliex kien jibża’ minn E. Milev, u, meta sar jaf li E. Milev kien se jiġi meħlus wara d-deċiżjoni ta’ ħelsien f’każ preċedenti, kien inkwieta u għaldaqstant iddeċieda li jagħmel din id-dikjarazzjoni. Video tas-serqa bl-użu ta’ armi ntwera lix-xhud BP li stqarr li għaraf lil E. Milev fost l-aggressuri.

28.      Fl-istess jum, jiġifieri fil-11 ta’ Jannar 2018, E. Milev ġie akkużat bis-serqa bl-użu ta’ armi inkwistjoni (5) u ġie arrestat sabiex jinġieb quddiem il-qorti mitluba biex tiddeċiedi l-arrest provviżorju tiegħu.

29.      Fl-ewwel istanza, it-talba tal-prosekutur pubbliku intiża għall-arrest provviżorju ta’ E. Milev intlaqgħet, minħabba li, “prima facie”, id-dikjarazzjonijiet tax-xhud BP kienu kredibbli. Fit-tieni istanza, l-arrest provviżorju kien ikkonfermat abbażi tad-dikjarazzjonijiet iddettaljati tax-xhud BP u minħabba li r-responsabbiltà kriminali tiegħu setgħet tiġi stabbilita għal xhieda falza.

30.      Il-qorti tar-rinviju tinnota fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha li ż-żewġ istanzi ġudizzjarji eżaminaw id-dikjarazzjonijiet tax-xhud BP meħuda separatament, mingħajr ma qabbluhom ma’ provi oħra favorih. L-argumenti f’dan ir-rigward imressqa mill-avukat ta’ E. Milev ma rċevewx risposta.

31.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-kuntest tal-kontroll wara l-arrest, il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li analiżi ddettaljata tal-provi ma kinitx meħtieġa u kienet eżaminat biss id-dikjarazzjonijiet ta’ BP. Il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat ukoll li saħħa probatorja tal-provi inqas b’saħħitha kienet suffiċjenti għaż-żamma tal-arrest.

32.      Il-qorti tat-tieni istanza kkonfermat din il-konklużjoni, għal darba oħra abbażi tad-dikjarazzjonijiet tax-xhud BP. Hija indikat, fid-deċiżjoni tagħha, li kienet “eżaminat, b’mod ġenerali ħafna, id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn ix-xhieda” u li l-provi “għalkemm huma sommarji, […] isostnu l-argument ta’ kundanna […]; peress li ma humiex miċħuda minn provi oħra, il-qorti tal-appell ma tistax tinjorahom”.

33.      Id-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tat-tieni stħarriġ tal-arrest provviżorju ssegwi l-istess linja. Il-qorti tat-tieni istanza tikkunsidra li “[…] wara l-5 ta’ Novembru 2017, data li fiha n-NPK kien immodifikat, is-suspetti raġonevoli meħtieġa għal din il-proċedura kienu preżenti. Il-qorti tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ suspett wara eżami ġenerali ħafna tal-provi tal-proċess. Fl-ebda każ, wara l-modifika msemmija tan-NPK, ma għandhom jiġu analizzati l-provi tal-proċess b’mod dettaljat […]. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali ħafna tad-dikjarazzjonijiet u l-provi […], għandha tiġi kkonstatata probabbiltà ġenerali u suspett ta’ implikazzjoni eventwali […]”.

34.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-argumenti mressqa mill-avukat ta’ E. Milev dwar il-parzjalità u n-nuqqas ta’ kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ BP ma ġewx diskussi mill-qorti u li l-argumenti li kien invoka espressament ma kinux irċevew risposta.

35.      E. Milev jikkunsidra li l-kriterju, stipulat fid-dritt Bulgaru, ta’ “suspetti raġonevoli” bħala kundizzjoni preliminari tal-arrest provviżorju tiegħu għandu jiġi interpretat skont kif definit fis-sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell u Hartley vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486), jiġifieri li dan il-kriterju jeżiġi l-eżistenza ta’ data oġġettiva xierqa li tipperswadi lil osservatur oġġettiv li l-persuna kkonċernata probabbilment wettqet ir-reat inkwistjoni. E. Milev ressaq ukoll argumenti konkreti dwar in-nuqqas ta’ kredibbiltà tax-xhud BP u l-avukat tiegħu ppreżenta numru ta’ talbiet bil-għan li jinġabru l-provi sabiex tiġi vverifikata l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tax-xhud BP.

36.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li qabel ir-riforma tan-NPK fil-5 ta’ Novembru 2017, il-qorti ma kkonfermatx l-arrest tal-persuna akkużata ħlief wara li kienet konvinta b’mod sħiħ li kien hemm “suspetti raġonevoli” li l-persuna kkonċernata kienet wettqet ir-reat. Il-qorti ddikjarat il-pożizzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli wara li “qieset b’mod iddettaljat il-partijiet kollha tal-proċess u kkummentat b’mod liberu dwar il-kredibbiltà tal-provi favur u kontra u tat risposta konkreta u ċara għall-argumenti mressqa mill-avukat tal-persuna akkużata”.

37.      Barra minn hekk, kien ipprojbit b’mod formali, skont l-Artikolu 29(1)(1)(d) tan-NPK (6), li qorti li kienet iddikjarat il-pożizzjoni tagħha fuq l-adozzjoni jew il-konferma tal-miżura ta’ arrest provviżorju, tiddikjara l-pożizzjoni tagħha fuq il-kundanna fil-fażi kontenzjuża u tagħti sentenza kriminali fuq din il-kundanna. Din il-projbizzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li, filwaqt li tikkonstata l-preżenza jew l-assenza ta’ “suspetti raġonevoli” u filwaqt li tiddibatti fuq il-kredibbiltà tal-provi, il-qorti tkun diġà fformat opinjoni dwar il-kawża.

38.      Wara sensiela ta’ kundanni tal-Qorti EDB, in-NPK ġie mmodifikat fil-5 ta’ Novembru 2017. Fl-okkażjoni ta’ din ir-riforma, il-projbizzjoni formali prevista fl-Artikolu 29(1)(1)(d) tan-NPK ġiet imħassra. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li “[g]ħaldaqstant, il-qrati nazzjonali issa għandhom jeżaminaw is-suspetti raġonevoli, inkluż fil-fażi prekontenzjuża, u fl-istess ħin iżommu l-imparzjalità tagħhom”.

39.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-eliminazzjoni tal-Artikolu 29(1)(1)(d) tan-NPK wasslet għal kurrent ta’ ġurisprudenza ġdid dwar il-kwistjoni jekk jeżistux “suspetti raġonevoli li jippermettu li jitqies” li l-persuna akkużata wettqet ir-reat. F’dan ir-rigward, qorti għandha biss tieħu konjizzjoni tal-provi “prima facie” u b’mod mhux dettaljat. Minn dan isegwi li qorti “tista’ biss telenka l-provi iżda ma tistax tqabbilhom jew tikkummenta dwarhom filwaqt li tindika liema minnhom tikkunsidra kredibbli u għala; hija tista’ biss tindika li huwa possibbli, b’mod ġenerali u mhux iddeterminat, li l-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, filwaqt li tiddeskrivi “stat ta’ suspett”, iżda ma tistax tesprimi konvinzjoni ċara li l-provi jippermettu li jiġi konkluż bi probabbiltà konvinċenti biżżejjed li l-persuna akkużata wettqet dan ir-reat; finalment, il-qorti ma tistax tagħti risposta ċara u konkreta għall-argumenti mressqa mill-avukat tal-persuna akkużata li jobbligawha tesprimi opinjoni iktar b’saħħitha dwar it-twettiq tar-reat inkwistjoni u tiddiskuti l-kontradizzjoni allegata bejn il-provi jew il-preżenza jew l-assenza ta’ kredibbiltà tagħhom”.

40.      Fi kliem ieħor, hemm limitazzjoni doppja, jiġifieri, mill-aspett tad-dritt sostantiv, il-qorti ma għandhiex dritt tindika fid-deċiżjoni tagħha li għandha konvinzjoni b’saħħitha li r-reat twettaq mill-persuna akkużata, u, mill-aspett tal-proċedura, huwa pprojbit li din tiddiskuti l-provi u li tindika liema minnhom huma kredibbli u r-raġunijiet għalfejn huma kredibbli.

41.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-għan tal-ġurisprudenza l-ġdida huwa li jħares l-imparzjalità tal-qorti meta din tiddikjara l-pożizzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli, fil-prattika, din twassal għal tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni akkużati fir-rigward tal-arrest provviżorju.

42.      Hija żżid li ma hemmx unanimità fuq din il-ġurisprudenza l-ġdida. Parti sinjifikattiva tal-qrati nazzjonali jikkunsidraw li, sabiex il-persuna akkużata tinżamm f’arrest provviżorju, il-preżunzjoni tal-innoċenza tirrikjedi li tiġi stabbilita probabbiltà iktar b’saħħitha u għolja li din il-persuna wettqet ir-reat. Il-qrati nazzjonali jikkunsidraw li d-drittijiet tad-difiża jimponu li ssir diskussjoni, b’mod iktar iddettaljat, tal-provi u li tingħata risposta konkreta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-avukat tal-persuna akkużata.

43.      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ġurisprudenza nazzjonali li tissuġġetta ż-żamma ta’ miżura koerċittiva ta’ “detenzjoni provviżorja” (erba’ xhur wara l-arrest tal-persuna mixlija) għall-eżistenza ta’ “raġunijiet plawżibbli”, interpretati fis-sens ta’ sempliċi konstatazzjoni “prima facie” li l-persuna mixlija setgħet wettqet ir-reat inkwistjoni, hija kompatibbli mal-Artikolu 3, mat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), mal-Artikolu 10, mar-raba’ u mal-ħames sentenza tal-premessa 16 u mal-premessa 48 tad-DIrettiva 2016/343, kif ukoll mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta […]?

Alternattivament, ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta “raġunijiet plawżibbli” fis-sens ta’ probabbiltà kbira li l-persuna mixlija wettqet ir-reat inkwistjoni hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq?

2)      Ġurisprudenza nazzjonali li tobbliga lill-qorti li tkun qiegħda tiddeċiedi talba għal emenda ta’ miżura koerċittiva ta’ “detenzjoni provviżorja” diġà adottata sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tqabbel il-provi kontra u l-provi favur, minkejja li l-avukat tal-persuna mixlija jkun ippreżenta argumenti f’dan is-sens – fejn l-unika raġuni għal din ir-restrizzjoni hija li l-qorti għandha tibqa’ imparzjali fil-każ li din il-kawża tiġi assenjata lilha għall-finijiet tal-eżami fil-mertu – hija kompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), mal-Artikolu 10, mar-raba’ u mal-ħames sentenza tal-premessa 16 u mal-premessa 48 tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta […]?

Alternattivament, ġurisprudenza nazzjonali li minnha joħroġ li l-qorti għandha twettaq eżami iktar iddettaljat u preċiż tal-provi u għandha tagħti tweġiba ċara għall-argumenti tal-avukat tal-persuna mixlija, anki jekk tassumi r-riskju li ma tkunx tista’ teżamina l-kawża u li ma tkunx tista’ tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-ħtija jekk l-imsemmija kawża tiġi assenjata lilha għall-finijiet tal-eżami fil-mertu, li jimplika li qorti oħra teżamina din il-kawża fil-mertu, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq?”.

IV.    Fuq il-proċedura b’urġenza u fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44.      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45.      Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti tirrileva li E. Milev jinsab taħt arrest provviżorju. Hija tqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari li tirrgwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343 hija neċessarja sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tal-arrest provviżorju ta’ E. Milev. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li E. Milev ser jibqa’ f’arrest provviżorju sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

46.      L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-5 ta’ Ġunju 2018, fuq proposta tal-imħallef relatur u wara risposta mingħandi, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

47.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn E. Milev u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Bulgaru ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ressqu l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Lulju 2018.

V.      Analiżi

48.      Bid-domandi preliminari tagħha, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3, it-tieni frażi tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex persuna akkużata tinżamm f’arrest provviżorju hijiex suffiċjenti s-sempliċi konstatazzjoni mill-qorti li teżamina rikors kontra dan l-arrest provviżorju, li “prima facie” (7), din il-persuna setgħet wettqet ir-reat inkwistjoni jew jekk, bil-kontra, għandux ikun hemm konstatazzjoni mill-qorti ta’ “probabbiltà b’saħħitha” (8) li din il-persuna wettqet dan ir-reat.

49.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju u l-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti sabiex tosserva d-dritt għal proċess imparzjali stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta u fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343.

A.      Dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 47 u 48 tal-Karta kif ukoll tad-Direttiva 2016/343 dwar id-deċiżjonijiet tal-arrest provviżorju

50.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mid-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza (9), dwar id-dritt għal-libertà (10) u dwar l-imparzjalità tal-qorti (11).

51.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/343, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-Istati Membri fis-sistema ta’ ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, għaldaqstant, li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam kriminali (12).

52.      L-arrest provviżorju ta’ E. Milev, persuna fiżika akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li għadha pendenti, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 kif iddefinit fl-Artikolu 2 (13) tagħha li “tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva” (14).

53.      F’dan ir-rigward, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-preżunzjoni tal-innoċenza tapplika għad-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju u li din tinkiser b’mod partikolari jekk dawn id-deċiżjonijiet jippreżentaw lill-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm il-ħtija ta’ din il-persuna ma tkunx ġiet ippruvata skont il-liġi.

54.      Il-Kummissjoni tqis li fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni dwar ir-reat inkwistjoni, il-proċess inkwistjoni ma għandux jitqies bħala implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Karta ma tapplikax, bħala tali, għall-proċedura msemmija.

55.      Il-Kummissjoni ġġustifikat ukoll it-teżi tagħha fuq l-inapplikabbiltà tal-Karta bin-nuqqas ta’ regoli sostantivi pożittivi dwar l-arrest provviżorju fid-Direttiva 2016/343.

56.      Ma naqbilx ma’ din it-teżi.

57.      Jien inqis li d-Direttiva 2016/343 ma tirrigwardax lir-reat inkwistjoni iżda lill-proċedura kriminali inġenerali u li r-regoli li tistabbilixxi dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza huma vinkolanti daqs l-eżiġenzi pożittivi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija direttiva tapplika għall-proċedura kriminali inkwistjoni, l-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fiha, u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4 tagħha, tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tassigura li d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta lill-persuni akkużati fil-kawża prinċipali jkunu osservati. Fil-fatt, l-obbligu tal-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza jimplika dak tal-osservanza ta’ dawn id-drittijiet (15).

58.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li, sakemm din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Din id-dispożizzjoni tal-Karta hija intiża sabiex tassigura l-koerenza meħtieġa bejn id-drittijiet li jinsabu fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti garantiti mill-KEDB, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (16).

59.      Nirrileva li “d-dritt għal-libertà” stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi għall-istess kunċett previst fl-Artikolu 5(1) tal-KEDB (17), li d-dritt għall-aċċess għal proċess imparzjali stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB (18). Barra minn hekk, mill-premessa 48 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li “[i]l-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti [EDB]”.

B.      Fuq l-Artikolu 5 tal-KEDB u l-arrest provviżorju

60.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB relattiva għall-Artikolu 5 tal-KEDB, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipproteġi s-sigurtà fiżika tal-persuni u, bħala tali, għandha importanza essenzjali (19). Din tinkludi l-għan tal-protezzjoni tal-individwu kontra ċ-ċaħda tal-libertà arbitrarja u mhux iġġustifikata (20).

61.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, preżunzjoni favur il-ħelsien tirriżulta mill-Artikolu 5 tal-KEDB. Sakemm tiġi kkundannata, il-persuna akkużata għandha titqies li hija innoċenti u l-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi artikolu tal-KEDB għandhom essenzjalment l-għan li jimponu l-ħelsien jekk l-arrest ma jkunx legali jew jekk is-sentenza ma tasalx fi żmien raġonevoli (21). Fil-punt 84 tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Lulju 2001, Ilijkov vs il-Bulgarija, CE:ECHR:2001:0726JUD003397796, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-arrest seta’ biss ikun iġġustifikat meta jkun hemm indikazzjonijiet preċiżi ta’ eżiġenza reali ta’ interess pubbliku li, minkejja l-preżunzjoni tal-innoċenza, tipprevali fuq l-osservanza tal-libertà individwali.

62.      Nikkunsidra li għandna nenfasizzaw li hemm rabta stretta fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB bejn id-dritt għal-libertà u l-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, wieħed huwa indissoċjabbli mill-ieħor.

63.      Il-lista tal-eċċezzjonijiet għad-dritt għal-libertà prevista mill-Artikolu 5(1) tal-KEDB għandha karattru eżawrjenti (22). Fit-termini tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB, persuna tista’ biss tiġi arrestata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, sabiex tinġieb quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, b’mod partikolari minħabba li hija suspettata li wettqet reat (23).

64.      L-istess test jeżiġi b’mod partikolari (24) l-eżistenza ta’ suspetti “raġonevoli” (25) li l-persuna arrestata u detenuta tkun wettqet reat. Din id-dispożizzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ fatti jew informazzjoni xierqa li jipperswadu lil osservatur oġġettiv li l-individwu inkwistjoni seta’ wettaq ir-reat. Issa, dak li jista’ jiġi kkunsidrat “raġonevoli” jiddependi mill-analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-proċess (26).

65.      Għandu jiġi enfasizzat li “l-fatti li jwasslu għal suspetti raġonevoli ma għandhomx ikunu tal-istess livell bħal dawk neċessarji għall-ġustifikazzjoni ta’ kundanna jew li jwasslu għal akkuża” (27).

66.      Il-punt 61 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal-25 ta’ Marzu 1999, Nikolova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:1999:0325JUD003119596, jindika li għalkemm “huwa minnu li [l-Artikolu 5(4) tal-KEDB] ma jistabbilixxix l-obbligu li l-qorti li teżamina rikors kontra arrest tistudja kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellant, il-garanziji li huwa jipprevedi jitilfu s-sens tagħhom jekk il-qorti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-dritt u l-prattika interna, setgħet tikkunsidra bħala irrilevanti jew tonqos milli tikkunsidra, fatti konkreti invokati mid-detenut u li jistgħu joħolqu dubju fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet indispensabbli għal-‘legalità’, fis-sens tal-[KEDB], taċ-ċaħda tal-libertà”. Minn dan isegwi li meta r-rikorrent isostni fatti konkreti bħal dawn, li la jidhru improbabbli u lanqas irrilevanti, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ qorti ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(4) tal-KEDB jekk din tastjeni milli tieħu dawn l-argumenti inkunsiderazzjoni.

67.      Barra minn hekk, meta jkun hemm żamma tal-arrest ta’ persuna (28), il-permanenza tas-suspetti raġonevoli li din il-persuna wettqet reat hija kundizzjoni sine qua non tar-regolarità ta’ din iż-żamma (29).

C.      Fuq l-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-imparzjalità tal-qorti

68.      Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, l-imparzjalità tal-qorti għandha tiġi evalwata kemm fuq il-bażi ta’ approċċ suġġettiv, bil-għan li jiddetermina l-konvinzjoni u l-aġir personali ta’ tali qorti f’tali okkażjoni (30) u fuq il-bażi ta’ approċċ oġġettiv li jwassal sabiex jassigura li l-qorti toffri garanziji suffiċjenti għall-esklużjoni, f’dan ir-rigward, ta’ kull dubju leġittimu (31).

69.      Skont il-Qorti EDB, l-evalwazzjoni oġġettiva tikkonsisti fid-domanda jekk, indipendentement mill-kondotta personali tal-imħallef, ċerti fatti verifikabbli jawtorizzaw li jitqajjem dubju dwar l-imparzjalità tiegħu. F’din il-kwistjoni, saħansitra d-dehra tista’ tkun ta’ importanza. Jiddependi mill-kunfidenza li l-qrati ta’ soċjetà demokratika jispiraw lill-partijiet f’kawża, l-ewwel nett, fil-qasam kriminali, fl-imputati (32). Għalhekk, għandu jirrikuża ruħu kull imħallef li wieħed jista’ b’mod leġittimu jibża’ li għandu nuqqas ta’ imparzjalità (33).

70.      Mit-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-qrati.

71.      Fis-sentenza tal-Qorti EDB tal-24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 49, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-fatt li l-maġistrati li jipparteċipaw għall-eżami finali tal-kawża fl-appell, kienu diġà aditi biha fi stadju preċedenti u kienu ħadu qabel il-proċess diversi deċiżjonijiet marbuta mar-rikorrent, b’mod partikolari deċiżjonijiet dwar l-arrest provviżorju tiegħu, jista’ jqajjem dubji fl-imputat dwar l-imparzjalità tal-qorti. Madankollu, skont il-Qorti EDB, ma għandux madankollu jitqies li d-dubji tar-rikorrent fir-rigward tal-imparzjalità tal-qorti “bħala ġġustifikati b’mod oġġettiv fil-każijiet kollha: ir-risposta għandha [tvarja] skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża”.

72.      Skont il-Qorti EDB “[wieħed] ma għandux jittratta s-suspetti bl-istess mod bħal konstatazzjoni formali ta’ ħtija [u l-fatt li] qorti tal-ewwel istanza jew tal-appell, […], kienet diġà ħadet deċiżjonijiet qabel il-proċess, b’mod partikolari dwar is-suġġett tal-arrest provviżorju, ma jistax għalhekk jiġġustifika fih innifsu tħassib dwar l-imparzjalità tagħha. […] Ċerti ċirkustanzi jistgħu madankollu, f’kawża speċifika, jawtorizzaw konklużjoni differenti” (34).

73.      F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB ikkunsidrat li, meta qorti li tkun qiegħda tiddeċiedi fuq it-tqegħid f’arrest provviżorju jkollha tiżgura ruħha bl-eżistenza ta’ “suspetti partikolari b’saħħithom” li suspettat wettaq ir-reat, ikun hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jekk din ikollha tiddeċiedi dwar il-ħtija tas-suspettat. Fil-fatt, il-Qorti EDB iddeċidiet li d-differenza bejn l-eżistenza ta’ “suspetti partikolarment b’saħħithom” u l-problema li jeħtieġ li tissolva fit-tmiem tal-proċess (35) kienet minima (36).

D.      Dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB u l-preżunzjoni tal-innoċenza

74.      Il-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilita fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, teżiġi b’mod partikolari li waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri tal-qorti ma jitilqux mill-idea stabbilita minn qabel li tgħid li l-imputat wettaq l-att inkriminat; l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-akkuża u d-dubju għandu jiffavorixxi lill-akkużat (37). Fil-fatt, din il-preżunzjoni tal-innoċenza tidher fost l-elementi ta’ proċess kriminali ġust meħtieġa fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB (38). Din tiġi miċħuda jekk deċiżjoni ġudizzjarja dwar imputat tirreferi għall-ħtija tiegħu mingħajr ma tkun ingħatat kundanna minn qabel fil-konfront tiegħu skont il-liġi. Anki fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni formali, ikun biżżejjed jekk tinħoloq l-impressjoni li l-qorti tikkunsidra lill-persuna kkonċernata bħala ħatja (39). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, “għandha ssir distinzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet li jirriflettu l-opinjoni li l-persuna kkonċernata hija ħatja u dawk li sempliċement jiddeskrivu stat ta’ suspett. Tal-ewwel jiksru l-preżunzjoni tal-innoċenza, filwaqt li tat-tieni huma kkunsidrati bħala konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-[KEDB] (40)”.

E.      L-applikazzjoni fil-kawża preżenti

75.      Infakkar qabel kollox li l-Istati Membri huma marbuta mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Karta meta jimplimentaw id-Direttiva 2016/343 u li għandhom jirrikonċiljaw l-eżiġenzi imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet u dan, anki jekk l-obbligu ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Karta jista’ f’ċerti ċirkustanzi, bħal fil-kawża prinċipali, jimponi approċċ delikat sabiex jinsab ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet inkwistjoni (41).

76.      Peress li l-arrest provviżorju (42) ta’ persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali bħal E. Milev jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva (43), jirriżulta b’mod ċar mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll mill-premessa 16 tagħha li, meta qorti nazzjonali tadotta deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju tagħha, il-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tkun osservata. Minn dan isegwi li din il-qorti ma għandhiex tippreżenta l-persuna akkużata bħala ħatja sakemm il-ħtija tagħha ma ġietx stabbilita skont il-liġi (44).

77.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, ma jipprekludix id-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħad-deċiżjonijiet dwar l-arrest provviżorju (45), li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji u li huma bbażati fuq suspetti jew provi kontra. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri xierqa f’każ ta’ ksur tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu (46).

78.      Issa, inqis li l-konstatazzjoni minn qorti li teżamina rikors kontra l-arrest provviżorju li tgħid li hemm “probabbiltà b’saħħitha” (47) li persuna akkużata wettqet reat tagħti b’mod ċar l-impressjoni li din il-persuna hija ħatja ta’ dan ir-reat meta l-ħtija tiegħu ma tkunx ġiet stabbilita skont il-liġi. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni ma tillimitax ruħha li “[t]iddeskriv[i] stat ta’ suspett” (48).

79.      Għalkemm tali approċċ jista’ jiżgura protezzjoni msaħħa tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta (49), dan jippreġudika l-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta kif ukoll fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343.

80.      Madankollu, jekk l-unika konstatazzjoni minn qorti li teżamina rikors kontra arrest provviżorju tgħid li l-persuna akkużata setgħet “prima facie” (50) wettqet ir-reat inkwistjoni, jiġifieri, mingħajr ma tikkunsidra l-provi favur u kontra li jiġu ppreżentati, din ma tmurx kontra, għall-inqas mhux direttament, (51) il-preżunzjoni tal-innoċenza, hija tippreġudika d-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, għaliex il-qorti ma tivverifikax l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli li din il-persuna wettqet ir-reat (52).

81.      L-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB u l-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti EDB dwar din id-dispożizzjoni jeżiġu fil-fatt li persuna ma tistax tiġi arrestata mingħajr l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli li din wettqet reat (53).

82.      Mis-sentenza tal-Qorti EDB tal-25 ta’ Marzu 1999, Nikolova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:1999:0325JUD003119596, § 61, jirriżulta li qorti li teżamina rikors kontra arrest għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti konkreti invokati mill-arrestat li jistgħu jqajmu dubju dwar il-legalità taċ-ċaħda tal-libertà. Minn dan isegwi li, waqt li persuna akkużata ssostni tali fatti konkreti, li la jidhru improbabbli u lanqas irrilevanti, qorti li teżamina rikors kontra l-arrest tiegħu għandha teħodhom inkunsiderazzjoni.

83.      B’mod iktar preċiż, meta persuna akkużata tippreżenta matul rikors kontra l-arrest provviżorju tagħha, provi favuriha li la jidhru improbabbli u lanqas irrilevanti, il-qorti adita b’dan ir-rikors għandha teħodhom inkunsiderazzjoni flimkien mal-provi kontriha, sabiex tevalwa jekk hemmx suspetti raġonevoli li din il-persuna wettqet reat (54). B’dan il-mod, il-qorti inkwistjoni ma tikser la d-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta u lanqas il-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta u fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343.

84.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li s-sempliċi fatt li qorti ddeċidiet fuq l-arrest provviżorju ta’ persuna akkużata ma jimplikax neċessarjament li l-imparzjalità tagħha titqiegħed inkwistjoni u li tista’ saħansitra, f’ċerti ċirkustanzi preċiżi ħafna, tiddeċiedi sussegwentement dwar il-ħtija ta’ din il-persuna. Fil-fatt, il-parti essenzjali hija l-kwistjoni ta’ jekk mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju, il-qorti kellha jew ma kellhiex idea stabbilita minn qabel dwar il-ħtija tal-persuna akkużata (55).

85.      Jekk mill-motivazzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju ta’ persuna akkużata jirriżulta li l-qorti kienet ifformat idea fuq il-ħtija ta’ din tal-aħħar, il-qorti inkwistjoni ma tistax tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċess taħt piena li tikser l-Artikolu 47(2) tal-Karta dwar id-dritt għal proċess imparzjali.

86.      Barra minn hekk, motivazzjoni li tippreżenta lil persuna akkużata bħala ħatja, filwaqt li l-ħtija tagħha ma ġietx stabbilita skont il-liġi, tikser l-Artikolu 48 tal-Karta kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-qorti inkwistjoni tiddeċidix sussegwentement dwar il-ħtija tal-persuna inkwistjoni.

87.      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti li tiddeċiedi dwar l-arrest provviżorju ta’ persuna akkużata tillimita ruħha għall-verifika ta’ jekk jeżistux suspetti raġonevoli li din tal-aħħar wettqet ir-reat inkwistjoni, din il-qorti tista’ tipparteċipa fis-sentenza dwar il-mertu u, għaldaqstant, fis-sentenza dwar il-ħtija ta’ din il-persuna. Hekk kif jirriżulta mill-punt 83 tal-konklużjonijiet preżenti, meta persuna akkużata tippreżenta provi favuriha li la jidhru improbabbli u lanqas irrilevanti, il-qorti li qed teżamina rikors kontra l-arrest provviżorju tagħha għandha teħodhom inkunsiderazzjoni flimkien mal-provi kontriha, sabiex tevalwa jekk hemmx suspetti raġonevoli li din il-persuna wettqet reat.

VI.    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

1)      L-Artikoli 6 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta persuna akkużata tippreżenta provi favuriha li la jidhru improbabbli u lanqas irrilevanti, il-qorti li qed teżamina rikors kontra l-arrest provviżorju tagħha għandha teħodhom inkunsiderazzjoni flimkien mal-provi kontriha, sabiex tevalwa jekk hemmx suspetti raġonevoli li din il-persuna wettqet ir-reat inkwistjoni.

2)      Jekk mill-motivazzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju ta’ persuna akkużata jirriżulta li l-qorti kienet ifformat idea fuq il-ħtija ta’ din tal-aħħar, il-qorti inkwistjoni ma tistax tiddeċiedi fuq il-mertu tal-proċess taħt piena li tikser l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Motivazzjoni li tippreżenta persuna akkużata bħala ħatja, filwaqt li l-ħtija tagħha ma ġietx stabbilita skont il-liġi, tikser ukoll l-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-qorti inkwistjoni tiddeċidix sussegwentement dwar il-ħtija tal-persuna akkużata.

3)      Jekk il-qorti li tiddeċiedi dwar l-arrest provviżorju ta’ persuna akkużata tillimita ruħha għall-verifika ta’ jekk jeżistux suspetti raġonevoli li din tal-aħħar wettqet ir-reat inkwistjoni, din il-qorti tista’ tipparteċipa fis-sentenza dwar il-mertu u, għaldaqstant, fis-sentenza dwar il-ħtija tal-persuna akkużata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2016, L 65, p. 1.


3      Kawża minnhom “marbuta mal-parteċipazzjoni f’serqa armata ta’ bank” u l-kawża l-oħra “marbuta mat-tmexxija ta’ għaqda kriminali organizzata, ifformata bil-għan li twettaq serq armat u marbuta ma’ numru ta’ serqiet armati”.


4      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura kriminali, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2016, li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistra bħala l-Kawża C-439/16 PPU, Milev. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), staqsiet, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016 mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) fil-bidu tal-perijodu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva li tagħti lill-qrati nazzjonali li għandhom kompetenza li jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ arrest provviżorju, il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċeduri kriminali, iż-żamma ta’ imputat taħt arrest provviżorju kellhiex tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li huwa wettaq ir-reat li huwa akkużat bih. (Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C-439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 28). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016, mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), ma kinitx ta’ natura li tikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343, l-għanijiet mixtieqa minnha (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C-439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 36).


5      Din is-serqa tikkostitwixxi reat kriminali skont l-Artikolu 199(2)(3) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Penali; iktar ’il quddiem in-“NK”), li huwa punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn ħmistax u għoxrin sena, b’għomor ħabs jew b’għomor ħabs mingħajr possibbiltà ta’ tnaqqis.


6      B’hekk, qabel ir-riforma tal-2017, l-Artikolu 29(1)(1)(d) tan-NPK kien jipprovdi:


      “L-ebda mħallef […] ma jista’ jipparteċipa f’kulleġġ ġudikanti […] jekk kien jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti li adotta […] digriet li jimponi, jikkonferma, jimmodifika jew iħassar miżura koerċittiva ta’ arrest provviżorju f’fażi prekontenzjuża”.


7      Ara, b’mod partikolari, il-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Ara, b’mod partikolari, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 48 tal-Karta u d-Direttiva 2016/343.


10      Ara l-Artikolu 6 tal-Karta.


11      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta.


12      Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2016/343. Skont il-Kummissjoni, “id-Direttiva [2016/343] tistabbilixxi regoli minimi dwar ċerti garanziji proċedurali għall-persuni suspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Hija tittratta ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza […]. Minn dan isegwi li d-direttiva la tikkonstitwixxi strument sħiħ u lanqas eżawrjenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ suspettat li jinsab f’arrest provviżorju”, (punt 11 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni). Fil-punt 26 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 fih biss eżiġenza negattiva dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ arrest provviżorju, jiġifieri li, fejn tkun ittieħdet deċiżjoni fuq l-arrest provviżorju, is-suspettat ma għandux ikun ippreżentat bħala ħati.


13      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Milev (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:760, punti 59 sa 63).


14      Ara, ukoll, il-premessa 12 tad-Direttiva 2016/343.


15      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C-612/15, EU:C:2018:392, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Milev (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:760, punti 69 sa 76) li jibbaża l-analiżi tiegħu fuq l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-KEDB fi proċedura kriminali.


16      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punti 48 sa 50).


17      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37).


18      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 35). Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB biss jirrigwarda speċifikament il-preżunzjoni tal-innoċenza.


19      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal-5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, § 84. Skont il-Qorti EDB, “[f]limkien mal-Artikoli 2, 3 u 4, l-Artikolu 5 tal-[KEDB] jidher fost id-dispożizzjonijiet prinċipali li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali li jipproteġu s-sigurtà fiżika tal-persuni […], u bħala tali, għandu importanza essenzjali”.


20      Ara, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji previsti f’Artikolu 5(3) u (4) tal-KEDB.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Bykov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2009:0310JUD000437802, § 61. L-Artikolu 5(3) tal-KEDB jipprovdi lill-persuni arrestati jew miżmuma minħabba li huma ssuspettati li wettqu reat kriminali, garanziji kontra ċ-ċaħda tal-libertà arbitrarja u mhux iġġustifikata, (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad-29 ta’ April 1999, Aquilina vs Malta, CE:ECHR:1999:0429JUD002564294, § 47). L-Artikolu 5(4) tal-KEDB jiggarantixxi rikors lill-persuni arrestati jew detenuti u jistabbilixxilhom ukoll id-dritt li jiksbu, f’qasir żmien mill-introduzzjoni tar-rikors, deċiżjoni ġudizzjarja dwar ir-regolarità tal-arrest tagħhom u li ttemm iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom jekk din tirriżulta illegali (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad-9 ta’ Lulju 2009, Mooren vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2009:0719JUD00136403, § 106).


22      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, hija biss interpretazzjoni stretta tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tista’ tassigura li ħadd ma jkun imċaħħad mil-libertà tiegħu b’mod arbitrarju (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas-6 ta’ April 2000, Labita vs L-Italja CE:ECHR:2000:0406JUD002677295, § 170). Barra minn hekk, l-awtoritajiet għandhom juru b’mod konvinċenti li kull perijodu ta’ arrest, ikun kemm ikun qasir, ikun iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat-22 ta’ Mejju 2012, Idalov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2012:0522JUD000582603, §140).


23      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Lulju 1961, Lawless vs L-Irlanda, CE:ECHR:1961:0701JUD000033257, p. 51 sa 53, § 14 u tat-22 ta’ Frar 1989, Ciulla vs L-Italja, CE:ECHR:1989:0222JUD001115284, p. 16 sa 18, § 38 sa 41.


24      Anki jekk it-test tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB jeżiġi suspetti raġonevoli li l-persuna inkwistjoni “wettqet reat” jew (l-enfasi tiegħi) “meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ sabiex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun wettqet reat”, jien nemmen li din il-formulazzjoni alternattiva ġiet ittransformata f’rekwiżiti kumulattivi mill-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti EDB. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, il-Qorti EDB (fil-formazzjoni Awla Manja) ikkunsidrat li kien jeħtieġ li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha skont l-Artikolu 5 tal-KEDB. Fil-punti 92 sa 102 ta’ din is-sentenza, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li l-persuna arrestata wettqet reat ma tistax waħedha tagħmel l-arrest provviżorju leġittimu, li għaldaqstant għandu jkun immotivat b’raġunijiet supplimentari. Dawn ir-raġunijiet l-oħra jinkludu r-riskju ta’ ħarba, ir-riskju ta’ pressjoni fuq ix-xhieda jew ta’ alterazzjoni tal-provi, ir-riskju tal-kollużjoni, ir-riskju tar-reċidività, ir-riskju ta’ ksur tal-ordni pubblika, jew saħansitra l-ħtieġa riżultanti ta’ protezzjoni tal-persuna suġġetta għall-miżura li ċċaħħad il-libertà. Għandna nenfasizzaw li, fil-punt 102 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti EDB indikat li “l-obbligu tal-maġistrat li jressaq motivi rilevanti u suffiċjenti insostenn taċ-ċaħda tal-libertà – minbarra l-permanenza ta’ suspetti raġonevoli li l-persuna arrestata wettqet reat – japplika sa mill-ewwel deċiżjoni li tordna t-tqegħid f’arrest provviżorju, jiġifieri ‘minnufih’ wara l-arrest”. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dawn ir-riskji għandha tiġi debitament stabbilita u r-raġunament tal-awtoritajiet f’dan ir-rigward ma għandux ikun astratt, ġenerali jew sterjotipat, (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat-28 ta’ Novembru 2017, Merabishvili vs Il-Georgia CE:ECHR:2017:1128JUD007250813, § 222). Nirrileva li r-riskju ta’ ħarba, ir-riskju ta’ pressjoni fuq ix-xhieda jew ta’ alterazzjoni tal-provi, ir-riskju ta’ kollużjoni, ir-riskju tar-reċidività, ir-riskju ta’ ksur tal-ordni pubblika, jew saħansitra l-ħtieġa riżultati ta’ protezzjoni tal-persuna suġġetta għall-miżura li ċċaħħad il-libertà ma jidhrux li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għandna nenfasizzaw li din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tikkostitwixxi tisħiħ kunsiderevoli tad-dritt għal-libertà u, b’implikazzjoni, tal-preżunzjoni tal-innoċenza.


25      Il-Qorti EDB iddeċidiet li “jekk ma hemmx suspetti raġonevoli li l-persuna arrestata wettqet reat, jiġifieri jekk l-arrest ma jkunx inkluż fl-eċċezzjonijiet awtorizzati elenkati fl-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB, l-arrest ikun illegali u l-maġistrat għandu jkollu s-setgħa li jordna l-ħelsien” (ara Qorti EDB, 3 ta’ Ottubru 2006, McKay vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2006:1003JUD000054403, § 40).


26      Ara Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell u Hartley vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1990:0830JUD001224486, § 32.


27      Ara Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2017, Merabishvili vs Il-Georgia, CE:ECHR:2017:1128JUD007250813, § 184.


28      Fid-data tas-seduta, il-11 ta’ Lulju 2018, l-arrest ta’ E. Milev kien diġà dam sitt xhur.


29      Ara Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2017, Merabishvili vs Il-Georgia, CE:ECHR:2017:1128JUD007250813, § 222.


30      L-imparzjalità personali ta’ maġistrat għandha tkun preżunta sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja. Fis-sentenza tal-Qorti EDB tal-15 ta’ Diċembru 2005, Kyprianou vs Ċipru, CE:ECHR:2005:1215JUD0007379701, § 119, il-Qorti EDB irrikonoxxiet id-diffikultà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB għall-parzjalità suġġettiva.


31      Ara Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 46.


32      It-terminu “imputat” użat mill-Qorti EDB huwa ekwivalenti għat-terminu “persuna akkużata” użat fid-Direttiva 2016/343.


33      Ara Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 48.


34      L-enfasi hija tiegħi. Ara Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 50 u 51. Ara, ukoll, is-sentenzi tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Frar 2007, Nestak vs Is-Slovakkja, CE:ECHR:2007:0227JUD006555901, § 100 u tat-22 ta’ April 2010, Chesne vs Franza, CE:ECHR:2010:0422JUD002980806, § 36 sa 39. F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-motivazzjoni adottata minn qorti għall-konferma tat-tqegħid u ż-żamma tar-rikorrent f’arrest kienet tikkostitwixxi idea stabbilita minn qabel tal-ħtija tiegħu iktar milli sempliċi deskrizzjoni ta’ stat ta’ suspett. Minn dan isegwi li l-fatt li l-istess maġistrati kienu jiffurmaw parti mill-awla adita bil-mertu tal-kawża seta’ għalhekk jidher bħala suġġett għal attenzjoni u jikkostitwixxi, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti EDB innotat li l-maġistrati ma kinux illimitaw ruħhom għal evalwazzjoni sommarja tal-fatti kkontestati sabiex jiġġustifikaw ir-rilevanza taż-żamma f’arrest provviżorju, iżda kienu, bil-kontra, iddeċidew fuq l-eżistenza ta’ elementi ta’ ħtija kontra r-rikorrent.


35      Jiġifieri, id-deċiżjoni dwar il-ħtija meta jkollha tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu ta’ kawża.


36      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Merabishvili vs Id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 52.


37      Ara, ukoll, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343.


38      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2012, Lavents vs Il-Latvja, CE:ECHR:2012:112JUD005844200, § 125.


39      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 10 ta’ Frar 1995, Allenet de Ribemont vs Franza, CE:ECHR:1995:0210JUD00151789, § 35.


40      Sentenza tal-Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2016, Petrov u Ivanova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:1995:0331JUD004577310, § 44.


41      Il-kawża prinċipali turi l-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, hemm “tensjoni” bejn ċerti drittijiet stabbiliti mill-Karta u saħansitra fi ħdan il-preżunzjoni tal-innoċenza. Fl-assenza ta’ ġerarkija bejn dawn id-drittijiet, huma l-qrati nazzjonali u dawk tal-Unjoni li għandhom isibu ekwilibriju ġust bejn dawn id-drittijiet li xi drabi jikkompetu flimkien.


42      Ma hemm l-ebda dubju li deċiżjoni dwar l-arrest provviżorju ta’ imputat ma tikkostitwixxix deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-ħtija tiegħu.


43      Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-ħtija ta’ E. Milev għas-serqa bl-użu ta’ armi f’ħanut, fit-30 ta’ Diċembru 2008, ma kinitx stabbilita skont il-liġi u li l-proċeduri kriminali kontrih f’dan ir-rigward għadhom għaddejin.


45      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343.


46      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343 jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv f’każ ta’ ksur b’mod partikolari tal-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita minn din id-Direttiva.


47      Ara, b’mod partikolari, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Peress li l-eżiġenza ta’ “probabbiltà b’saħħitha” trendi l-ġustifikazzjoni tar-rikors għal arrest provviżorju iktar diffiċli.


50      Ara l-punti 29 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara l-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, għalkemm tali approċċ jista’ jiżgura r-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit f’Artikolu 48 tal-Karta kif ukoll fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343, dan huwa kuntrarju għall-Artikolu 6 tal-Karta.


53      Ara l-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Issa, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li b’segwitu tal-modifiki tan-NPK, parti mill-ġurisprudenza Bulgara tipprojbixxi lill-qorti li teżamina l-legalità ta’ arrest provviżorju milli tqabbel il-provi flimkien u tindika lil dawk li huma kredibbli u r-raġunijiet għalfejn huma kredibbli. Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, “f’dan il-qasam hemm ġurisprudenza maqsuma”.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 50 u 51.