Language of document : ECLI:EU:T:2009:142

Kawża T-127/04

KME Germany AG et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-tubi industrijali tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Multi — Impatt konkret fuq is-suq — Daqs tas-suq ikkonċernat — Tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kuntest ġuridiku — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Possibbiltà li ssir distinzjoni bejn l-impriżi implikati fl-istess ksur skont l-ishma tagħhom fis-suq tal-prodotti inkwistjoni — Obbligu li jiġi pprovat impatt konkret tal-ksur fuq is-suq — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq — Obbligu li jiġi pprovat l-impatt konkret sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala gravi ħafna — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Daqs tas-suq tal-prodotti inkwistjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur ta’ tul twil — Żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali għal kull sena

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjonijiet tal‑Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D, u 98/C 9/03, is-sitt inċiż tal-punt 3)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata mal-Kummissjoni — Distinzjoni bejn sitwazzjoni li tagħti lok għal immunità minn multa u oħra li tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tagħha

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 96/C 207/04)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata mal-Kummissjoni — Osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 11 u 15(2); Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

1.      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu previst fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, u sa fejn tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat biżżejjed kif meħtieġ mil-liġi.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida fil-fatt mhijiex inkompatibbli maż-żamma, mill-Kummissjoni, ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali. Il-Linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettulha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, fl-oqsma bħal dik tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa, fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, bħal pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba t-tul, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tiegħu ma jippreġudikawx, bħala regola ġenerali, l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 34-37)

2.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-ammonti iniżjali tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża li ħadet sehem fil-ksur, u għaldaqstant tal-effett reali tal-komportament illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni. Anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha dritt tagħmel trattament differenzjat, skont l-ishma miżmuma fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, is-sehem tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien is-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jikkwantifika b’mod tajjeb ir-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom f’dak li jikkonċerna d-dannu potenzjali tal-imsemmija prattika fir-rigward tal-andament normali tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 61, 62)

3.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, anki jekk il-Kummissjoni ma tipprovax li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq, dan ma jkollux effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna u għaldaqstant fuq l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, mis-sistema Komunitarja ta’ sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt konkret tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq għola minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, mhuwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi.

Barra minn hekk, mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftehma intiżi b’mod partikolari, sabiex jiffissaw il-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijentela jistgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala gravi ħafna, mingħajr mhuwa neċessarju li tali komportamenti jkunu kkaratterizzati minn impatt jew daqs ġeografiku partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur gravi tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur gravi ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

(ara l-punti 63-65)

4.      L-impatt konkret ta’ akkordju fuq is-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tagħti provi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeduċi li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq, abbażi ta’ provi bħall-fatt li l-prezzijiet naqsu fil-perijodu meta l-akkordju kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa f’perijodi oħra, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ skambju ta’ data dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet, is-sehem tas-suq sinjifikattiv li l-membri kollha tal-akkordju kellhom u l-istabbilità relattiva tal-ishma tas-suq tal-parteċipanti fl-akkordju matul it-tul kollu tal-ksur.

Barra minn hekk, il-fatt li l-ftehim ma kinux dejjem ġew osservati mill-membri tal-akkordju mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż impatt fuq is-suq.

(ara l-punti 68-71)

5.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jiġi determinat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu mhija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat. Għal dan il-għan, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tas-suq ikkonċernat. Ebda raġuni valida ma timponi li dan id-dħul mill-bejgħ jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Fil-fatt, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa. Il-fatt li l-prezz ta’ materja prima jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tal-prodott lest jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet ta’ materja prima huwa, għal materja prima, għola milli għal oħrajn, ma jannullax din il-konklużjoni.

(ara l-punti 86, 91)

6.      Mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur. Il-fatt li hija rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.

(ara l-punti 101, 103)

7.      Il-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha mat-termini tal-Linji gwida tagħha meta tiffissa l-ammont tal-multi. Madankollu, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti innumerati fil-Punt 3 tagħhom, u hija mhijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

Fil-fatt, l-adozzjoni tal-imsemmija Linji gwida ma rrenditx irrilevanti l-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-Linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali s-sinjifikat ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

(ara l-punti 114, 115)

8.      Jeżisti paradoss inerenti għall-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell tal-1996, fis-sens li hemm ir-riskju li impriża li taqa’ taħt it-Titolu D tal-imsemmi Avviż u li tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni tiġi ssanzjonata b’mod iktar iebes milli fil-każ fejn hija ma tkunx ipprovdiet din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, li jgħid li kollaborazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, jippermetti li jiġi rrimedjat dan il-paradoss. Skont is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant tiddeċiedi li ma żżidx l-ammont ta’ multa imposta fuq impriża fir-rigward ta’ ċerti perijodi tal-ksur li għalihom l-imsemmija impriża kienet l-ewwel waħda li tipprovdiha b’informazzjoni ġdida fil-kuntest tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

(ara l-punti 126,127, 148)

9.      Huwa inerenti għal-loġika tal-immunità minn multi li wieħed biss mill-membri ta’ akkordju jista’ jibbenefika minnha, peress li l-effett imfittex huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi jkun inkoraġġut l-iżvelar tagħhom lill-Kummissjoni. Issa, din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed minnhom biss jista’ jibbenefika minn immunità minn multa billi jiżvela l-parteċipanti l-oħra fil-ksur, u b’hekk jesponihom għar-riskju li jiġu imposti fuqhom multi iktar iebsin.

F’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni taf li jeżisti akkordju, iżda ma għandhiex ċerti elementi essenzjali li jistgħu jistabbilixxu t-tul totali ta’ dan il-ksur, huwa partikolarment mixtieq li jkun hemm rikors għal tali mekkaniżmu, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li dawk li wettqu l-ksur ma jaqblux bejniethom fuq il-ħabi tal-imsemmija elementi.

Sitwazzjoni bħal din hija differenti minn dik fejn il-Kummissjoni digà taf bil-provi, iżda tipprova tikkomplethom. F’din l-ipoteżi tal-aħħar, l-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa lil dawk li wettqu l-ksur minflok immunità minn multa lil impriża waħda huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan mhuwiex iktar li tirrileva ċirkustanza ta’ natura li twassal għal żieda fil-multa imposta, iżda li tiġbor kemm jista’ jkun possibbli provi sabiex tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.

(ara l-punti 130-132)

10.    Fil-kuntest ta’ politika ta’ klemenza, il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-impriżi li jikkooperaw spontanjament magħha tnaqqis tal-ammont tal-multa ogħla minn dak mogħti lill-impriżi li ma jagħmlux dan.

Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu D tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell tal-1996, il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża bdiet tikkoopera magħha biss b’risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

(ara l-punti 142, 143, 147)