Language of document : ECLI:EU:T:2014:234

Kawża T‑17/12

Moritz Hagenmeyer

u

Andreas Hahn

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Stqarrijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa — Rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Indikazzjoni ta’ fattur ta’ riskju — Legalità tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet relatati mat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Interess dirett u individwali — Ammissibbiltà — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ April 2014

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali — Rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni individwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 14(1)(a) u 15; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1170/2011, Anness)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Regolament tal-Kummissjoni li jiċħad l-applikazzjoni individwali ta’ awtorizzazzjoni ppreżentata skont il-proċedura prevista għal stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Rikors ippreżentat mill-applikant għall-imsemmija awtorizzazzjoni — Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 15; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1170/2011, Anness)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ stqarrija — Obbligu li l-applikant jindika fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ marda

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 2(2)(6) u 14(1)(a) u (2))

4.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 10(1), 14(1)(a) u 17(1))

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ stqarrija — Natura individwali u ġenerali — Għażla tal-forma ġuridika tad-deċiżjoni mħollija għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 17(1) sa (4))

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-Unjoni u l-awtorità nazzjonali kompetenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1))

8.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni — Nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu — Effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 15(2)(a)(i), 16(1), u 17(1))

9.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Stqarrijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni — Dritt li applikant jippreżenta osservazzjonijiet quddiem l-istituzzjoni inkarigata mill-ħruġ tal-awtorizzazzjoni — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(6))

10.    Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni dwar l-użu ta’ stqarrija dwar is-saħħa

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1170/2011)

1.      Sa fejn parti li tippreżenta rikors għandha jkollha interess reali u attwali għall-annullament tal-att u ma tistax, għalhekk, tinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti, persuna li tippreżenta, b’osservanza tar-regoli applikabbli f’dan ir-rigward u billi sempliċement tirreferi, b’mod ġenerali, għal applikanti, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard, għandha evidentement l-interess li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni korrispondenti.

(ara l-punti 38, 39, 44, 45)

2.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex destinatarja ta’ att tista’ tippreżenta rikors kontra dan l-att bil-kundizzjoni li jkun jirrigwardaha direttament u individwalment. F’dan ir-rigward, regolament tal-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jiċħad definittivament applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni abbażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard abbażi tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, jaffettwa direttament lill-applikant sa fejn il-leġiżlatur ried jippermetti li kull persuna fiżika jew ġuridika tkun tista’ tippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament u peress li d-deċiżjoni finali ta’ ċaħda fir-rigward tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tidher fir-regolament ikkontestat, li jikkostitwixxi l-punt finali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-applikant huwa interessat individwalment mill-imsemmi regolament ladarba huwa ppreżenta applikazzjoni individwali ta’ awtorizzazzjoni.

(ara l-punti 50, 51, 56, 61)

3.      L-awtorizzazzjoni ta’ stqarrija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(6) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, teżiġi, minbarra l-indikazzjoni ta’ marda, dik ta’ fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ din il-marda li jkun, skont l-applikant, imnaqqas b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, il-leġiżlatur ammetta, fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, li marda għandha diversi fatturi ta’ riskju. Skont din id-dispożizzjoni, l-ittikkettjar jew, jekk tikketta ma teżistix, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar għandu jkun fihom dikjarazzjoni li turi li l-marda, li għaliha tirreferi l-istqarrija, għandha fatturi multipli ta’ riskju u li l-bdil ta’ wieħed minn dawn il-fatturi ta’ riskju jista’ jkollu jew ma jkollux effett benefiku. Konsegwentement, mingħajr l-indikazzjoni ta’ marda jew ta’ fattur ta’ riskju konkret mill-applikant, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tevalwa liema fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ liema marda għandu jitnaqqas b’mod sinjifikattiv bl-aġir alimentari li huwa s-suġġett tal-istqarrija. Huwa suffiċjenti li l-indikazzjoni ta’ fattur ta’ riskju tirriżulta, minn tal-inqas impliċitament, mill-formulazzjoni proposta għall-istqarrija inkwistjoni jew mid-dokumenti mibgħuta flimkien mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

(ara l-punti 73, 75)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 99, 122)

5.      L-Artikoli 10(1), 14(1)(a) u 17(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, ma humiex manifestament inadegwati fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-istituzzjonijiet u, konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

B’mod iktar partikolari, ma jidhirx li l-miżuri adottati abbażi tas-sistema prevista fid-Direttiva 2000/13, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, li kien fis-seħħ sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 fil-qasam tal-istqarrijiet dwar tnaqqis tar-riskju ta’ mard ikunu, meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-saħħa, daqstant xierqa daqs id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 113, 121)

6.      Mill-kliem użat fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-diversi stadji tal-proċedura li l-Kummissjoni għandha ssegwi sabiex tagħti deċiżjoni finali fuq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ stqarrija mressqa abbażi tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, ma jingħad xejn preċiż dwar il-forma ġuridika ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn l-għażla ta’ din il-forma titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi b’mod pożittiv jew negattiv fuq l-applikazzjoni inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ regolament, li jkun ta’ portata ġenerali, ma tmurx kontra l-istruttura tal-proċedura inkwistjoni. Għalkemm huwa minnu li s-suġġett ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni huwa applikazzjoni individwali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-istqarrijiet dwar is-saħħa awtorizzati mill-Kummissjoni jistgħu jintużaw minn kull persuna li topera fis-settur tal-ikel. Ladarba din id-dispożizzjoni tipprevedi effetti erga omnes, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni għandha għalhekk natura doppja, jiġifieri natura individwali u natura ġenerali.

(ara l-punti 127, 130, 131)

7.      Il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ddeċidiet, matul il-proċedura amministrattiva, dwar ir-rekwiżiti relatati mal-validità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ stqarrija ma jikkostitwixxix irregolarità proċedurali. Fil-Fatt, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, jirriżulta li hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li hija responsabbli, minn tal-inqas b’mod indaqs, għall-eżistenza ta’ applikazzjoni valida li tkun tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi msemmija fir-Regolament Nru 1924/2006, u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li jiġi indikat fattur ta’ riskju.

(ara l-punti 136, 138)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 160)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-point 165)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 173, 175, 177-179)