Language of document : ECLI:EU:C:2018:804

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bijolikwidi użati għal installazzjoni termoelettrika – Direttiva 2009/28/KE –Artikolu 17 – Kriterji tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi – Artikolu 18 – Sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438/UE – Skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi approvati mill-Kummissjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-operaturi intermedjarji li jippreżentaw ċertifikati ta’ sostenibbiltà — Artikolu 34 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija”

Fil-Kawża C‑242/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto (L.E.G.O.) SpA

vs

Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero dello Sviluppo Economico,

Ministero delle Politiche Agricole e Forestali,

fil-preżenza ta’:

ED & F Man Liquid Products Italia Srl,

Unigrà Srl,

Movendi Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto (L.E.G.O.) SpA, minn A. Fantini u G. Scaccia, avvocati

–        għal Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA, minn S. Fidanzia u A. Gigliola, avvocati,

–        għal ED & F Man Liquid Products Italia Srl, minn C. E. Rossi u F.P. Francica, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), moqrija flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/438/UE tad-19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema internazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju u tas-sostenibbiltà msejħa “International Sustainability and Carbon Certification” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 2009/28/KE u fid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 190, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto (L.E.G.O.) SpA u Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA u l-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Mare e del Territorio (Ministerju tal-Ambjent u tal-Protezzjoni Marittima u territorjali, l-Italja), u l-Ministero dello Sviluppo Economico (Ministerju tal-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u l-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali (Ministerju tal-Politika Agrikola u Forestali, l-Italja), dwar in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ sostenibbiltà fir-rigward tal-bijolikwidi użati għall-operat tal-installazzjoni termoelettriku ta’ L.E.G.O., peress li dan in-nuqqas wassal għar-revoka ta’ skema ta’ inċentiv taċ-ċertifikati ħodor li minnu kienet tibbenefika din l-installazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2009/28

3        Skont il-premessi 65, 67, 76 u 79 tad-Direttiva 2009/28:

“(65)      Il-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun sostenibbli. Il-bijokarburanti użati għall-konformità mal-miri stabbiliti f’din id-Direttiva, u dawk li jibbenefikaw minn skemi ta’ sostenn nazzjonali, għandhom għalhekk jiġu meħtieġa jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà.

[…]

(67)      L-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti m’hijiex ser tikseb l-objettiv tagħha jekk dawk il-prodotti li ma jissodisfawx il-kriterji u li kieku kienu jintużaw bħala bijokarburanti jintużaw, minflok, bħala bijolikwidi fis-setturi tat-tisħin jew tal-elettriku. Għal din ir-raġuni, il-kriterji ta’ sostenibbiltà għandhom japplikaw ukoll għall-bijolikwidi b’mod ġenerali.

[…]

(76)      Il-kriterji ta’ sostenibbiltà ikunu effettivi biss jekk iwasslu għal tibdiliet fl-imġiba tal-atturi fis-suq. Dawk it-tibdiliet iseħħu biss jekk il-bijokarburanti u bijolikwidi li jissodisfaw dawk il-kriterji jkunu jgwadu minn vantaġġ fil-prezz meta imqabbla ma’ dawk li ma jissodisfawhomx. Skont il-metodu tal-bilanċ tal-massa tal-verifika tal-konformità, hemm rabta fiżika bejn il-produzzjoni tal-bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fil-Komunità, li tipprovdi bilanċ xieraq bejn il-provvista u d-domanda u tassigura vantaġġ fil-prezz li huwa ikbar milli f’sistemi fejn ma hemmx din ir-rabta. Biex ikun żgurat li bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostennibiltà jistgħu jinbiegħu bi prezz ogħla, il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandha għalhekk tintuża biex tkun ivverifikata l-konformità. Dan għandu jżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li fl-istess ħin jevita l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija. Madankollu, jeħtieġ li jiġu vverifikati metodi oħra ta’ verifika.

[…]

(79)      Huwa fl-interess tal-Komunità li jkun inkoraġġit l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ ftehim multilaterali u bilaterali u skemi volontarji internazzjonali u nazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi sostenibbli, u li jiċċertifikaw li l-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi tissodisfa dawk l-istandards. Għal dik ir-raġuni, għandu jkun hemm provvediment biex jiġi rikonoxxut li dawn il-ftehim jew skemi jagħtu evidenza u data affidabbli, bil-kondizzjoni li jilħqu standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti”.

4        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “bijomassa”, ta’ “bijolikwidi” u ta’ “bijokarburanti” kif ġej:

“[…]

(e)      “bijomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikultura (inklużi s-sustanzi veġetali u mill-annimali), l-industriji forestali u industriji relatati inkluż is-sajd u l-akwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[…]

(h)      “bijolikwidi” tfisser karburant likwidu għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport, inklużi l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ, prodott mill-bijomassa;

(i)      ‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu jew ġassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa”.

5        L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità, l-enerġija mill-bijokarburanti u bijolikwidi għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) biss jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6:

(a)      il-kejl tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-miri nazzjonali;

(b)      il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli;

(c)      l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

[…]”

6        L-Artikolu 17(2) sa (6) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kriterji ta’ sostenibbiltà relatati mal-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

7        L-Artikolu 17(8) ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”

8        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”, jipprevedi:

“1.      Fejn bijokarburanti u bijolikwidi għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ġew sodisfatti. Għal dak il-għan għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

(a)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

(b)      teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

(c)      tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u l-affidabilità tad-data.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata, l-evitar ta’ konsum eċċessiv ta’ ilma f’zoni fejn l-ilma ikun skars kif ukoll informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7).

[…]

L-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw kemm jekk il-bijokarburanti jew bijolikwidi jkunu prodotti [fl-Unjoni] jew ikunu importati.

4.      […]

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bijomassa jkollhom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5). Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dawk l-iskemi jkun fihom informazzjoni preċiża għall-finijiet ta’ informazzjoni dwar il-miżuri meħuda favur il-konservazzjoni taz-zoni li jipprovdu, f’sitwazzjonijiet kritiċi, servizzi bażiċi ta’ ekosistemi (bħall-protezzjoni tal-medded ta’ art fl-għoli b’nixxiegħat fuq ġenb iferrgħu fi xmara u l-kontroll tal-erożjoni), għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata u dwar il-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7). […]

[…]

5.      Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 biss jekk il-ftehim jew l-iskema kkonċernati jissodisfaw standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti. Fil-każ ta’ skemi li jkejlu l-iffrankar ta’ gass b’effett serra, dawn l-iskemi għandhom jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti metodoloġiċi fl-Anness V. […]

[…]

7.      Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont ftehim jew skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

 Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/438

9        Skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 kienet valida għal ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri sad-9 ta’ Awwissu 2016. Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha seħħew il-fatti relatati fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

10      Il-premessi 4 u 6 sa 8 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kienu jipprovdu:

“(4)      Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE, jew li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali biex jitkejjel kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) ta’ dik id-Direttiva.

[…]

(6)      Meta operatur ekonomiku jipprovdi provi jew dejta miksuba skont skema li tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jesiġi lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà.

(7)      L-iskema msejħa “International Sustainability and Carbon Certification” (iktar ’il quddiem imsejħa “l-iskema ISCC”) ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni flimkien ma’ talba għar-rikonoxximent fit-18 ta’ Marzu 2011. L-iskema għandha ambitu globali u tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ bijofjuwils differenti. Ladarba tiġi rikonoxxuta, l-iskema se tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva [2009/28]. Il-Kummissjoni se tqis l-aspetti tas-sensittività kummerċjali u tista’ tiddeċiedi li tippubblika biss parti mill-iskema.

(8)      Valutazzjoni tal-iskema msejħa “ISCC” kkonkludiet li din tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva [2009/28] u li din tapplika metodoloġija ta’ bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva [2009/28].”

11      Skont l-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni ta’ implimentazzjoni:

“L-iskema volontarja msejħa [ISCC] li għaliha tressqet talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Marzu 2011, turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3)a, 17(3)b, 17(3)c, 17(4) u 17(5) tad-Direttiva [2009/28] […]. L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva [2009/28] u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182)].

Barra minn hekk, tista’ tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva [2009/28] u mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva [98/70].”

 Id-dritt Taljan

12      L-Artikolu 2(2)(i) u (p) u (3) tad-decreto interministeriale del 23 gennaio 2012 che istituisce “Sistema di certificazione nazionale della sostenibilità dei biocarburanti e dei bioliquidi” (digriet interministerjali, dwar “l-iskema nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti u likwidi”), tat-23 ta’ Jannar 2012 (GURI Nru 31, tas-7 ta’ Frar 2012, iktar’ il quddiem id- “digriet interministerjali tat-23 ta’ Jannar 2012”), jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“2.      […]

(i)      Ċertifikat ta’ sostenibbiltà: dikjarazzjoni magħmula mill-aħħar operatur fil-katina tal-provvista, b’valur ta’ awtoċertifikazzjoni […] li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ggarantit li l-kunsinna ta’ bijokarburanti jew bijolikwidi hija sostenibbli;

[…]

(p)      Katina ta’ provvista jew katina ta’ kustodja: metodu li jippermetti li l-ġenerazzjoni ta’ rabta bejn l-informazzjoni jew dikjarazzjonijiet relatati mal-materja prima jew mal-prodotti intermedji u d-dikjarazzjonijiet li jirreferu għall-prodotti finali. Dan il-metodu jinkludi l-fażijiet kollha ta’ produzzjoni tal-materja prima sal-provvista tal-bijokarburant jew bijolikwidu maħsub għall-konsum;

[…]

3.      Operatur ekonomiku jfisser […]:

(a)      kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita [fl-Unjoni] jew f’pajjiż terz, li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, il-bijokarburanti u l-bijolikwidi maħsuba għas-suq [intern], u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tipproduċi bijokarburanti u bijolikwidi u sussegwentement tużhom f’isimha stess fit-territorju nazzjonali, u,

(b)      kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż terz li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, materja prima, prodotti intermedji, prodotti sekondarji jew skart u taħlitiet tagħhom għall-produzzjoni tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi maħsuba għas-suq [intern].”

13      L-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet interministerjali jieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-operaturi li ma jħaddnux l-iskema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni, billi jipprevedi dan li ġej:

“1.      Esklużivament fir-rigward tal-elementi koperti minn skema volontarja li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva [98/70] […], l-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-iskemi volontarji għandhom jagħtu prova tal-affidabbiltà tal-informazzjoni jew dikjarazzjonijiet ipprovduti lill-operatur ekonomiku li jmiss fil-katina ta’ provvista, lill-fornitur jew lill-utent, billi jakkumpanjaw il-kunsinni korrispondenti bil-provi jew informazzjoni pprovduti f’dawn l-iskemi. Dawn il-provi jew informazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal awtoċertifikazzjoni […].

[…]

4.      Meta l-iskemi volontarji previsti fil-paragrafu 1 jew il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma jipprevedux verifika tal-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà u l-użu tal-metodu ta’ bilanċ tal-massa, l-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-provvista li kienu jibbenefikaw minnhom għandhom jikkompletaw dik il-verifika fi kwalunkwe każ fil-kwistjonijiet kollha li ma humiex previsti minn tali skemi jew ftehimiet, billi japplikaw is-sistema nazzjonali ta’ verifika.

[…]”

14      Skont l-Artikolu 12 tad-digriet ministerjali tad-23 ta’ Jannar 2012:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 8(1), l-operaturi ekonomiċi fil-katina ta’ provvista ta’ bijolikwidi jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi volontarji suġġetti għal deċiżjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva [98/70], li japplika għall-bijokarburanti, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.      L-operaturi tal-katina ta’ provvista ta’ bijolikwidi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni indikata fl-Artikolu 7(5), (6), (7) u (8) fid-dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni li jakkumpanjaw il-kunsinni fil-katina ta’ provvista kollha […].”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      L.E.G.O. hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li għandha stamperija. Fi ħdan din tal-aħħar, hija għamlet installazzjoni termoelettrika, ta’ qawwa medja nominali annwali ta’ 0.840 MW li taħdem biż-żejt veġetali mhux irraffinat tal-palm, bijolikwidu.

16      Fl-20 ta’ Mejju 2011, din l-installazzjoni ġiet rikonoxxuta bħala fornuta minn sorsi rinnovabbli minn GSE, kumpannija pubblika tad-dritt Taljan inkarigata mill-ħlas tal-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija minn dawn is-sorsi. B’hekk, L.E.G.O. laqgħet l-iskema ta’ inċentiv taċ-ċertifikati ħodor (CV), għall-perijodu 2012-2014, sa 14 698 CV, għal valur ta’ EUR 1 610 421.58.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2014, GSE qieset, abbażi tad-dokumenti pprovduti minn L.E.G.O., li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà taħt l-iskema ta’ sostenn u rrikjediet il-ħlas lura sħiħ tal-ammonti mogħtija matul il-perijodu 2012-2014.

18      Ir-raġuni allegata minn GSE insostenn tad-deċiżjoni tagħha kienet b’mod partikolari n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ sostenibbiltà mill-kumpannija li wettqet l-installazzjoni termoelettrika, jiġifieri Movendi Srl. Din tal-aħħar topera wkoll bħala intermedjarju għax-xiri, mingħand ED & F Man Liquid Products Italia Srl u Unigrà Srl, bijolikwidu użat għat-tħaddim ta’ dik l-istallazzjoni. Għalkemm dan il-prodott huwa mibjugħ u mibgħut direttament lil L.E.G.O., skont GSE, Movendi għandha titqies bħala “operatur ekonomiku” fis-sens tad-digriet interministerjali tad-23 ta’ Jannar 2012, obbligat li jippreżenta ċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà, minkejja li dawn kienu diġà ġew ipprovduti minn ED & F Man Liquid Products Italia u Unigrà. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà maħruġa minn dawn iż-żewġ fornituri kellhom data wara d-data effettiva tat-trasport, filwaqt li, skont GSE, dawn kellhom jiġu maħruġa bħala akkumpanjament ma’ kull lott ta’ bijolikwidi.

19      L.E.G.O. ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) li, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Jannar 2016, iddeċidiet li GSE kien ħatar korrettament lil Movendi bħala operatur ekonomiku fis-sens tal-leġiżlazzjoni Taljana, li konsegwentement tobbligah jipprovdi huwa stess ċertifikat ta’ sostenibbiltà bijolikwidu inkwistjoni.

20      Skont din il-qorti, jekk, fil-fatt, id-Direttiva 2009/28 ma tispeċifikax min jista’ jitqies bħala operatur ekonomiku, u min-naħa l-oħra, hija tippermetti, madankollu, lill-Istati Membri jistabbilixxu liema informazzjoni hija meħtieġa u l-persuni suġġetti għall-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà. Għaldaqstant, għandha titqies bħala “operatur ekonomiku” kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista, inklużi l-intermedjarji bħal Movendi, li ma jiħdux pussess fiżiku tal-bijolikwidu kkonċernat.

21      Fit-13 ta’ Mejju 2016, L.E.G.O. appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja).

22      Din il-qorti tqis li huwa indispensabbli li tiġi ppreċiżata l-portata tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit jekk tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari fl-Artikoli 8 u 12 tad-Digriet Interministerjali tat-23 ta’ Jannar 2012, li timponi fuq operaturi li għandhom aċċess għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni volontarja li jiġi kkompletat, jekk ikun il-każ, l-istħarriġ imwettaq taħt dik l-iskema, bis-saħħa tal-iskema msemmija, permezz tas-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni u li jiġi riprodott fid-dikjarazzjoni jew fuq iċ-ċertifikati li jakkumpanjaw il-konsenji tul il-katina tal-provvista tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li L.E.G.O., fil-kuntest tal-appell tagħha, issostni li, il-fornituri ED & F Man Liquid Products Italia u Unigrà li ssieħbu fl-iskema volontarja ta’ kontroll ISCC, rikonoxxuta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438, is-sistema nazzjonali ma tistax tipprevedi obbligi addizzjonali meta mqabbla mal-imsemmija skema volontarja, bħall-obbligu għall-intermedjarji li jissottomettu ċertifikati ta’ sostenibbiltà.

24      B’hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha tikkonċerna, minn naħa, il-possibbiltà li jiġu suġġetti l-operaturi ekonomiċi, li ġeneralment jaderixxu fi skemi volontarji li huma s-suġġett ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, għal stħarriġ sussegwenti impost mis-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu suġġetti l-operaturi ekonomiċi, li jiffurmaw parti mill-katina tal-provvista, għall-obbligu li jimlew id-dikjarazzjonijiet jew iċ-ċertifikati mehmuża mal-informazzjoni mitluba. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa li tkun żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott u n-natura sostenibbli tul il-katina tal-provvista, l-intermedjarji, bħal Movendi, ma jistgħux jiġu esklużi minn dan l-obbligu.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28/KE moqri flimkien mad-Deċiżjoni [ta’ Implimentazzjoni 2011/438], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Jannar 2012, u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 12 tiegħu, li jimponi obbligi speċifiċi differenti u iktar sinjifikattivi minn dawk imposti fil-każ tal-adeżjoni f’sistema volontarja li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata skont l-paragrafu 4 tal-Artikolu 18 hawn fuq imsemmi?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-operaturi ekonomiċi li huma involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott, inkluż meta jkunu operaturi li jaġixxu bħala sempliċi […] intermedjarji, li ma jkollhom qatt pussess tal-prodott, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea ċċitata fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28, moqri flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi kundizzjonijiet speċifiċi differenti u ogħla minn dawk previsti minn skema volontarja ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà, bħas-skema “ISCC”, rikonoxxuta mill-imsemmija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) ta’ dik id-direttiva.

27      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28 jistabbilixxi l-kriterji ta’ sostenibbiltà li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-bijokarburanti u l-bijolikwidi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli.

28      Kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-premessi 65 u 67 tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 114 TFUE, kellu l-intenzjoni li jarmonizza l-kriterji ta’ sostenibbiltà li kellhom obbligatorjament jissodisfaw il-bijokarburanti u l-bijolikwidi sabiex l-enerġija prodotta minnhom tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fi ħdan kull Stat Membru, għall-finijiet tat-tliet għanijiet identifikati rispettivament fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu 17(1). L-imsemmija għanijiet huma l-verifika ta’ kemm l-Istati Membri jissodisfaw l-għanijiet nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, minn naħa, u l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, min-naħa l-oħra, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi aċċettata għajnuna finanzjarja nazzjonali għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 28).

29      L-armonizzazzjoni tal-imsemmija kriterji ta’ sostenibbiltà hija ta’ natura eżawrjenti sa fejn l-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2009/28 jispeċifika, fil-fatt, li l-Istati Membri ma jistgħux, għall-finijiet ta’ dawn l-istess tliet għanijiet, jirrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 32).

30      Fir-rigward tal-verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, meta dawn ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tliet għanijiet previsti fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fil-paragrafi (2) sa (5) ta’ dan l-artikolu kienu ġew osservati.

31      Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma b’mod partikolari meħtieġa, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, li jeżiġu mill-imsemmija operaturi li huma jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li, kif speċifikat fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel nett, tippermetti t-taħlita ta’ kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburanti b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti, it-tieni nett, teżiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u dwar il-volum tal-imsemmija kunsinni tibqa’ assoċjata mat-taħlita u, it-tielet nett, tipprevedi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

32      F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ bilanċ tal-massa tista’ b’mod partikolari tiġi implimentata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn sistema nazzjonali prevista mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28, jew permezz ta’ skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji rikonoxxuti mill-Kummissjoni, bħall-iskema ISCC, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(4) u (5), ta’ din id-direttiva.

33      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 18(7) tal-imsemmija direttiva li, meta operatur ekonomiku jipproduċi prova jew data miksuba fil-kuntest ta’ ftehim jew sistema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, u sa fejn din tipprevedi din id-deċiżjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu li l-fornitur jipproduċi provi oħra ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta’ din id-direttiva.

34      Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni partikolari, jew meta din id-deċiżjoni tippreċiża li din is-sistema ma għandhiex tkopri l-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi, f’din il-miżura, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex ikun żgurat l-istħarriġ tal-konformità ma’ dawn il-kriterji.

35      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438, adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikonoxximent, minn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, għal perijodu ta’ ħames snin, tal-iskema ISCC huwa validu biss biex tistabbilixxi s-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, u mhux dik tal-bijolikwidi, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha. Minn dan isegwi li, sa fejn l-iskema ISCC li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438 tuża l-metodu tal-bilanċ tal-massa biex tipprova s-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, hija ma tidhirx li tista’ tillimita l-kompetenza li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, biex tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kontroll tal-konfomità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tal-bijolikwidi.

37      Fil-fatt, l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, li jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali li sservi biex tipprova l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta’ din id-direttiva, kien applikabbli biss għall-bijokarburanti sa l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li temenda d-Direttiva 98/70 u li temenda d-Direttiva 2009/28 (ĠU 2015, L 239, p. 1), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2015 u li daħlet il-possibilità li tiġi ċċertifikata is-sostenibbiltà tal-bijolikwidi permezz ta’ skemi volontarji.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu (h) u (i) tal-Artikolu 2, tad-Direttiva 2009/28, li l-bijolikwidi u l-bijokarburanti huma kunċetti distinti, peress li dawn tal-aħħar jinkludu biss karburanti likwidi użati għat-trasport, filwaqt li tal-ewwel jirreferu għal likwidi maħsuba għal użu enerġetiku minbarra t-trasport.

39      F’dan il-każ, L.E.G.O. bbenefikat mis-sistema ta’ inċentiv CV għall-perijodu mill-2012 sal-2014, għal installazzjoni termoelettrika fornuta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-użu ta’ bijolikwidu, jiġifieri taż-żejt tal-palm. Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2014, l-awtorità kompetenti talbet il-ħlas lura tas-somom mogħtija f’dan ir-rigward, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li joħorġu mis-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni sabiex tintwera s-sostenibbiltà tal-bijolikwidi.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438 irrikonoxxiet l-iskema ISCC biss għall-bijokarburanti, il-kundizzjonijiet addizzjonali imposti mil-leġiżlazzjoni Taljana f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ tas-sostenibbiltà għall-bijolikwidi ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28.

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28, moqri flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/438, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi b’kundizzjonijiet speċifiċi, differenti u iktar importanti, għaċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, minn dawk previsti minn skema ta’ ċertifikazzjoni volontarja tas-sostenibbiltà, bħas-skema “ISCC”, rikonoxxuta mill-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tal-imsemmija direttiva, sa fejn din is-sistema ġiet approvata biss għal bijokarburanti u fejn l-imsemmija kundizzjonijiet jirrigwardaw biss il-bijolikwidi.

 Fuq it-tieni domanda

42      It-tieni domanda li saret fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel waħda, hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi li tipprevedi li l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott ikkonċernat, anki fil-każ ta’ intermedjarji li ma jiħdux pussess fiżiku tal-kunsinni tal-bijolikwidi, għandhom ċerti obbligi ta’ ċertifikazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn dik is-sistema.

43      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li qorti nazzjonali, minn aspett formali, tkun ifformulat id-domanda preliminari tagħha billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli sabiex taqta’ l-kawża li l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti tkunx għamlet jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma staqsietx formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija, kif irrakkomanda l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi eżaminat xorta jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/28

45      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2009/28 tuża l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, mingħajr madankollu ma tagħti definizzjoni tagħha. Fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini li fihom jinsabu stabbiliti l-kriterji elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma kinitx wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Għaldaqstant, l-Istati Membri jippreżervaw, bil-kundizzjoni li josservaw ir-rekwiziti ġenerali li tistabbilixxi l-imsemmija dispożizzjoni fil-punti (a) sa (c) tagħha, marġni wiesa’ ta’ manuvru meta huma msejħa li jiddeterminaw, iktar speċifikament, il-kundizzjonijiet konkreti li fihom l-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma msejħa li jużaw tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punti 40 u 77).

46      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28, il-metodu tal-bilanċ tal-massa, imsemmi fl-Artikolu 18(1) tagħha, hija bbażata fuq relazzjoni fiżika bejn il-produzzjoni u l-konsum ta’ bijolikwidi fl-Unjoni għall-finijiet ta’ kontroll tal-konformità, filwaqt li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija.

47      F’dan il-każ, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tad-digriet interministerjali tat-23 ta’ Jannar 2012, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(1)(i)f tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2005 u tal-Artikolu 2(3)(a) ta’ dan l-istess digriet interministerjali, li din il-leġiżlazzjoni timponi fuq l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista tal-bijolikwidi, inklużi l-intermedjarji li ma humiex fiżikament fil-pussess tal-imsemmija prodotti, l-obbligu li juru, fid-dikjarazzjoni jew fiċ-ċertifikat li jakkumpanja l-kunsinni ta’ bijolikwidi, l-informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita s-sostenibbiltà tagħhom.

48      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatt li l-intermedjarji jiġu kklassifikati bħala “operaturi ekonomiċi” biex tiġi żgurata skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28, it-traċċabbiltà tal-kunsinni tal-bijolikwidi tul il-katina tal-provvista, biex b’hekk tippermetti kontroll aħjar tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq talba tiegħu, id-data li ntużat biex tistabbilixxi l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-prodott ikkonċernat. L-Istati Membri jeħtieġu wkoll mill-operaturi ekonomiċi li jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan il-kontroll, li jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi, sar.

50      Sa fejn, minn naħa, il-kunċett ta’ “operaturi ekonomiċi” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/28, u peress li fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-modalitajiet tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, liema operaturi ekonomiċi għandhom l-obbligu li jipprovdu evidenza tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta’ din id-Direttiva.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi li tipprevedi li l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott, anki fil-każ ta’ intermedjarji li ma jiħdux pussess fiżiku tal-kunsinni tal-bijolikwidi, huma suġġetti għal ċerti obbligi ta’ ċertifikazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn dik is-sistema.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE

52      Mill-bidu, għandu jitfakkar li, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali marbuta ma’ dan il-qasam għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux f’dawk tad-dritt primarju (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57).

53      Mhux talli ma wettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi nazzjonali ta’ sostenn għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, iżda, kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq, minn naħa, mill-konstatazzjoni li l-Istati Membri japplikaw skemi ta’ sostenn differenti u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju li jeħtieġ li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri u sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jfasslu miżuri nazzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-miri mandatorji nazzjonali globali li tassenjalhom l-imsemmija direttiva (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 59).

54      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 ma għamilx armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa b’tali mod li l-Istati Membri jżommu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta jkunu qed jimplimentaw dan l-artikolu. Meta jkunu qed jagħmlu dan, dawn jibqgħu madankollu obbligati josservaw l-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 78).

55      Għalhekk, hemm lok li ssir l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fil-katina ta’ provvista tal-prodott, anki fil-każ ta’ intermedjarji li ma jidħlux fiżikament fil-pussess tal-bijolikwidi, huma suġġetti għal ċerti obbligi ta’ ċertifikazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà.

56      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-indikazzjonijiet mogħtija minn ED & F Man Liquid Products Italia matul is-seduta, il-bijolikwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iż-żejt tal-palm huwa prodott fl-Indoneżja, impurtat fl-Unjoni u rrilaxxat għaċ-ċirkulazzjoni libera u maħżun fi Franza u, sussegwentement, ittrasportat lejn l-Italja għall-bejgħ tiegħu lil L.E.G.O.

57      Skont l-Artikolu 28(2) TFUE, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri, prevista fl-Artikoli 34 sa 37 TFUE, tapplika kemm għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi li huma f’ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri.

58      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, billi jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 34 TFUE jkopri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni, minn Stat Membru, lill-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħrajn, fejn ikunu ġew ikkummerċjalizzati legalment, ta’ regoli fuq ir-rekwiżiti li jkollha tissodisfa din il-merkanzija, anki jekk dawn ir-regoli jkunu applikabbli bla distinzjoni għall-prodotti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 35).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li jiġu ppreżentati ċertifikati ta’ sostenibbiltà, impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-intermedjarji li ma humiex fiżikament fil-pussess ta’ bijolikwidi li huma s-suġġett tat-tranżazzjoni li fiha jseħħu, jista’ jostakola, mill-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

61      Fil-fatt, tali obbligu għandu bħala effett li jirrendi l-importazzjoni ta’ bijolikwidi iktar diffiċli peress li is-sempliċi intermedjarji, li ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, meta jimportaw bijolikwidu lejn l-Italja, għandhom madankollu jippreżentaw ukoll l-imsemmija ċertifikazzjoni u huma minħabba dan il-fatt suġġetti għall-obbligi amministrattivi u għall-ispejjeż assoċjati magħhom.

62      Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 75).

 Fuq l-eventwali ġustifikazzjoni

63      Leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan intiż u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 76).

64      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni jistgħu, b’mod partikolari, ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent. Issa, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku li jfittex li jippromwovi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa utli għall-protezzjoni tal-ambjent sa fejn jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li huma fost il-kawżi prinċipali tat-tibdil fil-klima li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 73; tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 77, 78 u 82, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punti 85 sa 88).

65      Minħabba f’hekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tiffavorixxi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni u tal-annimali u tippreżerva l-pjanti, li huma raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 89).

66      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tobbliga l-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ bijolikwidi sostenibbli, inklużi l-intermedjarji, li jipprovdi ċertifikati ta’ sostenibbiltà, din tikkontribwixxi biex tipprevjeni r-riskju ta’ frodi fil-katina tal-provvista tal-bijolikwidi.

67      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-frodi jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, sakemm dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għall-għan imfittex (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde, C‑443/10, EU:C:2011:641, punt 34).

68      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiziti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk hija adatta li tilħaq l-għan leġittimu li ssegwi u jekk hija neċessarja biex tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 83).

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 12(2) tad-Digriet Interministerjali tat-23 ta’ Jannar 2012, tiżgura t-traċċabbiltà tal-prodott fil-katina ta’ produzzjoni u ta’ trasport kif ukoll is-sostenibbiltà tiegħu sabiex jiġi evitat kull ipproċessar jew falsifikazzjoni taż-żejt tal-palm. Fil-fatt, intermedjarja, bħal Movendi, li tixtri l-bijolikwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi żżomm il-proprjetà legali tiegħu, inkluż id-dokumentazzjoni rilevanti kollha, tista’, qabel il-bejgħ lill-utent aħħari, timmodifika il-kwalitajiet tiegħu, tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi u tħalltu ma’ likwidi oħrajn jew bijolikwidi mhux iċċertifikati. Għalhekk, billi tindika l-operaturi kollha fil-katina ta’ provvista tal-bijolikwidi, l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tikkontribwixxi biex jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi dwar is-sostenibbiltà ta’ dan il-bijolikwidu. Konsegwentement, hija tikkostitwixxi miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li hija ssegwi.

70      B’dan il-mod, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali kif ukoll għall-preżervazzjoni tal-pjanti, imsemmija fil-punti 63 sa 66 ta’ din is-sentenza.

71      F’dak li jikkonċerna n-natura neċessarja ta’ tali leġiżlazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm intermedjarja, bħal Movendi fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tidħol fil-pussess fiżiku ta’ bijolikwidi li huma s-suġġett tat-tranżazzjoni li fiha tintervjeni, madankollu, hija għandha għal ċertu ħin, il-proprjetà legali u, bħala prinċipju, minħabba f’hekk il-possibbiltà li tiġi mċaqalqa, li titbiddel is-sustanza jew il-falsifikazzjoni tad-dokumenti relatati. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ammess li r-Repubblika Taljana setgħet leġittimament tikkunsidra li l-imsemmija miżura, billi tipprevjeni dawn ir-riskji, kienet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE u l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi sistema nazzjonali tal-verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi li tipprevedi li l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott, anki fil-każ ta’ intermedjarji li ma jidħlux fiżikament fil-pussess tal-bijolikwidi, huma meħtieġa għal ċerti obbligi ta’ ċertifikazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn dik is-sistema.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/438/UE tad-19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema internazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju u tas-sostenibbiltà msejħa “International Sustainability and Carbon Certification” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 2009/28/KE u fid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi b’kundizzjonijiet speċifiċi, differenti u iktar importanti, għaċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, minn dawk previsti minn skema ta’ ċertifikazzjoni volontarja tas-sostenibbiltà, bħas-skema ISCC, rikonoxxuta mill-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 18(4) tal-imsemmija direttiva, sa fejn din is-sistema ġiet approvata biss għal bijokarburanti u fejn l-imsemmija kundizzjonijiet jirrigwardaw biss il-bijolikwidi.

2)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE u l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi sistema nazzjonali tal-verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi li tipprevedi li l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott, anki fil-każ ta’ intermedjarji li ma jidħlux fiżikament fil-pussess tal-bijolikwidi, huma meħtieġa għal ċerti obbligi ta’ ċertifikazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn dik is-sistema.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.