Language of document : ECLI:EU:C:2011:543

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2011 (*)

“Membru tal-Parlament Ewropew – Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet – Artikolu 8 – Proċeduri kriminali għar-reat ta’ kalunnja – Dikjarazzjonijiet magħmula barra mill-konfini tal-Parlament – Kunċett ta’ ‘opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet’ – Immunità – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑163/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Isernia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

Aldo Patriciello,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Patriciello, minn G. Ranaldi u G. Scalese, avukati, kif ukoll minn S. Fortunato, assistent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn M. Germani u G. Papagianni, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn H. Krück, A. Caiola u N. Lorenz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE, FUE u KEFA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra A. Patriciello, membru tal-Parlament Ewropew, għar-reat ta’ kalunnja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 8 tal-Protokoll jipprovdi:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

4        L-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom,

[...]”

5        L-Artikolu 18 tal-Protokoll jipprovdi:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, bl-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

6        L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament”), bit-titolu “Tneħħija tal-immunità”, jipprovdi dan li ġej:

“1. Fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

[...]

3.      Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddifendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

[...]”

7        L-Artikolu 7 ta’ dawn ir-regolamenti, li fihom ir-regolamenti dwar il-proċeduri relatati mal-immunità tal-membri parlamentari Ewropej jipprovdi, fil-paragrafi 2, 6 u 7 tiegħu:

“2.      Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.

[...]

“6 . F’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi joħolqux xkiel amministrattiv jew ta’ xort’oħra mqiegħed fuq il-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa’ l-Parlament jew fuq opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jidħlu fl-aspetti ta’ l-Artikolu [9] tal-Protokoll […] li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.       Il-kumitat jista’ jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta’ l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda m’għandu f’ebda ċirkustanza jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu/lilha jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu/tagħha, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana jipprovdi:

“Il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jiġu msejħa jirrispondu għall-opinjonijiet espressi u għall-voti mitfugħin fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom.”

9        L-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 140, li jirrigwarda dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni kif ukoll fir-rigward ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ persuni li għandhom l-ogħla karigi fl-Istat (Liġi Nru 140 - dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni u fir-rigward ta’ proċeduri kriminali fir-rigward tal-karigi għolja tal-Istat), tal-20 ta’Ġunju 2003 (GURI Nru 142, tal-21 ta’ Ġunju 2003), jipprovdi dan li ġej:

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni japplika fi kwalunkwe każ għall-preżentazzjoni ta’ abbozzi u ta’ proposti ta’ liġi, ta’ emendi, ta’ aġendi, ta’ mozzjonijiet u ta’ riżoluzzjonijiet, għad-domandi u għall-interventi fi ħdan kumitati u organi oħra tal-parlament, għal kull vot meħud, għal kull att parlamentari ieħor, għal kull attività ta’ spezzjoni, ta’ żvelar, ta’ kritika u ta’ denunzja politika, marbuta mal-kariga ta’ deputat parlamenti, eżerċitati wkoll barra l-parlament.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      A. Patriciello huwa mħarrek, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem it-Tribunale d’Isernia, talli b’mod abbużiv akkuża lil uffiċjal tal-pulizija muniċipali ta’ Pozzili (l-Italja) b’aġir illegali, waqt ġlieda li seħħet fl-1 ta’ Awwissu 2007, f’parkeġġ pubbliku li jinsab mhux ’il bogħod minn istitut newroloġiku u qrib il-post tar-residenza tiegħu.

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Patriciello għandu jwieġeb, f’dan ir-rigward, għar-reat ta’ kalunnja previst fl-Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali Taljan, biċ-ċirkustanza aggravanti li għamel fil-konfront ta’ uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu skont l-Artikolu 61(10) ta’ dan il-Kodiċi. Il-fatti li bihom huwa akkużat huma li afferma li l-uffiċjal tal-pulizija inkwistjoni kien iffalsifika l-ħinijiet meta ħarrek diversi sewwieqa li l-karozzi tagħhom kienu pparkjati bi ksur tal-Kodiċi tat-Traffiku u, għaldaqstant, li akkuża lill-uffiċjal inkwistjoni bir-reat tal-falsifikazzjoni ta’ dokumenti previst fl-Artikolu 477 tal-imsemmi Kodiċi. Barra minn hekk, A. Patriciello rrepeta dawn l-allegazzjonijiet fil-preżenza ta’ pulizija li marru fuq il-post sabiex jivverifikaw il-veraċità tal-ksur li A. Patriciello kien ilmenta dwaru fil-konfront tal-uffiċjal tal-pulizija muniċipali.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2009, il-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ A. Patriciello, bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, iddeċieda, abbażi tar-rapport tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li jiddefendi l-immunità u l-privileġġi ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni għad-difiża tal-immunità”). Dan ir-rapport kien immotivat kif ġej:

“Fil-fatt, fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, A. Patriciello illimita ruħu li jagħti xi kummenti fuq fatti li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini li jidħlu faċilment fi sptar u jaċċedu għal kura ta’ saħħithom, ħaġa li għandha impatt kbir fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-kostitwenti tiegħu.

Aldo Patriciello ma aġixxiex f’ismu stess; huwa ma riedx jinsulta lill-uffiċjal iżda intervjena fl-interess ġenerali tal-kostitwenti tiegħu, fil-kuntest tal-attivitajiet politiċi tiegħu.

B’dan il-mod, huwa qeda dmiru bħala membru tal-Parlament Ewropew billi esprima l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni ta’ interess pubbliku għall-kostitwenti tiegħu.

[…]

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kumitat tal-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur jew kontra d-difiża tal-immunità, jirrakkomanda li tiġi difiża l-immunità ta’ A. Patriciello.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fid-digriet tar-rinviju, it-Tribunale d’Isernia madankollu jikkonstata li, skont l-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll, il-membri parlamentari Ewropej igawdu, fir-rigward tal-fatti kommessi fit-territorju nazzjonali, l-istess immunitajiet u privileġġi fil-mertu u fil-forma bħal dawk stipulati fid-dritt nazzjonali. Skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-privileġġ tal-insindakabbiltà ma jestendix għall-attivitajiet extra parlamentari ħlief jekk ma jkunux marbutin mill-qrib mal-qadi tad-dmirijiet u l-għanijiet stess tal-mandat parlamentari.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti msemmija tirrileva li, bla ħsara għal kull evalwazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni jew in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-akkuża, hija ma tistax, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, taqbel mar-raġunijiet li wasslu lill-Parlament Ewropew jadotta d-deċiżjoni li jiddefendi l-immunità. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li wasslet għall-oriġini tal-proċeduri kriminali ma hija marbuta mal-ebda forma ta’ espressjoni ta’ opinjonijiet fil-qadi tad-dmirijiet ta’ membru parlamentari Ewropew.

15      F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li, skont il-prosekutur pubbliku, l-argument li A. Patriciello llimita ruħu li jikkummenta fuq fatti magħrufin, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini li jaċċedu faċilment għall-isptarijiet u għall-kura ta’ saħħithom, mingħajr intenzjoni li jinsulta lill-uffiċjal pubbliku, jidher li huwa infondat. Fil-fatt, A. Patriciello, anki jekk dan għad irid jiġi vverifikat, akkuża espressament bil-falsifikazzjoni ta’ dokumenti lil uffiċjal tal-pulizija muniċipali, fil-preżenza tal-forzi tal-ordni. Tali mġiba tidher prima facie li tmur lil hinn mill-interess ġenerali tal-kostitwenti tiegħu u ma tidhirx, bħala tali, anki b’mod assolut, li tista’ taqa’ taħt is-sistema tal-immunità.

16      Madankollu, it-Tribunale d’Isernia josserva li d-deċiżjoni għad-difiża tal-immunità ġiet adottata wara li tfakkar mhux biss l-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll, iżda wkoll l-Artikolu 8 tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali, il-portata tal-immunità stipulata minnha għandha tiġi stabbilita abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk id-deċiżjoni għad-difiża tal-immunità tikkostitwixxi avviż li ma għandux effetti vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali, il-qorti tar-rinviju hija obbligata li tikkopera b’mod leali mal-istituzzjonijiet Ewropej bis-saħħa tal-Artikoli 4(3) TUE u 18 tal-Protokoll (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C-200/07 u C-201/07, Ġabra p. I-7929, punti 26 u 39 sa 41).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale d’Isernia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt ta’ reat attribwit b’mod astratt lill-membru tal-Parlament Ewropew [A.] Patriciello (deskritt fl-akkuża u li l-Parlament Ewropew diġà ħa deċiżjoni ta’ immunità favur tiegħu […], ikklassifikat bħala kalunnja skont l-Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali, jikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari skont l-Artikolu [8] tal-Protokoll?

 Fuq id-domanda preliminari

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-immunità tal-membri tal-Parlament Ewropew, kif prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, fiha ż-żewġ forom ta’ protezzjoni normalment rikonoxxuti lill-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, jiġifieri l-immunità minħabba opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala membri parlamentari kif ukoll il-privileġġ parlamentari li, bħala regola, jinvolvi protezzjoni minn proċeduri legali (ara s-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

19      Kif jirriżulta mill-kliem stess tad-domanda magħmula, hija biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll li hija rilevanti fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Gvern Taljan, li, bid-domanda kif ifformulata, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika hija stess l-Artikolu 8 tal-Protokoll għall-kawża li minnha hija adita, filwaqt li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet tal-membru parlamentari Ewropew kkonċernat li taw lok għal proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tiegħu, u, għalhekk, humiex koperti bl-immunità prevista f’din id-dispożizzjoni.

21      Għandu jiftakkar li, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’kawża partikolari. Madankollu, hija tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-punti kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu utli għaliha għad-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, Ġabra p. I‑5187, punt 19, u ġurisprudenza ċċitata).

22      F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni humiex koperti mill-immunità stipulata fl-Artikolu 8 tal-Protokoll, filwaqt li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni għall-implementazzjoni ta’ din l-immunità humiex sodisfatti (ara s-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

23      Minn naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni, filwaqt li tifformula mill-ġdid, jekk ikun il-każ, id-domanda li tkun saritilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 46, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

24      F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, permezz tad-domanda tagħha, fir-realtà għandha l-intenzjoni li tippreċiża l-kriterji rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk dikjarazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn membru parlamentari Ewropew barra mill-konfini tal-Parlament Ewropew u li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba r-reat ta’ kalunnja, tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

25      Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-privileġġ parlamentari stipulat fl-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll, li jiddependi mid-dritt nazzjonali, il-portata tal-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll għandha tiġi stabbilita, fin-nuqqas ta’ riferiment għal-liġijiet nazzjonali, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

26      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 8 tal-Protokoll, li jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali applikabbli għal kull proċedura ġudizzjarja li fir-rigward tagħha l-membru parlamentari Ewropew igawdi mill-immunità minħabba l-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijietu, huwa intiż sabiex jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropew, b’tali mod li jipprojbixxi kull proċedura ġudizzjarja minħabba tali opinjonijiet u voti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 45).

27      Minn dan isegwi li, tkun xi tkun is-sistema ta’ immunità stipulata mid-dritt nazzjonali jew l-limiti pprovduti minnu, kemm-il darba l-kundizzjonijiet għall-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll ikunu ġew sodisfatti, din ma tistax titneħħa mill-Parlament Ewropew u l-qorti nazzjonali kompetenti sabiex tapplikaha għandha tiċħad il-kawża li tkun ġiet imressqa kontra l-membru parlamentari Ewropew ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

28      Kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-dikjarazzjonijiet ta’ membru parlamentari Ewropew ma għandhomx itellfuh milli jibbenefika minn din l-immunità minħabba s-sempliċi fatt li saru barra mill-konfini tal-Parlament Ewropew.

29      Huwa minnu li l-Artikolu 8 tal-Protokoll, fid-dawl tal-għan tiegħu li jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropej, u tal-kliem tiegħu, li jirreferi espressament, minbarra għall-opinjonijiet, għall-voti mitfugħa mill-membri parlamentari Ewropej, huwa essenzjalment intiż sabiex japplika għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar fil-konfini stess tal-Parlament Ewropew.

30      Madankollu, ma huwiex eskluż li dikjarazzjoni magħmula minn tali membri parlamentari barra minn dan il-konfini tista’ tikkostitwixxi opinjoni espressa fl-qadi tad-dmirijiet parlamentari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, peress li l-eżistenza ta’ tali opinjoni ma tiddependix mill-post li fih tkun saret dikjarazzjoni, iżda pjuttost min-natura u mill-kontenut tagħha.

31      Filwaqt li jirreferi għall-opinjonijiet espressi mill-membri parlamentari Ewropej, l-Artikolu 8 tal-Protokoll huwa marbut mill-qrib mal-libertà tal-espressjoni. Il-libertà tal-espressjoni bħala bażi essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika li tirrifletti l-valuri li fuqhom l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata, tikkostitwixxi dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-trattati. Din il-libertà hija wkoll stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma f’Novembru 1950.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “opinjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu jiġi mifhum f’sens wiesa’, bħala li jkopri l-proposti jew id-dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal dikjarazzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet suġġettivi.

33      Mill-kliem tal-Artikolu 8 tal-Protokoll jirriżulta wkoll li, sabiex tkun koperta bl-immunità, opinjoni għandha tiġi mogħtija minn deputat parlamentari Ewropew “fil-qadi ta’ dmirijiet[u]”, u dan jimplika r-rekwiżit ta’ rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari.

34      Peress li, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, dawn huma dikjarazzjonijiet ta’ membru parlamentari Ewropew li huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-immunità stipulata fl-Artikolu 8 tal-Protokoll, kif jirriżulta diġà mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, tista’ definittivament twaqqaf lill-awtoritajiet ġudizzjarji u lill-awtoritajiet nazzjonali milli jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom fil-qasam ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali bil-għan li jiġi osservat l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom u, korrelattivament, li b’hekk tipprojbixxi totalment lill-persuni ppreġudikati minn dawn id-dikjarazzjonijiet mill-aċċess għall-ġustizzja, inkluż, jekk ikun il-każ, sabiex jinkiseb quddiem il-qrati ċivili kumpens għad-dannu subit.

35      Fid-dawl ta’ dawn il-konsegwenzi, għandu jiġi ammess li r-rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari għandha tkun diretta u ovvja.

36      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, fid-dawl tad-deskrizzjonijiet tal-kundizzjonijiet u tal-kontenut tal-allegazzjonijiet tal-membru parlamentari Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn kienu jidhru relattivament imbiegħda mid-dmirijiet ta’ membru parlamentari Ewropew u, konsegwentement, diffiċilment jistgħu jippreżentaw rabta diretta ma’ interess ġenerali li jħasseb liċ-ċittadini. B’hekk, anki jekk tali rabta setgħet tiġi stabbilita, ma hijiex ovvja.

37      Huwa fir-rigward ta’ dawn l-indikazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, ħaġa li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha, kif tfakkar fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, jekk id-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ opinjoni fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari, b’tali mod li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta l-immunità stipulata fl-Artikolu 8 tal-Protokoll jiġu ssodisfatti.

38      Jekk, fi tmiem din l-evalwazzjoni, din il-qorti jkollha tikkonstata li hekk huwa l-każ, hija jkollha tislet il-konsegwenzi ta’ din l-immunità filwaqt li, kif indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tiċħad il-kawża mressqa kontra l-membru parlamentari Ewropew ikkonċernat (ara s-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 44). Min-naħa l-oħra, fil-każ kuntrarju, fejn il-kundizzjonijiet tal-immunità ma jkunux ġew sodisfatti, l-imsemmija qorti jkollha tkompli bil-kawża.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki jekk, bħal fil-kawża prinċipali, il-Parlament Ewropew, wara t-talba tal-membru parlamentari Ewropew ikkonċernat, adotta deċiżjoni ta’ difiża tal-immunità ta’ dan tal-aħħar, din id-deċiżjoni, adottata skont ir-regoli tal-proċedura tiegħu, tikkostitwixxi opinjoni mingħajr ebda effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali, peress li l-Protokoll ma fih ebda dispożizzjoni li tipprovdi l-obbligu għal dawn tal-aħħar sabiex jirrimettu lill-imsemmi Parlament id-deċiżjoni dwr l-eżistenza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 tiegħu. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, iċ-ċirkustanza li d-dritt ta’ Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi għal proċedura ta’ difiża tal-membri tal-Parlament nazzjonali, li tippermetti lil dan il-Parlament jintervjeni meta l-qorti nazzjonali ma tirrikonoxxix din l-immunità, ma jfissirx li l-istess kompetenzi jingħataw lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-membri parlamentari Ewropej li jkunu ġejjin minn dan l-Istat peress li l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma jipprovdix espressament għal tali kompetenza u ma jirreferix għar-regoli tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 sa 40).

40      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li sostna l-konvenut fil-kawża prinċipali matul is-seduta, jekk il-Parlament Ewropew u l-qrati nazzjonali għandhom ċertament, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali, kif stabbilit fl-Artikoli 4(3) TUE u 18 tal-Protokoll, jikkooperaw sabiex jevitaw kwalunkwe kunflitt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), id-dritt tal-Unjoni ma jimponi l-ebda obbligu partikolari fuq il-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha fil-każ fejn, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija minn din is-sentenza implementata bl-Artikolu 267 TFUE, hija tiddeċiedi li ma ssegwix l-opinjoni mogħtija mill-Parlament Ewropew, li biha hija tkun ġiet informata, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll għall-fatti fil-kawża prinċipali.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula minn membru parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba reat ta’ kalunnja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ujoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA, għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula minn membru parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba r-reat ta’ kalunnja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.