Language of document : ECLI:EU:C:2011:379

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C‑163/10

Aldo Patriciello

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale d’Isernia (l-Italja)]

“Membru tal-Parlament Ewropew – Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet – Portata tal-kunċett ta’ ‘opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari’ – Proċeduri kriminali għar-reat ta’ kalunnja – Immunità sostantiva – Imġiba ta’ membru tal-Parlament Ewropew barra mill-konfini tal-Parlament Ewropew – Rabta organika”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet sostantivi għall-implementazzjoni tal-immunità mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-membri tal-Parlament Ewropew f’dak li jikkonċerna l-opinjonijiet li huma jesprimu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

2.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-metodi proċedurali li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-immunità parlamentari mogħtija lill-membri tal-Parlament Ewropew (2), f’din il-kawża hija mitluba tistabbilixxi l-limiti sostantivi tal-immunità fid-dawl tal-Artikolu 8 (ex Artikolu 9) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (3).

3.        L-istess bħas-sistemi kostituzzjonali ta’ diversi Stati Membri li segwew l-eżempju tal-mudell żviluppat fi Franza wara r-revoluzzjoni tal-1789, il-Protokoll joffri żewġ tipi prinċipali ta’ ħarsien għall-membri tal-Parlament (4), min-naħa waħda, il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni fil-kuntest tal-qadi tad-dmirijiet ta’ membru parlamentari, jiġifieri l-immunità sostantiva, magħrufa wkoll bħala “insindakabbiltà tal-membri parlamentari” (5), minn naħa l-oħra, l-immunità mill-proċeduri msejħa wkoll “invjolabbiltà” (6), garantita lill-membri tal-Parlament kontra proċeduri ġudizzjarji fil-perijodu tal-mandat tagħhom. Barra minn hekk, il-protokoll jiżgura li d-deputati jkollhom il-libertà jattendu u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Parlament matul il-perijodu tas-sessjonijiet tagħhom (7). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddefinixxi l-portata tal-ewwel tip ta’ immunità, jiġifieri l-immunità sostantiva.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

4.        Skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (8), kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

2.      Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 8 tal-protokoll jipprovdi li “[m]embri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”.

6.        Is-subparagrafi (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9 (ex Artikolu 10) tal-protokoll jipprovdi li, fis-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom u għandhom jitqiesu immuni kemm mid-detenzjoni u kif ukoll mill-proċeduri legali kontrihom fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor. L-aħħar inċiż ta’ dan l-artikolu jipprevedi wkoll li l-Parlament jista’ jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.

3.      Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (9)

7.        L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament”), bit-titolu “Tneħħija tal-immunità”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li, fit-twettiq tal-poteri tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li kull talba indirizzata lill-President minn membru parlamentari jew ex membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha titħabbar fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

8.        L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, bit-titolu, “Interessi finanzjarji tal-Membri, standards ta’ mġiba u aċċess għall-Parlament” jaqra kif ġej:

“[...]

2.       L-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b’rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament u ma għandiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari jew itellef il-paċi u l-kwiet ta’ kwalunkwe bini tal-Parlament. [...]

3. L-applikazzjoni ta’ din ir-Regola bl-ebda mod m’għandha tnaqqas mill-ħeġġa tad-dibattiti parlamentari jew tippreġudika l-libertà tal-kelma tal-Membri.

Għandha tkun ibbażata fuq rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-Membri, kif stipulat fil-liġi primarja u l-Istatut applikabbli għalihom.

Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ trasparenza u titwettaq b’mod tali li d-dispożizzjonijiet relevanti jkunu ċari għall-Membri, li għandhom ikunu mgħarrfa individwalment bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom [...]”.

9.        Il-Kapitolu 4 tat-Titolu VI tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, li jinkludi l-Artikoli 152 sa 154, jirregola l-miżuri applikabbli f’każ li ma jitħarsux l-istandards ta’ mġiba li japplikaw għall-membri.

10.      L-Artikolu 152 tar-regoli msemmija, dwar il-miżuri immedjati, jistabbilixxi l-kompetenzi tal-President li jippermettulu jsejjaħ għall-ordni lil kwalunkwe membru parlamentari li jisfratta t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri jew li mġibtu tonqos milli tkun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Artikolu 9. L-Artikolu 153 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jistabbilixxi l-pieni li japplikaw għall-membri, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, twissija u sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha jew uħud minnhom tal-Parlament. L-Artikolu 154 tal-istess regoli jirregola l-proċeduri ta’ appell.

11.      L-Anness XVI tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bit-titolu “Linji Gwidi għall-interpretazzjoni ta’ l-istandards ta’ mġiba tal-Membri”, jaqra kif ġej:

“1.       Għandha ssir distinzjoni bejn azzjonijiet viżwali, li jistgħu jkunu tollerati, kemm-il darba ma jkunux offensivi u/jew difamatorji, jibqgħu f’limiti raġonevoli u ma jwasslux għal konflitt, u dawk li jisfrattaw b’mod attiv kwalunkwe attività parlamentari.

2.       Il-Membri għandhom jinżammu responsabbli għal kwalunkwe nuqqas minn persuni li huma jimpjegaw jew li lilhom jirranġaw biex ikollhom [jiffaċilitawlhom l-]aċċess għall-Parlament biex josservaw fil-bini tal-Parlament l-istandards ta’ mġiba applikabbli għall-Membri.

Il-President jew ir-rappreżentanti tiegħu jistgħu jeżerċitaw setgħat dixxiplinari fuq tali persuni jew fuq kwalunkwe persuna barranija oħra fil-bini tal-Parlament”.

B –    Id-dritt nazzjonali

12.      L-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-membri tal-parlament nazzjonali ma jistgħux jinżammu responsabbli minħabba opinjonijiet espressi u voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

13.      A. Patriciello, membru Taljan tal-Parlament Ewropew, huwa mħarrek, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem it-Tribunale d’Isernia (l-Italja), talli akkuża lil uffiċjal tal-pulizija muniċipali ta’ Pozzili (l-Italja) b’aġir illegali, fi ġlieda li seħħet fl-1 ta’ Awwissu 2007, f’parkeġġ pubbliku li jinsab mhux ’il bogħod minn istitut newroloġiku.

14.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li A. Patriciello għandu jwieġeb, f’dan ir-rigward, għar-reat ta’ kalunnja previst fl-Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali Taljan, talli afferma li l-uffiċjal tal-pulizija kien iffalsifika l-ħinijiet meta ħarrek diversi sewwieqa li l-karozzi tagħhom kienu pparkjati bi ksur tal-Kodiċi tat-Traffiku u, għaldaqstant, talli akkuża lill-uffiċjal inkwistjoni bir-reat tal-falsifikazzjoni ta’ dokumenti. A. Patriciello insista fuq dan fil-preżenza ta’ pulizija li marru fuq il-post sabiex jivverifikaw il-veraċità tal-ksur ilmentat.

15.      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2009, il-Parlament, fuq talba ta’ A. Patriciello, ibbażata fuq l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, iddeċieda, abbażi tar-rapport tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li jiddefendi l-immunità ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni għad-difiża tal-immunità”). Din id-deċiżjoni kienet immotivata kif ġej:

“Fil-fatt, fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, A. Patriciello llimita ruħu biex jagħti xi kummenti fuq fatti li jaqgħu fid-dominju pubbliku, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini li jidħlu faċilment fi sptar u jiksbu kura għal saħħithom, ħaġa li għandha impatt kbir fil-ħajja ta’ kuljum tal-kostitwenti tiegħu. Aldo Patriciello ma aġixxiex f’ismu stess; huwa ma riedx jinsulta lill-uffiċjal iżda intervjena fl-interess ġenerali tal-kostitwenti tiegħu, fil-kuntest tal-attivitajiet politiċi tiegħu. B’dan il-mod, huwa qeda dmiru bħala membru tal-Parlament Ewropew billi esprima l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni ta’ interess pubbliku għall-kostitwenti tiegħu [(10)]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.      Fid-digriet tar-rinviju, it-Tribunale d’Isernia jikkonstata li, skont l-Artikolu 9(a) tal-Protokoll, il-membri parlamentari Ewropej għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-istess immunitajiet u privileġġi mogħtija skont id-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-privileġġ tal-insindakabbiltà ma jestendix għall-attivitajiet extra parlamentari ħlief jekk ma jintrabtux mill-qrib mal-qadi tad-dmirijiet u l-għanijiet stess tal-mandat parlamentari.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti msemmija tirrileva li, bla ħsara għal kull evalwazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni jew in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-akkuża, il-fatti li wasslu għall-proċeduri fil-kawża prinċipali ma jintrabtu ma’ ebda forma ta’ espressjoni ta’ opinjoni fil-qadi tad-dmirijiet ta’ membru parlamentari Ewropew. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, skont il-prosekutur pubbliku, l-argument fejn jingħad li A. Patriciello llimita ruħu biex jikkummenta li fatti magħrufin, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom faċilment aċċess għall-isptarijiet u għall-kura ta’ saħħithom, mingħajr l-intenzjoni li jinsulta lill-uffiċjal pubbliku, jidher li huwa irrilevanti. Fil-fatt, il-membru parlamentari, anki jekk dan għad irid jiġi vverifikat, akkuża espressament bil-falsifikazzjoni ta’ dokumenti lil uffiċjal tal-pulizija muniċipali, fil-preżenza tal-forzi tal-ordni. Din l-imġiba tidher prima facie li tmur lil hinn mit-tħassib ta’ interess ġenerali tal-kostitwenti tiegħu u ma tidhirx, bħala tali, anki b’mod assolut, li tista’ taqa’ fis-sistema tal-immunità, irrikonoxxuta mill-Parlament fid-deċiżjoni tiegħu għad-difiża tal-immunità.

18.      Madankollu, it-Tribunale d’Isernia josserva li d-deċiżjoni għad-difiża tal-immunità ġiet adottata wara li ġie kkonsultat mhux biss l-Artikolu 9(a) tal-Protokoll, imma wkoll l-Artikolu 8 tal-istess Protokoll.

19.      F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li huwa marbut bih skont l-Artikolu 4(3) TUE, it-Tribunale d’Isernia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt ta’ reat attribwit b’mod astratt lill-membru tal-Parlament Ewropew Aldo Patriciello (deskritt fl-akkuża u li l-Parlament Ewropew diġà ħa deċiżjoni ta’ immunità favur tiegħu fil-5 ta’ Mejju 2009), ikklassifikat bħala kalunnja skont l-Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali, jikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari skont l-Artikolu [8] (11) tal-Protokoll [...]?”

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2010. A. Patriciello, il-Gvern Taljan u Grieg, kif ukoll il-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-mitkub. Kollha, minbarra l-Gvern Taljan, kienu rrapreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2011.

V –    Fuq l-aspetti proċedurali tad-domanda preliminari

A –    Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tal-Parlament

21.      L-ewwel nett, ninnota li l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament tista’ tqajjem ċerti dubji minħabba dak li jipprovdu d-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni paragrafi tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi nnotifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet inkwistjoni, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni li jadotta l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun ikkontestata.

22.      F’dan il-każ, huwa ċar li l-Parlament ma huwiex l-awtur tal-Protokoll li huwa l-unika suġġett tad-domanda preliminari (12). Madankollu, din il-kawża bla dubju hija dwar l-interessi kostituzzjonali tal-Parlament u tikkonċerna d-dimensjoni istituzzjonali tiegħu.

23.      Għaldaqstant, fid-dawl tar-rabta intrinsika bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, kif ukoll tal-għan komuni tagħhom li jiggarantixxu lill-Parlament kundizzjonijiet ta’ ħidma mingħajr xkiel għall-missjoni kostituzzjonali tiegħu, bħala rappreżentant taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni (13), jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta f’dan il-każ approċċ pjuttost liberali. Inżid ngħid li l-ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiffavorixxi l-possibbiltajiet tal-Parlament li jesprimi ruħu quddiemha (14). Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament bħala ammissibbli.

B –    Fuq il-portata tad-domanda preliminari

24.      Preliminarjament, jidhirli li hija importanti li tiġi enfasizzata l-portata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk att bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari.

25.      Id-diffikultà li għandha quddiemha l-qorti nazzjonali f’dan il-każ tidher li qegħda f’kunflitt bejn, minn naħa, il-kontenut tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni għad-difiża tal-immunità ta’ A. Patriciello u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-akkużi dwar il-fatti inkwistjoni. Fid-deċiżjoni msemmija, il-Parlament invoka kemm l-Artikolu 9(a) tal-Protokoll, kif ukoll l-Artikolu 8 ta’ dan l-istess Protokoll.

26.      F’dan ir-rigward, filwaqt li nammetti, l-istess bħalma jagħmel l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, li l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll jistgħu xi drabi jkopru l-istess imġiba peress li jaħdmu b’mod kumulattiv, u għandhom jinqraw flimkien (15), madankollu jidher li huwa ċar li l-Artikolu 9 tal-Protokoll spiss jikkontempla mġiba li tikkostitwixxi offiżi jew reati tad-dritt komun li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, b’mod partikolari, l-imġiba li ma tistax tkun ikklassifikata bħala opinjonijiet jew voti, kemm jekk titwettaq fil-Parlament kif ukoll barra minnu.

27.      Fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li f’każ ta’ proċeduri legali kontra membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin minnu, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali li meta jkollha dubju, hija tista’ tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, peress li l-qrati tal-aħħar istanza għandhom obbligu li, f’każ bħal dan, jaqblu mal-Qorti tal-Ġustizzja (16). Barra minn hekk, anki jekk il-Parlament, wara t-talba tal-membru parlamentari Ewropew ikkonċernat, jadotta, fuq il-bażi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, deċiżjoni għad-difiża tal-immunità, din tikkostitwixxi opinjoni li ma jkollhiex effetti vinkolanti fil-konfront tal-qrati nazzjonali (17).

28.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju skartat espressament il-possibbiltà li tapplika favur A. Patriciello d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Taljana flimkien mal-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 9(a) tal-Protokoll, li bih, il-membru parlamentari għandu jibbenefika fit-territorju nazzjonali mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament tal-Istat tiegħu.

29.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli li r-risposta li għandha tingħata f’din il-kawża għandha tkun ibbażata esklużivament fuq l-Artikolu 8 tal-Protokoll, li jikkonċerna l-portata tal-immunità sostantiva.

30.      Fl-aħħar nett, huwa ovvju li l-konstatazzjoni tal-akkużi kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Taljana għandhom isiru mill-qorti nazzjonali biss. Konsegwentement, id-domanda preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, titfassal b’mod sostanzjali fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll u fuq il-portata tal-immunità li jgawdu l-membri parlamentari Ewropej billi tipprovdi, għaldaqstant, lill-qorti tar-rinviju, l-ikbar numru ta’ elementi utli sabiex tiddeċiedi l-kawża li qiegħda pendenti quddiem din tal-aħħar.

VI – Fuq il-mertu tad-domanda preliminari

A –    Fuq il-libertà tal-espressjoni politika bħala dritt fundamentali

31.      L-Artikolu 8 tal-Protokoll huwa intiż inkontestabbilment sabiex iħares il-libertà tal-espressjoni tal-membri tal-Parlament, li mingħajrha ma jkunx jista’ jeżisti korp rappreżentattiv. Fil-fatt, il-membri tal-Parlament ma għandhomx jixxekklu minn istruzzjonijiet u ma għandhomx jirċievu mandat li jorbothom. Għaldaqstant, dan huwa mandat liberu, li jirrappreżenta t-trasparenza tal-libertà ta’ espressjoni politika tagħhom (18).

32.      Madankollu, il-libertà tal-espressjoni hija ta’ kull individwu. Hija tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri (19).

33.      Għaldaqstant, bħala dritt fundamentali, il-libertà tal-espressjoni tagħti lil kull persuna d-dritt li tesprimi opinjonijiet, anki jekk ikunu kontestabbli jew xokkanti, ta’ minorità jew stravaganti. L-eżerċizzju ta’ din il-libertà tista’, madankollu, tkun limitata minħabba d-drittijiet u l-interessi ta’ ħaddieħor.

34.      Il-leġittimità ta’ dawn il-limiti għal-libertà tal-espressjoni tvarja skont, min-naħa waħda, in-natura u l-kuntest li fih jingħataw l-opinjonijiet, u minn naħa l-oħra, il-kwalità ta’ min ikun qiegħed jesprimihom. Għaldaqstant, pereżempju, il-libertà ta’ espressjoni fil-kamp tad-dibattitu politiku hija iktar wiesgħa milli fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet kummerċjali. Fid-dawl tal-missjoni speċifika tal-ġurnalisti jew tal-parlamentari, ir-raġunijiet imperattivi li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni tagħhom għandhom ikunu iktar serji minn dawk invokati b’mod ġenerali.

35.      Il-libertà ta’ espressjoni hija partikolari fis-sens li hija fl-istess ħin kemm dritt minnha nfisha kif ukoll matriċi indispensabbli għal kważi l-libertajiet kollha l-oħra (20). Fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku, il-libertà ta’ espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tas-soċjetà demokratika, li l-elementi kostituttivi tagħha huma, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-pluraliżmu, it-tolleranza u l-ispirtu inklużiv (21). Fil-fatt, il-libertà ta’ espressjoni ma tistax tinfired mill-għan demokratiku (22).

36.      L-istess bħalma jiġri fl-Istati Membri, il-leġittimità tal-Unjoni tibbaża fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza demokratika (23). Il-membri parlamentari Ewropej jingħataw għaldaqstant missjoni partikolari ta’ rappreżentanza demokratika li titħaddem, b’mod partikolari, permezz ta’ diskussjoni politika ħielsa.

37.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta’ espressjoni politika, bħala mezz privileġġat sabiex jintlaħqu l-għanijiet dwar it-twettiq ta’ soċjetà demokratika, tkopri d-dikjarazzjonijiet elettorali u parlamentari. Huwa preżunt li l-limiti li japplikaw għall-kritika fil-konfront ta’ persuna politika, bħala tali, kif ukoll fil-konfront tal-gvern, għandhom ikunu iktar flessibbli minn dawk li japplikaw għal sempliċi individwu (24). Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà tad-diskussjoni politika ċertament li ma hijiex assoluta (25). Kieku ma kienx hekk, kumment abbużiv jew malafamanti jista’ jsir punt ta’ dibattitu politiku, meta jkun hemm interess ġenerali li dan jiġi dibattut. Fil-fatt, dan jirrigwarda li jinħoloq spazju aċċettabbli li fih ikun jista’ jsir id-dibattitu pubbliku (26). Madankollu, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem aċċettat il-possibbiltà ta’ limitazzjoni fil-kuntest tad-dibattitu elettorali (27).

38.      F’dan il-każ, il-Parlament ikkunsidra, fid-deċiżjoni tiegħu għad-difiża tal-immunità li, A. Patriciello kien aġixxa fl-interess ġenerali tal-elettorat tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali jitqiesu, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-istess livell mad-diskors politiku (28). Dik il-Qorti affermat espressament li huma ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-użu tal-fondi tas-sigurtà soċjali (29), l-infiq pubbliku (30), it-teħid tal-patrimonju pubbliku (31) u l-korruzzjoni fost il-politiċi (32). Il-qrati nazzjonali għandhom, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jippruvaw jidentifikaw jekk kritika dwar punt partikolari hijiex parti minn dibattitu iktar ġenerali. Jekk dan ikun il-każ, l-opinjoni inkwistjoni tibbenefika minn livell partikolari u teħtieġ ħarsien ikbar (33).

39.      Barra minn hekk, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna uffiċjal tal-pulizija muniċipali, għandu jitfakkar li, minħabba l-istat tagħhom, l-uffiċjali pubbliċi jidhru, f’għajnejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’nofs triq bejn l-individwu u l-persuna pubblika. Filwaqt li l-uffiċjal ma xxebbhux ma’ persuna politika, l-imsemmija Qorti tenfasizza li l-limiti tal-kritika aċċettabbli fil-konfront tal-uffiċjal, fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu, jistgħu f’ċerti każijiet ikunu iktar wiesgħa minn dawk li japplikaw għal sempliċi individwu (34).

40.      Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret li l-uffiċjali għandhom, sabiex jaqdu dmirijiethom, igawdu mill-fiduċja tal-pubbliku mingħajr ma jkunu indebitament imfixkla u mingħajr ma jkun hemm il-bżonn għaldaqstant li jitħarsu b’mod partikolari kontra l-attakki verbali offensivi meta jkunu fis-servizz. Dan jgħodd ukoll f’każ ta’ imputazzjoni malafamanti ta’ fatti marbutin mat-twettiq tal-missjonijiet tagħhom (35). Ir-rekwiżiti marbutin mal-ħarsien tal-uffiċjali għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu bbilanċjati mal-interessi tal-libertà tal-istampa jew tad-diskussjoni ħielsa ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali (36).

B –    Fuq il-prinċipji li jirregolaw l-immunità parlamentari fil-Parlament u fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

41.      Bħala introduzzjoni, nosserva li teżisti rabta storika, ibbażata fuq prinċipju komuni u fuq dispożizzjonijiet identiċi, bejn is-sistema tal-privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u dik mogħtija lill-membri tal-Parlament (37). Din ir-rabta tiġġustifika, fil-fehma tiegħi, li ssir rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ testi għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-portata tal-immunità parlamentari f’din il-kawża.

42.      Skont l-Artikolu 343 TFUE, l-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji tal-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jeħtieġu għat-twettiq ta’ dmirijietha, skont il-kundizzjonijiet previsti fil-Protokoll. Il-kapitolu III tal-Protokoll jirriproduċi l-idea tal-garanziji legali proprji għall-membri tal-Parlament Ewropew.

43.      Għaldaqstant, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-membri tal-Parlament huma dawk tal-Unjoni, li kienu ġew stabbiliti sabiex l-Unjoni tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha.

44.      Għandu jiġi enfasizzat li l-portata impreċiża ħafna tal-immunitajiet, li jistgħu jinvokaw il-parlamentari Ewropej, tirrifletti l-oriġini tagħhom, jiġifieri li s-sistema immunitarja ma kinitx maħsuba ħlief biex tikkomplimenta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-privileġġi tal-membri parlamentari (38). Minkejja d-diversi inizjattivi tal-Parlament, sa issa ma saret ebda proposta għal emenda tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (39).

45.      F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li r-raġuni prinċipali għall-ħolqien tal-immunità Ewropea ma hijiex biex jibbenefikaw minnha l-individwi, imma biex tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jitħarsu l-missjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, l-immunità parlamentari ma hijiex maħsuba bħala privileġġ personali tal-parlamentari imma bħala garanzija għall-istituzzjoni. Peress li l-integrità tal-Parlament trid titħares, ċerti libertajiet u immunitajiet ngħataw lill-membri tiegħu sabiex jippermettulhom jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-Unjoni, jaġixxu b’mod ħieles fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala parlamentari kif ukoll ikunu ħielsa minn kull theddid marbut mal-imsemmija dmirijiet (40).

46.      Kif jirriżulta mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fir-rigward ta’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom (41).

47.      B’analoġija, fid-dawl tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Kunsill igawdu mill-privileġġi u mill-immunitajiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom (42). L-immunitajiet jingħataw sabiex titħares l-integrità tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-membri tagħha fit-twettiq tal-mandat Ewropew tagħhom (43). Barra minn hekk, skont il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim Ġenerali fuq il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, dawn il-privileġġi u immunitajiet jingħataw lir-rappreżentanti tal-Membri, mhux għall-vantaġġ personali tagħhom, iżda bil-għan li jiġi żgurat, f’indipendenza sħiħa, il-qadi ta’ dmirijiethom fir-rigward tal-Kunsill tal-Ewropa (44).

48.      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jippreġudikawx l-idea tan-natura doppja tal-immunità parlamentari, li l-għan tagħha huwa li jitħarsu kemm il-Parlament u fl-istess ħin, il-membri tiegħu bħala individwi (45).

49.      Għaldaqstant, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u tal-vot fil-kuntest tal-qadi tad-dmirijiet ta’ membru parlamentari, l-immunità sostantiva, imsejħa wkoll “insindakabbiltà parlamentari” (46), riflessa fl-Artikolu 8 tal-Protokoll, twassal sabiex teżenta lil membru parlamentari mill-proċeduri għal ċerta kategoriji ta’ atti, jiġifieri dawk marbutin mal-qadi tal-mandat tiegħu.

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmija immunità sostantiva kienet ta’ natura assoluta (47).

51.      Din il-kunsiderazzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-prinċipju (48), li fuqu hija bbażata l-immunità sostantiva, li bih, minħabba li l-insindakabbiltà ma hijiex limitata biż-żmien, hija tibqa’ valida kemm fil-perijodu tal-mandat kif ukoll wara l-iskadenza tiegħu. Hija assoluta wkoll fis-sens li tkopri t-tipi kollha ta’ responsabbiltà legali, b’mod partikolari r-responsabbiltà kriminali u ċivili. Barra minn hekk, hija insindakabbiltà bla ebda kundizzjoni, peress li ma tistax titneħħa mill-Parlament u l-membru parlamentari ma jistax jirrinunzja għaliha. Madankollu, in-natura assoluta tal-immunità tkopri, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll, esklużivament l-“opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”.

52.      Fit-tieni lok, l-immunità mill-proċeduri jew l-invjolabbiltà, imsemmija fl-Artikolu 9 tal-Protokoll, għandha, min-naħa tagħha, l-għan li tevita li l-qadi tal-mandat parlamentari jixxekkel minħabba proċeduri kriminali li jirrigwardaw atti mwettqa mill-membri bħala sempliċi ċittadini. L-imsemmi Artikolu 9 għaldaqstant jiggarantixxi ħarsien lill-membri tal-Parlament kontra l-proċeduri legali matul il-perijodu tal-mandat tagħhom. L-invjolabbiltà prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll hija limitata għall-perijodu tas-sessjonijiet, u titlef l-effett tagħha f’każ ta’ reat flagranti u f’każ ta’ tneħħija tal-immunità mill-Parlament (49).

53.      Storikament, l-għan ta’ din l-immunità mill-proċeduri kien li jiġi evitat li l-poter eżekuttiv jew tal-individwi jkun jista’ jwaqqaf jew ixxekkel l-qadi tad-dmirijiet tal-membri billi jsiru proċeduri investigattivi jew billi jinħarġu akkużi kriminali infondati kontrihom. Għaldaqstant, l-immunità kkonċernata ma hijiex ta’ natura assoluta iżda teħtieġ biss li l-miżuri adottati kontra xi membru parlamentari jiġu implementati wara jew bejn is-sessjonijiet tal-Parlament.

54.      L-immunità sostantiva li tirriżulta mill-insindakabbiltà tapplika minħabba s-sempliċi fatt li tissemma fil-Protokoll u bir-riżerva li l-atti ta’ membru parlamentari jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità sostantiva. Min-naħa l-oħra, sabiex l-immunità mill-proċeduri tiġi implementata, id-deċiżjoni tal-Parlament hija indispensabbli sabiex tippermetti jew tipprekludi d-detenzjoni jew il-proċeduri legali.

55.      Wara li ssemmew dawn il-prinċipji, jidhirli li l-libertà ta’ espressjoni inġenerali, il-libertà ta’ espressjoni tad-diskors politiku u li jirrigwarda l-interess ġenerali kif ukoll il-portata tal-immunità sostantiva ta’ membru tal-Parlament huma drittijiet li, għalkemm huma distinti, jidħlu f’xulxin kontinwament. Jixraq li jiġi enfasizzat li l-espressjoni ta’ opinjoni minn membru tal-Parlament tista’ titħares, kemm bl-effett tal-prinċipju tal-libertà ta’ espressjoni iktar wiesa’ li japplika għad-diskors politiku, kif ukoll bl-effett tal-prinċipju tal-libertà ta’ espressjoni li tapplika b’mod inġenerali, fis-sens li tali opinjoni ma tistax tiġi awtomatikament ippenalizzata, anki jekk din ġiet espressa f’ċirkustanzi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità sostantiva marbutin mal-qadi tad-dmirijiet ta’ membru tal-Parlament. Din il-kawża tirrigwarda għaldaqstant il-kwistjoni dwar kif għandha tinqata’ l-linja ta’ demarkazzjoni, fil-kuntest tal-libertà ta’ espressjoni, bejn il-grad ta’ ħarsien ta’ individwu inġenerali, ta’ parteċipant fid-dibattitu politiku u ta’ membru tal-Parlament.

C –    Fuq l-istandards ta’ mġiba li japplikaw għall-membri tal-Parlament

56.      Skont l-Artikolu 232 TFUE, il-Parlament għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Mingħajr ma noħloq paralleliżmu dirett bejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll u dawk tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, dan l-att tal-aħħar jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, dokument ta’ riferiment utli għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għandu jkompli jingħad li fi ħdan il-Parlament, żviluppat prattika istituzzjonali li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll fil-kuntest tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-membri parlamentari Ewropej (50).

57.      Fid-dawl tal-għan tagħha, l-immunità parlamentari tinkludi, fil-fehma tiegħi, mhux biss drittijiet, iżda wkoll responsabbiltajiet (51). L-importanza ta’ dan l-approċċ ġiet enfasizzata wkoll mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn ingħad li l-possibbiltajiet ta’ sanzjonijiet (52) kellhom jissaħħu fil-każ fejn l-opinjonijiet mogħtija mill-membri ta’ din l-Assemblea jkunu malafamanti, ikun fihom inġurji jew ikunu kalunnjużi (53). Il-każijiet rari ta’ opinjonijiet malafamanti imputabbli lill-membri tal-imsemmija Assemblea Parlamentari wasslu għal proposta għat-tisħiħ tal-ħarsien tar-reputazzjoni tal-persuni milquta (54).

58.      Għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li jibbenefikaw, fil-kuntest tal-qadi ta’ dmirijiethom, minn immunità sostantiva, il-membri tal-Parlament jibqgħu għaldaqstant suġġetti għall-istandards ta’ mġiba stabbiliti minn din l-istess istituzzjoni.

59.      Dawn l-istandards, b’mod partikolari, l-Artikoli 9(2), 152 u 153 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, għandhom tendenza li jippreċiżaw il-modi ta’ mġiba ta’ membru tal-Parlament kif ukoll is-sanzjonijiet f’każ ta’ ksur. Mir-regoli msemmija jirriżulta li l-imġiba inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji ddefiniti fit-testi fundamentali tal-Unjoni, għandha tippreżerva d-dinjità tal-Parlament u ma għandhiex tippreġudika l-iżvolġiment tajjeb tax-xogħol parlamentari.

60.      Peress li dawn l-istandards juru n-natura stess tal-imġiba inerenti għall-qadi tad-dmirijiet parlamentari, jidhirli li dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll biex tiġi ddefinita l-portata tal-immunità sostantiva.

D –    Fuq il-portata tal-immunità sostantiva fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll

61.      Skont it-teżi mogħtija fid-duttrina, l-immunità sostantiva testendi għall-forom kollha li tista’ tieħu l-attività parlamentari, kemm jekk tkun bil-miktub fid-dokumenti parlamentari, jew fid-diskorsi u votazzjonijiet fil-forom kollha tagħhom, fl-Assembleji u l-Kumitati Parlamentari (55).

62.      Bla dubju, fost l-Istati Membri tal-Unjoni jeżistu diversi mudelli u approċċi parlamentari tal-immunità sostantiva. Madankollu dawn għandhom l-istess għan, jiġifieri li jiggarantixxu l-qadi tad-dmirijiet ta’ membru tal-Parlament u, in fine, tal-funzjonament tal-istituzzjoni (56).

63.      Il-mudell klassiku tal-immunità sostantiva li jkopri l-opinjonijiet espressi jew voti mogħtija mill-membri fil-qadi ta’ dmirijiethom japplika wkoll għall-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (57). F’dan il-kuntest, it-terminu “opinjonijiet espressi” jinkludi kemm l-interventi verbali kif ukoll l-iskritturi tal-membri fil-qadi ta’ dmirijiethom fi ħdan din l-Assemblea. L-inġurji ta’ membru parlamentari diretti lejn persuna li tkun fil-pubbliku ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ opinjoni (58). L-immunità sostantiva tinkludi wkoll l-opinjonijiet espressi fid-dmirijiet uffiċjali li jaqdu l-membri fl-Istati Membri (59). Għaldaqstant iridu jitħarsu l-membri parlamentari li jkunu fuq missjonijiet uffiċjali fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

64.      Barra minn hekk, huwa interessanti li tiġi rrilevata l-inizjattiva tal-Parlament tal-1987, intiża li temenda l-Artikolu 8 tal-Protokoll, sabiex il-membri parlamentari Ewropej jitħarsu fir-rigward tal-opinjonijiet u tal-voti mogħtija fid-dibattiti fil-Parlament, fi ħdan korpi stabbiliti mill-istess Parlament jew li jaħdmu miegħu jew li fihom il-membri jaħdmu bħala membri tal-Parlament (60).

65.      Għaldaqstant, id-dibattitu attwali li jikkonċerna l-kriterju li għandu jintuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-attivitajiet parlamentari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll jerġa’ jdur fuq l-għażla bejn kriterju magħruf bħala “spazjali” u kriterju magħruf bħala “funzjonali”. Sabiex nikkontribwixxi għal din id-diskussjoni, nixtieq nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tbiddel il-perspettiva tal-eżami tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

66.      L-immunità sostantiva fil-fehma tiegħi, tkopri tliet aspetti. L-ewwel wieħed, li huwa ta’ natura oġġettiva, huwa intiż li jiggarantixxi lill-membri l-possibbiltà li jibdew u jmexxu d-dibattitu politiku parlamentari bil-libertà kollha u li jippromwovu għaldaqstant materji politiċi differenti sabiex jinfluwenzaw l-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva, finanzjarja u ta’ kontroll li għandu l-Parlament. It-tieni aspett, li huwa wkoll ta’ natura oġġettiva, huwa ntiż li jħares il-possibbiltà li jiġu espressi opinjonijiet li jkunu ta’ kritika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-eżekuttiv tal-Unjoni u tal-Istati Membri u li tiġi megħjuna għaldaqstant id-diviżjoni vertikali u orizzontali tas-setgħat fi ħdan l-Unjoni. It-tielet aspett, li huwa ta’ natura suġġettiva, għandu jinftiehem mill-perspettiva ta’ dritt fundamentali li jillimita d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini l-oħra, bħalma huwa d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja. Dawn it-tliet aspetti tal-immunità sostantiva huma intiżi għaldaqstant biex jistabbilixxu eċċezzjoni għall-prinċipju tat-trattament ugwali bejn iċ-ċittadini (61). Għal din ir-raġuni, huwa kardinali li fl-interpretazzjoni tal-portata tagħha, jipprova jinstab bilanċ li jeħtieġ fis-soċjetà demokratika.

67.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li ssostni li l-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu jkollu portata li tkun kompletament kompatibbli mal-Artikolu 6 tal-KEDB li jikkorrispondi għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja minħabba l-immunità parlamentari ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għan leġittimu mħares b’dik l-immunità (62).

68.      Fir-rigward tal-kriterju magħruf bħala “spazjali”, l-istess kif isostni l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ma jidhirlix li hemm dubju li l-limitazzjoni tal-portata tal-insindakabbiltà għall-post biss fejn ikun hemm il-Parlament ma għadhiex tikkorrispondi għar-realtà kontemporanja tad-dibattitu politiku u, għaldaqstant, ma tistax tibqa’ teżisti bħala kriterju esklużiv(63).

69.      Nirrileva li, skont l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fid-dawl tan-natura internazzjonali tal-Assemblea msemmija, jeħtieġ li l-insindakabbiltà tiġi ddefinita fir-rigward tal-attivitajiet tipiċi tal-membri tagħha u mhux fir-rigward ta’ kunċett ta’ spazju (64).

70.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, wieħed ma għandux jinjora l-importanza tal-bini parlamentari bħala post privileġġjat għad-dibattitu politiku, anki f’livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-immunità parlamentari ma għandhiex twassal għal banalizzazzjoni tal-Parlament bħala istituzzjoni politika billi jiġu ttrattati bl-istess mod l-opinjonijiet espressi minn membru parlamentari fil-bini tal-Parlament u dak li huwa jista’ jgħid, pereżempju, f’“reality show” fuq it-televiżjoni.

71.      Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-immunità sostantiva ma tapplikax għall-attivitajiet kollha ta’ membru tal-Parlament, anki jekk dawn iseħħu fi ħdan il-Parlament jew fis-sessjonijiet tiegħu (65). Biex japplika l-kriterju spazjali, l-attività inkwistjoni għandha bilfors ikollha rabta mal-attivitajiet tal-membru fil-kapaċità tiegħu ta’ membru ta’ Parlament. Fl-Istati Membri, fil-parti l-kbira tal-każijiet, teżisti rabta bejn, minn naħa, il-portata sostanzjali u temporali tal-insindakabbiltà u, minn naħa l-oħra, il-kunċett ta’ opinjonijiet inerenti għall-attivitajiet li huma tal-Parlament stess (66). Għaldaqstant, id-diskors intra muros fix-xogħol parlamentari fis-sens wiesa’ tiegħu (67) jaqa’ b’mod ċar ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

72.      Fir-rigward tal-attivitajiet u tad-dikjarazzjonijiet barra mill-konfini tal-Parlament, id-diffikultà prinċipali hija marbuta mal-applikazzjoni tal-kriterju magħruf bħala “funzjonali”, li huwa għaldaqstant l-unika kriterju rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-portata tal-immunità sostantiva. Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-Artikolu 8 tal-Protokoll ma jistax ikun magħmul fl-estensjoni tal-immunità sabiex din tkun tapplika għad-dikjarazzjonijiet kollha tal-membri tal-Parlament. Jidhirli li tali interpretazzjoni tmur kontra d-drittijiet fundamentali li huma l-ugwaljanza quddiem il-liġi (68) u l-aċċess għall-ġustizzja, anki jekk il-Parlament jidher li adotta din il-pożizzjoni fil-prattika tiegħu li tirrigwarda t-tneħħija tal-immunità (69). F’dan il-każ, l-immunità sostantiva hija intiża li tħares lill-membri tal-Parlament Ewropew bħala Parlamentari Ewropej, u mhux bħala politiċi inġenerali.

73.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex jistabbilixxi jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ membru parlamentari kinux saru fil-qadi ta’ dmirijietu, l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ssuġġerixxa li bħala kriterju għandha tittieħed in-natura u l-kontenut tal-kummenti tal-membri parlamentari Ewropej. Biex jikklassifikahom bħala opinjonijiet huwa jissuġġettahom għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, l-opinjonijiet għandu jkollhom interess ġenerali reali, u min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn allegazzjonijiet fattwali u ġudizzji ta’ valur (70).

74.      Peress li, fil-fehma tiegħi, dan l-aspett jixraqlu analiżi iktar dettaljata, qabel ma nwieġeb għall-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom” li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Protokoll, nixtieq neżamina l-kunċetti ta’ interess ġenerali, id-distinzjoni bejn ġudizzji ta’ valur u dikjarazzjonijiet fattwali sabiex, imbagħad, nipproponi li l-portata tal-immunità sostantiva tiġi stabbilita b’rabta organika iktar milli waħda funzjonali.

1.      Fuq l-interess ġenerali reali

75.      L-interess ġenerali jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti fundamentali tal-effett tal-libertà ta’ espressjoni, peress li jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-pluralità ta’ valuri fis-soċjetà li din il-libertà hija ntiża li tippreżerva. Madankollu, fir-rigward tal-kamp tal-insindakabbiltà li tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Protokoll, jidhirli li huwa diffiċli li jintalab li kull dikjarazzjoni ta’ membru parlamentari Ewropew għandu jkollha konnotazzjoni politika li tirrifletti dejjem l-interess ġenerali reali.

76.      L-għan ta’ libertà ta’ espressjoni wiesgħa, bħalma hija dik mogħtija lill-membri tal-Parlament, huwa li toffrilhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fid-dibattiti politiċi marbutin ma’ dmirijiethom mingħajr xkiel mhux iġġustifikat. Din il-libertà għandha tinkludi wkoll il-possibbiltà li jesprimu opinjonijiet suġġettivi, egoisti, jew saħansitra mhux xierqa, peress li xogħol membru parlamentari huwa li jippromwovi materji politiċi, mingħajr ma jkun suġġett għal xi obbligu ta’ oġġettività.

77.      Fil-fatt, l-għan tad-dibattiti politiċi demokratiċi huwa li jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-interess ġenerali, billi jipproponu diversi interpretazzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, l-interess ġenerali ma jisboqx id-dibattiti demokratiċi, iżda huma d-dibattiti msemmija li jikkontribwixxu għall-aħjar interpretazzjoni tiegħu.

78.      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ interess ġenerali reali ma jistax jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, kriterju rilevanti sabiex tiġi applikata l-immunità sostantiva għall-pożizzjonijiet meħuda mill-membri tal-Parlament li jaqgħu skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll, għax inkella l-kontenut tad-dibattiti politiċi jkun suġġett għaċ-ċensura a posteriori mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ħaġa li minnha nfisha, tmur kompletament kontra l-idea tal-immunità parlamentari (71).

2.      Fuq il-ġudizzji ta’ valur u d-dikjarazzjonijiet fattwali

79.      Id-distinzjoni bejn dikjarazzjoni fattwali u ġudizzji ta’ valur (72), li ssemmiet b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kummissjoni, tidher li hija stabbilita fil-ħsieb modern. L-oriġini ta’ din it-teżi tinsab fl-affermazzjoni ta’ David Hume li jgħid li d-dmir ma jistax jiġi dedott mill-fatti (73). Fil-filosofija tas-seklu XX, dan il-prinċipju ġie adottat mit-teoriji magħrufa bħala “non konjittivi” fejn kummenti li jirrigwardaw il-valuri jew l-istandards ma jidħlux fid-dikotomija bejn dak li hu minnu u dak li hu falz. Min-naħa l-oħra, l-affermazzjonijiet fattwali huma kemm veri kif ukoll foloz. Għaldaqstant, l-oġġettività hija possibbli sa fejn id-dibattitu jikkonċerna l-fatti, iżda l-ġudizzji ta’ valur huma xi ftit jew wisq relattivi, jiġifieri suġġettivi (74).

80.      Fid-dawl tad-diffikultajiet kunċettwali li joħorġu mill-filosofija morali marbuta ma’ din id-distinzjoni, jidhirli li huwa perikoluż li l-interpretazzjoni legali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi bbażata fuq din id-distinzjoni. L-istess bħal ċerta rappreżentanti tat-teorija tad-dritt, jidhirli li, mill-aspett kunċettwali, il-fatt li ssir distinzjoni ċara bejn ġudizzji ta’ valur u dikjarazzjonijiet fattwali fil-qasam tad-dritt huwa diffiċli, jew inkella impossibbli. Barra minn hekk, ninnota li huwa għal kollox possibbli li ġudizzji ta’ valur jiġu espressi permezz ta’ sentenza li f’livell semantiku tinstema’ bħala affermazzjoni purament fattwali (75).

81.      Madankollu, huwa utli li jitfakkar li d-distinzjoni bejn il-ġudizzji ta’ valur u d-dikjarazzjonijiet fattwali hija waħda mill-kriterji klassiċi fil-prassi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi ftit kliem, f’każ ta’ dikjarazzjoni fattwali, din tippermetti l-possibbiltà li tiġi ppruvata l-verità tal-fatti (l-exceptio veritatis) (76), ħaġa li hija eskluża fil-każ tal-ġudizzji ta’ valur.

82.      Fid-duttrina, ġie rrilevat, ġustament, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tapplikax dikotomija pura bejn dawn iż-żewġ kunċetti, jiġifieri li hija ma tiddistingwix bejn “opinjoni pura” u l-“affermazzjoni fattwali”, iżda bejn l-“affermazzjonijiet fattwali puri” u l-espressjonijiet imħallta, li jinkludu elementi kemm fattwali kif ukoll ta’ opinjoni (77).

83.      Dan juri, fil-fehma tiegħi, li l-konfrontazzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti ma hijiex nieqsa mid-dubji, u dan kif irrikonoxxiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess (78). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti msemmija, id-differenza bejn il-ġudizzji ta’ valur u d-dikjarazzjonijiet fattwali qiegħda għaldaqstant f’livell ta’ prova fattwali li għandha tiġi prodotta (79). Għandi dubju, madankollu, dwar kemm teżisti l-possibbiltà li din il-ġurisprudenza tiġi purament u sempliċement trasposta f’dak li jikkonċerna l-limiti tal-immunità sostantiva ta’ membru tal-Parlament.

84.      Nenfasizza li l-immunità sostantiva teżenta ċerti opinjonijiet espressi mill-membri tal-Parlament mill-eventwali responsabbiltà kriminali jew ċivili. Minn dan l-aspett, l-opinjonijiet għandhom ikunu evalwati bħala atti, b’mod iktar preċiż, bħala atti lingwistiċi li jistgħu jew li ma jistgħux ikunu reati bħalma huma l-kalunnja, il-malafama jew l-inġurja (80).

85.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-opinjonijiet bħala atti, il-kwistjoni dwar jekk hemmx affermazzjoni fattwali jew inkella ġudizzju ta’ valur jidhirli li għandha inqas importanza mill-għan mixtieq mill-awtur tal-opinjoni kif ukoll mir-reazzjoni kkaġunata b’dak l-att lingwistiku tal-interlokuturi, anki jekk il-veraċità tal-affermazzjoni jista’ jkollha effett fuq il-klassifikazzjoni legali tal-att inkwistjoni. Inżid ngħid li l-prassi tal-Parlament f’dak li jikkonċerna t-tneħħija tal-immunità ma jidhirlix li tagħmel distinzjoni bejn affermazzjonijiet fattwali u ġudizzji ta’ valur (81).

86.      Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa xieraq li tinġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-fatt li r-rabta bejn il-kunċett ta’ “qadi tad-dmirijiet parlamentari” u l-ġudizzji ta’ valur twassal biex tillimita l-portata tal-libertà ta’ diskors politiku.

87.      Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dmirijietu, membru tal-Parlament għandu jkun f’pożizzjoni li juri t-tħassib tiegħu u li jiddefendi l-interessi tal-kostitwenti tiegħu. Għal din ir-raġuni, huwa għandu, filwaqt li jitħares bl-immunità sostantiva, ikun ħieles li jagħmel konstatazzjonijiet fattwali li ma jkunux ivverifikati jew li jistgħu jirriżultaw li huma żbaljati. Spiss, dawn ikunu espressjonijiet imħallta fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Membru tal-Parlament għandu, konsegwentement, jingħata l-“benefiċċju tad-dubju”, jiġifieri, l-possibbiltà li jikkritika l-funzjonament tal-istituzzjonijiet l-oħra mingħajr ma jkollu jagħmel minn qabel riċerki ddettaljati sabiex jipprova dak li jkun qiegħed jgħid.

88.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-immunità sostantiva għandha tkopri mhux biss il-ġudizzji ta’ valur, iżda wkoll l-allegazzjonijiet fattwali, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterju organiku li ser nipproponi.

E –    Fuq l-istabbiliment ta’ kriterju organiku (82)

89.      Peress li jien konvint li l-kriterju ta’ rabta magħrufa bħala “funzjonali” bbażata fuq il-kunċett ta’ interess ġenerali u fuq id-distinzjoni bejn il-ġudizzji ta’ valur u l-kunsiderazzjonijiet fattwali ma tippermettix li tingħata risposta utli għall-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet sostantivi tal-implementazzjoni tal-immunità mogħtija bid-dritt tal-Unjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa kriterju speċifiku għan-natura tal-funzjonijiet ta’ membru parlamentari Ewropew, billi tispira ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan il-kriterju ma jorbotx l-immunità sostantiva mal-kontenut tal-kummenti ta’ membru parlamentari, iżda pjuttost mar-relazzjoni bejn il-kuntest li fih huma espressi dawk il-kummenti u x-xogħol parlamentari tal-Parlament.

1.      Fuq il-kriterju ta’ proporzjonalità li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

90.      Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza dwar il-limiti tal-immunità, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk il-libertà ta’ espressjoni hija għażiża għal kulħadd, hija tibqa’ għażiża b’mod partikolari għall-kandidat elett mill-poplu li jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu, juri t-tħassib tagħhom u jiddefendi l-interessi tagħhom. F’soċjetà demokratika, il-Parlament jew il-korpi simili huma forums indispensabbli għad-dibattitu politiku (83). L-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll ir-rilevanza tal-evalwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari, u mhux eżami in abstracto (84).

91.      Bħala regola ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-portata tal-immunità parlamentari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dehret li għażlet approċċ restrittiv. Għaldaqstant, hija qieset li kienet kompatibbli mal-KEDB immunità li kienet tkopri d-dikjarazzjonijiet li jsiru fid-dibattiti parlamentari fi ħdan kumitati leġiżlattivi u li kienu ntiżi għall-ħarsien tal-interessi tal-Parlament fl-intier tiegħu, milli għal dawk tal-membri tiegħu meħudin b’mod individwali (85).

92.      Fil-fatt, is-sentenza prinċipali jidhirli li hija s-sentenza A vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq. Wara li kkonkludiet li l-immunità parlamentari li kien ibbenefika minnha l-membru tal-House of Commons f’dak il-każ kienet intiża għall-għanijiet leġittimi tal-ħarsien tal-libertà ta’ espressjoni fil-Parlament u l-fatt tas-separazzjoni tal-poteri bejn dak leġiżlattiv u dak ġudizzjarju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat il-proporzjonalità tal-immunità inkwistjoni. Għaldaqstant, mill-perspettiva tal-kompatibbilità tagħha mal-KEDB, iktar ma l-immunità tkun wiesgħa iktar għandhom ikunu imperattivi r-raġunijiet li jiġġustifikawha (86).

93.      Barra minn hekk, is-sentenza Cordova vs L-Italja (87) wasslet b’mod partikolari għal interpretazzjoni stretta tal-immunità, fis-sens li din ma hijiex intiża li tħares membru tal-parlament meta huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi bħala tali. Fis-sentenza msemmija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li l-imġiba ta’ membru parlamentari setgħat ma tintrabatx mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari tiegħu stricto sensu u, fuq kollox, li hija setgħet, min-natura tagħha stess, titqabbel ma’ att li jaqa’ skont id-dmirijiet parlamentari. Il-Qorti msemmija sostniet li l-imġiba inkwistjoni (88) kienet iktar tidħol fil-kuntest ta’ ġlieda bejn individwi u li f’dak il-każ, rifjut għall-aċċess għall-ġustizzja ma għandux jiġi ġġustifikat (89).

94.      Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti msemmija ddeċidiet li “in-nuqqas ta’ rabta ċara max-xogħol parlamentari jitlob interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ proporzjonalità bejn l-għan imfittex u l-mezzi użati. Dan japplika b’mod partikolari meta r-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess joħorġu minn deċiżjoni ta’ korp politiku. Kieku kellu jiġi konkluż mod ieħor, dan ikun jammonta għal restrizzjoni, b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, tad-dritt tal-individwi għall-aċċess għall-ġustizzja kull darba li l-kummenti kkontestati fil-qorti jkunu saru minn membru tal-Parlament” (90)[traduzzjoni mhux uffiċjali].

95.      Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, in-natura proporzjonali tal-kamp tal-immunità għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħal aspett ċentrali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, ħaġa li twassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi kriterju ġdid ta’ analiżi imsejjaħ “organiku”.

2.      Fuq il-kriterju tar-rabta organika

96.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, nipproponi li jiġi applikat kriterju ta’ rabta organika bejn xogħol il-membru parlamentari Ewropew u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità sostantiva (91). Fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tal-kunċett stess tal-immunità sostantiva, bejn dak li hu ċentrali għall-istess immunità u dak li hu anċillari għaliha.

97.      Nipproponi li nikklassifika bħala ċentrali għall-immunità l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-qadi per eċċellenza tad-dmir ta’ membru tal-Parlament. Dawn ikopru, b’mod partikolari, l-opinjonijiet u l-voti espressi fil-konfini tal-Parlament, fil-kumitati, delegazzjonijiet u korpi politiċi tal-Parlament kif ukoll fil-gruppi politiċi. Nipproponi li fihom għandhom jidħlu l-attivitajiet bħalma huma l-parteċipazzjoni fil-konferenzi, fil-missjonijiet u fil-laqgħat politiċi barra mill-bini tal-Parlament, fil-kapaċità ta’ membru tal-Parlament (92).

98.      Filwaqt li nammetti li huwa probabbilment impossibbli li jiġu elenkati l-atti kollha kkonċernati, jiena tal-fehma li l-approvazzjoni tal-kunċett stess ta’ “attivitajiet parlamentari fis-sustanza” jippermetti li jiffaċilita l-eżami tal-qorti nazzjonali li, f’każ ta’ dubju, tista’ jew għandha tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari f’dan ir-rigward.

99.      Għal dak li jirrigwarda l-atti li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala li jikkostitwixxu dmir ta’ membru parlamentari Ewropew, għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità, u dan l-istess bħalma tagħmel il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Kif iddeċidiet dik il-Qorti, in-nuqqas ta’ rabta ċara ma’ attività parlamentari jitlob interpretazzjoni stretta tal-proporzjonalità bejn l-għan imfittex u l-mezzi użati (93).

100. Konsegwentement, iktar ma l-att jew id-dikjarazzjoni ta’ membru tal-Parlament Ewropew jitbiegħed mid-dmirijiet ċentrali tiegħu, iktar għandhom ikunu imperattivi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-insindakabbiltà ta’ membru parlamentari. Dan jimplika li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-libertà ta’ espressjoni ta’ membru parlamentari, minn naħa waħda, u l-aċċess għall-ġustizzja u t-trattament ugwali bejn iċ-ċittadini, min-naħa l-oħra.

101. Kuntrarjament, ikbar ma’ tkun ir-rabta mal-attivitajiet ċentrali ta’ membru tal-Parlament Ewropew, iktar issir wiesgħa l-portata tal-immunità sostantiva mogħtija lil dawn tal-aħħar. Fuq kollox, il-kwistjoni dwar jekk l-oratorija ta’ membru parlamentari Ewropew fil-midja taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità sostantiva għandha tiġi evalwata abbażi ta’ dawn il-kriterji. Jidhirli li l-immunità sostantiva għandha tkopri d-dikjarazzjonijiet li jsegwu d-dibattiti parlamentari li jirriproduċuhom jew li jikkummentaw fuqhom. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew fid-dibattiti elettorali jew f’dibattiti politiċi oħra inġenerali, dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu f’pożizzjoni legalment aħjar mill-parteċipanti l-oħra għad-dibattiti msemmija.

102. Madankollu, il-kwistjoni li tqum f’dan il-kuntest hija dik dwar jekk membru parlamentari Ewropew ikunx jista’ jinvoka l-ħarsien li jagħtih l-Artikolu 8 tal-Protokoll, meta huwa jaġixxi b’mod ċar bħala politiku nazzjonali, kemm reġjonali jew lokali.

103. Fil-fatt, l-isfida li l-Parlamenti u l-membri parlamentari għandhom jiffaċċjaw illum il-ġurnata hija f’li juru dak li jkunu qegħdin jagħmlu fl-interess tal-poplu, sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u li jagħmlu mezz li l-messaġġ tagħhom ma jiġix skreditat (94).

104. Peress li l-immunità sostantiva stabbilita fil-Protokoll hija bbażata fuq it-Trattat li, fl-Artikolu 343 TFUE tiegħu, jirreferi għat-twettiq tad-dmirijiet tal-Unjoni, jiena tal-fehma li din l-immunità hija intiża li tkopri l-attivitajiet ta’ membru parlamentari Ewropew, mhux meta huwa jittratta kwistjonijiet li jinteressaw esklużivament politiku nazzjonali, iżda meta huwa jwettaq attivitajiet bħala membru Parlamentari Ewropew.

105. Huwa ċar li fid-dawl tal-portata tad-dibattitu politiku kontemporanju, il-parti l-kbira tal-kummenti ta’ membru parlamentari Ewropew huma ambivalenti. Id-diskors fuq skala Ewropea jista’ jkollu rabta ċara mal-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Madankollu, fil-każ invers, jiġifieri fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet li jidħlu f’kuntest purament nazzjonali jew lokali, il-ħolqien ta’ rabta mad-dimensjoni tal-Unjoni tista’ tirriżulta li hija iktar diffiċli.

106. F’dan ir-rigward, nosserva li r-Regolament tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jirreferi għall-“mandat Ewropew” (95), ħaġa li tista’ tagħti konfort lit-teżi fejn jingħad li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-qasam imsemmi.

107. Fi ftit kliem, fid-dawl tan-natura tal-immunità tal-membri tal-Parlament, mifhuma bħala immunità tal-Unjoni li hija indispensabbli għat-twettiq ta’ dmirijietha, l-atti li jkunu ta’ dibattitu politiku inġenerali jew meta l-membru parlamentari jesprimi ruħu bħala garanti tal-interessi tal-kostitwenti f’livell nazzjonali jew reġjonali ma jistgħux, minħabba l-kriterju organiku, jitqiesu bħala li huma koperti bl-immunità sostantiva fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

108. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika interpretazzjoni bbilanċjata tal-immunità sostantiva, ibbażata fuq kriterju ta’ rabta organika u li għandha tkun ibbilanċjata mal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn iċ-ċittadini u mad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja.

109. Fil-kawża prinċipali, il-ġustifikazzjoni għall-insindakabbiltà ta’ A. Patriciello ma tidhirlix li tista’ tisboq lil dawn il-prinċipji. Kif jirriżulta mir-rapport ġenerali tal-Parlament, il-malafamazzjonijiet li jikkonċernaw l-individwi iktar milli lill-istituzzjonijiet tqiesu normalment bħala li jaqgħu barra mill-kamp tal-attività politika ta’ membru parlamentari. Dan japplika, pereżempju, għall-attakki kontra l-uffiċjali tal-pulizija b’mod individwali u mhux għall-kritika kontra l-pulizija bħala istituzzjoni (96). Għaldaqstant, id-deċiżjoni għad-difiża tal-immunità ta’ A. Patriciello tidher li tiddevja minn dan il-ħsieb.

110. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-att wettaq A. Patriciello jaqa’ barra mill-attivitajiet ta’ membru tal-Parlament fis-sens organiku li għadni kif ipproponejt. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, A. Patriciello aġixxa barra mill-konfini tal-Parlament. Sussegwentement, fid-dawl tal-għan tal-azzjoni tiegħu, jidher li aġixxa bħala politiku nazzjonali, jew inkella bħala ċittadin irritat. Iktar minn hekk, salv għall-verifika tal-fatti li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju kif ukoll għall-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali Taljan, l-imġiba ta’ A. Patriciello ma tistax titqies li għandha rabta rilevanti mal-qadi ta’ dmirijietu fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Parlament.

VII – Konklużjoni

111. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda tat-Tribunale d’Isernia kif ġej:

“L-imġiba ta’ membru tal-Parlament Ewropew, bħal dik fil-kawża prinċipali, peress li hija nieqsa minn rabta mal-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, Ġabra p. I‑7929).


3 – ĠU 2010, C 83, p. 266 li qabel kien il-Protokoll Nru 36 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (1965) [ĠU 2006, C 321E, p. 318, (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”)]. Peress li t-talba tressqet fit-2 ta’ April 2010 u l-għan tad-domanda preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Protokoll, f’dawn il-konklużjonijiet ser jintużaw in-numri tat-trattat FUE.


4 – Ara l-istudju komparattiv tal-Parlament Ewropew Nru PE 168.399 “L-immunità parlamentari fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fil-Parlament Ewropew” serje Affarijiet legali, dokument tax-xogħol, disponibbli fl-indirizz segwenti: http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studies/download.do?language=en&file=4125#search=%20Parliamentary%20Immunity%20in%20the%20Member%20States%20of%20the%20European%20Union%20and%20the%20European%20Parliament.


5 – Il-kostituzzjonijiet u d-duttrina applikabbli fid-diversi Stati Membri jirreferu għal terminoloġija differenti biex jindikaw iż-żewġ aspetti tal-immunità. Għaldaqstant, l-ewwel aspett huwa indikat bit-termini “Verantwortungsfreiheit” fil-Ġermanja, “inviolabilidad” fi Spanja, “irresponsabilité” fi Franza, “insidicabilità” fl-Italja, “berufliche Immunität” fl-Awstrija u “non‑liability, non‑accountability, privilege of freedom of speech” fir-Renju Unit.


6 – It-tieni aspett huwa indikat bit-termini “inviolabilité” fil-Belġju u fi Franza, “Immunität” jew “Unverletzlichkeit” jew “Unverfolgbarkeit” fil-Ġermanja, “inmunidad” fi Spanja, “inviolabilità” u “improcedibilità” fl-Italja, “außerberufliche Immunität” fl-Awstrija, “inviolabilidade” fil-Portugall u “freedom from arrest” fir-Renju Unit.


7 – Din il-libertà hija kkontemplata fl-Artikolu 7 tal-Protokoll, li ma hijiex rilevanti għal din il-kawża.


8 – ĠU 2010, C 83, p. 389, iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”.


9 – Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, adottati bis-saħħa tal-Artikolu 199 KE, li sar Artikolu 232 TFUE (ĠU 2005, L 44) kif emendati. L-aħħar verżjoni hija disponibbli fuq is-sit Internet tal-Parlament Ewropew.


10 –      Rapport A6‑0286/2009 dwar it-talba għad-difiża tal-immunità u tal-privileġġi ta’ Aldo Patriciello [2009/2021(IMM)], disponibbli fis-sit Internet tal-Parlament: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=‑//EP//TEXT+REPORT+A6‑2009‑0286+0+DOC+XML+V0//FR.


11 –      Il-kliem tad-domanda preliminari jirrigwarda l-ex Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu, fil-verżjoni li tapplika għall-fatti tal-kawża prinċipali, l-imsemmi Artikolu 9 sar l-Artikolu 8 tal-Protokoll.


12 – B’kuntrast mal-kawża li tat lok għas-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 22 u 23), ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rinviju preliminari.


13 – Ara l-Artikolu 10(1) u (2), TUE.


14 – Infakkar is-sentenzi klassiċi li jirrigwardaw il-leġittimazzjoni passiva tal-Parlament (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament 294/83, Ġabra p. 1339) kif ukoll dwar il-leġittimazzjoni attiva tal-Parlament [sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, Ġabra p. I‑2041)], segwita b’sentenza fuq il-mertu (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑70/88, Ġabra p. I‑4529). Jidhirli li tali interpretazzjoni wiesgħa hija ġġustifikata a fortiori meta l-każ ikun dwar l-interessi istituzzjonali tal-Parlament.


15 – Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marra, iċċitata iktar ’il fuq.


16 –      Sentenza Marra ċċitata iktar ’il fuq (punti 32 sa 34).


17 –      Ibid., (punt 39).


18 – Artikolu 4 tal-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea permezz tal-vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom, tal-20 ta’ Settembru 1976, deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill dwar l-Att li jirrigwarda l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea permezz tal-vot dirett universali (ĠU 1976 L 278). Ara wkoll, l-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.


19 – Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


20 – Kliem l-Imħallef Cardozo, deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, Palko vs Connecticut, [302 US 319 (1937)], f’M. Hallé., Discours politique et Cour européenne des droits de l’homme, Brussell, 2009, p. 7.


21 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Handyside vs Ir-Renju Unit tas-7 ta’ Diċembru 1976, serje A Nru 24. Ara F. Moyse, “La liberté d’expression et l’ordre public en droit européen”, Annales du droit luxembourgeois, Vol. 15, 2005, p. 57 sa 71. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-portata u l-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-prinċipji, peress li d-drittijiet previsti mill-Karta jikkorrispondu wkoll mad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħhom, inklużi l-limitazzjonijiet aċċettati, huma l-istess bħal dawk li huma previsti fil-KEDB. Għaldaqstant, dik il-ġurisprudenza għandha tkun ta’ ispirazzjoni għal dan il-każ.


22 –      C. Charrière‑Bournazel, “La liberté d’expression et ses limites”, Annuaire international des droits de l’homme, Vol II 2007, p. 236.


23 – L-istess bħall-Istati Membri, l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipju demokratiku, kemm skont id-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali, kif ukoll skont id-dritt tal-Unjoni. Permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan il-prinċipju huwa stabbilit fit-Titolu II TUE, li huwa ddedikat għal kollox għalih. Minn dan jirriżulta għaldaqstant li kull qadi ta’ kompetenzi mill-Unjoni jista’ jkun marbut mar-rieda tal-poplu; Ara M. Gennart, “Les parlements nationaux dans le traité de Lisbonne: évolution ou révolution”, Cahiers de droit européen, 2010, nri 1 u 2, p. 17 sa 46.


24 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Lingens vs L-Awstrija, tat-8 ta’ Lulju 1986, serje A Nru 103, § 42; Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Oberschlick vs L-Awstrija, tat-23 ta’ Mejju 1991, Nru 11662/85, § 59.


25 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Castells vs Spanja, tat-23 ta’ April 1992, serje A Nru 11798/85, § 46.


26 – Ara l-punt 36 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marra, iċċitata iktar ’il fuq.


27 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Etxeberria et vs Spanja, tat-30 ta’ Ġunju 2009, Rikors Nru 35579/03; Féret vs Il-Belġju, tas-16 ta’ Lulju 2009, Rikors Nru 15615/07; u Willem vs Franza, tas-16 ta’ Lulju 2009, Rikors Nru 10883/05.


28 – Din l-interpretazzjoni ġiet adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Thorgeir Thorgeirson vs L-Islanda, tal-25 ta’ Ġunju 1992, serje A Nru 239, § 64.


29 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Eerikäinen et vs Il-Finlandja, tal-10 ta’ Frar 2009, Rikors Nru 3514/02, § 66 sa 68.


30 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Flux vs Il-Moldova, tal-24 ta’ Novembru 2009, Rikors Nru 25367/05, § 39.


31 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Porubova vs Ir-Russja, tat-8 ta’ Ottubru 2009, Rikors Nru 8237/03, § 43.


32 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Bacanu u R vs Ir-Rumanija, tat-3 ta’ Marzu 2009, Rikors Nru 4411/04, § 91.


33 – Meta ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni dan l-aspett mill-qorti nazzjonali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lil Stat għall-ksur tal-Artikolu 10 tal-KEDB; Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Eerikäinen et vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, rikors Nru 3514/02 u Karsai vs L-Ungerija, tal-1 ta’ Diċembru 2009, Nru 5380/07, § 29.


34 –      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Janowski vs Il-Polonja, tal-21 ta’ Jannar 1999, 25716/94, punt 33. Ara wkoll, is-sentenza Thoma vs Il-Lussemburgu, tad-29 ta’ Marzu 2001, Nru 38432/97, § 47 u s-sentenza Mamère vs Franza, tas-7 ta’ Novembru 2006, Nru 12697/03, § 27.


35 – Ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Janowski vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq; Busuioc vs Il-Moldova tal-21 ta’ Diċembru 2004, Rikors Nru 61513/00, § 64; Mamère vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, § 27; u Taffin vs Franza tat-18 ta’ Frar 2010, Rikors Nru 42396/04, § 64.


36 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Haguenauer vs Franza tat-22 ta’ April 2010, Rikors Nru 34050/05, § 47 u 48.


37 – T. Harms, Die Rechtsstellung des Abgeordneten in der Beratenden Versamlung des Europarates und in Europaïschen Parlament, Hansischer Gildenverlag, 1968, p. 88. Ara wkoll Riżoluzzjoni 1325 (2003) dwar l-immunitajiet tal-membri tal-Assemblea Parlamentari, disponibbli fis-sit tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa fl-indirizz segwenti: http://assembly.coe.int/Mainf.asp?link=/Documents/AdoptedText/ta03/FRES1325.htm. Ara wkoll, id-dispożizzjonijiet identiċi tal-Ftehim dwar l-Istatut tal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent, rappreżentanti internazzjonali u personali, tal-11 ta’ Mejju 1995.


38 –      Fil-fatt, il-Protokoll ġie adottat fl-1965, fiż-żmien fejn il-Parlament kien magħmul minn delegati eletti mill-parlamenti nazzjonali, skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom. Il-Protokoll kellu jkopri l-parti “Ewropea” biss tal-attività parlamentari. Ara M. Benlolo Carabot, “Les immunités des Communautés européennes”, Annuaire français de droit international, 2008/2009, p. 549 sa 588.


39 –      Dwar it-tentattivi tal-Parlament Ewropew biex jipprova jippreċiża t-termini tal-Protokoll, ara r-rapport tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew: Parliamentary immunity in the European Parliament, Nru PE 360.487/REV2, Ottubru 2005, disponibbli fis-sit: http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studies/download.do?file=17288. Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar l-emenda għall-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, P6_TA(2006) 0314, disponibbli fis-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=‑//EP//NONSGML+TA+P6‑TA‑2006‑0314+0+DOC+PDF+V0//FR.


40 – Ara Privileges and immunities of Members of the European Parliament, Eighth Report of House of Commons tat-18 ta’ Marzu 1986, il-pożizzjoni meħuda minn G. Donnez,, Select Committee on the European Communities, Londra 1986, punt 17.


41 –      Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa fil-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, Ġabra p. 2391, punt 12). Abbażi ta’ din il-premessa, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament (T-345/05, Ġabra p. II-2489), li wasslet għall-ħolqien ta’ dritt suġġettiv favur il-benefiċjarji tal-immunitajiet, jidhirli li huwa dubjuż fid-dawl tas-sistema immunitarja bbażata fuq il-ħarsien tad-dmirijiet; ara l-punti 29 sa 34 tal-imsemmija sentenza).


42 – Il-membri tal-Assemblea jgawdu mill-privileġġi u mill-immunitajiet previsti fil-Ftehim Ġenerali fuq il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa (tat-2 ta’ Settembru 1949) u l-Protokoll addizjonali tiegħu (tas-6 ta’ Novembru 1952). Ara l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, u l-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi ftehim, kif ukoll l-Artikoli 3 u 5 tal-Protokoll addizzjonali, volum “Statut tal-Kunsill tal-Ewropa”.


43 – Artikolu 65 tal-Kapitolu XVII tar-Regolament tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Immunitajiet u tal-Affarijiet Istituzzjonali tal-imsemmija Assemblea jsegwi l-iżvilupp f’livelli Ewropej u internazzjonali tal-istrumenti legali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-membri parlamentari; ara r-regolament tal-Assemblea, testi pararegolatorji, Kapitolu IX. Kumitat għar-Regoli ta’ Proċedura, għall-Immunitajiet u għall-Affarijiet Istituzzjonali, (punt 5).


44 – Artikolu 5 tal-Protokoll addizzjonali tal-Ftehim Ġenerali fuq il-Privileġġi u Immunitajiet, iċċitat iktar ’il fuq. Jirriżulta barra minn hekk li l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa għandhom mhux biss id-dritt imma d-dmir li jneħħu l-immunità tar-rappreżentant tagħhom. Ara wkoll, ir-Riżoluzzjoni 1490 (2006) fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15a tal-Ftehim Ġenerali, disponibbli fis-sit Internet: http://assembly.coe.int/Main.asp?link=/Documents/AdoptedText/ta06/ERES1490.htm.


45 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li tat lok għas-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12). Nirrileva, madankollu, li fis-seduta quddiem il-Kumitat tal-Liġijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Finlandiż fl-1933, kostituzzjonalisti importanti ta’ dawk iż-żminijiet ipproponew li l-immunità sostanzjali tal-membri parlamentari hija intiża li tagħtihom il-possibbiltà li jikkritikaw b’mod liberu lill-gvern, lill-awtoritajiet u lill-persuni l-oħra jew l-affarijiet jew fenomeni kontemporanji, mingħajr biża’ ta’ proċeduri legali jew mingħajr il-bżonn li jistudjaw bir-reqqa id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi kriminali qabel ma jesprimu ruħhom. Ara E. Hakkila, Suomen tasavallan perustuslait [Il-Liġijiet Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Finlandja], Porvoo 1939, p. 416.


46 – Qabbel man-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


47 – Sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


48 – Fin-nuqqas ta’ riferiment għad-drittijiet nazzjonali li jagħmel l-Artikolu 8 tal-Protokoll, l-immunità sostanzjali li tinsab prevista hemmhekk għandha titqies li hija bbażata esklużivament skont id-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza Marra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


49 – F’dan ir-rigward, il-prattika tal-Parlament jidhirli li hija inkoerenti u li tista’ twassal għall-kontroversja. Fil-fatt, min-naħa waħda, il-Parlament ikkunsidra li l-immunità mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 (ex Artikolu 10) tal-Protokoll tapplika mhux biss għall-atti mwettqa fil-perijodu tal-mandat imma wkoll retroattivament għall-atti mwettqa mill-ex membri tal-Parlament. Skont il-Parlament, huma biss l-atti mwettqa wara l-iskadenza tal-mandat li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità mill-proċeduri, u għaldaqstant il-ħtieġa li titneħħa l-immunità li tikkonċerna lill-ex membri (ara r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, Nru PE 360.487/REV2, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, p. 7.). Jien għandi dubji serji f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mal-għan tal-immunità mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 tal-Protokoll kif ukoll mal-prinċipji tal-ugwaljanza quddiem il-liġi u dawk li jirrigwardaw l-aċċess għall-ġustizzja stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Min-naħa l-oħra, il-Parlament ikkonstata li huwa dubjuż ferm li l-Artikolu 9 tal-Protokoll ikun jista’ japplika għall-ex membri tal-Parlament. Fil-fatt, wara l-iskadenza tal-mandat, ikun hemm bżonn, skont il-Parlament, li l-ex membru jitħares kontra l-attakki li jirrigwardaw l-opinjonijiet jew voti mogħtija fil-qadi ta’ dmirijietu. Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikoli 7 (ex Artikolu 8) u 9 tal-Protokoll tidher li hija limitata għall-membri preżenti tal-Parlament fis-sessjonijiet tal-Parlament. Ara, ir-rapport dwar it-talba għad-difiża tal-immunità u tal-privileġġi ta’ Koldo Gorostiaga [2004/2102(IMM)] tal-25 ta’ Jannar 2005, kif ukoll ir-rapport dwar it-talba għad-difiża tal-immunità u tal-privileġġi ta’ Andrzej Pęczak, ex membru tal-Parlament Ewropew, [2005/212/ (IMM)] tat-22 ta’ Novembru 2005.


50 – Fuq din il-prattika, ara r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew Nru  PE 360.487/REV2, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


51 – Ara l-pubblikazzjoni tal-Unjoni Interparlamentari (UIP), bit-titolu “La liberté d’expression, le Parlement et la promotion de la tolérance”, Genève 2005, disponibbli fis-sit: www.ipu.org/pdf/publications/freedom_fr.pdf (p. 57 et seq.).


52 – Artikolu 21 tar-Regolament tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


53 – Ara r-Riżoluzzjoni 1325, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5. Nirrileva li, fid-dritt Ġermaniż, skont l-Artikolu 46(1) tal-Liġi Fundamentali, l-inġurji malafamanti huma esklużi mill-kamp tal-immunità sostanzjali tal-membri parlamentari.


54 – Dokument 12059, intitolat “Assigurazzjoni tal-protezzjoni kontra attakki fuq l-unur u r-reputazzjoni tal-persuni”, disponibbli fis-sit: http://assembly.coe.int/Documents/WorkingDocs/Doc09/FDOC12059.pdf .


55 –      M.-C. Jeuniaux, Le statut personnel des membres du Parlement européen, Thèse doctorale, université de Toulouse, 1987, p. 179.


56 – Ara l-istudju komparattiv tal-Parlament Nru PE 168.399 imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


57 – L-immunità sostantiva hija s-suġġett tal-Artikolu 14 tal-Ftehim Ġenerali fuq il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa.


58 – Ara r-rapport tal-Kumitat tar-Regoli ta’ Proċedura u tal-immunitajiet tal-25 ta’ Marzu 2003, bit-titolu “Immunità tal-membri tal-Assemblea parlamentari”, Dok. 9718 rivedut, disponibbli fis-sit Internet: http://assembly.coe.int//Mainf.asp?link=http://assembly.coe.int/Documents/WorkingDocs/doc03/FDOC9718.htm.


59 – Ara r-Riżoluzzjoni 1325 (2003) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea, kif ukoll ir-Rapport tal-Kumitat tar-Regoli ta’ Proċedura u tal-Immunitajiet tal-25 ta’ Marzu 2003, bit-titolu “Immunità tal-membri tal-Assemblea parlamentari”, Dok. 9718 rivedut disponibbli fis-sit Internet: http://assembly.coe.int//Mainf.asp?link=http://assembly.coe.int/Documents/WorkingDocs/doc03/FDOC9718.htm.


60 – Ara l-Protokoll li jirrigwarda r-reviżjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ April 1965 f’dak li jikkonċerna l-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 1987, C 99, p. 43): “Il-membri tal-Parlament ma jistgħux ikunu suġġetti għal investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri ċivili, kriminali jew amministrattivi, minħabba voti jew opinjonijiet mogħtija f’dibattiti fil-Parlament, fi ħdan korpi maħluqa minnu jew li jaħdmu miegħu, jew li fihom huma jipparteċipaw bħala membri tal-Parlament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].


61 – Ara l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fuq in-natura proporzjonata ta’ din ir-restrizzjoni, ara l-punt 31 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Marra ċċitata iktar ’il fuq.


62 –      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Patrono, Cascini u Stefanelli vs L-Italja, tal-20 ta’ April 2006, Rikors Nru 10180/04, § 63 u 64 u C.G.I.L. u Cofferati vs L-Italja tal-24 ta’ Frar 2009, Rikors Nru 46967/07, § 74 u 75.


63 – Ara l-punt 35 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża Marra, iċċitata iktar ’il fuq.


64 – Dokument 9718 rivedut, iċċitat iktar ’il fuq, li fih hemm speċifikat: “Wara ċ-ċaqliq tal-1989 sal-1991, l-Assemblea u l-membri tagħha jaħdmu l-iktar fil-kamp: sorveljanza tal-elezzjonijiet, aċċessi fuq il-post f’każ ta’ kriżijiet u fil-kuntest tad-diplomazija parlamentari, negozjati tal-membri mal-persuni reponsabbli nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ adeżjoni tal-Istati kandidati fil-Kunsill tal-Ewropa u tal-proċedura ta’ sorveljanza”. [traduzzjoni libera].


65 –      Bħala eżempju, il-fastidju verbali tal-wejters fil-kafetterija tal-Parlament ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.


66 – Fid-dritt tal-Belġju, skont l-Artikolu 58 tal-Kostituzzjoni, l-insindakabbiltà tkopri l-opinjonijiet jew il-voti ta’ membru parlamentari, sakemm dan ikun qiegħed jaġixxi fil-kuntest tal-“qadi tal-mandat parlamentari tiegħu”. Fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 46(1) tal-Liġi Fundamentali jagħmel riferiment għal “dikjarazzjoni jew vot fil-Bundestag”. Fid-dritt Spanjol, l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola, fid-dritt Franċiż, l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, u fid-dritt Lussemburgiż, l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Lussemburgiża, jużaw l-espressjoni “fil-qadi ta’ dmirijiethom”. Fid-dritt Finlandiż, l-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni Finlandiża jorbot il-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità parlamentari mal-opinjonijiet u l-aġir li l-membru jkun adottata fil-Parlament.


67 –      Jiġifieri l-parteċipazzjoni fis-sessjonijiet, fix-xogħol parlamentari, fil-kumitati, fil-laqgħat, fil-konferenzi stampa, fil-merħbiet tad-delegazzjonijiet.


68 – Bħala eżempju, fl-Isvezja, il-proposta biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni Svediża biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità parlamentari għad-dibattiti politiċi extra muros nċaħdet, minħabba l-inugwaljanza li din iġġib magħha bejn id-diversi parteċipanti ta’ dawn id-dibattiti. Ara r-rapport tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali, bit-titolu “En reformerad Grundlag–Betänkande av Grundlags Untredningen”, SOU 2008:125, p. 609 u 610.


69 – Fil-prattika tal-Parlament, l-immunità ma titneħħiex jekk l-akkużi fis-sens kriminali jkunu jirrigwardaw l-“attivitajiet politiċi” ta’ membru tal-Parlament. Dan l-aħħar kunċett ġie interpretat mill-Parlament fuq bażi, li ġiet ikklassifikata minnu fir-rapport tiegħu bħala “estremament wiesa’ u flessibbli”. Ara r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, Nru PE 360.487/REV2, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, p. 23 u 24.


70 – Punti 37 sa 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża Marra, iċċitata iktar ’il fuq.


71 – Ma nixtieqx niċħad l-importanza li, kif intwera mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jista’ jkollu l-interess ġenerali fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kumment huwiex kopert bil-libertà ta’ espressjoni jew jekk jistax ikun sanzjonat. Fil-każ tal-membri parlamentari, tali evalwazzjoni ma hijiex għaldaqstant possibbli ħlief wara li jiġi kkonstatat li l-kumment inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità sostanzjali mogħtija lill-membru.


72 – Skont id-definizzjoni ġenerika, il-ġudizzji ta’ valur għandhom l-iskop li jipprovdu evalwazzjoni, kemm jekk pożittiva, kif ukoll jekk negattiva tal-għan tagħhom. Ara V. Villa, “Legal theory and value judgements”, f’Constructing Legal Systems, European Union in Legal Theory, ed. MacCormick, p. 119. Għall-finijiet tal-analiżi tal-immunità parlamentari, il-ġudizzji li jesprimu evalwazzjonijiet deontoloġiċi, li jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni jew il-valur morali tal-atti, għandhom jiġu inklużi fil-kategorija tal-ġudizzji ta’ valur.


73 – Il-filosfu Skoċċiż afferma din it-teżi fit-Treatise of Human Nature tiegħu, li ġie ppubblikat fl-1739. Din l-idea ġiet iġġeneralizzata bħala li tapplika għall-ġudizzji ta’ valur mill-filosfu Ngliż G.E. Moore (1873‑1958).


74 – Fuq dan id-dibattitu ara pereżempju, R. Shafer‑Laundau, Moral Realism. A Defence, Oxford University Press, 2005, p. 18 sa 52.


75 –      Pereżempju, konstatazzjoni li tirreferi għal fatt oġġettiv li opponent politiku huwa ta’ ċerta oriġini etnika tista’ tikxef ġudizzju ta’ valur negattiv min-naħa ta’ min jesprimiha. L-affermazzjonijiet ta’ ċaħda li jikkonċernaw l-olokawst huma eżempju ċar tal-fatt li huwa possibbli li jiġu espressi ġudizzji ta’ valur xokkanti permezz ta’ affermazzjonijiet li jidhru purament fattwali.


76 – Ara s-sentenza klassika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq is-suġġett: is-sentenza Bladet Tromso A/S u Stensaas vs In-Norveġja, tat-20 ta’ Mejju 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999-III.,§ 65.


77 – T. Hochmann, “La protection de la réputation. Cour européenne des droits de l’homme. Pfeifer c. Autriche, 15 novembre 2007”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, 2008/76, p. 1185. Dan iwassal għat-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ġudizzju ta’ valur” u għal restrizzjoni tal-kunċett ta’ “dikjarazzjoni ta’ fatt”.


78 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Scharsach u News Verlagsgesellschaft vs L-Awstrija, tat-13 ta’ Novembru 2003, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2003-XL, § 40.


79 –      Ibid.


80 – Fil-filosofija, it-teorija tal-atti lingwistiċi tenfasizza li l-affermazzjonijiet jikkostitwixxu mhux biss huma mezzi biex jittrasmettu l-informazzjoni imma wkoll atti. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn il-kontenut propożizzjonali ta’ affermazzjoni u l-forza illokuzzjonarja tagħha. L-atti lingwistiċi jistrutturaw l-azzjoni reċiproka soċjali bil-forza illokuzzjonarja tagħhom li toħloq rabta bejn l-interlokuturi. Ara J.-J. Moreso, Legal Indeterminacy and Constitutional Interpretation, Dordrecht, 1998, p. 12 u 13 kif ukoll D.W. Ruiter, Institutional Legal Facts, Dordrecht 1993, p. 37 sa 51. Konstatazzjoni ta’ fatt tista’ għaldaqstant, ikollha forza illokuzzjonarja li tikklassifikaha bħala att malafamanti.


81 – Pereżempju, f’dawn iż-żewġ każijiet (kawżi A3‑0088/89 u A3‑0040/90), dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Le Pen, l-ewwel dikjarazzjoni tiegħu tista’ tiġi kklassifikata bħala ġudizzju ta’ valur u t-tieni waħda bħala affermazzjoni fattwali b’kontenut ta’ ċaħda. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-kumitat parlamentari kompetenti kien ippropona li l-immunità ma għandhiex titneħħa iżda s-sessjoni plenarja tal-Parlament ma segwitx din il-proposta. Ara l-anness tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali Nru PE 360.487/REV2, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


82 – Li huwa marbut mal-pożizzjoni istituzzjonali ta’ membru tal-Parlament fl-organizzazzjoni kostituzzjonali tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-kelma “organiku” ma tintużax fis-sens ta’ “inerenti” jew “proprja”.


83 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Jerusalem vs L-Awstrija, tas-27 ta’ Frar 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-II, § 36 u 40.


84 – Mutatis mutandis, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Padovani vs L-Italja, tas-26 ta’ Frar 1993, serje A Nru 257-B, § 24.


85 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza A vs Ir-Renju Unit, tas-17 ta’ Diċembru 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002-X, § 84 sa 85.


86 –      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza A. vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 77 sa 78. Madankollu, meta tkun qegħda tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ immunità, in-natura assoluta tagħha ma tistax tkun deċiżiva, ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Fayed vs Ir-Renju Unit, tal-21 ta’ Settembru 1994, serje A Nru 294-B.


87 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2003, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2003-I.


88 – Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ittri b’kontenut ironiku jew umoristiku akkumpanjati b’ġugarelli ndirizzati minn Cossiga personalment lil maġistrat ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, jitqabblu ma’ att li jidħol fid-dmirijiet parlamentari. Ara § 62 tas-sentenza Cordova vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.


89 – Sentenza Cordova vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, § 61u 62.


90 – Ibid., § 63.


91 – L-applikazzjoni ta’ din ir-rabta organika fil-forma ftit iktar issimplifikata diġà ġiet ippreżentata mid-dottrina; T. Harms, op. cit., p. 91.


92 – Skont l-Assemblea parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa “huwa ċar li l-kliem: ‘fil-qadi tad-dmirijiethom’ ikopru s-sessjonijiet plenarji, il-laqgħat tal-Kumitati tal-Assemblea, tas-sottokumitati u tal-korpi sussidjarji l-oħra tal-Assemblea”. L-immunità sostanzjali għandha testendi wkoll għall-attivitajiet uffiċjali mwettqa mill-membri tal-imsemmija Assemblea fil-kuntest ta’ laqgħat u ta’ konferenzi ta’ korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa. Ara d-dokument 9718 rivedut, iċċitat iktar ’il fuq.


93 – Sentenza Cordova vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, § 63.


94 – Ara l-pubblikazzjoni tal-Unjoni Interparlamentari (UIP) bit-titolu “La liberté d’expression, le Parlement et la promotion de la tolérance”, imsemmija iktar ’il fuq, p. 64 sa 65.


95 – Artikolu 65.1 tal-Kapitolu XVII tar-Regolament tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


96 – Ara r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Nru PE 360.487/REV2, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, p. 24. Fil-fatt, il-Parlament neħħa l-immunità fil-każijiet li jikkonċernaw l-attakki kontra l-uffiċjali tal-pulizija, ara l-kawżi A2‑0130/88, A2‑0105/85 u A6‑0156/2006. Ara l-anness tal-imsemmi rapport tal-Parlament Nru PE 360.487/REV2, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.