Language of document : ECLI:EU:F:2013:10

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2013

Kawża F‑87/11

Kari Wahlström

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Proċedura — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Kompetenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu K. Wahlström jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), tal-10 ta’ Diċembru 2010, innotifikata fis-16 ta’ Diċembru 2010, li ma jġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni hija annullata. Frontex għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Notifika — Kunċett — Deċiżjoni mibgħuta permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż ta’ riċezzjoni — Preżunzjoni ta’ notifika

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Direttiva interna ta’ Frontex f’dan il-qasam — Effetti legali

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 8)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Proċedura — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Irregolarità li tista’ twassal għall-annullament — Kundizzjonijiet

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 8)

1.       Meta deċiżjoni tiġi nnotifikata permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż ta’ riċezzjoni postali, id-destinatarju tagħha jitqies li jkun ħa konjizzjoni tagħha permezz tal-firma li huwa jagħmel fuq l-avviż ta’ riċezzjoni postali. Madankollu, jista’ jkun il-każ li l-avviż ta’ riċezzjoni postali ta’ ittra rreġistrata ma jkunx jista’ jiġi ffirmat mid-destinatarju tal-ittra, meta dan, assenti mir-residenza tiegħu fil-mument li tgħaddi l-persuna inkarigata mill-posta, ma jieħu ebda azzjoni u b’mod partikolari ma jirtirax l-ittra fit-terminu taż-żamma tagħha indikat.

F’tali każ, għandu jitqies li d-deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata lid-destinatarju tagħha fid-data tal-iskadenza tat-terminu taż-żamma tal-ittra mis-servizzi postali. Fil-fatt, li kieku kellu jiġi aċċettat li billi ma jieħu ebda azzjoni u b’mod partikolari billi ma jirtirax l-ittra rreġistrata fl-imsemmi terminu d-destinatarju jista’ jostakola n-notifika regolari ta’ deċiżjoni permezz ta’ ittra rreġistrata, fl-ewwel lok, il-garanziji mogħtija minn dan il-mod ta’ notifika jiġu sostanzjalment mdgħajfa, meta dan jikkostitwixxi mod partikolarment ċert u oġġettiv ta’ notifika ta’ atti amministrattivi. L-amministrazzjoni jkollha tuża modi oħra ta’ notifika, b’inqas sigurtà, bħan-notifika permezz ta’ ittra sempliċi, jew b’iktar spejjeż, jew sproporzjonati, bħan-notifika b’marixxal. Fit-tieni lok, id-destinatarju jkollu ċerta libertà fl-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors, meta tali terminu ma jistax ikun għad-dispożizzjoni tal-partijiet u għandu jirrispondi għar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Madankollu, il-preżunzjoni li d-destinatarju rċieva notifika tad-deċiżjoni fl-iskadenza tat-terminu normali taż-żamma tal-ittra rreġistrata mis-servizzi postali ma hijiex ta’ natura assoluta. Fil-fatt, l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-prova, mill-amministrazzjoni, tar-regolarità tan-notifika b’ittra rreġistrata, b’mod partikolari bil-preżentazzjoni ta’ avviż ta’ viżita fl-aħħar indirizz indikat mid-destinatarju. Barra minn hekk, din il-preżunzjoni ma hijiex inkonfutabbli, billi d-destinatarju jista’ b’mod partikolari jfittex li jistabbilixxi li huwa ma setax, partikolarment minħabba raġunijiet ta’ mard jew minħabba każ ta’ forza maġġuri indipendenti mill-volontà tiegħu, jieħu b’mod utli konjizzjoni tal-avviż ta’ viżita.

(ara l-punti 38 sa 40)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament, F‑25/10, punti 41, 43 u 44

2.      Deċiżjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Unjoni kkomunikata lill-persunal kollu u intiża sabiex tiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal ikkonċernati trattament identiku, f’qasam li fih din l-istituzzjoni jew dan l-organu għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi direttiva interna u għandha, bħala tali, titqies li hija regola ta’ mġiba indikattiva li l-amministrazzjoni timponi fuqha nfisha u li hija ma tistax tinjora mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li jkunu wassluha għal dan, u dan taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Linji gwida, li jipprovdu numru partikolari ta’ regoli fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), jikkostitwixxu tali direttiva interna.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il-Parlament, T-92/96, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F-99/07 u F-45/08, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Meta, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, il-vizzju fil-kompetenza kkonstatat ma jikkonċernax l-awtur stess tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-direttur eżekuttiv, iżda l-persuni li kellhom jiġi kkonsultati, jiġifieri l-evalwatur u l-validatur, matul il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju skont il-linji gwida tal-Aġenzija, tali irregolarità proċedurali tista’ tiġi ssanzjonata bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss kemm-il darba jiġi stabbilit li din l-irregolarità proċedurali setgħet tinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjoni.

Issa, dan huwa l-każ, meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż li l-evalwatur u l-validatur, validament identifikati u mitluba jippronunzjaw ruħhom fir-rigward tal-prestazzjonijiet professjonali tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat, setgħu sostnew propożizzjonijiet differenti jew diversament motivati fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et al vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, punt 47

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il-Kummissjoni, T-212/97, punt 53