Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Settembru 2010 - Flaherty vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-462/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Thomas Flaherty (Kilronan, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. Collins SC, N. Travers, Barrister u D. Barry, Solicitor)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata taħt id-Dokument C(2010) 4764, tat-13 ta' Lulju 2010, bħala ittra lill-Irlanda, li tiċħad l-applikazzjoni ta' kapaċità ta' sigurtà għal bastiment tat-tkarkir pelaġiku ġdid propost sabiex jissostitwixxi l-MFV Westward Isle, u meħuda sabiex tissostitwixxi d-deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/245, tal-4 ta' April 2003, dwar it-talbiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid f'għanijiet MAGP IV biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tijtib fis-sigurtà, fin-navigazzjoni fuq il-baħar, fl-iġjene, fil-kwalità tal-prodott u fil-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti b'tul totali ta' iktar minn 12-il metru (ĠU 2003 L 90, p. 48), li kienet ġiet annullata, sa fejn ir-rikorrent huwa kkonċernat, b'sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta' April 2008 fil-Każijiet magħquda C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P Flaherty et vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. I-2649); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata taħt id-Dokument C(2010) 4764, tat-13 ta' Lulju 2010, bħala ittra lill-Irlanda, li tiċħad l-applikazzjoni ta' kapaċità ta' sigurtà għal bastiment tat-tkarkir pelaġiku ġdid propost sabiex jissostitwixxi l-MFV Westward Isle, u meħuda sabiex tissostitwixxi d-deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/245, tal-4 ta' April 2003, dwar it-talbiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid f'għanijiet MAGP IV biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tijtib fis-sigurtà, fin-navigazzjoni fuq il-baħar, fl-iġjene, fil-kwalità tal-prodott u fil-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti b'tul totali ta' iktar minn 12-il metru (ĠU 2003 L 90, p. 48), li kienet ġiet annullata, sa fejn ir-rikorrent huwa kkonċernat, bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta' April 2008, fil-Każijiet magħquda C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P Flaherty et vs Il-Kummissjoni [2008] ECR II-2649

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jippreżenta l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-konvenuta aġixxiet mingħajr bażi legali. L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE, tas-26 ta' Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u regoli dettaljati għar-ristrutturazzjoni tas-settur Komunitarju tas-sajd għall-perijodu mil-1 ta' Jannar 1997 sal-31 ta' Ottubru 2001 sabiex jinkiseb bilanċ fuq bażi sostenibbli bejn riżorsi u sfruttament (ĠU L 175, p. 27) ikompli jipprovdi l-bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, il-Kummissjoni allegatament ma kellhiex bażi legali sabiex tadotta d-deċiżjoni bħala deċiżjoni ad hoc.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE, kellha tiġi adottata skont il-proċedura tal-kumitat ta' amministrazzjoni u li, billi għażlet li tadotta d-deċiżjoni fuq bażi ad hoc, il-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali.

It-tielet nett, ir-rikorent isostni li, meta interpretat ħażin l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE, il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha, b'mod partikolari billi bbażat fuq kriterji rrilevanti u injorat id-definizzjoni ta' "sforz tas-sajd" li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE u fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd applikabbli fiż-żmien tal-applikazzjoni tar-rikorrent għal tunnellaġġ ta' sigurtà f'Diċembru 2001.

Minbarra dan, qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata fiha numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-rikorrent għal tunnellaġġ ta' sigurtà. B'mod partikolari, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrent minħabba l-volum ikbar taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment il-ġdid propost meta pparagunat mal-Westward Isle hija manifestament difettuża, kif hija l-ipotesi li l-"isforz tas-sajd" tal-basiment il-ġdid propost ser ikun ikbar minn dak tal-Westward Isle.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal trattament ugwali. Huwa jsostni li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni minħabba l-volum ikbar taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment il-ġdid propost tiegħu tikkostitwixxi differenza ovvja fl-ipproċessar li tikkostitwixxi diskriminazzjoni impermissibbli kontrih meta pparagunata mal-approċċ totalment differenti adottat rigward l-ipproċessar ta' xi wħud mill-applikazzjonijiet għal tunnellaġġ ta' sigurtà addizzjonali aċċettati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/245 kif ukoll rigward waħda mill-applikazzjonijiet inizjalment miċħuda f'dik id-deċiżjoni iżda sussegwentement aċċettata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata taħt id-Dokument C(2010) 4765 tat-13 ta' Lulju 2010.

____________