Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2014 – HTTS u Bateni vs Il-Kunsill

(Kawża T-45/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (Hamburg, il-Ġermanja); u Naser Bateni (Hamburg) (rappreżentanti: M. Schlingmann und F. Lautenschlager, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-ewwel rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn tikkonċernaha,

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jikkonċernaha,

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura, b’mod partikolari għal dawk sostnuti mill-ewwel rikorrenti.

It-tieni rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn tikkonċernaha,

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jikkonċernaha,

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura, b’mod partikolari għal dawk sostnuti mit-tieni rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità u l-inapplikabbiltà tal-verżjoni emendata tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 267/2012 1 skont l-Artikolu 277 TFUE

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, inter alia, li l-Kunsill biddel il-bażi legali għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ sanzjonijiet sabiex ikun jista’ jissanzjonahom. Għaldaqstant, billi emenda l-bażi legali, il-Kunsill abbuża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod manifest.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kunsill ma mmotivax b’mod suffiċjenti l-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ sanzjonijiet. Tali inklużjoni hija nieqsa minn kull ġustifikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ sanzjonijiet

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-motivazzjoni tal-Kunsill ma tiġġustifikax sostanzjalment l-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fil-listi ta’ sanzjonijiet.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà, tad-dritt tal-libertà ta’ intrapriża, tad-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-inklużjoni mill-ġdid tagħhom fil-listi ta’ sanzjonijiet tikser id-dritt tagħhom għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tat-tieni rikorrent. Huma jikkunsidraw li l-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ sanzjonijiet tikkostitwixxi ksur sproporzjonat, li b’mod manifest ma huwiex adatt sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-atti kkontestati, u li fi kwalunkwe każ imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).