Language of document : ECLI:EU:T:2015:650





Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2015 –
HTTS u Bateni vs Il-Kunsill

(Kawża T‑45/14)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Kriterju marbut mal-provvista ta’ servizzi essenzjali għall-IRISL jew għal entitajiet li huma proprjetà tagħha, li huma kkontrollati minnha jew li jaġixxu f’isimha – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt tal-proprjetà – Libertà ta’ impriża – Dritt għar-rispett lejn il-ħajja tal-familja – Proporzjonalità”

1.                     Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni li tiskrivi ċerta entità fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi kontra l-Iran – Effett retroattiv – Annullament li jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni jew ta’ regolament li jiskrivi persuna jew entità fl-istess lista abbażi tal-atti ċċitati iktar ʼil fuq annullati (Artikolu 264 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1154/2013) (ara l-punti 40-56)

2.                     Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Annullament parzjali f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi – Żamma tal-effetti tal-ewwel wieħed minn dawn l-atti sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni wieħed – Assenza – Aġir tal-Kunsill li ma jurix riskju serju ta’ preġudizzju serju u irriversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi ċċitati iktar ʼil fuq (Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1154/2013) (ara l-punti 58-67)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn din tiskrivi l-isem ta’ HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH u dak ta’ Naser Bateni fil-lista li tinsab fl-Anness II tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa annullat sa fejn dan iskriva l-isem ta’ HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping u dak ta’ Naser Bateni fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż propji tiegħu, dawk sostnuti minn HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping u Naser Bateni.