Language of document : ECLI:EU:T:2011:131

Kawża T‑117/08

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew (KESE)

“Sistema lingwistika — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti għar-reklutaġġ ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE — Pubblikazzjoni bi tliet lingwi uffiċjali — Informazzjoni dwar l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Pubblikazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Artikoli 12 KE u 290 KE — Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Regolament Nru 1”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Komunitajiet Ewropej — Sistema lingwistika — Regolament Nru 1

(Artikolu 290 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 6)

3.      Komunitajiet Ewropej — Sistema lingwistika — Regolament Nru 1

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikoli 1, 4 u 5)

4.      Komunitajiet Ewropej — Sistema lingwistika

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali b’ċerti lingwi uffiċjali biss

(Artikolu 12 KE)

1.      Il-Komunità Ewropea hija komunità ta’ dritt u t-trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ mezzi ta’ rikors u ta’ proċeduri bl-għan li tippermetti lill-Qorti li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Is-sistema tat-trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma maħsuba li joħolqu effett legali. Minn dan jirriżulta prinċipju ġenerali li kull att li joħroġ minn korp tal-Unjoni, bħalma huwa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bl-għan li joħloq effetti legali fir-rigward ta’ terzi, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

Huwa minnu li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ma jagħmilx parti mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 230 KE. Madankollu, korp bħalma huwa l-Kumitat għandu l-kompetenza li jadotta atti li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, bħalma huma avviżi ta’ pożizzjoni vakanti. Issa, tali atti jiddeterminaw, billi jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-impjieg, liema huma l-persuni li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tiġi aċċettata u għalhekk jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kandidati potenzjali li l-applikazzjoni tagħhom hija eskluża mill-imsemmija kundizzjonijiet. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li, f’komunità ta’ dritt, tali atti ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

Minn dan jirriżulta li l-atti adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, bħalma huma avviżi ta’ pożizzjoni vakanti, u intiżi sabiex joħolqu effetti legali fir-rigward tal-kandidati kollha li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx aċċettata minħabba l-kundizzjonijiet meħtieġa, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġi kkontestati.

(ara l-punti 30-33)

2.      Ir-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ġie adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 290 KE. L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament espressament jippermetti lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu l-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom, kompetenza li sabiex tiġi eżerċitata huma għandhom jingħataw ċerta awtonomija funzjonali, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jagħżlu l-lingwa tal-komunikazzjoni interna, b’kull istituzzjoni jkollha s-setgħa li timponiha fuq il-persunal tagħha u fuq dawk li jfittxu li jiksbu tali status.

(ara l-punti 41, 55)

3.      L-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ma humiex applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u membri tal-persunal tagħhom kif ukoll il-kandidati għal tali impjiegi, peress li huma jistabbilixxu biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri. L-istess jgħodd fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-korpi, bħalma huwa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-uffiċjali u membri oħra tal-persunal tal-Komunitajiet.

(ara l-punt 51)

4.      L-għadd kbir ta’ referenzi fit-Trattat fir-rigward tal-użu tal-lingwi fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li huma manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li jiżgura lil kull ċittadin id-dritt li, f’kull ċirkustanza, dak kollu li jista’ jeffettwa l-interessi tiegħu jiġi abbozzat bil-lingwa tiegħu. L-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ta’ dritt Komunitarju ma jimponi li avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għandhom jiġu ppubblikati b’mod sistematiku fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha.

(ara l-punti 70, 71)

5.      Jekk il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jiddeċiedi li jippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea t-test sħiħ ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni maniġerjali għolja b’ċerti lingwi biss, huwa għandu, sabiex jevita diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati potenzjalment interessati fl-imsemmi avviż, jadotta miżuri adegwati sabiex jinforma lil dawn il-kandidati kollha bl-eżistenza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat u bl-edizzjonijiet li bihom ġie ppubblikat it-test sħiħ tiegħu. Sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti f’numru limitat ta’ lingwi ma tistax twassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi kandidati jekk ikun stabbilit li dawn tal-aħħar għandhom konoxxenza suffiċjenti ta’ minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi li tippermettilhom jiksbu għarfien utli tal-kontenut tal-imsemmi avviż. Għall-kuntrarju, il-pubblikazzjoni f’ċerti lingwi uffiċjali biss fil-Ġurnal Uffiċjali tat-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, meta persuni li jkollhom biss għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra jkunu intitolati jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom, tista’ twassal, fin-nuqqas ta’ miżuri oħra intiżi li jippermettu lil din il-kategorija ta’ kandidati potenzjali li jkollhom għarfien utli tal-kontenut ta’ dan l-avviż, għal diskriminazzjoni kontra tagħhom. Fil-fatt, f’din l-eventwalità, il-kandidati inkwistjoni jsibu ruħhom f’pożizzjoni inqas vantaġġjuża meta mqabbla ma’ kandidati oħra peress li huma ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien utli tal-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet u tar-regoli tal-proċedura ta’ reklutaġġ. Issa, tali għarfien jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għall-preżentazzjoni ideali tal-applikazzjoni tagħhom, sabiex jilħqu l-massimu taċ-ċansijiet tagħhom sabiex jintgħażlu għall-impjieg inkwistjoni.

(ara l-punti 74, 75, 78, 79)