Language of document : ECLI:EU:T:2011:131

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

31 ta’ Marzu 2011 (*)

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti għar-reklutaġġ ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE – Pubblikazzjoni bi tliet lingwi uffiċjali – Informazzjoni dwar l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Pubblikazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Artikoli 12 KE u 290 KE – Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Regolament Nru 1”

Fil-Kawża T‑117/08,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), inizjalment irrappreżentat minn M. Bermejo Garde, sussegwentement minn M. Arsène, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament, minn naħa, tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ta’ impjieg Nru 73/07 li jirrigwarda impjieg ta’ Segretarju Ġenerali fis-segretarjat tal-KESE, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Diċembru 2007, fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża (ĠU C 316 A, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-rettifika tal-imsemmi avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Jannar 2008 fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża (ĠU C 25 A, p. 19),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, K. Jürimäe u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikoli 12 KE u 290 KE jipprovdu:

Artikolu 12

Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

[…]

Artikolu 290

In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu.”

2        L-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2002 f’Nice (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi:

“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”

3        L-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Vol. 01, p. 3) fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża, jipprovdu:

Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi użati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, [l-Irlandiż], l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

[…]

Artikolu 4

Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

4        L-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” jipprovdi:

“2. L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhux anqas minn xahar qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet u, fejn ikun il-każ, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data ta’ l-eżamijiet.

3. Il-kompetizzjonijiet kollha jkunu rreklamati ġewwa l-istituzzjonijiet tat-tlett Komunitajiet Ewropej, jitħarsu l-istess limiti ta’ żmien.”

5        L-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“L-ingaġġ tal-persunal temporanju għandu jkun dirett biex jiżgura għall-istituzzjoni s-servizzi ta’ persuni ta’ l-ogħla livell ta’ abilità, effiċjenza u integrità, reklutati mill-aktar bażi ġeografika wisgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fit-28 ta’ Diċembru 2007, ġie ppubblikat, skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ta’ impjieg Nru 73/07, li jirrigwarda impjieg ta’ Segretarju Ġenerali fis-segretarjat tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat”, fl-edizzjonijiet Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU C 316 A, p. 1). L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat jispeċifika li s‑Segretarju Ġenerali se jkun irreklutat bħala persunal temporanju fil-grad AD 16, it-tielet skala.

7        Fis-sezzjoni “Kwalifiki meħtieġa”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat kien isemmi b’mod partikolari l-ħtieġa li “jkun uffiċjal permanenti jew membru tal-persunal temporanju fi ħdan istituzzjoni Ewropea, korp, uffiċċju jew aġenzija” u li jkollu “għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ta’ għarfien eċċellenti ta’ minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea”, u jippreċiża li “għal raġunijiet operattivi, għarfien tajjeb tal-Ingliż u/jew tal-Franċiż (kienet) imfittxija ħafna”. Fis-sezzjoni “Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien isemmi it-“28 ta’ Jannar 2008”.

8        Avviż (iktar ’il quddiem l-“avviż imqassar”), abbozzat u ppubblikat bil-lingwi uffiċjali kollha, li wkoll deher fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 316, p. 61) kien jinforma li “[i]l-persunal ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej [ġie] mgħarraf li l-post battal [ikkontestat] ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE (Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew) ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea bil-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż (ĠU C 316 A, 28.12.2007).”

9        Fit-30 ta’ Jannar 2008, rettifika tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat (iktar ’il quddiem ir-“rettifika”), ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss (ĠU C 25 A, p. 19). F’din ir-rettifika, il-KESE indika data tal-għeluq ġdida sa meta setgħu isiru l-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali, li kienet it-8 ta’ Frar 2008.

10      Avviż tar-rettifika tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, abbozzat u ppubblikat bil-lingwi uffiċjali kollha, li deher ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali tat-30 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 25, p. 21) informa li “Il-persunal ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej [ġie] mgħarraf li l-post battal [ikkontestat] ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l Unjoni Ewropea bil-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż (ĠU C 316 A, 28.12.2007) [kien] ġie emendat (ara ĠU C 25 A, 30.1.2008)”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika Taljana ressqet, kontra l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-KESE, ir-rikors preżenti, intiż għall-annullament tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat u tar-rettifika tiegħu.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2008, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2008, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Lulju 2008, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

14      Fit-28 ta’ Awwissu 2008, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

15      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors sa fejn dan kien dirett kontra l-Kummissjoni.

16      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

17      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2010, ir-Renju ta’ Spanja informa li ma huwiex ser jipparteċipa fis-seduta.

18      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ April 2010.

19      Peress li l-Imħallef Tchipev ma setax jattendi wara l-għeluq tal-proċedura orali, il-kawża ġiet assenjata lill-Imħallef Vadapalas bħala Mħallef Relatur u l-Imħallef Jürimäë ġie maħtur, b’applikazzjoni tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

20      B’digriet tat-8 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew infurmati li kienu ser jinstemgħu waqt is-seduta l-ġdida tat-22 ta’ Settembru 2010.

21      Permezz ta’ ittri tas-16 u tad-19 ta’ Lulju 2010 rispettivament, ir-Repubblika Taljana u l-KESE infurmaw lill-Qorti Ġenerali li huma jirrinunzjaw li jinstemgħu mill-ġdid.

22      Konsegwentement, il-President tas-Sitt Awla ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

23      Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat u r-rettifika tiegħu.

24      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż.

25      Il-KESE jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

26      Mingħajr ma jressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-KESE jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti, ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE.

 L-argumenti tal-partijiet

27      Il-KESE jsostni li l-atti tiegħu ma joħorġu minn ebda waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, u jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C-160/03, Ġabra p. I-2077, punti 35 sa 44). Skont il-KESE, il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza, sostanzjalment tagħti x’tifhem li r-rikors ma ġiex biss iddikjarat bħala inammissibbli għaliex il-Eurojust ma jidhirx fost l-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija, iżda wkoll minħabba n-natura stess tal-atti kkontestati, li huma sejħiet għal applikazzjonijiet, li ma jaqgħux fost l-atti msemmija fl-Artikolu 230 KE.

28      Ir-Repubblika Taljana essenzjalment tikkontesta n-nuqqas ta’ kapaċità li l-KESE jitressaq il-qorti taħt l-Artikolu 230 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

29      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-KESE ma jidhirx fost l-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Madankollu, din il-kostatazzjoni ma tmurx kontra li l-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-atti tagħha.

30      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T-411/06, Ġabra p. II-2771, punt 36), u tat-2 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs EMSA (T-70/05, Ġabra p. II‑0313, punt 64), meta rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, imsejħa “Les Verts” (294/83, Ġabra p. 1339), il-Komunità Ewropea hija komunità ta’ dritt u t-trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ mezzi ta’ rikors u ta’ proċeduri bl-għan li tippermetti lill-Qorti li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tagħha. Is-sistema tat-trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma maħsuba li joħolqu effett legali. Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet, fis-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, li r-rikors għal annullament seta’ jiġi ppreżentat kontra l-atti tal-Parlament Ewropew intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, minkejja l-fatt li d-dispożizzjoni tat-trattat dwar ir-rikors għal annullament, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’dak iż-żmien, kienet issemmi biss l-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li teskludi l-atti tal-Parlament Ewropew minn fost dawk li jistgħu jiġu kkontestati allegatament wasslet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għal riżultat kuntrarju kemm għall-ispirtu tat-trattat kif ġie espress fl-Artikolu 164 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 220 KE), kif ukoll għas-sistema tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25).

31      Minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott il-prinċipju ġenerali li kull att li joħroġ minn korp tal-Unjoni, bħalma huwa l-KESE, bl-għan li joħloq effetti legali fir-rigward ta’ terzi, għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, b’analoġija, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs EMSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

32      Huwa minnu li s-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, issemmi biss l-istituzzjonijiet Komunitarji, filwaqt li l-KESE, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 29 iktar ’il fuq, ma jagħmilx parti mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 230 KE. Madankollu għandu jiġi osservat li korp bħalma huwa l-KESE għandu l-kompetenza li joħroġ avviżi ta’ pożizzjoni vakanti bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża. Issa, tali atti jiddeterminaw, billi jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-impjieg, liema huma l-persuni li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tiġi aċċettata u għalhekk jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kandidati potenzjali li l-applikazzjoni tagħhom hija eskluża mill-imsemmija kundizzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il-Parlament, 79/74, Ġabra p. 725, punti 5 sa 8, u tal-11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il‑Kummissjoni, 25/77, Ġabra p. 1081, punti 7 sa 9; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-185/05, Ġabra p. II-3207, punt 55). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-KESE, korp li għandu s-setgħa li jadotta atti, bħalma huma dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, tista’ titqabbel ma’ dik tal-Parlament fil-kawża li wasslet għas-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li, f’komunità ta’ dritt, tali atti ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, b’analoġija, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs EMSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan jirriżulta li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat adottat mill-KESE, u intiż sabiex joħloq effetti legali fir-rigward tal-kandidati kollha li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx aċċettata minħabba l-kundizzjonijiet meħtieġa, jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

34      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata bis-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-KESE, li fiha, rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE kontra sejħiet għal applikazzjonijiet għal impjiegi ta’ persunal temporanju ġie ddikjarat bħala inammissibbli, bil-Qorti tal-Ġustizzja tosserva f’din is-sentenza li l-Artikolu 41 UE, applikabbli f’dak il-każ, ma kienx jippreskrivi li l-Artikolu 230 KE huwa applikabbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali skont it-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, li taħtu jaqa’ l-Eurojust, peress li l-kompetenza tal-Qorti f’din il-materja hija fil-fatt speċifikata fl-Artikolu 35 UE, li għalih jirriferi l-Artikolu 46(b) UE (sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

35      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif interpretat fid-dawl tas-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 sa 25), u tas-sentenza Sogelma vs AER, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 37), jirriżulta li r-rikors preżenti huwa ammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

36      Insostenn tar-rikors preżenti, ir-Repubblika Taljana tinvoka, essenzjalment, il-ksur tal-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikoli 12 KE, 253 KE u 290 KE, tal-Artikolu 6 UE, tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ multilingwiżmu u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter.

37      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali sejra teżamina l-kwistjoni ta’ jekk, abbażi tal-Artikolu 290 KE, il-KESE għandux il-kompetenza li jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat. It-tieni nett, sejra tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-KESE, meta stabbilixxa din is-sistema, injorax l-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1. It-tielet nett, sejra tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-pubblikazzjoni sħiħa fil-Ġurnal Uffiċjali fi tliet lingwi biss tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, kif ukoll l-indikazzjoni fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat ta’ għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża u/jew tal-lingwa Franċiża fost il-kwalifiki meħtieġa jmorrux kontra l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ multilingwiżmu. Fl-eventwalità fejn ir-risposta għal din il-mistoqsija tkun fin-negattiv, ir-raba’ nett, ikunu eżaminati l-allegazzjonijiet ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 290 KE

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-KESE issostitwixxa lill-Kunsill meta stabbilixxa s-sistema lingwistika tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, bi ksur tal-Artikolu 290 KE, peress li huwa kellu sempliċiment isegwi s-sistema stabbilita mill-Kunsill bir-Regolament Nru 1. Barra minn hekk, l-ebda norma li tirregola lill-KESE ma tattribwilu kompetenzi fil-qasam lingwistiku.

39      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-KESE li jimmodifika s-sistema lingwistika stabbilita bl-Artikolu 290 KE.

40      Il-KESE ma jikkontestax il-fatt li l-Kunsill biss jista’ jadotta l-atti li jiddefinixxu s-sistema lingwistika tal-Komunità, b’konformità mal-Artikolu 290 KE. Madankollu, il-KESE jissottometti li l-Kunsill ħalla, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, marġini lill-istituzzjonijiet għall-bżonnijiet interni tagħhom li minnu l-KESE għamel użu għall-pubblikazzjoni tal-avviż tal-pożizzjoni vakanti kkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

41      Ir-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet, ġie adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 290 KE. L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament espressament jippermetti lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu l-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom, kompetenza li sabiex tiġi eżerċitata huma għandhom jingħataw ċerta awtonomija funzjonali, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħhom (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I-2079, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fid-dawl ta’ dak imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġu konkluż li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat ma jmurx kontra l-Artikolu 290 KE, iżda ġie adottat skont il-kompetenza mogħtija lill-istituzzjonijiet u lill-korpi komunitarji bl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1.

43      Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1

 L-argumenti tal-partijiet

44      L-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tmur kontra l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1. Fil-fatt, atti ta’ applikazzjoni ġenerali, bħalma huwa avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandhom jiġu abbozzati bil-lingwi uffiċjali kollha, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1, u, għaldaqstant, jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1.

45      Il-frażi “testi ta’ applikazzjoni ġenerali” użata fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 teskludi li din il-frażi tirreferi biss għall-atti leġiżlattivi. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1 jipprovdi li kwalunkwe manifestazzjoni ta’ xewqa tal-istituzzjonijiet li tista’ tkun ta’ interess għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha. Issa, avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa att li għandu dawn il-karatteristiċi.

46      Ir-Repubblika Taljana tosserva wkoll li l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-post ta’ pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni u d-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet għal kompetizzjoni, ma jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-lingwi li bihom l-avviż għandu jkun ippubblikat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi li r-regolamenti u t-testi l-oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati bil-lingwi uffiċjali kollha.

47      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-indikazzjoni mogħtija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, li żewġ lingwi biss huma l-lingwi użati fil-ħidma tal-KESE tmur kontra l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi li l-lingwi nazzjonali kollha tal-Istati Membri għandhom l-istatus ta’ lingwa uffiċjali u ta’ lingwa ta’ ħidma. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dan l-artikolu, din il-limitazzjoni tintroduċi ġerarkija bejn il-lingwi tal-Istati Membri.

48      Din il-limitazzjoni ma hijiex iġġustifikata bl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1. Ċertament, huwa minnu li d-dispożizzjoni tippermetti lill-istituzzjonijiet jiddeterminaw ir-regoli ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli tal-proċedura interna tagħhom. Madankollu, din is-setgħa tikkonċerna biss il-ħidma interna tal-istituzzjonijiet u mhux l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet esterni li għandhom l-għan li jirreklutaw persunal biex jaħdem mal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, sal-preżent, l-ebda istituzzjoni ma adottat regolament li jipprovdi għall-użu ta’ lingwi partikolari fi ħdanha, u inqas u inqas l-użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, bl-unika eċċezzjoni tkun prevista biss għall-Qorti tal-Ġustizzja li hija deliberatament imsemmija b’mod speċjali fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1.

49      Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jippermetti lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom. Madankollu, huwa jżid, l-ewwel nett, li ma jeżistu ebda regoli miktuba li juru li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża huma l-lingwi tal-ħidma interna. It-tieni nett, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat huwa biss immirat għall-persunal tal-istituzzjonijiet. It-tielet nett, teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tippermettix li jkun hemm prijorità bejn il-lingwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36).

50      Il-KESE jikkontesta l-argumenti kollha tar-Repubblika Taljana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

51      L-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, invokati mir-rikorrenti, ma humiex applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u membri tal-persunal tagħhom, peress li huma jistabbilixxu biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I-A-279 u II-1287, punt 60, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117). L-istess jgħodd, għaldaqstant, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-korpi, bħalma huwa l-KESE, u l-uffiċjali u membri oħra tal-persunal tal-Komunitajiet.

52      Fil-fatt, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Komunitajiet, kif ukoll il-kandidati għal tali pożizzjonijiet, jaqgħu taħt l-istess kompetenza tal-Komunitajiet, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk relattivi għar-reklutaġġ fi ħdan istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il-Kummissjoni, T-118/99, ĠabraSP p. I-A-25 u II-97, punt 13, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118).

53      L-assimilazzjoni tal-kandidati għal tali pożizzjonijiet mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Komunitajiet, fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli, hija ġġustifikata mill-fatt li l-imsemmija kandidati jidħlu f’relazzjoni ma’ istituzzjoni biss bl-għan li jiksbu pożizzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li għaliha, ċertu għarfien lingwistiku huwa meħtieġ u jista’ jkun meħtieġ mid-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

54      Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1 ma japplikawx għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat.

55      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 espressament jippermetti lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu r-regoli ta’ applikazzjoni ta’ sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jagħżlu l-lingwa tal-komunikazzjoni interna, b’kull istituzzjoni jkollha s-setgħa li timponiha fuq il-persunal tagħha u fuq dawk li jfittxu li jiksbu tali status (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitati iktar ’il fuq, punt 46). L-għażla tal-lingwa ta’ pubblikazzjoni esterna ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti wkoll taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

56      Konsegwentement, l-argument li l-KESE uża fakultà li ma ġiex rikonoxxut lilu mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 għandu jiġi miċħud.

57      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-multilingwiżmu

 L-argumenti tal-partijiet

58      L-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tqis li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ikkontestat ta’ pożizzjoni vakanti bi tliet lingwi ma ppermettietx liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jsiru jafu bl-eżistenza tiegħu taħt ċirkustanzi ugwali, skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 12 KE. Fil-fatt, dan jagħti vantaġġ kompetittiv liċ-ċittadini ta’ lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża, meta mqabbla maċ-ċittadini l-oħra kollha tal-Unjoni. Din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ multilingwiżmu stabbilit bl-Artikolu 6(3) UE, u bl-Artikolu 22 tal-Karta, li kull ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jkun infurmat, bil-lingwa tiegħu, bl-atti Komunitarji li jeffettwaw id-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari billi jaqra l-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwa materna tiegħu.

59      Ir-Repubblika Taljana ssostni li ftit jimporta li numru kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ġejjin minn Stati Membri ta’ lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża, u b’mod partikolari iċ-ċittadini Taljani, applikaw għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE meta saru jafu b’tali pożizzjoni vakanti permezz tal-avviż imqassar bil-lingwi uffiċjali l-oħra ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-istess jum li fih ġie ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat. Din hija kumbinazzjoni ta’ ċirkustanzi verament aċċidentali li ma teliminax id-diskriminazzjoni.

60      Diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza teżisti wkoll f’dak li jikkonċerna t-terminu li fih setgħu jsiru l-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE. Fil-fatt, anki jekk il-kandidati ta’ lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża kellhom żmien xahar mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, il-kandidati l-oħra kellhom terminu iqsar, peress li huma saru jafu bl-avviż wara li qraw l-avviż imqassar ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwa materna tagħhom, li jirreferi għall-qari tat-test sħiħ tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża fil-Ġurnal Uffiċjali.

61      Ir-Republika Taljana tqis ukoll li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż kkontestat ta’ pożizzjoni vakanti bi tliet lingwi biss tmur kontra dak imsemmi fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 72(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE.

62      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-bżonn ta’ għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal‑Franċiż xorta twassal għal diskriminazzjoni qawwija kontra lingwi oħra, li tmur kontra l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ multilingwiżmu. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit joħloq diskriminazzjoni daqstant qawwija kontra ċittadini li jafu, apparti l-lingwa proprja tagħhom, it-tieni u jista’ jkun ukoll it-tielet, ir-raba’ u l-ħames lingwa uffiċjali li fosthom la hemm l-Ingliż u lanqas il-Franċiż.

63      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li avviż ta’ kompetizzjoni jew avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa test li l-kontenut tiegħu huwa totalment legali, li permezz tiegħu il-kandidat jieħu idea tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ att importanti, bħalma hija l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ta’ reklutaġġ fl-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, il-kandidati li għandhom għarfien profond tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż huma vvantaġġati fil-qari tal-avviż ippubblikat kollu kemm hu fil-Ġurnal Uffiċjali b’dawn it-tliet lingwi, meta mqabbla ma kwalunkwe kandidat ieħor li ma għandux għarfien eċċellenti ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi.

64      Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argument invokat mir-Repubblika Taljana li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat bi tliet lingwi biss tikser l-Artikolu 12 KE u jżid li din it-tip ta’ pubblikazzjoni selettiva toħloq preċedent gravi ħafna kieku kellha tintuża f’oqsma oħra, għaliex bħala konsegwenza, ikun hemm biss tliet verżjonijiet lingwistiċi tal-Ġurnal Uffiċjali li jkunu ta’ min jista’ jorbot fuqhom u li huma kompluti.

65      Il-KESE jfakkar li hija r-Repubblika Taljana li għandha turi li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat bi tliet lingwi biss xekklet milli ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jsiru jafu bl-eżistenza tal-avviż f’kundizzjonijiet ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni u josserva li l-ebda element fattwali fir-rigward ta’ dan ix-xkiel allegat ma ġie mressaq.

66      Il-fatt li għadd ta’ ċitaddini tal-Unjoni li ma jappartjenux għal Stati Membri ta’ lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża applikaw għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE ma huwiex ir-riżultat ta’ xi kumbinazzjoni, iżda jispjega ruħu mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha tal-avviż imqassar li jirreferi għall-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat.

67      Il-KESE jikkunsidra li l-argument tar-Repubblika Taljana li l-kandidati li l-“ewwel lingwa tagħhom” ma hijiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż kellhom żmien iqsar minn dak li kellhom il-kandidati li jitkellmu bil-Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż u li għaldaqstant huma suġġetti għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata, ma huwiex fondat. Il-kandidati potenzjali kollha li saru jafu bl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat permezz tal-avviż imqassar ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwa materna tagħhom malajr setgħu jiksbu l-verżjoni sħiħa tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat. Il-persuni potenzjalment interessati huma persuni kkwalifikati li kisbu esperjenza twila bħala uffiċjali jew persunal fi ħdan xi istituzzjonijiet, u li, minn dan il-fatt, għandhom l-għodda kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu faċilment jiksbu verżjoni lingwistika mogħtija fil-Ġurnal Uffiċjali.

68      Il-KESE jikkontesta wkoll l-argument tar-Repubblika Taljana li l-limitazzjoni għall-Ingliż jew għall-Franċiż twassal għal diskriminazzjoni fir-rigward ta’ lingwi uffiċjali oħra. L-ewwel nett, l-Ingliż u l-Franċiż huma, flimkien mal-Ġermaniż, il-lingwi ta’ ħidma l-iktar użati fi ħdan l-istituzzjonijiet għal iktar minn 35 sena. It-tieni nett, il-kandidati li lejhom huwa partikolarment indirizzat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat huma uffiċjali jew impjegati oħra Komunitarji li għandhom esperjenza twila ta’ xogħol ta’ livell għoli fi ħdan xi istituzzjonijiet u xi aġenziji Komunitarji u għalhekk huma perfettament kapaċi jifhmu l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat sal-inqas dettall u, għaldaqstant, huma perfettament kapaċi jkunu totalment infurmati bil-kontenut preċiż tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Rimarki preliminari

69      Għandu jiġi osservat li l-motiv preżenti jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali hija essenzjalment mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat bi tliet lingwi biss, li huma l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż, hijiex konformi mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ multilingwiżmu. Fil-kuntest tat-tieni parti, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ multilingwiżmu fl-indikazzjoni fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat ta’ għarfien tal-Ingliż u jew tal-Franċiż fost il-kwalifiki “imfittxija ħafna”, u mhux, kif invokat mir-rikorrenti, fost il-kwalifiki “meħtieġa”.

–       Fuq l-ewwel parti dwar il-pubblikazzjoni selettiva fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat

70      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ta’ dritt Komunitarju ma jimponi li avviżi ta’ pożizzjoni vakanti, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, għandhom jiġu ppubblikati b’mod sistematiku fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115).

71      Huwa minnu li l-pożizzjoni vakanti msemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat tista’ potenzjalment tinteressa xi kandidati li ġejjin minn kwalunkwe Stat Membru. Madankollu, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għadd kbir ta’ referenzi fit-Trattat KE fir-rigward tal-użu tal-lingwi ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li huma manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li jiżgura lil kull ċittadin id-dritt li, f’kull ċirkustanza, dak kollu li jista’ jeffettwa l-interessi tiegħu jiġi abbozzat bil-lingwa tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C-361/01 P, Ġabra p. I‑8283, punt 82, u s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116).

72      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-amministrazzjoni għandha dritt li tistabbilixxi miżuri li jidhrilha li huma xierqa sabiex tirregola ċertu aspetti tal-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persunal, dawn il-miżuri ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati għal pożizzjoni partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127).

73      Fil-fatt, l-Artikolu 12(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprekludi li l-istituzzjoni teżiġi mingħand il-kandidati għal pożizzjoni ta’ persunal temporanju għarfien perfett ta’ lingwa uffiċjali partikolari, peress li din il-kundizzjoni lingwistika għandha l-effett li tirriżerva din il-pożizzjoni għal nazzjonalità partikolari mingħajr ma dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet marbuta mal-funzjonament tas-servizz (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il-Parlament, 15/63, Ġabra p. 57, 73, u 74, u s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129).

74      Isegwi li jekk il-KESE jiddeċiedi li jippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali t-test sħiħ ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali b’ċerti lingwi biss, huwa għandu, sabiex jevita diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati potenzjalment interessati fl-imsemmi avviż, jadotta miżuri adegwati sabiex jinforma lil dawn il-kandidati kollha bl-eżistenza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat u bl-edizzjonijiet li bihom ġie ppubblikat it-test sħiħ tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 130).

75      Sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti f’numru limitat ta’ lingwi ma tistax twassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi kandidati jekk ikun stabbilit li dawn tal-aħħar għandhom konoxxenza suffiċjenti ta’ minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi li tippermettilhom jiksbu għarfien utli tal-kontenut tal-imsemmi avviż (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 131).

76      F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fatt li dokumenti indirizzati mill-amministrazzjoni lil wieħed mill-uffiċjali tagħha jkunu abbozzati b’lingwa differenti mil-lingwa materna ta’ dan l-uffiċjal jew mill-ewwel lingwa barranija magħżula minnu, ma jikkostitwixxi ebda ksur tad-drittijiet ta’ dan l-uffiċjal, jekk dan ikollu għarfien tal-lingwa użata mill-amministrazzjoni li tippermettilu jifhem b’mod effettiv u faċli l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni. Din il-konklużjoni tgħodd ukoll fir-rigward tal-avviż tal-pożizzjoni vakanti kkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132, u l-ġurisprudenza iċċitata).

77      B’hekk, meta jkun meħtieġ mill-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-impjieg, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ leġittimament tispeċifika l-lingwi li tagħhom ikun meħtieġ għarfien tajjeb ħafna jew sodisfaċenti (ara, a contrario, is-sentenza Lassalle vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, p. 73 u 74; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange għal din is-sentenza, Ġabra p. 77, 94). F’dan il-każ tal-aħħar, il-fatt li t-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat ikun disponibbli biss f’dawn il-lingwi ma jistax iwassal għal diskriminazzjoni bejn il-kandidati peress li huma għandu jkollhom, kollha kemm huma, għarfien profond ta’ minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi.

78      Għall-kuntrarju, il-pubblikazzjoni f’ċerti lingwi uffiċjali biss fil-Ġurnal Uffiċjali tat-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, meta persuni li jkollhom biss għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra jkunu intitolati jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom, tista’ twassal, fin-nuqqas ta’ miżuri oħra intiżi li jippermettu lil din il-kategorija ta’ kandidati potenzjali li jkollhom għarfien utli tal-kontenut ta’ dan l-avviż, għal diskriminazzjoni kontra tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 135).

79      Fil-fatt, f’din l-eventwalità, il-kandidati inkwistjoni jsibu ruħhom f’pożizzjoni inqas vantaġġjuża meta mqabbla ma’ kandidati oħra peress li huma ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien utli tal-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet u tar-regoli tal-proċedura ta’ reklutaġġ. Issa, tali għarfien jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għall-preżentazzjoni ideali tal-applikazzjoni tagħhom, sabiex jilħqu l-massimu taċ-ċansijiet tagħhom li jintgħażlu għall-pożizzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136).

80      F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat jirriżulta, kif iċċitati fil-punt 7 iktar ’il fuq, li l-għarfien tal-Ingliż u jew tal-Franċiż huwa biss “imfittex ħafna”, u mhux meħtieġ. Kandidati potenzjali għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-KESE, li għandhom għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali u għarfien tajjeb ħafna ta’ minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra barra mit-tliet lingwi tal-pubblikazzjoni, kienu adattati u setgħu anki japplikaw għall-pożizzjoni kieku l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien ġie ppubblikat b’lingwa li huma kienu jafu u kieku huma kienu wkoll infurmati bl-eżistenza tal-pożizzjoni vakanti.

81      Barra minn hekk, xi kandidati, għalkemm ikollhom għarfien sodisfaċenti tal‑Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, mhux neċessarjament jikkonsultaw l‑edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali f’waħda minn dawn it-tliet lingwi, iżda jikkonsultaw dik bil-lingwa materna tagħhom (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148).

82      Għaldaqstant, teżisti probabbiltà importanti li l-kandidati potenzjalment interessati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkuntestat ikunu kkonsultaw biss l-avviżi ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha, li huma l-avviż imqassar tat-28 ta’ Diċembru 2007, li jsemmi biss il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat fil-Ġurnal Uffiċjali, u l-avviż tar-rettifika tal-avviż ta’ pożizzoni vakanti tat-30 ta’ Jannar 2008, li jindika biss li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat kien ġie emendat.

83      Ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ avviżi, li ma jinkludu ebda indikazzjoni importanti, bħalma huma t-tul u l-possibbiltà ta’ tiġdid tal-mandat tal-pożizzjoni vakanti, il-kundizzjonijiet ta’ aċċettazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali meħtieġa, il-metodu ta’ selezzjoni u d-data sa meta jistgħu jsiru l-kandidaturi, jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jinfurmaw lill-kandidati potenzjali bil-kontenut tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat. Issa, kif ġie indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq, tali għarfien jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għall-preżentazzjoni ideali tal-applikazzjoni tagħhom.

84      A fortiori, il-kandidati li ma jafu la l-Ġermaniż, la l-Ingliż, u lanqas il-Franċiż, iżda xorta waħda għandhom l-għarfien lingwistiku meħtieġ, qatt ma kellhom il-possibbiltà li jsiru jafu bil-kontenut sħiħ tat-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat.

85      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, fl-edizzjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tal-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati potenzjali, bi ksur tal-Artikolu 12 KE.

86      Fl-aħħar nett, il-KESE kiser ukoll, indirettament, l-Artikolu 12 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, peress li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat li saret biss bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tista’ tiffavorixxi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ta’ persunal temporanju bħala Segretarju Ġenerali, lill-kandidati ta’ ċerti nazzjonalitajiet, jiġifieri dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn dawn il-lingwi huma mitkellma bħala lingwa materna, u tippreġudika lil minn tal-inqas parti mill-kandidati li ġejjin minn Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 150).

87      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tal-motiv preżenti.

88      Għaldaqstant, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-edizzjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss, għandu jiġi annullat, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-motiv preżenti u lanqas il-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika Taljana.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-imsemmija regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

90      F’dan il-każ, il-KESE tilef. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ma għamlitx talbiet dwar l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċikustanzi, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ta’ impjieg Nru 73/07 li jirrigwarda impjieg ta’ Segretarju Ġenerali fis-segretarjat tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), ippubblikat fit-28 ta’ Diċembru 2007, kif rettifikat fit-30 ta’ Jannar 2008, huwa annullat.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vadapalas

Jürimäe

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.