Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Ottubru 2023 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra YM; parti oħra: Openbaar Ministerie

(Kawża C-641/23, Dubers 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra: YM

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

L-Artikolu 17(4) u (7) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2022/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2022 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li tiġi trasposta d-dispożizzjoni preċedenti, b’tali mod li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell ordinarju ma tistax testendi t-terminu ta’ deċiżjoni ta’ 90 jum unikament bl-għan li teżegwixxi l-intenzjoni tagħha li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea barra minn dan it-terminu, b’mod li din l-awtorità jkollha għalhekk tadotta deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat għal arrest Ewropew mingħajr ma tagħmel domandi preliminari?

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 20 u mal-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li tiġi trasposta d-dispożizzjoni preċedenti minn Stat Membru, b’tali mod li l-konsenja għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali ta’ residenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun suġġetta biss għal garanzija ta’ ritorn jekk dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda l-fatti li fuqhom tintalab din il-konsenja – bil-konsegwenza li ma jkunx issodisfa din il-kundizzjoni jekk il-fatti ma jkunux punibbli skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru – minkejja li l-imsemmi Stat Membru ma jimponix l-istess kundizzjoni fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu?

Sa fejn id-domanda [2] titlob risposta fl-affermattiv: il-parti operattiva u l-punt (d) tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas kif ukoll mal-punt 1 tal-Artikolu 4 u mal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprekludi li Stat Membru li jkun applika l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAU jittrasponi d-dispożizzjoni preċedenti, b’tali mod li:

wara li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tat lill-Istat Membru emittenti konsenja għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali taħt garanzija ta’ ritorn għal fatt bħal dak imsemmi fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li ma huwiex reat skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, iżda li fir-rigward tiegħu l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun speċifikament naqset milli tirrifjuta l-konsenja għal dan il-motiv,

awtoritajiet oħra tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (inkwantu Stat ta’ eżekuzzjoni) għandhom jew jistgħu, minħabba l-assenza ta’ natura ta’ reat skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (inkwantu Stat ta’ eżekuzzjoni), jirrifjutaw sussegwentement ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-priġunerija imposta minħabba dan il-fatt fl-Istat Membru emittenti u għandhom jew jistgħu għalhekk jirrifjutaw li jimplimentaw il-garanzija ta’ ritorn?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

1 ĠU 2008, L 327, p. 27.