Language of document : ECLI:EU:C:2021:662

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali – Direttiva 2009/72/KE – Il-punt 21 tal-Artikolu 2 – Artikolu 19(3), (5) u (8) – Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) – Direttiva 2009/73/KE – Il-punt 20 tal‑Artikolu 2 – Artikolu 19(3), (5) u (8) – Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) – Kunċett ta’ “impriża integrata vertikalment” – Separazzjoni effettiva bejn in‑networks u l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku u ta’ gass naturali – Operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti – Indipendenza tal‑persunal u tal-amministrazzjoni ta’ dan l-operatur – Perijodi tranżitorji – Ishma miżmuma fil-kapital tal-impriża integrata vertikalment – Awtoritajiet nazzjonali regolatorji – Indipendenza – Kompetenzi esklużivi – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15 – Dritt għax-xogħol u li tiġi eżerċitata professjoni – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet – Prinċipju ta’ demokrazija”

Fil-Kawża C‑718/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Noll‑Ehlers u O. Beynet, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn C. Meyer‑Seitz, A. Falk, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti, sussegwentement minn C. Meyer‑Seitz, H. Shev u H. Eklinder, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett:

–        il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), kif ukoll il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94),

–        l-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73,

–        l-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73, kif ukoll

–        l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-direttivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2009/72

2        Skont il-premessi 1, 4, 9, 11, 12, 16, 24, 25, 33, 34 u 36 tad-Direttiva 2009/72:

“(1)      Is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, li ġie implimentat progressivament [fl-Unjoni Ewropea] kollha sa mill-1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jinkiseb titjib fl-effiċjenza, prezzijiet kompettitivi, u standards ogħla ta’ servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità.

[…]

(4)      Madankollu, fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-elettriku fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġi [fl-Unjoni]. B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell effettiv ugwalment ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għad ma jeżistux.

[…]

(9)      Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

[…]

(11)      Tkun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. […] Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. F’dawn il-limiti, impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista għandha tkun tista’ jkollha parteċipazzjoni minoritarja fl-ishma f’operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew f’sistema ta’ trasmissjoni.

(12)      Kwalunkwe sistema ta’ separazzjoni għandha tkun effettiva fit-tneħħija ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, sabiex jinħolqu inċentivi għall-investimenti neċessarji u jiġi garantit l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda fis-suq skont sistema regolatorja trasparenti u effiċjenti u m’għandhiex toħloq sistema regolatorja tqila żżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.

[…]

(16)      L-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkun indipendenti [...] mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandu jippermetti lill-impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fir-rigward tal-assi tan-network filwaqt li jiżgura separazzjoni tal-interessi effettiva, sakemm tali operatur indipendenti ta’ sistema jew tali operatur indipendenti tat-trasmissjoni iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u sakemm jiġu attwati regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi.

[…]

(24)      Is-separazzjoni effettiva sħiħa tal-attivitajiet tan-network minn attivitajiet ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandha tapplika [fl-Unjoni] kollha għall-impriżi [tal-Unjoni] kif ukoll għal dawk mhux [tal-Unjoni]. Biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tan-network u l-attivitajiet ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni [fl-Unjoni] kollha jibqgħu indipendenti minn xulxin, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom is-setgħa jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni lill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni li ma jikkonformawx mar-regoli tas-separazzjoni. […]

(25)      Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija hija element essenzjali tas-sikurezza pubblika u hija għalhekk intrinsikament marbuta mat-tħaddim effiċjenti tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea tal-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. L-elettriku jista’ jilħaq liċ-ċittadini tal-Unjoni biss permezz tan-network. Swieq tal-elettriku funzjonanti u b’mod partikolari n-netwerks u assi oħra assoċjati mal-provvista tal-elettriku huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività tal-ekonomija u għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk persuni minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew jikkontrollaw sistema ta’ trasmissjoni jew operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ separazzjoni effettiva li japplikaw [fl-Unjoni]. […]

[…]

(33)      Id-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211)] introduċiet ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu regolaturi b’kompetenzi speċifiċi. Madankollu, l-esperjenza turi li l-effikaċja tar-regolamentazzjoni ħafna drabi tkun limitata bin-nuqqas ta’ indipendenza tar-regolaturi mill-gvern, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ setgħat u diskrezzjoni. Għal dik ir-raġuni, fil-laqgħa tiegħu fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġislattivi li jipprevedu għal aktar armonizzazzjoni tas-setgħat u t-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Għandu jkun possibbli li dawn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jkopru kemm is-settur tal-elettriku kif ukoll dak tal-gass.

(34)      Sabiex is-suq intern tal-elettriku jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji relevanti kollha, u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Dan ma jipprekludix la r-reviżjoni ġudizzjarja u lanqas is-superviżjoni parlamentari taħt il-liġijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. […]

[…]

(36)      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiffissaw jew japprovaw it-tariffi, jew il-metodoloġiji moħbija fil-kalkolu tat-tariffi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-operatur(i) tas-sistema tat-trasmissjoni jew d-distribuzzjoni, jew fuq il-bażi ta’ proposta miftehma bejn dan/dawn l-operatur(i) u l-utenti tan-netwerks. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li t-tariffi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jkunu mhux diskriminatorji u jirriflettu tassew in-nefqa, u għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż tan-network li jkunu għal tul ta’ żmien, marġinali u evitati, liema spejjeż ikunu ġejjin minn miżuri ta’ ġenerazzjoni mqassma u ta’ amministrazzjoni li tkun tistimola d-domanda b’inċentivi u taxxi baxxi.”

3        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-punti 21 u 35 tiegħu jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(21)      “impriża integrata vertiklament” tfisser: impriża tal-elettriku jew grupp ta’ impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu għall-anqas waħda mill-funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-anqas waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni jew il-provvista tal-elettriku;

[…]

(35)      “impriża tal-elettriku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-anqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni, provvista, jew xiri tal-elettriku, li tkun responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi u/jew tal-manutenzjoni relatati għal dawk il-funzjonijiet, iżda li ma tinkludix l-klijenti finali.”

4        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni”, fil-paragrafi 1 u 8 tiegħu jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit-3 ta’ Marzu 2012:

(a)      kull impriża li tkun proprjetarja ta’ sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b)      l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

(i)      li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni; jew

(ii)      li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista;

(c)      l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista; u

(d)      l-istess persuna mhix intitolata tkun membru tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista u operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

[…]

8.      Fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1.

F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a)      jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 13; jew

(b)      jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V [intitolat “Operatur [tas-sistema] ta’ trasmissjoni indipendenti”].”

5        L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Indipendenza tal-persunal u ġestjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni”, fil-paragrafi 3, 5 u 8 tiegħu jistipula:

“3.      L-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew ta’ negozju, direttament jew indirettament, mal‑impriża integrata vertikalment jew ma’ kwalunkwe parti minnha jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għajr l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni, m’għandha tiġi eżerċitata għal perjodu ta’ tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew tal-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li huma soġġetti għal dan il-paragrafu.

[…]

5.      Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-impriża integrata vertikalment li mhuwiex l-operatur tas‑sistema ta’ trasmissjoni. Il-ħlas tagħhom mgħandux jiddipendi mill-attivitajiet jew mir-riżultati tal-impriża integrata vertikalment jekk mhux dawk tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

[…]

8.      Il-paragrafu 3 għandu japplika għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni li mhumiex suġġetti għall-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu eżerċitaw l-ebda ġestjoni jew attività relevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment għal perijodu ta’ mill-anqas sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafi 4 sa 7 għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha li jappartjenu għall-ġestjoni eżekuttiva u għal dawk li jirruppurtaw lilhom direttament dwar kwistjonijiet relatati mal-operazzjoni, iż-żamma jew l-iżvilupp tan-network.”

6        L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu jistipula:

“4.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal‑awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, Stat Membru għandu jiżgura li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u leġiżlazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a)      tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b)      għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i)      jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii)      ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-koperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra relevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 37.

5.      Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)      l-awtorità regolatorji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika, u jkollha allokazzjonijiet annwali separati tal-baġit, b’awtonomija fl-implimentazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit allokat, u riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom; [...]

[…]”

7        L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, fil-paragrafi 1, 6, 8, 10 u 17 tiegħu jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)      l-iffissar jew l-approvazzjoni, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, ta’ tariffi ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew tal-metodoloġiji tagħhom; […]

[…]

6.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall‑iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis‑seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal:

(a)      il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom. Dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji, għandhom jippermettu li l‑investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b’mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

(b)      l-provvediment ta’ servizzi ta’ bilanċjar li għandhom jitwettqu bil‑mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom. Is-servizzi ta’ bilanċjar għandhom jingħataw b’mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; […].

[…]

8.      Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi ta’ bilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni jingħataw inċentiva adegwata, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati.

[…]

10.      L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom l-awtorità li jirrikjedu lil operaturi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, jekk meħtieġ, li jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoliġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jaċċertaw li huma proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. F’każ ta’ dewmien rigward l-iffissar tat-tariffi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jiffissaw jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji provviżorji ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni u li jiddeċiedu dwar il-miżuri xierqa ta’ kumpens fil-każ li t-tariffi jew il-metodoloġiji finali ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni jiddevjaw minn dawn it-tariffi jew metodoloġiji provviżorji.

[…]

17.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.”

8        Id-Direttiva 2009/72 tħassret b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021 bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). Madankollu, hija tibqa’ applikabbli ratione temporis għal din il-kawża.

 Id-Direttiva 2009/73

9        Il-premessi 1, 4, 6, 8, 9, 13, 21, 22, 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2009/73 jikkorrispondu, mutatis mutandis, fir-rigward tas-settur tal-gass naturali, għall-premessi ċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2009/72.

10      Il-punti 1 u 20 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 9(1) u (8), l-Artikolu 19(3), (5) u (8), l-Artikolu 39(4) u (5), l-Artikolu 41(1)(a), (6)(a) u (b), (8), (10) u (17) tad-Direttiva 2009/73 jikkorrispondu mutatis mutandis, fir-rigward tas-settur tal-gass naturali, għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2009/72.

 Id-dritt Ġermaniż

11      Il-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija) tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. I, p. 1970 u 3621), kif emendata bl-Artikolu 2(6) tal-Liġi tal-20 ta’ Lulju 2017 (BGBl. I, p. 2808, 2018 I p. 472) (iktar ’il quddiem l-“EnWG”), jiddefinixxi “impriża integrata vertikalment ta’ provvista ta’ enerġija” bħala “impriża attiva fis-settur tal-elettriku jew tal-gass jew grupp ta’ impriżi tas-settur tal-elettriku jew tal-gass li huma marbuta, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), l-impriża kkonċernata jew il-grupp ikkonċernat li, fl-Unjoni Ewropea, jeżerċita fis-settur tal-elettriku, tal-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: trażmissjoni jew distribuzzjoni, jew tal-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni jew distribuzzjoni tal-elettriku, jew fis-settur tal-gass, tal-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: trażmissjoni, distribuzzjoni, operat ta’ impjant ta’ [gass naturali likwifikat (LNG)] jew ta’ ħżin, u fl-istess ħin tal-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni jew distribuzzjoni ta’ gass naturali”.

12      Skont l-Artikolu 10c ta’ din il-liġi, intitolat “Indipendenza tal-persunal u tad-diriġenti tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti”:

“[…]

2.      Matul l-aħħar tliet snin qabel il-ħatra tagħhom, il-maġġoranza tal-membri tat-tmexxija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma tista’ tkun wettqet ebda attività professjoni, ma tista’ kellha ebda interess jew relazzjoni kummerċjali fi jew ma’ impriża tal-impriża integrata vertikalment (jew ma’ azzjonist ta’ dawn l-impriżi li jeżerċita kontroll) li twettaq, fis-settur tal-elettriku, waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, distribuzzjoni, provvista jew akkwist ta’ elettriku, jew waħda mill-funzjonijiet li ġejjin fis-settur tal-gass naturali: ġenerazzjoni, distribuzzjoni, provvista, akkwist jew ħżin ta’ gass naturali, jew li twettaq funzjonijiet ta’ natura kummerċjali, teknika jew relatata mal-manutenzjoni fir-rigward ta’ dawn il-funzjonijiet. Matul l-aħħar sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom, il-membri l-oħra tat-tmexxija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti ma jistgħux ikunu wettqu, f’impriża tal-impriża integrata vertikalment (jew ma’ azzjonist ta’ dawn l-impriżi li jeżerċita kontroll) li twettaq, fis-settur tal‑elettriku, waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, distribuzzjoni, provvista, jew akkwist ta’ elettriku, jew waħda mill-funzjonijiet li ġejjin fis-settur tal-gass naturali: ġenerazzjoni, distribuzzjoni, provvista, akkwist jew ħżin tal-gass naturali, jew li twettaq funzjonijiet ta’ natura kummerċjali, teknika jew relatata mal-manutenzjoni fir-rigward ta’ dawn il-funzjonijiet, funzjonijiet ta’ tmexxija jew funzjoni komparabbli mal-funzjoni mwettqa mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti. L-ewwel u t-tieni sentenza ma humiex applikabbli għall-ħatriet li seru effettivi qabel it-3 ta’ Marzu 2012.

[…]

4.      L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti u l-impriża integrata vertikalment ta’ provvista ta’ enerġija għandhom jiżguraw li l-persuni responsabbli għat-tmexxija u l-impjegati l-oħra tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti ma jakkwistaw ebda sehem fil-kapital tal-impriża integrata vertikalment ta’ provvista ta’ enerġija jew ta’ xi parti minnha wara t-3 ta’ Marzu 2012, sakemm ma jkunux ishma fil-kapital tal‑operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti. Il-persuni responsabbli għat-tmexxija għandhom jittrasferixxu, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2016, l-ishma tagħhom fil-kapital tal-impriża integrata vertikalment ta’ provvista ta’ enerġija jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha akkwistati qabel it-3 ta’ Marzu 2012. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti għandu jiżgura li r-remunerazzjoni tal-persuni li jappartjenu lit-tmexxija tiegħu ma tkunx tiddependi mis-suċċess ekonomiku, u b’mod partikolari mir-riżultat tal-operat, tal-impriża integrata vertikalment ta’ provvista ta’ enerġija jew ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, bl-eċċezzjoni tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti.

[…]

6.      L-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, u l-paragrafi 3 u 5 japplikaw mutatis mutandis għall-persuni kollha li jaqgħu direttament taħt il-ġestjoni eżekuttiva u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni, għall-manutenzjoni jew għall-iżvilupp tan-network.”

13      L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network, mal-ħlasijiet għall-aċċess għan-network u mal-provvista u l-akkwist ta’ servizzi ta’ bbilanċjar; setgħa regolamentari”, jistipula:

“Il-Gvern Ġermaniż huwa awtorizzat, permezz ta’ regolament, u bil-kunsens tal-Bundesrat (il-Kunsill Federali, il-Ġermanja):

1.      jiffissa l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network, inkluż l-akkwist u l-provvista ta’ servizzi ta’ bbilanċjar, jew il-metodoloġiji użati sabiex jiġu ffissati dawn il-kundizzjonijiet, u l-metodoloġiji sabiex jiġu ffissati tariffi ta’ aċċess għan-network […];

2.      jirregola f’liema każijiet u f’liema kundizzjonijiet l-awtorità regolatorja tkun tista’ tiffissa tali kundizzjonijiet jew metodoloġiji jew tapprovahom fuq talba tal-operatur tas-sistema;

3.      jirregola f’liema każijiet partikolari ta’ użu tan-network u skont liema kundizzjonijiet l-awtorità regolatorja tkun tista’, f’każijiet individwali speċifiċi, tawtorizza jew tiċħad l-awtorizzazzjoni dwar it-tariffi individwali għall-aċċess għan-network […]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

14      Fl-20 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest ta’ eżami ex officio tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 fid-dritt Ġermaniż intiż li jivverifika l-eżistenza ta’ inkompatibbiltajiet eventwali mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar it-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, li għalihom l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2014.

15      Peress li qieset li d-dritt nazzjonali ma kienx konformi mad-direttivi fuq diversi punti, fis-27 ta’ Frar 2015 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ intimazzjoni fil-proċedura ta’ ksur Nru 2014/2285, li għaliha l-Istat Membru wieġeb b’ittra tal-24 ta’ Ġunju 2015.

16      Fid-29 ta’ April 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata, li fiha qieset li wħud mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż ma kinux konformi mad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2016, dan l-Istat Membru wieġeb li kienu qegħdin jiġu adottati emendi leġiżlattivi dwar uħud mill-ilmenti mqajma fl-opinjoni motivata, u fid-19 ta’ Settembru 2017 bagħtet it-test tal-EnWG, li daħal fis-seħħ mit-22 ta’ Lulju 2017.

17      Peress li qieset li d-dispożizzjonijiet legali adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu għadhom mhux konformi mad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

18      Il-Kummissjoni qiegħda tibbaża r-rikors tagħha fuq erba’ motivi li huma kollha relatati mat-traspożizzjoni inkorretta, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 fl-EnWG.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73

 L-argumenti tal-partijiet

19      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponietx b’mod korrett, fid-dritt nazzjonali tagħha, il-kunċett ta’ “impriża integrata vertikalment” (iktar ’il quddiem l-“IIV”), fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, sa fejn id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fil-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-EnWG hija limitata għall-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni.

20      Skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-kunċett ta’ “IIV” li twettaq l-EnWG, tmur kontra kemm il-kliem tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 kif ukoll kontra l-għan tar-regoli ta’ separazzjoni effettiva, previsti minn dawn id-direttivi, bejn, minn naħa, is-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista ta’ dawn il-prodotti tal-enerġija.

21      Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jillimita d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” għal attivitajiet eżerċitati fi ħdan l-Unjoni, huwa kien jindika dan espressament, kif għamel f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 24 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessa 21 tad-Direttiva 2009/73, li jfakkru l-prinċipju ġenerali li impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Unjoni huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni meta jeżerċitaw attività fi ħdanha.

22      Barra minn hekk, il-kunflitti ta’ interess bejn, minn naħa, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, u, min-naħa l-oħra, il-produtturi jew il-fornituri, li r-regoli ta’ separazzjoni msemmija huma intiżi sabiex jipprevjenu, billi jipprovdu li dawn l-operaturi jiksbu ċ-ċertifikazzjoni biss jekk joperaw in-networks rispettivi b’mod indipendenti u nondiskriminatorju, jistgħu jseħħu kemm meta l-attivitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “IIV” jseħħu fl-Unjoni, kif ukoll meta jitwettqu barra minnha.

23      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” ta’ attivitajiet imwettqa barra mill-Unjoni ma tfissirx li impriżi mhux Ewropej isiru suġġetti ta’ drittijiet u ta’ obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Ewropea u ma testendix l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni. Fil-fatt, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni suġġetti għar-regoli dwar is-separazzjoni effettiva allegatament joperaw dejjem fi ħdan l-Unjoni. L-inklużjoni ta’ attivitajiet imwettqa barra mill-Unjoni fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” tippermetti li jiġu evalwati l-effetti ta’ dawn l-attivitajiet fl-Unjoni. L-ebda prinċipju tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tad-dritt internazzjonali ma jostakola tali interpretazzjoni.

24      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, EU:C:1985:229, punt 9, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑648/13, EU:C:2016:49, punt 73) li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jwettqu traspożizzjoni letterali tad-direttivi sakemm il-kontenut ġuridiku tagħhom jiġi osservat. Dan l-Istat Membru jsostni li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” li tinsab fil-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-EnWG ma hijiex kunfliġġenti mal-formulazzjoni tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73. Dawn id-dispożizzjonijiet, fil-fatt, ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom u jirrikjedu għalhekk kjarifika dwar dan il-punt fil-mument tat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

25      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-ħsieb u l-għan tar-regoli dwar is-separazzjoni effettiva previsti minn dawn id-direttivi ma jirrikjedux li l-attivitajiet imwettqa barra mill-Unjoni minn impriżi ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista ta’ enerġija jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV”. Tali attivitajiet ma jipproduċux effetti kkwalifikati fuq l-operat effikaċi u nondiskriminatorju tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali fl-Unjoni, peress li kunflitt ta’ interessi bejn l-operaturi ta’ dawn is-sistemi u l-partijiet ta’ impriżi li jeżerċitaw attività fis-setturi kompetittivi marbuta magħhom jeżisti biss fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jużaw in-networks sabiex jittrasportaw l-enerġija li huma jipproduċu jew jipprovdu. Għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 40 et seq.) jirriżulta li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta l-aġir inkwistjoni jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-Unjoni, dan il-kriterju huwa suffiċjentement meħud inkunsiderazzjoni mid-definizzjoni stabbilita fil-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-EnWG.

26      Fit-tielet lok, estensjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” għal attivitajiet eżerċitati barra mill-Unjoni minn impriżi ta’ pajjiżi terzi ikollha bħala konsegwenza estensjoni, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, tal-kompetenza regolamentari tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn l-impriżi ta’ pajjiż terz isiru detenturi ta’ drittijiet u ta’ obbligi mingħajr ma jkunu qegħdin joperaw fit-territorju tal-Unjoni.

27      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li interpretazzjoni tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 fis-sens li l-kunċett ta’ “IIV” jinkludi attivitajiet barra mill-Unjoni, eżerċitati minn impriżi ta’ pajjiżi terzi, tmur kontra l-obbligu li att ta’ dritt sekondarju jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li dawn id-direttivi huma bbażati fuq l-Artikolu 47(2) kif ukoll fuq l-Artikoli 55 u 95 tat-Trattat KE (li saru l-Artikolu 53(2), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 TFUE, rispettivament), għandhom ikunu intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi, kif ukoll sabiex jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi mwettqa f’pajjiż terz.

28      Barra minn hekk, peress li l-attivitajiet ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi eżerċitati barra mill-Unjoni ma jipproduċux effetti fuq is-suq intern, ma hemmx lok li jiġu imposti fuqhom ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, kif ukoll għal-libertà professjonali tal-impriżi u tal-ħaddiema tagħhom u għad-dritt għall-proprjetà, stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 15(1), fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), previsti mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 għall-finijiet tat-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat operat effikaċi u nondiskriminatorju tas-sistemi ta’ trażmissjoni fi ħdan l-Unjoni.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” li tinsab fil-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-EnWG ma tmurx kontra dik li tinsab fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, iżda tippreċiża lil din tal-aħħar, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-interpretazzjoni adottata minn dan l-Istat Membru tal-imsemmija definizzjoni, fir-rigward mhux biss tal-kliem tal-punt 21 tal-Artikolu 2 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 ta’ dawn id-direttivi, iżda wkoll tal-kuntest tagħhom u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kamin und Grill Shop, C‑289/16, EU:C:2017:758, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, IIV hija ddefinita bħala “impriża tal-elettriku jew grupp ta’ impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu għall-anqas waħda mill-funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-anqas waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni jew il-provvista tal-elettriku”. Il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 jiddefinixxi, bi kliem analogu, IIV fil-qasam tal-gass naturali.

31      Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li la l-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u lanqas il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 ma jirreferu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV” għall-finijiet ta’ dawn id-direttivi.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “IIV” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li, fl-Unjoni kollha, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi ta’ dan id-dritt, imposti mill-prinċipju ta’ ugwaljanza. Għaldaqstant, il-portata ta’ dan il-kunċett ma tistax tiġi ddeterminata b’riferiment għall-kunċetti magħrufa tad-dritt tal-Istati Membri jew tal-klassifikazzjonijiet magħmula fuq il-livell nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tard), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, sa fejn il-formulazzjoni tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 ma ssemmi ebda element dwar it-territorju li fih IIV jeżerċita l-attività tiegħu jew il-post tas-sede tiegħu, minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponu ebda limitazzjoni territorjali espressa dwar il-kunċett ta’ “IIV”, li jwassal sabiex dan il-kunċett jiġi limitat biss għall-attivitajiet eżerċitati ġewwa l-Unjoni.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-kunċett ta’ “IIV”, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 9(1) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tal-ewwel direttiva u tal-premessa 6 tat-tieni direttiva, dan jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi intiżi sabiex jiżguraw “separazzjoni effettiva” bejn, minn naħa, is-sistemi ta’ trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-elettriku u tal-gass naturali rispettivament.

35      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttivi 2009/72 u 2009/73 huma intiżi li jimplimentaw is-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali, li fih il-garanzija ta’ aċċess nondiskriminatorju għan-networks hija l-element bażiku. Issa, mill-premessa 9 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 6 tat-tieni direttiva jirriżulta li, mingħajr is-separazzjoni effettiva indikata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jeżisti riskju ta’ diskriminazzjoni f’dan l-aċċess. L-eliminazzjoni ta’ dan ir-riskju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 11, 12 u 16 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessi 8, 9 u 13 tad-Direttiva 2009/73, teżiġi t-tneħħija ta’ kull kunflitt ta’ interess bejn, minn naħa, il-produtturi jew il-fornituri u, min-naħa l-oħra, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-prodotti tal-enerġija.

36      Ir-rekwiżiti tas-separazzjoni effettiva imposti mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 għaldaqstant huma intiżi jiżguraw indipendenza totali u effettiva tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni mill-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 34). Kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessa 21 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li dawn ir-rekwiżiti ta’ separazzjoni effettiva japplikaw fl-Unjoni kollha kemm għall-impriżi tal-Unjoni kif ukoll għall-impriżi li ma humiex tal-Unjoni.

37      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu kunflitti ta’ interess bejn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jinsab fl-Unjoni u produtturi jew fornituri tal-elettriku jew tal-gass naturali li jeżerċitaw attivitajiet f’dawn l-oqsma barra minnha. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni fejn il-gass naturali jew l-elettriku ġġenerat barra mill-Unjoni minn impriża jiġu trażmessi fi ħdan l-Unjoni permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni li tappartjeni lill-istess impriża, ir-riskju ta’ aġir diskriminatorju fl-operat ta’ din is-sistema, li jista’ jiżvantaġġa t-trażmissjoni ta’ prodotti tal-enerġija ta’ kompetituri, jidher biċ-ċar.

38      Minn dan jirriżulta, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “IIV”, irrakkomandata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tipperikola l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 dwar is-separazzjoni effettiva, peress li tippermetti lil IIV li tiġġenera jew tipprovdi gass naturali jew elettriku barra mill-Unjoni li ddur magħhom. B’hekk, tali interpretazzjoni restrittiva ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija minn dawn id-dispożizzjonijiet inkwantu hija tista’ teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali, bħal dawk imsemmija fil-punt ta’ qabel dan ta’ din is-sentenza, minħabba l-limitazzjoni tal-portata tal-imsemmi kunċett għall-attivitajiet eżerċitati fi ħdan l-Unjoni biss.

39      Minn dan isegwi li għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “IIV” li tippermetti li jiġu inklużi, jekk ikun il-każ, attivitajiet imwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-limitazzjoni għall-attivitajiet eżerċitati fl-Unjoni biss toħloq restrizzjoni indebita għall-portata ta’ dan il-kunċett.

40      Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din il-konstatazzjoni ma timplikax estensjoni tal-kompetenza regolatorja tal-Unjoni lil hinn mis-suq intern, li tmur kontra l-obbligu li att tad-dritt sekondarju jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 53(2) u l-Artikoli 62 u 114 TFUE, kif ukoll id-dritt internazzjonali.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u l-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 ma jirregolawx suq li jinsab barra mill-Unjoni, iżda sempliċement jistabbilixxu definizzjoni tal-kunċett ta’ “IIV”, li tiżgura l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn id-direttivi billi jiġi prekluż l-evitar ta’ ċerti rekwiżiti li huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita separazzjoni effettiva u, għaldaqstant, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali.

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li att tal-Unjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE) jista’ jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprekludu l-evitar tar-rekwiżiti li għandhom bħala skop it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016 Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, IIV li tiġġenera jew tipprovdi gass naturali jew elettriku barra mill-Unjoni tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, bħal dawk imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, peress li aġir diskriminatorju fis-suq intern tal-Unjoni jista’ jseħħ anki meta l-produzzjoni ta’ IIV tkun tinsab barra mill-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompetenza tagħha sabiex tapplika r-regoli tagħha fir-rigward ta’ tali aġir għaldaqstant ma hijiex eskluża mid-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 18).

44      Konsegwentement, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’ u għandu wkoll jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u l-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-direttivi.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73

 L-argumenti tal-partijiet

45      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponietx b’mod korrett d-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-impjiegi kollha okkupati jew funzjonijiet imwettqa, interessi miżmuma jew relazzjonijiet kummerċjali li, b’mod dirett jew indirett, ikun hemm fi ħdan, jingħataw lil, jew jitwettqu mal-IIV, partijiet minnha u l-azzjonisti tagħha li jeżerċitaw kontroll minbarra l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Issa, l-Artikolu 10c(2) u (6) tal-EnWG jillimita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi għall-partijiet tal-IIV li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-enerġija.

46      Il-Kummissjoni ssostni li IIV fil-forma ta’ grupp ta’ kumpanniji tinkludi l-entitajiet ġuridiċi kollha tal-grupp, indipendentement mis-settur ekonomiku li fih dawn l-entitajiet jeżerċitaw l-attività tagħhom. Dan il-kunċett jikkorrispondi wkoll għall-kunċett ta’ “impriża” kif jintuża fid-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fl-Artikoli 101 u 102 TFUE.

47      Barra minn hekk, il-limitazzjoni mwettqa mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 10c(2) u (6) tal-EnWG tmur kontra l-għanijiet tar-regoli tas-separazzjoni effettiva previsti mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Fil-fatt, skont il-mudell tal-operatur ta’ trażmissjoni indipendenti, tali operatur jista’ jibqa’ parti minn IIV biss jekk jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet rigorużi ta’ organizzazzjoni, ta’ tmexxija u ta’ investiment, intiżi li jiżguraw l-indipendenza effettiva ta’ dan l-operatur fil-konfront tal-IIV fl-intier tagħha.

48      Issa, l-esklużjoni tal-partijiet tal-IIV li ma humiex direttament attivi fil-qasam enerġetiku mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-perijodi tranżitorji tippermetti li jiġu evitati r-regoli ta’ separazzjoni effettiva. Il-partijiet tal-IIV mhux attivi fis-settur tal-enerġija jistgħu, huma wkoll, ikunu kkonċernati mill-interessi tal-IIV fil-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriku u tal-gass naturali. Huwa preċiżament sabiex jiġi evitat dan ir-riskju u sabiex tiġi ggarantita indipendenza tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni fir-rigward tal-interessi relatati mal-produzzjoni u mal-provvista fil-qasam tal-enerġija li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jinkludi l-IIV kollha, inklużi l-partijiet tagħha li ma jeżerċitawx attivitajiet relatati mal-qasam tal-enerġija, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 u ma jillimitahx biss għall-partijiet tal-IIV li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet.

49      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi inkwistjoni, dwar il-perijodi tranżitorji, u dawk tal-EnWG li ttrasponewhom għandhom l-istess portata. Fil-fatt, mill-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, IIV hija kkostitwita minn diversi impriżi tal-elettriku, fis-sens tal-punt 35 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u mhux minn impriżi li joperaw f’setturi oħra tal-ekonomija. L-istess japplika, fir-rigward tas-settur tal-gass naturali, skont il-punti 1 u 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73. Għalhekk, l-impjegati li jaqgħu taħt l-Artikolu 19(3) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 huma biss dawk li eżerċitaw attività fis-settur tal-elettriku jew tal-gass naturali fi ħdan l-IIV, qabel ma l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun ingaġġahom.

50      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-riferiment għas-settur tal-enerġija li jinsab fl-Artikolu 10c(2) tal-EnWG huwa konformi mal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll mal-ispirtu u mal-għan tad-direttivi trasposti. Fil-fatt, huwa neċessarju, iżda wkoll suffiċjenti, li l-indipendenza tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti – li l-istabbiliment tiegħu huwa awtorizzat fl-Artikolu 9(8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, meta, fit-3 ta’ Settembru 2009, tali sistema kienet tappartjeni lil IIV – tiġi żgurata fir-rigward biss tas-setturi tal-enerġija ta’ din l-IIV. Għalhekk, sabiex issir prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi fil-kuntest tal-mudell tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti jkun biżżejjed li t-trasferimenti tal-impjegati bejn id-diversi partijiet ta’ impriżi attivi f’dawn is-setturi jiġu sospiżi b’mod temporanju.

51      Ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema, stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE, meta l-partijiet ta’ impriżi kkonċernati tal-IIV ikunu jinsabu f’diversi Stati Membri, kif ukoll għad-dritt fundamentali għall-għażla libera tal-professjoni, stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Karta, meta dawn il-partijiet ikunu jinsabu fi Stat Membru wieħed biss, li jirriżultaw mir-regoli dwar il-perijodi tranżitorji huma, barra minn hekk, iġġustifikati biss jekk l-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 japplika esklużivament għal dawn it-trasferimenti ta’ impjegati.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

52      Skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, “[l]-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew ta’ negozju, direttament jew indirettament, mal‑[IIV] vertikalment jew ma’ kwalunkwe parti minnha jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għajr l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni, m’għandha tiġi eżerċitata għal perjodu ta’ tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew tal-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li huma soġġetti għal dan il-paragrafu”. Skont il-paragrafu 8 ta’ dan il-paragrafu 3 għandu japplika “għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni”.

53      Il-kliem tal-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 għalhekk ma jinkludi ebda limitazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-perijodi tranżitorji li huwa jipprevedi, biss għall-persunal tal-partijiet tal-IIV li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-oqsma tal-elettriku jew tal-gass naturali.

54      L-għan ta’ dawn ir-regoli, min-naħa tiegħu, iwassal sabiex dawn ir-regoli jiġu interpretati fis-sens li jeskludu tali limitazzjoni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-imsemmija regoli huwa dak li jiggarantixxi “separazzjoni effettiva”, li tippermetti indipendenza totali u effettiva bejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-IIV, sabiex jiġu eliminati l-kunflitti bejn l-interessi marbuta, minn naħa, mal-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-elettriku jew tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, mal-operat tas-sistema ta’ trażmissjoni. Din is-separazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

55      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, tali “separazzjoni effettiva” hija intiża li tippermetti aċċess mhux diskriminatorju għan-networks, liema aċċess jikkostitwixxi element bażiku ta’ suq intern tal-enerġija funzjonali. Barra minn hekk, mill-premessa 25 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessa 22 ta-Direttiva 2009/73 jirriżulta li sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija intrinsikament marbuta mal-funzjonament effikaċi tas-suq intern tal-enerġija.

56      Minn dan jirriżulta li l-“perijodi tranżitorji” stabbiliti fl-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 japplikaw għall-persuni responsabbli għat-tmexxija u/jew għall-membri tal-korpi amministrattivi tal-amministratur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jkunu wettqu, qabel ma jkunu ġew ingaġġati, attività fi ħdan l-IIV, jew f’impriża azzjonista li teżerċita kontroll ta’ waħda mill-impriżi tal-IIV, anki jekk dawn l-attivitajiet ma kinux eżerċitati fis-settur tal-enerġija tal-IIV jew f’impriża azzjonista li teżerċita kontroll ta’ waħda mill-impriżi tas-settur tal-enerġija tal-IIV.

57      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li persuna responsabbli għat-tmexxija u/jew membru tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li, qabel il-ħatra tiegħu, eżerċita l-attività tiegħu fi ħdan IIV f’settur li ma huwiex tal-enerġija setgħet ġiet influwenzata mill-attività ta’ din l-impriża fl-oqsma tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista tal-elettriku u tal-gass naturali.

58      Ċertament, il-kunċett ta’ “IIV” kif iddefinit fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 jirreferi għal “impriżi tal-elettriku” u għal “impriżi tal-gass naturali” fis-sens, rispettivament, tal-punti 35 u 1 ta’ dawn l-artikoli. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-definizzjonijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li l-partijiet tal-IIV li ma humiex attivi fl-oqsma tal-elettriku jew tal-gass naturali huma esklużi minn dan il-kunċett, b’tali mod li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 dwar is-separazzjoni effettiva, fis-sens tal-Artikolu 9(8) tagħhom. Tali interpretazzjoni restrittiva mhux biss tqiegħed inkwistjoni l-għan li tiġi ggarantita separazzjoni effettiva, iżda wkoll tagħti lok għal diviżjoni artifiċjali tal-impriża li ma tikkorrispondix mar-realtà ekonomika.

59      Barra minn hekk, għalkemm l-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-perijodi tranżitorji li jinsabu fil-punt 56 ta’ din is-sentenza tista’, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tagħti lok għal restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll għal limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għall-għażla libera tal-professjoni, previst fl-Artikolu 15(1) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li dawn il-libertajiet ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jiġu limitati taħt ċerti kundizzjonijiet.

60      Ċertament, il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, il-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 53 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 62 TFUE, għandhom mhux biss ikollhom l-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżda wkoll li jiżguraw, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali oħrajn li din il-libertà tista’ taffettwa (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      B’hekk, miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun tfittex wieħed mill-għanijiet leġittimi stipulati fit-Trattat FUE jew jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li din il-miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-għażla tal-professjoni jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tagħhom, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, ir-regoli dwar il-perijodi tranżitorji previsti fl-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 għandhom l-għan ta’ interess ġenerali li jiggarantixxu “separazzjoni effettiva”.

65      Dawn ir-regoli huma adatti sabiex jintlaħaq tali għan, sa fejn, billi jiffissaw perijodi li matulhom il-persuni li ser jinħatru f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà jew ta’ tmexxija tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività jew responsabbiltà professjonali, la jżommu xi interess, u lanqas ma jkollhom ebda relazzjoni kummerċjali direttament jew indirettament mal-IIV, jew parti minnha jew mal-azzjonisti tagħha li jikkontrollawha minbarra l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, li jagħtu aċċess għal informazzjoni li dawn il-persuni jiksbu fl-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ ġestjoni fi ħdan l-IIV, huma jiggarantixxu l-indipendenza ta’ dan l-operatur fir-rigward tal-istrutturi ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista ta’ prodotti tal-enerġija.

66      Barra minn hekk, l-imsemmija regoli ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-fatt, il-limitazzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE kif ukoll għad-dritt tal-għażla libera tal-professjoni ggarantita fl-Artikolu 15(1) tal-Karta, li jirriżultaw mir-regoli speċifiċi kollha dwar l-imsemmi operatur, inklużi dawk li jikkonċernaw il-perijodi tranżitorji, bħala garanzija tal-indipendenza tiegħu, huma limitati ratione temporis, b’tali mod li jipproduċu effetti biss matul perijodu limitat b’mod ċar.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiv tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, ta’ persuni li eżerċitaw attività professjonali, li kellhom interess jew li kellhom relazzjoni kummerċjali fi jew ma’ IIV barra mis-setturi tal-enerġija tagħha, li tirriżulta mill-Artikolu 10(2) tal-EnWG, hija kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet.

68      Għaldaqstant, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-direttivi.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 19(5) tadDirettivi 2009/72 u 2009/73

 L-argumenti tal-partijiet

69      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ttrasponiet l-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 b’mod insuffiċjenti, sa fejn l-obbligu ta’ trasferiment tal-ishma miżmuma fil-kapital tal-IIV akkwistati qabel it-3 ta’ Marzu 2012, stabbilit fl-Artikolu 10(4) tal-EnWG, japplika biss għall-ishma miżmuma mill-membri tat-tmexxija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, u mhux għal dawk miżmuma mill-impjegati tiegħu. Skont il-Kummissjoni, anki jekk l-impjegati ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni, huma jistgħu jinfluwenzaw l-attivitajiet tal-persuna li timpjegahom, li jiġġustifika li dawn l-impjegati jkollhom ukoll jittrasferixxu l-ishma tagħhom fil-kapital tal-IIV akkwistati qabel il-3 ta’ Marzu 2012.

70      Obbligu bħal dan ma jippreġudikax id-drittijiet għall-proprjetà ta’ dawn l-impjegati, sakemm dan japplika biss għall-futur, tant li dividendi diġà mqassma ma jkunux ikkonċernati. Barra minn hekk, tali ishma jiġu ttrasferiti biss bil-kunsens tal-proprjetarju tagħhom u b’korrispettiv adegwat. Dan tal-aħħar iżomm il-possibbiltà li jżomm il-parteċipazzjoni tiegħu, bil-kundizzjoni li jirrinunzja għall-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

71      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10c(4) tal-EnWG tipprojbixxi kemm lill-persuni responsabbli għat-tmexxija tal-operatur ta’ trażmissjoni u kif ukoll lill-impjegati l-oħra milli jakkwistaw ishma fil-kapital tal-IIV jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha wara t-3 ta’ Marzu 2012, filwaqt li t-tieni sentenza tal-istess dispożizzjoni tipprevedi li huma biss il-persuni responsabbli għat-tmexxija li għandhom jittrasferixxu, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2016, l-ishma tagħhom fil-kapital tal-IIV jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha akkwistati qabel it-3 ta’ Marzu 2012.

72      Din id-distinzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti ta’ indipendenza msaħħa tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, fit-3 ta’ Marzu 2012, azzjonijiet tal-IIV kienu ta’ spiss imqassma bħala “azzjonijiet ta’ impjegati” u kienu jagħmlu parti integrali mill-kostituzzjoni tal-patrimonju jew mit-tfaddil individwali ta’ dawn l-impjegati għall-irtirar tagħhom.

73      Obbligu impost fuq l-imsemmija impjegati li jittrasferixxu tali ishma jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom protetti mill-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali, iktar ’il quddiem il-“GG”), peress li huma ma jistgħux jeżerċitaw influwenza sinjifikattiva fuq il-ġestjoni tal-operat tan-network. Il-persunal ta’ tmexxija huwa suġġett għal trattament differenti minħabba l-importanza tal-pożizzjoni tiegħu. Fil-fatt, dan il-persunal għandu influwenza strateġika deċiżiva fuq l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, li ġġib magħha riskju partikolari ta’ kunflitt ta’ interessi.

74      Barra minn hekk, peress li d-Direttivi 2009/72 u 2009/73 ma jispeċifikawx it-trattament li għandu jingħata lill-ishma fil-kapital tal-IIV li l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni akkwistaw qabel id-data ta’ skadenza, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw dispożizzjonijiet tranżitorji xierqa f’dan ir-rigward.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Skont l-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73, “[i]l-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-[IIV] li mhuwiex l-operatur tas‑sistema ta’ trasmissjoni. Il-ħlas tagħhom mgħandux jiddipendi mill-attivitajiet jew mir-riżultati tal-[IIV] jekk mhux dawk tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.”

76      Mill-formulazzjoni din id-dispożizzjoni joħroġ b’mod ċar li huwa pprojbit kemm lill-mexxejja kif ukoll lill-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jkollhom interessi jew li jirċievu benefiċċji finanzjarji, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-IIV għajr l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

77      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każijiet fejn, sabiex tiġi ggarantita separazzjoni effettiva bejn, minn naħa, is-sistemi ta’ trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-elettriku u tal-gass naturali, huwa magħżul, konformement mal-Artikolu 9(8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, għall-istabbiliment ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti, l-obbligu li tiġi żgurata indipendenza totali u effettiva ta’ dan l-operatur fi ħdan l-IIV jiġġustifika li l-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73 jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, prevista fih, milli persuna jkollha ishma fl-IIV, tinkludi obbligu ta’ trasferiment għall-impjegati li jkollhom tali ishma. Fil-fatt, anki fil-każ fejn dawn l-impjegati ma jipparteċipawx fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, ma jistax jiġi eskluż li dawn jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-attivitajiet tal-persuna li timpjegahom u li, għalhekk, ikunu jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi fil-każ li huma jkollhom ishma fl-IIV jew f’parti minnha.

78      F’dan il-każ, għalkemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tipprevedi l-obbligu li l-ishma miżmuma fil-kapital tal-IIV akkwistati qabel it-3 ta’ Marzu 2012 jiġu ttrasferiti, hija madankollu tillimita dan l-obbligu biss għall-membri tat-tmexxija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li din il-limitazzjoni tippermetti li jiġi rrispettat id-dritt għall-proprjetà tal-impjegati fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kapital tal-IIV, iggarantit mill-GG, għandu jitfakkar li dan id-dritt huwa protett ukoll mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

79      Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73 li tinsab fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza hija konformi mad-dritt għall-proprjetà kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt ma huwiex prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jistgħu jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ir-restrizzjonijiet jkunu effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jkunux jikkostitwixxu, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u Il-BĊE, C‑8/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Issa, l-obbligu inkwistjoni huwa intiż li jissodisfa l-għan ta’ interess ġenerali, imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita separazzjoni effettiva tas-sistemi ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-elettriku u tal-gass naturali, neċessarja sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

81      Barra minn hekk, il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2009/72 u tad-Direttiva 2009/73 ma jippreġudikawx, b’mod sproporzjonat u intollerabbli, id-dritt għall-proprjetà sal-punt li jaffettwaw is-sustanza stess ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss li l-persuni li għandhom interess f’parti mill-IIV għajr l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew li jirċievu benefiċċju finanzjarju ma jistgħux jiksbu jew iżommu l-kwalità ta’ persuna responsabbli għat-tmexxija tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, jew ta’ membru tal-korpi amministrattivi u ta’ impjegat tiegħu.

82      Għalhekk, id-detenturi ta’ interess f’parti oħra mill-IIV għandhom jagħżlu bejn iż-żamma tad-dritt tagħhom ta’ proprjetarju u t-trasferiment tiegħu sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet fl-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Minbarra dan, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux il-bejgħ ta’ dawn l-ishma għall-prezz tas-suq tagħhom jew l-iskambju tagħhom permezz ta’ ishma fil-kapital tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

83      Għaldaqstant, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfakkar fil-punti 54 u 80 ta’ din is-sentenza, l-obbligu inkwistjoni ma jikkostitwixxix intervent eċċessiv u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà ta’ dawn l-impjegati ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-direttivi.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-kompetenzi esklużivi tal-awtoritànazzjonali regolatorja

 L-argumenti tal-partijiet

85      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, sa fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG tagħti lill-Gvern Federali kompetenzi sabiex jiffissa tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, kif ukoll sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-networks nazzjonali u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi ta’ bbilanċjar, filwaqt li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, tali kompetenzi jaqgħu esklużivament f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem l-“ANR”).

86      Il-Kummissjoni ssostni li r-regolamenti adottati mill-Gvern Federali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG jikkostitwixxu istruzzjonijiet iddettaljati indirizzati lill-ANR dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi regolatorji tagħha. Dawn ir-regolamenti jistabbilixxu l-proċedura u l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tat-tariffi tan-network billi jipprovdu elementi ddettaljati, bħal metodi ta’ deprezzament u ta’ indiċjar, u jinkludu regoli ddettaljati dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network.

87      Issa, l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet daqstant iddettaljati mill-Gvern Federali jkun jimpedixxi lill-ANR milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali proprja tagħha, b’tali mod li tkun imċaħħda mill-kompetenzi li d-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jagħtuha b’mod esklużiv. Id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi prinċipji ċari fir-rigward tat-tariffi tan-networks, jiġifieri dawk li jinsabu fl-Artikolu 37(10) tad-Direttiva 2009/72 u, fil-qasam tal-gass naturali, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas-16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-network dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ĠU 2017, L 72, p. 29). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni man-network u tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess, il-kodiċijiet ta’ network Ewropej rispettivi jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati li jikkonċernaw, fost oħrajn, il-punti ta’ tagħbija, il-produtturi u l-installazzjonijiet b’vultaġġ għoli.

88      Filwaqt li tammetti li l-kompiti tal-ANR għandhom, skont id-dritt Ġermaniż, jiġu ddefiniti u stabbiliti f’dispożizzjonijiet legali, il-Kummissjoni tikkritika lil-leġiżlatur Ġermaniż talli ppreveda li l-kundizzjonijiet li fihom l-ANR għandha twettaq dawn il-kompiti jiġu ddeterminati permezz ta’ regolament tal-Gvern Federali minflok ma rrikonoxxa lill-ANR kompetenza esklużiva sabiex twettaq il-funzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll fl-Artikolu 41(1)(a) u 6(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.

89      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2009/73 saħħew l-indipendenza tal-ANR meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni.

90      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, jekk jitqies li l-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité (9/56, EU:C:1958:7) fil-qasam tad-delega ta’ kompetenza għall-aġenziji tal-Unjoni huma wkoll applikabbli għall-ANR, f’dan il-każ id-dritt tal-Unjoni stess stabbilixxa b’mod suffiċjenti l-kriterji u l-kundizzjonijiet li, konformement mas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 41 sa 54), għandhom jagħtu qafas lill-kompetenza mogħtija lill-ANR u jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom b’mod li jkun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.

91      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni preliminarjament li, skont l-Artikolu 194(2) TFUE, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom. Fid-dawl tal-għan, b’mod partikolari, li titwaqqaf il-ġenerazzjoni ta’ enerġija nukleari sas-sena 2022, huwa neċessarju li ssir “estensjoni sostanzjali” tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali, filwaqt li jiġi żgurat li l-ispejjeż relatati magħhom ma jeċċedux kobor aċċettabbli għall-konsumaturi.

92      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24 tal-EnWG jawtorizza lill-Gvern Federali “jeżerċita setgħa regolatorja, bil-[kunsens] tal-Bundesrat, fis-sens tal-Artikolu 80(1) tal-GG”. Fil-fatt, għalkemm l-ANR għandha “marġni ta’ manuvra kunsiderevoli”, il-prinċipju ta’ legalità, fl-aspett tiegħu ta’ prinċipju ta’ riżerva ta’ liġi, li huwa korollarju tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, jimponi li l-eżerċizzju tas-setgħa amministrattiva ta’ din l-awtorità jkun “strutturat minn qabel”, b’mod li jiġi ggarantit, skont ir-rekwiżiti tal-GG, li l-katina ta’ leġittimazzjoni demokratika ma tiġix interrotta.

93      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 dwar il-kompiti tal-ANR. Fil-fatt, il-formulazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-ANR għandha tkun obbligatorjament kompetenti sabiex tiffissa kemm it-tariffi tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni kif ukoll il-metodi ta’ kalkolu ta’ dawn it-tariffi. Interpretazzjoni fis-sens kuntrarju tkun tipprekludi l-ispirtu, l-għanijiet u l-oriġini ta’ dawn id-direttivi.

94      Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, dawn għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 dwar il-kompetenzi tal-ANR. Fil-każ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-metodi ta’ kalkolu huma ddeterminati f’termini ġenerali u astratti mil-leġiżlatur u mill-awtorità regolatorja, filwaqt li l-ANR hija kompetenti sabiex tikkompleta dawn il-metodi u, parzjalment, temendahom kif ukoll sabiex tadotta deċiżjonijiet konkreti abbażi tal-imsemmija metodi ta’ kalkolu. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet materjali suffiċjentement preċiżi dwar id-determinazzjoni tal-metodi ta’ aċċess għan-network u ta’ tariffar, u sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni korretta tad-direttivi, l-Istati Membri huma obbligati jfasslu l-kriterji tagħhom stess sabiex jagħtu qafas lis-setgħa regolamentari tal-ANR.

95      Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mis-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681), sa fejn, f’dan il-każ, ir-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 24 tal-EnWG huma liġijiet fis-sens sostantiv u mhux struzzjonijiet tal-Gvern Federali adottati fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu ta’ setgħa eżekuttiva ġerarkikament superjuri meta mqabbla mal-ANR. Fil-fatt, meta l-Gvern Federali jadotta regolamenti fuq din il-bażi, “huwa ma jaġixxix bħala fergħa tal-poter eżekuttiv, iżda jwettaq funzjoni leġiżlattiva” bil-kunsens tal-Bundesrat. Għaldaqstant, dawn ir-regolamenti ma jikkostitwixxux preġudizzju għall-indipendenza tal-ANR, peress li din tal-aħħar ma hijiex suġġetta għal struzzjonijiet tal-gvern jew ta’ awtoritajiet oħra.

96      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité (9/56, EU:C:1958:7), huma applikabbli anki meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti kompetenzi lill-awtoritajiet nazzjonali indipendenti. Skont dawn il-prinċipji, l-għoti ta’ kompetenza lil dawn l-awtoritajiet jista’ jsir biss jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta, minn qabel, dispożizzjonijiet suffiċjentement preċiżi f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet u l-kompetenzi ta’ dawn l-awtoritajiet. Meta dan il-leġiżlatur ma jkunx adotta tali dispożizzjonijiet, ikollhom jadottawhom l-Istati Membri. Dan l-istess rekwiżit jirriżulta mill-prinċipji demokratiċi u mill-Istat tad-dritt, li jagħmlu parti mill-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Unjoni għandha tosserva skont l-Artikolu 4(2) TUE.

97      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Kummissjoni bi twessigħ inammissibbli tas-suġġett tal-kawża, sa fejn, fir-replika tagħha, hija ressqet ilment addizzjonali, ibbażat fuq ksur tal-indipendenza tal-ANR, jew emendat l-ilment inizjali.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq lammissibbiltà

98      Qabelxejn għandu jitfakkar li parti ma tistax, fil-mori tal-kawża, tibdel is-suġġett tal-kawża nnifsu u li l-fondatezza ta’ rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jkunu jinsabu fir-rikors promotur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑543/08, EU:C:2010:669, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑145/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:502, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, sa fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG tagħti lill-Gvern Federali kompetenzi li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma kompetenzi esklużivi tal-ANR.

101    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm l-għoti lil entità differenti mill-ANR tas-setgħa li tintervjeni f’oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-ANR, kif ukoll l-issuġġettar ta’ din tal-aħħar għal dispożizzjonijiet adottati minn entitajiet oħra, li jipprevedu b’mod iddettaljat l-eżerċizzju tal-kompetenzi li jaqgħu fil-kompetenza tagħha biss, huma ta’ natura li jillimitaw il-possibbiltà li l-ANR tadotta, f’dawn l-oqsma, deċiżjonijiet b’mod awtonomu u mingħajr influwenzi esterni.

102    Minn dan isegwi li r-raba’ lment jirrigwarda kwistjonijiet li huma marbuta mill-qrib, sa fejn l-għoti lil entità li ma hijiex l-ANR ta’ kompetenzi rriżervati lil din tal-aħħar jista’, skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxi ksur tal-indipendenza ta’ din l-awtorità, peress li, skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2009/73, dawn il-kompetenzi għandhom jiġu eżerċitati b’mod awtonomu. Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni dwar l-indipendenza tal-ANR ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala lment ġdid, differenti minn dak invokat inizjalment, u lanqas bħala emenda tal-ilment inizjali. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

103    L-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73 jagħtu lill-ANR diversi kompetenzi, fosthom, b’mod partikolari, fil-punt (a) ta’ dawn il-paragrafi, dawk li jiffissaw jew japprovaw, skont kriterji trasparenti, it-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom.

104    L-Artikolu 37(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, min-naħa tagħhom, jagħtu b’mod partikolari lill-ANR l-kompetenza li jistabbilixxu jew japprovaw tal-inqas il-metodi użati sabiex jikkalkolaw jew jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi t-tariffi applikabbli, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ aġġustament, fil-kuntest tal-ewwel direttiva, u ta’ bbilanċjar, fil-kuntest tat-tieni waħda.

105    L-espressjoni “għall-inqas” li tinsab fil-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl, rispettivament, tal-premessa 36 tad-Direttiva 2009/72 u tal-premessa 32 tad-Direttiva 2009/73, tindika li d-determinazzjoni tal-metodi sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi t-tariffi applikabbli, tagħmel parti mill-kompetenzi rriżervati għall-ANR direttament minn dawn id-direttivi.

106    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, billi interpretat l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2003/54, li kien fiha dispożizzjonijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, li l-għoti lil awtorità li ma hijiex l-ANR tal-kompetenza għad-determinazzjoni ta’ elementi importanti fir-rigward tal-iffissar tat-tariffi, bħall-marġni ta’ profitt, ma kienx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn tali għoti kien inaqqas il-portata tal-kompetenzi rriżervati għall-ANR minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681, punti 29 u 30).

107    Barra minn hekk, l-Artikolu 35(4)(a) u (5)(a) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll l-Artikolu 39(4)(a) u (5)(a) tad-Direttiva 2009/73 jipprevedu li l-ANR għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew minn kull korp politiku.

108    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/72 jew mid-Direttiva 2009/73, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda l-korpi pubbliċi, dan il-kunċett jindika, fis-sens abitwali tiegħu, status li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi fil-libertà kollha fir-rigward tal-organi li minnhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu, mingħajr ebda istruzzjoni u ebda pressjoni esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punti 32 u 33).

109    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-indipendenza deċiżjonali timplika li, fil-kuntest tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi regolatorji tagħha msemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, l-ANR għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tkun suġġetta għal istruzzjonijiet esterni minn korpi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 54).

110    Ċertament, skont l-Artikolu 35(4)(b)(ii) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 39(4)(b)(ii) tad-Direttiva 2009/73, ir-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi hemmhekk ma jippreġudikax linji gwida ġenerali maħruġa mill-gvern. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li tali linji gwida ġenerali la jikkonċernaw il-funzjonijiet u lanqas il-kompetenzi regolatorji msemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u fl-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73 rispettivament.

111    F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li dawn id-direttivi huma intiżi wkoll, skont il-premessa 33 tal-ewwel direttiva u l-premessa 29 tat-tieni direttiva, sabiex isaħħu l-indipendenza tal-ANR fir-rigward tas-sistema prevista mil-leġiżlazzjoni preċedenti.

112    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-indipendenza sħiħa tal-ANR fil-konfront tal-entitajiet ekonomiċi u tal-entitajiet pubbliċi, kemm jekk ikunu korpi amministrattivi jew korpi politiċi, u f’dan l-aħħar każ, kemm detenturi tas-setgħa eżekuttiva jew dik leġiżlattiva, hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-ANR ikunu imparzjali u nondiskriminatorji, filwaqt li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ trattament ipprivileġġjat tal-impriżi u tal-interessi ekonomiċi marbuta mal-gvern, mal-maġġoranza jew, fi kwalunkwe każ, mas-setgħa politika. Barra minn hekk, is-separazzjoni stretta fil-konfront tas-setgħa politika tippermetti lill-ANR li, bl-azzjoni tagħhom, isegwu pjan fil-tul, li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73.

113    Minn dan isegwi li interpretazzjoni tal-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, fis-sens li gvern nazzjonali jista’ jistabbilixxi jew japprova l-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ aċċess għan-network u tas-servizzi ta’ aġġustament jew ta’ bbilanċjar li għandhom jintużaw mill-ANR timmina l-għanijiet imfittxija minn dawn id-direttivi.

114    Issa, f’dan il-każ, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG tagħti lill-Gvern Federali, bil-kunsens tal-Bundesrat, il-kompetenza mhux biss sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network, inkluża l-provvista ta’ servizzi ta’ aġġustament, jew tal-metodi ta’ determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, kif ukoll tal-metodi ta’ determinazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għan-network, iżda wkoll sabiex jiddeċiedi f’liema każijiet u taħt liema qafas l-ANR tista’ tistabbilixxi l-imsemmija kundizzjonijiet jew metodi, jew tapprovahom fuq talba tal-operatur tas-sistema kif ukoll f’liema kundizzjonijiet partikolari ta’ użu tan-network u taħt liema kundizzjonijiet l-ANR tista’, f’kull każ partikolari, tapprova jew tipprojbixxi tariffi individwali ta’ aċċess għal dan in-network.

115    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tal-EnWG għaldaqstant tagħti direttament lill-Gvern Federali ċerti kompetenzi rriżervati esklużivament għall-ANR, tant li tagħtih is-setgħa li jawtorizza lill-ANR teżerċita dawn il-kompetenzi, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.

116    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-indipendenza mogħtija mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 lill-ANR fil-kuntest tal-kompiti u tal-kompetenzi fdati lilha, b’mod esklużiv, fl-Artikolu 37 tal-ewwel direttiva u fl-Artikolu 41 tat-tieni direttiva, ma tistax tiġi limitata minn atti bħal, f’dan il-każ, ir-regolamenti adottati mill-Gvern Federali, bil-kunsens tal-Bundesrat, skont l-Artikolu 24 tal-EnWG.

117    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata minn ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

118    L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, huma obbligati jiżguraw l-effett sħiħ tagħha, filwaqt li jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi u tal-metodi intiżi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk, din il-libertà ma taffettwax l-obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandu li jadotta kull miżura neċessarja sabiex jiżgura l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, konformement mal-għan imfittex minnha (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Minn dan isegwi li għalkemm l-Istati Membri jgawdu awtonomija fl-organizzazzjoni u fl-istrutturar tal-ANR tagħhom, din l-awtonomija għandha madankollu tiġi eżerċitata b’osservanza sħiħa tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), intiżi li jiggarantixxu li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rriżervati għall-ANR, dawn tal-aħħar jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod awtonomu.

120    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-direttivi inkwistjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-metodi ta’ aċċess għan-network u ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, mill-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/72 u mill-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li t-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom għandhom jiġu ddeterminati skont kriterji trasparenti. Skont il-paragrafu 6(a) ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, dawn it-tariffi u l-metodi ta’ kalkolu tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-networks nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti billi tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jsiru l-investimenti neċessarji sabiex jiżguraw il-vijabbiltà tan-networks. Barra minn hekk, skont il-paragrafu (10) tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li tali tariffi u metodi ta’ kalkolu għandhom ikunu proporzjonati u applikati mingħajr diskriminazzjoni.

121    Barra minn hekk, fir-rigward tas-servizzi ta’ aġġustament u ta’ bbilanċjar, l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73, jipprevedu rispettivament, fil-paragrafu 6(b) tagħhom, li dawn is-servizzi għandhom jitwettqu bil-mod l-iktar ekonomiku possibbli, għandhom jipprovdu lill-utenti tan-network b’inċentivi adatti sabiex jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom u għandhom jingħataw b’mod ġust u mhux diskriminatorju, u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 8 ta’ dawn l-artikoli, meta jkunu qegħdin jistabbilixxu jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji u servizzi ta’ aġġustament, fil-kuntest tal-ewwel direttiva, u waqt l-ibbilanċjar, fil-kuntest tat-tieni waħda, l-ANR għandhom jipprevedu inċentivi, kemm għal perijodu qasir kif ukoll fit-tul, sabiex iħeġġu lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jżidu l-effiċjenza tagħhom, jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati.

122    Il-kriterji previsti fid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 huma speċifikati minn atti normattivi oħra, jiġifieri, rispettivament, ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), kif ukoll ir-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36), li huma applikabbli għall-kummerċ transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Swieq tal-elettriku tal-gass naturali), C‑767/19, EU:C:2020:984, punt 112). Dawn ir-regolamenti huma kkompletati minn diversi kodiċi ta’ network stabbiliti permezz ta’ regolamenti tal-Kummissjoni.

123    Fid-dawl ta’ kuntest normattiv daqstant iddettaljat fuq il-livell tal-Unjoni, li minnu jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tariffi u l-metodi ta’ kalkolu għall-kummerċ intern u transkonfinali għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ kriterji uniformi, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li, għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, huwa neċessarju li jiġu żviluppati, fuq livell nazzjonali, kriterji ta’ kalkolu tat-tariffi, ma jistax jintlaqa’.

124    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-leġiżlazzjoni adottata skont l-Artikolu 24 tal-EnWG hija ta’ natura leġiżlattiva, li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-leġittimazzjoni demokratika, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Dan il-prinċipju huwa rifless b’mod sħiħ fil-proċedura leġiżlattiva li matulha ġew adottati d-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Bħala prinċipju komuni għall-Istati Membri, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu interpretati dawn id-direttivi u b’mod partikolari meta jiġu interpretati dispożizzjonijiet tagħhom li jkunu inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 41).

126    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ demokrazija ma jipprekludix l-eżistenza ta’ awtoritajiet pubbliċi li jinsabu barra mill-amministrazzjoni ġerarkika klassika u xi ftit jew wisq indipendenti mill-gvern, li spiss jeżerċitaw funzjonijiet regolatorji jew funzjonijiet li għandhom jitneħħew minn taħt l-influwenza politika, filwaqt li jibqgħu suġġetti għall-osservanza tal-liġi, taħt is-superviżjoni tal-qrati kompetenti. Il-fatt li l-ANR jingħataw status indipendenti mill-amministrazzjoni ġenerali ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jċaħħad lil dawn l-awtoritajiet mil-leġittimità demokratika tagħhom, sa fejn dawn ma jkunux esklużi minn kull influwenza parlamentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punti 42, 43 u 46).

127    Issa, id-Direttivi 2009/72 u 2009/73 ma jipprekludux li l-persuni fit-tmexxija tal-ANR jinħatru mill-parlament jew mill-gvern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punti 36 sa 39). Huma lanqas ma jipprekludu, kif jirriżulta mill-premessa 34 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 30 tat-tieni waħda, li dawn l-awtoritajiet ikunu suġġetti għall-kontroll parlamentari skont id-dritt kostituzzjonali tal-Istati Membri.

128    Barra minn hekk, l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 jimponu lill-Istati Membri jistabbilixxu, fuq livell nazzjonali, mekkaniżmi adatti li jippermettu lil parti leża minn deċiżjoni tal-ANR tadixxi lil organu indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u mill-gvernijiet. Tali rekwiżit huwa korollarju tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trasport tal-elettriku u tal-gass naturali), C‑771/18, EU:C:2020:584, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ demokrazija, iggarantit fl-Unjoni, sabiex tagħti lil awtorità differenti mill-ANR kompetenzi li jaqgħu esklużivament taħt din tal-aħħar, skont l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.

130    Barra minn hekk, anki jekk ir-regolamenti adottati mill-Gvern Federali, skont l-Artikolu 24 tal-EnWG, għandhom in-natura ta’ “liġijiet sostantivi”, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kompetenza attribwita mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 esklużivament lill-ANR u l-indipendenza tagħhom għandhom jiġu ggarantiti fir-rigward ta’ kull korp politiku, u għalhekk mhux biss fir-rigward tal-gvern, iżda wkoll fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali, li ma jistax ineħħi parti minn dawn is-setgħat mill-ANR u jattribwixxihom lil korpi pubbliċi oħra.

131    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité (9/56, EU:C:1958:7), mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk din il-ġurisprudenza hijiex applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni, dwar awtoritajiet nazzjonali indikati mill-Istati Membri skont direttiva, hemm lok li jiġi rrilevat, bħalma jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73 tirriżulta b’mod partikolari mill-punti 105 u 113 ta’ dik is-sentenza u, fi kwalunkwe każ, hija konformi ma’ tali ġurisprudenza. Skontha, ma huwiex permess li lil entitajiet ta’ natura amministrattiva jiġi ddelegat marġni ta’ diskrezzjoni li, permezz tal-użu li jsir minnu, jista’ jirriżulta f’għażliet reali ta’ natura politika, u dan billi jiġu ssostitwiti l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, u b’hekk jitwettaq “spostament reali ta’ responsabbiltà”. Għall-kuntrarju, hija awtorizzata delega ta’ setgħat ta’ eżekuzzjoni delimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 41, 42 u 54).

132    Fil-fatt, minn naħa, il-kompetenzi rriżervati għall-ANR jaqgħu fil-qasam tal-eżekuzzjoni, abbażi ta’ evalwazzjoni teknika speċjalizzata tar-realtà. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 120 sa 123 ta’ din is-sentenza, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi l-ANR huma suġġetti għal prinċipji u għal regoli stabbiliti minn qafas regolatorju daqstant iddettaljat fuq il-livell tal-Unjoni, li jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u jipprekluduhom milli jagħmlu għażliet ta’ natura politika.

133    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-direttivi.

 Dwar l-ispejjeż

134    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

135    Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

136    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li r-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett:

–        il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE, kif ukoll il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE,

–        l-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73,

–        l-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73,

–        l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-direttivi.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.