Language of document : ECLI:EU:C:2021:662

Kawża C718/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali – Direttiva 2009/72/KE – Il-punt 21 tal-Artikolu 2 – Artikolu 19(3), (5) u (8) – Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) – Direttiva 2009/73/KE – Il-punt 20 tal‑Artikolu 2 – Artikolu 19(3), (5) u (8) – Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) – Kunċett ta’ ‘impriża integrata vertikalment’ – Separazzjoni effettiva bejn in‑networks u l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku u ta’ gass naturali – Operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti – Indipendenza tal‑persunal u tal-amministrazzjoni ta’ dan l-operatur – Perijodi tranżitorji – Ishma miżmuma fil-kapital tal-impriża integrata vertikalment – Awtoritajiet nazzjonali regolatorji – Indipendenza – Kompetenzi esklużivi – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15 – Dritt għax-xogħol u li tiġi eżerċitata professjoni – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet – Prinċipju ta’ demokrazija”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72 – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Impriża integrata vertikalment – Kunċett – Separazzjoni effettiva bejn ġestjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u attivitajiet ta’ ġenerazzjoni, produzzjoni u provvista – Interpretazzjoni li tinkludi attivitajiet eżerċitati barra mill-Unjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72, il-punt 21 tal-Artikolu 2; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, il-punt 20 tal-Artikolu 2)

(ara l-punti 32-40, 44)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72 – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Indipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni – Persuni li eżerċitaw attività professjonali f’impriża integrata vertikalment – Perijodi tranżitorji applikabbli – Moviment liberu tal-ħaddiema – Għażla libera tal-professjoni – Limitazzjonijiet

(Artikolu 45 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15(1) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72, Artikolu 19(3) u (8); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 19(3) u (8))

(ara l-punti 53, 54, 56, 59-68)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72 – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Indipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni – Impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni – Projbizzjoni li wieħed ikollu interessi jew jirċievi benefiċċji finanzjarji minn impriża integrata vertikalment – Dritt għall-proprjetà – Limitazzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72, Artikolu 19(5); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 19(5))

(ara l-punti 76, 77, 79, 81-84)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72 – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Awtoritajiet regolatorji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lis-setgħa eżekuttiva tal-Istat Membru ċerti kompetenzi esklużivi tal-awtoritajiet regolatorji – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Rispett tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ demokrazija tal-Unjoni – Setgħat ta’ eżekuzzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72, Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b))

(ara l-punti 105, 112, 113, 115, 116, 119, 123-126, 130-133)

Sunt

Id-Direttivi 2009/72 (1) u 2009/73 (2) għandhom l-għan li joffru libertà ta’ għażla lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea fi swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali. Sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjonijiet, id-direttivi ddeterminaw separazzjoni effettiva tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista (“separazzjoni effettiva”). L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi hija żgurata bil-ħolqien ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem l-“ANR”) indipendenti, imparzjali u trasparenti (3).

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’, fl-intier tiegħu, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra l-Ġermanja. L-erba’ lmenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha kollha jirrigwardaw it-traspożizzjoni inkorretta, mill-Ġermanja, ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 fil-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija (4).

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel ilment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkritikat lill-Ġermanja talli ma ttrasponietx b’mod korrett il-kunċett ta’ “impriża integrata vertikalment” (iktar ’il quddiem l-“IIV”), billi llimitat dan il-kunċett għall-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni (5). Hija tenfasizza li l-kunċett ta’ “IIV” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li ma jipprevedix limitazzjoni territorjali u għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċett ta’ “separazzjoni effettiva”, sabiex jiġi evitat riskju ta’ diskriminazzjoni fl-aċċess għan-networks. Fil-fatt, jistgħu jeżistu kunflitti ta’ interess bejn operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jinsab fl-Unjoni u produtturi jew fornituri tal-elettriku jew tal-gass naturali li jeżerċitaw attivitajiet f’dawn l-oqsma barra minnha. L-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “IIV” tippermetti li jiġu inklużi, jekk ikun il-każ, attivitajiet eżerċitati barra mill-Unjoni. Dan ma jimplikax estensjoni tal-kompetenza leġiżlattiva tal-Unjoni. Konsegwentement, l-interpretazzjoni restrittiva, mill-Ġermanja, tal-kunċett ta’ “IIV” ma hijiex konformi mal-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi.

Fil-kuntest tal-indipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni lment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkritika l-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi fil-qasam tal-perijodi tranżitorji, dwar il-bidla fil-kariga fi ħdan l-IIV, ġiet limitata għall-partijiet tal-IIV li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-enerġija (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttivi ma jinkludux tali limitazzjoni, li tmur kontra l-għan tas-“separazzjoni effettiva”, li jirriżulta neċessarju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Skont id-dispożizzjonijiet tad-direttivi, il-“perijodi tranżitorji” japplikaw għall-persuni responsabbli għat-tmexxija u/jew għall-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jkunu wettqu, qabel ma jkunu ġew ingaġġati, attività fi ħdan l-IIV, jew f’impriża azzjonista li teżerċita kontroll ta’ waħda mill-impriżi tal-IIV, anki jekk dawn l-attivitajiet ma kinux eżerċitati fis-settur tal-enerġija tal-IIV jew f’impriża azzjonista li teżerċita kontroll ta’ waħda mill-impriżi tas-settur tal-enerġija tal-IIV.

Bi tweġiba għal argument tal-Ġermanja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt fundamentali tal-għażla libera tal-professjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-libertajiet ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jiġu limitati taħt ċerti kundizzjonijiet, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiv tal-liġi Ġermaniża jmur kontra d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-direttivi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet ilment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jipprojbixxu li wieħed ikollu ċerti interessi jew jirċievi ċerti benefiċċji finanzjarji minn parti mill-IIV ġew trasposti biss b’mod limitat fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, mingħajr ma japplikaw għall-ishma miżmuma mill-impjegati tal-operautr tas-sistema ta’ trażmissjoni (7), filwaqt li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn il-projbizzjonijiet japplikaw ukoll għall-impjegati. Tali interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija sostnuta mill-għan tas-“separazzjoni effettiva” kif ukoll mir-riskju li impjegati li ma jipparteċipawx fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jkunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-attivitajiet tal-persuna li timpjegahom tant li jkunu jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi fil-każ li dawn l-impjegati jkollhom ishma fl-IIV jew f’partijiet minnha. Bi tweġiba għal argument tal-Ġermanja dwar id-dritt għall-proprjetà tal-impjegati, iggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-projbizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti ma jippreġudikawhx b’mod sproporzjonat u intollerabbli sal-punt li jaffettwaw is-sustanza stess ta’ dan id-dritt.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ lment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkritika lill-Ġermanja talli kisret il-kompetenzi esklużivi tal-ANR kif previsti mid-direttivi, billi attribwixxiet lill-Gvern Federali, permezz tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, id-determinazzjoni tal-metodi sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi t-tariffi applikabbli (8). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-indipendenza sħiħa tal-ANR hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit li dawn ikunu imparzjali u nondiskriminatorji fir-rigward tal-entitajiet ekonomiċi u tal-entitajiet pubbliċi. Hija tirrileva li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri għandha tosserva l-għanijiet u l-obbligi stabbiliti mid-direttivi. B’mod partikolari, it-tariffi u l-metodi ta’ kalkolu għall-kummerċ intern u transkonfinali għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ kriterji uniformi, bħal dawk previsti mid-direttivi u ddeterminati minn atti normattivi oħra tal-Unjoni.

Bi tweġiba għall-argument tal-Ġermanja li l-Artikolu 24 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija huwa ta’ natura leġiżlattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva u li, b’mod partikolari, id-direttivi huma adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-prinċipju ta’ demokrazija ma jipprekludix l-eżistenza ta’ awtoritajiet pubbliċi li jinsabu barra mill-amministrazzjoni ġerarkika klassika u li huma ftit jew wisq indipendenti mill-gvern. L-istatus indipendenti tal-ANR ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jċaħħad lil dawn l-awtoritajiet mil-leġittimità demokratika tagħhom, sa fejn ma jkunux esklużi minn kull influwenza parlamentari (9).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-kompetenzi rriżervati għall-ANR jaqgħu fil-qasam tal-eżekuzzjoni, abbażi ta’ evalwazzjoni teknika speċjalizzata, u ma jagħtux lil dawn l-awtoritajiet marġni ta’ diskrezzjoni li jista’ jimplika għażliet ta’ natura politika. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, f’dan il-każ, l-ANR huma suġġetti għal prinċipji u regoli stabbiliti minn qafas regolatorju ddettaljat fuq il-livell tal-Unjoni.


1      Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). Din id-direttiva tħassret b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021 bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). Madankollu, hija tibqa’ applikabbli ratione temporis għal din il-kawża.


2      Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).


3      Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/72 u Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2009/73.


4      Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija) tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. I, p. 1970 u 3621), kif emendata bl-Artikolu 2(6) tal-Liġi tal-20 ta’ Lulju 2017 (BGBl. I, p. 2808, 2018 I p. 472).


5      Ksur tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73.


6      Ksur tal-Artikolu 19(3) u (8) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73.


7      Ksur tal-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73.


8      Ksur tal-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.


9      F’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punti 42, 43 u 46); f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462, punti 36 sa 39).