Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fl-24 ta’ Jannar 2022 – Austrian Airlines AG vs TW

(Kawża C-49/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Austrian Airlines AG

Konvenut: TW

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 (Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri), għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ta’ ripatrijazzjoni li titwettaq fil-kuntest tal-attività tal-poter pubbliku tal-Istat għandha wkoll titqies bħala rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, taħt kundizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, kif għandha tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru li jopera, fil-każ ta’ kanċellazzjoni, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera ma jistax effettivament jiġġustifika dritt għat-trasport tal-passiġġier iżda seta’ jirreġistra lill-passiġġier fuq din it-titjira u jsostni l-ispejjeż u, meta bl-istess ajruplan u l-istess ħinijiet, previsti għat-titjira inizjali kkanċellata, it-trasportatur tal-ajru li jopera, iwettaq it-titjira skont ftehim kuntrattwali mal-Istat?

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li jirreġistra lilu nnifsu fuq titjira ta’ ripatrijazzjoni kif deskritt fl-ewwel domanda u li fir-rigward tagħha jagħmel kontribut obbligatorju għall-ispejjeż tal-Istat għandu dritt għal kumpens għal dawk l-ispejjeż mingħand it-trasportatur tal-ajru, li jirriżulta direttament mir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, anki jekk l-ispejjeż ma jikkonsistux esklużivament fi spejjeż relatati mat-titjira?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8,p. 10