Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2009 - Cañas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-508/09)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Guillermo Cañas (Buenos Aires, l-Arġentina) (rappreżentant: F. Laboulfie, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Ottubru 2009 fil-Każ COMP/39471, Guillermo Cañas vs WADA, ATP u ICAS

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, plejer Arġentin tat-tennis professjonali, jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju suffiċjenti l-ilment tar-rikorrent kontra l-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA), l-ATP Tour Inc. (ATP) u l-Kunsill Internazzjonali ta' Arbitraġġ għall-Isport (ICAS), dwar il-ksur allegat tal-Artikolu 81 u/jew tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE fir-rigward ta' ftehim jew prattiki miftiehma u abbuż ta' pożizzjoni dominanti min-naħa ta' dawn l-awtoritajiet sportivi.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li r-regoli tal-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping żviluppati, applikati u vvalidati mill-WADA, l-ATP u l-ICAS huma diskriminatorji peress li jippermettu li jiġu ppenalizzati, b'mod differenti, skont il-klassifikazzjoni tas-sustanza misjuba fil-fluwidi tal-ġisem, żewġ atleti li nstab li huma pożittivi minħabba negliġenza li jkunu kkommettew l-istess żball. Preċiżament, ir-rikorrent isostni li dawn ir-regoli kontra d-doping jippenalizzaw b'sospensjoni minima ta' sena d-doping minħabba negliġenza b'sustanza msejħa pprojbita, filwaqt li l-penali minima għal doping minħabba negliġenza b'sustanza msejħa speċifika (illum speċifikata) hija t-twissija.

Skont ir-rikorrent, ir-regoli kontra d-doping inkwistjoni huma eċċessivi peress li s-sistema ta' penali li hija tistabbilixxi ma tippermettiex li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett, f'dan il-każ, noċiv, ta' sustanza assorbita aċċidentalment. Ir-regoli kontra d-doping kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom huma sproporzjonati meta mqabbla mal-gravità (relattiva) tal-iżball li huma akkużati bih.

Il-WADA, l-ATP u l-ICAS, li huma tliet impriżi fis-sens Komunitarju, ikkonkludew ftehim jew adottaw prattiki miftiehma li illegalment jillimitaw il-kompetizzjoni bejn il-plejers tat-tennis professjonali u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-regoli kontra d-doping inkwistjoni japplikaw għall-atleti kollha ta' kull dixxiplina sportiva tal-anqas dawk Olimpiċi u mhux biss għar-rikorrent, li hija r-raġuni għaliex il-projbizzjoni tagħhom għandha interess Komunitarju kunsiderevoli.

Barra minn hekk, il-WADA, l-ATP u l-ICAS, indipendentement waħda mill-oħra u/jew kollettivament, abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, l-ewwel permezz ta' diskriminazzjoni reali u potenzjali bejn sportivi professjonali kompetituri u sussegwentement għaliex ir-regoli kontra d-doping jippermettu lil ATP tirrifjuta li tikkonkludi kuntratti ma' plejer tat-tennis, li nstab li huwa pożittiv minħabba negliġenza għal sustanza pprojbita matul perijodu minimu ta' sena.

____________