Language of document : ECLI:EU:T:2013:141

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Marzu 2013 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal provvisti – Euratom – Proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-Impriża Konġunta Fusion for Energy – Provvista ta’ materjal elettriku – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Proċedura miftuħa – Offerta li tinkludi riżervi – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Kunflitt ta’ interessi – Deċiżjoni ta’ għoti – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”


Fil-Kawża T‑415/10,

Nexans Franza, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Tran Thiet, J.‑F. Le Corre u M. Pigeat, avukati,

rikorrenti,

vs

Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn A. Verpont, bħala aġent, assistita minn C. Kennedy‑Loest, C. Thomas, solicitors, J. Derenne, N. Pourbaix, avukati, u M. Farley, solicitor,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti u tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Preżentazzjoni tal-Impriża Konġunta

1        Fil-21 ta’ Novembru 2006, il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom), ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka laħqu Ftehim dwar it-Twaqqif tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implementazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (ĠU 2006, L 358, p. 62).

2        Permezz tad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom, tas-27 ta Marzu 2007, li tistabbilixxi Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħti vantaġġi lil din (ĠU L 90, p. 58), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkostitwixxa Impriża Konġunta fis-sens tal-Artikolu 45 EA, imsejħa l-“Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fusion for Energy)” (iktar ’il quddiem l-“Impriża Konġunta”).

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/198, il-missjoni tal-Impriża Konġunta hija li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-organizzazzjoni internazzjonali ITER [-Artikolu 1(2)(a)], li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-attivitajiet ta’ “approċċ usa” mal-Ġappun għall-iżvilupp mgħaġġel tal-enerġija mill-fużjoni [Artikolu 1(2)(b)] u li tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur ta’ dimostrazzjoni tal-fużjoni u ta’ faċilitajiet relatati [Artikolu 1(2)(c)]. Il-missjonijiet tal-Impriża Konġunta jinkludu wkoll, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni, fuq talba tal-organizzazzjoni internazzjonali ITER, ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ tagħmir u ta’ servizzi neċessarji għall-kontribuzzjoni Ewropea lill-proġett ITER kif ukoll, fil-kuntest ta’ ftehim speċifiku milħuq bejn il-Euratom u l-Ġappun, għall-provvista ta’ ċerti komponenti ta’ reattur sperimentali tal-fużjoni nukleari Ġappuniż JT‑60SA (iktar ’il quddiem il-“proġett JT‑60SA”).

4        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2007/198 jipprovdi li l-Impriża Konġunta jkollha Regolament Finanzjarju tagħha stess ibbażat fuq il-prinċipji tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1), iżda li jista’ jiddevja skont kif meħtieġ mill-bżonnijiet operattivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta u suġġett għal konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

5        Permezz taż-żewġ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Ottubru 2007, emendati fit-18 ta’ Diċembru 2007, il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta, minn naħa, ir-Regolament Finanzjarju tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta”) u min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”).

2.     Għoti tal-kuntratt

6        Fl-2007, fl-2008 u fl-2009, l-Impriża Konġunta kkonkludiet ftehim ta’ provvista mal-organizzazzjoni internazzjonali ITER. Skont dan il-ftehim, l-Impriża Konġunta b’mod partikolari aċċettat li tipprovdi ċerti superkonduċenti meħtieġa għall-iżvilupp tal-proġetti ITER u JT‑60SA.

7        Barra minn dan il-ftehim, l-Impriża Konġunta kkonkludiet ftehim ta’ implementazzjoni tax-xiri mal-aġenzija nazzjonali Russa li qed tipparteċipa fil-proġett ITER, li permezz tiegħu l-aġenzija Russa għandha tipprovdi l-kejbils neċessarji għall-iffabbrikar tas-superkonduċenti għall-kojls tal-kamp polojdali (poloidal fields, iktar ’il quddiem il-“konduċenti PF”) li għandhom ikunu l-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-proġett ITER, sa kemm l-Impriża Konġunta tkun inkarigata mis-sistema tal-konduċenti PF suġġetti għall-kontribuzzjoni Russa għall-proġett ITER.

8        Fis-6 ta’ Awwissu 2009, l-Impriża Konġunta ppubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009/S 149‑218279), l-avviż ta’ kuntratt għall-għoti F4E‑2009‑OPE‑018, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa, ta’ kuntratt ta’ provvista (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) għax-xiri ta’ konduċenti PF, minn naħa, u ta’ superkonduċenti għall-kojls tal-kamp torojdali (toroidal fields, iktar ’il quddiem il-“konduċenti TF”), min-naħa l-oħra.

9        L-għan tal-kuntratt jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kejbils u s-sistema ta’ konduċenti TF li għandhom jiġu pprovduti mill-Euratom lill-proġett ITER, it-tieni nett, is-sistema tal-konduċenti PF li għandhom jiġu pprovduti mill-Euratom u mill-Federazzjoni Russa lill-proġett ITER u, it-tielet nett, il-kejbils u s-sistema ta’ konduċenti TF li għandhom jiġu pprovduti f’isem il-Euratom mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Italja għall-proġett JT‑60SA.

10      L-avviż ta’ kuntratt jippreċiża li dan kien jikkonċerna proċedura miftuħa suġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta u tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

11      Id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u 18-il anness, inklużi l-“Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni” (Anness A, iktar ’il quddiem l-“Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni”), l-“Ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista ta’ konduċenti TF u PF” (Anness B, iktar ’il quddiem l-“Ispeċifikazzjonijiet tekniċi”) u mudell ta’ kuntratt (Anness 1, iktar ’il quddiem il-“kuntratt standard”). L-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod partikolari jinkludu kalendarju ta’ kunsinna.

12      Il-punt 3.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jindika li l-konduċenti differenti li huma l-għan tal-kuntratt għandhom jiġu kkunsinnati skont il-kalendarju speċifikat fit-Taqsima 3 tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Skont il-punt 3.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kunsinna ta’ provvista għandha tkun konformi mal-obbligi tal-kuntratt standard, mal-Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni u mal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

13      Il-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Kundizzjonijiet Ġenerali”, jistabbilixxi dan li ġej:

“Il-preżentazzjoni ta’ offerta timplika l-aċċettazzjoni tal-obbligi kollha tal-kuntratt standard u tal-annessi tiegħu, inklużi l-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] u l-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni], kif ukoll ir-rinunzja tal-offerent għall-kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi tiegħu.

[L-Impriża Konġunta] tista’ tinjora kull riżerva jew klawżola ta’ irresponsabbiltà f’dan is-sens li tinsab fl-offerta u tirriżerva d-dritt li tiċħad tali offerti mingħajr ma jkollha bżonn tipproċedi għal evalwazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jagħmluhom mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

Din it-taqsima tiddefinixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-issuġġettar tal-offerti, jiġifieri l-kundizzjonijiet li l-offerenti għandhom jissodisfaw fil-preparazzjoni u fis-sottomissjoni tal-offerta tagħhom, sabiex jippermettu l-aċċettazzjoni ta’ dawn u jiffavorixxu, minn naħa tal-evalwaturi, għarfien tajjeb u evalwazzjoni korretta tal-informazzjoni kkomunikata.

L-offerti għandhom ikunu ċari u konċiżi. Għandhom ikunu perfettament leġibbli u għandhom jeliminaw kull dubju dwar is-sens tal-kliem u l-figuri. Peress li l-offerenti ser ikunu ġġudikati esklużivament fuq il-kontenut tal-offerta bil-miktub tagħhom, huma għandhom jagħmlu ċar li huma kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżiti li jinsabu fl-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] u fl-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni] u li huma kapaċi jwettqu l-kompiti meħtieġa.

[…]

L-offerti għandhom jiġu fformulati skont dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u jużaw il-formoli annessi.

L-offerti għandhom ikunu ffirmati mir-rappreżentant jew mir-rappreżentanti kkwalifikati tal-offerent. L-ispejjeż imġarrba waqt il-preparazzjoni u s-sottomissjoni tal-offerti mhux se jitħallsu lura mill-[Impriża Konġunta].

Ebda informazzjoni ta’ kull tip ma tista tingħata fuq l-istatus tal-evalwazzjoni tal-offerti.

Il-fatt li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti humiex sodisfatti u/jew li t-tnedija ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ma timponi l-ebda obbligu fuq l-[Impriża Konġunta] sabiex tattribwixxi l-kuntratt. [L‑Impriża Konġunta] mhux meħtieġa li tindennizza lill-offerenti li l-offerta tagħhom ma tkunx ġiet aċċettata, inkluż fil-każ li tiddeċiedi li ma tattribwixxix il-kuntratt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li l-punt 6 tiegħu huwa intitolat “Obbligi kuntrattwali”, barra minn hekk jispeċifikaw li l-kuntratt standard mehmuż fl-Anness 1 kien applikabbli għall-proċedura u li l-obbligi ta’ dan il-kuntratt jagħmlu parti integrali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

15      Il-punt 13.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdu li l-informazzjoni teknika pprovduta fl-offerta għandha tikkonforma mal-Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni u mal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, dan il-punt jindika li:

“Fid-dawl tad-dokumentazzjoni imsemmija iktar ’il fuq, l-ommissjoni totali jew parzjali ta’ informazzjoni sostanzjali neċessarja jew in-nuqqas ta’ konformità tas-sejħa mar-rekwiżiti minimi tal-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni] u tal-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] iwassal għal ċaħda tal-offerta. Għaldaqstant, l-offerent huwa mistieden jistudja bir-reqqa l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni u jipprovdi fl-offerta tiegħu l-informazzjoni kollha meħtieġa kif ukoll kull element addizzjonali li jista’ jiffaċilita l-evalwazzjoni tal-offerta mill-[Impriża Konġunta].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Skont il-punt 3 tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi, kalendarju ta’ kunsinna jiddetermina, f’numru ta’ xhur mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt standard, id-data li fiha t-tipi differenti ta’ konduċenti kellhom jiġu kkunsinnati mill-kontraenti lill-Impriża Konġunta.

17      Ir-rikorrenti, Nexans Franza, ippreżentat offerta (iktar ’il quddiem l-“Offerta”) fit-23 ta’ Ottubru 2009. Din kienet tinkludi Anness C 1, intitolat “Lista ta’ fatturi ewlenin fil-kuntratt standard li jwasslu għall-formulazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti klawżoli” li jipproponi diversi emendi għall-kuntratt standard (iktar ’il quddiem ir-“riżervi”). Ir-riżervi b’mod partikolari jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, ir-rikorrenti xtaqet tissuġġetta d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt għall-ħlas bil-quddiem mill-Impriża Konġunta kif ukoll għall-ksib ta’ permess għall-bini tal-fabbrika tagħha f’Cortaillod (l-Iżvizzera); it-tieni nett, ir-rikorrenti xtaqet tiċħad kull responsabbiltà fil-każ ta’ problemi relatati mad-disinn tal-kejbils stabbiliti mill-Impriża Konġunta jew ikkawżati minn prodotti intermedjarji pprovduti mill-Impriża Konġunta, jew ikkawżati wkoll minn prodotti ffabbrikati minnha stess, iżda maħduma mill-ġdid mill-Impriża Konġunta; it-tielet nett, ir-rikorrenti xtaqet tikkontesta l-kalendarju ta’ kunsinna, hija ppreżentat kalendarju differenti li jipprovdi sabiex l-ewwel kunsinna tiġi posposta bi tnax-il xahar u l-aħħar kunsinna b’xahar, jew li twettaq l-aħħar kunsinna tal-kuntratt wara 55 xahar minflok 54; ir-raba’ nett, ir-rikorrenti talbet li l-penali għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tkun ikkalkolata fuq il-bażi tal-ammont ta’ prodotti mhux kunsinnati fil-ħin u mhux fuq il-valur totali tal-kuntratt u li r-rata tal-penali applikabbli tkun ta’ 1 % għal kull ġimgħa sa massimu ta’ 15 % tal-prodotti mhux kunsinnati fil-ħin u ta’ 10 % tal-valur totali tal-kuntratt; il-ħames nett, ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tikkontesta l-klawżoli dwar id-dewmien ta’ kunsinna, is-sistema ta’ pagamenti parzjali, it-tul tal-garanzija tal-prodotti tagħha, l-ammont massimu ta’ responsabbiltà tagħha u l-prinċipju ta’ prezz fiss; is-sitt nett, ir-rikorrenti sostniet id-dritt, fil-każ ta’ diffikultajiet tekniċi, li tibbenefika minn aċċess bla ħlas għal teknoloġija ġdida li għandha tiġi pprovduta mill-Impriża Konġunta jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-dritt għal rexissjoni unilaterali tal-kuntratt; is-seba’ nett, ir-rikorrenti xtaqet tiġi rikonoxxuta drittijiet ta’ proprjetà intellettwali usa minn dawk ipprovduti mill-kuntratt standard; it-tmien nett, ir-rikorrenti xtaqet li tingħata setgħa ta’ rexissjoni unilaterali mingħajr kumpens fil-każ fejn l-Impriża Konġunta tonqos milli tagħmel il-ħlasijiet fit-termini previsti, tikkontesta t-talbiet tagħha għall-ħlas jew fil-każ fejn hija ma tkunx tista’ tiffabbrika l-konduċenti meħtieġa skont l-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Impriża Konġunta; id-disa’ nett, fl-aħħar, ir-rikorrenti tressaq riżerva dwar l-Artikolu II.26 tal-kuntratt standard, peress li t-test huwa inkomplet.

18      B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2009, membru tad-dipartiment tal-kuntratti u tal-kuntratti pubbliċi tal-Impriża Konġunta, R., talab lir-rikorrenti xi preċiżazzjonijiet rigward l-Offerta. R. fakkar lir-rikorrenti t-tifsira tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u stidienha, barra minn hekk, sabiex tipprovdi kopja ffirmata tal-kuntratt standard u sabiex tikkonferma l-aċċettazzjoni tal-obbligi kollha tiegħu. Il-punt A ta’ din l-ittra jikkonkludi permezz taż-żewġ paragrafi li ġejjin:

“Tista’ tikkonferma l-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi tal-kuntratt standard u tal-annessi tiegħu? Jekk dan huwa l-każ, tista’ tikkonferma li r-[riżervi] huma sempliċi indikazzjonijiet u mhux obbligi kuntrattwali? Tista’ tipprovdi kopja tal-kuntratt standard inizjalat f’kull paġna u ffirmat minn persuna awtorizzata mill-kumpanija tiegħek sabiex tagħmel dan?

Fil-każ li inti ma tkunx tista’ tikkonferma l-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi kuntrattwali, [l-Offerta] ser tiġi miċħuda mingħajr evalwazzjoni ulterjuri.”

19      Fl-ittra oriġinali mibgħuta lir-rikorrenti, il-kliem “miċħuda mingħajr evalwazzjoni ulterjuri” kienu enfasizzati.

20      L-ittra ta’ R. inkludiet ukoll punt B, intitolat “Kriterji ta’ esklużjoni”, u punt C, intitolat, “Kapaċità teknika u professjonali”. Il-kwistjonijiet dwar dawn iż-żewġ punti ta’ din l-ittra kienu introdotti permezz tas-silta li ġejja, li kienet b’tipa grassa:

“Bla ħsara għall-konferma tal-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi tal-kuntratt hekk kif indikat iktar ’il fuq, jekk jogħġbok wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin […]”

21      Il-Viċi President tar-rikorrenti, M. B, wieġeb għal din l-ittra b’ittra tas-26 ta’ Novembru 2009. F’din it-tweġiba, huwa qis li r-riżervi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jservu ta’ bażi għan-negozjati bejn ir-rikorrenti u l-Impriża Konġunta, peress li l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-Offerta kienu ġew iddefiniti skont ir-riżervi. Huwa żied li mill-konverżazzjoni telefonika li seħħet fit-23 ta’ Novembru 2009 huwa fehem li l-Impriża Konġunta kkunsidrat li l-aċċettazzjoni tal-kuntratt standard kienet prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-Offerta. Madankollu, isostni li l-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) ma jistabbilixxix regola vinkolanti, iżda jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Impriża Konġunta. Huwa għal dan il-għan li reġa’ stidienha tikkunsidra l-interpretazzjoni tagħha tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li taċċetta l-Offerta filwaqt li tikkunsidra r-riżervi. Barra minn hekk, indika wkoll ir-raġunijiet għall-formulazzjoni tar-riżervi. Ma’ din l-ittra kienu wkoll mehmuża t-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet magħmula fil-punti B u C tal-ittra tad-19 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

22      Matul u wara dan l-iskambju ta’ ittri, saru kuntatti telefoniċi bejn ir-rikorrenti u l-Impriża Konġunta.

23      B’ittra tas-26 ta’ Frar 2010, il-Kap Eżekuttiv Prinċipali tar-rikorrenti, M. V, tenna r-riżervi u stieden lill-Impriża Konġunta tieħu pożizzjoni fuqhom. Barra minn hekk, f’din l-ittra, il-Kap Eżekuttiv Prinċipali tar-rikorrenti ġibed l-attenzjoni tal-Impriża Konġunta fuq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess possibbli ta’ wieħed mill-kompetituri tagħha.

24      Ir-rikorrenti spjegat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha waqt laqgħa organizzata mill-Impriża Konġunta fil-25 ta’ Marzu 2010.

25      B’ittra tat-13 ta’ April 2010, il-Kap tad-dipartiment tal-kuntratti u tal-kuntratti pubbliċi tal-Impriża Konġunta wieġeb l-ittri tas-26 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) u tas-26 ta’ Frar 2010 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq ). Il-Kap tad-dipartiment tax-xiri tal-Impriża Konġunta indika f’din l-okkażjoni li kien ser jikkunsidra l-allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi ppreżentat mir-rikorrenti. Din l-ittra kienet ukoll tinkludi s-silta li ġejja:

“F’dak li jirrigwarda s-sejħa għal offerti li qed tirreferi għaliha […], jekk jogħġbok innota li l-evalwazzjoni għadha għaddejja u, li għalhekk, [l-Impriża Konġunta] ma tista tiżvela l-ebda informazzjoni addizzjonali dwar dan. Madankollu, aħna nemmnu li l-iskambju ta’ ittri li seħħ bejn id-dipartiment tal-kuntratti u tal-kuntratti pubbliċi tal-[Impriża Konġunta] u Nexans kienu utli sabiex jikkjarifikaw il-kundizzjonijiet ġenerali u l-limiti li jirregolaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, bi tweġiba għall-ittra tiegħek tas-26 ta’ Novembru 2009, irridu nenfasizzaw li din l-ittra ntbagħtet minn Nexans bi tweġiba għal talba għal kjarifika mill-[Impriża Konġunta]. Peress li Nexans ipprovdiet l-informazzjoni kollha neċessarja f’din l-ittra, ma kienx hemm lok għall-Impriża Konġunta li twieġeb fil-kuntest tal-evalwazzjoni.”

26      F’ittra mibgħuta fis-16 ta’ April 2010 lill-Kap tal-kuntratti u tal-kuntratti pubbliċi tal-Impriża Konġunta, il-Viċi President tar-rikorrenti kkonferma li fil-fehma tiegħu kien hemm kunflitt ta’ interessi minħabba fil-preżenza fil-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta ta’ persuna impjegata mill-Agenzia nazionale per le nuove tecnologie, l’energia e lo sviluppo economico sostenibile (Aġenzija nazzjonali għal teknoloġiji ġodda, għall-enerġija u għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, l-Italja, iktar ’il quddiem “ENEA”). F’din l-ittra, tissemma wkoll il-possibbiltà ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna lir-rikorrenti kif ukoll tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma minnha.

27      Fiż-żewġ rapporti mibgħuta rispettivament lid-Direttur u lill-Kumitat eżekuttiv tal-Impriża Konġunta, stabbiliti fil-25 ta’ Marzu u fis-6 ta’ April 2010, skont l-Artikolu 122 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppropona li l-Offerta tiġi miċħuda u li jattribwixxi l-kuntratt lill-uniku offerent ieħor, il-Konsorzju msejjaħ Italian Consortium for Applied Superconductivity (ICAS) (iktar ’il quddiem il-“Konsorzju ICAS”) magħmul minn ENEA, Tratos Cavi SpA u Criotec Impianti Srl.

28      F’dak li jirrigwarda l-Offerta, il-Kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti indika kif ġej. L-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni fuq l-unur rigward il-kriterji ta’ esklużjoni kienet inkompleta. It-tieni nett, li r-rikorrenti ma pproduċietx kopja ffirmata tal-kuntratt standard, iżda minflok għamlet numru ta’ riżervi fuq il-klawżoli kuntrattwali relatati mal-kalendarju ta’ kunsinna, mal-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji kif ukoll mal-portata tal-garanzija tal-kontraenti. It-tielet nett, bi tweġiba għat-talba għal kjarifika, ir-rikorrenti sostniet ir-riżervi tagħha u pprovdiet informazzjoni addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ esklużjoni, fejn jirriżulta li hija kienet ikkundannata fl-2007 minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa fl-2001. Għalhekk il-Kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppropona ċ-ċaħda tal-Offerta, b’mod partikolari minħabba, u dan mingħajr il-bżonn li jiddeċiedi fuq il-kriterji ta’ esklużjoni, taż-żamma mir-rikorrenti ta’ riżervi inkompatibbli ma’ numru ta’ rekwiżiti essenzjali li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mill-kuntratt standard u mill-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

29      Konsegwentement, hija biss l-offerta tal-Konsorzju ICAS li ġiet evalwata. Peress li dan il-Konsorzju baqa’ l-uniku kandidat għall-għoti tal-kuntratt, kienu mibdija negozjati fuq il-bażi tal-Artikolu 139(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fuq talba tal-Impriża Konġunta.

30      Matul il-21 laqgħa tiegħu, fid-19 u fl-20 ta’ Mejju 2010, il-Kumitat eżekuttiv tal-Impriża Konġunta, meta mistoqsi dwar il-bażi tal-Artikolu 124(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, peress li l-kuntratt kien ta’ valur ikbar minn EUR miljun, ikkonferma l-validità tal-proċedura ta’ għoti.

31      Fit-8 ta’ Lulju 2010, id-Direttur tal-Impriża Konġunta ċaħad l-Offerta (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”) u ta l-kuntratt lill-Konsorzju ICAS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti”).

32      B’ittra tas-16 ta’ Lulju 2010, R. informa lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-Offerta skont l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, peress li din ma tissodisfax ċerti “kundizzjonijiet essenzjali” previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, minħabba fir-rifjut tar-rikorrenti li tiffirma kopja tal-kuntratt standard kif ukoll tar-riżervi. F’din l-ittra, id-deċiżjoni ta’ għoti ġiet mgħarrfa wkoll lir-rikorrenti. Fl-istess jum, id-deċiżjoni ta’ għoti ntbagħtet ukoll lill-Konsorzju ICAS.

33      Fit-23 ta’ Lulju 2010, il-Viċi President tar-rikorrenti kiteb lill-Impriża Konġunta sabiex tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti u d-deċiżjoni ta’ ċaħda (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) kif ukoll sabiex terġa’ tibda l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta kienet imwissija li hija tista’ tiġi mħarrka minħabba fil-ħabi ta’ informazzjoni kunfidenzjali protetta.

34      Din l-ittra kienet is-suġġett ta’ risposta tal-Kap tad-dipartiment tal-kuntratti u tal-kuntratti pubbliċi tal-Impriża Konġunta tat-3 ta’ Awwissu 2010.

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

35      B’rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

36      B’att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

37      B’ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2010, l-Impriża Konġunta informat lill-Qorti Ġenerali bit-tnedija ta’ investigazzjoni interna dwar il-kunflitt ta’ interess allegat fir-rikors u talbet is-sospensjoni ta’ din il-kawża sakemm tintemm din l-investigazzjoni.

38      It-talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti ġiet miċħuda permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2010 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

39      B’ittra tas-27 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti indikat il-qbil tagħha f’dak li jirrigwarda s-sospensjoni proposta ta’ dawn il-proċeduri.

40      B’digriet tad-19 ta’ Novembru 2010, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda din il-kawża sal-15 ta’ Diċembru 2010.

41      Fil-kuntest tal-investigazzjoni interna msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti u l-Konsorzju ICAS ġew mistiedna jissottomettu osservazzjonijiet. Id-dipartimenti tal-Impriża Konġunta sussegwentement ħejjew rapport li ġie ppreżentat lid-Direttur tal-Impriża Konġunta fid-29 ta’ Novembru 2010. Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, id-Direttur tal-Impriża Konġunta ddeċieda li jikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati. B’riżultat ta’ dan il-kuntratt ġie ffirmat mal-Konsorzju ICAS fid-9 ta’ Diċembru 2010 u r-rikorrenti kienet infurmata b’dan fl-istess jum. Ir-rapport ta’ investigazzjoni ġie kkomunikat lir-rikorrenti fit-18 ta’ Jannar 2011.

42      B’ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2011, ir-rikorrenti talbet, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Impriża Konġunta li tipproduċi, possibbilment fi verżjoni mhux kunfidenzjali, l-offerta teknika u kummerċjali ppreżentata mill-Konsorzju ICAS u l-kuntratt iffirmat ma’ dan il-Konsorzju fid-9 ta’ Diċembru 2010.

43      B’ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2011, l-Impriża Konġunta talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad din it-talba. Madankollu, hija pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kuntratt milħuq mal-Konsorzju ICAS kif ukoll l-Anness B ta’ dan il-kuntratt, inkluż il-kalendarju ta’ kunsinna.

44      Wara li rat ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li rrispondew għalihom fit-termini stabbiliti.

45      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012.

46      Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet kkontestati;

–        tannulla l-atti kollha adottati sussegwentement;

–        tikkundanna lill-Impriża Konġunta tħallasha somma ta’ EUR 175 453, bla ħsara għal eventwali preċiżazzjoni, miżjuda bl-interessi bħala kumpens għad-danni li hija tallega li sofriet;

–        sussidjarjament, fil-każ fejn il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida ma tkunx tista’ tiġi organizzata, tikkundanna lill-Impriża Konġunta tħallasha somma ta’ EUR 50 175 453, bla ħsara għal eventwali preċiżazzjoni, miżjuda bl-interessi bħala kumpens għad-danni li hija tallega li sofriet;

–        tikkundanna lill-Impriża Konġunta għall-ispejjeż.

47      L-Impriża Konġunta titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

 F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti

48      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, minbarra l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-annullament “[tal]-atti kollha adottati sussegwentement.”

49      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑447/10, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tindikax liema huma dawk id-deċiżjonijiet, minbarra d-deċiżjonijiet ikkontestati, li huma koperti mit-talba tagħha għal annullament. Tali kap tat-talbiet huwa għalhekk nieqes minn preċiżazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-portata ta’ dan u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 49 iktar ’il fuq, punti 25 sa 28, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑442/11, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 F’dak li jirrigwarda l-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti

51      L-Impriża Konġunta sostniet li l-Offerta ma kinitx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u konsegwentement kellha tiġi miċħuda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tal-opinjoni li r-rikorrenti ma għandha l-ebda interess tikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti. F’dak li jirrigwarda din l-aħħar deċiżjoni, ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

52      Ir-rikorrenti, madankollu, isostnu, b’riferiment għad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Lulju 2006, Globe vs Il‑Kummissjoni (T‑114/06 R, Ġabra p. II‑2627, punti 30 et seq.), li kandidat li ma jiġix magħżul f’proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa dejjem direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil kandidat ieħor. Għalhekk hija tikkunsidra li tista’ titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti.

53      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, applikabbli għal din il-kawża bis-saħħa tal-Artikolu 106a EA, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq appell kontra l-atti mibgħuta lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment. Għalhekk, peress li huwa stabbilit li d-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ għoti huwa l-Konsorzju ICAS u mhux ir-rikorrenti, għandu jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.

54      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tkun direttament ikkonċernata minn att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief bil-kundizzjoni li dan ma jipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punti 43 u 45, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill, T‑80/97, Ġabra p. II‑3099, punt 61).

55      Kemm-il darba ġie deċiż li meta l-offerta ta’ offerent hija miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li din ma hijiex mqabbla mal-offerti l-oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-offerent ikkonċernat kontra d-deċiżjoni ta’ għoti hija suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2011, Dredging International u Ondernemingen Jan de Nul vs EMSA, T‑8/09, Ġabra, p. II-6123, punti 134 u 135, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑17/09, punti 118 u 119).

56      Fil-fatt, huwa biss jekk din l-aħħar deċiżjoni tiġi annullata li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt hija suxxettibbli li tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-offerent li l-offerta tiegħu ġiet miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. Madankollu, meta t-talba għal annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta hija miċħuda, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt ma jistax ikollha konsegwenzi legali għall-offerent li l-offerta tiegħu ġiet miċħuda qabel l-istadju preċedenti għad-deċiżjoni ta’ għoti. F’dak il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tostakola lill-offerent ikkonċernat peress li taffettwah direttament permezz tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil offerent ieħor.

57      Għalhekk, fil-każ fejn, bħal f’din il-kawża, l-offerta ta’ kandidat ġiet miċħuda peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwa biss jekk dan il-kandidat jista’ juri li huwa żbaljat li l-offerta tiegħu ġiet miċħuda għal din ir-raġuni li huwa għalhekk jista’ jistabbilixxi li ried jaraha mqabbla mal-offerenti l-oħra, u għalhekk li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil kandidat ieħor tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu.

58      Konsegwentement, f’din il-kawża, l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tiddependi fuq is-suċċess tar-rikorrenti li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda. Minn dan isegwi li l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-argumenti kollha li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda.

 Fuq il-mertu tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

59      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, diretta mingħajr distinzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda u kontra d-deċiżjoni ta’ għoti, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv, li huwa maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat, rispettivament, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trasparenza. It-tieni motiv huwa maqsum f’erba partijiet u huwa ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn il-kandidati matul il-proċeduri. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikoli 84 u 94 tar-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta. Bir-raba’ motiv, fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

60      Għandu jitfakkar li l-Offerta ġiet miċħuda mill-Impriża Konġunta qabel il-fażi ta’ eżami komparattiv, minħabba li ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet previsti għall-offerenti fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti. It-tielet parti tat-tieni motiv, li hija bbażata fuq il-fatt li għall-preparazzjoni tal-offerta tiegħu, il-Konsorzju ICAS ibbenefika minn informazzjoni li tagħtu vantaġġ, hija għalhekk nieqsa minn kull rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda.

61      Permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob, minn naħa, li tikkontesta l-legalità tal-kundizzjonijiet imposti fuq l-offerenti permezz tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti u li fir-rigward tagħhom l-Impriża Konġunta evalwat l-Offerta.

62      L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali għalhekk tikkunsidra opportun li teżamina l-argumenti kollha ppreżentati f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv, tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll tat-tielet u tar-raba’ motivi, dwar l-irregolarità tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti.

63      Barra minn hekk, anki jekk il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti huma legali, ir-rikorrenti tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li huwa żbaljat li l-Impriża Konġunta ikkunsidrat li għandha dritt tiċħad l-Offerta qabel il-fażi tat-tqabbil tal-merti.

64      It-tieni lok, konsegwentement il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-kundizzjonijiet previsti mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, tat-tieni u tar-raba’ parti tat-tieni motiv kif ukoll tat-tielet u tar-raba’ motivi.

65      It-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-allegazzjonijiet dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

 F’dak li jirrigwarda l-legalità tad-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti

66      Il-kritika li saret mir-rikorrenti għad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti tista’ tinġabar fi tliet settijiet ta’ argumenti. L-ewwel nett, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv kif ukoll tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta l-impreċiżjoni tat-termini tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, li fl-opinjoni tagħha tostakolaha milli tkun taf b’eżattezza l-portata tal-obbligi tagħha, bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza. It-tieni nett, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi minħabba li t-termini għal kunsinna kienu stabbiliti b’tali mod sabiex jitneħħa kull applikant ieħor minbarra l-Konsorzju ICAS. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti barra minn hekk tqis li l-impożizzjoni ta’ dan il-kalendarju ta’ kunsinna jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tielet nett, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta li ppermettiet lil ENEA tinfluwenza favuriha l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, li jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.

–       Fuq il-kjarezza tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti

67      Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta l-impreċiżjoni tat-termini tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, li fil-fehma tagħha ostakolata milli tkun taf b’eżatezza l-portata tal-obbligi tagħha bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza. Din il-kritika hija mtennija mir-rikorrenti fl-argumenti tagħha dwar ir-raba’ motiv.

68      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti ma tispeċifikax b’mod ċar li l-offerenti kienu mitluba jaċċettaw il-kuntratt standard mingħajr id-dritt li jipproponu emendi. L-ittra lilha mibgħuta mill-Impriża Konġunta fid-19 ta Novembru 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) lanqas ma indikat li ċ-ċaħda tal-Offerta kienet inevitabbli minħabba fil-formulazzjoni ta’ riżervi, iżda l-Impriża Konġunta sempliċement iddikjarat li ċ-ċaħda kienet possibbli. Fl-ebda mument qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, l-Impriża Konġunta ma semmiet l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li għalhekk hija ma setgħetx raġonevolment tassumi li l-Impriża Konġunta għandha tapplika din id-dispożizzjoni f’din il-kawża u lanqas li l-“kundizzjonijiet ġenerali” msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jikkostitwixxu “kundizzjonijiet essenzjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, ma hemm xejn li jindika li l-osservanza tal-kalendarju ta’ kunsinna jikkostitwixxi “kundizzjoni essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 120(4) tar‑Regolament ta’ implementazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li l-Impriża Konġunta kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

69      Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippermetti lill-Impriża Konġunta tevalwa l-kwistjoni dwar jekk l-emendi għall-kuntratt standard proposti mill-offerent setgħux jiġu aċċettati. L-Impriża Konġunta għalhekk ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, iżda kellha setgħa diskrezzjonali. Madankollu, l-Impriża Konġunta fl-ebda mument ma ppermettiet lir-rikorrenti tifhem li l-interpretazzjoni tagħha tal-portata tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu differenti. Għall-kuntrarju, l-Impriża Konġunta ħbiet il-bażi legali li fuqha hija adottat id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Kif ukoll hija kisret il-prinċipju ta’ trasparenza.

70      L-Impriża Konġunta tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

71      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu preċiżament il-portata tal-obbligi tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punt 44, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 79). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali applikabbli għall-Impriża Konġunta matul l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bis-saħħa tal-Artikolu 79 tar-Regolament Finanzjarju tiegħu, jimplika li l-kundizzjonijiet kollha u l-modalitajiet tal-proċeduri ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex minn naħa, jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li effettivament tivverifika jekk l-offerti tal-offerenti jissodisfawx il-kriterji li jirregolaw is-suq inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, Ġabra p. I‑5553, punt 45, u tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punti 109 sa 111; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, European Service Network vs Il‑Kummissjoni, T‑332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 126 u 127).

72      Għalhekk, l-ewwel nett, huwa meħtieġ li jiġi investigat jekk id-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti tosservax ir-rekwiżiti fuq imsemmija. Il-kritika mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward tista’ tinġabar f’żewġ argumenti. Minn naħa, fil-fehma tagħha, ma kienx ċar li l-aċċettazzjoni mill-offerenti tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna kien obbligatorju. Min-naħa l-oħra, lanqas ma kien ċar li l-offerta ta’ offerent li jirrifjuta li jikkonforma ma’ dan l-obbligu seta’ biss jiġi miċħud.

73      Fir-rigward tal-ewwel argument, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ewwel paragrafu tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) li jgħid li:

“Il-preżentazzjoni ta’ offerta timplika l-aċċettazzjoni tal-obbligi kollha tal-kuntratt standard u tal-annessi tiegħu, inklużi l-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] u l-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni], kif ukoll ir-rinunzja tal-offerent għall-kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi tiegħu.”

74      Jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku minn dan l-obbligu tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li l-aċċettazzjoni tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna (li huwa parti mill-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi) kien obbligatorju għall-offerenti u li dawn kienu mistennija, mingħajr eċċezzjoni, li jirrinunzjaw kull klawżola tagħhom stess.

75      L-obbligu ta’ konformità mal-kalendarju ta’ kunsinna jirriżulta wkoll mill-punti 3.1 u 13.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punti 12 u 15 iktar ’il fuq). F’dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni tal-kuntratt standard, il-punt 6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippreċiża li dan, flimkien mal-Anness 1 għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwa applikabbli għall-proċeduri u li l-obbligi jagħmlu parti integrali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

76      Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fit-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan il-punt – jiġifieri, b’mod partikolari, l-aċċettazzjoni tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna – huma “applikabbli għall-issuġġettar tal-offerti” u li fi kliem ieħor dan jirrigwarda “kundizzjonijiet li l-offerenti għandhom jissodisfaw fil-preparazzjoni u fis-sottomissjoni tal-offerta tagħhom, sabiex jippermettu l-aċċettazzjoni ta’ dawn”. Bl-istess mod, fir-raba’ paragrafu tal-istess punt, huwa ppreċiżat li “l-offerenti ser ikunu ġġudikati esklużivament fuq il-kontenut tal-offerta bil-miktub tagħhom” u li konsegwentement “huma għandhom jagħmlu ċar li huma kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżiti li jinsabu fl-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] u fl-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni]”.

77      Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, jekk is-sens ta’ dawn l-obbligi meħuda individwalment, jistgħu jidhru ċari, in-natura ambigwa tal-portata tal-obbligi tal-offerenti jirriżulta madankollu mill-istruttura tad-dokumentazzjoni kollha dwar is-sejħa għal offerti. Madankollu, ir-rikorrenti naqset milli tidentifika b’mod iktar preċiż xi obbligu tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew ta’ dokumenti oħra tas-sejħa għal offerti li jistgħu jagħtu lok għal tali ambigwità u ma ppreżentat l-ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li fid-dawl tal-obbligi tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, ma kienx jidher ċar f’għajnejn operatur normalment diliġenti, li l-aċċettazzjoni mill-offerenti tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna kien obbligatorju u jikkostitwixxi kundizzjoni għall-konformità tal-offerta tagħhom mar-rekwiżiti previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

78      Minn dan isegwi li l-ewwel argument invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

79      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni argument li jikkonċerna l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, fejn f’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda ta’ offerti mhux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 77 iktar ’il fuq ma jirriżultax b’mod ċar mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

80      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li meta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bi ħsiebha timponi fuq l-offerenti, hija tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u barra minn hekk titlaq mill-kundizzjonijiet hekk kif definiti fir-rigward ta’ kull offerenti mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati. Għalhekk huwa fid-dawl tal-prinċipji ta’ awtolimitazzjoni u ta’ osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhom jiġu interpretati, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, kinux ta’ natura tali li jippermettu lill-Impriża Konġunta li taċċetta r-riżervi.

81      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li għal darb’oħra jsir riferiment għall-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li t-tieni paragrafu tiegħu jaqra kif ġej:

“[L-Impriża Konġunta] tista’ tinjora kull riżerva jew klawżola ta’ irresponsabbiltà f’dan is-sens li tinsab fl-offerta u tirriżerva d-dritt li tiċħad tali offerti mingħajr ma jkollha bżonn tipproċedi għal evalwazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jagħmluhom mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.”

82      Għandu jiġi kkonstatat li t-tifsira litterali ta’ dan l-obbligu huwa manifestament oppost għall-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti, li tgħid li l-Impriża Konġunta għandu jkollha setgħa diskrezzjonali u li tammetti derogi għar-rekwiżiti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punti 13 u 73 iktar ’il fuq). Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-punt 4.1, ’l bogħod milli jagħti lill-Impriża Konġunta l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni emendi eventwali għall-kuntratt standard u għall-kalendarju ta’ kunsinna, jawtorizzaha tinjora kull proposta eventwali ta’ deroga u legalment jippermittilha tirrifjuta kull offerta mhux konformi.

83      Minn dan isegwi li kuntrarjament għal dak li tqis ir-rikorrenti, l-Impriża Konġunta ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali li tippermettilha ma tirrifjutax offerta li tinkludi derogi mill-kuntratt standard jew mill-kalendarju ta’ kunsinna, imma li l-uniku marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda l-punt jekk id-derogi li minnhom tirriżulta n-nuqqas ta’ konformità tal-offerta għal dawn ir-rekwiżiti jistgħux jiġu injorati, peress li inkella hija tkun meħtieġa li tiċħad din l-offerta.

84      Barra minn hekk, il-punt 13.1.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), li jiddikjara li “in-nuqqas ta’ konformità tas-sejħa mar-rekwiżiti minimi tal-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni] u tal-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] iwassal għal ċaħda tal-offerta” jikkostitwixxi twissija addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi marbuta mal-assenza ta’ osservanza, mill-offerenti, tat-termini indikati fil-kalendarju ta’ kunsinna.

85      Barra minn hekk, il-punti 1 u 14 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mehmuża bħala Anness A 2 tar-rikors, darbtejn jindikaw li r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta u r-Regolament ta’ implementazzjoni jirregolaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, il-punt 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippreċiża li l-proċedura inkwistjoni hija proċedura miftuħa fis-sens tal-Artikolu 81(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta u tal-Artikolu 84 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Madankollu, tali proċeduri huma kkaratterizzati mill-impossibbiltà tal-awtorità kontraenti li tinnegozja mal-offerenti differenti, peress li dawn huma ġġudikati biss fuq il-kontenut tal-offerta bil-miktub tagħhom, kif ippreċiżat fil-paragrafu 4 tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

86      Barra minn hekk, l-ittra mibgħuta lir-rikorrenti mill-Impriża Konġunta fid-19 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) kienet pjuttost espliċita dwar il-portata tar-regoli li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni. Fil-fatt, fir-rigward tar-riżervi fformulati fl-Offerta, l-Impriża Konġunta indikat kif ġej:

“Tista’ tikkonferma l-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi tal-kuntratt standard u tal-annessi tiegħu? Jekk dan huwa l-każ, tista’ tikkonferma li r-[riżervi] huma sempliċi indikazzjonijiet u mhux obbligi kuntrattwali? Tista’ tipprovdi kopja tal-kuntratt standard inizjalat f’kull paġna u ffirmat minn persuna awtorizzata mill-kumpanija tiegħek sabiex tagħmel dan?

Fil-każ li inti ma tkunx tista’ tikkonferma l-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi kuntrattwali, [l-Offerta] ser tiġi miċħuda mingħajr evalwazzjoni ulterjuri.”

87      Il-konsegwenzi sostnuti mir-rikorrenti fil-każ li turi li r-riżervi tagħha kellhom valur kuntrattwali u li kienet biħsiebha tużahom kontra l-Impriża Konġunta kienu wkoll enfasizzati min-natura kundizzjonali tal-mistoqsijiet li segwew, fl-istess ittra, is-silta kkwotata iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn il-kwistjonijiet, li kienu relatati mal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, kienu introdotti mill-twissija li ġejja:

“Bla ħsara għall-konferma tal-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi tal-kuntratt hekk kif indikat iktar ’il fuq, jekk jogħġbok wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin […]”

88      Ir-rikorrenti ma tistax għalhekk issostni li l-Impriża Konġunta, kemm fl-abbozzar tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jew permezz tal-aġir tagħha matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, “ħbiet” il-bażi legali jiġifieri l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li fuqu hija bbażat id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

89      Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, matul il-qari tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, ma setgħetx tinjora li l-proċedura li għaliha hija suġġetta kienet irregolata mir-Regolament ta’ implementazzjoni, li l-Artikolu 120(4) tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“L-offerti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti essenzjali kollha deskritti fid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti jew għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dawn id-dokumenti huma miċħuda.

Il-Kumitat ta’ evalwazzjoni jew l-[Impriża Konġunta] jistgħu jitolbu lill-offerenti jipprovdu informazzjoni supplimentari jew jikkjarifikaw id-dokumenti prodotti mal-offerta tagħhom fit-terminu li jispeċifikaw.”

90      Għalhekk, it-tieni argument invokat mir-rikorrenti li ċ-ċaħda ta’ offerti mhux konformi għall-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt standard kif ukoll it-termini previsti fil-kalendarju ta’ kunsinna ma kinitx suffiċjentement prevedibbli għall-offerenti għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

91      Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li r-rikorrenti ma tistax issostni la li l-obbligu għall-offerenti li jaċċettaw il-kuntratt standard u l-kalendarju ta’ kunsinna li hemm fl-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif ukoll iċ-ċaħda tal-offerti mhux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti ma jirriżultawx b’mod evidenti mid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti u lanqas li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux disponibbli għaliha bi kjarezza suffiċjenti. Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tagħha relatati mal-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq il-ġustifikazzjoni tat-termini imposti mill-kalendarju ta’ kunsinna

92      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv u insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega l-illegalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi, fuq il-bażi li t-termini ta’ kunsinna kienu stabbiliti sabiex titneħħa kull applikazzjoni oħra li ma tkunx dik tal-Konsorzju ICAS. Għalhekk ir-rikorrenti tqis li l-impożizzjoni ta’ dan il-kalendarju ta’ kunsinna jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li jwassal għal kunflitt ta’ interessi kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

93      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li t-termini li jirriżultaw mill-kalendarju ta’ kunsinna impost fl-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi jikkostitwixxu ostakolu sproporzjonat, peress li huma biss dawk l-impriżi li fid-data prevista għall-għoti tal-kuntratt jiddisponu minn linja ta’ produzzjoni xierqa li kellhom ċans li jirbħu dan il-kuntratt. Dawn it-termini eċċessivament qosra kellhom biss l-għan li jiffavorixxu l-kandidatura tal-Konsorzju ICAS, li tagħha kienet membru ENEA, li huwa kkorroborat mill-fatt li ma saret l-ebda offerta oħra. Id-dewmien ta’ disa’ xhur għall-firma mill-Impriża Konġunta tal-kuntratt mal-Konsorzju ICAS juri li t-termini imposti ma kinux oġġettivament ġustifikati.

94      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti barra minn hekk issostni li l-Impriża Konġunta, peress li ffissat t-termini ta’ kunsinna b’tali mod li l-Konsorzju ICAS biss seta’ jirbaħ il-kuntratt, iċċaħħdet mill-opportunità li tikseb offerti iktar favorevoli minn dik tal-Konsorzju. Għalhekk, id-determinazzjoni tat-termini ta’ kunsinna mhux biss jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, iżda wkoll dik ta’ amministrazzjoni tajba.

95      L-Impriża Konġunta tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

96      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li hekk kif ġustament argumentat l-Impriża Konġunta, l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta l-legalità tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti fir-rigward tat-termini ta’ kunsinna huma ineffettivi, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda hija bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi aċċettata offerta li tinkludi riżervi u li r-riżervi fl-Offerta ma kinux biss dwar it-termini ta’ kunsinna.

97      Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 17 iktar ’il fuq, it-talba għal deroga mit-termini stabbiliti fil-kalendarju ta’ kunsinna tikkostitwixxi biss wieħed minn numru ta’ riżervi fformulati fl-Offerta. Barra minn hekk, ir-rikorrenti b’mod partikolari titlob ukoll lill-Impriża Konġunta taċċetta li d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ikun suġġett għall-ksib ta’ permess għall-bini u li dan jiġi pospost sakemm jinkiseb dan il-permess, tirrifjuta li taċċetta l-klawżola ta’ prezz fiss u titlob għal tnaqqis tal-penalitajiet kuntrattwali kif ukoll tnaqqis fir-responsabbiltà tagħha. Fi kliem ieħor, għal raġunijiet mhux relatati mal-kwistjoni tar-rispett tat-termini previsti mill-kalendarju ta’ kunsinna peress li kull wieħed jikkostitwixxi deroga mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt standard, ir-rikorrenti tirrifjuta li taċċetta f’dak il-mument il-kundizzjonijiet tal-kuntratt kif kienu ddefiniti mill-Impriża Konġunta.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk wieħed jassumi li l-kritika li saret mir-rikorrenti għall-kalendarju ta’ kunsinna hija fondata, xorta jibqa’ il-fatt li hija rrifjutat li taċċetta l-kuntratt standard u dan ir-rifjut waħdu kien biżżejjed sabiex tqiegħed lill-Impriża Konġunta fl-obbligu li tirrifjuta l-Offerta, hekk kif jirriżulta mill-punti 71 sa 91 iktar ’il fuq. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti fir-rigward tan-natura diskriminatorja u sproporzjonata tal-kalendarju ta’ kunsinna ma tistax twassal sabiex tintlaqa’ t-talba għal annullament tagħha tad-deċiżjoni ta’ ċaħda. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġu miċħud bħala ineffettiv.

99      F’kull każ, il-kumplament ta’ dan l-argument huwa infondat.

100    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet kontraenti għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jingħata kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti. F’dan il-kuntest, huma wkoll igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw kemm il-kontenut kif ukoll l-implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2012, Astrim u Elyo Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑216/09, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għandu jitfakkar ukoll li, minħabba fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kontraenti, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Astrim u Elyo Italia vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Madankollu, hekk kif ġie ġustament irrilevat mir-rikorrenti, l-Impriża Konġunta hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament Finanzjarju, bħala awtorità kontraenti, hija meħtieġa li tiżgura f’kull stadju ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u konsegwentement, ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-offerenti. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jeħtieġ li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 34, u Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 71 iktar ’il fuq, punt 108; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑50/05, Ġabra p. II‑1071, punti 55 u 56).

103    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tallegax li l-kandidati kollha ma kinux suġġetti għal kundizzjonijiet identiċi, iżda ssostni li l-kundizzjonijiet li ġew imposti fuq il-kandidati kollha kienu maħsuba sabiex jiffavorixxu l-Konsorzju ICAS. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni hija targumenta li hija biss impriża li tiddisponi minn linja ta’ produzzjoni xierqa li setgħet tikseb il-kuntratt u li ebda kandidat ieħor għajr il-Konsorzju ICAS ma għamel offerta li tissodisfa t-termini imposti mill-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti.

104    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jekk huwa minnu li l-ebda offerta oħra ammissibbli għajr dik tal-Konsorzju ICAS ma ġiet ippreżentata, l-allegazzjoni li hija biss impriża li għandha linja ta’ produzzjoni xierqa li tista’ tkun kandidat minħabba fit-termini imposti ma hijiex stabbilita.

105    It-tieni nett, l-Impriża Konġunta ssostni li t-termini ta’ kunsinna ġew iddefiniti b’tali mod sabiex jippermettulha tikkonforma mal-obbligi li ntrabtet bihom lejn l-organizzazzjoni internazzjonali ITER, ir-Russja u l-Ġappun, u li huma s-suġġett tas-suq inkwistjoni f’din il-kawża (ara l-punti 6 u 7 iktar ’il fuq). Dawn l-allegazzjonijiet huma kkorroborati mill-produzzjoni tat-tliet kuntratti kkonċernati kif ukoll tal-kalendarju impost mill-organizzazzjoni internazzjonali ITER, annessi mar-risposta (Annessi B 7, B 8, B 10, B 31 sa B 35). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Impriża Konġunta għandha tiġi kkunsidrata bħala li pprovat li t-termini imposti fl-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu oġġettivament iġġustifikati u li ma kinux maħsuba sabiex jiffavorixxu kandidatura partikolari tkun liema tkun.

106    Madankollu, l-argument kuntrarju invokat mir-rikorrenti li peress li dewmet b’disa’ xhur l-iffirmar tal-kuntratt mal-Konsorzju ICAS, l-Impriża Konġunta weriet permezz tal-aġir tagħha li ma kinitx marbuta ma’ dawn it-termini hekk kif hija tallega, huwa serjament ikkontestat mill-Impriża Konġunta. Fil-fatt, matul is-seduta hija sostniet li l-iffirmar tal-kuntratt ma setax iseħħ matul is-sajf tal-2010, minħabba li l-membri tal-Konsorzju ICAS ma kinux f’pożizzjoni li jittrażmettu d-dokumenti amministrattivi u finanzjarji meħtieġa għall-konklużjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, huwa stabbilit li insegwitu għall-allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi li ġew direttament ippreżentati lilha mir-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors u li jikkostitwixxu wkoll element ta’ dan ir-rikors, l-Impriża Konġunta ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni ta’ għoti u li tiftaħ investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet. L-iffirmar tal-kuntratt effettivament seħħ wara li ngħalqet din l-investigazzjoni (ara l-punti 37 u 39 sa 41 iktar ’il fuq).

107    It-tielet nett, fl-aħħar nett, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tikkonsisti, skont ir-rikorrenti, fil-fatt li l-Impriża Konġunta b’mod volontarju ċċaħħdet mill-possibbiltà li tirċievi offerti iktar vantaġġużi peress li ddeċidiet li tiddefinixxi l-kalendarju ta’ kunsinna b’tali mod li tiġi rrifjutata kull applikazzjoni oħra għajr dik tal-Konsorzju ICAS. Issa minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-termini stabbiliti fil-kalendarju ta’ kunsinna kienu oġġettivament iġġustifikati mill-impenji internazzjonali li ntrabtet bihom l-Impriża Konġunta. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lilha f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza (ara l-punt 100 iktar ’il fuq), hija temmen li l-obbligu li fiha tinsab, li tikkonforma mal-impenji internazzjonali għandhom jegħlbu l-perspettiva possibbli, li fil-każ fejn hija tiffissa termini ta’ kunsinna inqas restrittivi, hija tibbenefika minn numru ikbar ta’ kandidaturi, ma vvizzjatx l-evalwazzjoni tagħha bi żball manifest.

108    Għalhekk minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-rikorrenti ma weritx la li t-termini stabbiliti fil-kalendarju ta’ kunsinna kienu maħsuba sabiex jiffavorixxu l-kandidatura tal-Konsorzju ICAS u lanqas li dawn kienu ta’ natura sproporzjonata. Għalhekk, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ta’ irregolarità tal-kalendarju ta’ kunsinna, peress li kienu ineffettivi, huma, f’kull każ, ukoll infondati u għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi li jivvizzja d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti fuq l-offerenti

109    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta li ppermettiet lil ENEA, li hija rrappreżentata f’korpi differenti tal-Impriża Konġunta u hija wkoll membru tal-Konsorzju ICAS, tinfluwenza favuriha l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, li jikkostitwixxi kunflitt ta’ interessi.

110    Fil-fatt, M. u P., żewġ membri tal-persunal ta’ ENEA u rispettivament membri tal-Kumitat eżekuttiv u tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta, ġew assoċjati mat-tħejjija tas-sejħa għal offerti. Għalhekk huma kellhom l-opportunità jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti fuq il-kandidati f’direzzjoni favorevoli għall-kandidatura ta’ ENEA.

111    Barra minn hekk, ENEA kienet assoċjata mal-konduċenti TF intiżi għall-proġett JT‑60SA u l-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew mibgħuta lil ENEA għall-approvazzjoni qabel it-tnedija tas-sejħa għal offerti.

112    Fl-aħħar nett, membru tal-persunal ta’ ENEA bbenefika minn aċċess, matul żjara tal-faċilitajiet ta’ Nexans Korea, għal informazzjoni kunfidenzjali dwar ir-rikorrenti.

113    L-Impriża Konġunta tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

114    Skont il-ġurisprudenza, l-opportunità għal offerent, minkejja li ma jkollux tali intenzjoni, li jinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ sejħa għal offerti f’sens favorevoli għalih jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. F’dan ir-rigward, il-kunflitt ta’ interessi jikkostitwixxi ksur tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati u tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-offerenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, punti 29 u 30, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 74).

115    L-ewwel nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi għandu natura oġġettiva u sabiex dan jiġi kkaratterizzat, għandhom jiġu injorati l-intenzjonijiet tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari l-bona fide tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punti 44 sa 48).

116    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li ma hemmx obbligu assolut fuq l-awtoritajiet kontraenti sabiex jiġu esklużi b’mod sistematiku l-offerenti f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, tali esklużjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każijiet fejn huwa possibbli li jintwera li din is-sitwazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma hemmx riskju reali li l-prattiki li jxekklu l-kompetizzjoni bejn l-offerenti jseħħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Fabricom, punt 114 iktar ’il fuq, punti 33 sa 36; tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, Ġabra p. I‑4219, punti 26 sa 30, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, Ġabra p. I‑12169, punti 39 u 40).

117    It-tielet nett, min-naħa l-oħra, l-esklużjoni ta’ offerent f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi huwa essenzjali meta ma jkunx hemm rimedju iktar xieraq sabiex jiġi evitat kull ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti u ta’ trasparenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra p. II‑341, punti 71 et seq.; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Assitur, punt 116 iktar ’il fuq, punt 21, u Serrantoni u Consorzio stabile edili, punt 116 iktar ’il fuq, punti 39 u

118     40).

119    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet li l-parteċipazzjoni ta’ ENEA, wieħed mill-offerenti permezz tal-Konsorzju ICAS, fl-abbozzar tad-dokumenti ta’ sejħa għal offerti, u, b’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, fid-determinazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tikkostitwixxi kunflitt ta’ interessi li kien ivvizzja b’illegalità l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, minħabba li dawn kienu maħsuba sabiex jiffavorixxu l-kandidatura ta’ dan il-Konsorzju.

120    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-allegazzjonijiet tal-Impriża Konġunta li r-rappreżentanti ta’ ENEA li huma fuq il-Bord tat-Tmexxija u fil-Bord tad-Diretturi ma humiex membri ta’ dawn il-korpi bħala rappreżentanti ta’ ENEA ma jeskludix l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi li jistgħu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-offerenti. L-Impriża Konġunta fil-fatt tqis li P., membru tal-Bord tad-Diretturi, jirrappreżenta lir-Repubblika Taljana u mhux lil ENEA u li M. qiegħed fuq il-Kumitat eżekuttiv, mhux bħala rappreżentant ta’ ENEA, iżda bħala espert rikonoxxut fil-qasam tal-fużjoni nukleari. Il-fatt li ma humiex fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-persunal ta’ ENEA li dawn l-individwi kkwalifikati huma parti mill-korpi li jmexxu l-Impriża Konġunta, madankollu ma huwiex fih innifsu probabbli li jtellifhom milli jużaw il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan l-Impriża Konġunta sabiex iservu l-interessi tal-aġenzija nazzjonali Taljana, li preċiżament jikkostitwixxi kunflitt ta’ interessi.

121    Għalhekk, il-ġustifikazzjoni ppreżentata mill-Impriża Konġunta ma tistax tiġi ammessa, iżda għandu pjuttost jiġi eżaminat ir-rwol effettiv li dawn il-membri tal-persunal ta’ ENEA, kif ukoll ENEA nnifisha, setgħu kienu involuti fl-abbozzar tad-dokumenti tas-sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, fid-definizzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

122    Kif ukoll, fit-tieni lok, l-Impriża Konġunta tippreċiża li la l-Bord tat-Tmexxija u lanqas il-Kumitat eżekuttiv ma kienu involuti fl-abbozzar tad-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li ġew indirizzati lilha qabel is-seduta, l-Impriża Konġunta pprovdiet tweġiba partikolarment iddettaljata tal-istadji differenti tal-iżvilupp tad-dokumenti inkwistjoni. Qabel u matul is-seduta, ir-rikorrenti naqset milli tikkritika id-dikjarazzjonijiet tal-Impriża Konġunta. Issa dawn jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tal-Impriża Konġunta li la l-Bord tat-Tmexxija u lanqas il-Kumitat eżekuttiv ma kellhom rwol fl-abbozzar tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-preżenza ta’ membri tal-persunal ta’ ENEA fi ħdan l-korpi tal-Impriża Konġunta għandu jiġi miċħud bħala infondat.

123    It-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti ammessa mill-Impriża Konġunta, li l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi f’dak li jirrigwarda l-konduċenti TF intiżi għall-proġett JT‑60SA ġew ippreżentati lil ENEA għall-approvazzjoni qabel it-tnedija tas-sejħa għal offerti, għandu jitfakkar li l-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-proġett JT‑60SA għandha tiġi pprovduta f’isem il-Euratom mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Franċiża u li kien għal din ir-raġuni li l-aġenziji nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri, jiġifieri, rispettivament, ENEA u CEA ġew ikkonsultati, bl-Impriża Konġunta tissostitwixxi dawn l-aġenziji għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

124    Madankollu, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Impriża Konġunta matul is-seduta u mhux ikkontestati mir-rikorrenti li ma huwiex pprovat la li ENEA setgħet tibbenefika mit-trażmissjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi qabel it-tnedija tas-sejħa għal offerti u lanqas li setgħet tinfluwixxi fuq id-determinazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod li sussegwentement irriżulta favorevoli għall-interessi tagħha. Fil-fatt, l-Impriża Konġunta indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li l-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi proposti minn ENEA fl-aħħar mill-aħħar ma kinux intlaqgħu. Barra minn hekk hija sostniet ukoll, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-fatt li ENEA kienet taf minn qabel li setgħet tirtira mill-assoċjazzjoni tagħha, minn naħa, fil-fażi ta’ żvilupp tal-prototipi inkwistjoni fil-proġett JT‑60SA kif ukoll, min-naħa l-oħra, fid-determinazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi li fl-aħħar mill-aħħar kienu magħżula għal dan il-proġett ma setax ikollu l-effett li jagħtiha vantaġġ komparattiv, minħabba li l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni ma kinux ta’ konsegwenza f’termini ta’ kalibrazzjoni u parametraġġ ta’ faċilitajiet użati fit-tħejjija tal-kejbils u tal-kisi u mhux fuq in-natura ta’ dawn il-faċilitajiet, waqt li l-evalwazzjoni tal-offerti tkopri biss il-kapaċità tal-kandidati li jiddisponu mill-faċilitajiet inkwistjoni u li joperawhom.

125    Ir-raba’ lok, fin-nuqqas minn naħa tar-rikorrenti li tippreċiża kif l-informazzjoni kunfidenzjali miksuba minn espert ta’ ENEA waqt żjara fil-faċilitajiet ta’ Nexans Korea seta’ kellu rilevanza fl-abbozzar tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, dawn l-allegazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-illegalità ta’ dawn id-dokumenti.

126    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti ġew imfassla taħt l-influwenza ta’ u favur ENEA u għalhekk ma setgħux jiġu legalment imposti fuq l-offerenti kollha.

127    Minn dan jirriżulta li l-allegazzjonijiet ibbażati fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti kienu vvizzjati b’illegalità minħabba f’kunflitt ta’ interessi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

128    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw li l-konformità tal-Offerta ma’ dawn ir-rekwiżiti kienet kundizzjoni neċessarja sabiex din tiġi kkunsidrata mill-Impriża Konġunta. Konsegwentement, huwa għalhekk meħtieġ, li jiġi eżaminat jekk l-Impriża Konġunta ġustament iddeċidiet li l-offerta ma kinitx tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

 F’dak li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti

129    Sabiex tikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, ir-rikorrenti tinvoka ħames argumenti supplimentari. L-ewwel nett, fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu li taċċetta l-kuntratt standard u li tirrispetta l-kalendarju ta’ kunsinna ma jikkostitwixxux “kundizzjonijiet essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. It-tieni nett, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta li ma nnotifikathiex qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, bl-interpretazzjoni tagħha fejn hija ħassitha obbligata li tiċħad l-offerta tagħha bħala mhux konformi. It-tielet nett, fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv, hija tikkunsidra li r-rekwiżiti eċċessivi imposti fuq l-offerenti kellhom effett negattiv fuq il-prezz tal-offerta tagħha. Ir-raba’ nett, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni ta’ membru tal-persunal ta’ ENEA fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Il-ħames nett, fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li ENEA kellha informazzjoni privileġġjata dwarha.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

130    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-riżervi tagħha kienu jirrigwardaw il-“kundizzjonijiet ġenerali” tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u mhux dwar “kundizzjonijiet essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li l-Impriża Konġunta wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tiċħad l-offerta tagħha. Skont ir-rikorrenti, huma biss il-kundizzjonijiet identifikati bħala “essenzjali” fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti li setgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-Impriża Konġunta setgħet bl-applikazzjoni tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tinjora r-riżervi iktar milli tirrifjuta l-offerta tagħha.

131    L-Impriża Konġunta tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

132    Għalhekk, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 89 iktar ’il fuq, l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“L-offerti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti essenzjali kollha deskritti fid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti jew għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dawn id-dokumenti huma miċħuda.

Il-Kumitat ta’ evalwazzjoni jew l-[Impriża Konġunta] jistgħu jitolbu lill-offerenti jipprovdu informazzjoni supplimentari jew jikkjarifikaw id-dokumenti prodotti mal-offerta tagħhom fit-terminu li jispeċifikaw.”

133    Barra minn hekk, hekk kif ukoll ġie mfakkar fil-punti 73 u 81 iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-punt 4.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-kuntratt jipprovdi kif ġej:

“Il-preżentazzjoni ta’ offerta timplika l-aċċettazzjoni tal-obbligi kollha tal-kuntratt standard u tal-annessi tiegħu, inklużi l-[Ispeċifikazzjonijiet tekniċi] u l-[Ispeċifikazzjonijiet ta’ ġestjoni], kif ukoll ir-rinunzja tal-offerent għall-kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi tiegħu.

[L-Impriża Konġunta] tista’ tinjora kull riżerva jew klawżola ta’ irresponsabbiltà f’dan is-sens li tinsab fl-offerta u tirriżerva d-dritt li tiċħad tali offerti mingħajr ma jkollha bżonn tipproċedi għal evalwazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jagħmluhom mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.”

134    L-interpretazzjoni eċċessivament formalista proposta mir-rikorrenti li biss il-kundizzjonijiet espressament identifikati bħala “essenzjali” fid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “essenzjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni il-kundizzjonijiet li fihom jirriżulta b’mod ċar li, mill-qari tad-dokumentazzjoni dwar sejħa għal offerti, f’moħħ operatur normalment attent u diliġenti, huma ta’ natura vinkolanti u li ma humiex ta’ importanza negliġibbli, fid-dawl tal-kuntratt inkwistjoni jew tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-kuntratti pubbliċi.

135    Għalhekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 72 sa 91 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti li l-aċċettazzjoni tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna jikkostitwixxu kundizzjonijiet vinkolanti, li l-osservanza tagħhom hija neċessarja sabiex l-offerti tal-offerenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifika.

136    Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-riżervi magħmula mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw dawn il-kundizzjonijiet, peress li dawn kienu jirrigwardaw kemm numru kbir ta’ klawżoli tal-kuntratt standard kif ukoll il-kalendarju ta’ kunsinna (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) u jaffettwaw b’mod sostanzjali l-istess termini tal-kuntratt, bħad-data tad-dħul fis-seħħ, il-kalendarju ta’ kunsinna, il-prinċipji ta’ determinazzjoni tal-prezz u ta’ responsabbiltà tal-parti kontraenti.

137    Minħabba fl-importanza tagħhom, kif ukoll tal-portata tal-konsegwenzi li kienu b’mod ċar marbuta mal-ksur eventwali ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw ir-riżervi magħmula mir-rikorrenti għandhom, ovvjament, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “kundizzjonijiet essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. F’dan ir-rigward, għar-raġunijiet invokati fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-fatt li r-rekwiżiti inkwistjoni kienu jissejħu “kundizzjonijiet ġenerali” fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jeskludix tali kwalifika legali.

138    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Impriża Konġunta ma setgħetx tiċħad b’mod leġittimu l-Offerta, minħabba li l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, minkejja li jipprovdi biss iċ-ċaħda tal-offerti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti kollha essenzjali deskritti fid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

139    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, anki jekk wieħed jassumi li r-riżervi jirrigwardaw kundizzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, l-Impriża Konġunta ma kinitx obbligata li tiċħad l-offerta tagħha għaliex fil-fehma tagħha hija setgħet bl-applikazzjoni tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tiddeċiedi li tinjora dawn ir-riżervi.

140    L-ewwel nett, dan l-argument huwa ineffettiv, peress li hekk kif ġie deċiż fil-punti 131 sa 137 iktar ’il fuq, l-Offerta setgħet tiġi legalment miċħuda. Għalhekk, offerent li ppreżenta offerta mhux konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jikseb l-ebda dritt ta’ eżami tal-offerta tiegħu permezz tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u dan anki jekk l-Impriża Konġunta setgħet ukoll kienet fondata sabiex tinjora d-derogi proposti. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-Impriża Konġunta “tista’ tinjora kull riżerva jew klawżola ta’ irresponsabbiltà f’dan is-sens li tinsab fl-[O]fferta” u barra minn hekk “tirriżerva d-dritt li tiċħad tali offerti mingħajr ma jkollha bżonn tipproċedi għal evalwazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jagħmluhom mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”. Jirriżulta minn dawn l-obbligi li hekk kif ġie mfakkar fil-punt 82 iktar ’il fuq, li t-tieni paragrafu tal-punt 4.1 huwa ’l bogħod milli jagħti lill-Impriża Konġunta l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni emendi eventwali għall-kuntratt standard u għall-kalendarju ta’ kunsinna, jawtorizzaha tinjora kull proposta eventwali ta’ deroga u legalment jippermittilha tirrifjuta kull offerta mhux konformi.

141    F’kull każ, f’dak li jirrigwarda l-mertu ta’ dan l-argument, għandu jiġi osservat li portata derogattiva tar-riżervi kemm fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt standard kif ukoll fir-rigward tal-kalendarju ta’ kunsinna jirriżulta mill-istess offerta ppreżentata mir-rikorrenti u li hija stess ikkonfermat mill-inqas darbtejn bil-miktub (ara l-punti 21 u 23 iktar ’il fuq), bi tweġiba għal kjarifika indirizzata mill-Impriża Konġunta (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li kellha l-intenzjoni li tagħti lir-riżervi tagħha valur kuntrattwali. Minħabba f’dawn il-preċiżazzjonijiet, l-Impriża Konġunta ma setgħetx tibqa’ tinjora dawn ir-riżervi mingħajr ma’ tikkawża distorsjoni tal-Offerta, u għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kandidati, li jimplika, fi proċedura miftuħa li l-offerti ppreżentati jkunu evalwati litteralment u mhux interpretati mill-ġdid skont ir-rieda tal-awtorità kontraenti.

142    Għalhekk, l-Impriża Konġunta ma setgħetx tinjora r-riżervi magħmula mir-rikorrenti u kienet marbuta li tiċħad l-Offerta mingħajr eżami tal-meriti tagħha, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

143    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-Impriża Konġunta ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda mingħajr ma tikser l-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u f’kull każ, il-kumplament huwa infondat.

–       Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Impriża Konġunta ma avżatx lir-rikorrenti la bl-interpretazzjoni tagħha tal-portata tal-Artikolu 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-offerta fuq il-bażi tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

144    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Impriża Konġunta li ma nnotifikathiex qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, bl-interpretazzjoni tagħha li hija ħassitha obbligata li tiċħad l-offerta tagħha bħala mhux konformi. Fil-fehma tagħha, is-silenzju tal-Impriża Konġunta dwar dan il-punt waqqafha milli tadatta l-offerta tagħha, li tikkontesta l-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew ukoll li tagħti bidu għal azzjoni amministrattiva jew kawża qabel in-notifika tad-deċiżjoni.

145    L-Impriża Konġunta tikkontesta dan l-argument.

146    Minn naħa, għandu jiġi osservat li dan l-argument fil-fatt ma tressaqx, peress li fit-talba tagħha għal kjarifika mibgħuta lilha (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), l-Impriża Konġunta indikat lir-rikorrenti li “[f]il-każ li […] ma [tikkonfermax] l-aċċettazzjoni tiegħek tal-obbligi kuntrattwali, [l-Offerta] ser tiġi miċħuda mingħajr evalwazzjoni ulterjuri.”

147    Min-naħa l-oħra, u sussidjarjament, dan l-argument huwa ineffettiv, peress li ebda regola jew prinċipju ġenerali ma jeħtieġ mill-awtorità kontraenti, f’proċedura miftuħa, li tinnotifika lil offerent bin-nuqqas ta’ konformità tal-offerta tiegħu fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għalhekk, anki jekk l-Impriża Konġunta ma informatx lir-rikorrenti bil-fatt li hija ħassitha li r-riżervi għamlu l-Offerta mhux konformi, il-silenzju dwar dan il-punt ma kellu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda.

148    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt u, għall-kumplament, bħala li jirrendi ineffettiv l-argument invokat mir-rikorrenti li l-Impriża Konġunta kienet naqset milli twissiha li, minħabba fir-riżervi, l-Offerta setgħet tiġi miċħuda.

–       Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet sproporzjonati tas-sejħa għal offerti naqqsu l-kwalità tal-Offerta

149    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li r-rekwiżiti eċċessivi imposti fuq l-offerenti kellhom effett negattiv fuq il-prezz tal-offerta tagħha, peress li l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu b’mod mhux ġustifikat.

150    L-Impriża Konġunta tikkontesta dan l-argument.

151    Peress li l-offerta ġiet miċħuda mingħajr eżami, dan l-argument huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-prezz tal-Offerta u l-karatteristiċi l-oħra ta’ din ma għandhom l-ebda rilevanza fuq iċ-ċaħda.

152    F’kull każ, f’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-argument, in-natura sproporzjonata tar-rekwiżiti imposti mill-Impriża Konġunta lill-offerenti ma hijiex stabbilita.

153    Minn naħa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 96 sa 108 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-kalendarju ta’ kunsinna kien nieqes minn ġustifikazzjoni oġġettiva.

154    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma indikat ir-raġunijiet li għalihom hija tqis sproporzjonati r-rekwiżiti l-oħra minbarra l-kalendarju ta’ kunsinna li jirrigwardaw ir-riżervi li hija għamlet.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwiex stabbilit. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata meta tilmenta li dawn ir-rekwiżiti kellhom effett fuq il-kwalità tal-Offerta.

156    Minn dan isegwi li l-argument invokat mir-rikorrenti li l-kundizzjonijiet sproporzjonati tas-sejħa għal offerti naqqsu mill-kwalità tal-Offerta għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u li f’kull każ, il-kumplament huwa infondat.

–       Fuq il-konsegwenzi tal-parteċipazzjoni ta’ membri tal-persunal ta’ Enea fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti

157    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta dwar il-parteċipazzjoni ta’ membru tal-persunal ta’ ENEA fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Fil-fatt, M. li qiegħed fuq il-Kumitat eżekuttiv, seta’ għalhekk ikollu sehem determinanti fl-esklużjoni tal-Offerta.

158    L-Impriża Konġunta tikkontesta dan l-argument.

159    Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq, il-fondatezza tal-argument invokat mir-rikorrenti li l-membri tal-persunal ta’ ENEA setgħu jagħmlu użu mis-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija u fil-Kumitat eżekuttiv tal-Impriża Konġunta sabiex jinfluwenzaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jiddependi mir-rwol effettiv ta’ dawn il-korpi fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

160    Issa jidher mid-dikjarazzjonijiet tal-Impriża Konġunta, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, li l-offerti ppreżentati mir-rikorrenti u mill-Konsorzju ICAS kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni minn Kumitat ta’ evalwazzjoni li ppropona ċ-ċaħda tal-Offerta minħabba fin-nuqqas tagħha ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali speċifikati fid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-ebda membru tal-persunal ta’ ENEA ma kien jagħmel parti minn dan il-kumitat.

161    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-preżenza ta’ membru tal-persunal ta’ ENEA fil-Bord tat-Tmexxija ma setax ikollu rilevanza fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, fil-fatt ir-rikorrenti ma tikkontestax li dan il-korp ma intervjena fl-ebda stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-offerti.

162    Dan huwa l-istess f’dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ M. fil-Kumitat eżekuttiv, minkejja li dan il-korp ġie kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

163    Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 124(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni li l-kompetenza tal-Kumitat eżekuttiv hija limitata għall-approvazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kumitat ta’ selezzjoni u, b’mod iktar speċifiku, għall-iċċertifikar tar-regolarità tal-proċedura. Għalhekk huwa stabbilit fost il-partijiet li l-Kumitat eżekuttiv, f’dak li jirrigwarda l-Offerta, approva l-osservazzjonijiet tal-Kumitat ta’ evalwazzjoni li din ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti. Għalhekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 131 sa 141, l-Impriża Konġunta kellha tiċħad l-offerta minħabba fin-nuqqas ta’ konformità tagħha. Għaldaqstant, l-intervent tal-Kumitat eżekuttiv, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, ma kellu l-ebda rilevanza fuq is-sens tad-deċiżjoni li l-Impriża Konġunta kienet meħtieġa li tieħu fir-rigward tal-Offerta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegata sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ membru ta’ ENEA fil-laqgħa tal-Kumitat eżekuttiv li kkonfermat ir-regolarità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ma seħħietx, għalhekk ma hemmx bżonn li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-ġustifikazzjonijiet mressqa mill-Impriża Konġunta u dwar l-aġir passiv ta’ dan il-membru fil-laqgħa inkwistjoni.

164    Minn dan isegwi li l-argument invokat mir-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi minħabba fil-parteċipazzjoni ta’ membru tal-persunal ta’ ENEA fil-laqgħa li fiha l-Kumitat eżekuttiv iddeċieda dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l-allegazzjoni dwar iż-żamma minn ENEA ta’ informazzjoni privileġġjata dwar ir-rikorrenti

165    Fir-rigward tal-argument invokat mir-rikorrenti li membru tal-persunal ta’ ENEA fil-kuntest ta’ missjoni mwettqa f’isem l-organizzazzjoni internazzjonali ITER, seta’ kellu aċċess għall-informazzjoni dwar kumpanija tal-grupp Nexans stabbilita fil-Korea, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li din iċ-ċirkustanza, anki jekk wieħed jassumi li eżatta, ma seta’ kellha l-ebda rilevanza fuq il-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ ċaħda u li konsegwentement dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

166    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, li, bla ħsara għall-eżami tal-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li għandhom jiġu issa eżaminati, l-ilment tar-rikorrenti dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha mill-Impriża Konġunta ma huwiex fondat.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

167    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fehma tagħha, l-Impriża Konġunta kisret dan il-prinċipju peress li f’diversi okkażjonijiet żguratha li ma hijiex ser tirrifjuta l-offerta tagħha.

168    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-garanziji lilha mogħtija waqt il-laqgħa tal-25 ta’ Marzu 2010 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) fl-ittra tat-13 ta’ April 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) u, fl-aħħar nett, il-fatt li fil-fehma tagħha l-Impriża Konġunta, b’mod volontarju, “ħolqot sitwazzjoni ambigwa bejn Novembru 2009 u Mejju 2010, fejn ħalliet xi dubji f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-offerta tagħha”.

169    L-Impriża Konġunta tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

170    Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat meta jingħataw garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u koerenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u dawn il-garanziji barra minn hekk għandhom ikunu ta’ natura li jagħtu lok għal aspettattiva leġittima fil-moħħ ta-persuni li jindirizzaw u jkunu konformi mal-istandards applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punti 108 u 138, u tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il‑Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mill-opinjonijiet attribwiti mir-rikorrenti lill-Impriża Konġunta ma jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

172    L-ewwel nett, hekk kif ġie deċiż, il-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistax jintuża insostenn tal-argument tar-rikorrenti, peress li jindika b’mod ċar li l-osservanza tad-deroga tal-kuntratt standard u tal-kalendarju ta’ kunsinna jikkostitwixxu kundizzjoni għall-konformità tal-offerti mal-għan tal-kuntratt. Barra minn hekk, dan l-istess punt b’mod ċar jindika l-possibbiltà għall-Impriża Konġunta li tinjora kull riżerva u tiċħad l-offerti mhux konformi. Għalhekk, ir-rikorrenti ma huwiex fondat isostni li l-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jikkostitwixxi garanzija preċiża li l-Offerta għandha tiġi eżaminata minkejja r-riżervi.

173    It-tieni nett, fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2009 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), ġie b’mod ċar indikat lir-rikorrenti li l-Offerta tista’ tkun miċħuda, sakemm ir-riżervi fformulati ma jkunux ħielsa minn kull valur kuntrattwali. Tali indikazzjoni ma tikkostitwixxix garanzija preċiża li, minkejja r-riżervi, l-Offerta ser tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni.

174    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma pproduċew l-ebda prova li tistabbilixxi li tali garanziji ġew ipprovduti lilha matul il-laqgħa tal-25 ta’ Marzu 2010. Min-naħa tagħha, l-Impriża Konġunta bil-qawwa tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti peress li tipproduċi xhieda ċirkustanzjali tal-membri tal-persunal tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha f’din il-kawża.

175    Ir-raba’ nett, lanqas l-ittra tat-13 ta’ April 2010 ma tinkludi ebda garanzija li tippermetti lir-rikorrenti tistenna li l-offerta tagħha tkun evalwata. F’din l-ittra (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), fil-fatt, hija sempliċiment informat lir-rikorrenti li l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet għaddejja, u li ma kienx għall-Impriża Konġunta li tiżvela informazzjoni dwar din il-proċedura sakemm din tintemm u li r-rikorrenti pprovdiet l-preċiżazzjonijiet li kienet ġiet mitluba. Fil-fatt, il-preċiżazzjonijiet imsemmija fl-ittra huma dawk li ġew ipprovduti mir-rikorrenti bi tweġiba għat-talba għall-kjarifika li kienet lilha indirizzata u li tittratta l-punt jekk ir-riżervi fformulati fl-Offerta jistgħu jew ma jistgħux jiġu injorati (ara l-punti 18 sa 21 iktar ’il fuq).

176    Il-ħames nett, fl-aħħar nett, anki jekk hekk kif tallega r-rikorrenti, l-Impriża Konġunta “ħolqot sitwazzjoni ambigwa bejn Novembru 2009 u Mejju 2010, fejn ħalliet xi dubji f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-offerta tagħha”, li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex minnu, f’kull każ, tali ċirkustanza ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 169 iktar ’il fuq, li jitolbu għal garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u koerenti.

177    Għalhekk, ir-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

178    Konsegwentement, jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikorrenti ma hijiex fondata u li t-talbiet intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti

179    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 54 sa 58 iktar ’il fuq li ċ-ċaħda tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha bħala konsegwenza li r-rikorrenti tibqa’ ma tistax tistabbilixxi li hija direttament kkonċernata mid-deċiżjoni ta’ għoti. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi kontra din id-deċiżjoni u li t-talbiet intiżi għall-annullament ta’ din għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

2.     Fuq it-talba għad-danni

180    Skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2007/198, fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minnha stess jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Impriża Konġunta hija suġġetta għall-issodisfar ta’ sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Unjoni u tal-Euratom, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il‑Kummissjoni, C‑308/87, Ġabra p. I‑1203, punt 6; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il‑Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44).

181    Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

182    Insostenn tat-talba għad-danni, ir-rikorrenti tinvoka, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-irregolarità, l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

183    Jirriżulta mill-eżami tat-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrenti li din ma hijiex fondata ssostni li d-deċiżjoni ta’ ċaħda hija vvizzjata b’illegalità. Din it-talba għad-danni għandha għalhekk tiġi miċħuda, peress li hija bbażata fuq l-allegata illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni ta’ ċaħda.

184    F’dak li jirrigwarda l-portata tar-responsabbiltà tal-Impriża Konġunta li tista’ tingħata bidu minħabba fid-deċiżjoni ta’ għoti, li l-legalità tagħha ma ġietx evalwata fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrenti, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk hemm rabta kawżali li tista’ tiġi stabbilita bejn l-allegati danni mir-rikorrenti u din id-deċiżjoni u jekk dawn l-allegati danni huma stabbiliti u huma ta’ natura li jiġu kkumpensati.

185    L-ewwel kap ta’ dannu li jinvoka r-rikorrenti jikkonsisti fl-ispejjeż imġarrba sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Mill-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jirriżulta li r-rikorrenti ma setgħetx tippretendi li jingħatalha l-kuntratt, peress li l-Offerta kellha tiġi miċħuda mingħajr eżami. L-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti għandhom jibqgħu responsabbiltà tagħha irrispettivament mil-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti, peress li kienet hija stess li poġġiet ruħha f’sitwazzjoni li eskludietha milli tikseb dan il-kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rabta kawżali bejn l-ewwel kap ta’ dannu allegat u d-deċiżjoni ta’ għoti ma ġietx stabbilita. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li dan il-kap ta’ dannu ma huwiex ta’ natura li jiġi kkumpensat, peress li jirriżulta mill-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li “[l]-ispejjeż imġarrba waqt il-preparazzjoni u s-sottomissjoni tal-offerti mhux se jitħallsu lura mill-[Impriża Konġunta]”.

186    It-tieni allegat kap ta’ dannu jikkonsisti fl-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, peress li r-rikorrenti titlob li l-Impriża Konġunta tiġi kkundannata għall-ispejjeż, it-talba għal kumpens fir-rigward tat-tieni kap ta’ dannu ma tistax tintlaqa’, għajr sabiex jiġi permess lir-rikorrenti li jkunu kkumpensati darbtejn għall-istess raġuni. F’kull każ, għandu jiġi osservat li, anki jekk wieħed jassumi li d-deċiżjoni ta’ għoti hija illegali, ġie deċiż li r-rikorrenti ma kellhiex dritt titlob l-annullament u li l-ispejjeż li hija tallega li ġarrbet għal dan il-għan, f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jikkostitwixxux dannu ta’ natura li jiġu kkumpensati.

187    It-tielet u r-raba’ kap tal-allegat dannu jikkonċernaw, rispettivament, it-telf ta’ opportunità ta’ ksib ta’ kuntratt kif ukoll it-telf tal-vantaġġ kompetittiv li jkun ikkawża l-għoti tal-kuntratt lir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda li r-rikorrenti ma kellha ebda possibbiltà li tikseb il-kuntratt. Għalhekk ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn id-deċiżjoni ta’ għoti u t-telf ta’ opportunità u għalhekk tal-allegat vantaġġ kompetittiv.

188    Minn dan isegwi, li għal kull kap tad-dannu allegat mir-rikorrenti, mill-inqas kundizzjoni waħda meħtieġa mill-ġurisprudenza hija nieqsa, għaldaqstant it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda u konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

3.     Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

189    Ir-rikorrenti titlob, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Impriża Konġunta tipproduċi, possibbilment fi verżjoni mhux kunfidenzjali, l-offerta teknika u kummerċjali ppreżentata mill-Konsorzju ICAS u l-kuntratt iffirmat ma’ dan il-Konsorzju fid-9 ta’ Diċembru 2010.

190    L-Impriża Konġunta pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kuntratt kif ukoll il-kalendarju ta’ kunsinna stabbilit fl-Anness B tal-kuntratt, iżda topponi l-kumplament ta’ din it-talba.

191    Peress li l-kuntratt iffirmat mill-Konsorzju ICAS ġie ppreżentat u r-rikorrenti ma kkontestatx il-portata tal-kunfidenzjalità imposta mill-Impriża Konġunta, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’dak li jirrigwarda dan id-dokument.

192    L-offerta ppreżentata mill-Konsorzju ICAS ma tidhirx li hija utli sabiex tissolva din il-kawża, peress li din hija mingħajr rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, għalhekk it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex din tiġi prodotta għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

193    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Impriża Konġunta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nexans Franza hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Marzu 2013.

E. Coulon

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Preżentazzjoni tal-Impriża Konġunta

2.  Għoti tal-kuntratt

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti

F’dak li jirrigwarda l-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti

Fuq il-mertu tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda

Kunsiderazzjonijiet preliminari

F’dak li jirrigwarda l-legalità tad-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti

–  Fuq il-kjarezza tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti

–  Fuq il-ġustifikazzjoni tat-termini imposti mill-kalendarju ta’ kunsinna

–  Fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi li jivvizzja d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti fuq l-offerenti

F’dak li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti

–  Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

–  Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Impriża Konġunta ma avżatx lir-rikorrenti la bl-interpretazzjoni tagħha tal-portata tal-Artikolu 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-offerta fuq il-bażi tal-Artikolu 120(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

–  Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet sproporzjonati tas-sejħa għal offerti naqqsu l-kwalitŕ tal-Offerta

–  Fuq il-konsegwenzi tal-parteċipazzjoni ta’ membri tal-persunal ta’ Enea fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti

–  Fuq l-allegazzjoni dwar iż-żamma minn ENEA ta’ informazzjoni privileġġjata dwar ir-rikorrenti

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti

2.  Fuq it-talba għad-danni

3.  Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.