Language of document : ECLI:EU:T:2015:516

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Kuntratt ta’ aġenzija — Imputabbiltà lill-prinċipal tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent — Assenza ta’ għarfien mill-prinċipal tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent — Parteċipazzjoni f’komponent tal-ksur u għarfien tal-pjan globali — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑418/10,

voestalpine AG, stabbilita f’Linz (l-Awstrija),

voestalpine Wire Rod Austria GmbH, li kienet voestalpine Austria Draht GmbH, stabbilita f’Sankt Peter-Freienstein (l-Awstrija),

irrappreżentati minn A. Ablasser-Neuhuber, G. Fussenegger, U. Denzel, u M. Mayer, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Sauer, V. Bottka u C. Hödlmayr, bħala aġenti, assistiti minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Is-suġġett tat-tilwima

1        Ir-rikors ineżami ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing) [traduzzjoni uffiċjali ta’ din id-deċiżjoni ma hijiex disponibbli] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), li timponi sanzjoni fuq akkordju bejn fornituri tal-azzar għall-prestressing (iktar ’il quddiem l-“APS”) li pparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ tqassim ta’ klijentela, ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezz, il-volum u l-klijenti fuq il-livell Ewropew, fuq il-livell reġjonali u fuq il-livell nazzjonali.

2        Id-deċiżjoni inizjali kienet indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lil:

–        ArcelorMittal SA,

–        ArcelorMittal Wire France SA,

–        ArcelorMittal Fontaine SA,

–        ArcelorMittal Verderio Srl,

–        Emesa-Trefilería, SA (iktar ’il quddiem “Emesa”),

–        Industrias Galycas, SA (iktar ’il quddiem “Galycas”),

–        ArcelorMittal España, SA,

–        Trenzas y Cables de Acero PSC, SL (iktar ’il quddiem “Tycsa”),

–        Trefilerías Quijano, SA (iktar ’il quddiem “TQ”),

–        Moreda-Riviere Trefilerías, SA (iktar ’il quddiem “MRT”),

–        Global Steel Wire, SA (iktar ’il quddiem “GSW”),

–        SOCITREL – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA (iktar ’il quddiem “Socitrel”),

–        Companhia Previdente – Sociedade de Controle de Participações Financeiras, SA (iktar ’il quddiem “Companhia Previdente”),

–        voestalpine Austria Draht GmbH, li saret voestalpine Wire Rod Austria GmbH, it-tieni rikorrenti (iktar ’il quddiem “Austria Draht”),

–        voestalpine AG, l-ewwel rikorrenti,

–        Fapricela Indústria de Trefilaria, SA (iktar ’il quddiem “Fapricela”),

–        Proderac – Productos Derivados del Acero, SA (iktar ’il quddiem “Proderac”),

–        Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il quddiem “WDI”),

–        Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “WDV”),

–        Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Pampus”),

–        Nedri Spanstaal BV (iktar ’il quddiem “Nedri”),

–        Hit Groep BV,

–        DWK Drahtwerk Köln GmbH u Saarstahl AG (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “DWK”),

–        Ovako Hjulsbro AB,

–        Ovako Dalwire Oy AB,

–        Ovako Bright Bar AB,

–        Rautaruukki Oyj,

–        Italcables SpA (iktar ’il quddiem “ITC”),

–        Antonini SpA,

–        Redaelli Tecna SpA (iktar ’il quddiem “Redaelli”),

–        CB Trafilati Acciai SpA (iktar ’il quddiem “CB”),

–        ITAS – Industria Trafileria Applicazioni Speciali SpA (iktar ’il quddiem “Itas”),

–        Siderurgica Latina Martin SpA (iktar ’il quddiem “SLM”),

–        Ori Martin SA,

–        Emme Holding SpA, li kellha u li reġgħet ingħatat l-isem Trafilerie Meridionali Spa (iktar ’il quddiem “Trame”).

3        Id-deċiżjoni inizjali ġiet emendata darbtejn mill-Kummissjoni.

4        L-ewwel nett, il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, id-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali, li temenda d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ emenda”). Essenzjalment, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kellha l-effett li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji segwenti: ArcelorMittal Verderio, ArcelorMittal Fontaine u ArcelorMittal Wire France, ArcelorMittal España, WDI u WDV.

5        L-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kienet indirizzata lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inizjali.

6        It-tieni nett, il-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ April 2011, id-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, li temenda d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ emenda”). Essenzjalment, it-tieni deċiżjoni ta’ emenda kellha l-effett, b’mod partikolari, li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji segwenti: minn naħa, ArcelorMittal, ArcelorMittal Verderio, ArcelorMittal Fontaine u ArcelorMittal Wire France u, min-naħa l-oħra, SLM u Ori Martin. Dawn il-kumpanniji biss kienu d-destinatarji tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

7        Iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ emenda ġew ikkomunikati lill-kumpanniji kollha li ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni inizjali, fejn kien il-każ fuq l-inizjattiva tal-Qorti Ġenerali.

8        Il-Qorti Ġenerali staqsiet lil Voestalpine u lil Austria Draht dwar il-konsegwenzi li jistgħu jinstiltu minn dawn l-emendi tad-deċiżjoni inizjali fuq il-kontenut tal-argumenti tagħhom u kellhom il-possibbiltà jaġġustaw il-motivi u t-talbiet tagħhom sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jista’ jkun hemm.

9        B’hekk, id-deċiżjoni inizjali, kif emendata bl-ewwel u bit-tieni deċiżjoni ta’ emenda, tikkostitwixxi, għall-finijiet tar-rikors ineżami, id-“deċiżjoni kkontestata”.

10      Ġew ippreżentati tmienja u għoxrin rikors kontra d-deċiżjoni inizjali, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, it-tieni deċiżjoni ta’ emenda jew l-ittri indirizzati mill-Kummissjoni sussegwentement għal talbiet imressqa minn uħud mid-destinatarji tad-deċiżjoni inizjali intiżi sabiex issir evalwazzjoni ġdida tal-kapaċità tagħhom li jħallsu (Kawżi T‑385/10, ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni, T‑388/10, Productos Derivados del Acero vs Il-Kummissjoni, T‑389/10, SLM vs Il-Kummissjoni, T‑391/10, Nedri Spanstaal vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑398/10, Fapricela vs Il‑Kummissjoni, T‑399/10, ArcelorMittal España vs Il-Kummissjoni, T‑406/10, Emesa-Trefilería u Industrias Galycas vs Il-Kummissjoni, T‑413/10, Socitrel vs Il‑Kummissjoni, T‑414/10, Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni, T‑418/10, voestalpine u voestalpine Wire Rod Austria vs Il-Kummissjoni, T‑419/10, Ori Martin vs Il-Kummissjoni, T‑422/10, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, T‑423/10, Redaelli Tecna vs Il-Kummissjoni, T‑426/10, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑427/10, Trefilerías Quijano vs Il‑Kummissjoni, T‑428/10, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑429/10, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑436/10, Hit Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑575/10, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑576/10, Trefilerías Quijano vs Il-Kummissjoni, T‑577/10, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑578/10, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑438/12, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑439/12, Trefilerías Quijano vs Il-Kummissjoni, T‑440/12, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑441/12, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑409/13, Companhia Previdente u Socitrel vs Il-Kummissjoni).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-settur li huwa s-suġġett tal-proċedura

A –  Il-prodott

11      L-akkordju li, fir-rigward tiegħu, il-Kummissjoni imponiet sanzjoni kien jikkonċerna l-APS. Din l-espressjoni tirreferi għal kejbils metalliċi u għal strands ta’ vireg magħmula minn fili (“wire rod”) u, b’mod partikolari, minn naħa, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni qabel jifforma, liema konkrit jintuża fil-kostruzzjoni ta’ gallariji, pedamenti jew xaftijiet u, min-naħa l-oħra, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni wara li jifforma, liema konkrit jintuża fl-arkitettura industrijali, fl-arkitettura taħt l-art jew għall-kostruzzjoni ta’ pontijiet (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Il-firxa ta’ prodotti magħmula minn APS tinkludi diversi tipi ta’ kejbils b’fil wieħed (pereżempju, kejbils lixxi, li jleqqu jew iggalvanizzati, bi profil, b’linji mqabbża) kif ukoll diversi tipi ta’ strands (pereżempju strands li jleqqu, bi profil, miksija bil-politin jew metalliċi). L-istrands magħmula minn APS huma fformati bi tliet jew b’seba’ fili. L-APS jinbiegħ b’diversi dijametri. Madankollu, l-istrands speċjali, jiġifieri l-istrands iggalvanizzati jew miksija — b’lubrikant jew bix-xema’ —, u l-hekk imsejħa guy-wires, jiġifieri l-istrands iggalvanizzati u miksija u l-kejbils iggalvanizzati użati fil-kostruzzjoni ta’ pontijiet, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat ukoll li, f’diversi pajjiżi, hija meħtieġa approvazzjoni teknika maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-proċeduri li jwasslu għal din l-approvazzjoni jeħtieġu madwar sitt xhur (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  L-istruttura tal-offerta

14      Ikkunsidrati flimkien u skont id-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-akkordju kienu jikkontrollaw madwar 80 % tal-bejgħ fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, diversi mill-ikbar produtturi kienu preżenti flimkien ma’ numru ta’ produtturi lokali. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-ikbar produtturi kienu jagħmlu parti minn gruppi metallurġiċi li jipproduċu wkoll il-vireg magħmula minn diversi fili, li huma materja prima tal-APS u li jikkostitwixxu l-element prinċipali tal-prezz tiegħu. Filwaqt li l-impriżi li ma kinux integrati kellhom jixtru l-materja prima tagħhom fis-suq, l-impriżi integrati kienu ġeneralment jiddependu fuq il-possibbiltajiet ta’ provvista interni għall-grupp tagħhom. Matul il-perijodu kollu tal-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, l-industrija ddikjarat kapaċitajiet eċċessivi sostanzjali u dewwiema ta’ APS (premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-2001, il-valur tal-bejgħ ta’ APS fi ħdan iż-ŻEE kien ammonta għal madwar EUR 365 miljun għal volum totali viċin is-600 000 tunnellata matul din l-istess sena. Dan il-bejgħ kien jikkonċerna, fir-rigward ta’ 20 sa 25 % tiegħu, il-fili ta’ APS u, fir-rigward ta’ 75 sa 80 % tiegħu, l-istrands ta’ APS, liema medji kienu jvarjaw ftit skont kull pajjiż. L-Italja kienet il-pajjiż bl-ikbar konsum ta’ APS (madwar 28 % tal-bejgħ ta’ APS fi ħdan iż-ŻEE). Pajjiżi oħra li kienu konsumaturi kbar kienu Spanja (16 %) kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, il-Ġermanja u l-Portugall (8 sa 10 % kull wieħed) (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  L-istruttura tad-domanda

16      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-istruttura tad-domanda għal APS kienet eteroġenea ħafna. Il-fabbrikanti ta’ materjali għall-kostruzzjoni prefabbrikati u l-impriżi ta’ inġinerija speċjalizzati kienu jużaw l-APS, pereżempju f’kostruzzjonijiet intiżi sabiex jiġu stabbilizzati l-bini jew il-pontijiet. Il-klijentela kienet komposta min-numru żgħir ħafna ta’ klijenti kbar — pereżempju Addtek International Oy AB (iktar ’il quddiem “Addtek”), li sadanittant saret Consolis Oy AB, li kienet tirrappreżenta bejn 5 u 10 % tal-konsum ta’ APS fi ħdan l-Unjoni Ewropea — u min-numru kbir ta’ klijenti iżgħar (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      L-użanzi kummerċjali kienu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Il-produtturi ta’ APS u l-klijenti tagħhom kienu ħafna drabi jikkonkludu kuntratti qafas għal sitt xhur jew għal tnax-il xahar. B’hekk, skont id-domanda, il-klijenti kienu jordnaw tunnellati li kienu jaqgħu fil-firxa tal-volum miftiehem bil-prezz miftiehem. Il-kuntratti kienu jiġġeddu regolarment wara negozjati ġodda (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  Il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-ŻEE

18      Skont kif jingħad fid-deċiżjoni kkontestata, il-volumi ta’ bejgħ ta’ APS matul il-perijodu kkonċernat mill-akkordju juru li l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni kien intensiv. APS ġie prodott u kkummerċjalizzat fiż-ŻEE kollha, inkluż fin-Norveġja (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

II –  Voestalpine u Austria Draht

19      Austria Draht hija produttriċi Awstrijaka ta’ strands. Bejn l-24 ta’ Frar 1988 u t-3 ta’ Diċembru 2002, 95 % tal-kapital tagħha kien miżmum minn Voest-Alpine Stahl Gesellschaft GmbH u 5 % minn Donauländische Baugesellschaft GmbH. Wara ristrutturazzjoni interna, fit-3 ta’ Diċembru 2002, voestalpine Bahnsysteme GmbH, suċċessura legali sħiħa ta’ Voest-Alpine Stahl Gesellschaft, akkwistat 99.95 % tal-kapital ta’ Austria Draht. Kemm Voest-Alpine Stahl Gesellschaft u kemm voestalpine Bahnsysteme huma sussidjarji 100 % tal-kumpannija Awstrijaka voestalpine (premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fl-Italja, Austria Draht kienet fdat il-bejgħ tal-APS lil aġent, il-kumpannija Taljana Studio Crema CAP Srl (iktar ’il quddiem “Studio Crema”), li kienet amministrata u rrappreżentata mis-Sur G. Dan tal-aħħar ma kienx awtorizzat jiffirma l-kuntratti konklużi mal-klijenti ta’ Austria Draht, li kienu dejjem konklużi direttament minn Austria Draht (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Matul is-sena fiskali tagħha mill-1 ta’ April 2001 sal-31 ta’ Marzu 2002, voestalpine ġġenerat dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 18.27 miljun fi ħdan iż-ŻEE fis-settur tal-APS meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Dan id-dħul mill-bejgħ irriżulta esklużivament mill-bejgħ imwettaq minn Austria Draht. Matul is-sena fiskali mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010, id-dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat ta’ voestalpine kien ta’ EUR 8.55 biljun (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

III –  Il-proċedura amministrattiva

22      Fid-9 ta’ Jannar 2002, il-Bundeskartellamt (awtorità tal-kompetizzjoni Ġermaniża) bagħtet lill-Kummissjoni dokumenti dwar kawża pendenti quddiem qorti tax-xogħol lokali Ġermaniża, li kienet tikkonċerna t-tkeċċija ta’ ex impjegat ta’ WDI. Dan l-impjegat kien qiegħed isostni li kien involut fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-APS. F’dan il-kuntest, huwa kien ipprovda lista tal-impriżi implikati u informazzjoni preliminari dwar il-ksur (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

A –  L-ewwel talba għal klemenza u immunità mogħtija lil DWK

23      Fit-18 ta’ Ġunju 2002, DWK bagħtet lill-Kummissjoni memorandum dwar ksur tal-Artikolu 101 TFUE li kien jikkonċerna l-APS u li fih kienet involuta hija stess kif ukoll impriżi oħra. F’dan il-kuntest, DWK speċifikat li kienet qiegħda tittama li tibbenefika mill-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155; iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza”) (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fit-3 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentanti ta’ DWK iltaqgħu mal-Kummissjoni u ddiskutew il-proċedura ta’ klemenza. Fid-19 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni tat lil DWK l-immunità kundizzjonali minn multi taħt il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-klemenza, peress li kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi li setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE li jikkonċerna allegat akkordju bejn produtturi ta’ APS fl-Unjoni kollha (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  Ispezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni

25      Fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini, b’mod partikolari, ta’ DWK, ta’ WDI, ta’ Nedri, ta’ Tréfileurope, ta’ Tycsa, ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas, ta’ ITC, ta’ SLM u ta’ Edilsider (il-kumpannija ta’ persuna responsabbli għall-bejgħ ta’ Tréfileurope Italia Srl, li saret ArcelorMittal Verderio), kif ukoll fil-bini tas-sussidjarji jew tal-impriżi relatati rispettivi tagħhom, inkonformità mal-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Mid-19 ta’ Settembru 2002 ’il quddiem, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, inkonformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni inizjali, lill-kumpanniji parent tagħhom, lil impriżi oħra, lil ċerti persuni (impjegat irtirat ta’ Redaelli u sussegwentement konsulent kummerċjali ta’ Tréfileurope Italia, u aġent tal-bejgħ ta’ Tréfileurope Italia, permezz ta’ Edilsider) u lil ċerti assoċjazzjonijiet professjonali (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fis-7 u fit-8 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni, inkonformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fl-uffiċċju (“studio”) ta’ membru tal-familja ta’ ex impjegat ta’ Redaelli (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  Talbiet oħra għal klemenza u r-risposti mogħtija mill-Kummissjoni

28      Fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti kumpanniji, bħal ITC, Nedri, SLM, Redaelli u WDI, ressqu talbiet uffiċjali għal klemenza taħt l-Avviż dwar il-klemenza. Tycsa kkonfermat l-eżistenza ta’ arranġamenti antikompetittivi iżda ma ressqitx talba għal klemenza (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      ITC talbet il-klemenza fil-21 ta’ Settembru 2002, filwaqt li ppreżentat provi kontemporanji dwar il-laqgħat li nżammu bejn il-produtturi ta’ APS bejn l-1979 u l-2002. Fil-11 ta’ Novembru 2002, hija ppreżentat ukoll dikjarazzjoni ta’ impriża. Fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni tat lil ITC tnaqqis provviżorju tal-ammont tal-multi ta’ bejn 30 u 50 %, bil-kundizzjoni li tkompli tosserva l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fis-17 ta’ Ottubru 2002, Tycsa wieġbet għal talba għal informazzjoni filwaqt li rrikonoxxiet il-fatti u pprovdiet provi li kienu jinkriminawha. Fil-21 ta’ Ottubru 2002, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, Redaelli ppreżentat provi li kienu jinkriminawha u, fl-20 ta’ Marzu 2003, talbet uffiċjalment sabiex tibbenefika mill-Avviż dwar il-klemenza. Fit-23 ta’ Ottubru 2002, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, Nedri ppreżentat provi filwaqt li talbet li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fit-30 ta’ Ottubru 2002, filwaqt li wieġbet għal talba għal informazzjoni, SLM talbet tnaqqis tal-ammont tal-multi. Fl-4 ta’ Novembru 2002 u, sussegwentement, fis-6 ta’ Marzu 2003 u fil-11 ta’ Ġunju 2003, Tréfileurope ppreżentat informazzjoni li kienet tinkrimina lilha nnifisha bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ impriża intiża li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fis-17 ta’ Marzu 2004, Galycas wieġbet għal talba għal informazzjoni u rrikonoxxiet il-fatti filwaqt li għamlet ċerti dikjarazzjonijiet inkriminanti. Fid-19 ta’ Mejju 2004, WDI ppreżentat dikjarazzjoni ta’ impriża intiża li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fit-28 ta’ Ġunju 2007, fil-kuntest ta’ kuntatti oħra mal-Kummissjoni, ArcelorMittal ippreżentat talba għal klemenza li kienet tinkludi prinċipalment in-noti miktuba bl-idejn kontemporanji li jkopru l-perijodu bejn l-1992 u l-2002 ta’ ex impjegat ta’ Emesa (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ Emesa”) (premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      B’reazzjoni għat-talbiet għal klemenza, il-Kummissjoni bagħtet lil ArcelorMittal, lil Nedri u lil WDI ittra bid-data tad-19 ta’ Settembru 2008 li permezz tagħha informathom li l-immunità mill-multi ma kinitx disponibbli u li kellha l-intenzjoni, skont il-punt 26 tal-Avviż dwar il-klemenza, li tapplika tnaqqis tal-ammont tal-multi fil-limiti previsti fil-punt 23(b) ta’ dan l-avviż. Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra lil Redaelli u lil SLM fejn ċaħdet it-talba tagħhom għal klemenza (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  Ftuħ tal-proċedura u dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

32      Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ diversi kumpanniji, fosthom voestalpine u Austria Draht.

33      Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw kummenti bil-miktub bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni.

E –  Aċċess għall-fajl, smigħ u kapaċità ta’ ħlas

34      Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom l-opportunità jiksbu aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq DVD. Fl-istess ħin, il-kumpanniji rċevew ukoll lista li telenka d-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ investigazzjoni u li tindika l-livell ta’ aċċessibbiltà ta’ kull dokument. Huma ġew informati li d-DVD kien jagħtihom aċċess totali għad-dokumenti kollha li l-Kummissjoni kien irnexxielha tikseb matul l-investigazzjoni, ħlief għal dokumenti jew għal partijiet minn dokumenti li kien fihom sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra. L-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-klemenza ngħata fil-bini tal-Kummissjoni.

35      Fil-11 u fit-12 ta’ Frar 2009 inżamm smigħ. L-impriżi destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħlief għal HIT Groep, Emesa u Galycas, ipparteċipaw f’dan is-smigħ.

36      Erbatax-il impriża invokaw ukoll inkapaċità li jħallsu fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”). Huma ppreżentaw ġustifikazzjonijiet insostenn ta’ din it-talba.

F –  Talbiet komplementari għal informazzjoni

37      Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil GSW, lil MRT, lil Tycsa, lil TQ, lil Companhia Previdente u lil Socitrel, sabiex jiġu kkjarifikati ċerti punti dwar, b’mod partikolari, l-istruttura ta’ impriża tagħhom. Dawn il-kumpanniji wieġbu bejn is-6 ta’ Marzu u l-15 ta’ April 2009.

38      Il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inizjali sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, il-valur tal-bejgħ tal-prodotti rilevanti u, min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ tal-gruppi. Id-destinatarji kollha wieġbu għal dawn it-talbiet.

IV –  Id-deċiżjoni kkontestata

39      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna akkordju bejn fornituri ta’ APS li pparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ tqassim ta’ klijentela, ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezz, il-volum u l-klijenti fuq il-livell Ewropew (club Zurich, club Europe, ...), fuq il-livell reġjonali u fuq il-livell nazzjonali (club Italia, club España). Skont il-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-impriżi b’hekk wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. L-aġir illegali seħħ minn tal-inqas mill-bidu tas-sena 1984 u kompla sad-19 ta’ Settembru 2002.

40      L-investigazzjoni implikat 18-il impriża. Fil-premessi 122 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, l-arranġamenti tal-akkordju li kienu s-suġġett tal-proċedura huma deskritti f’termini ġenerali, li huma rriprodotti fil-qosor fil-punti 67 et seq iktar ’il quddiem.

41      Voestalpine u Austria Draht inżammu t-tnejn li huma responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju għall-perijodu bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002 (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Minħabba dan il-ksur, voestalpine u Austria Draht ġew ikkundannati in solidum għal multa ta’ EUR 22 miljun (l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, voestalpine u Austria Draht fetħu l-kawża ineżami.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) informat lir-rikorrenti li kellhom il-possibbiltà jaġġustaw il-motivi u t-talbiet tagħhom fid-dawl tal-emendi introdotti permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

45      Voestalpine u Austria Draht ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda fil-kuntest tar-replika tagħhom, ippreżentata fl-1 ta’ Ġunju 2011.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha numru ta’ dokumenti.

47      Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni kkomunikat it-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

48      Fl-1 ta’ Awwissu 2011, voestalpine u Austria Draht ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

49      Fl-14 ta’ Ottubru 2011, voestalpine u Austria Draht ippreżentaw ittra, li ġiet inkluża fil-proċess fit-8 ta’ Novembru 2011, li magħha annettew, fuq il-bażi tal-Artikolu 66(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, dokumenti li jinkludu elaborazzjoni tal-provi proposti insostenn tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-rikors.

50      Din l-elaborazzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, dikjarazzjonijiet, li kienu ġew redatti u trażmessi wara l-preżentata tar-replika, li permezz tagħhom direttur ta’ Redaelli, direttur ta’ SLM u direttur ta’ ITC jindikaw li s-Sur G. ma kienx irrappreżenta lir-rikorrenti fil-laqgħat tal-club Italia.

51      Fl-ittra tal-14 ta’ Ottubru 2011 imsemmija iktar ’il fuq, voestalpine u Austria Draht jitolbu wkoll l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja fis-sens tal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 intiża sabiex id-diretturi msemmija ta’ Redaelli u ta’ SLM jinstemgħu bħala xhieda.

52      Il-proċedura bil-miktub kienet inizjalment magħluqa fl-20 ta’ Ottubru 2011, bil-preżentata mill-Kummissjoni tal-kontroreplika fil-lingwa tal-kawża kif ukoll tal-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati minn voestalpine u Austria Draht dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

53      Fl-24 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra ta’ voestalpine u Austria Draht tal-14 ta’ Ottubru 2011, inkluża fil-proċess fit-8 ta’ Novembru 2011, li kienet wasslet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub.

54      Fl-24 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat rettifika tal-kontroreplika.

55      Wara bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lilha.

56      Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fid-19 ta’ Marzu 2014.

57      Fit-28 ta’ April 2014, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet u lill-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ dokumenti, fosthom kopja tal-fajl ikkomunikat lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

58      Fit-13 ta’ Ġunju 2014, il-partijiet ippreżentaw it-tweġibiet tagħhom għal dawn it-talbiet.

59      Fis-16 ta’ Lulju 2014, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji adottati skont l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li din kienet irrifjutat li tipproduċi bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fit-28 ta’ April 2014.

60      Fit-23 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba, li għalihom ir-rikorrenti kellhom aċċess qabel is-seduta.

61      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2014.

62      Voestalpine u Austria Draht jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom u li ġie ffissat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

63      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

64      Essenzjalment, voestalpine u Austria Draht jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ppenalizzathom b’multa ta’ EUR 22 miljun minħabba li pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu, jiġifieri “sett ta’ ftehimiet u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-[APS] fis-suq intern” (iktar ’il quddiem l-“akkordju” jew il-“ksur uniku”), li sa fejn huma kkonċernati jikkonsisti:

–        minn naħa, u b’mod partikolari, fil-parteċipazzjoni minn Austria Draht fil-club Italia, wieħed mill-ftehimiet reġjonali tal-akkordju, permezz tal-aġent tagħha fl-Italja, is-Sur G., li kien jaħdem ukoll fl-interess ta’ membru ieħor tal-akkordju (CB);

–        min-naħa l-oħra, fl-involviment b’mod sporadiku, stabbilit permezz ta’ indizji ċari, ta’ Austria Draht f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell Ewropew, li ppermettewlha tkun taf b’dan il-livell tal-akkordju fi stadju bikri.

65      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkritikaw, fl-ewwel motiv, l-imputazzjoni lill-prinċipal tal-aġir sanzjonabbli tal-aġent ta’ Austria Draht għall-Italja, minħabba li tali imputazzjoni tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u, fit-tieni motiv, il-konstatazzjoni li Austria Draht kienet ipparteċipat fi ksur uniku. Fil-fatt, minbarra li Austria Draht qatt ma kellha għarfien tal-aġir sanzjonabbli tal-aġent tagħha fi ħdan il-club Italia, din lanqas ma kienet taf bil-portata pan-Ewropea tal-akkordju. Austria Draht qatt ma kienet assoċjat ruħha mal-arranġamenti pan-Ewropej tal-akkordju li minnu, fi kwalunkwe każ, kienet dejjem iddistakkat ruħha.

66      Dawn l-osservazzjonijiet dwar il-ksur uniku jwasslu lir-rikorrenti sabiex jikkontestaw, fit-tielet motiv, il-multa u l-ammont tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-multa hija sproporzjonata peress li huma ma kellhomx għarfien tal-aġir sanzjonabbli tal-aġent ta’ Austria Draht għall-Italja (club Italia) u peress li ma pparteċipawx fil-komponenti l-oħra tal-akkordju (club Zurich, club Europe, club España, attribuzzjoni tal-klijent Addtek, …). Fi kwalunkwe każ, il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jistax għaldaqstant ikun il-valur tal-bejgħ Ewropew ta’ APS tar-rikorrenti.

I –  Osservazzjonijiet preliminari

A –  Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

67      Mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li voestalpine u Austria Draht kisru l-Artikolu 101(1) TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, f’“sett ta’ ftehimiet u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE”.

1.     Komponenti tal-akkordju u karatterizzazzjoni tal-ksur uniku

68      Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju huwa deskritt bħala “arranġament pan-Ewropew li jikkonsisti f’fażi msejħa ta’ Zurich u f’fażi msejħa Ewropea u/jew f’arranġamenti nazzonali/reġjonali skont il-każ”. Il-premessi 123 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata jippreżentaw fil-qosor dawn id-diversi ftehimiet u prattiċi miftiehma, li mbagħad huma esposti fid-dettall u evalwati fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

69      Għal finijiet ta’ preżentazzjoni skematika, l-akkordju huwa kkostitwit mill-arranġamenti segwenti:

–        il-club Zurich, jiġifieri l-ewwel fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim dam mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-9 ta’ Jannar 1996 u kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti skont il-pajjiż (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Benelux), it-tqassim ta’ klijenti, il-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Il-membri ta’ dan il-club kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Redaelli, li kienet tirrappreżenta diversi impriżi Taljani oħra minn tal-inqas fl-1993 u fl-1995, li magħhom imbagħad ingħaqdu Emesa, fl-1992, u Tycsa, fl-1993;

–        il-club Italia, arranġament nazzjonali li dam mill-5 ta’ Diċembru 1995 sad-19 ta’ Settembru 2002. Dan il-ftehim kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti għall-Italja kif ukoll l-esportazzjonijiet minn dan il-pajjiż lejn il-bqija tal-Ewropa. Il-membri tiegħu kienu l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, li magħhom imbagħad ingħaqdu Tréfileurope u Tréfileurope Italia (fit-3 ta’ April 1995), SLM (fl-10 ta’ Frar 1997), Trame (fl-4 ta’ Marzu 1997), Tycsa (fis-17 ta’ Diċembru 1996), DWK (fl-24 ta’ Frar 1997) u Austria Draht (fil-15 ta’ April 1997);

–        il-ftehim tan-Nofsinhar, arranġament reġjonali nnegozjat u konkluż fl-1996 mill-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, ma’ Tycsa u Tréfileurope sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u l-Lussemburgu) u sabiex jibdew jinnegozjaw flimkien il-kwoti mal-produtturi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana;

–        il-club Europe, jiġifieri t-tieni fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim kien ġie konkluż f’Mejju 1997 minn Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa (imsejħa l-“membri permanenti” jew is-“sitt produtturi”) u ntemm f’Settembru 2002. Dan il-ftehim kien maħsub sabiex tingħeleb il-kriżi tal-club Zurich, sabiex jitqassmu mill-ġdid il-kwoti (ikkalkolati fuq il-perijodu mir-raba’ trimestru tal-1995 sal-ewwel trimestru tal-1997), sabiex titqassam il-klijentela u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet. Is-sitt produtturi qablu dwar regoli ta’ koordinazzjoni li kienu jinkludu l-ħatra ta’ koordinaturi responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġamenti f’diversi pajjiżi u għall-koordinazzjoni ma’ impriżi interessati oħra, li huma attivi fil-pajjiżi kkonċernati jew li jikkonċernaw l-istess klijenti. Ir-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu regolarment fuq livelli differenti sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tal-arranġamenti. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-aġir kummerċjali miftiehem, kienet tiġi applikata sistema ta’ kumpens adegwat;

–        il-koordinazzjoni fir-rigward tal-klijent Addtek. Fil-kuntest ta’ dan l-arranġament pan-Ewropew, is-sitt produtturi, li okkażjonalment kienu jingħaqdu magħhom il-produtturi Taljani u Fundia, kienu jżommu wkoll kuntatti bilaterali (jew multilaterali) u kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-attribuzzjoni ta’ klijentela fuq bażi ad hoc, meta kien ikun hemm interess li jsir dan. Pereżempju, Tréfileurope, Nedri, WDI, Tycsa, Emesa, CB u Fundia kkoordinaw flimkien il-prezzijiet u l-volumi fir-rigward tal-klijent Addtek. Dawn il-proġetti kienu jirrigwardaw prinċipalment il-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja, iżda kienu jirrigwardaw ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Istati Baltiċi u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

–        id-diskussjonijiet bejn il-club Europe u l-club Italia. Matul il-perijodu bejn, minn tal-inqas, Settembru 2000 u Settembru 2002, is-sitt produtturi, ITC, CB, Redaelli, Itas u SLM iltaqgħu regolarment bil-għan li l-impriżi Taljani jiġu integrati bħala membri permanenti fil-club Europe. L-impriżi Taljani xtaqu jżidu l-kwota Taljana fl-Ewropa filwaqt li l-club Europe kien qiegħed jinsisti li jinżamm l-istatus quo. F’dan id-dawl, inżammu numru ta’ laqgħat fi ħdan il-club Italia sabiex tiġi ddefinita pożizzjoni uniformi, laqgħat fi ħdan il-club Europe sabiex tiġi eżaminata din il-pożizzjoni u sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta’ dan il-club, u laqgħat bejn il-parteċipanti tal-club Europe u r-rappreżentanti Taljani sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-tqassim tal-kwota Taljana fuq suq speċifiku. L-impriżi involuti kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-finijiet tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kwota Ewropea bil-ħsieb li jiġu inklużi l-produtturi Taljani, dawn l-impriżi qablu li jużaw perijodu ta’ referenza ġdid (mit-30 ta’ Ġunju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2001). Dawn l-impriżi laħqu wkoll ftehim dwar il-volum ta’ esportazzjoni globali tal-impriżi Taljani fl-Ewropa li kien jinqasam skont il-pajjiż. Fl-istess ħin, huma ddiskutew ukoll il-prezzijiet, fejn il-membri tal-club Europe xtaqu li jiġi adottat, fil-livell tal-Ewropa, il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet applikat fi ħdan il-club Italia;

–        il-club España. Fl-istess żmien bħall-arranġament pan-Ewropew u bħall-club Italia, ħames impriżi Spanjoli (Trefilerías Quijano, Tycsa, Emesa, Galycas u Proderac — din tal-aħħar b’effett minn Mejju 1994) u żewġ impriżi Portugiżi (Socitrel b’effett minn April 1994, u Fapricela b’effett minn Diċembru 1998) ftiehmu, fir-rigward ta’ Spanja u tal-Portugall, u għal perijodu bejn, minn tal-inqas, Diċembru 1992 u Settembru 2002, li jżommu s-sehem tas-suq tagħhom stabbli u li jiffissaw kwoti, li jqassmu bejniethom il-klijenti, inklużi l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u li jiffissaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għall-ħlas. Barra minn hekk, huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva.

70      Skont il-Kummissjoni, l-arranġamenti kollha deskritti fil-punt 69 iktar ’il fuq għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessi 135 u 609 kif ukoll taqsima 12.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-arranġamenti ċċitati iktar ’il fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali li jiffissa l-linji ta’ azzjoni tal-membri tal-akkordju fiż-żoni ġeografiċi kollha u li “dawn l-impriżi llimitaw l-aġir kummerċjali individwali tagħhom sabiex jintlaħaq objettiv antikompetittiv uniku u għan kummerċjali antikompetittiv uniku, jiġifieri li jiġu distorti jew eliminati l-kundizzjonijiet kompetittivi normali fis-suq tal-APS fiż-ŻEE, u sabiex jiġi stabbilit ekwilibriju globali, b’mod partikolari bl-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kwoti, bit-tqassim tal-klijenti bejniethom u bl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva” (premessa 610 u taqsima 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Il-pjan, li kien segwit minn DWK, WDI, Tréfileurope, Tycsa, Emesa, Fundia, Austria Draht, Redaelli, CB, ITC, Itas, SLM, Trame, Proderac, Fapricela, Socitrel, Galycas u Trefilerías Quijano (mhux kollha fl-istess ħin), kien ġie żviluppat u implementat fuq perijodu ta’ minn tal-inqas tmintax-il sena, permezz ta’ sett ta’ arranġamenti kollużivi, ta’ ftehimiet speċifiċi u/jew ta’ prattiċi miftiehma. L-għan uniku u komuni tiegħu kien li tiġi limitata l-kompetizzjoni bejn il-parteċipanti bl-użu ta’ mekkaniżmi simili sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara t-taqsima 9.3.1). Anki meta arranġament wieħed ikkawża problema, arranġamenti oħra baqgħu jiffunzjonaw b’mod normali.” (premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ Austria Draht u ta’ voestalpine

73      Il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht u ta’ voestalpine fl-akkordju msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkonstatata għall-perijodu bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002.

74      L-elementi prinċipali li ppermettew li tiġi stabbilita din il-parteċipazzjoni huma s-segwenti.

a)     Il-kuntratt mas-Sur G.

75      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’effett mill-1984, Austria Draht fdat l-attività ta’ marketing u ta’ bejgħ tagħha fl-Italja lil aġent, Studio Crema, li kienet amministrata u rrappreżentata mis-Sur G. Dan tal-aħħar ma kienx awtorizzat jiffirma l-kuntratti, li kienu dejjem konklużi direttament bejn Austria Draht u l-klijent bħala konferma espliċita ta’ kull ordni magħmula mas-Sur G. (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Il-club Italia (mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002)

76      Il-Kummissjoni qieset li Austria Draht kienet ipparteċipat fil-club Italia mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessi 124 u 385 et seq, kif ukoll premessi 479 sa 483 tat-taqsima 9.2.1.8, intitolata “Parteċipazzjoni individwali fil-club Italia”, tad-deċiżjoni kkontestata).

77      B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “[d]iversi dokumenti kontemporanji u dikjarazzjonijiet korroborattivi ta’ ITC, Redaelli, Itas, CB, SLM, Tréfileurope u DWK juru li, bejn minn tal-inqas il-bidu tal-1995 u d-data li fihom il-Kummissjoni wettqet l-ispezzjonijiet tagħha, jiġifieri d-19 u l-20 ta’ Settembru 2002, [...], CB, ITC, Itas, Redaelli, Tréfileurope u Tréfileurope Italia, Tycsa, SLM, Trame u l-produtturi pan-Ewropej DWK u Austria Draht ipparteċipaw f’laqgħat antikompetittivi li matulhom intrabtu li: 1) jiżvelaw u jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar b’mod partikolari l-klijentela, it-tarifikazzjoni u l-volumi tal-bejgħ, 2) jaqsmu s-suq bl-iffissar ta’ kwoti kemm fi ħdan is-suq Taljan u kemm fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-Italja lejn il-bqija tal-Ewropa [...], 3) jiffissaw il-prezzijiet skont l-iżvilupp fil-prezzijiet tal-materji primi, inkluż l-iffissar ta’ prezzijiet minimi/ta’ żidiet tal-prezz fl-Italja u fil-pajjiżi Ewropej l-oħra (skont il-klijent) u ta’ taxxa addizzjonali (‘suppliment’) [...] u 4) jaqsmu l-klijentela”. Barra minn hekk, “kienu fil-fatt stabbiliti wkoll sistema ta’ sorveljanza permezz ta’ terz indipendenti, [...], u mekkaniżmu ta’ kumpens [...]” (premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni individwali ta’ Austria Draht fil-club Italia, il-Kummissjoni indikat li għandha provi li Austria Draht “ipparteċipat sistematikament f’iktar minn erbgħin laqgħa tal-club Italia bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002 u li l-assenza tagħha ġiet indikata formalment diversi drabi, li jfisser li l-preżenza tagħha fil-laqgħat kienet mistennija” (premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      F’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet b’mod partikolari żewġ sensiliet ta’ laqgħat: minn naħa, “minn tal-inqas” erbatax-il laqgħa li għalihom attenda s-Sur G. u li fihom ġie diskuss il-każ ta’ Austria Draht, u, min-naħa l-oħra, “sittax-il laqgħa oħra” li fihom ġie diskuss il-każ ta’ Austria Draht fl-assenza tas-Sur G. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat dan li ġej:

“Anness 3 tad-deċiżjoni: f’minn tal-inqas erbatax-il laqgħa, is-Sur [G.] huwa preżenti u l-każ ta’ Austria Draht huwa diskuss, b’mod partikolari fil-15.4.1997 (attribuzzjoni ta’ kwoti/klijentela u ffissar ta’ prezzijiet), 24.6.1997 (tfittxija ta’ ‘ibbilanċjar tas-suq’ u skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet), 11.3.1998 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet, Austria Draht tissemma, iżda mingħajr dettalji), 30.3.1998 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 18.5.1998 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet), 19.10.1998 (attribuzzjoni ta’ klijentela), 18.1.1999 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet), 14.12.1999 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 12.1.2000 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 19.9.2000 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 10.6.2001 (attribuzzjoni ta’ kwoti), 23.10.2001 (Austria Draht tissemma, iżda mingħajr dettalji), 11.1.2002 (skambju ta’ informazzjoni dwar is-sena preċedenti u tentattiv ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti għall-2002), 30.4.2002 (indikazzjoni speċifika li s-Sur [G.] għandu jiggarantixxi l-kwantità għaliex altrimenti [Austria Draht] kellha ‘titkeċċa’ qabel is-sajf); fil-provi ta’ sittax-il laqgħa oħra, il-preżenza [tas-Sur G.] ma tissemmiex (fil-każ ta’ xi laqgħat, huwa ddikjarat espliċitament li dan kien assenti), iżda xorta waħda tiġi diskussa d-data dwar Austria Draht: 7.4.1997 (attribuzzjoni ta’ kwoti, skambju ta’ informazzjoni); 13.5.1997 (skambju ta’ informazzjoni, jiġifieri li [s-Sur G.] offra prezz partikolari lil klijent (li jissemma b’ismu) wara li saret ordni espliċita min-naħa ta’ Austria Draht), 14.10.1997 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 16.12.1997 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti, skambju ta’ informazzjoni), 22.12.1997 u 14.1.1998 (tabelli b’data ddettaljata dwar Austria Draht, il-kwoti u l-klijentela [...]); 16.7.1998 (Austria Draht tissemma, iżda mingħajr dettalji konkreti), 6.5.1999 (faks dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela u ta’ kwoti għal, b’mod partikolari, Austria Draht), 13.5.1999 (skambju ta’ informazzjoni), 31.5.1999 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 10.7.2000 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 27.9.2000 (skambju ta’ informazzjoni), 13.7.2001 (ittra elettronika b’lista Excel iddettaljata tal-attribuzzjonijiet ta’ kwoti u ta’ klijentela għal kull impriża għall-istrands fl-2001), u 4.2.2002 (ittra elettronika b’lista Excel iddettaljata tal-attribuzzjonijiet ta’ kwoti u ta’ klijentela għal kull impriża għall-istrands fl-2002), 23.7.2001 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti), 25.7.2001 (diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti/skambju ta’ informazzjoni).”

80      Din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tirreferi wkoll għal sensiela oħra ta’ laqgħat jew ta’ noti interni:

“Matul disa’ laqgħat (jew f’noti interni) is-Sur [G.] jissemma espliċitament bħala r-rappreżentant ta’ Austria Draht: 15.4.1997, 12.5.1997, 13.5.1997, 24.6.1997, 22.10.1997, 11.3.1998, 18.5.1998, 29.11.1999 u 17.1.2000. Austria Draht hija ddikjarata espliċitament assenti mill-ġdid, li juri li l-preżenza tagħha kienet mistennija għal-laqgħat tas-7.9.1998 u tat-12.7.1999; fil-laqgħa tal-14.10.1997, l-assenza tas-Sur [G.] tqieset li ma kinitx iġġustifikata u matul il-laqgħa tal-15.5.2002, is-Sur [G.] kien speċifikament mitlub li jattendi għal-laqgħa tal-5-6.06.2002. Għandhom jissemmew ukoll il-laqgħat li matulhom ġie ddikjarat li kellu jsir kuntatt ma’ Austria Draht: 20.9.1999 u sajf 2002.”

81      Fir-rigward tal-bidu tal-parteċipazzjoni individwali ta’ Austria Draht fil-club Italia, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej:

“Fl-1996 u qabel dik is-sena, Austria Draht, skont il-minuti ta’ laqgħa tat-13 ta’ Frar 1996 [...], ma kinitx ipparteċipat fl-arranġament Taljan. Madankollu, il-Kummissjoni għandha provi ċari li Austria Draht bdiet tipparteċipa fil-club Italia b’effett mill-1997 u sa mhux iktar tard mill-15 ta’ April 1997, data li fiha kienet iddikjarata espliċitament preżenti permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha, [is-Sur G.] [...] Matul din il-laqgħa, Austria Draht ġiet attribwita kwota u ġie ddikjarat speċifikament li Austria Draht kellha tastjeni milli twettaq provvisti lil grupp partikolari ta’ klijenti (identifikati b’isimhom) [...] Din il-laqgħa għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-laqgħat li nżammu eżattament qabel u eżattament wara: 1) matul il-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 1996, tqassmet tabella li tindika l-attribuzzjoni ta’ tunnellati għal kull klijent u l-għażla ta’ fornituri prinċipali għal numru ta’ klijenti fis-suq Taljan għall-1997. Għalkemm il-kolonni dwar Austria Draht tħallew vojta, il-fatt li Austria Draht ittieħdet inkunsiderazzjoni fit-tabella jindika li kien minn tal-inqas maħsub li jinżammu diskussjonijiet bejn il-partijiet; 2) dan huwa kkonfermat mil-laqgħa tal-4 ta’ Marzu 1997 li matulha ġiet skambjata informazzjoni dwar il-volum ta’ Austria Draht fis-suq Taljan; 3) minkejja li ma kienx iddikjarat li Austria Draht kienet preżenti fis-7 ta’ April 1997, il-Kummissjoni tikkonstata li volum konkret kien ġie attribwit lil Austria Draht; 4) rapport ta’ żjara minn Tréfileurope lil CB fl-24 ta’ Ġunju 1997 jikkonferma li kienu għaddejjin diskussjonijiet antikompetittivi ma’ Austria Draht u li Austria Draht kienet irrappreżentata ‘mis-Sur [G.]’. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis il-15 ta’ April 1997 bħala d-data li minnha bdiet il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia.” (premessa 480 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Fir-rigward tal-imputazzjoni tal-aġir tas-Sur G. lil Austria Draht, il-Kummissjoni ppreċiżat dan li ġej fil-premessi 481 sa 483 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(481)       Il-fatt li Austria Draht ipparteċipat fil-laqgħat tal-club Italia permezz tar-rappreżentant tagħha, is-Sur [G.], huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn DWK u minn ITC u minn dokumenti kontemporanji miksuba mingħand ITC u Tréfileurope. Austria Draht kienet ukoll ipperċepita mill-parteċipanti fl-akkordju bħala li tagħmel parti integrali mill-akkordju permezz tas-Sur [G.] [...]

(482) Austria Draht tammetti li ħalliet il-politika kummerċjali tagħha fis-suq Taljan kompletament f’idejn Studio Crema (li kienet irrappreżentata mid-direttur ġenerali tagħha, is-Sur [G.]) b’effett mill-1984. Is-Sur [G.] kellu obbligu konkret ta’ informazzjoni fil-konfront ta’ Austria Draht u ma kellux riskju finanzjarju x’jassumi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet u tal-azzjonijiet imwettqa peress li Austria Draht kienet esklużivament responsabbli għar-riskji assoċjati kollha, b’mod partikolari għall-assenza ta’ kunsinna, għall-kunsinna difettuża u għall-insolvabbiltà tal-klijent u kienet tħallas lis-Sur [G.] fuq il-bażi ta’ perċentwali fissa b’referenza għall-volum (għal kull klijent] li tkun biegħet. [Is-Sur G.] kien obbligat jippreżenta kull xahar rapport bil-miktub lil Austria Draht dwar l-azzjonijiet tiegħu u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet tal-kompetituri tagħha u l-‘bejgħ u r-relazzjonijiet kummerċjali’ fil-kamp li kien jaqa’ taħt ir-rappreżentanza tiegħu (l-Italja). Dawn l-elementi kollha juru b’mod ċar li Austria Draht kellha kontroll totali fuq l-azzjonijiet tal-aġent tagħha, [is-Sur G.] [...]

(483) Fid-dawl tar-relazzjonijiet ta’ rappreżentanza stretta u tal-parteċipazzjoni regolari [tas-Sur G.] fil-laqgħat tal-club Italia ddedikati għall-kwoti, għall-prezzijiet u għall-klijentela [...], huwa ċar li [s-Sur G.] ikkomunika informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-pożizzjoni ta’ Austria Draht lill-parteċipanti l-oħra tal-club Italia u kiseb informazzjoni għall-benefiċċju ta’ Austria Draht matul il-laqgħat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li Austria Draht ipparteċipat fil-club Italia mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002.”

c)     Il-club Europe u s-sistema pan-Ewropea

83      Sabiex tistabbilixxi n-natura unika u kontinwa tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ voestalpine u ta’ Austria Draht, u b’mod partikolari l-“għarfien individwali ta’ parteċipazzjoni f’sistema iktar globali” (ara t-titolu tat-taqsima 12.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni osservat dan li ġej:

“(652)  Austria Draht tammetti li pparteċipat f’numru ta’ laqgħat tal-club Europe, iżda ssostni li l-imsemmija laqgħat ma taw lok għal ebda diskussjoni antikompetittiva. Il-Kummissjoni tosserva li hija ma hijiex qiegħda żżomm lil Austria Draht responsabbli għal parteċipazzjoni diretta fil-club Zurich jew fil-club Europe [...] Madankollu, hemm indizji ċari li jissuġġerixxu li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju.

(653)       L-ewwel nett, fl-1995-1996, jiġifieri ferm qabel id-data kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala d-data li minnha bdiet il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur (15 ta’ April 1997), din tal-aħħar kienet diġà attendiet għal laqgħat tal-club Zurich li matulhom kienet b’mod partikolari diskussa l-possibbiltà li jiġi organizzat arranġament Ewropew ġdid dwar il-kwoti. Barra minn hekk, matul il-laqgħa tal-club Italia miżmuma fis-16 ta’ Diċembru 1997, intqal li Austria Draht ‘ma kinitx parti attiva f’dan il-club (Europe) iżda xtaqet tinżamm informata’. Matul laqgħat ulterjuri tal-club Italia li għalihom attenda [is-Sur G.], bħala r-rappreżentant ta’ Austria Draht, il-parteċipanti kienu ġew informati bid-diskussjonijiet u bil-ftehimiet fi ħdan il-club Europe [...]. Barra minn hekk, Austria Draht tammetti li pparteċipat f’diversi laqgħat tal-club Europe [...] li matulhom, minn tal-inqas fil-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, ġiet indirizzata l-kwistjoni tal-volumi u tal-prezzijiet. Matul il-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001, Austria Draht ġiet mistiedna sabiex tingħaqad mal-club Europe estiż. Diversi indizji jissuġġerixxu li, matul il-perijodu ta’ espansjoni pan-Ewropea [...], Austria Draht kienet involuta f’diskussjonijiet dwar it-tqassim tal-kwoti u tal-klijenti f’ċerti pajjiżi, u attendiet, permezz tas-Sur [G.], għal minn tal-inqas sitt laqgħat iddedikati għall-espansjoni tal-club Europe, inkluża dik tas-6 ta’ Novembru 2001, li matulha s-Sur [G.] kien barra minn hekk innominat bħala koordinatur nazzjonali potenzjali għall-Italja, flimkien mas-Sur [A.] (Itas) u mas-Sur [C.] (CB).

(654) Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li Austria Draht, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-kollużjoni fi ħdan dan il-club kienet tagħmel parti minn pjan globali intiż sabiex jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS u sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet, pjan li l-club Italia kien jikkondividi mal-arranġamenti pan-Ewropej.”

3.     Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u tul individwali ta’ responsabbiltà

84      Sabiex tiddefinixxi r-responsabbiltà tal-kumpanniji kkonċernati, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni, fil-premessi 769 sa 789 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn is-sitwazzjoni ta’ Austria Draht u dik ta’ voestalpine, mingħajr ma tikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ Studio Crema.

a)     Is-sitwazzjoni ta’ Austria Draht

85      Sabiex tiddefinixxi r-responsabbiltà ta’ Austria Draht, il-Kummissjoni qieset li din il-kumpannija kienet ipparteċipat direttament fil-club Italia permezz tal-aġent tagħha fl-Italja mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 769 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Sabiex tistabbilixxi din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel nett warrbet il-linja ta’ argumenti mressqa minn Austria Draht fis-sens li s-Sur G., l-aġent tagħha fl-Italja, ma kienx jirrappreżentaha waqt il-laqgħat tal-akkordju. F’dan il-kuntest Austria Draht kienet qiegħda tinvoka dikjarazzjoni magħmula minn dan l-aġent fis-sens li jiċħad li kien irrappreżenta lil Austria Draht fil-laqgħat tal-club Italia, kif ukoll dikjarazzjoni magħmula mill-aġent ta’ Tréfileurope Italia, is-Sur V., fis-sens li jaħseb li Austria Draht ma kinitx membru ta’ dan il-club u fis-sens li fil-laqgħat li fihom ipparteċipa s-Sur V., is-Sur G. ma pparteċipax fil-ftehimiet ta’ akkordju f’isem Austria Draht, kif kien ċar għall-parteċipanti l-oħra. Austria Draht osservat ukoll li, kien biss fir-rigward ta’ ħames laqgħat minn iktar minn 60 laqgħa tal-club Italia identifikati mill-Kummissjoni li kien speċifikat li s-Sur G. kien qiegħed jaġixxi f’isem Austria Draht u li fil-laqgħat l-oħra s-Sur G. kien ippreżentat bħala r-rappreżentant ta’ CB (mingħajr riferiment għal Austria Draht) jew mingħajr ma ġiet speċifikata l-impriża li kienet qiegħda tiġi rrappreżentata (premessa 770 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Sabiex tirribatti din il-linja ta’ argumenti, il-Kummissjoni indikat li l-“implikazzjoni ta’ Austria Draht fid-diskussjonijiet antikompetittivi permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha, is-Sur G., [kienet] xorta waħda stabbilita b’mod suffiċjenti: l-ewwel nett, iż-żewġ dikjarazzjonijiet ippreżentati minn Austria Draht ma humiex kredibbli: id-dikjarazzjoni tas-Sur G. ġiet stabbilita wara li seħħew il-fatti u kienet essenzjalment ippreparata fil-kuntest tat-tweġiba ta’ Austria Draht għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet; fir-rigward tad-dikjarazzjoni tas-Sur V., din tirrifletti biss l-opinjoni personali tiegħu, li hija limitata għal-laqgħat li għalihom kien attenda. Barra minn hekk, iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma kontradetti minn provi” (premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Skont il-Kummissjoni l-imsemmija provi huma s-segwenti (premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        żewġ applikanti għal klemenza (DWK u ITC) jikkonfermaw li Austria Draht ipparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha, is-Sur G.;

–        numru kbir ħafna ta’ provi komplementari jikkonfermaw dan;

–        il-każ ta’ Austria Draht kien diskuss b’mod regolari u kienet attribwita kwoti u klijenti matul il-perijodu tal-ksur kollu sad-data tal-ispezzjonijiet. B’hekk, is-Sur G. kien preżenti għal minn tal-inqas erbatax-il laqgħa li matulhom ġie diskuss il-każ ta’ Austria Draht; is-Sur G. ma kienx preżenti għal sittax-il laqgħa oħra iżda d-data ta’ Austria Draht kienet xorta waħda eżaminata u, fl-aħħar nett, matul disa’ laqgħat is-Sur G. kien ippreżentat espliċitament bħala li kien qiegħed jipparteċipa f’isem Austria Draht;

–        il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu wkoll qiesu b’mod ċar li Austria Draht kienet qiegħda tipparteċipa fl-akkordju permezz tas-Sur G. u kienu insistew li kien neċessarju li Austria Draht “tosserva” l-akkordju;

–        il-fatt li s-Sur G. kien jirrappreżenta wkoll lil CB f’uħud jew f’diversi mil-laqgħat elenkati fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata ma jibdel xejn mill-provi li huwa kien jirrappreżenta wkoll lil Austria Draht. Għandu jingħad li matul il-parti l-kbira tal-laqgħat CB kienet ipparteċipat hija stess permezz tal-impjegati tagħha stess, b’tali mod li r-rwol tas-Sur G. bħala rappreżentant ta’ CB jista’ jitqies li kien inqas importanti mir-rwol tiegħu bħala rappreżentant ta’ Austria Draht, li ma kinitx tipparteċipa direttament iżda kienet tħalli l-attività kummerċjali kollha tagħha fl-Italja f’idejn is-Sur G.

89      Sabiex tirribatti l-linja ta’ argumenti ta’ Austria Draht fis-sens li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir tas-Sur G., minħabba li ma kienx hemm entità ekonomika bejniethom, u dan sa fejn is-Sur G. kien aġent tal-bejgħ indipendenti u mhux esklużiv li fir-rigward tiegħu Austria Draht ma kellha ebda possibbiltà ta’ kontroll, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 774 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        mill-kuntratt ta’ aġenzija u mid-dikjarazzjoni ta’ Austria Draht jirriżulta li s-Sur G. kien verament aġent ta’ din tal-aħħar;

–        ir-riskji finanzjarji kienu limitati ħafna għas-Sur G. L-ewwel nett, il-kuntratti kienu jiġu konklużi biss bejn Austria Draht u l-klijent tagħha u f’dan il-kuntest Austria Draht setgħat taċċetta jew tirrifjuta l-ordnijiet innegozjati mill-aġent. It-tieni nett, Austria Draht kienet esklużivament responsabbli għar-riskji assoċjati, b’mod partikolari għall-assenza ta’ kunsinna, għall-kunsinni difettużi u għall-insolvabbiltà tal-klijent. It-tielet nett, ir-remunerazzjoni kienet issir fuq il-bażi ta’ perċentwali fissa b’referenza għall-volum mibjugħ lil kull klijent (f’dan il-kuntest sar riferiment għall-punt 133 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minoan Lines”, EU:T:2003:337);

–        fl-assenza ta’ riskju finanzjarju jew kummerċjali, jew fil-preżenza ta’ riskji limitati, is-Sur G. jew Studio Crema għandhom jitqiesu li huma organu awżiljarju li jagħmel parti mill-impriża ta’ Austria Draht. Bħal fil-każ ta’ impjegat kummerċjali, dawn jikkostitwixxu entità ekonomika ma’ din l-impriża (f’dan il-kuntest sar riferiment għall-punt 480 tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Suiker Unie”, EU:C:1975:174);

–        dan huwa konformi mal-Avviż tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2000, Linji gwida fuq trażżin [dwar ir-restrizzjonijiet] vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 390, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali”);

–        għaldaqstant, Austria Draht għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tas-Sur G. fil-laqgħat tal-akkordju.

90      Fir-rigward tal-fatt li s-Sur G. kien jaġixxi wkoll f’isem parteċipanti oħra fl-akkordju, CB, u li l-aġenzija ma kinitx esklużiva fis-sens strett tal-kelma, il-Kummissjoni qieset li dan il-fatt ma kienx jibdel il-konklużjoni tagħha iżda kien, għall-kuntrarju, isaħħaħha (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(775)      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-intermedjarju ‘jwettaq, bħala negozjant indipendenti, tranżazzjonijiet ta’ portata kunsiderevoli fis-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni’ ma huwiex ta’ natura li jiffavorixxi tali esklużività u għalhekk lanqas ma jiffavorixxi l-idea ta’ unità ekonomika mal-prinċipal [f’dan il-kuntest sar riferiment għall-punt 544 tas-sentenza Suiker Unie]. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Is-Sur  [G.] ma kienx attiv personalment fis-suq inkwistjoni u għalhekk ma kienx iwettaq tranżazzjonijiet ta’ portata kunsiderevoli f’ismu stess bħala aġent indipendenti [huwa ma kienx jassumu riskji finanzjarji kunsiderevoli] iżda kien pjuttost jirrappreżenta żewġ kompetituri simultanjament fil-laqgħat tal-akkordju.

(776)          Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li żewġ kompetituri kienu jużaw l-istess rappreżentant fil-laqgħat tal-akkordju jikkostitwixxi iktar fattur li jtejjeb il-koordinazzjoni u li jiffaċilita l-aġir tal-akkordju milli fattur li jeżenta lill-prinċipali mir-responsabbiltà tagħhom. Konklużjoni differenti twassal sabiex l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju permezz ta’ aġent ikollhom mezz faċli sabiex jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom sempliċement billi jkollhom l-istess aġent bħal parteċipant ieħor fl-akkordju. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, għandu jingħad ukoll li CB kienet ġeneralment irrappreżentata individwalment fil-laqgħat tal-akkordju u li s-Sur [G.]/[Studio Crema] kienu għalhekk jaġixxu, ġeneralment, bħala rappreżentanti ta’ Austria Draht.”

92      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni osservat li “in-nuqqas ta’ kontroll, il-fatt li ma kinitx taf bil-parteċipazzjoni tal-aġent tagħha fl-akkordju jew l-assenza ta’ approvazzjoni (retroattiva) għal tali parteċipazzjoni, invokati minn Austria Draht, ma jistgħux ikunu argumenti validi sabiex taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha” (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni invokat l-argumenti segwenti:

–        Austria Draht tikkostitwixxi unità ekonomika mal-aġent tagħha (premessi 697, 480 u 481 tad-deċiżjoni kkontestata) u għalhekk hija responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju minn dan tal-aħħar, irrispettivament mill-għarfien, mill-kontroll jew mill-approvazzjoni ta’ Austria Draht (jew min-nuqqas jew l-assenza ta’ dawn tal-aħħar) ­­­[f’dan il-kuntest sar riferiment għall-punt 54 tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, u għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536] (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        barra minn hekk, fil-każ li impriża tiddeċiedi li tiddelega l-attività kummerċjali tagħha f’pajjiż partikolari jew f’suq partikolari lil aġent fil-veru sens tal-kelma, din l-impriża hija obbligata timplementa l-mekkaniżmi neċessarji sabiex tiggarantixxi l-kontroll fir-rigward ta’ dan l-aġent (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        barra minn hekk, “minkejja li ma hemmx prova diretta ta’ istruzzjonijiet/preżentazzjoni ta’ rendikonti fir-rigward tal-laqgħat antikompetittivi bejn Austria Draht u s-Sur [G.], l-aġir ta’ Austria Draht kien influwenzat mill-parteċipazzjoni tal-aġent tagħha fil-laqgħat antikompetittivi”. Il-Kummissjoni tqis li, “[f]il-fatt, is-Sur [G.] ipparteċipa regolarment fil-laqgħat tal-akkordju tal-club Italia li matulhom kien jipprovdi lill-kompetituri, fost affarijiet oħra, informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-kwoti, il-prezzijiet u l-klijenti ta’ Austria Draht u kien jirċievi informazzjoni kummerċjali daqstant ieħor sensittiva dwar il-kompetituri tagħha u li matulhom kien jiftiehem ma’ dawn il-kompetituri dwar il-prezzijiet, dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela u dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti”. Hija żżid li “[din] l-informazzjoni neċessarjament influwenzat il-funzjonament kummerċjali ta’ Austria Draht fl-Italja (permezz tas-Sur [G.])” u li “barra minn hekk, mill-kuntratt ta’ aġenzija u mir-rapporti interni ppreżentati minn Austria Draht jirriżulta b’mod ċar li s-Sur [G.] żamm lil Austria Draht regolarment informata dwar l-iżviluppi fis-suq Taljan, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetituri u fir-rigward tal-bejgħ u r-relazzjonijiet tas-suq fl-Italja”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li “għalhekk wieħed jista’ jistenna li s-Sur [G.] għadda lil Austria Draht minn tal-inqas l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva rilevanti miksuba matul il-laqgħat tal-akkordju” (premessa 778 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li “s-Sur [G.] u Austria Draht għandhom jitqiesu li huma entità ekonomika unika u Austria Draht għandha titqies li hija responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju tas-Sur [G.]” (premessa 779 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      Barra minn hekk, bi tweġiba għal Austria Draht li kienet qiegħda tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-akkordju b’mod ġenerali, il-Kummissjoni enfasizzat li l-provi disponibbli juru b’mod suffiċjenti li Austria Draht kienet implikata fil-club Italia fuq bażi kontinwa u mingħajr waqfien, kif spjegat fil-premessa 772 u fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 780 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      B’hekk, il-Kummissjoni osservat li, bejn Settembru 1998 u s-sajf 2002, kien iddikjarat espliċitament li Austria Draht ma kinitx preżenti f’diversi okkażjonijiet, li jimplika li l-preżenza tagħha kienet mistennija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (premessa 780 tad-deċiżjoni kkontestata).

97      Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li, matul il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002, il-parteċipanti fl-akkordju kienu heddew li “jkeċċu” lil Austria Draht mill-akkordju jekk tirrifjuta li tiggarantixxi l-volum “qabel is-sajf (2002)”, li juri b’mod ċar li Austria Draht kienet għadha qiegħda tipparteċipa fl-akkordju (premessa 780 tad-deċiżjoni kkontestata).

98      Barra minn hekk, bi tweġiba għal Austria Draht, li kienet qiegħda ssostni, fl-ewwel lok, li l-parti l-kbira tad-dokumenti kontemporanji li jikkonċernaw il-kwoti, il-prezzijiet jew il-klijenti fil-kuntest tal-club Italia kienu jirreferu għall-operaturi prinċipali Taljani, iżda ma kinux jirreferu għaliha, u li dawk li jirreferu għaliha ma jistabbilixxux l-implikazzjoni tagħha b’mod konklużiv; fit-tieni lok, li kien possibbli li r-riferimenti għall-kunsinni tagħha fid-dokumenti li kienu jinsabu fil-fajl kienu sempliċement stimi magħmula mill-partijiet l-oħra, informazzjoni relatata ma’ kunsinni magħmula minnha fil-passat, informazzjoni prodotta mill-klijenti u data misluta minn informazzjoni ppubblikata, b’mod partikolari minħabba li t-trasparenza fis-suq kienet allegatament għolja u minħabba li ċ-ċifri li jikkonċernaw l-Awstrija setgħu jkunu relatati biss magħha peress li kienet l-uniku produttur Awstrijak u, fit-tielet lok, li ma kien hemm ebda prova li tindika li s-Sur P. kien ivverifika ċ-ċifri ta’ Austria Draht, il-Kummissjoni “[rrikonoxxiet] li mhux id-dokumenti kollha assoċjati mal-club Italia juru l-implikazzjoni ta’ Austria Draht”. Fil-fehma tal-Kummissjoni, “dan jista’ jkun faċilment dovut għall-fatt li Austria Draht ma kinitx membru ewlieni ta’ dan il-club bħalma kienu Redaelli, ITC, CB u Itas [...] u għaldaqstant ipparteċipat fil-laqgħat tal-club Italia b’mod inqas regolari minn dawn il-parteċipanti ewlenin”. Il-Kummissjoni madankollu qieset li “qatt ma kien hemm waqfien fil-parteċipazzjoni fl-akkordju min-naħa ta’ Austria Draht bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002” (premessi 781 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li ma kienx kredibbli li jiġi allegat li l-informazzjoni skambjata dwar Austria Draht kienet disponibbli pubblikament jew kienet sempliċement stimi fid-dawl tan-natura preċiża, kunfidenzjali u reċenti ta’ din l-informazzjoni skambjata matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fl-akkordju. Skont il-Kummissjoni, “tali informazzjoni għalhekk setgħet toriġina biss mingħand Austria Draht, jew direttament jew permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha, is-Sur [G.]” (premessa 782 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li “l-assenza ta’ verifika mis-Sur [P., (impjegat irtirat ta’ Redaelli u sussegwentement konsulent kummerċjali, ara l-punt 26 iktar ’il fuq)] ma [setgħetx] titqies li hija fattur importanti jew determinanti sabiex tiġi kontradetta l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-laqgħat fid-dawl tal-provi kollha disponibbli kontra Austria Draht u fid-dawl tal-fatt li Austria Draht ma kinitx meqjusa li hija membru ewlieni tal-club Italia, b’tali mod li l-verifiki mis-Sur [P.] setgħu tqiesu li kienu inqas importanti fir-rigward tagħha” (premessa 782 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li “Austria Draht [kellha] tinżamm responsabbli għall-attivitajiet ta’ akkordju tagħha u b’mod partikolari għall-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002” (premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Is-sitwazzjoni ta’ voestalpine

102    Fir-rigward ta’ voestalpine, il-Kummissjoni qieset li din il-kumpannija kellha responsabbiltà in solidum ma’ Austria Draht għall-perijodu tal-ksur mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, peress li eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (premessi 784 sa 789 tad-deċiżjoni kkontestata), punt dan li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża.

4.     Kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq voestalpine u fuq Austria Draht

103    Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar li l-kalkolu tal-ammont tal-multa twettaq fid-dawl tal-Linji gwida tal-2006 (premessi 918 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ voestalpine u ta’ Austria Draht, il-multa ta’ EUR 22 miljun kienet ikkalkolata kif ġej.

104    L-ewwel nett, voestalpine u Austria Draht inżammu responsabbli għal ksur globali fis-suq tal-APS fi ħdan iż-ŻEE. Għaldaqstant, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-“valur tal-bejgħ tal-impriża ta’ prodotti u servizzi kkonċernati mill-ksur fiż-żona ġeografika kkonċernata fi ħdan iż-ŻEE” matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (premessi 929 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Fir-rigward ta’ Austria Draht, il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni kienet ta’ EUR 18 207 306 (punt 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda). Dan huwa l-valur tal-bejgħ ta’ APS fir-rigward taż-żona ġeografika kkonċernata mill-ksur, jiġifieri, għall-perijodu kkunsidrat fir-rigward ta’ voestalpine u ta’ Austria Draht: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall, id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja (premessi 931 u 932 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    It-tieni nett, il-perċentwali li għandha tiġi applikata għall-valur tal-bejgħ ikkalkolat b’dan il-mod tiddependi mill-gravità tal-ksur bħala tali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fost iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, in-natura tal-ksur, is-sehem kumulat tas-suq tal-impriżi kkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur (premessi 936 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

107    Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kollu kien jipprevedi tqassim tas-suq, attribuzzjonijiet ta’ klijentela u ftehimiet ta’ prezz orizzontali (premessa 939 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-impriżi implikati fil-ksur kellhom sehem kumulat tas-suq ta’ madwar 80 % (premessa 946 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-ksur kien ikopri parti sostanzjali taż-ŻEE. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni indikat li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet qiegħda ssostni Austria Draht, id-dħul mill-bejgħ tagħha fil-Portugall u fi Spanja ma kellux jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ minħabba li ma kinitx attiva fi ħdan il-club España, u dan għaliex dawn iż-żewġ pajjiżi kienu jagħmlu parti mill-portata ġeografika tal-club Italia, li fih kienet ipparteċipat Austria Draht (premessi 947 u 948 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fir-rigward ta’ Socitrel, Proderac, Fapricela u Fundia, impriżi li pparteċipaw biss fil-club España (li kien ikopri biss Spanja u l-Portugall) jew, fil-każ tal-aħħar impriża, fil-koordinazzjoni dwar Addtek, u li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit biss għarfien tal-ksur uniku u kontinwu fi stadju tardiv tal-ksur (is-17 ta’ Mejju 2001 għal Socitrel, Proderac u Fapricela u l-14 ta’ Mejju 2001 għal Fundia), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika iktar limitata fid-determinazzjoni tas-sehem tal-valur tal-bejgħ. Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni kienet differenti għall-parteċipanti l-oħra fil-club España (Emesa u Galycas, Tycsa u Trefilerías Quijano) li fl-istess ħin ipparteċipaw f’diversi livelli tal-akkordju jew li fir-rigward tagħhom l-għarfien tal-ksur uniku u kontinwu seta’ jiġi stabbilit fi stadju nettament iktar bikri. Bl-istess mod, fir-rigward tal-parteċipanti fil-club Italia, is-sitwazzjoni kienet differenti minn dik ta’ Socitrel, ta’ Proderac u ta’ Fapricela, peress li l-portata ġeografika tal-club Italia kienet fil-parti l-kbira tagħha tikkoinċidi ma’ dik tal-ftehimiet pan-Ewropej u kienet għalhekk testendi ferm lil hinn mill-portata ġeografika tal-club España (Spanja u l-Portugall) (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

109    Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-arranġamenti, il-Kummissjoni qieset li minkejja li mhux dejjem kienu rnexxew kompletament, l-arranġamenti kienu fil-fatt implementati (premessa 950 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u tal-kriterji ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li s-sehem tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien ta’ 16 % għal Fundia, ta’ 18 % għal Socitrel, Fapricela u Proderac, u ta’ 19 % għall-impriżi l-oħra kollha, inkluż għar-rikorrenti (premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    It-tielet nett, fir-rigward ta’ voestalpine u ta’ Austria Draht, it-tul tal-ksur kien iffissat għal ħames snin u ħames xhur, jiġifieri mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-perċentwali li kellha tiġi inkluża fl-ammont bażiku irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet li ammont ta’ 16 % għal Fundia, ta’ 18 % għal Socitrel, Fapricela u Proderac, u ta’ 19 % għall-impriżi l-oħra kollha, inkluż għar-rikorrenti, kien adegwat (premessa 962 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Bi tweġiba għal Austria Draht, li kienet qiegħda ssostni li, peress li hija ma kellhiex għarfien tal-arranġament pan-Ewropew globali, il-Kummissjoni ma kellhiex tapplika, fil-każ tagħha, ammont addizzjonali jew, fil-każ li tapplikah, kellha tapplika biss multiplikatur stabbilit f’livell iżgħar (15 %), il-Kummissjoni osservat li Austria Draht kellha għarfien tal-arranġament pan-Ewropew kollu (premessi 652 sa 654 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienet ipparteċipat ukoll fil-club Italia f’laqgħat li matulhom kienu ġew iffissati prezzijiet, kienu ġew attribwiti klijenti u kienu tqassmu kwoti (premessi 478 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li l-perċentwali applikabbli għal Austria Draht ma kellhiex tkun differenti minn dik applikabbli għall-impriżi l-oħra li pparteċipaw fi prattiki simili (premessi 958 u 959 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Il-ħames nett, il-Kummissjoni ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati matul il-proċedura amministrattiva minn voestalpine u Austria Draht. F’dan il-kuntest, dawn tal-aħħar ressqu argumenti dwar in-negliġenza (premessa 976 tad-deċiżjoni kkontestata), dwar ir-rwol minuri tar-rikorrenti fl-akkordju (premessi 982 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’parti biss tal-akkordju (premessi 996 sa 998 tad-deċiżjoni kkontestata), dwar l-assenza ta’ implementazzjoni tal-ftehimiet (premessi 1013 et seq, b’mod partikolari l-premessi 1016 u 1018 sa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata) u dwar l-implikazzjoni biss tal-prinċipal, minħabba l-aġent, mingħajr l-implikazzjoni ta’ dan tal-aħħar (premessa 1034 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Fl-assenza ta’ ċirkustanza attenwanti, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm ebda raġuni sabiex ma timxix mal-ammont bażiku kkalkolat fuq il-bażi tal-metodoloġija ddefinita fil-Linji gwida tal-2006 tagħha, li kienet twassal għal multa ta’ EUR 22 miljun (premessa 1057, kif ukoll il-premessa 1072 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %, tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  Tfakkir tal-prinċipji

1.     Prova tal-eżistenza u tat-tul tal-ksur

116    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi ta’ natura tali li juru, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. L-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi jekk ikun għad għandha dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament jew għall-bidla ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, ikun meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta ma’ dan il-ksur, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità. B’hekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex fuqhom tiġi bbażata l-konvinzjoni solida li l-ksur allegat twettaq (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, Ġabra, EU:T:2013:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Barra minn hekk, huwa abitwali li l-attivitajiet implikati mill-ftehimiet antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tkun limitata kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li jixhdu b’mod espliċitu li sar kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħat, dawn id-dokumenti normalment ikunu biss ta’ natura frammentarja u skarsa, b’tali mod li ħafna drabi jkun neċessarju li ċerti dettalji jimtlew permezz ta’ deduzzjonijiet. Għalhekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi inferita minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tirrikjedi li, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha minn tal-inqas tibbaża ruħha fuq provi li jikkonċernaw fatti suffiċjentement viċini f’termini ta’ żmien, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment aċċettat li dan il-ksur tkompla mingħajr waqfien bejn żewġ dati preċiżi (sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.     Kunċett ta’ ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless

119    Fit-tieni lok, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew inkella minn aġir kontinwu, u dan anki meta element wieħed jew iktar ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jkunu jistgħu jikkostitwixxu huma stess, ikkunsidrati waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet. B’hekk, meta d-diversi azzjonijiet ikunu jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba li jkollhom l-għan identiku li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat b’mod globali (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 81; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 258, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, EU:C:2012:778, punt 41).

120    Għalhekk, impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u li kienet lesta taċċetta r-riskju marbut ma’ dan l-aġir (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punti 83, 87 u 203; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 83, u Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 42).

121    B’hekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, u f’tali każ il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu u, għaldaqstant, għal dan il-ksur fl-intier tiegħu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu. F’tali każ, il-Kummissjoni tista’ wkoll timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, għal dan il-ksur fl-intier tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 43).

122    Għall-kuntrarju, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’element wieħed jew iktar tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha, din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali kollha segwiti mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-imsemmija partijiet sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu, il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà biss fir-rigward tal-aġir li fih kienet ipparteċipat direttament u fir-rigward tal-aġir ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk li hija kienet qiegħda ssegwi u li fir-rigward tiegħu jiġi pprovat li kellha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 44).

123    Madankollu, dan ma jistax iwassal sabiex din l-impriża tiġi eżonerata mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li fir-rigward tiegħu jkun stabbilit li kienet ħadet sehem fih jew li fir-rigward tiegħu hija effettivament tista’ tinżamm responsabbli. Madankollu, ma huwiex possibbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu tiġi separata b’dan il-mod ħlief meta, minn naħa, l-imsemmija impriża tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li kienet qiegħda tiġi akkużata b’kull wieħed mill-elementi ta’ aġir li jikkostitwixxu l-ksur, u għalhekk li tiddefendi ruħha dwar dan il-punt, u meta, min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni tkun suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punti 45 u 46).

124    Fl-aħħar nett, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 90; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 86, u Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 45).

3.     Kunċett ta’ tbegħid fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa

125    Fit-tielet lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet opponiet għalihom b’mod manifest, sabiex tiġi pprovata b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta tkun stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull inklinazzjoni antikompetittiva billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Ir-raġuni li fuqha huwa bbażat dan il-prinċipju legali hija li, jekk tkun ipparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tkun tat lill-parteċipanti l-oħra x’jifhmu li hija kienet qiegħda taqbel mal-eżitu tal-laqgħat u li hija kienet ser tikkonforma ruħha miegħu. F’dan ir-rigward, l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr tbegħid pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tali inizjattiva tkun ġiet iddenunzjata lill-entitajiet amministrattivi, ikollha l-effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li għalhekk hija ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ ftehim uniku (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 82 u 84).

127    Barra minn hekk, il-fatt li impriża ma tiħux azzjoni b’reazzjoni għall-eżitu ta’ laqgħa li kellha għan antikompetittiv ma huwiex ta’ natura li jeżentaha mir-responsabbiltà tagħha għall-fatt li pparteċipat f’akkordju sakemm ma titbiegħedx pubblikament mill-kontenut ta’ din il-laqgħa. Il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta tkun qiegħda tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 85 u 86).

128    Meta r-responsabbiltà ta’ impriżi għal aġir antikompetittiv tirriżulta, skont il-Kummissjoni, mill-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat li kellhom tali aġir bħala s-suġġett tagħhom, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika li dawn l-impriżi kellhom l-opportunità, kemm matul il-proċedura amministrattiva u kemm quddiemha, li jirribattu l-konklużjonijiet li kienu misluta f’dan ir-rigward u, jekk ikun il-każ, li jistabbilixxu ċirkustanzi li jixħtu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu li l-ispjegazzjoni tal-fatti magħmula minn din l-istituzzjoni tiġi ssostitwita bi spjegazzjoni oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 87).

129    Huwa fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tal-partijiet, li ġew esposti fid-dettall fir-rapport għas-seduta kkomunikat mill-Qorti Ġenerali.

II –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li r-rikorrenti pparteċipaw f’komponent tal-ksur uniku permezz tal-aġent tagħhom fl-Italja

130    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, voestalpine u Austria Draht isostnu li, minkejja li ma pparteċipawx fl-akkordju kkaratterizzat mill-Kummissjoni, huma kienu suġġetti għal multa ta’ EUR 22 miljun minħabba li l-aġent tagħhom fl-Italja, is-Sur G., kien preżenti għal ċerti laqgħat tal-club Italia. Madankollu, waħdu, dan il-fatt ma jippermettix lill-Kummissjoni tqis li, permezz ta’ dan l-aġent, huma kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

131    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsemmu, l-ewwel nett, ir-rwol tas-Sur G., li kien iwettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tiegħu fl-interess ta’ CB; it-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur G., mis-Sur V. (Tréfileurope) u minn diversi kumpanniji implikati fil-ksur, li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit li Austria Draht ma kinitx tipparteċipa fil-club Italia; it-tielet nett, id-diversi elementi invokati sabiex tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia permezz tas-Sur G., li ma humiex konklużivi; ir-raba’ nett, l-imputazzjoni tal-aġir tas-Sur G. lil Austria Draht, minkejja li ma kinux jifformaw unità ekonomika u minkejja li ebda element ma jippermetti li jiġi stabbilit li Austria Draht kellha għarfien tal-atti illegali mwettqa mill-aġent tagħha, u, il-ħames nett, b’mod sussidjarju, it-tul tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni peress li, fi kwalunkwe każ, ma tista’ tiġi stabbilita ebda parteċipazzjoni min-naħa tar-rikorrenti fil-club Italia qabel Jannar 2000.

A –  Imputazzjoni tal-aġir tal-aġent lill-prinċipal

132    Sabiex tiddefinixxi r-responsabbiltà ta’ Austria Draht, il-Kummissjoni qieset li din il-kumpannija kienet ipparteċipat direttament fil-club Italia permezz tal-aġent tagħha fl-Italja mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002. Sabiex għamlet dan, il-Kummissjoni rrifjutat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar l-assenza ta’ unità ekonomika bejn l-aġent u l-prinċipal, il-fatt li l-aġent ikun responsabbli għar-riskju ekonomiku, l-assenza ta’ esklużività tal-aġent fis-sens strett tal-kelma u n-nuqqas ta’ għarfien min-naħa tal-prinċipal dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent. Meta temmet l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 779 tad-deċiżjoni kkontestata, li “s-Sur [G.] u Austria Draht [kellhom] jitqiesu li huma entità ekonomika unika u [li] Austria Draht [kellha] titqies li [kienet] responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju tas-Sur [G.]” (ara l-punti 85 sa 94 iktar ’il fuq).

133     Huwa fid-dawl ta’ dan ir-raġunament li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tistax tikkonkludi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li Austria Draht għandha tassumi r-responsabbiltà għall-aġir tal-aġent tagħha fl-Italja.

1.     Kundizzjonijiet għall-imputabbiltà tal-aġir tal-aġent lill-prinċipal

134    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra, EU:C:1984:271, punt 11, u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 121).

135    Tali entità ekonomika tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jsegwu b’mod dewwiemi għan ekonomiku partikolari, liema organizzazzjoni tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ ksur kopert mill-Artikolu 101(1) TFUE jew mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, meta grupp ta’ kumpanniji jikkostitwixxi l-istess impriża waħda, il-Kummissjoni tista’ ġustament tattribwixxi r-responsabbiltà għal ksur imwettaq mill-imsemmija impriża lill-kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-grupp fil-kuntest tal-ksur u timponi multa fuq din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 122).

136    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma hijiex is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, li hija determinanti iżda jekk l-aġir tagħhom fis-suq twettaqx bħala unità jew le (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 123).

137    Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk żewġ kumpanniji li jkollhom personalitajiet ġuridiċi distinti jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża waħda jew taħt l-istess entità ekonomika waħda li tadotta aġir uniku fis-suq (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 124).

138    Il-ġurisprudenza turi li tali sitwazzjoni ma hijiex limitata għal dawk il-każijiet fejn il-kumpanniji jkollhom relazzjonijiet ta’ kumpannija parent ma’ kumpannija sussidjarja iżda tkopri wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-aġent jew l-intermedjarju tagħha. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-kwistjoni ta’ jekk prinċipal u l-aġent jew l-intermedjarju tiegħu jifformawx unità ekonomika, fejn l-aġent jew l-intermedjarju jitqiesu li huma organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-prinċipal, hija importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli. F’dan is-sens, ġie deċiż li jekk intermedjarju jeżerċita attività għall-profitt tal-prinċipal tiegħu, l-intermedjarju jista’ bħala prinċipju jitqies li huwa organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-prinċipal, li jkun obbligat isegwi l-istruzzjonijiet tal-prinċipal u li b’hekk jifforma unità ekonomika ma’ din l-impriża, bħalma jagħmel l-impjegat kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:1975:174, punt 480, u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 125).

139    Fir-rigward ta’ kumpanniji li jkollhom relazzjoni vertikali, bħal dik bejn prinċipal u l-aġent jew l-intermedjarju tiegħu, żewġ elementi tqiesu li huma parametri ta’ referenza prinċipali fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika: minn naħa, jekk l-intermedjarju jkunx responsabbli għar-riskju ekonomiku u, min-naħa l-oħra, jekk is-servizzi pprovduti mill-intermedjarju jkunux esklużivi (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 126).

140    Fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku, diġà ġie deċiż li intermedjarju ma setax jitqies li kien organu awżiljarju integrat fl-impriża tal-prinċipal meta l-ftehim li jkollu ma’ dan tal-aħħar jagħtih jew iħallilu funzjonijiet li ekonomikament ikunu simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti, minħabba li dan il-ftehim kien jipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà, mill-intermedjarju, tar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi (sentenzi Suiker Unie, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:1975:174, punt 482, u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 127).

141    Fir-rigward tan-natura esklużiva tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarju, ġie deċiż ukoll li ma kienx jimmilita favur l-idea ta’ unità ekonomika l-fatt li, fl-istess ħin mal-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-prinċipal, l-intermedjarju wettaq, bħala negozjant indipendenti, tranżazzjonijiet b’portata kunsiderevoli fis-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni (sentenzi Suiker Unie, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:1975:174, punt 544, u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 128).

2.     Kuntratt ta’ aġenzija u teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku

142    Ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw il-fatt li, peress li s-Sur G. kien jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht u peress li l-attivitajiet eżerċitati fl-interess ta’ CB kienu iktar kunsiderevoli f’termini ta’ dħul minn dawk eżerċitati fl-interess ta’ Austria Draht, l-element marbut mal-esklużività tas-servizzi pprovduti mill-aġent ma huwiex issodisfatt. Għalhekk, fl-assenza tat-tieni element invokat fis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), ma jistax jiġi konkluż li hemm unità ekonomika.

143    Madankollu, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn is-Sur G. u Austria Draht, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandu l-ewwel nett ikun magħruf sa fejn l-aġent jassumi r-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi fir-rigward tal-attivitajiet li għalihom kien innominat mill-prinċipal. L-ewwel element identifikat fis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), ma jistax jiġi injorat.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kuntratt konkluż bejn Austria Draht u Studio Crema jipprovdi li, inkonformità mal-istruzzjonijiet ta’ Austria Draht, is-Sur G. huwa responsabbli għall-bejgħ tal-APS ta’ Austria Draht fl-Italja “f’isem u fl-interess” ta’ din tal-aħħar. Dan il-kuntratt b’mod partikolari jirrikjedi li s-Sur G. ma jwettaqx negozju “fl-interess tiegħu stess” u “jirrispetta strettament id-direttivi, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-prezz, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħlas, tal-bejgħ u tal-kunsinna” ta’ Austria Draht. Il-kuntratt jispeċifika wkoll li l-“merkanzija għandha tiġi kkunsinnata u ffatturata” minn Austria Draht. Skont dan il-kuntratt, il-bejgħ jiġi konkluż biss bejn Austria Draht u l-klijent, u mhux bejn is-Sur G. u dan il-klijent (premessa 774 tad-deċiżjoni kkontestata u Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ aġenzija).

145    Effettivament dan il-kuntratt huwa kuntratt ta’ aġenzija. Dan il-kuntratt jikkonċerna “persuna legali jew fiżika (l-aġent) [li] jingħata l-poter sabiex jinnegozja u/jew jikkonkludi kuntratti f’isem [fl-interess ta’] persuna oħra (il-prinċipal), jew f’isem l-aġent stess jew f’isem il-prinċipal, [...] [għall‑]bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi fornuti mill-prinċipal” (ara, f’dan is-sens, id-definizzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija li tinsab fil-punt 12 tal- Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-ftehimiet vertikali fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE).

146    Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni osservat fil-premessa 774 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-kuntratt ma jirriżultax li s-Sur G. kien responsabbli “għar-riskji assoċjati, b’mod partikolari għall-assenza ta’ kunsinna, għall-kunsinni difettużi u għall-insolvabbiltà tal-klijent” fir-rigward tal-attivitajiet li għalihom kien innominat minn Austria Draht. Fil-kuntratt lanqas ma hemm xi dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha jista’ jitqies li s-Sur G. kien responsabbli għall-finanzjament tal-istokk jew li kien meħtieġ iwettaq xi investimenti speċifiċi sabiex jirrappreżenta lil Austria Draht fl-Italja. Għaldaqstant, il-parti essenzjali tar-riskju ekonomiku marbut mal-bejgħ innegozjat mis-Sur G. u konkluż ma’ Austria Draht fl-Italja kienet taqa’ fuq il-prinċipal u mhux fuq l-aġent tiegħu.

147    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontradixxu tali evalwazzjoni tar-riskju ekonomiku. Huma sempliċement jinvokaw li s-Sur G. kien jassumi r-responsabbiltà għal ċerti spejjeż (spejjeż ta’ konsulenza u tal-ivvjaġġar, spejjeż marbuta mal-obbligi annessi relatati mal-konklużjoni tal-kuntratti, spejjeż ta’ traduzzjoni [...]) li jistgħu jitqiesu bħala aċċessorji fil-konfront tal-attivitajiet fdati jew bħala koperti min-natura fissa tar-remunerazzjoni mħallsa minn Austria Draht fil-forma ta’ kummissjoni. Tali spejjeż ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li s-Sur G. kien jassumi xi riskju ta’ natura oħra għajr wieħed negliġibbli jew limitat fir-rigward tal-attivitajiet fdati minn Austria Draht.

148    F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha raġun meta tqis li, skont dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, meta s-Sur G. kien jaġixxi fl-interess ta’ Austria Draht fl-Italja, huwa kien jagħmel dan mingħajr ma jassumi riskju ekonomiku ta’ natura tali li jimplika li l-kuntratt li jorbtu ma’ din il-kumpannija kien jagħtih jew kien iħallilu funzjonijiet li ekonomikament huma simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti.

3.     Impatt tar-rappreżentanza doppja eżerċitata mill-aġent

149    Fir-rigward tat-tieni element imsemmi fis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), fil-premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li s-Sur G. kien jaġixxi wkoll f’isem parteċipanti oħra fl-akkordju, CB, kien ifisser li l-aġenzija ma kinitx esklużiva fis-sens strett tal-kelma.

150    Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni u għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, il-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-każ ma jistgħux iwasslu sabiex tiġi miċħuda a priori kull possibbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn is-Sur G. u Austria Draht fir-rigward tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija.

151    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, fl-istess ħin mal-attivitajiet eżerċitati fl-interess ta’ Austria Draht, is-Sur G. kien jeżerċita wkoll attivitajiet fl-interess ta’ CB, il-Kummissjoni għandha raġun meta tinnota li, f’dan il-każ, “is-Sur [G.] ma kienx attiv personalment fis-suq inkwistjoni u għalhekk ma kienx iwettaq tranżazzjonijiet ta’ portata kunsiderevoli f’ismu stess bħala aġent indipendenti” (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara, b’analoġija, is-sentenzi Suiker Unie, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:1975:174, punt 544, u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 128).

152    Fil-fatt, minflok ma kien jirrappreżenta prinċipal wieħed mill-aspett kummerċjali, is-Sur G. kien jirrappreżenta tnejn, jiġifieri, essenzjalment lil CB, li kienet tiġġenera l-parti essenzjali tad-dħul ta’ Studio Crema (madwar 75 % matul il-perijodu tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti), iżda wkoll lil Austria Draht, li kienet tiġġenera wkoll parti mhux negliġibbli minn dan id-dħul (madwar 25 % matul dan l-istess perijodu).

153    F’tali sitwazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn l-aġent u wieħed mill-prinċipali tiegħu, għandu jkun magħruf jekk dan l-aġent jistax, fir-rigward tal-attivitajiet li ġew fdati lilu minn dan il-prinċipal, jaġixxi bħala negozjant indipendenti liberu li jiddetermina l-istrateġija kummerċjali tiegħu stess. Jekk l-aġent ma jkunx jista’ jaġixxi bħala tali, il-funzjonijiet eżerċitati minnu fl-interess tal-imsemmi prinċipal jkunu jagħmlu parti integrali mill-attivitajiet tal-prinċipal.

154    B’hekk, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 774 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn is-Sur G. u Austria Draht jinsab fl-evalwazzjoni tar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi permezz tas-Sur G. Jekk dan tal-aħħar jaġixxi bħala estensjoni ta’ Austria Draht, f’dan il-każ huwa jkun jista’ jitqies li huwa “organu awżiljarju li jagħmel parti mill-impriża ta’ Austria Draht, bħalma huwa l-każ ta’ impjegat kummerċjali”, li ma jkunx il-każ li kieku jaġixxi bħala negozjant indipendenti.

155    Issa, f’dan il-każ, diġà ġie stabbilit li l-kuntratt ta’ aġenzija konkluż mis-Sur G. ma’ Austria Draht ma kienx jagħtih il-possibbiltà li jaġixxi, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħala negozjant indipendenti fir-rigward tal-attivitajiet li għalihom kien ġie nnominat.

156    Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni bejn is-Sur G. u CB, mill-fajl jirriżulta wkoll li l-aġir tas-Sur G. ma jistax jiġi assimilat, fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, ma’ dak ta’ negozjant indipendenti tal-APS prodott minn CB. Fil-fatt, is-Sur G. kien jeżerċita fl-interess ta’ CB funzjonijiet li jixbhu dawk ta’ direttur tal-bejgħ. L-assenza ta’ kuntratt ta’ aġenzija bil-miktub bejn is-Sur G. u CB ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-attivitajiet li kienu fdati lilu minn din il-kumpannija kienu eżerċitati min-negozjant indipendenti u mhux fl-interess u għar-riskju ta’ CB. Għall-kuntrarju, jista’ jitqies li huwa kien għalhekk jaġixxi bħala organu awżiljarju, integrat f’din l-impriża. Bħala prova ta’ dan, u kif ġie osservat mir-rikorrenti, is-Sur G. ippreżenta ruħu, fil-kuntest tas-smigħ quddiem il-Kummissjoni, bħala membru tat-tim li kien qiegħed jirrappreżenta lil CB.

157    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm din il-kawża hija differenti mis-sitwazzjonijiet preċedentement evalwati fil-ġurisprudenza, b’mod partikolari fis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), fejn l-esklużività tar-rappreżentanza mill-aġent tal-prinċipal kienet tirriżulta mill-kuntratt tiegħu u mill-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar (punti 131 u 132 ta’ dik is-sentenza), ir-rappreżentanza doppja eżerċitata mis-Sur G. fir-rigward, minn naħa, ta’ CB u, min-naħa l-oħra, ta’ Austria Draht, ma hijiex ta’ natura li tirribatti l-konklużjoni li, fir-rigward tal-attivitajiet fdati lis-Sur G. minn Austria Draht, is-Sur G. ma setax jeżerċita funzjonijiet li ekonomikament huma simili għal dawk ta’ negozjant indipendenti.

158    Bħala konklużjoni, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li s-Sur G., jew Studio Crema li huwa kien jirrappreżenta, jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ operatur ekonomiku indipendenti meta tiġi evalwata l-portata tal-kuntratt ta’ aġenzija konkluż ma’ Austria Draht fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni peress li s-Sur G. ma kienx jassumi jew kien jassumi b’mod limitat ħafna r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ bejgħ konklużi permezz tiegħu ma’ Austria Draht u peress li fil-prattika kien jopera bħala organu awżiljarju li jagħmel parti minn din il-kumpannija.

159    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma huwa ta’ natura li jirribatti tali konklużjoni. Fil-fatt, parti kbira minn dawn l-argumenti jfakkru l-kontenut tas-sentenzi Suiker Unie, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:C:1975:174), u Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), li ma jistgħux jiġu sempliċement estiżi sabiex ikopru l-każ ineżami u sabiex jiġi allegat li, minħabba s-sempliċi fatt li ma hemmx rabta esklużiva fis-sens strett tal-kelma bejn is-Sur G. u Austria Draht, ma jistax ikun hemm unità ekonomika bejniethom.

160    Bl-istess mod, il-fatt li s-Sur G. jaħdem ukoll għal CB u li l-attivitajiet eżerċitati minn CB jirrappreżentaw il-parti essenzjali tad-dħul ta’ Studio Crema meta mqabbel mad-dħul iġġenerat ma’ Austria Draht ma jistax ikun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-indipendenza kummerċjali tas-Sur G. Kif diġà ġie indikat, is-Sur G. seta’ jitqies li jikkostitwixxi fl-istess ħin unità ekonomika ma’ CB u unità ekonomika ma’ Austria Draht. Dan ma jgħoddx, reċiprokament, għal CB u għal Austria Draht, ħlief fir-rigward ta’, u fil-limitu ta’, l-attivitajiet li kienu fdati lilu minn waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji.

161    Madankollu, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma tistax tqis li, “[f]i kwalunkwe każ, f’dan il-każ, għandu jingħad ukoll li CB kienet ġeneralment ippreżentata individwalment fil-laqgħat tal-akkordju u li s-Sur [G.]/[Studio Crema] kienu għalhekk jaġixxu, ġeneralment, bħala rappreżentanti ta’ Austria Draht” (l-aħħar parti tal-premessa 776 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-assenza ta’ provi li jippermettu li tiġi stabbilita tali affermazzjoni, il-preżenza tas-Sur G. f’laqgħa tal-club Italia ma tista’ tfisser xejn iktar ħlief li għal din il-laqgħa kienet preżenti persuna li, minn naħa, kienet teżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ direttur tal-bejgħ għal CB u, min-naħa l-oħra, kienet ukoll l-aġent ta’ Austria Draht fl-Italja. Fid-dawl tar-rappreżentanza doppja eżerċitata mis-Sur G., li kienet tippermettilu li jkollu aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva minn żewġ sorsi, il-Kummissjoni xorta waħda kellha raġun meta osservat li din il-karatteristika partikolari kienet tikkostitwixxi fattur li jtejjeb il-koordinazzjoni fil-kuntest tal-akkordju (bidu tal-premessa 776 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    Fir-rigward tal-prassi deċiżjonali invokata mir-rikorrenti b’riferiment għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [Każ COMP/F/38.638 – Lastiku tat-tip Butadiene (BR) u lastiku tat-tip Emulsion Styrene Butadiene (ESBR)] u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tal-paraffin), tali prassi lanqas ma tista’ tistabbilixxi li ma jistax ikun hemm unità ekonomika bejn is-Sur G. u Austria Draht f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, id-dettalji ta’ dawn il-każijiet jaqgħu fil-loġika preċedentement esposta fis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, (EU:T:2003:337), fejn il-Qorti Ġenerali kienet, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-imsemmija każijiet, irreferiet għan-natura esklużiva tar-rappreżentanza inkwistjoni, mingħajr madankollu ma jfisser li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, bħalma għamlet il-Kummissjoni f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ rappreżentanza doppja speċifika għas-Sur G.

163    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun meta qieset f’dan il-każ, fid-dawl essenzjalment tal-kuntratt ta’ aġenzija, li s-Sur G. kien qiegħed jaġixxi fl-interess ta’ Austria Draht, li kienet tassumi r-riskju ekonomiku marbut ma’ din ir-rappreżentanza. F’dan il-każ, is-Sur G. għandu effettivament jitqies li huwa organu awżiljarju li jagħmel parti mill-impriża ta’ Austria Draht (jew ta’ Austria Draht u ta’ voestalpine flimkien) u, bħalma huwa l-każ ta’ impjegat kummerċjali, li jikkostitwixxi entità ekonomika unika ma’ din l-impriża.

4.     Assenza ta’ għarfien, ta’ kontroll u ta’ approvazzjoni

164    F’dan l-istadju, ir-rikorrenti jsostnu li s-sitwazzjoni oġġettiva li għadha kemm ġiet iddefinita ma hijiex suffiċjenti sabiex l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent ikun jista’ jiġi imputat lill-prinċipal. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit sa fejn il-prinċipal kien jew seta’ jkun informat dwar dan l-aġir.

165    F’dan ir-rigward u fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li ma kienx neċessarju għaliha li tiddeċiedi dwar “in-nuqqas ta’ kontroll, il-fatt li ma kinitx taf bil-parteċipazzjoni tal-aġent tagħha fl-akkordju jew l-assenza ta’ approvazzjoni (retroattiva) għal tali parteċipazzjoni” peress li tali argumenti “ma jistgħux ikunu argumenti validi sabiex taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha” (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni indikat ukoll li, peress li “Austria Draht [kienet] tikkostitwixxi unità ekonomika mal-aġent tagħha”, hija “għalhekk [kienet] responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju minn dan tal-aħħar, irrispettivament mill-għarfien, mill-kontroll jew mill-approvazzjoni ta’ Austria Draht (jew min-nuqqas jew l-assenza ta’ dawn tal-aħħar)” (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

166    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkompletat l-analiżi preċedenti billi osservat li, “minkejja li ma [kienx] hemmx prova diretta ta’ istruzzjonijiet/preżentazzjoni ta’ rendikonti fir-rigward tal-laqgħat antikompetittivi” bejn is-Sur G. u Austria Draht, “mill-kuntratt ta’ aġenzija u mir-rapporti interni ppreżentati minn Austria Draht [bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni] [kien] jirriżulta b’mod ċar li s-Sur [G.] żamm lil Austria Draht regolarment informata dwar l-iżviluppi fis-suq Taljan” u, għaldaqstant, “wieħed jista’ jistenna li s-Sur [G.] għadda lil Austria Draht minn tal-inqas l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva rilevanti miksuba matul il-laqgħat tal-akkordju” (premessa 778 tad-deċiżjoni kkontestata).

167    Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti jinvokaw is-soluzzjoni li toħroġ mis-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337). Fil-fatt, din is-sentenza ma twarrabx a priori iżda twieġeb b’mod iddettaljat u fil-fond għal linja ta’ argumenti simili għal dik imressqa mir-rikorrenti fil-kawża ineżami, fejn il-prinċipal kien qiegħed isostni quddiem il-qorti li allegatament ma kienx jaf bl-attivitajiet imwettqa mill-aġent kif ukoll li ma kienx awtorizza jew approva tali attivitajiet (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 139).

168    Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-atti sanzjonabbli li bihom kien akkużat l-aġent kinux jagħmlu parti mill-attivitajiet fdati mill-prinċipal; it-tieni nett, jekk il-prinċipal kienx ġie regolarment informat dwar l-attivitajiet fdati lill-aġent, inkluż dwar l-atti sanzjonabbli li bihom kien akkużat dan l-aġent, u, it-tielet nett, jekk il-prinċipal kienx ipprojbixxa lill-aġent tiegħu milli jwettaq tali atti (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punti 140 sa 146).

169    Bi tweġiba għal-linja tal-argumenti tal-prinċipal dwar l-assenza ta’ għarfien jew ta’ approvazzjoni tal-atti tal-aġent tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 147 tas-sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (EU:T:2003:337), li mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kawża ineżami kien jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tariffi u tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-bastimenti tal-prinċipal li jservu l-linji internazzjonali kienet taqa’ fl-isfera tal-attivitajiet tal-aġent tiegħu, li l-prinċipal kien regolarment informat dwar l-attivitajiet imwettqa mill-aġent tiegħu, inkluż dwar il-kuntatti magħmula mal-kumpanniji l-oħra li fir-rigward tagħhom l-aġent tiegħu kien jipprova jikseb awtorizzazzjoni minn qabel jew a posteriori, u, fl-aħħar nett, li l-prinċipal kellu l-possibbiltà u s-setgħa li jipprojbixxi lill-aġent tiegħu milli jwettaq azzjonijiet partikolari, minkejja li ma kienx eżerċitahom qabel il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni.

170    Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-konklużjoni ġenerali tagħha dwar l-ilmenti marbuta mal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(1) TFUE [li dak iż-żmien kien l-Artikolu 81(1) KE] sa fejn l-azzjonijiet tal-aġent kienu ġew imputati b’mod żbaljat lill-prinċipal, il-Qorti Ġenerali rabtet il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika mal-eżitu tal-eżami preċedenti (sentenza Minoan Lines, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:337, punt 148), filwaqt li kkonstatat li mill-eżami tal-faks skambjati bejn l-aġent u l-prinċipal u bejn l-aġent u l-kumpanniji l-oħra li pparteċipaw fil-ksur, mit-tweġibiet tal-prinċipal għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni u miċ-ċirkustanzi l-oħra eżaminati fis-sentenza jirriżulta li l-aġent kien jaġixxi fis-suq fil-konfront ta’ terzi, tal-klijenti, tas-subaġenti u tal-kompetituri tal-prinċipal bħala organu awżiljarju tal-prinċipal u li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu għalhekk jifformaw l-istess unità ekonomika waħda jew l-istess impriża waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet timputa lill-prinċipal l-aġir kuntrarju għall-Artikolu 81 KE ssanzjonat fid-deċiżjoni kontenzjuża u li fih l-aġent kellu rwol importanti.

171    Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni ma tistax tindika, minn naħa, li “ma hemmx prova diretta ta’ istruzzjonijiet/preżentazzjoni ta’ rendikonti fir-rigward tal-laqgħat antikompetittivi” bejn is-Sur G. u Austria Draht, u tosserva, min-naħa l-oħra, li “mill-kuntratt ta’ aġenzija u mir-rapporti interni ppreżentati minn Austria Draht [bi tweġiba għal talba għal informazzjoni] jirriżulta b’mod ċar li s-Sur [G.] żamm lil Austria Draht regolarment informata dwar l-iżviluppi fis-suq Taljan”, sabiex tasal għall-konklużjoni li “wieħed jista’ jistenna li s-Sur [G.] għadda lil Austria Draht minn tal-inqas l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva rilevanti miksuba matul il-laqgħat tal-akkordju” (ara l-punt 166 iktar ’il fuq).

172    Bħala prinċipju, kien imissu kien possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika fost ir-rapporti bil-miktub ta’ kull xahar li s-Sur G. kien jikkomunika lil Austria Draht fir-rigward tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ u tas-suq, inkluż fir-rigward tal-attivitajiet tal-kompetituri fil-qasam kopert mir-rappreżentanza, liema rapporti kienu trażmessi minn Austria Draht lill-Kummissjoni bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, minn naħa, id-diversi elementi ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva li s-Sur G. seta’ kkomunika lil Austria Draht, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet li kienu jippermettu lil Austria Draht tifhem li s-Sur G. kien qiegħed jipparteċipa, f’isimha u fl-interess tagħha, fi prattiki antikompetittivi li jikkonċernaw il-kwoti, il-prezzijiet u l-klijenti meta attenda għal diversi laqgħat.

173    Fl-assenza ta’ tali elementi u minkejja li l-akkordju kien għadu ma ġiex iddenunzjat u minkejja li diversi dokumenti kontemporanji għall-fatti kienu jeżistu fi ħdan il-club Italia sabiex jesponu l-funzjonament ta’ dan l-akkordju, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt, kif tagħmel il-Kummissjoni, li s-Sur G. kien għadda lil Austria Draht il-kontenut ta’ dak kollu li huwa seta’ kien jaf u seta’ għamel fi ħdan il-club Italia. Sabiex tintlaħaq tali konklużjoni, huwa neċessarju li r-rapporti bil-miktub ta’ kull xahar mill-aġent ikollhom indikazzjonijiet f’dan is-sens. Għaldaqstant, jekk wara li teżamina dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni tikkonkludi, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li “ma hemmx prova diretta ta’ istruzzjonijiet/preżentazzjoni ta’ rendikonti fir-rigward tal-laqgħat antikompetittivi”, din tal-aħħar ma tistax tirrifjuta li tislet il-konsegwenzi ta’ tali affermazzjoni billi tiddikjara li xorta waħda huwa possibbli li tiddeduċi l-kuntrarju.

174    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li Austria Draht seta’ kellha, permezz tas-Sur G., l-iċken element ta’ informazzjoni dwar l-aġir antikompetittiv tal-aġent tagħha fl-okkażjoni tad-diversi laqgħat tal-club Italia li kien attenda għalihom. Dan barra minn hekk ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni matul is-seduta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi għarfien li hija ma stabbilixxietx.

175    Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk ineżami, fejn l-aġent jaġixxi f’isem u fl-interess tal-prinċipal mingħajr ma jassumi r-riskju ekonomiku tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, l-aġir antikompetittiv ta’ dan l-aġent fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jiġi imputat lill-prinċipal, bħalma jista’ jsir fir-rigward ta’ persuna li timpjega għall-atti sanzjonabbli ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, u dan anki mingħajr prova tal-għarfien min-naħa tal-prinċipal tal-aġir antikompetittiv tal-aġent.

176    Fil-fatt, kif ġie indikat iktar ’il fuq, mill-kuntratt ta’ aġenzija jirriżulta li kien b’għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni li Austria Draht fdat il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha fl-Italja lis-Sur G., li kien diġà jaġixxi bħala intermedjarju ta’ CB, waħda mill-operaturi prinċipali Taljani. Barra minn hekk, Austria Draht kienet irriżervat il-mezzi meħtieġa sabiex tikkontrolla r-riżultati miksuba mis-Sur G. peress li dan tal-aħħar ma setax jitqies li huwa negozjant indipendenti u peress li, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ li kien jinnegozja seta’ jiġi konkluż biss minn Austria Draht.

177    F’tali ċirkustanzi, anki fl-assenza ta’ kull għarfien tal-atti sanzjonabbli mwettqa mis-Sur G. fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, Austria Draht baqgħet il-benefiċjarja prinċipali ta’ tali atti, kif ir-rikorrenti stess irrikonoxxew matul is-seduta.

178    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tista’, minn naħa, tikkonkludi li teżisti unità ekonomika bejn l-aġent u l-prinċipal fir-rigward tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lis-Sur G. minn Austria Draht, u min-naħa l-oħra, tqis li, minħabba din l-unità ekonomika, huwa possibbli li jiġu imputati lill-prinċipal l-atti sanzjonabbli mwettqa mis-Sur G. fl-interess ta’ Austria Draht fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li l-prinċipal kellu konoxxenza tagħhom.

179    Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit il-kontenut tal-atti sanzjonabbli mwettqa mis-Sur G. fl-interess ta’ Austria Draht fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu.

B –  Provi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent

180    Preliminarjament, l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-atti sanzjonabbli imputabbli lil Austria Draht għandha tkun limitata biss għall-provi li jirrigwardaw il-club Italia, l-uniku komponent tal-ksur uniku li fir-rigward tiegħu l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht kienet indikata espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata, u dan permezz tas-Sur G. (premessi 769 sa 783 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-provi dwar komponenti oħra tal-akkordju, u b’mod partikolari dwar il-club Europe, li wħud minnhom ġew invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ser jiġu eżaminati prinċipalment fil-kuntest tat-tieni motiv, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku magħmula fil-konfront tar-rikorrenti.

181    Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia, il-Kummissjoni tindika li għandha provi li Austria Draht “ipparteċipat sistematikament f’iktar minn erbgħin laqgħa tal-club Italia bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002 u li l-assenza tagħha ġiet indikata formalment diversi drabi, li jfisser li l-preżenza tagħha fil-laqgħat kienet mistennija” (premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-provi jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 78 sa 81 iktar ’il fuq), bħalma tissemma wkoll iċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva sabiex jikkontestaw il-fatt li kienu rrappreżentati mis-Sur G. matul dawn il-laqgħat (ara l-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq) jew sabiex jallegaw, b’mod ġenerali, l-assenza ta’ parteċipazzjoni minn Austria Draht f’dawn il-laqgħat (ara l-punti 95 sa 100 iktar ’il fuq).

182    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qegħdin essenzjalment isostnu li r-riferimenti magħmula fid-deċiżjoni kkontestata għal parteċipazzjoni minn Austria Draht f’laqgħat tal-club Italia ma jippermettux li jiġi konkluż li Austria Draht ipparteċipat fl-akkordju. B’mod partikolari, huma jsostnu, minn naħa, li l-fatt li l-każ ta’ Austria Draht ġie diskuss fil-kuntest ta’ erbatax-il laqgħa fil-preżenza tas-Sur G. u ta’ persuni oħra ma jikkostitwixxix prova tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fl-akkordju, peress li l-parteċipazzjoni tas-Sur G. ma hijiex ekwivalenti għall-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht, u, min-naħa l-oħra, li b’mod ġenerali ma huwiex possibbli li jiġi identifikat dak li bih kienet qiegħda tiġi akkużata Austria Draht.

183    Bi tweġiba għal din il-linja ta’ argumenti, għandu qabel kollox jitfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tista’ timputa lil Austria Draht l-atti sanzjonabbli mwettqa mis-Sur G. fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu.

184    Għaldaqstant, għandu jkun magħruf kif l-aġir tas-Sur G. fl-okkażjoni tad-diversi laqgħat tal-club Italia li għalihom attenda jista’ jitqies li huwa kuntrarju għall-Artikolu 101(1) TFUE jew għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’dan ir-rigward, u kif josservaw ir-rikorrenti, dan l-eżerċizzju huwa magħmul iktar diffiċli minħabba l-fatt li s-Sur G. kien jirrappreżenta wkoll lil CB, waħda mill-atturi prinċipali tal-club Italia. Madankollu, dwar dan il-punt il-Kummissjoni qagħdet attenta li tosserva li, fir-rigward tal-erbatax-il laqgħa li huma l-iktar karatteristiċi tal-parteċipazzjoni tas-Sur G. fl-akkordju fl-interess ta’ Austria Draht, id-diskussjonijiet kienu mhux biss żvolġew fil-preżenza tas-Sur G. iżda kienu kkonċernaw ukoll il-“każ ta’ Austria Draht” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata).

185    Peress li r-rikorrenti qegħdin isostnu li, fir-rigward tal-erbatax-il laqgħa inkwistjoni, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ prova u ta’ motivazzjoni, fir-rigward b’mod partikolari tal-identifikazzjoni ta’ dak li bih kienet qiegħda tiġi akkużata Austria Draht, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament id-diversi provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stabbilit l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-Sur G. fil-kuntest tal-attivitajiet fdati lilu minn Austria Draht.

1.     Fuq il-laqgħa tal-15 ta’ April 1997

186    L-ewwel waħda mill-erbatax-il laqgħa msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-15 ta’ April 1997, li kienet dwar l-“attribuzzjoni ta’ kwoti/klijentela u ffissar ta’ prezzijiet” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope, SLM, Tycsa, DWK u Austria Draht (permezz tas-Sur G.).

187    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżenta l-punti koperti mil-laqgħa tal-15 ta’ April 1997 kif ġej:

–        “[iffissar] tal-prezzijiet tal-materja prima u tal-prezzijiet tal-bejgħ fi Franza, Spanja u l-Ġermanja”;

–        “diskussjonijiet dwar il-bejgħ minn Redaelli lil ċertu numru ta’ klijenti u dwar l-offerti magħmula lil klijenti minn SLM u minn CB, [dwar] klijenti u [dwar] kwoti ta’ bejgħ”;

–        “ġie ddikjarat ukoll li Austria Draht ma kellhiex tagħmel kunsinni lil ċertu grupp ta’ klijenti [u kien hemm] skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet iffatturati [mis-Sur G.] lil ċerti klijenti”;

–        “reviżjoni ddettaljata tal-bejgħ mill-impriżi Redaelli, Itas, CB, ITC, Tréfileurope, Tycsa, Trame, SLM, DWK, Austria Draht [u] diskussjoni dwar attribuzzjoni ta’ kwoti (b’indikazzjoni ta’ perċentwali konkreta) għal dawn l-istess impriżi”;

–        “[d]iskussjoni dwar il-possibbiltà li jiġu applikati supplimenti, studju ta’ importazzjoni u domanda dwar l-esportazzjonijiet”.

188    Din l-informazzjoni toriġina essenzjalment mingħand ITC, li kkomunikat minuti kontemporanji tal-laqgħa tal-15 ta’ April 1997, ħlief għall-aħħar biċċa informazzjoni, li toriġina minn Tréfileurope u li tirriproduċi l-kontenut ta’ affermazzjoni qasira magħmula dwar din il-laqgħa fit-talba għal klemenza (ara l-Anness G.3 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ ITC, u l-Anness H.1 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura istruttorja, fir-rigward ta’ Tréfileurope).

189    Meħuda flimkien, l-elementi ta’ informazzjoni li joriġinaw mill-minuti ta’ ITC, li jirriżultaw ta’ rilevanza partikolari minħabba li kienu redatti f’mument li fih l-akkordju kien għadu ma ġiex skopert, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ Tréfileurope li tikkonferma dawn il-minuti, jippermettu effettivament li jiġi stabbilit il-mument li minnu bdiet il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia permezz tas-Sur G.

190    L-ewwel nett, b’mod ġenerali, il-parteċipazzjoni tas-Sur G. f’din il-laqgħa ppermettietlu li jassisti għal diskussjonijiet li l-kontenut antikompetittiv tagħhom jirriżulta b’mod ċar mill-eżami tal-minuti ta’ ITC. Dan jgħodd fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-“[iffissar] tal-prezzijiet tal-materja prima u tal-prezzijiet tal-bejgħ fi Franza, Spanja u l-Ġermanja” (ara l-ewwel inċiż tal-punt 187 iktar ’il fuq) u dwar id-“diskussjonijiet dwar il-bejgħ minn Redaelli lil ċertu numru ta’ klijenti u dwar l-offerti magħmula lil klijenti minn SLM u minn CB, [dwar] klijenti u [dwar] kwoti ta’ bejgħ” (ara t-tieni inċiż tal-punt 187 iktar ’il fuq). Tali informazzjoni setgħet tippermetti lis-Sur G. jikkoordina l-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari dawk fdati minn Austria Draht fl-Italja, ma’ dawk tal-impriżi rrappreżentati fil-laqgħa tal-15 ta’ April 1997.

191    It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ Austria Draht, il-minuti ta’ ITC jippermettu qabel kollox li jiġi stabbilit li r-rappreżentanti ta’ ITC qiesu li s-Sur G. kien qiegħed jipparteċipa fl-interess ta’ Austria Draht u mhux fl-interess ta’ CB, li kienet irrappreżentata mis-Sur [C].

192    It-tielet nett, minn dawn il-minuti jirriżulta wkoll li l-parteċipanti fil-laqgħa ddiskutew kwantitajiet dwar id-diversi impriżi msemmija matul din il-laqgħa, inkluża Austria Draht (ara r-raba’ inċiż tal-punt 187 iktar ’il fuq). Huwa minnu li l-livell ta’ preċiżjoni fir-rigward ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-impriżi fit-tabella li tinsab fil-minuti ta’ ITC ma huwiex l-istess, peress li d-data kkomunikata fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ parteċipanti (Redaelli, CB, Itas u ITC) u fir-rigward tat-tieni grupp ta’ parteċipanti li ġie miżjud (Tréfileurope u Tycsa) hija ppreċiżata filwaqt li, fir-rigward tat-tielet grupp ta’ impriżi (Trame, li ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, SLM, DWK u Austria Draht) id-data hija arrotondata. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li minn din it-tabella jirriżulta li l-każ ta’ Austria Draht ssemma peress li, b’2 000 tunnellata, Austria Draht kienet tirrappreżenta 2.6 % tat-78 000 tunnellata diskussi matul din il-laqgħa.

193    Ir-raba’ nett, il-minuti ta’ ITC jsemmu wkoll il-fatt li, matul il-laqgħa tal-15 ta’ April 1997, id-diskussjoni kkonċernat is-sitwazzjoni partikolari ta’ Austria Draht (ara t-tielet inċiż tal-punt 187 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li s-Sur G., bħala aġent ta’ Austria Draht fl-Italja, ipparteċipa f’din id-diskussjoni.

194    Fir-rigward tal-indikazzjoni li Austria Draht ma wettqitx provvisti lil ċertu grupp ta’ klijenti, jista’ jitqies, kif isostnu r-rikorrenti, li dan huwa dovut għall-assenza ta’ solvenza tagħhom. Kwalunkwe operatur li jwettaq jew li jitlob mingħand organi speċjalizzati evalwazzjoni tal-informazzjoni kontabbli disponibbli kien ikun jista’ jinduna b’dan. Tali spjegazzjoni, allegata mir-rikorrenti mingħajr ma hija pprovata, tidher li hija daqstant ieħor possibbli daqs dik, proposta mill-Kummissjoni, fis-sens li din l-assenza ta’ kunsinna hija manifestazzjoni ta’ aġir antikompetittiv, li ma jirriżultax b’mod ċar mill-minuti, li ma jesponux raġuni għall-assenza ta’ provvista lill-klijenti ċċitati.

195    Id-dubju f’dan ir-rigward għandu jibbenefika lir-rikorrenti.

196    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-indikazzjoni li kien hemm skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet iffatturati mis-Sur G. lil ċerti klijenti, għandu jiġi kkonstatat li l-minuti ta’ ITC effettivament isemmu l-isem tas-Sur G., li skont ITC kien qiegħed jirrappreżenta lil Austria Draht matul din il-laqgħa, taħt l-isem ta’ diversi klijenti (fosthom il-klijent “PAMA”), flimkien ma’ indikazzjonijiet fil-forma ta’ ċifri li probabbilment jikkorrispondu għall-prezz iffatturat lil kull wieħed minn dawn il-klijenti. Tali informazzjoni tippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni diretta tas-Sur G. f’attivitajiet antikompetittivi matul din il-laqgħa.

197    Bħala konklużjoni jista’ jingħad li mill-provi dwar il-laqgħa tal-club Italia tal-15 ta’ April 1997 jirriżulta, minn naħa, li s-Sur G. jista’ raġonevolment jitqies li kien il-persuna li żvela lill-parteċipanti f’din il-laqgħa l-informazzjoni dwar il-prezzijiet iffatturati lil uħud mill-klijenti tiegħu u, min-naħa l-oħra, li, permezz tas-sempliċi preżenza tiegħu għal din il-laqgħa, is-Sur G. seta’ jikseb informazzjoni dwar l-operaturi prinċipali li huma attivi fl-Italja, liema informazzjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-attribuzzjoni tal-kwoti u l-iffissar tal-prezzijiet.

198    Dawn il-provi jippermettu li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-mument li minnu bdiet il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia permezz tas-Sur G.

2.     Fuq il-laqgħa tal-24 ta’ Ġunju 1997

199    It-tieni laqgħa hija dik tal-24 ta’ Ġunju 1997, li kienet tirrigwarda t-“tfittxija ta’ ‘ibbilanċjar tas-suq’ u skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-Sinjuri [C.], il-missier u t-tifel, kienu preżenti għal CB kif ukoll żewġ rappreżentanti ta’ Tréfileurope, u li s-Sur G. kien ingħaqad mal-parteċipanti fl-aħħar tal-laqgħa.

200    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa huwa rrapportat b’dan il-mod minn Tréfileurope f’dokument redatt fit-2 ta’ Lulju 1997 bħala rendikont ta’ żjara mwettqa għand CB (ara l-Anness B.6 tar-risposta):

“Rapport dwar żjara [tas-Sur Th. ta’ Tréfileurope] lil CB: ‘[…] is-Sur [C. ta’ CB] ma kienx kuntent bl-azzjoni magħmula fil-bidu tas-sena, li wasslet għal tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tal-impriża tiegħu [ITC], li fil-konfront tagħha għalhekk iddikjara gwerra. Huwa talab lill-aġent tiegħu sabiex iżur lill-klijenti kollha u dan wassal għal tnaqqis kunsiderevoli fil-prezzijiet, b’tali mod li t-tama tagħna naqset għal 1100 liri. Huwa għadu jemmen li jista’ jintlaħaq ekwilibriju fis-suq Taljan f’dan is-sens ma’ ITAS, SLM u AUSTRIA (permezz tas-Sur [G.]) u jixtieq jeskludi lil [ITC]. Aħna qegħdin nintalbu sabiex ningħaqdu magħhom. Jiena weġibt li aħna konna naqblu ma’ dan iżda li d-deċiżjoni kellha tittieħed mill-bord tad-diretturi tagħna. Is-Sur [G.] (aġent tal-bejgħ ta’ [C.] + Austria) ingħaqad magħna lejn l-aħħar tal-laqgħa. Il-prezzijiet ta’ [CB] jinsabu bejn 1 000 u 1 050 liri. Is-Sur [C.] jixtieq iżid il-prezzijiet b’50 lira sabiex tiġi koperta ż-żieda tal-[vireg magħmula minn fili]. Fil-fehma tiegħu 1 050 lira jidhirlu li huwa prezz tajjeb illum il-ġurnata. It-tir tiegħu huwa s-suq Franċiż. Kiseb approvazzjoni għal strands kbar sitt xhur ilu iżda għadu ma biegħx. Għadu kemm applika għal approvazzjoni għall-fili b’majjieri u l-istrands żgħar ta’ T 5.2 – 2060 – Huwa jqis li s-sehem tas-suq tiegħu għandu jkun ta’ 2 000 [tunnellata] [...]”.

201    Dan id-dokument, ifformulat fi żmien meta l-akkordju kien għadu ma ġiex skopert, jippermetti li tiġi stabbilita n-natura tar-relazzjonijiet li s-Sur G. seta’ kellu ma’ CB. B’hekk, minn dan id-dokument jirriżulta b’mod ċar li dawn ir-relazzjonijiet tqajmu mis-Sur C. ta’ CB ma’ Tréfileurope sabiex juri li CB setgħet tikkoordina l-aġir ta’ diversi awturi fis-suq, fosthom ta’ Austria Draht, li għaliha wkoll kien qiegħed jaġixxi s-Sur G. Għalkemm il-konverżazzjoni dwar il-prezzijiet indirizzat biss il-prezzijiet ta’ CB u mhux dawk ta’ Austria Draht, issemmiet ukoll il-possibbiltà li jinstab ekwilibriju fis-suq Taljan f’ċertu livell, u dan flimkien ma’ Austria Draht, permezz tas-Sur G., u minkejja l-gwerra f’termini ta’ prezzijiet mibdija minn ITC.

202    Fid-dawl ta’ dan id-dokument, jista’ jiġi konkluż li s-Sur G. kien lest, jew fi kwalunkwe każ li ma kienx oppona, li jaħdem flimkien mas-Sur C. ta’ CB fi ħdan il-club Italia u dan kemm bħala rappreżentant ta’ CB u kemm bħala rappreżentant ta’ Austria Draht.

3.     Fuq il-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998

203    It-tielet laqgħa hija dik tal-11 ta’ Marzu 1998. Din il-laqgħa kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet”, filwaqt li huwa ppreċiżat li “Austria Draht tissemma, iżda mingħajr dettalji” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (permezz tas-Sur G.), Itas, ITC (tliet persuni) u Austria Draht (permezz tas-Sur G.).

204    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998 kif ġej:

–        “[i]l-parteċipanti jiddiskutu mill-ġdid il-prezz għat-tieni trimestru, li kellu jitla’ sa 1150 lira għal kull kilo”;

–        “[e]valwazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ċerti klijenti”;

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni dwar l-ammont ta’ tunnellati kkunsinnati f’Jannar u fi Frar minn ITC, Redaelli, AFT, Itas, CB, Austria Draht, SLM, Trame u Tycsa”.

205    Din l-informazzjoni toriġina minn dokument ikkonfiskat mingħand ITC kif ukoll minn dokument ipprovdut minn ITC. Dawn huma żewġ dokumenti b’minuti differenti tal-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998 (ara l-Annessi A.19 u A.20 tar-rikors).

206    Fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti, jidher l-ewwel nett li, f’okkażjoni waħda, il-kelma “Austria” tissemma ħdejn l-isem ta’ klijent li fir-rigward tiegħu huwa indikat li saret provvista minn SLM, li ma kinitx irrappreżentata f’din il-laqgħa. Ħdejn din l-indikazzjoni hemm is-simbolu ta’ mistoqsija [?]. Għalhekk, tali indikazzjoni ma tistax tkun fiha nnifisha determinanti peress li s-Sur G. seta’ ċertament jelimina l-iċken dubju dwar jekk dan il-klijent kinitx saritlu provvista minn Austria Draht jew le.

207    Bl-istess mod, fir-rigward tad-diskussjoni dwar “l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet”, id-data dwar dan l-aspett tal-laqgħa ma hijiex konklużiva ħafna fir-rigward ta’ Austria Draht. Fil-fatt, kif tosserva diġà l-Kummissjoni, fil-linja attribwita lil Austria Draht fil-minuti rilevanti ta’ ITC ma tissemma ebda informazzjoni. Dan jirriżulta wkoll fir-rigward ta’ operaturi oħra, bħalma huma Tréfileurope, Itas jew CB, li fir-rigward tagħhom il-linji korrispondenti għandhom l-indikazzjonijiet “mingħajr dettalji”. Dan jagħti x’jifhem li s-sitwazzjoni ta’ Austria Draht issemmiet matul il-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998 mingħajr ma wieħed mill-parteċipanti f’din il-laqgħa, inkluż għalhekk is-Sur G., ma kien f’pożizzjoni jew ma xtaq jagħti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

208    Madankollu, b’mod ġenerali, l-eżami tal-minuti ta’ ITC jippermetti li jiġi kkonstatat li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998 iddiskutew il-kunsinni mwettqa u l-prezz propost lil ċerti klijenti u li dawn il-parteċipanti semmew prezz mixtieq għat-tieni trimestru tal-1998. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa tas-Sur G., li kien qiegħed jirrappreżenta, b’mod partikolari, lil Austria Draht fl-Italja, ippermettietlu jkun jaf din l-informazzjoni, fatt dan li jippermetti, fl-assenza ta’ provi oħra ta’ natura li jegħlbu din l-evalwazzjoni, li jitqies li huwa kien f’pożizzjoni li jaġixxi sussegwentement fid-dawl ta’ tali informazzjoni dwar il-klijentela u dwar il-prezzijiet għall-benefiċċju tal-impriżi li kienu rrappreżentati minnu.

4.     Fuq il-laqgħa tat-30 ta’ Marzu 1998

209    Ir-raba’ laqgħa hija dik tat-30 ta’ Marzu 1998. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (permezz tas-Sinjuri C. u G.), Itas, ITC, Tréfileurope u Tycsa. Fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni madankollu speċifikat li r-riferiment għas-Sur G. fir-rigward tal-club Italia kellu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

210    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tat-30 ta’ Marzu 1998 kif ġej:

–        “il-parteċipanti ddiskutew mill-ġdid iż-żieda tal-prezz minn 1100 għal 1150 lira għal kull kilo”;

–        “il-laqgħa li jmiss ma’ SLM (is-Sur [Ch.]) iffissata għas-17 ta’ April. Diskussjoni dwar allokazzjoni ta’ volum (f’tunnellati) lil CB, ITC, Tréfileurope, Itas, Redaelli, Tycsa, SLM u A(ustria Draht). Huwa nnotatat li Tycsa qiegħda tgħolli l-prezz tagħha”;

–        “[l]aqgħat dwar is-suq Taljan”.

211    Dawn l-elementi ta’ informazzjoni joriġinaw, fil-każ tal-element imsemmi fl-ewwel inċiż tal-punt 210 iktar ’il fuq, minn minuti redatti minn ITC fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fil-każ tal-element imsemmi fit-tieni inċiż tal-istess punt, minn minuti redatti minn Itas fiż-żmien meta seħħew il-fatti, u, fil-każ tal-element imsemmi fit-tielet inċiż tal-istess punt, minn tabella li ssemmi l-laqgħat mehmuża mat-talba għal klemenza ta’ Tréfileurope, li f’dan ir-rigward tipprovdi biss affermazzjoni qasira u vaga dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Marzu 1998 (ara l-Annessi G.2 u G.3 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ ITC, u l-Anness H.3 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura istruttorja, fir-rigward ta’ Tréfileurope).

212    Fid-dawl tal-minuti redatti minn ITC u minn Itas, għandu jiġi kkonstatat li matul din il-laqgħa d-diskussjonijiet kienu effettivament ikkonċernaw il-prezz propost lil ċerti klijenti, ftehim dwar il-prezzijiet kif ukoll il-kwantitajiet li jirrigwardaw diversi klijenti. Il-prezz ta’ 1 150 lira għal kull kilo ssemma wkoll bħala objettiv għax-xahar ta’ April 1998.

213    Barra minn hekk, mill-minuti ta’ ITC jirriżulta li kienet ippjanata lista bl-indikazzjoni, għal kull klijent, ta’ kwantità waħda jew iktar fid-dawl tan-numru ta’ fornituri.

214    F’din il-lista, il-kliem “+ Austria”, li probabbilment jirreferu għal Austria Draht, jinsab indikat ħdejn l-isem tal-klijent “PAMA”, li fir-rigward tiegħu jissemmew il-kwantitajiet “350/+350”.

215    Minkejja li din hija l-unika indikazzjoni li timplika lil Austria Draht f’dawn id-diskussjonijiet, din l-indikazzjoni tagħmel parti minn kuntest iktar ġenerali li fih ġew skambjati diversi elementi ta’ informazzjoni dwar il-klijenti u dwar il-prezzijiet, u fuq il-bażi ta’ dan jista’ jitqies li s-Sur G., li kienet qiegħed jirrappreżenta b’mod partikolari lil Austria Draht fl-Italja, ipparteċipa fil-laqgħa tat-30 ta’ Marzu 1998 f’diskussjonijiet li l-kontenut tagħhom jikser l-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

5.     Fuq il-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 1998

216    Il-ħames laqgħa hija dik tat-18 ta’ Mejju 1998. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata li tirrigwarda din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (permezz tas-Sur G.), Itas, ITC, Tréfileurope, Tycsa u Austria Draht (permezz tas-Sur G.).

217    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 1998 kif ġej:

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni dwar il-kunsinni lill-għaxar klijenti prinċipali ta’ kull produttur”;

–        “il-parteċipanti jiddiskutu l-prezzijiet iffatturati u li għandhom jiġu ffatturati fil-kont (mhux inqas minn 1100 lira għal kull kilo) u l-prezz offert minn DWK lil klijent”;

–        “[d]iskussjoni dwar it-tqassim tal-kwoti bejn Tréfileurope, Tycsa, ITC, Itas, CB, Redaelli u Austria Draht (ammont ta’ tunnellati miżjud)”;

–        “[t]abella hija stabbilita li ssemmi 20 klijent ikkondiviżi bejn CB, Itas, Redaelli, ITC, Tycsa u Tréfileurope”.

218    Din l-informazzjoni toriġina minn tliet sorsi: minuti ta’ ITS redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti, minuti ta’ Itas redatti fl-istess żmien u tabella li ssemmi l-laqgħat mehmuża mat-talba għal klemenza ta’ Tréfileurope, li tipprovdi sempliċement affermazzjoni qasira u vaga fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 1998 (ara l-Annessi G.4 u G.5 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ ITC u Itas, u l-Anness H.3 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura istruttorja, fir-rigward ta’ Tréfileurope).

219    Fid-dawl tal-minuti ta’ ITC u ta’ Itas, għandu jiġi osservat li, matul din il-laqgħa, id-diskussjonijiet kienu effettivament ikkonċernaw il-prezz u l-kunsinni fir-rigward ta’ diversi klijenti. Il-minuti ta’ ITC jinkludu tabella ddettaljata dwar il-klijentela flimkien ma’ indikazzjonijiet preċiżi dwar CB, Itas, Redaelli, ITC, Tycsa u Tréfileurope. F’dan ir-rigward, Austria Draht ma tissemmiex, lanqas b’mod partikolari meta tissemma s-sitwazzjoni tal-klijent “PAMA”.

220    Min-naħa tagħhom, il-minuti ta’ Itas jippreżentaw, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni tal-kwantitajiet mibjugħa fix-xahar ta’ April, data preċiża dwar Tréfileurope, Tycsa, ITC, Itas, CB u Redaelli, li, meta meħuda flimkien, jammontaw għal 5 456 tunnellata. Ħdejn din il-preżentazzjoni tinsab, fil-bidu nett u b’mod iżolat, l-indikazzjoni “Austr 100” u, sussegwentement, data oħra arrotondata dwar is-sitt impriżi ċċitati iktar ’il fuq, li meta jittieħdu flimkien jammontaw għal 5 600 tunnellata. Għaldaqstant, huwa ċar li l-indikazzjoni dwar Austria Draht f’dawn il-minuti ma hijiex tal-istess natura bħal dawk li saru, pereżempju, fir-rigward ta’ CB.

221    Minkejja n-natura impreċiża u unika tal-informazzjoni disponibbli fir-rigward ta’ Austria Draht, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, permezz tal-preżenza tiegħu għal-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 1998, is-Sur G. seta’ jikseb informazzjoni ta’ natura antikompetittiva dwar il-prezzijiet u l-klijenti li ssirilhom provvista mill-produtturi prinċipali li huma attivi fl-Italja.

6.     Fuq il-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1998

222    Is-sitt laqgħa hija dik tad-19 ta’ Ottubru 1998. Din kienet tirrigwarda l-“attribuzzjoni ta’ klijentela” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, Itas, ITC, Tréfileurope u [s-Sur G.]”. Kif diġà ġie indikat, fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni speċifikat li r-riferiment għas-Sur G. kellu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

223    Skont il-provi invokati mill-Kummissjoni, il-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1998 tat lok għal “[d]iskussjoni dwar il-klijenti u l-fornituri tagħhom (iċċitati klijent klijent bejn Redaelli, SLM, CB, Itas, SLM, Trame, AFT, ‘TY’ (Tycsa), ‘AD’ (Austria Draht)”. L-informazzjoni f’dan ir-rigward toriġina minn minuti ta’ ITC redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti (ara l-Anness B.10 tar-risposta, p. 201 et seq.).

224    Mill-ewwel paġna ta’ dawn il-minuti jirriżulta li, fi ħdan lista ta’ diversi klijenti, l-inizjali “AD”, li probabbilment ifissru Austria Draht, ġew indikati ħdejn l-isem tal-klijent “RDB centro” flimkien mal-indikazzjoni “1005 totale” jew “1095 totale”, filwaqt li l-paġna segwenti fiha l-indikazzjoni “RDB centro Itas 1100 B”.

225    Kemm jekk dawn huma riferimenti għal kwantitajiet ipprovduti jew, kif inhu iktar probabbli, għall-prezzijiet applikati, l-indikazzjoni dwar Austria Draht oriġinat loġikament mis-Sur G.

226    Fi kwalunkwe każ, bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1998, is-Sur G. seta’ jkollu aċċess għal informazzjoni ddettaljata dwar ċerti klijenti li saritilhom provvista u l-prezz applikat mill-kompetituri tal-kumpanniji li kien qiegħed jirrappreżenta, bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

7.     Fuq il-laqgħa tat-18 ta’ Jannar 1999

227    Is-seba’ laqgħa hija dik tat-18 ta’ Jannar 1999. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti u dwar l-iffissar ta’ prezzijiet” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (permezz tas-Sur G.), Itas, ITC, Tréfileurope, Tycsa u Trame. Kif diġà ġie indikat, fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni madankollu speċifikat li r-riferiment għas-Sur G. għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

228    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tat-18 ta’ Jannar 1999 kif ġej:

–        “[d]iskussjonijiet dwar il-klijenti u l-prezzijiet (inklużi l-‘extra’) għall-ewwel nofs tas-sena. Il-parteċipanti jenfasizzaw il-ħtieġa li l-prezz tal-1999 jiġi ffissat bħala 1130 lira għal kull kilo, flimkien ma’ suppliment skont id-dijametru”;

–        “[d]iskussjoni dwar il-kwoti (espressi f’perċentwali): preżentazzjoni ta’ tabella ddettaljata bid-data tat-18 ta’ Jannar 1999 (li toriġina mingħand Redaelli Tecna), li tindika l-kwoti u delta għal Redaelli, Itas, CB, ITC ‘N’, ITC ‘S’, TE (=Tréfileurope)”;

–        “[v]olum (espress f’tunnellati) jingħata wkoll għal A(ustria) D(raht), Tycsa, Trame, DWK, SLM”.

229    Din l-informazzjoni toriġina, minn naħa, minn minuti ta’ ITC redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti u, min-naħa l-oħra, minn żewġ dokumenti li nstabu għand Redaelli (ara l-Anness C.1, p. 35, tar-replika, fir-rigward ta’ ITC, u l-Anness G.13 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ Redaelli).

230    Fir-rigward tal-minuti ta’ ITC, minn eżami tagħhom ma tistax tiġi stabbilita relazzjoni diretta ma’ Austria Draht, peress li ma jsir ebda riferiment għal din il-kumpannija. Madankollu, id-data inkluża f’dawn il-minuti, bħal pereżempju l-indikazzjoni dwar il-prezz “1130 + extra” għall-ewwel nofs tas-sena, hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-preżenza tas-Sur G. għal din il-laqgħa ppermettietlu jikseb informazzjoni ta’ natura antikompetittiva li minnha setgħet tibbenefika Austria Draht, li huwa kien jirrappreżenta fl-Italja.

231    Minn qari taż-żewġ dokumenti li nstabu għand Redaelli, jista’ qabel kollox jiġi kkonstatat li l-operaturi prinċipali li kienu attivi fis-suq Taljan, jiġifieri Redaelli, CB, Itas, ITC u Tréfileurope, kienu qasmu bejniethom “kwota” ta’ 100 % li tirrappreżenta 64 713-il tunnellata. Il-kelma “kwota” fil-fatt tirreferi għall-bejgħ totali mwettaq fl-1998, kif jirriżulta mill-ewwel wieħed minn dawn id-dokumenti u kif huwa kkonfermat permezz tal-preċiżazzjoni dwar id-data esposta fit-tabella ta’ tqassim ta’ dawn il-100 %.

232    Fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ dokumenti jista’ jiġi osservat ukoll li, taħt dan it-tqassim tal-100 %, saru indikazzjonijiet bil-miktub sabiex operaturi oħra, imsejħa “outsiders”, jiġu inklużi fl-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ dokumenti. Inizjalment dawn kienu Austria Draht u Tycsa u, sussegwentement, wara li saru korrezzjonijiet bl-idejn, Tyscsa, Austria Draht, Trame, SLM u DKW. Bis-saħħa tal-kwantitajiet miżjuda, l-ammont żdied minn 64 713-il tunnellata għal 84 000 tunnellata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-volum attribwit lil Austria Draht matul dan l-eżerċizzju, l-istess bħall-volum attribwit lil Tycsa, huwa wieħed preċiż u mhux arrotondit bħalma huwa l-każ għal Trame, SLM u DKW. B’hekk, iċ-ċifra indikata għal Austria Draht inizjalment kienet ta’ “607” u, wara korrezzjoni bil-miktub, saret “1 812”.

233    Fid-dawl tal-preżenza tas-Sur G. għal din il-laqgħa, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li huwa kien l-oriġini tal-emendi magħmula fir-rigward tal-volum ikkunsinnat minn Austria Draht fl-1998.

8.     Fuq il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 1999

234    It-tmien laqgħa hija dik tal-14 ta’ Diċembru 1999. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (permezz tas-Sur F. u tas-Sur G.), Itas, ITC, Tréfileurope u SLM. Kif diġà ġie indikat, fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni madankollu speċifikat li r-riferiment għas-Sur G. kellu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

235    Skont il-provi invokati mill-Kummissjoni, il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 1999 ikkonsistiet f’“[l]aqgħa ta’ diskussjoni [dwar] klijenti u allokazzjoni ta’ tunnellati lil ‘Red(aelli)’, ‘Italc(ables)’, ‘CB’, ‘Itas’, ‘SLM’ u ‘A(ustria) D(raht)’”.

236    Din l-informazzjoni toriġina, minn naħa, minn minuti ta’ SLM redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti u, min-naħa l-oħra, minn minuti ta’ ITC redatti fl-istess żmien, li ma jipprovdux informazzjoni komplementari għajr l-identifikazzjoni tal-impriżi u tar-rappreżentanti tagħhom (ara l-Anness B.10, p. 215, tar-risposta, fir-rigward ta’ SLM, l-Anness C.1, p. 41, tar-replika, fir-rigward ta’ ITC).

237    Fir-rigward ta’ Austria Draht, l-eżami tad-dokument ta’ SLM jippermetti li jiġi kkonstatat li dan jinkludi l-indikazzjoni “AD 400” fost tliet indikazzjonijiet oħra “RE 4 000”, “SLM 300” u “Itas 300”. Din l-indikazzjoni tippermetti li jiġi stabbilit li, għal klijent partikolari, ġie nnotat it-tqassim iċċitat iktar ’il fuq, u dan juri li saru diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti fir-rigward b’mod partikolari ta’ Austria Draht. Indikazzjonijiet oħra ta’ dan it-tip saru fid-dokument ta’ SLM, iżda mingħajr riferiment għal Austria Draht, u dan juri wkoll li saret diskussjoni bejn il-persuni preżenti dwar uħud mill-klijenti tagħhom.

9.     Fuq il-laqgħa tat-12 ta’ Jannar 2000

238    Id-disa’ laqgħa hija dik tat-12 ta’ Jannar 2000. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: ITC, Itas, Tréfileurope u s-Sur G. Kif diġà ġie indikat, fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni speċifikat li riferiment għas-Sur G. kellu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

239    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tat-12 ta’ Jannar 2000 kif ġej:

–        “[t]abella ddettaljata tal-bejgħ imwettaq minn ‘Red(aelli)’, ‘ITC’, ‘CB’, ‘Itas’, ‘TE’ (Tréfileurope), ‘SLM’, ‘TM’ (Trame), ‘TY’ (Tycsa), ‘DWK’ u ‘AD’ (Austria Draht)”;

–        “[d]iskussjoni bejn il-produtturi preżenti tar-regoli ta’ tqassim bejniethom tal-klijenti u tal-kwoti. Ir-regoli kellhom japplikaw ukoll għal SLM, Trame, Tycsa, DWK u A(ustria) D(raht). Klijent mhux assenjat lil impriża ma jistax jiġi kkuntattat minn din l-impriża, sakemm ma tintalabx minn qabel l-opinjoni tal-impriża li lilha jkun ġie assenjat il-klijent. Ir-regoli jindikaw ukoll li kull produttur li jkun qabeż il-kwoti tiegħu matul trimestru partikolari kellu jkollu l-kwota tiegħu mnaqqsa fit-trimestru segwenti. Kienet diskussa wkoll il-possibbiltà ta’ penalitajiet fil-każ li ma jkunux osservati l-kwoti”;

–        “CB tikkonferma li l-laqgħa indirizzat l-allokazzjoni u l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-kwoti”;

–        “Tréfileurope tikkonferma l-laqgħa dwar is-suq Taljan”.

240    Din l-informazzjoni toriġina, essenzjalment, min-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti u minn dikjarazzjonijiet ta’ CB u ta’ Tréfileurope magħmula wara l-ispezzjonijiet (ara l-Anness B.10, p. 216-217, tar-risposta, fir-rigward ta’ ITC).

241    Minn eżami tan-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar din il-laqgħa jista’ jiġi effettivament ikkonstatat li, fuq l-ewwel paġna, hija ppreżentata tabella li tindika, fir-rigward ta’ diversi operaturi li huma attivi fl-Italja, data ppreżenta f’ċifri li tikkonċerna tliet riferimenti (“1”, “2” u “3”), b’linja finali li tindika t-total. Fil-kolonna li tikkorrispondi għal Austria Draht hemm l-indikazzjoni “300” għar-riferiment “1”, “=” għar-riferiment “2” u “600” għar-riferiment “3”. Din id-data hija inqas preċiża minn dik li tirrigwarda lill-operaturi l-oħra, iżda tinsab fl-istess livell ta’ din it-tabella u mhux post ieħor li jista’ jindika distinzjoni jew separazzjoni.

242    F’din it-tabella jissemmew erba’ ismijiet, fosthom dak tas-Sur G. Hemm ukoll indikazzjoni “RDB 1080 Base !”, li tista’ tirreferi għall-prezz li kellu jiġi applikat. It-tieni paġna ta’ dan id-dokument tippreżenta r-regoli msemmija mill-Kummissjoni (it-tieni inċiż tal-punt 239 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward isir għal darba oħra riferiment espliċitu għal AD.

243    Għaldaqstant, dan id-dokument jippermetti li jiġu ssostanzjati l-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-laqgħa tat-12 ta’ Jannar 2000, jiġifieri, fir-rigward ta’ Austria Draht, u minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-parteċipazzjoni effettiva, permezz tas-Sur G., fid-definizzjoni ta’ ċerti regoli dwar l-attribuzzjoni tal-klijenti u possibbilment anki fl-iffissar ta’ prezz fir-rigward ta’ klijent.

10.  Fuq il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000

244    L-għaxar laqgħa hija dik tad-19 ta’ Settembru 2000. Din kienet tirrigwarda “diskussjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB (is-Sur C. u s-Sur G.), ITC, Itas, Tréfileurope u SLM. Kif diġà ġie indikat, fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-Kummissjoni speċifikat li r-riferiment għas-Sur G. kellu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

245    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżenta l-punti koperti mil-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000 kif ġej:

–        “[k]ontroll previst mit-2 sas-7 ta’ Ottubru”;

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet. SLM tixtieq tibqa’ barra mill-club Europe. Approvazzjoni fi Franza fi żmien xahar, u fl-Ewropa fi żmien 6 xhur. Il-Ġermanja immedjatament”;

–        “[l]ista proposta [mis-Sur V.] [Tréfileurope]: allokazzjoni ddettaljata tal-kwoti ta’ bejgħ (espressjoni f’tunnellati u f’perċentwali) lil Redaelli, ITC, Itas, CB, AFT, SLM, Trame, Tycsa, DK, A(ustria) D(raht) u TE (Tréfileurope)”;

–        “CB tikkonferma l-laqgħa: tqassim tal-klijenti fis-suq Taljan”;

–        “Tréfileurope tikkonferma wkoll”.

246    Din l-informazzjoni toriġina, essenzjalment, minn minuti ta’ ITC, redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti, u minn dikjarazzjonijiet ta’ CB u ta’ Tréfileurope, magħmula wara l-ispezzjonijiet (ara l-Anness B.10, p. 218, tar-risposta, fir-rigward ta’ ITC, u l-inkartament amministrattiv, p. 16113-16).

247    Fid-dawl ta’ dawn il-minuti, jirriżulta effettivament li, minbarra diskussjoni dwar l-iżvilupp kummerċjali ta’ SLM, id-diskussjonijiet li nżammu matul din il-laqgħa kkonċernaw b’mod partikolari proposta għat-tqassim ta’ 120 000 tunnellata magħmula mis-Sur V., li minnha jirriżulta li s-sehem li kien previst għal Austria Draht kien jammonta għal 2 400 tunnellata, jiġifieri 2 % ta’ din il-kwantità. Għaldaqstant, dan id-dokument jivvalida dak li jingħad fid-deċiżjoni kkontestata (ara t-tielet inċiż tal-punt 245 iktar ’il fuq).

11.  Fuq il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2001

248    Il-ħdax-il laqgħa hija dik tal-10 ta’ Ġunju 2001. Din kienet tirrigwarda l-“attribuzzjoni ta’ kwoti” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li kienu rrappreżentati: Redaelli, ITC, Itas, Tréfileurope, SLM u s-Sur G. Kif diġà ġie indikat, dan ir-riferiment għas-Sur G. għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

249    Skont il-provi invokati mill-Kummissjoni, il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2001 ikkonċernat “[t]abella li turi s-sehem tas-suq f’tunnellati u f’perċentwali ta’ ITC, Redaelli, CB, SLM, Itas, [Tréfileurope], minn naħa ([jiġifieri] 89 % jew 106 800 tunnellata), u ta’ Trame, [Tycsa], DWK u Austria [Draht], min-naħa l-oħra 13 200 tunnellata (= 11 %)”.

250    Din l-informazzjoni toriġina minn dokument li nstab għand ITC u li jindika effettivament id-data msemmija iktar ’il fuq. L-indikazzjoni “Austria”, li probabbilment tirreferi għal “Austria Draht”, tidher f’din it-tabella bl-indikazzjoni “1 920” tunnellata (jew “2 000” f’każ ieħor), ċifra li tirrappreżenta 1.6 % tal-kwantitajiet imsemmija (120 000 tunnellata). Dan id-dokument jivvalida dak li jingħad fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-Anness B.10, p. 220, tar-risposta).

12.  Fuq il-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2001

251    It-tnax-il laqgħa hija dik tat-23 ta’ Ottubru 2001. F’din il-laqgħa, “Austria Draht tissemma, iżda mingħajr dettalji” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, ITC, Itas, Tréfileurope, SLM u s-Sur G. Kif diġà ġie indikat, dan ir-riferiment għas-Sur G. għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

252    Skont il-provi invokati mill-Kummissjoni, il-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2001 irrigwardat il-“[k]woti ta’ bejgħ stabbiliti għall-produtturi Taljani” u l-“[p]aragun mal-bejgħ reali sat-30 ta’ Settembru 2001 (74 814-il tunnellata)”, fejn ħdejn l-informazzjoni hemm “is-simbolu ta’ mistoqsija [?] għal Trame, Spagnia, Austria u DWK”. Din l-informazzjoni toriġina minn dokument li nstab għand ITC (ara l-inkartament amministrattiv, p. 5106-07).

253    Fid-dawl ta’ dan id-dokument, jirriżulta li l-indikazzjoni “Austria”, li probabbilment tirreferi għal “Austria Draht”, f’tabella li tindika l-bejgħ sat-30 ta’ Settembru 2001, għal total ta’ 74 814-il tunnellata, u li twettaq paragun bejn dak li effettivament jista’ jkun il-bejgħ previst u l-bejgħ imwettaq, hija marbuta mas-simbolu ta’ mistoqsija [?], bħalma huwa l-każ għal Trame, DWK u Spagnia.

254    Għaldaqstant, din il-laqgħa tista’ tissemma biss sabiex jiġi stabbilit il-fatt li, permezz tal-preżenza tiegħu, is-Sur G., li kien qiegħed jirrappreżenta b’mod partikolari lil Austria Draht fl-Italja, kellu aċċess għal informazzjoni antikompetittiva, inkluża dik imsemmija iktar ’il fuq dwar l-istat tal-bejgħ imwettaq minn Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM, kif ukoll għal informazzjoni oħra dwar il-prezz applikat minn ċerti operaturi li huma attivi fl-Italja, informazzjoni din li tista’ tinfluwenza l-aġir tiegħu fis-suq.

13.  Fuq il-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002

255    It-tlettax-il laqgħa hija dik tal-11 ta’ Jannar 2002, li kienet dwar “skambju ta’ informazzjoni dwar is-sena preċedenti u tentattiv ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti għall-2002” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata).

256    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: CB, ITC, Itas, Tréfileurope, SLM u s-Sur G. Kif diġà ġie indikat, dan ir-riferiment għas-Sur G. għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li dan kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

257    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-punti koperti mil-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002 kif ġej:

–        “[d]iskussjonijiet dwar klijenti”;

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni ddettaljata dwar il-volumi mibjugħa mill-produtturi (produtturi Taljani: Red, Itas, CB, ITC, SLM, [Tréfileurope (AFT)] u barranin, Austria [Draht], DWK u Tycsa) fl-Italja fl-2001”;

–        “[d]iskussjoni dwar Trame”;

–        “[f]ir-rigward tal-produtturi, volumi previsi u reali, u differenzi bejn it-tnejn għal ITC, Redaelli, CB, SLM, Itas, AFT. Laqgħa li jmiss fit-22 ta’ Jannar, proposta konkreta: tnaqqis kemm jista’ jkun fin-numru ta’ klijenti kondiviżi”.

258    Din l-informazzjoni toriġina minn minuti ta’ ITC, redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti, u minn minuti ta’ SLM, redatti fl-istess żmien (ara l-Annessi G.8 u G.9 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ ITC u ta’ SLM).

259    Minn eżami ta’ dawn id-dokumenti, jistgħu jsiru żewġ sensiliet ta’ kummenti.

260    Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-minuti ta’ ITC, jidher li l-laqgħa kopriet il-kwantitajiet mibjugħa fl-2001, jiġifieri total ta’ 112 522 tunnellata (ara t-tieni inċiż tal-punt 257 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkonstatat li l-kwantitajiet dwar ċerti operaturi mqiegħda f’kolonna fuq ix-xellug tat-tabella li tinsab f’dawn il-minuti, jiġifieri Redaelli, Itas, CB, ITC, Tréfileurope (AFT) u SLM, huma pprovduti bi preċiżjoni, b’differenza mill-kwantitajiet dwar operaturi oħra mqiegħda f’kolonna fuq il-lemin tal-istess tabella, jiġifieri Trame, Austria (probabbilment Austria Draht b’1 300 tunnellata) u DWK, li fir-rigward tagħhom il-kwantitajiet huma arrotonditi u indikati bis-simbolu ta’ mistoqsija [?]. Fir-rigward ta’ Tycsa, l-isem tagħha, li inizjalment kien imqiegħed fuq il-lemin, inkesa b’taħżiża u tqiegħed fuq ix-xellug tal-istess tabella, dejjem bl-istess kwantità (4 200 tunnellata). Din id-differenza bejn l-ewwel sitt operaturi u l-operaturi l-oħra hija kkonfermata mill-fatt li l-minuti ta’ ITC jindikaw ukoll tabella dwar il-kwantitajiet għal tliet snin (1999, 2000 u 2001) li fiha jissemmew biss Itas, CB, ITC, Tréfileurope (AFT), SLM (mingħajr data għall-1999) u Redaelli (ara r-raba’ inċiż tal-punt 257 iktar ’il fuq). L-osservazzjonijiet preċedenti jistgħu jsiru wkoll fuq il-bażi ta’ qari tal-minuti ta’ SLM.

261    Fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti, huwa għalhekk possibbli li jiġi kkonstatat li l-operaturi li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet diskussa fi ħdan il-club Italia kienu maqsuma f’żewġ kategoriji. Minn naħa, kategorija prinċipali, komposta minn Redaelli, CB, Itas u ITC kif ukoll minn Tréfileurope u, minn tal-inqas b’effett mis-sena 2000, minn SLM. Fir-rigward tal-operaturi li jaqgħu f’din il-kategorija, il-parteċipanti fil-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002 kienu f’pożizzjoni li jkollhom data preċiża dwar tliet snin. Min-naħa l-oħra, it-tieni kategorija, komposta minn Trame, Austria Draht u DWK, li fir-rigward tagħhom id-data proposta hija manifestament stmata u jidher li ġiet indikata biss sabiex jiġi evalwat it-total tal-kwantitajiet mibjugħa fl-2001 wara li tkun ġiet ippreżentata d-data għall-operaturi prinċipali.

262    Fit-tieni lok, minn qari tal-kontenut tad-diskussjoni dwar il-klijenti kif espost fil-minuti ta’ ITC u ta’ SLM (ara l-ewwel inċiż tal-punt 257 iktar ’il fuq), huwa possibbli li jiġu nnotati riferimenti għal osservazzjonijiet magħmula minn SLM u minn Redaelli. Bl-istess mod, l-isem tas-Sur G. jinsab f’dawn il-minuti inkonnessjoni ma’ din id-diskussjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-klijent “FIORONI x Algerie”, li fir-rigward tiegħu huwa indikat prezz (“1 115” liri). Għalkemm huwa possibbli li wieħed iqis li dan kien klijent ta’ CB u mhux ta’ Austria Draht, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, permezz tal-preżenza tiegħu għal-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002 u permezz tal-interventi tiegħu, is-Sur G. ipparteċipa f’diskussjonijiet li kellhom kontenut antikompetittiv u li setgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-entitajiet li kien qiegħed jirrappreżenta.

263    Meħuda flimkien, il-provi invokati mill-Kummissjoni jippermettu effettivament li jiġi stabbilit dak li jingħad fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li jiġi ppreċiżat madankollu li l-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni skambjata matul din il-laqgħa ma kienx l-istess u kien jiddependi mill-kategorija ta’ operaturi kkonċernati, fejn l-informazzjoni dwar Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM hija iktar preċiża u iktar voluminuża minn dik dwar, minn tal-inqas, Trame, Austria Draht u DWK.

14.  Fuq il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002

264    L-erbatax-il laqgħa hija dik tat-30 ta’ April 2002. Fir-rigward ta’ din il-laqgħa tingħata “indikazzjoni speċifika li s-Sur [G.] għandu jiggarantixxi l-kwantità għaliex altrimenti [Austria Draht] kellha ‘titkeċċa’ qabel is-sajf” (nota marbuta mal-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati: Redaelli, ITC, Itas, Tréfileurope, SLM u s-Sur G. Kif diġà ġie indikat, dan ir-riferiment għas-Sur G. għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li kien qiegħed jirrappreżenta kemm lil CB u kemm lil Austria Draht.

265    Skont il-provi invokati mill-Kummissjoni, il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002 irrigwardat “is-sitwazzjoni tal-importazzjonijiet fl-Italja (deskrizzjoni ta’ ‘perikli’) u dwar il-ħruġ ta’ SLM mill-club”; matul din il-laqgħa, issemmiet “theddida ta’ tkeċċija ta’ Austria Draht mill-akkordju fil-każ li din tonqos milli tiggarantixxi volum ‘sas-sajf (2002)’”.

266    Din l-informazzjoni toriġina minn minuti ta’ ITC, redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatt. Minn dawn il-minuti jirriżulta li, fir-rigward ta’ “Austria”, jiġifieri probabbilment fir-rigward ta’ Austria Draht, huwa indikat li “[is-Sur G.] deve garantire quantità altrimenti entro l’estate lo liquidano”. Din l-indikazzjoni tinsab fil-kuntest tal-lista ta’ diversi perikli (“pericolo”) (ara l-Anness A.16 tar-rikors).

267    L-espressjonijiet iċċitati iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet.

268    Skont ir-rikorrenti, li jindikaw li ma kellhomx l-opportunità li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-preżentazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni, il-kuntest ma tteħidx inkunsiderazzjoni. F’dan is-sens, ir-rikorrenti jistaqsu għaliex membru tal-akkordju kellu jiġi eskluż fil-każ li ma jimportax il-volum miftiehem. Skonthom, l-indikazzjoni dwar Austria Draht ma tippermettix li tintlaħaq konklużjoni fis-sens li hemm theddida ta’ esklużjoni fir-rigward tagħha, sa fejn il-kelma “lo” marbuta mas-“[Sur G.]” u t-traduzzjoni ta’ “liquidare” permezz ta’ “évincer” [“tkeċċija”] huma ineżatti. Għall-parteċipanti f’din il-laqgħa, “Austria” kienet “periklu” u ma setgħetx titqies li hija membru tal-club Italia.

269    Skont il-Kummissjoni, l-interess tal-parteċipanti fil-laqgħa li jiġu stabbilizzati l-kwoti u l-livell tal-prezzijiet billi tiġi evitata offerta eċċessiva fl-Italja huwa evidenti. F’dan il-każ, huwa raġonevoli li wieħed iqis li, fir-rigward tar-rappreżentanza ta’ Austria Draht mis-Sur G., dan kellu jirrispetta l-kwota li kienet ingħatatlu.

270    F’dan il-każ, jista’ fil-verità jitqies li l-parteċipanti fil-laqgħa talbu lis-Sur G., bħala rappreżentant ta’ Austria Draht fl-Italja, sabiex jiżgura li tiġi osservata l-kwota li kienet ingħatatlu. B’mod ġenerali, din il-laqgħa tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġi stabbilit li, permezz tal-preżenza tiegħu, is-Sur G. tqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf bil-perikoli identifikati mill-operaturi prinċipali li kienu attivi fl-Italja, u għalhekk seta’ jirregola l-aġir tiegħu f’dan id-dawl.

271    Fil-qosor, l-ewwel nett, mill-punti preċedenti jirriżulta li, mill-eżami tad-dokumenti dwar l-erbatax laqgħat tal-club Italia ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom hija stabbilita l-preżenza tas-Sur G., jista’ jiġi kkonstatat li din il-persuna kienet ipparteċipat fi ftehimiet antikompetittivi f’isem u fl-interess ta’ Austria Draht, inkluż fir-rigward ta’ diskussjonijiet dwar il-volumi u l-prezzijiet.

272    It-tieni nett, għandu jiġi osservat ukoll li minn dawn id-dokumenti jirriżulta li Austria Draht kienet meqjusa bħala operatur sekondarju, li l-aġir tagħha kien meħtieġ li jiġi evalwat, u dan xi drabi wassal għal stimi tal-kwantitajiet ikkummerċjalizzati jew għal dubji f’dan ir-rigward, mingħajr madankollu ma din il-kumpannija ma kienet assoċjata, bħala tali, fil-koordinazzjoni implementata mill-operaturi prinċipali li kienu attivi fis-suq Taljan. Għaldaqstant, ir-rwol ta’ Austria Draht fi ħdan il-club Italia ma jistax strettament jitqies li huwa assimilabbli ma’ dak tal-operaturi prinċipali li kienu attivi f’dan is-suq, bħalma kienu Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u, iktar tard, SLM.

273    It-tielet nett, minkejja r-rwol marġinali li kellha Austria Draht bħala operatur li kien attiv fis-suq Taljan, fejn kienet meqjusa bħala operatur sekondarju, jirriżulta li, f’diversi okkażjonijiet, matul il-perijodu tal-ksur, l-operaturi prinċipali li kienu attivi f’dan is-suq ħadu nota ta’ jew enfasizzaw il-fatt li Austria Draht kienet irrappreżentata mis-Sur G., li kien jirrappreżenta wkoll lil CB fi ħdan il-club Italia. Din ir-rappreżentanza doppja kienet tikkostitwixxi għalhekk vantaġġ, kemm għal dawn l-operaturi, li setgħu jinfluwenzaw fattur ta’ kompetizzjoni, u kemm għas-Sur G., li seta’ jirregola l-aġir tiegħu fid-dawl tal-informazzjoni ddettaljata li kien jikseb meta kien jipparteċipa fil-laqgħat tal-club Italia.

15.  Fuq il-laqgħat u d-dokumenti l-oħra ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata

274    Il-konklużjonijiet preċedenti huma msaħħa mill-eżami tad-dokumenti marbuta mal-laqgħat l-oħra ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li fihom ġie diskuss il-każ ta’ Austria Draht mingħajr ma jingħad li s-Sur G. kien preżenti jew dawk li fir-rigward tagħhom jingħad li s-Sur G. kien preżenti u anki li kien qiegħed jirrappreżenta lil Austria Draht iżda mingħajr ma d-diskussjonijiet ma kkonċernaw speċifikament is-sitwazzjoni ta’ Austria Draht.

275    Bħala eżempju, għandu jiġi osservat li, fl-okkażjoni tal-laqgħa tat-22 ta’ Diċembru 1997, li fiha ITC kienet minn tal-inqas preżenti skont l-indikazzjoni mogħtija fl-entrata dwar din il-laqgħa fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew ikkomunikati numru ta’ tabelli dwar il-kwantitajiet “attrib” (probabbilment attribwiti) lil diversi klijenti minn diversi fornituri, fosthom “Austria” (probabbilment Austria Draht). Tabella redatta fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa tikkorrispondi għall-klijenti li jsirulhom provvisti minn Redaelli, ITC, Itas, Tréfileurope, SLM, Trame u Austria Draht.

276    Fit-tabella dwar Austria Draht, wieħed jista’ jara l-kwantità li kienet ipprovduta minn dan l-operatur kif ukoll mill-operaturi inkwistjoni l-oħra lil disa’ klijenti identifikati, bl-isem ta’ żewġ klijenti oħra miżjud bl-idejn, bl-indikazzjoni għal wieħed u għall-ieħor (“PAMA” u “RDB”) tal-kwantità pprovduta minn Austria Draht (“200” tunnellata). Dawn id-diversi tabelli juru li l-membri tal-club Italia kellhom indikazzjonijiet preċiżi ħafna dwar il-kwantitajiet ipprovduti u l-operaturi użati, mill-ikbar sal-iżgħar, għad-diversi klijenti Taljani (ara l-Anness B.10 tar-risposta, p. 179 u 180, u l-inkartament amministrattiv, p. 5333, 40-46).

277    Bl-istess mod, diversi dokumenti li jagħmlu parti mill-proċess juru l-fatt li l-membri tal-club Italia kellhom informazzjoni preċiża dwar il-kwantitajiet mibjugħa minn Austria Draht u oħrajn lill-klijenti Taljani tagħhom (ara, pereżempju, l-Anness 3 tad-deċiżjoni, u l-Anness 10 tar-risposta, p. 188 sa 197, it-tabelli “Trefolo 2001”, riprodotti wkoll fil-p. 221 sa 229). Din l-informazzjoni kienet tippermetti lid-diversi membri tal-club Italia jkunu jafu x’sehem kellu jingħata lil Austria Draht.

278    Meħuda flimkien, dawn id-dokumenti jistabbilixxu l-iżvelar kontinwu fi ħdan il-club Italia ta’ informazzjoni preċiża dwar il-kwantitajiet mibjugħa mill-operaturi individwali lid-diversi klijenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Austria Draht.

279    Għaldaqstant, mid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq meħuda flimkien jirriżulta, b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova, li Austria Draht ipparteċipat, permezz tas-Sur G. u fir-rigward tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, fid-diversi prattiki li kienu ġew deċiżi fi ħdan il-club Italia.

C –  Fuq id-diversi dikjarazzjonijiet imsemmija mill-partijiet

280    Id-dikjarazzjonijiet imsemmija mir-rikorrenti, kemm dawk magħmula sussegwentement għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kemm dawk magħmula fil-kuntest ta’ talbiet għal immunità jew għal tnaqqis fil-multa, ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jirribattu l-konklużjoni magħmula fil-punt 279 iktar ’il fuq, li hija bbażata essenzjalment fuq l-eżami ta’ data kontemporanja għall-akkordju inkwistjoni li tirriżulta mill-minuti tad-diversi laqgħat li għalihom assistew il-parteċipanti f’dan l-akkordju.

281    Din id-data kontemporanja tippermetti li jiġi stabbilit li s-Sur G. kien meqjus, mill-membri l-oħra tal-club Italia, bħala persuna li kienet qiegħda tirrappreżenta lil Austria Draht fl-Italja. Din id-data tippermetti wkoll li jitqies li, bħala aġent ta’ Austria Draht għall-Italja, is-Sur G. għadda lill-membri tal-club Italia informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha u li, fi kwalunkwe każ, huwa kiseb informazzjoni ddettaljata dwar l-attività tal-kompetituri ta’ Austria Draht fis-suq Taljan.

282    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, din id-data hija kkorroborata mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn ITC u minn DWK fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħhom. B’hekk, ITC, li pprovdiet ħafna dokumenti dwar il-club Italia, tindika b’mod ċar li s-Sur G. kien ipparteċipa f’dawn il-laqgħat għal CB, iżda wkoll bħala “rappreżentant ta’ Austria Draht fl-Italja”. Bl-istess mod, meta tirreferi għas-Sur G., DWK tispeċifika li dan huwa r-“rappreżentant ta’ [CB] u ta’ Austria Draht fl-Italja” (ara l-Annessi B.4 u B.5 tar-risposta).

283    Għaldaqstant, il-kontenut tad-dikjarazzjoni tas-Sur G., li tindika essenzjalment li huwa pparteċipa għal CB fil-laqgħat tal-club Italia u li huwa qatt ma wettaq attivitajiet antikompetittivi fl-interess ta’ Austria Draht u li qatt ma kkommunikalha l-informazzjoni miksuba fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-club Italia, u tad-dikjarazzjoni ppreżentata f’isem tas-Sur V. (Tréfileurope), li minnha jirriżulta li s-Sur G. qatt ma pparteċipa fi ftehimiet ta’ akkordju f’isem Austria Draht, ma huwiex suffiċjenti sabiex joħloq dubju dwar dak li jista’ jiġi dedott mill-provi ċċitati iktar ’il fuq, li ħafna minnhom huma kontemporanji għall-fatti. Meta mqabbla ma’ dawn il-provi, dawn id-dikjarazzjonijiet huma, bħala tali, insuffiċjenti sabiex jikkontradixxu dak li jista’ jiġi dedott mill-provi l-oħra li jagħmlu parti mill-proċess. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jsir riferiment għal dak li jirriżulta mill-provi disponibbli fir-rigward tal-laqgħa tal-24 ta’ Ġunju 1997 (ara l-punti 199 sa 202 iktar ’il fuq), li juru li CB ippreżentat is-Sur G. lil Tréfileurope filwaqt li indikatilha li dan kien jirrappreżenta lil Austria Draht u li, b’mod partikolari tal-intervent tiegħu, kien ser ikun possibbli li jinstab ekwilibriju fis-suq Taljan (ara l-Annessi A.2 u A.3 tar-rikors, u l-Anness B.6 tar-risposta).

284    L-istess jista’ jingħad għall-kontenut tat-tliet dikjarazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fl-14 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri, dik ta’ direttur ta’ ITC u dik ta’ direttur ta’ Redaelli, bid-data tas-27 ta’ Lulju 2011, u dik ta’ direttur ta’ SLM, bid-data tat-18 ta’ Lulju 2011, li essenzjalment isostnu li s-Sur G. kien għamel intervent matul il-laqgħat tal-akkordju f’isem u fl-interess ta’ CB biss u li, minkejja li dawn it-tliet persuni kienu jafu li kien qiegħed jirrappreżenta wkoll lil Austria Draht, huwa qatt ma pprovda informazzjoni dwar din il-kumpannija. Dawn id-dikjarazzjonijiet, magħmula fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, ma humiex suffiċjenti sabiex jikkontestaw dak li jista’ jiġi dedott minn provi oħra li jagħmlu parti mill-proċess. Għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet ukoll jippermettu li jiġi stabbilit li r-rappreżentanti ta’ dawn it-tliet impriżi kienu jafu li s-Sur G. kien ir-rappreżentant ta’ Austria Draht fl-Italja, l-affermazzjonijiet li jinsabu f’dawn id-dikjarazzjonijiet fis-sens li s-Sur G. kien jintervjeni biss fl-interess ta’ CB ma jegħlbux il-fatt li s-sempliċi preżenza ta’ din il-persuna fil-laqgħat tal-club Italia ppermettietlu li jkollu informazzjoni ta’ natura antikompetittiva dwar il-klijenti u l-prezzijiet. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, diversi drabi u fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni raġonevoli oħra, wieħed jista’ jaħseb li l-persuna li kkomunikat informazzjoni dwar is-sitwazzjoni partikolari ta’ Austria Draht kienet is-Sur G.

285    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-isem ta’ impriżi oħra li kienu jipparteċipaw fil-club Italia, li ssemmew mill-partijiet, jirriżulta li minkejja li CB ma indikatx lil Austria Draht bħala membru tal-club Italia, dan jista’ jkun dovut għall-fatt li s-Sur G. kien jirrappreżenta prinċipalment lil CB u mhux lil Austria Draht u li dan kien meqjus bħala li jagħmel parti minn CB (ara, pereżempju, il-preżenza tiegħu għas-smigħ quddiem il-Kummissjoni bħala membru tad-delegazzjoni li kienet qiegħda tirrappreżenta lil CB). Madankollu, mill-fatti, u b’mod partikolari mir-rapport magħmul minn Tréfileurope dwar il-laqgħa ma’ CB tal-24 ta’ Ġunju 1997, jirriżulta li s-Sur G. kien ippreżentat minn CB bħala persuna li kienet tirrappreżenta lil CB, iżda wkoll lil Austria Draht, fatt dan li seta’ jservi ta’ vantaġġ. Fir-rigward ta’ SLM, Redaelli u Trame, il-fatt li dawn l-impriżi ma jsemmux espliċitament lil Austria Draht fost id-diversi membri tal-club Italia lanqas ma jista’ jkun biżżejjed sabiex jegħleb dak li jista’ jiġi dedott mill-provi l-oħra li jagħmlu parti mill-proċess. Madankollu, din l-assenza ta’ riferiment issaħħaħ l-impressjoni ġenerali li toħroġ mill-provi esposti iktar ’il fuq, fis-sens li, fi kwalunkwe każ, Austria Draht kienet meqjusa bħala operatur sekondarju fir-rigward tas-suq Taljan.

D –  Tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ Austria Draht

286    Fir-rigward tal-club Italia, mill-proċess jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova li l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fl-akkordju bdiet fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-15 ta’ April 1997 u ntemmet fid-19 ta’ Settembru 2002, meta l-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini, b’mod partikolari, ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas, ta’ ITC u ta’ Tréfileurope.

287    Għaldaqstant, mill-proċess jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova li Austria Draht u, għaldaqstant, voestalpine, ipparteċipaw fil-club Italia, permezz tas-Sur G., li lilu Austria Draht kienet fdat il-kummerċjalizzazzjoni tal-APS tagħha fl-Italja, mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002.

E –  Konklużjoni dwar l-ewwel motiv

288    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi r-raġunijiet għaliex l-aġir tas-Sur G. fi ħdan il-club Italia seta’ jiġi imputat lil Austria Draht u lil voestalpine fir-rigward tal-attivitajiet li kienu fdati lilu fl-Italja.

289    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljat meta qiest li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku li jiġbor fih b’mod partikolari l-club Italia u l-club Europe

290    Fil-kuntest tat-tieni motiv, voestalpine u Austria Draht isostnu li, anki fil-każ li l-Kummissjoni tista’ timputa lil Austria Draht l-aġir li jikkostitwixxi ksur fi ħdan il-club Italia tal-aġent tagħha fl-Italja, il-Kummissjoni xorta waħda ma tistax timputalha l-parteċipazzjoni fi ksur uniku li jiġbor fih il-club Italia u l-arranġamenti antikompetittivi l-oħra, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li Austria Draht ma pparteċipatx fil-ftehimiet pan-Ewropej u li hija ma kellhiex u lanqas ma seta’ jkollha għarfien tal-pjan ġenerali.

291    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Zurich, fil-ftehim tan-Nofsinhar, jew fil-club Europe għandha tkun suffiċjenti sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma pparteċipawx fil-ksur uniku. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li impriża tista’ tkun akkużata b’tali ksur jekk jiġi stabbilit li kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu. B’hekk, jista’ jkun li impriża tkun ipparteċipat direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku iżda kellha xorta waħda għarfien tal-aġir kollu li jikkostitwixxi ksur jew setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir kollu li jikkostitwixxi ksur li minnu jkun ikkostitwit tali ksur (ara, f’dan is-sens, il-punti 119 sa 124 iktar ’il fuq).

292    Issa, f’dan il-każ, dan huwa l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni, li takkuża lil Austria Draht bil-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku minħabba, minn naħa u b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia permezz tas-Sur G., l-aġent tagħha fl-Italja, u, min-naħa l-oħra, indizji ċari li jissuġġerixxu li Austria Draht kienet involuta, b’mod sporadiku, f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell Ewropew, li ppermettewlha tkun taf b’dan il-livell tal-akkordju fi stadju bikri (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

293    F’dan ir-rigward, anki jekk jirriżulta li l-għanijiet tal-club Italia u tal-club Europe ma kinux jikkoinċidu u setgħu anki jkunu kontradittorji, peress li l-operaturi prinċipali tal-club Europe xtaqu b’mod partikolari jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiġġieldu kontra l-esportazzjonijiet magħmula lejn it-Tramuntana tal-Ewropa mill-operaturi prinċipali tal-club Italia, li min-naħa tagħhom xtaqu jiffaċilitaw dawn l-esportazzjonijiet sabiex imexxu l-produzzjoni tagħhom, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif ġie osservat ġustament fid-deċiżjoni kkontestata, il-pjan globali li jikkaratterizza l-ksur uniku ddefinit mill-Kummissjoni jinsab fit-tfittxija ta’ għan komuni għal dawn l-operaturi kollha, jiġifieri l-għan li tiġi llimitata l-kompetizzjoni fis-suq tal-APS, kemm jekk dan jitqies fil-livell Ewropew u kemm jekk jitqies fil-livell nazzjonali. Dan il-pjan globali kien intiż li jintlaħaq u li jiżgura l-osservanza ta’ ekwilibriju ġenerali bejn id-diversi arranġamenti li kienu jikkostitwixxu l-ksur uniku, fosthom dawk diskussi fi ħdan il-club Europe u dawk diskussi fi ħdan il-club Italia (premessi 610 sa 621 tad-deċiżjoni kkontestata).

294    B’dan premess, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar id-diversi elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkaratterizza l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku.

A –  Parteċipazzjoni f’komponent tal-ksur uniku

295    Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku, il-Kummissjoni indikat, l-ewwel nett, li Austria Draht kienet “ipparteċipat direttament fil-club Italia, permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha fl-Italja, [...], [is-Sur G.], mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002” (premessa 769 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punti 76 sa 82 iktar ’il fuq).

296    Mill-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel motiv jirriżulta li, anki li kieku f’din il-kawża l-Kummissjoni ma kellhiex provi li jippermettulha tistabbilixxi li Austria Draht seta’ kellha l-iċken informazzjoni dwar l-aġir antikompetittiv tal-aġent tagħha fl-okkażjoni tad-diversi laqgħat tal-club Italia li kien attenda għalihom, il-Kummissjoni xorta waħda tista’, għar-raġunijiet invokati fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, tikkonkludi li kien hemm unità ekonomika bejn l-aġent u l-prinċipal fir-rigward tal-attivitajiet li Austria Draht kienet fdat lis-Sur G. (ara l-punti 167 sa 178 iktar ’il fuq).

297    Din l-assenza ta’ għarfien minn Austria Draht tal-aġir antikompetittiv tal-aġent tagħha hija madankollu irrilevanti, kemm fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia u kemm fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-parteċipazzjoni f’komponent tal-ksur uniku meta l-kwistjoni tkun li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża f’tali ksur. Fiż-żewġ każijiet, għandu jitqies li, peress li s-Sur G. u Austria Draht jikkostitwixxu unità ekonomika waħda, il-prinċipal huwa responsabbli fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent imwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu fdati lilu.

298    Meta s-Sur G. għamel interventi fi ħdan il-club Italia fl-interess ta’ Austria Draht, jiġifieri fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, huwa meqjus li aġixxa f’isem Austria Draht u b’hekk wassal għar-responsabbiltà tal-prinċipal tiegħu.

B –  Għarfien tal-livell pan-Ewropew tal-akkordju

299    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tindika espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata li “hija ma hijiex qiegħda żżomm lil Austria Draht responsabbli għal parteċipazzjoni diretta fil-club Zurich jew fil-club Europe” (premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata).

300    Barra minn hekk, l-eżami tal-fatti jikkonferma l-fondatezza ta’ tali evalwazzjoni peress li mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni setgħet takkuża lir-rikorrenti, għat-territorji l-oħra minbarra l-Italja li fihom Austria Draht kienet tikkummerċjalizza l-APS, b’aġir tal-istess natura bħal dak li l-Kummissjoni tista’ timputa lil Austria Draht, permezz tas-Sur G., fir-rigward tal-club Italia. B’hekk, filwaqt li huwa possibbli, fid-dawl tal-provi msemmija fl-ewwel motiv, li jiġi identifikat l-isem tal-klijenti Taljani ta’ Austria Draht u li wieħed jara l-isem ta’ Austria Draht (jew minn tal-inqas l-inizjali “AD” tagħha) f’tabelli bit-tqassim tal-kwoti għall-Italja, tali indikazzjonijiet jidhru biss fir-rigward tat-territorju Taljan.

301    Madankollu, filwaqt li tindika li Austria Draht ma kinitx meqjusa li hija responsabbli għal parteċipazzjoni diretta fil-club Zurich (li ntemm qabel il-15 ta’ April 1997) jew fil-club Europe, il-Kummissjoni tindika wkoll li “hemm indizji ċari li jissuġġerixxu li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju” (premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

1.     Provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

302    Sabiex tistabbilixxi l-“għarfien individwali tal-parteċipazzjoni [...] f’sistema iktar globali”, il-Kummissjoni ressqet diversi provi fir-rigward ta’ Austria Draht (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

303    L-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li, diġà fl-1995-1996, jiġifieri ferm qabel id-data tal-15 ta’ April 1997 ikkunsidrata bħala l-mument li minnu bdiet il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur, din tal-aħħar kienet assistiet għal laqgħat tal-club Zurich fejn tqajmet il-possibbiltà ta’ ftehim ġdid dwar il-kwoti. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni semmiet, bħala eżempju, il-minuti tal-laqgħat tat-28 ta’ Mejju 1995 u tad-9 ta’ Jannar 1996 (premessa 653 tad-deċiżjoni kkontestata).

304    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, Austria Draht ammettiet li kienet ipparteċipat f’numru ta’ laqgħat tal-club Europe, li fir-rigward tagħhom sostniet li ma kellhomx kontenut antikompetittiv. Dawn il-laqgħat huma dawk tal-14 ta’ Ottubru 1998, tad-9 ta’ Novembru 1998, tat-28 ta’ Frar 2000 u tas-27 ta’ Settembru 2001. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, minn tal-inqas għal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, kienet indirizzata l-kwistjoni tal-volumi u tal-prezzijiet. Bl-istess mod, fid-deċiżjoni kkontestata jingħad li, matul il-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001, direttur ta’ Austria Draht kien mistieden minn impjegat ta’ DWK sabiex Austria Draht tipparteċipa fil-club Europe estiż (premessi 652 u 653 tad-deċiżjoni kkontestata).

305    It-tielet nett, il-Kummissjoni osservat li, matul il-laqgħa tas-16 ta’ Diċembru 1997 tal-club Italia (li għaliha s-Sur G. ma kienx preżenti), intqal li Austria Draht “ma kinitx parti attiva [fil]-club (Europe) iżda xtaqet tinżamm informata”. Il-Kummissjoni mbagħad osservat li, matul laqgħat ulterjuri tal-club Italia li għalihom is-Sur G. attenda bħala r-rappreżentant ta’ Austria Draht, il-parteċipanti kienu ġew informati bid-diskussjonijiet u bil-ftehimiet fi ħdan il-club Europe. Finalment, il-Kummissjoni indikat li diversi indizji jissuġġerixxu li, matul il-perijodu ta’ espansjoni pan-Ewropea, Austria Draht kienet involuta f’diskussjonijiet dwar it-tqassim tal-kwoti u tal-klijenti f’ċerti pajjiżi u kienet attendiet, permezz tal-aġent tagħha fl-Italja, is-Sur G., għal minn tal-inqas sitt laqgħat iddedikati għall-espansjoni tal-club Europe [il-laqgħat tas-27 ta’ Settembru 2001, tal-10 u tal-11 ta’ Ottubru 2001, tas-6 ta’ Novembru 2001, li matulha s-Sur G. kien barra minn hekk innominat bħala koordinatur nazzjonali potenzjali għall-Italja, flimkien mas-Sur A. (Itas) u mas-Sur C. (CB), tal-5 u tas-6 ta’ Ġunju 2002, tal-1 ta’ Lulju 2002 u tat-2 ta’ Lulju 2002] (premessa 653 tad-deċiżjoni kkontestata).

306    Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “Austria Draht, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-kollużjoni fi ħdan dan il-club kienet tagħmel parti minn pjan globali intiż sabiex jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS u sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet, pjan li l-club Italia kien jikkondividi mal-arranġamenti pan-Ewropej” (premessa 654 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Analiżi tal-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

a)     Provi dwar il-club Zurich

307    Fir-rigward tal-provi invokati fir-rigward ta’ żewġ laqgħat tal-club Zurich li għalihom allegatament ipparteċipat Austria Draht, huwa meħtieġ li jitfakkar il-kontenut tal-imsemmija provi.

 Fuq il-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 1995

308    Il-kontenut tal-laqgħa tal-club Zurich tat-28 ta’ Mejju 1995 huwa espost fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-laqgħa nżammet f’Barcelona (Spanja) fl-okkażjoni ta’ laqgħa tal-Eurostress Information Service (ESIS), l-assoċjazzjoni professjonali prinċipali tal-produtturi ta’ APS fl-Ewropa, li tagħha Austria Draht kienet membru.

309    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni indikat li l-laqgħat tal-ESIS, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), ma humiex meqjusa, fihom infushom, li huma antikompetittivi. Madankollu, il-Kummissjoni osservat li l-parteċipanti fl-akkordju xi drabi ltaqgħu b’mod informali, fl-okkażjoni ta’ dawn il-laqgħat tal-ESIS, sabiex jiddiskutu u jiftiehmu dwar kwoti, prezzijiet u arranġamenti mal-klijenti. Sabiex tissostanzja din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni invokat id-dokumenti li kienu trażmessi lilha mill-Bundeskartellamt u li minnhom jirriżulta li:

“In-nofstanhar ta’ filgħodu tal-ewwel jum [ta’ dawn il-laqgħat tal-ESIS] kien fil-fatt użat mill-parteċipanti sabiex jinżammu diskussjonijiet informali. Din ma kinitx xi ħaġa speċjali u kienet issir kull meta l-laqgħat tal-ESIS kienu jinfirxu fuq diversi ġranet. L-għan ta’ dawn id-diskussjonijiet informali kien li jiġu konklużi arranġamenti għas-suq intern [...]” (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

310    Fl-entrata dwar il-laqgħa tal-club Zurich tat-28 ta’ Mejju 1995 li tinsab fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa, jiġifieri l-membri permanenti, kif ukoll “Austria”. Skont il-Kummissjoni, din l-indikazzjoni tirreferi għal Austria Draht peress li din tal-aħħar ikkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha f’din il-laqgħa fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

311    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżenta l-punti koperti mil-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 1995 tal-club Zurich kif ġej:

–        “[d]ikjarazzjoni (probabbilment ikkomunikata [lil rappreżentant ta’ Redaelli]) fis-sens li l-club jaċċetta li jnaqqas l-esportazzjonijiet [lejn l-Italja] u li jżid l-importazzjonijiet (fl-Ewropa) mill-Italja. Huwa jżid li ‘Aldé’ hija ‘meqjusa bħala importazzjoni’”;

–        “[k]orrezzjoni taċ-ċifri għall-Awstrija u għal Spanja”;

–        “[d]iskussjoni dwar l-Italja. Tqum il-kwistjoni ta’ kif għandhom jiġu osservati l-kwoti ta’ esportazzjoni mitluba mill-produtturi Taljani. [Rappreżentant ta’ Redaelli] jhedded li jfixkel is-swieq. Huwa ma jixtieqx iżid il-prezzijiet u lanqas ma jixtieq jimponihom fuq l-oħrajn”;

–        “Tycsa [...] tistaqsi jekk il-membri l-oħra tal-club humiex lesti jċedu. It-tweġiba hija li ħadd ma huwa lest iċedi”;

–        [m]inn dan isegwi tentattiv ġdid sabiex jiġu stabbiliti kwoti fuq il-bażi tal-bejgħ filwaqt li jiġu enfasizzati l-volumi mibjugħa minn A[ustria] D[raht], WDI, Köln [DWK], Tréfil[europe], Nedri, Tycsa, Eme[sa]. Il-produtturi Taljani jissemmew b’mod separat: [Redaelli] + [ITC] + [M. C.] (CB) + Itas”;

–        “[i]l-laqgħa tagħlaq 1) bil-pożizzjoni tal-produtturi Taljani ([rappreżentant ta’ Redaelli] joffri massimu ta’ 20 000 [tunnellata] [u] jistaqsi meta CB u Itas ser jaċċettaw? 2) bl-iffissar ta’ laqgħa ġdida f’Amsterdam fit-8 ta’ Ġunju”.

312    Din l-informazzjoni toriġina, minn naħa, mit-tweġiba ta’ Emesa tal-25 ta’ Ottubru 2002 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li fiha Emesa semmiet diversi “laqgħat ta’ natura kważi uffiċjali ma’ membri tal-ESIS”, li l-għan tagħhom kien “li jiġu diskussi l-prezzijiet, il-kwoti u l-abbozz ta’ kuntratt mal-klijenti l-kbar” u, min-naħa l-oħra, min-noti ta’ Emesa, ippreżentati minn ArcelorMittal fit-28 ta’ Ġunju 2007, li jinkludu minuti ta’ din il-laqgħa redatti mis-Sur P., ir-rappreżentant ta’ Emesa (ara l-Anness A.41 tar-rikors u l-inkartament amministrattiv, p. 11491 u 11500, u l-Anness B.11 tar-risposta).

313    Għalkemm l-eżami tad-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq effettivament jippermetti li jiġi kkonstatat li l-minuti redatti mis-Sur P. tal-laqgħa tal-club Zurich tat-28 ta’ Mejju 1995 jinkludu essenzjalment l-indikazzjonijiet riprodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġu ġġustifikati l-konklużjonijiet li huma misluta minnha fir-rigward ta’ Austria Draht.

314    L-ewwel nett, mit-tweġiba ta’ Emesa għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-club Zurich tat-28 ta’ Mejju 1995 kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa, li għalihom jikkorrispondu l-ismijiet tal-persuni ċċitati f’din it-tweġiba fir-rigward ta’ din il-laqgħa. Minn din it-tweġiba jirriżulta wkoll li l-isem ta’ Austria Draht jew ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha ma jissemma fir-rigward ta’ ebda waħda mill-21 “laqgħat ta’ natura kważi uffiċjali ma’ membri tal-ESIS” bħala wieħed mill-ismijiet tal-parteċipanti.

315    It-tieni nett, mit-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, Austria Draht ikkonfermat biss il-preżenza tagħha għal-laqgħa tal-ESIS li nżammet f’Mejju 1995 u b’ebda mod ma kkonfermatha għal-“laqgħa kważi uffiċjali mal-membri tal-ESIS” li għaliha tirreferi Emesa. Ir-rikorrenti ppreżentaw ukoll provi rilevanti sabiex jistabbilixxu li r-rappreżentant ta’ Austria Draht għal-laqgħa ta’ ESIS wasal Barcelona fid-29 ta’ Mejju u mhux fit-28 ta’ Mejju, id-data li fiha nżammet il-laqgħa kważi uffiċjali msemmija minn Emesa (anness A.7 tar-rikors, p. 835 sa 837 tar-rikors).

316    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li ma jistax jiġi eskluż li r-rappreżentant ta’ Austria Draht kien assista għat-“tieni seduta” msemmija fin-noti ta’ Emesa wara l-wasla tiegħu f’Barcelona. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hija ssostanzjata minn ebda prova konklużiva, fid-dawl b’mod partikolari tal-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal din il-persuna fil-minuti redatti mis-Sur P. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-laqgħat informali li kienu jinżammu fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-ESIS kienu ġeneralment jinżammu “fin-nofstanhar ta’ filgħodu tal-ewwel jum” (ara l-punt 299 iktar ’il fuq).

317    It-tielet nett, fir-rigward tal-kontenut tal-indikazzjonijiet misluta mill-minuti redatti mis-Sur P. tal-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 1995, li huma essenzjalment riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 311 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li l-uniku riferiment li jista’ jimplika lil Austria Draht huwa marbut mal-fatt li, matul l-“ewwel seduta”, tħejjiet lista tal-kwantitajiet mibjugħa minn ċerti operaturi, u li, f’dan il-kuntest, l-inizjali “AD” jinsabu indikati flimkien man-numru “947”, segwit min-numru “1 500” u mal-indikazzjoni “final 1 500” (din l-aħħar indikazzjoni hija riprodotta b’mod inkorrett bħala “500” fil-verżjoni transkritta u tradotta ppreżentata flimkien man-noti oriġinali tas-Sur P.). Il-minuti redatti mis-Sur P. jirreferu wkoll għal tali indikazzjonijiet għal WDI, DWK, Tréfileurope, Tycsa, Emesa u Nedri.

318    Meta saritilhom mistoqsija dwar l-importanza ta’ tali riferiment, ir-rikorrenti sostnew li, minbarra l-assenza tar-rappreżentant ta’ Austria Draht għal din il-laqgħa informali, għandu jiġi osservat li l-minuti redatti mis-Sur P. jirreferu, meta jsemmu l-kwoti ta’ esportazzjoni lejn il-bqija tal-Ewropa mitluba mill-produtturi li jinsabu fl-Italja, għal sehem stmat ta’ 1.5 għal “Austria”, li jikkorrispondi għall-kwantità ta’ “1 500”, mibjugħa jew mitluba, mhux minn Austria Draht, iżda mill-produtturi li jinsabu fl-Italja. Il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta din l-interpretazzjoni, li fid-dawl tal-minuti tidher li hija possibbli.

319    Fir-rigward tal-indikazzjoni “is-Sur T. [ir-rappreżentant ta’ DWK] + Austria”, li tinsab fil-minuti redatti mis-Sur P., ma hemm ebda raġuni partikolari sabiex wieħed jaħseb li din il-kelma ma tistax tirreferi sempliċement għall-Awstrija iżda għandha tiġi interpretata bħala riferiment għal Austria Draht. Bħala prinċipju, tali interpretazzjoni kien imissha rriżultat ukoll mil-lista tal-parteċipanti fil-laqgħat kważi uffiċjali tal-ESIS ippreżentata minn Emesa. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li ħafna drabi kien ir-rappreżentant ta’ DWK li kien jaġixxi bħala koordinatur tal-parteċipanti fl-akkordju fir-rigward tal-Awstrija (ara, pereżempju, l-informazzjoni dwar il-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001).

320    Bħala konklużjoni jista’ jingħad li ebda prova ċċitata mill-Kummissjoni ma tippermetti li tiġi stabbilita b’mod konklużiv il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht fil-laqgħa tal-club Zurich tat-28 ta’ Mejju 1995, li l-kontenut tagħha barra minn hekk ma jippermettix li jitqies b’mod konklużiv li Austria Draht setgħet ħadet sehem fi jew seta’ minn tal-inqas kellha għarfien tad-diskussjonijiet tal-club Zurich dwar il-kwota li kellha tingħata lill-produtturi Taljani sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li huma kienu jeżerċitaw barra mill-Italja.

 Fuq il-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996

321    Il-kontenut tal-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 huwa espost fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-laqgħa inżammet fi Brussell (il-Belġju), fl-okkażjoni ta’ laqgħa tal-ESIS.

322    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienu rrappreżentati Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa kif ukoll Redaelli u Austria Draht. Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li s-Sur Ro., wieħed mid-diretturi ta’ Austria Draht, kien preżenti għal-laqgħa tal-ESIS (ara l-Anness A.7 tar-rikors, p. 54).

323    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżenta l-punti koperti mil-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 kif ġej:

–        “[d]iskussjoni dwar l-Italja. Ġie nnotat li matul il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru, il-produtturi Taljani laħqu kunsens (intern). Tfakkar li wasal iż-żmien li tinstab soluzzjoni komuni dwar sistema ta’ kwoti, skont is-Sur [T.] [ta’ DWK] ‘irrispettivament mill-implikazzjonijiet ta’ dan’”;

–        “[d]iskussjoni bejn il-membri tal-club dwar il-futur tal-club – Tréfileurope (is-Sur [Pe.]) jiddikjara li kollox spiċċa fix-xejn f’sistema ta’ kwoti. Skontu, din ma hijiex ‘gwerra mingħajr skop’. Josserva li l-kuntratti għas-sena 1996 huma konklużi u jissuġġerixxi li jistennew ‘il-proposti’”;

–        “NDI, WDI, Austria Draht u Emesa jesprimu dubji dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita mill-ġdid [sistema ta’ kwoti] u Tycsa tirrakkomanda aġir professjonali”;

–        “[j]idher li hija ffavorita sistema ġdida ta’ kwoti minn: Tycsa, Emesa, Nedri (NDI), Austria Draht u WDI. Il-Franċiżi ma jaqblux. WDI ddikjarat ukoll li ma kinitx qiegħda tara ġustifikazzjoni għall-eżistenza tal-club f’dak il-mument”;

–        “[m]adankollu, inżammet diskussjoni maħsuba sabiex tiġi stabbilita allokazzjoni provviżorja tal-kwoti. Tabella (espressa f’perċentwali) ġiet diskussa għal kull pajjiż u għal finijiet ta’ informazzjoni biss, [għal] DWK + Trefd [Tréfilarbed], FU [Fontainunion], STCO [Sainte Colombe], WDI, NDI, I [l-Italja], AU [Austria Draht], SP [Spanja, jiġifieri l-gruppi Emesa u Tycsa] fuq il-bażi tas-suq 1994. Il-pajjiżi kkonċernati huma ‘D-F-I-NL-UBL-SP-AUS”.

324    Din l-informazzjoni toriġina, minn naħa, mit-tweġiba ta’ Emesa tal-25 ta’ Ottubru 2002 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li fiha Emesa semmiet diversi “laqgħat ta’ natura kważi uffiċjali ma’ membri tal-ESIS”, li l-għan tagħhom kien “li jiġu diskussi l-prezzijiet, il-kwoti u l-abbozz ta’ kuntratt mal-klijenti l-kbar” u, min-naħa l-oħra, min-noti ta’ Emesa, ippreżentati minn ArcelorMittal fit-28 ta’ Ġunju 2007, li jinkludu minuti ta’ din il-laqgħa redatti mis-Sur P., ir-rappreżentant ta’ Emesa (ara l-Anness A.41 tar-rikors, l-Annessi B.9, B.11 u B.13 tar-risposta, l-Anness G.15 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

325    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jistgħu jsiru tliet osservazzjonijiet fir-rigward ta’ Austria Draht.

326    L-ewwel nett, il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht f’din il-laqgħa ma hijiex ikkontestata. Dan huwa importanti għaliex l-isem ta’ Austria Draht ma huwiex indikat fil-lista tal-parteċipanti tal-laqgħat kważi uffiċjali tal-ESIS ippreżentata minn Emesa. Barra minn hekk, b’differenza mil-lista tal-parteċipanti fil-laqgħa redatta mis-Sur P. fil-minuti tiegħu tal-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 1995, il-minuti redatti minnu tal-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996 jirreferu kemm għall-ismijiet tar-rappreżentanti tal-impriżi parteċipanti u kemm għall-pajjiżi rrappreżentati minnhom. B’hekk, jissemmew l-Awstrija, l-Olanda, il-Belġju u Franza, iżda wkoll “AD”, “NDI”, jew is-“Sur [P.] [ta’ Tréfileurope]”.

327    Għalhekk, ir-riferiment għall-Awstrija ma jibqax jidher bħala anomalija jew bħala indikazzjoni miżjuda mal-persuna tas-Sur T., ir-rappreżentant ta’ DWK (ara l-punt 319 iktar ’il fuq) u, fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-laqgħa ma hijiex ikkontestata.

328    It-tieni nett, kif issostni l-Kummissjoni, jista’ jitqies li, fl-okkażjoni tal-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996, ir-rappreżentant ta’ Austria Draht sar jaf bid-diffikultajiet li kien qiegħed jiltaqa’ magħhom il-club Europe sabiex jikkoordina mal-club Italia. F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat li waħda mill-impriżi preżenti matul din il-laqgħa kienet Redaelli, li, fiż-żmien meta seħħ l-akkordju, kienet tirrappreżenta lill-operaturi prinċipali tal-club Italia fid-diskussjonijiet tagħhom mal-club Zurich. B’hekk, mill-kontenut ta’ din il-laqgħa, li huwa riprodott f’minuti miktubin bl-idejn redatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti, jirriżulta li, fid-dawl tad-diffikultajiet imsemmija iktar ’il fuq, kien qiegħed jiġi ppjanat li tiġi implementata sistema ġdida ta’ kwoti li kellhom jingħataw lill-produtturi Taljani sabiex titnaqqas il-pressjoni kummerċjali li dawn kienu jeżerċitaw barra mill-Italja.

329    Din il-kwota ta’ esportazzjonijiet tikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-pjan globali li jikkaratterizza l-ksur uniku, peress li hija maħsuba sabiex tikkoordina l-operaturi preżenti fi ħdan il-club Zurich mal-operaturi kompetituri preżenti fi ħdan il-club Italia.

330    It-tielet nett, kif jindikaw ir-rikorrenti, huwa wkoll possibbli li jiġi osservat li Austria Draht, bħal impriżi oħra, qajmet dubji dwar l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kwoti. Madankollu, dawn id-dubji jistgħu jitqiesu fid-dawl tal-fatt li Austria Draht dehret li hija wkoll favur sistema ġdida f’dan ir-rigward.

331    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jsostnu li, eżattament wara l-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996, kien ġie indikat, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-club Italia tat-13 ta’ Frar 1996, li għaliha kienu preżenti r-rappreżentanti ta’ Redaelli (l-istess persuna li kienet preżenti għal-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996), ta’ CB (is-Sur C.), ta’ ITC u ta’ Itas u li matulha kien diskuss l-approċċ li kellu jittieħed fir-rigward tal-barranin, li “Austria Draht ma xtaqitx tidħol fih” (ara l-entrata dwar din il-laqgħa fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Anness A.42 tar-rikors). Din l-affermazzjoni tirriżulta minn minuti miktubin bl-idejn redatti mir-rappreżentant ta’ ITC f’din il-laqgħa.

332    Tali indikazzjoni tippermetti li jitqies li, minn tal-inqas għar-rappreżentant ta’ Redaelli, li kien l-awtur prinċipali tal-koordinazzjoni bejn il-club Zurich u l-club Italia, id-“dubji” li allegatament ġew espressi mir-rappreżentant ta’ Austria Draht fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996, skont dak li ntqal mir-rappreżentant ta’ Emesa matul din il-laqgħa, kienu joqorbu iktar lejn tbegħid effettiv fir-rigward tal-kontenut tad-diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva li setgħu saru matul din il-laqgħa.

333    Bl-istess mod, fir-rigward tat-tabella indikata fil-minuti tal-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996 redatti mis-Sur P. (ara l-Anness B.13 tar-risposta), għandu jiġi osservat li din it-tabella, li fir-rigward tagħha huwa indikat li ġiet ippreżentata “għal finijiet ta’ informazzjoni biss”, sempliċement tirriproduċi, fir-rigward tal-kolonna “Aus”, data identika għal dik riprodotta fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-sena 1994 u li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni osservat, filwaqt li rriproduċiet l-indikazzjonijiet mogħtija mill-applikant għal immunità, DWK, li “Austria Draht ma pparteċipatx fil-club Zurich, iżda kienet inkluża fit-tabella għal ‘finijiet ta’ kompletezza’ biss”.

334    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra l-elementi ċċitati iktar ’il fuq, mill-proċess jirriżulta li Austria Draht ma pparteċipatx fin-numru kbir ta’ laqgħat tal-club Zurich jew tal-club Europe li nżammu wara l-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996.

335    F’dan il-kuntest, wieħed jista’ jaħseb, kif isostnu r-rikorrenti, li, minkejja li r-rappreżentant ta’ Austria Draht għal-laqgħa tal-ESIS kien preżenti għal-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 li l-kontenut tagħha huwa riprodott fil-minuti redatti mis-Sur P., dan ir-rappreżentant ma pprovda lanqas l-iċken element ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ Austria Draht. Huwa wkoll possibbli li jitqies li, minkejja li r-rappreżentant ta’ Austria Draht seta’ kellu għarfien tad-diskussjonijiet dwar il-kwoti li kellhom jingħataw lill-produtturi Taljani sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li kienu jeżerċitaw barra mill-Italja, punt dan li ma jirriżultax b’mod ċar mill-elementi fil-proċess, huwa kien indika li Austria Draht ma kinitx ser tipparteċipa f’dan il-ftehim.

336    Bħala konklużjoni jista’ jingħad li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tqis li rappreżentant ta’ Austria Draht kien preżenti għal-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 u li, f’din l-okkażjoni, huwa ġie informat dwar wieħed mill-elementi essenzjali tal-pjan globali li jikkaratterizza l-ksur uniku, jiġifieri l-eżistenza ta’ diskussjonijiet bejn il-membri permanenti u l-produtturi prinċipali Taljani, irrappreżentati minn Redaelli, bil-ħsieb li dawn tal-aħħar jingħataw kwota sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li kienu jeżerċitaw barra mill-Italja.

337    Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-provi msemmija iktar ’il fuq sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Zurich, ħaġa li barra minn hekk hija ma għamlitx, il-Kummissjoni tista’ xorta waħda tirreferi għalihom, kif għamlet fil-premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “indizj[u] li jissuġġerixx[i] li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”.

338    Il-fatt li din l-għarfien jippreċedi l-bidu tal-perijodu tal-ksur iddefinit mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

b)     Provi dwar il-club Europe

339    Fir-rigward tal-provi invokati mill-Kummissjoni dwar il-laqgħat tal-club Europe li għalihom Austria Draht allegatament ipparteċipat direttament, permezz tal-impjegati tagħha u mhux permezz tas-Sur G., l-aġent kummerċjali tagħha għall-Italja, għandu jitfakkar il-kontenut tal-imsemmija provi.

340    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li għalkemm il-Kummissjoni tinvoka minn tal-inqas erba’ laqgħat tal-club Europe fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-laqgħat tal-14 ta’ Ottubru 1998, tad-9 ta’ Novembru 1998, tat-28 ta’ Frar 2000 u tas-27 ta’ Settembru 2001, hija ssemmi wkoll, fin-noti tagħha, il-laqgħa tal-25 ta’ Settembru 1997, li għaliha rappreżentant ta’ Austria Draht allegatament kien preżenti u li matulha allegatament saru diskussjonijiet dwar ftehim dwar il-prezzijiet, kif indikat minn Nedri fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħha. Madankollu, jirriżulta li r-rikorrenti jistabbilixxu b’mod probatorju li, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat Nedri mingħajr ebda prova li setgħet tissostanzja din l-allegazzjoni, ir-rappreżentant ta’ Austria Draht ma setax ikun preżenti f’Düsseldorf sabiex jassisti għal din il-laqgħa peress li dakinhar kien jinsab Salzburg (l-Awstrija) (Anness A.7 tar-rikors, p. 46, 815 u 816). Jirriżulta wkoll li, fl-entrata fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-laqgħa tal-club Europe tal-25 ta’ Settembru 1997, il-Kummissjoni ma indikatx il-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht fost il-parteċipanti.

341    F’dan il-kuntest, ma hemm xejn li jistabbilixxi b’mod konklużiv li Austria Draht setgħet tieħu sehem fi jew minn tal-inqas kellha għarfien tad-diskussjonijiet tal-club Europe dwar ftehim dwar il-prezzijiet li saru matul il-laqgħa tal-25 ta’ Settembru 1997. B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi kkonstatat ukoll, fid-dawl tal-provi ppreżentati dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Nedri fit-talba għal klemenza tagħha fir-rigward ta’ Austria Draht la huma awtoinkriminanti u lanqas ma huma kkorroborati bi provi oħra prodotti minn din l-impriża.

 Fuq il-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1998

342    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa, li nżammet f’Düsseldorf, huwa espost fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn fl-entrata korrispondenti huwa indikat li din kopriet “l-evoluzzjoni ġenerali tas-suq tal-UE fl-1999” u li “Nedri u Tréfileurope jikkonfermaw il-preżenza ta’ Austria Draht”.

343    L-impriżi rrappreżentati f’din il-laqgħa kienu l-membri permanenti u Austria Draht.

344    Din l-informazzjoni toriġina, essenzjalment, mill-informazzjoni li Nedri kkomunikat fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħha, li ssemmi l-isem ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht bħala persuna preżenti, u, barra minn hekk, mill-informazzjoni ppreżentata fl-istess kuntest minn Tréfileurope, li ssemmi l-preżenza tal-“Awstrijaċi” għal din il-laqgħa (Anness B.7 tar-risposta, Annessi H.8 sa H.10 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri istruttorji).

345    Fid-dawk tad-dokumenti mgħoddija lill-Kummissjoni dwar dan il-punt, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, ipprovduta minn impriżi li kienu qegħdin jitolbu tnaqqis tas-sanzjoni tagħhom wara li kienu s-suġġett ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni, ma tistabbilixxix, fis-sens strett tal-kelma, elementi ta’ natura tali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ftehimiet antikompetittivi.

346    Skont il-Kummissjoni, ir-riferiment għal “diskussjoni dwar l-iżvilupp tas-suq Ewropew” huwa “ewfemiżmu” użat minn Nedri fit-talba għal klemenza tagħha. Madankollu, din l-affermazzjoni, magħmula fl-2002 fir-rigward ta’ laqgħa li nżammet fl-1998, ma għandhiex il-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ sabiex tippermetti li minnha jiġi dedott li Austria Draht seta’ kellha għarfien tal-pjan globali li kien jikkaratterizza l-ksur uniku.

347    Bl-istess mod, jirriżulta li l-affermazzjonijiet magħmula minn Tréfileurope huwa wisq ġenerali. Il-fatt li tissemma l-preżenza tal-“Awstrijaċi” f’Düsseldorf fir-rigward tal-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1998 ma jistax ikun biżżejjed sabiex jintwera li, f’din l-okkażjoni, Austria Draht ipparteċipat f’laqgħa li kellha għan antikompetittiv minħabba li, skont Tréfileurope, l-imsemmija laqgħa kienet tagħmel parti minn sett sħiħ ta’ laqgħat li fihom inżammu diskussjonijiet antikompetittivi.

348    Bħala tali, il-preżenza ta’ Austria Draht għal-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1998 ma hijiex determinanti u ma tistax tiġi invokata mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti għal finijiet ta’ prova li din hija “indizj[u] li jissuġġerixx[i] li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”. Sabiex tkun tista’ tagħmel dan, il-Kummissjoni kien imissha stabbilixxiet ukoll in-natura antikompetittiva tad-diskussjonijiet inkwistjoni permezz ta’ provi iktar preċiżi minn affermazzjonijiet ġenerali, mhux ċari u insuffiċjentement preċiżi magħmula minn applikanti għal klemenza.

 Fuq il-laqgħa tad-9 ta’ Novembru 1998

349    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa, li nżammet f’Düsseldorf, huwa espost fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn fl-entrata korrispondenti huwa indikat li din il-“laqgħa ta’ kull sitt xhur tal-ESIS”, skont Tréfileurope, kellha l-għan li “jiġi diskuss l-iżvilupp tas-suq UE fl-1999”, skont Nedri.

350    Bħal fil-każ tal-informazzjoni preċedenti, din l-informazzjoni toriġina essenzjalment mit-talba għal klemenza ta’ Nedri, li tagħmel riferiment għall-istess persuni li kienu preżenti għal-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1998 (Anness B.7 tar-risposta, Anness H.10 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri istruttorji).

351    Fit-talba għal klemenza tagħha, Tréfileurope semmiet biss l-eżistenza ta’ laqgħa ta’ kull sitt xhur tal-ESIS, mingħajr ma ssemmi l-persuni li kienu preżenti għal din il-laqgħa (Annesss H.9 tar-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri istruttorji).

352    F’dan il-kuntest għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi preżenza ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht f’laqgħa tal-ESIS ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti għal finijiet ta’ prova li din hija “indizj[u] li jissuġġerixx[i] li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”. Għaldaqstant, din il-laqgħa ma hijiex determinanti

 Fuq il-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000

353    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa, li nżammet f’Düsseldorf, huwa espost fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn fl-entrata korrispondenti huwa indikat li din il-laqgħa kopriet l-“implementazzjoni tal-ftehim ta’ Mejju 1997” u “diskussjoni dwar il-bejgħ imwettaq”.

354    L-impriżi rrappreżentati f’din il-laqgħa kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Tycsa, kif ukoll Redaelli, Austria Draht, ITC u Socitrel.

355    Din l-informazzjoni toriġina mit-talba għal klemenza ta’ Nedri tat-23 ta’ Ottubru 2002 (ara l-inkartament amministrattiv, p. 7593).

356    L-entrata fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-laqgħa tal-club Europe tat-28 ta’ Frar 2000 issemmi wkoll minuti tal-laqgħa tal-ESIS, ippreparati minn din l-assoċjazzjoni bid-data tad-“29 ta’ Frar 2000” u kkomunikati lill-Kummissjoni minn Austria Draht, li l-kontenut imsemmi tagħhom huwa dan li ġej (ara l-Anness A.44 tar-rikors):

“Is-Sur [T.] [ta’ DWK] osserva li, minkejja żieda fil-volumi fis-suq Ewropew, ma setgħet tinkseb ebda żieda fil-prezzijiet għall-APS. Peress li hemm ir-riskju li din it-tendenza tkompli fit-tul, huwa assolutament neċessarju li tiġi miġġielda. Madankollu, jidher li huwa impossibbli li jintlaħaq dan l-għan.”

357    F’dan il-każ, għal darba oħra, id-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni ma humiex wisq konklużivi fir-rigward ta’ Austria Draht.

358    Minn naħa, fir-rigward tal-“implementazzjoni tal-ftehim ta’ Mejju 1997” u tad-“diskussjoni dwar il-bejgħ imwettaq” imsemmija minn Nedri, minn tabella dwar din il-kwistjoni li tissemma fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-bejgħ inkwistjoni kien il-bejgħ imwettaq f’kull trimestru tal-1999 mill-membri permanenti, jiġifieri minn Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa. Austria Draht ma tissemmiex f’din it-tabella.

359    Fir-rigward tal-“ftehim ta’ Mejju 1997”, mill-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fit-12 u fit-13 ta’ Mejju 1997 f’Lyon (Franza), intlaħaq “ftehim dwar il-kwoti” bejn il-membri permanenti, li kollha kienu preżenti għal din il-laqgħa. Skont dan il-ftehim, is-sitt produtturi kellhom jiskambjaw kull trimestru informazzjoni dwar il-bejgħ tagħhom. Il-preżenza ta’ Austria Draht għal din il-laqgħa ma kinitx irrapportata u l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni dwar din il-laqgħa toriġina minn Nedri, minn Tréfileurope, minn Emesa u minn Arcelor España (fir-rigward ta’ din tal-aħħar, permezz ta’ noti ta’ Emesa ppreżentati fl-2007).

360    Jekk jitqies li rappreżentant ta’ Austria Draht kien fil-fatt assista għal-laqgħa msemmija minn Nedri, il-preżenza tiegħu kienet tippermetti lil Austria Draht tkun informata bl-eżistenza tal-“ftehim ta’ Mejju 1997” u bil-kontenut tal-bejgħ imwettaq fl-1999 minn kull membru permanenti tal-club Europe. F’tali każ, il-laqgħa tal-club Europe tat-28 ta’ Frar 2000 tkun tikkostitwixxi fil-verità “indizj[u] li jissuġġerixx[i] li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”.

361    Madankollu, sa fejn il-preżenza ta’ Austria Draht għal din il-laqgħa ssemmiet biss minn waħda mill-parteċipanti tagħha, jiġifieri minn Nedri, għandu jitqies li, bħala tali, din l-affermazzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ Austria Draht għad-diskussjoni li saret bejn il-membri permanenti dwar il-ftehim tagħhom konkluż f’Mejju 1997. Bl-istess mod, wieħed għandu jistaqsi x’inhi r-raġuni għaliex l-informazzjoni msemmija minn Nedri setgħet ġiet diskussa quddiem persuna li tirrappreżenta kumpannija li ma hijiex parti fil-ftehim inkwistjoni. Jidher li huwa iktar probabbli li d-diskussjoni inkwistjoni nżammet b’kuntest estern għall-kuntest uffiċjali tal-ESIS fl-okkażjoni ta’ laqgħa kważi uffiċjali bejn is-sitt produtturi tal-club Europe.

362    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-minuti tal-laqgħa tal-ESIS redatti minn din l-assoċjazzjoni u prodotti mir-rikorrenti, jirriżulta li l-lista tal-persuni preżenti għal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000 (laqgħa msemmija minn Nedri) u għal-laqgħa tad-29 ta’ Frar 2000 (laqgħa msemmija mill-ESIS) ma hijiex l-istess. Skont Nedri, li d-dikjarazzjoni tagħha hija riprodotta mill-Kummissjoni, persuni li jirrappreżentaw lil Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Tycsa, kif ukoll lil Redaelli, Austria Draht, ITC u Socitrel, kienu preżenti għal-laqgħa tal-club Europe tat-28 ta’ Frar 2000. Skont ir-rikorrenti, li f’dan ir-rigward jiċċitaw il-minuti tal-ESIS dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Frar 2000, minbarra l-persuni ċċitati minn Nedri, kienu preżenti wkoll ħames persuni oħra li ma jissemmewx minn Nedri. Jirriżulta wkoll li s-Sur K., ta’ Tréfileurope, li skont Nedri kien preżenti għal-laqgħa tal-club Europe tat-28 ta’ Frar 2000, ma jissemmiex fil-lista tal-persuni li skont l-ESIS kienu preżenti fil-laqgħa tad-29 ta’ Frar 2000.

363    Dawn id-differenzi jippermettu wkoll li wieħed jimmaġina sitwazzjoni fejn inżammu żewġ laqgħat distinti, dik kważi uffiċjali tal-club Europe u dik uffiċjali u sussegwenti tal-ESIS.

364    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat ukoll, kif jagħmlu r-rikorrenti, li, b’differenza minn laqgħat oħra, ir-rappreżentant ta’ Austria Draht f’din il-laqgħa tal-ESIS ma kienx wieħed mir-rappreżentanti tradizzjonali tagħha, jiġifieri wieħed mid-diretturi tagħha, iżda impjegat ta’ din il-kumpannija. Dan huwa dovut, skont ir-rikorrenti, għall-fatt li l-laqgħa tal-ESIS inkwistjoni kellha tkun iddedikata b’mod partikolari għal standard tekniku (l-istandard EN 10138). F’dan il-kuntest, jidher saħansitra inqas probabbli li r-rappreżentanti tal-membri permanenti jiddeċiedu li jassoċjaw mad-diskussjonijiet tagħhom wieħed mill-impjegati ta’ Austria Draht li qatt ma kienu ltaqgħu miegħu qabel minflok wieħed mid-diretturi ta’ din tal-aħħar.

365    Bħala konklużjoni, jista’ jingħad li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod probatorju l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht fil-laqgħa tal-club Europe tat-28 ta’ Frar 2000.

 Fuq il-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001

366    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa, li nżammet f’Düsseldorf, huwa espost fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-entrata ta’ dan l-anness dwar din il-laqgħa, il-Kummissjoni tippreżenta l-punti koperti mil-laqgħa kif ġej:

–        “Nedri [...]: laqgħa informali fl-okkażjoni tal-laqgħa uffiċjali tal-ESIS; diskussjoni tas-sitwazzjoni tas-suq, tal-kunsinni (kwoti) tal-produtturi Taljani fl-Ewropa u tal-prezzijiet minimi [...]”;

–        “Emesa: [...] [i]ffissar ta’ laqgħat mal-koordinaturi (‘mexxejja’) fl-Italja fit-12, fi Franza fit-18, fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-14, fil-Ġermanja fl-10 u fi Spanja fit-2. [Tingħata wkoll lista tal-koordinaturi]: [rappreżentant ta’ WDI] – il-Ġermanja; [rappreżentant ta’ Tréfileurope] – il-Belġju + Franza; [rappreżentant ta’ Nedri] – Addtek; [rappreżentant ta’ DWK] – l-Awstrija; Tycsa – [xejn!]”;

–        “[d]iskussjoni dwar il-bejgħ imwettaq meta mqabbel mal-bejgħ propost (‘estable v propuestas’) għal kull pajjiż (il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Isvizzera, il-Belġju, Franza)”;

–        “[rappreżentant ta’ Nedri] jipprovdi informazzjoni dwar id-diskussjonijiet li nżammu mal-Italja, b’mod partikolari fl-4 ta’ Ottubru, sabiex il-produtturi Taljani jiġu konvinti jikkollaboraw. Jekk ma jikkollaborawx, Nedri u produtturi oħra ser jidħlu fl-Italja”;

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq fl-Ewropa, u b’mod partikolari fil-Ġermanja. [Rappreżentant ta’ Nedri] jinnota li swieq oħra kellhom jiġu esplorati qabel jitnaqqsu l-prezzijiet u jindika li l-produtturi Taljani għandhom prezz ta’ 11 000 lira (li ‘jissussidja’ l-esportazzjonijiet bi prezz baxx tagħhom) u li qegħdin jipprovaw ibiegħu 60 000 tunnella fl-Ewropa (14 000 fil-Pajjiżi l-baxxi, 10 000 fil-Ġermanja, 18 000 fi Franza, 2 000 fi Spanja, etc.)”;

–        “[n]oti skoperti għand Emesa y Tycsa: Laqgħa tal-kompetituri sabiex jipprovaw jikkontrollaw is-suq tal-Ewropa ċentrali; (laqgħa tal-club Europe): Diskussjoni tas-sitwazzjoni tas-suq fil-Ġermanja u fl-Ewropa. Il-prezzijiet ta’ diversi tipi ta’ prodotti f’diversi pajjiżi Ewropej ġew diskussi fid-dettall u l-prezzijiet minimi ġew iffissati (f’euro) għas-sena 2002 għall-Pajjiżi l-Baxxi, għall-Belġju, għal Franza, għall-Awstrija, għall-Isvizzera, għall-Ġermanja, għal Spanja u għall-Portugall għal kull prodott (skont id-dijametru) b’taxxa addizzjonali fi Franza u fil-Belġju għall-iżgħar klijenti. L-[ispjegazzjoni] taż-żieda fil-prezz li għandha tingħata lill-klijenti hija ż-żieda fil-prezz tal-vireg magħmula minn fili u fin-nefqa enerġetika. Madankollu, Emesa u Tycsa josservaw li l-applikazzjoni reali tal-prezzijiet miftiehma għall-2002 kienet għadha tiddependi min-negozjati li Nedri kien ser ikollha mal-produtturi Taljani u Ungeriżi dwar dan il-punt”;

–        “Tycsa: [rappreżentant ta’ Nedri] jinsab f’kuntatt mal-produtturi Taljani u Ungeriżi fir-rigward tal-prezzijiet li għandhom jiġu osservati u [rappreżentant ta’ Nedri] ser iżomm lill-membri l-oħra tal-club informati. Ġie nnotat li l-prezzijiet għas-sena (li ġejja) ser jiddependu mir-riżultati ta’ dawn id-diskussjonijiet. Il-parteċipanti kollha qablu li kollox mixi tajjeb fl-Ewropa tan-Nofsinhar (Spanja, Portugall, l-Italja u l-Greċja), li l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb fl-Ewropa ċentrali (il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju) u li l-livell tal-prezz baqa’ stabbli fl-Iskandinavja”;

–        “Tycsa: il-parteċipanti ddiskustew ukoll il-koordinazzjoni tagħhom fir-rigward tal-klijent Addtek: ‘Addtek tkellmet ma’ [kompetitur ieħor] sabiex tilmenta dwar l-ammont baxx tal-prezzijiet, dwar il-fatt li [kompetitur ieħor] kien qiegħed ibiegħ bi prezz iżgħar minn tagħha u qalet li jekk kien ser ikompli b’din il-politika ta’ prezz is-sena d-dieħla, huma ma kinux ser jirċievu kilo ieħor mill-Groupe Addtek’”;

–        “DWK (‘Ottubru 2001’): laqgħa ma’ koordinaturi oħra għal kull pajjiż sabiex jiġu diskussi fid-dettall il-prezzijiet”.

367    L-impriżi rrappreżentati f’din il-laqgħa kienu l-membri permanenti u Austria Draht.

368    Din l-informazzjoni toriġina minn diversi sorsi: Nedri, DWK, Tycsa, Emesa u Arcelor España (fir-rigward ta’ din tal-aħħar, permezz tan-noti ta’ Emesa ppreżentati fl-2007) (ara l-Anness A.45 ta-rikors, fir-rigward ta’ minuti redatti minn Tycsa li nstabu matul l-ispezzjoni, inkartament amministrativ, p. 240 sa 242, fir-rigward ta’ noti miktubin bl-idejn ta’ DWK, Anness B.15 tar-risposta u inkartament amministrattiv, p. 11660. 28554 u 28555, fir-rigward ta’ minuti redatti minn Emesa u tan-noti Emesa).

369    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jirriżulta li l-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001 kellha b’mod ċar kontenut antikompetittiv. B’hekk, mill-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001 stabbiliti fiż-żmien meta seħħew il-fatti mir-rappreżentanti ta’ Emesa u ta’ Tycsa jirriżulta li, f’din l-okkażjoni, id-diskussjonijiet kienu dwar il-kwoti ta’ esportazzjoni li kellhom jingħataw lill-produtturi Taljani, dwar il-bejgħ, kif ukoll dwar il-bejgħ li kellu jiġi applikat fl-2002.

370    Jirriżulta wkoll li, f’waħda mill-minuti magħmula minn Emesa kif ukoll fil-minuti magħmula minn Tycsa, tiġi indikata l-preżenza ta’ Austria Draht għal din il-laqgħa. F’dan ir-rigward, il-minuti redatti minn Tycsa, li nstabu matul l-ispezzjoni, huma sinjifikattivi peress li fihom ma humiex indikati biss l-isem u l-funzjonijiet tar-rappreżentant ta’ Austria Draht, wieħed mid-diretturi tagħha, iżda wkoll li, f’din l-okkażjoni, ċerti persuni ppreżentaw is-sostituti tagħhom jew indikaw li kienu qegħdin jissostitwixxu l-predeċessuri tagħhom. F’dan is-sens, dawn il-minuti jippreċiżaw li “Austria Draht ukoll kienet hemm għall-ewwel darba” (“Austria Draht tambien ha estado la primera vez alli”), osservazzjoni din li ssaħħaħ l-assenza ta’ affidabbiltà tal-affermazzjonijiet magħmula minn Nedri, imsemmija fil-punti 340, 344 u 350 iktar ’il fuq u riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-preżenza ta’ dan ir-rappreżentant ta’ Austria Draht fil-laqgħat tal-club Europe tal-25 ta’ Settembru 1997, tal-14 ta’ Ottubru 1998 u tad-9 ta’ Novembru 1998.

371    Madankollu, fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew li, għalkemm jammettu li r-rappreżentant ta’ Austria Draht, is-Sur Ro., kien preżenti għal din il-laqgħa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, meta s-Sur T., ir-rappreżentant ta’ DWK, stieden lis-Sur Ro. sabiex jipparteċipa fi ftehimiet antikompetittivi, dan tal-aħħar kien irrifjuta.

372    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rifjut ma jirriżultax mill-provi disponibbli, b’differenza, pereżempju, mir-rifjut li jirriżulta mill-minuti redatti mis-Sur P. ta’ Emesa, meta Tycsa wieġbet “NO !” għal-lista tal-koordinaturi ppjanata għal diversi pajjiżi (Anness B.15 tar-risposta, p. 257).

373    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li s-Sur Ro. kien ipparteċipa biss għal parti waħda mil-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001, peress li kien qabad l-ajruplan minn Graz (l-Awstrija) għal Düsseldorf (il-Ġermanja) dakinhar stess ta’ din il-laqgħa u peress li kellu jitlaq mil-laqgħa fis-13:45 (l-ajruplan kien jitlaq lura fit-14:50). Għaldaqstant, ir-rikorrenti jikkontestaw li s-suġġetti indirizzati fil-preżenza tas-Sur Ro. setgħu tawh informazzjoni dwar l-akkordju u l-arranġament globali.

374    Madankollu, mill-elementi kkomunikati mir-rikorrenti jirriżulta li dawn jirrikonoxxu li s-Sur Ro. seta’ kien preżenti fil-bini fejn inżammet il-laqgħa (id-Drahthaus, f’Düsseldorf), fis-27 ta’ Settembru 2001, mid-9:35 sas-13:45. Dan il-perijodu huwa biżżejjed sabiex jippermettilu jipparteċipa fil-laqgħa li fir-rigward tagħha l-preżenza tiegħu tissemma speċifikament fil-minuti redatti minn Tycsa (ara l-Anness 7 tar-rikors, p. 51, u inkartament amministrattiv, p. 841 sa 845).

375    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dak li huwa importanti hawnhekk huwa li jkun magħruf jekk il-Kummissjoni tistax tqis, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess, li jeżistu “indizji li jissuġġerixxu li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, [...], bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”.

376    Dan huwa l-każ fir-rigward tal-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001.

377    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li hemm provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li Austria Draht ipparteċipat fil-club Europe.

378    Fil-fatt, minbarra l-affermazzjoni msemmija iktar ’il fuq ta’ Tycsa, waħda mill-membri permanenti, li tagħti x’jifhem li kienet l-ewwel darba li rappreżentant ta’ Austria Draht assista għal laqgħa tal-club Europe (ara l-punt 371 iktar ’il fuq), mill-provi disponibbli jirriżulta wkoll li Austria Draht ma hijiex meqjusa bħala koordinatur għall-Awstrija u li, skont id-data mogħtija dwar dan il-punt mir-rikorrenti, il-prezzijiet ta’ bejgħ minimi li kellhom jiġu applikati fl-2002 fid-diversi pajjiżi msemmija matul il-laqgħa ma jikkorrispondux għall-prezzijiet ta’ bejgħ applikati minn Austria Draht f’dik is-sena, li kienu fil-fatt iktar baxxi.

379    Jirriżulta wkoll li, kif jindikaw ir-rikorrenti, il-preżenza ta’ Austria Draht ma tissemma fir-rigward ta’ ebda laqgħa ulterjuri tal-club Europe. Dan għandu jiġi osservat peress li, fir-rigward ta’ diversi minn dawn il-laqgħat, il-preżenza tas-Sur C. ta’ CB hija rrapportata kif ukoll dik tas-Sur G., li kien jaħdem b’mod partikolari u b’mod essenzjali għal CB matul il-perijodu tal-ksur li bih hija akkużata Austria Draht.

380    B’hekk, fl-10 jew fil-11 ta’ Ottubru 2001, f’Malpensa (l-Italja), erbgħa mill-membri permanenti tal-club Europe (Tréfileurope, Nedri, DWK u Tycsa) kellhom laqgħa ma’ membri tal-club Italia (Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope Italia u SLM), li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ssemmi diversi sorsi ta’ informazzjoni, u li s-suġġett tagħha kien l-“integrazzjoni mal-produtturi Taljani”.

381    Bl-istess mod, fis-6 ta’ Novembru 2001, f’Düsseldorf, il-membri permanenti tal-club Europe kellhom laqgħa ma’ membri tal-club Italia (Redaelli, CB, Itas, ITC, u Tréfileurope Italia), li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ssemmi diversi sorsi ta’ informazzjoni, u li s-suġġett tagħha kien in-“negozjati dwar il-kwoti mal-produtturi Taljani” u l-“allokazzjoni ta’ klijenti”. Il-koordinatur għall-Awstrija msemmi matul dawn il-laqgħat huwa l-istess bħal dak imsemmi matul il-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001, jiġifieri rappreżentant ta’ DWK.

382    Għal darba oħra, fil-5 u fis-6 ta’ Ġunju 2002, f’Düsseldorf, erbgħa mill-membri permanenti tal-club Europe (Tréfileurope, Nedri, WDI u Tycsa) kellhom laqgħa ma’ membri tal-club Italia (Redaelli, CB u Tréfileurope Italia), li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ssemmi diversi sorsi ta’ informazzjoni u li s-suġġett tagħha kien in-“negozjati dwar il-kwoti mal-produtturi Taljani”. Laqgħat simili nżammu fl-1 ta’ Lulju 2002 f’Düsseldorf u fit-2 ta’ Lulju 2002 f’Milano (l-Italja), fil-preżenza tas-Sur C. ta’ CB kif ukoll fil-preżenza tas-Sur G.

383    Ebda informazzjoni msemmija mill-Kummissjoni fl-entrati dwar dawn il-laqgħat fl-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma ddaħħal inkwistjoni lil Austria Draht. Issa, li kieku Austria Draht kienet ipparteċipat fil-club Europe b’effett mill-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa li nżammet f’Düsseldorf fis-27 ta’ Settembru 2001, xi waħda jew oħra mis-sitt produtturi li kienu membri permanenti tal-club Europe u li kkooperaw kollha mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kienet ċertament tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi tali parteċipazzjoni, li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.

384    Barra minn hekk, ma jistax jitqies li meta s-Sur G. attenda għal laqgħa tal-club Europe flimkien mas-Sur C. ta’ CB, sabiex tiġi diskussa l-kwota ta’ esportazzjonijiet li kellha tingħata lill-produtturi prinċipali Taljani sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li dawn kienu jeżerċitaw barra mill-Italja, is-Sur G. kien jikkostitwixxi wkoll unità ekonomika ma’ Austria Draht. Fil-fatt, tali kwistjoni b’mod ċar ma taqax fil-missjoni ta’ rappreżentanza fdata minn Austria Draht lill-aġent tagħha fl-Italja, kif ġie kkonfermat matul is-seduta fid-dawl tat-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet f’dan ir-rigward.

385    Barra minn hekk, ebda prova li tinsab fil-proċess ma tippermetti li jiġi stabbilit li s-Sur G. għadda lil Austria Draht l-iċken element ta’ informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li għalihom ipparteċipa fl-interess ta’ CB (ara l-punti 171 et seq iktar ’il fuq).

386    Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta indikat, fil-premessa 653 tad-deċiżjoni kkontestata, li Austria Draht “attendiet, permezz tas-Sur [G.], għal minn tal-inqas sitt laqgħat iddedikati għall-espansjoni tal-club Europe”, jiġifieri, għal-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001, li fir-rigward tagħha ma jingħadx li s-Sur G. kien preżenti, l-istess bħas-Sur C. ta’ CB, filwaqt li hija attestata l-preżenza ta’ direttur ta’ Austria Draht (ara l-punt 370 iktar ’il fuq), għal-laqgħat tal-10 u tal-11 ta’ Ottubru 2001, tas-6 ta’ Novembru 2001, li matulha s-Sur G. kien innominat bħala koordinatur nazzjonali potenzjali għall-Italja, flimkien mas-Sur A. (Itas) u mas-Sur C. (CB), tal-5 u tas-6 ta’ Ġunju 2002, tal-1 ta’ Lulju 2002 u tat-2 ta’ Lulju 2002 (ara l-punt 305 iktar ’il fuq).

387    Bħala konklużjoni jista’ jingħad li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tinvoka l-provi li hija għandha fir-rigward, minn naħa, tal-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 u, min-naħa l-oħra, tal-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001, mhux sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Europe — ħaġa li barra minn hekk hija ma għamlitx probabbilment minħabba n-natura wisq okkażjonali u iżolata ta’ dawn il-provi — iżda bħala “indizji li jissuġġerixxu li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet anitkompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, [...], bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”.

388    Għalkemm dawn l-indizji jippermettu li jiġi stabbilit li Austria Draht kellha għarfien tal-pjan globali u għalhekk tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur uniku, jirriżulta madankollu li dawn l-indizji ma humiex daqstant “ċari” bħalma tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

c)     Provi li jippermettu li jiġi stabbilit l-għarfien tal-akkordju permezz tal-aġent

389    Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-aġir tal-aġent ta’ Austria Draht fl-Italja jista’ jiġi imputat lilhom, l-għarfien tal-arranġament globali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni b’dan il-mod sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fi ksur uniku.

390    Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li effettivament il-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għarfien tal-pjan globali seta’ jiġi imputat lil Austria Draht minħabba l-preżenza tas-Sur G. flimkien mas-Sur C. ta’ CB f’diversi laqgħat tal-club Europe li fir-rigward tagħha s-Sur G. ma jistax jitqies, minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali f’dan is-sens, li kien qiegħed jintervjeni fl-interess ta’ Austria Draht (ara l-punti 379 sa 386 iktar ’il fuq).

391    Fir-rigward tal-laqgħat tal-club Italia li fihom ġie diskuss il-club Europe, għandu jiġi osservat ukoll li, fir-rigward tal-parti l-kbira minn dawn il-laqgħat u b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li fihom Redaelli jew Tréfileurope Italie ppreżentaw lill-membri tal-club Italia l-punti ewlenin tal-club Europe (bħal-laqgħat tas-16 ta’ Diċembru 1997, tas-26 u tas-27 ta’ Settembru 2000 jew tat-12 ta’ Lulju 2001), il-preżenza tas-Sur G. ma hijiex irrapportata. Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li s-Sur G. kien ipperċepit iktar bħala attur li jintervjeni fil-livell kummerċjali milli fl-ogħla livell deċiżjonali.

392    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, jirriżulta wkoll li, fl-okkażjoni ta’ diversi laqgħat tal-club Italia li fir-rigward tagħhom is-Sur G. għamel intervent bħala aġent fl-Italja fl-interess ta’ Austria Draht, ma ġewx diskussi biss l-aspetti domestiċi tal-club Italia iżda ġie diskuss ukoll l-aspett estern tiegħu, li l-għan tiegħu kien li l-produtturi prinċipali Taljani jikkondividu kwota ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi Ewropej oħra.

393    Bħala eżempju, mill-provi dwar il-laqgħa tal-club Italia tad-19 ta’ Settembru 2000, eżaminati fil-kuntest tal-ewwel motiv, jirriżulta li, minkejja li din il-laqgħa rrigwardat it-tqassim tal-klijenti fis-suq Taljan, punt li kien potenzjalment jinteressa lil Austria Draht, minħabba l-preżenza għal din il-laqgħa tal-aġent tagħha fl-Italja, issemmew ukoll l-esportazzjonijiet u l-fatt li SLM xtaqet tibqa’ barra mill-club Europe (ara l-punt 245 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, huwa wkoll possibbli li lil Austria Draht jiġi imputat l-għarfien miksub mill-aġent tagħha fl-Italja meta dan jaqa’ fil-kuntest tal-unità ekonomika li kienu jifformaw flimkien.

394    F’tali każ, ma huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-prinċipal kellu għarfien tal-aġir antikompetittiv tal-aġent. Fid-dawl tal-kuntratt, u bħal fil-każ ta’ sussidjarja kkontrollata 100 % jew kważi 100 % mill-kumpannija parent tagħha jew fil-każ ta’ impjegat li jaġixxi fl-interess tal-persuna li timpjegah, l-aġent huwa meqjus li jaġixxi f’dan il-kuntest fl-interess tal-prinċipal u jifforma entità waħda miegħu.

395    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha ssir distinzjoni bejn:

–        minn naħa, il-laqgħat tal-club Italia fil-preżenza tas-Sur G. li fihom ma kinux diskussi biss l-aspetti domestiċi tal-club Italia iżda wkoll aspetti pan-Ewropej tal-club Italia, li fir-rigward tagħhom is-Sur G. kien qiegħed jaġixxi kemm bħala rappreżentant ta’ CB u kemm “fl-interess” ta’ Austria Draht fl-Italja, u

–        min-naħa l-oħra, il-laqgħat tal-club Europe, bħala tali, li fir-rigward tagħhom is-Sur G. ma kienx qiegħed jaġixxi bħala aġent ta’ Austria Draht fl-Italja, iżda neċessarjament bħala rappreżentant ta’ CB, mingħajr ma tista’ tiġi stabbilita, fuq il-bażi ta’ dan, l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn is-Sur G. u Austria Draht.

C –  Konklużjoni dwar it-tieni motiv

396    Bħala konklużjoni, jista’ jingħad li l-Kummissjoni tista’ tqis ġustament li, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 sa 128 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 120 u 124, Austria Draht ipparteċipat fil-ksur uniku, f’dan il-każ kumpless, għar-raġunijiet segwenti:

–        minn naħa, Austria Draht “ipparteċipat [...] fil-club Italia, permezz tal-aġent tal-bejgħ tagħha fl-Italja, [...], [is-Sur G.], mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002” (premessa 769 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        min-naħa l-oħra, minkejja li Austria Draht ma hijiex miżmuma responsabbli għal parteċipazzjoni diretta fil-club Zurich jew fil-club Europe, jeżistu ċerti indizji li “jissuġġerixxu li Austria Draht kienet sporadikament implikata f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell pan-Ewropew u li hija kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju” (premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata).

397    L-implikazzjoni ta’ Austria Draht fil-livell pan-Ewropew tal-akkordju tista’ tiġi dedotta kemm mill-parteċipazzjoni diretta ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha fil-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 u fil-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001 u kemm mill-għarfien miksub mis-Sur G. fl-okkażjoni ta’ laqgħat tal-club Italia li kienu jirrigwardaw kemm l-aspetti domestiċi tas-suq Taljan u kemm ċerti aspetti pan-Ewropej tas-settur tal-APS ikkunsidrati mill-perspettiva tal-atturi f’dan is-suq.

398    Għalkemm l-indizji kollha msemmija mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-għarfien tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju ma jistgħux jitqiesu, meta kkunsidrati individwalment, bħala suffiċjentement probatorji, dawn l-indizji, meta kkunsidrati flimkien, huma madankollu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li Austria Draht kellha għarfien tal-livell pan-Ewropew tal-akkordju fis-sens mogħti lil dan il-kunċett mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

399    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

IV –  Fuq it-tielet motiv, dwar il-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sanzjoni

400    Sussidjarjament, fil-każ li jirriżulta li ksur uniku fis-sens iddefinit mill-Kummissjoni jista’ jiġi stabbilit fil-konfront tagħhom, voestalpine u Austria Draht isostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji serji fil-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom, b’mod partikolari minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura sekondarja tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fl-akkordju.

401    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu tliet gruppi ta’ lmenti, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tieni nett, fuq ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2006, jiġifieri l-iffissar żbaljat ta’ ammont addizzjonali u l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti marbuta man-negliġenza jew mal-parteċipazzjoni sostanzjalment limitata fil-ksur u, it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

402    It-tielet grupp ta’ lmenti għandu jiġi miċħud fl-ewwel lok. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba li emendat darbtejn id-deċiżjoni inizjali wara li ntemm it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, il-Kummissjoni ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom u d-dritt għal smigħ xieraq tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qajmet għall-ewwel darba lment dwar laqgħa tat-30 ta’ April 2002 li fir-rigward tiegħu ma kellhomx iktar il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet preliminari tagħhom.

403    Issa, minn naħa, jirriżulta li, fl-okkażjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti setgħu jiksbu kopja tad-deċiżjonijiet ta’ emenda u kellhom ukoll il-possibbiltà li jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn id-deċiżjonijiet, kif jirriżulta mill-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għadhomx jistgħu jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tad-dritt għal smigħ xieraq tagħhom fir-rigward tal-emendi introdotti fid-deċiżjoni inizjali permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda u permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

404    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raġunament finalment adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kontenut tal-laqgħa tat-30 ta’ April 2002, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li dan ma huwiex ilment ġdid fil-veru sens tal-kelma iżda interpretazzjoni ġdida ta’ prova li r-rikorrenti kienu diġà jafu biha. Barra minn hekk, l-emenda tal-analiżi adottata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni kienet ukoll ir-riżultat tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-analiżi l-ġdida fl-okkażjoni tar-rikors ineżami u li l-Qorti Ġenerali tista’, jekk dan ikun neċessarju, tiddeċiedi dwar il-valur probatorju li għandhom jingħataw il-provi relatati ma’ din il-laqgħa. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jsir riferiment għall-punti 264 sa 270 iktar ’il fuq, li fihom il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002.

A –  Fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

405    Ir-rikorrenti jallegaw li multa ta’ EUR 22 miljun hija sproporzjonata meta kkunsidrata fid-dawl ta’ dak li qegħdin jiġu akkużati bih. Skonthom, il-multa ġiet imposta minħabba l-aġir ta’ aġent mhux esklużiv fi ħdan il-club Italia, li dwaru Austria Draht ma kien taf xejn, u minkejja li ma ġietx akkużata li pparteċipat f’arranġamenti antikompetittivi oħra. Barra minn hekk, dan l-aġent, bħalma jagħmlu l-parteċipanti l-oħra tal-club Italia, qiegħed jikkontesta l-fatt li Austria Draht kienet irrappreżentata fl-imsemmi club u, fi kwalunkwe każ, Austria Draht ma tistax titqies li hija membru importanti tal-club Italia. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, ir-rikorrenti kellhom jiġu ssanzjonati biss b’multa simbolika. Fil-każ li jitqies li multa simbolika ma hijiex adegwata, l-ammont tal-multa għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ ta’ APS minn Austria Draht fl-Italja u mhux il-bejgħ ta’ APS fiż-ŻEE kollha. F’dan il-każ, il-parti tal-multa marbuta mal-fatt li kien hemm għarfien tal-ftehimiet fil-livell Ewropew, b’mod iżolat u mingħajr ma kien hemm approvazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, hija ta’ kważi EUR 19-il miljun. Jekk il-bejgħ fl-Italja jittieħed bħala bażi, u skont il-metodu tal-Kummissjoni, il-multa ma kellhiex tkun ta’ iktar minn EUR 3.1 miljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika n-natura proporzjonata tal-multa billi tosserva, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-gravità tikkonċerna biss il-ksur fih innifsu, u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tikkostitwixxix ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-Linji gwida tal-2006. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ kull impriża inkwistjoni u tar-rwol li kellha fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma. Jekk ir-rikorrenti qegħdin jiġu akkużati biss b’parteċipazzjoni fil-club Italia, l-uniku suq rilevanti għall-kalkolu tal-multa huwa, l-iktar l-iktar, l-Italja (rikors, punti 219 sa 233, replika, punti 79 sa 87, 99 u 100).

406    Skont il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li l-uniku lment ifformulat fil-konfront ta’ Austria Draht huwa li kienet “membru” tal-club Italia u, għaldaqstant, li pparteċipat fil-ftehimiet konklużi fi ħdan dan il-club, Austria Draht kienet assistiet ukoll f’sensiela ta’ laqgħat tal-club Europe. Fid-dawl tal-portata ġeografika tal-ftehimiet tal-club Italia u tal-korrelazzjoni mill-qrib tagħhom mal-ftehimiet pan-Ewropej, Austria Draht kienet “ipparteċipat” fl-akkordju kollu. Għaldaqstant, ma huwiex sproporzjonat li d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jkun ibbażat fuq il-bejgħ ta’ APS imwettaq fil-livell Ewropew peress li ma kienx hemm parteċipazzjoni limitata għall-Italja (risposta, punti 93 u 98; kontroreplika, punti 51 sa 54).

407    Sabiex jiġu eżaminati dawn l-argumenti, jidher li huwa f’loku li jitfakkru l-prinċipji li japplikaw sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni individwali ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

1.     Proporzjonalità tas-sanzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha

408    Mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata fil-konfront tal-ksur.

409    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE jiddikjaraw espliċitament li huma inkompatibbli mas-suq intern il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet oħra tan-negozju, jew li jikkonsistu fil-limitazzjoni jew fil-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu involuti akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala ksur partikolarment gravi peress li jkollu impatt dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra, EU:T:1999:48, punt 675).

410    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq l-impriżi li jipparteċipaw f’tali ksur, bil-kundizzjoni li, fir-rigward ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma taqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti. L-Artikolu 23(3) tal-imsemmi regolament jindika wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

411    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imsemmi, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-rwol li kellha kull waħda mill-partijiet fil-ksur u r-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 4949 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni minn kull waħda minnhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra, EU:C:1999:357, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

412    Bl-istess mod, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fil-komponenti kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom tkun ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-multa (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 90, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 86) (ara l-punt 124 iktar ’il fuq).

413    Meta jkun hemm b’mod partikolari ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless, li jiġbor fih grupp sħiħ ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fi swieq differenti li fihom l-impriżi li wettqu l-ksur ma jkunux preżenti kollha jew jista’ jkollhom biss għarfien parzjali tal-pjan globali, is-sanzjonijiet għandhom jiġu individwalizzati, fis-sens li għandhom ikunu marbuta mal-aġir u mal-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punt 44).

414    F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-multa għandha tiġi ffissata b’mod proporzjonali għall-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità oġġettiva tal-ksur, bħala tali, u kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur mill-impriża ssanzjonata (ara, f’dan is-sens u fid-dawl tad-distinzjoni li saret minn dak iż-żmien lil hawn bejn il-gravità oġġettiva tal-ksur, fis-sens tal-punti 22 u 23 tal-Linji gwida tal-2006, u l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur mill-impriża ssanzjonata, evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari għal din l-impriża fis-sens tal-punti 27 et seq ta’ dawn il-linji gwida, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punti 226 sa 228 u l-ġurisprudenza ċċitata).

415    B’hekk, fir-rigward ta’ sanzjoni imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordji, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tindividwalizza l-pieni fir-rigward tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull impriża li wettqet il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Lucite International u Lucite International UK vs Il-Kummissjoni, T‑216/06, EU:T:2011:475, punti 87 u 88, tas-16 ta’ Settembru 2013, Hansa Metallwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑375/10, EU:T:2013:475, punt 80 u tal-14 ta’ Mejju 2014, Donau Chemie vs Il-Kummissjoni, T‑406/09, Ġabra, EU:T:2014:254, punt 92). B’hekk, impriża li wettqet il-ksur li ma tinżammx responsabbli għal ċerti aspetti ta’ ksur uniku ma setax ikollha rwol fl-implementazzjoni tal-imsemmija aspetti. Minħabba l-portata limitata tal-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħha, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-impriżi li wettqu l-ksur u li jkunu pparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ksur.

416    Fil-prattika, l-individwalizzazzjoni tal-piena fir-rigward tal-ksur tista’ titwettaq f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, kif huwa l-każ fid-deċiżjoni kkontestata.

417    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur uniku. F’dan il-każ, l-elementi li ħadet inkunsiderazzjoni f’dan l-istadju kienu, minn naħa, il-limitazzjoni materjali (il-każ ta’ Fundia li pparteċipat biss fil-koordinazzjoni dwar Addtek) jew ġeografika (il-każ ta’ Socitrel, Fapricela u Proderac li pparteċipaw biss fil-club España, li kien jaffettwa biss lil Spanja u lill-Portugall) tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u, min-naħa l-oħra, il-kisba tardiva tal-għarfien tad-dimensjoni pan-Ewropea ta’ dan il-ksur (Mejju 2001 għall-impriżi ċċitati iktar ’il fuq).

418    Fir-rigward ta’ Austria Draht, mill-premessi 947 sa 949 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta l-Kummissjoni evalwat il-portata ġeografika tal-ksur uniku, hija ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ APS imwettaq fi Spanja u fil-Portugall għaliex Austria Draht ma kinitx attiva fi ħdan il-club España, minħabba li dawn iż-żewġ pajjiżi kienu jagħmlu wkoll parti mill-portata ġeografika tal-club Italia.

419    Ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, fir-rigward tar-rikorrenti, huwa bbażat, kif tafferma fin-noti tagħha, fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, jiġifieri fuq ċertu numru ta’ fatturi bħalma huma n-natura tal-ksur uniku, is-sehem tas-suq kumulat tal-partijiet kkonċernati kollha, il-portata ġeografika u jekk l-akkordju globali kienx implementat jew le (ara l-punt 22 tal-Linji gwida tal-2006), u mhux fuq l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni individwali ta’ impriża partikolari fil-ksur.

420    It-tieni nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 fil-kuntest tal-evalwazzjoni global taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara l-punt 27 tal-Linji gwida tal-2006). Għalkemm ebda impriża, inklużi r-rikorrenti, ma rnexxielha tipproduċi l-prova mitluba mill-Kummissjoni fis-sens li l-ksur kien twettaq minħabba negliġenza, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rwol ta’ Proderac u ta’ Trame (Emme) kien sostanzjalment iktar limitat minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li għalhekk kellhom jingħataw tnaqqis tal-ammont tal-multa (f’dan il-każ ta’ 5 %).

421    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew il-prova li l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku kienet sostanzjalment iktar limitata mill-parteċipazzjoni tal-oħrajn. Il-livell ta’ prova meħtieġ mill-Kummissjoni sabiex jiġi ssodisfatt dan il-kriterju huwa partikolarment għoli peress li l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ tali ċirkustanzi għandha tistabbilixxi li, “matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, [hija] kienet effettivament astjeniet milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

422    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni qieset li ċ-ċifri dwar id-dħul mill-bejgħ għall-perijodu 1998-2001 (aspett kwoti) u għall-perijodu 2001-2002 (aspett prezzijiet) ippreżentati minn Austria Draht ma kinux suffiċjenti peress li kienu ċċertifikati biss minn Austria Draht u peress li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li okkażjonalment l-istruzzjonijiet dwar il-prezzijiet iffissati jew dwar il-kwoti jew il-klijenti allokati ma kinux segwiti ma jistabbilixxix, fih innifsu, li parti ma kinitx implementat il-ftehimiet kollużivi (premessi 1016 u 1018 tad-deċiżjoni kkontestata).

423    It-tielet nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fi stadju ulterjuri għal dak tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-impriżi kkonċernati. F’dan is-sens, il-punt 36 tal-Linji gwida tal-2006 jindika li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, timponi multa simbolika u li hija tista’ wkoll, kif indikat fil-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, ma timxix mal-metodoloġija ġenerali esposta fir-rigward tal-iffissar tal-multi, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi partikolari ta’ każ individwali.

424    F’dan il-każ, la fl-istadju inizjali tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, la fl-istadju ulterjuri tad-diskussjoni dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti u lanqas f’xi stadju ieħor, il-Kummissjoni ma aċċettatx li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari allegata mir-rikorrenti fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

425    Għaldaqstant, fl-assenza tal-iċken ċirkustanza attenwanti jew ta’ ċirkustanza partikolari, il-Kummissjoni applikat għar-rikorrenti l-istess formula bħal dik użata sabiex jiġu ssanzjonati l-impriżi li kienu pparteċipaw fil-komponenti kollha tal-akkordju globali u mhux biss f’uħud minnhom. Din il-formula hija s-segwenti: 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ APS mill-impriża kkonċernata fiż-ŻEE (minħabba l-gravità tal-ksur bħala tali) immultiplikat bin-numru ta’ snin u xhur ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (it-tul tal-parteċipazzjoni individwali ta’ Austria Draht fil-ksur), li miegħu jiżdied 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ APS tal-impriża kkonċernata fiż-ŻEE (bħala ammont addizzjonali).

426    Fil-każ tar-rikorrenti, peress li r-riżultat ta’ din il-formula, jiġifieri multa ta’ EUR 22 miljun, huwa inqas minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul is-sena kummerċjali rilevanti preċedenti għas-sanzjoni, il-Kummissjoni imponiet din is-sanzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

2.     Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti

427    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina jekk, meta ssanzjonat lir-rikorrenti b’multa ta’ EUR 22 miljun kkalkolata b’mod partikolari fid-dawl tal-bejgħ kollu ta’ APS imwettaq fiż-ŻEE minn Austria Draht, fid-dawl tal-gravità oġġettiva tal-ksur bħala tali, fid-dawl tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia permezz tas-Sur G, u mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-ebda ċirkustanza attenwanti (ara l-punti 103 sa 115 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni evalwatx b’mod adegwat iċ-ċirkustanzi tal-każ u jekk b’hekk stabbilixxietx sanzjoni proporzjonata fir-rigward tal-ksur uniku li bih hija akkużata Austria Draht.

a)     Modalitajiet tal-parteċipazzjoni fil-club Italia

428    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-club Italia, jistgħu jsiru tliet osservazzjonijiet sabiex tiġi evalwata s-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq Austria Draht fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-kuntest tal-ewwel motiv.

429    L-ewwel nett, kif barra minn hekk issostni l-Kummissjoni, il-ftehimiet konklużi fi ħdan il-club Italia kellhom effettivament portata ġeografika li tmur lil hinn mill-Italja. Minbarra l-aspett Taljan ta’ dan il-club, dan il-club ippermetta wkoll lil ċertu numru ta’ impriżi, jiġifieri l-parti ċentrali komposta minn Redaelli, minn CB, minn ITC u minn Itas (preżenti fl-Italja) kif ukoll minn Tréfileurope (preżenti fl-Italja u fil-bqija tal-Ewropa), iżda wkoll lil impriżi Taljani iżgħar oħra (bħal SLM), li jikkoordinaw l-isforzi tal-produtturi Taljani fir-rigward tal-esportazzjoni u, b’mod simetriku, li jiddefinixxu politika komuni bħala reazzjoni għat-tentattivi tal-produtturi tal-pajjiżi Ewropej l-oħra (bħal Tycsa, Nedri u DWK li kienu okkażjonalment jintervjenu fil-club Italia) li jillimitaw dawn l-isforzi billi jipproponu lill-produtturi Taljani kwota ta’ esportazzjoni fil-bqija tal-Ewropa.

430    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Austria Draht, li ma kinitx produttur Taljan li kien jesporta lejn il-bqija tal-Ewropa, la kienet u lanqas ma setgħet tkun involuta fl-attivitajiet tal-membri tal-club Italia li kienu intiżi li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-esportazzjoni. Dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

431    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, ir-rappreżentant ta’ Austria Draht fi ħdan il-club Italia ma setax jaġixxi fl-interess ta’ Austria Draht lil hinn mill-attività li kienet ġiet fdata lilu, jiġifieri r-“rappreżentanza esklużiva għall-Italja” fir-rigward tal-APS. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li n-natura tal-attività fdata lis-Sur G. minn Austria Draht kienet magħrufa perfettament mill-parteċipanti tal-club Italia (bħal, pereżempju, Tréfileurope, ITC jew CB).

432    Ebda element ma jippermetti li jiġi stabbilit li s-Sur G. kien meqjus bħala li jista’ jorbot lil Austria Draht lil hinn mill-Italja.

433    Anki tali limitazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti peress li dan l-element huwa wkoll ta’ natura li jillimita l-portata ġeografika tal-aġir tas-Sur G. fi ħdan il-club Italia. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni taf b’dan il-limitu peress li ma timputax lil Austria Draht, iżda lil CB biss, l-aġir tas-Sur G. fi ħdan il-club Europe. Għalhekk, fil-parti dwar l-“arranġamenti pan-Ewropej: club Europe (1997-2002)” tal-Anness 1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-“ismijiet tal-impjegati implikati” f’dawn l-arranġamenti huma dawk tas-Sur Ra. u tas-Sur Ro. għal Austria Draht u, b’riferiment, dak tas-Sur G., fost persuni oħra, għal CB. L-istess jista’ jingħad għall-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-club Europe. Għall-kuntrarju, l-isem tas-Sur G. jissemma fil-parti dwar il-“Club Italia” tal-Anness 1.2 tad-deċiżjoni kkontestata kemm għal Austria Draht (fejn isir riferiment għalih bħala l-“aġent tal-bejgħ għall-Italja” tagħha) u kemm għal CB (permezz ta’ Studio Crema).

434    It-tielet nett, għandu jiġi osservat ukoll li, irrispettivament minn x’seta’ għamel is-Sur G. fi ħdan il-club Italia (fl-interess ta’ Austria Draht jew le), il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Austria Draht kellha għarfien ta’ dan. Ebda element tal-proċess, u b’mod partikolari kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni ebda wieħed mid-dokumenti skambjati bejn is-Sur G. u Austria Draht prodotti bi tweġiba għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, ma jippermetti li jiġi stabbilit din l-għarfien.

435    Issa, filwaqt li l-aġir tas-Sur G. fi ħdan il-club Italia jista’ jiġi imputat direttament lil Austria Draht, peress li dan l-aġir jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet imwettqa fl-interess ta’ Austria Draht mill-aġent, irrispettivament minn jekk Austria Draht kellhiex għarfien ta’ dan l-aġir jew le, dan l-aġent jista’ jitqies biss bħala organu awżiljarju ta’ CB meta l-interventi tiegħu ma jkunux fl-interess ta’ Austria Draht.

436    F’dan il-kuntest, għandu jitqies li, mill-aspett fattwali u għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni, il-portata ġeografika tal-aġir tas-Sur G. fi ħdan il-club Italia ma tistax teċċedi l-Italja fid-dawl, minn naħa, tal-limitazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ kwalunkwe prova tal-fatt li, meta s-Sur G. ma kienx qiegħed jaġixxi fl-interess ta’ Austria Draht sabiex jikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fl-Italja, huwa kien xorta waħda jikkomunikalha l-informazzjoni li seta’ jkun kiseb fi ħdan il-club Italia fir-rigward tal-aspetti mhux Taljani ta’ dan il-club. Fil-fatt, li kieku dan il-każ, kif fil-fatt ma huwiex, Austria Draht kienet allura tkun f’pożizzjoni li tadatta l-aġir tagħha fis-swieq li fuqhom kienet ukoll preżenti (pereżempju, is-suq Awstrijak jew is-suq Belġjan u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi).

b)     Assenza ta’ parteċipazzjoni fil-club Europe u fl-arranġamenti l-oħra

437    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-implikazzjoni sporadika ta’ Austria Draht fi ħdan il-club Europe, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li s-sempliċi fatt li Austria Draht seta’ kellha għarfien tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq f’dawn is-swieq, li fir-rigward tagħhom bl-ebda mod ma huwa stabbilit li Austria Draht kellha aġir antikompetittiv.

438    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li Austria Draht kienet ipparteċipat fil-club Europe, kif lanqas ma għamlet barra minn hekk fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-akkordju globali (ara l-punti 460 sa 462 iktar ’il fuq). “Implikazzjoni sporadika”, li tirriżulta minn “indizji”, li barra minn hekk huma inqas numerużi minn kemm tqis il-Kummissjoni, u li jwasslu għall-konklużjoni li Austria Draht “kienet għalhekk taf, fi stadju bikri, bil-livell pan-Ewropew tal-akkordju”, ma tistax titqies li hija ekwivalenti għal parteċipazzjoni effettiva u kontinwa fil-club Europe. F’dan il-każ, ma huwiex possibbli li wieħed imur lil hinn mill-affermazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li Austria Draht ma pparteċipatx fil-club Europe u wisq inqas fil-club Zurich, fil-club España jew fil-ftehim tan-Nofsinhar.

439    Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tista’ tiġi ssostanzjata permezz ta’ diversi elementi tal-proċess li jindikaw ir-rieda ta’ Austria Draht, fis-swieq minbarra dak tal-Italja fejn ma kinitx tuża s-servizzi tas-Sur G., li ma tkun involuta f’ebda koordinazzjoni tal-aġir fir-rigward tal-prezzijiet, tal-kwantitajiet jew tal-klijenti.

440    F’dan ir-rigward, fost elementi oħra, jista’ jsir riferiment għad-data kummerċjali pprovduta mir-rikorrenti fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jistabbilixxu l-aġir kompetittiv tagħhom. F’dan il-każ, din id-data ġiet imwarraba a priori mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata minħabba li kienet iċċertifikata biss minn Austria Draht (premessa 1018 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fil-każ ta’ dubju dwar il-veraċità tal-informazzjoni ppreżentata mill-akkużata sabiex tiddefendi ruħha fil-konfront tal-ilmenti magħmula kontriha minn awtorità amministrattiva, kien ikun faċli għall-Kummissjoni li tivverifika l-informazzjoni trażmessa mad-diversi partijiet ikkonċernati billi tibgħatilhom talba għal informazzjoni. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-“fatt li okkażjonalment l-istruzzjonijiet dwar il-prezzijiet iffissati u/jew dwar il-kwoti jew il-klijenti allokati ma kinux segwiti ma jistabbilixxix, fih innifsu, li parti ma kinitx implementat il-ftehimiet kollużivi” (premessi 1016 u 1018 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, tali raġuni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi miċħuda kull rilevanza ta’ data, preċiża u ddettaljata, li tikkonċerna perijodi sinjifikattivi. Tali data hija rilevanti bħala prova li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux kollużiva tal-aġir espost.

441    Il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fis-sens li r-rikorrenti ma pparteċipawx fl-akkordju globali fir-rigward mhux biss, u espliċitament, il-club Europe, iżda wkoll, impliċitament u neċessarjament, fil-komponenti l-oħra ta’ dan l-akkordju (club Zurich, club España, ftehim tan-Nofsinhar, …) tikkostitwixxi element li kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tas-sanzjoni li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

B –  Konklużjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

442    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti hija sproporzjonata minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tas-sitwazzjoni ta’ Austria Draht meta ssanzjonat lir-rikorrenti b’multa ta’ EUR 22 miljun, ikkalkolata b’mod partikolari fid-dawl tal-bejgħ kollu ta’ APS imwettaq fiż-ŻEE minn Austria Draht, fid-dawl tal-gravità oġġettiva tal-ksur bħala tali, fid-dawl tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia permezz tas-Sur G, u mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-ebda ċirkustanza attenwanti.

443    B’mod partikolari, is-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti b’ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Austria Draht pparteċipat biss f’aspett wieħed tal-ksur uniku (il-club Italia, u dan permezz tas-Sur G.) u li, fir-rigward ta’ dan l-aspett, minħabba li ma hemmx provi f’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li kemm l-għan u kemm l-effetti ta’ din il-parteċipazzjoni setgħu jmorru lil hinn mit-territorju Taljan.

444    Kif jindikaw b’mod espliċitu r-rikorrenti, il-fatt irrikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata li Austria Draht ma pparteċipatx fil-ftehimiet kollha ssanzjonati mill-Kummissjoni ma huwiex rifless f’multa ta’ ammont iżgħar. Għall-kuntrarju, filwaqt li tirrikonoxxi li Austria Draht ma pparteċipatx fil-livell Ewropew tal-akkordju u fl-assenza ta’ provi li jindikaw aġir antikompetittiv min-naħa ta’ Austria Draht lil hinn mit-territorju Taljan, il-Kummissjoni imponitilhom multa kkalkolata fuq il-bażi tal-bejgħ tagħhom fil-livell Ewropew, bir-riżultat li r-rikorrenti kienu suġġetti għal multa identika għal dik li kienu jkunu suġġetti għaliha li kieku kienet imputata lilhom parteċipazzjoni minn Austria Draht fl-aspetti kollha tal-ksur uniku.

445    F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, ċerti karatteristiċi partikolari speċifiċi għas-sitwazzjoni ta’ Austria Draht, bħalma huma, l-ewwel nett, il-limitazzjoni territorjali tal-kuntratt ta’ aġenzija tas-Sur G., li kien jawtorizzah jaġixxi fl-interess tar-rikorrenti fir-rigward tal-bejgħ fl-Italja biss u, it-tieni nett, l-assenza ta’ kull prova li tippermetti li jiġi stabbilit li, anki li kieku s-Sur G. seta’ kellu għarfien ta’ elementi oħra għajr dawk dwar il-bejgħ fl-Italja, huwa kien għadda dan l-għarfien lil Austria Draht, li allura kienet tkun tista’ tirregola l-aġir tagħha fid-dawl ta’ dan l-għarfien fis-swieq l-oħra tal-APS minbarra dak Taljan.

446    Fil-fatt, impriża li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku tkun stabbilita fir-rigward ta’ diversi komponenti ta’ dan l-akkordju tikkontribwixxi iktar għall-effikaċja u għall-gravità tiegħu milli tagħmel impriża li tkun ipparteċipat biss f’wieħed mill-komponenti tiegħu. Għaldaqstant, l-ewwel impriża twettaq ksur iktar gravi minn dak imwettaq mit-tieni waħda, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-sanzjoni.

447    Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa annullat sa fejn jimponi sanzjoni sproporzjonata fuq voestalpine u fuq voestalpine Wire Rod Austria Draht GmbH.

448    Il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali u li ntalbet l-eżerċizzju tagħha f’din il-kawża.

449    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew dwar l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2006, liema argumenti ma humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-eżitu tal-evalwazzjoni preċedenti.

V –  Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

450    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, b’hekk, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

451    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T-11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

452    F’dan il-każ, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi segwenti.

453    Fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova li, permezz tas-Sur G., l-aġent tagħha fl-Italja, Austria Draht ipparteċipat f’diversi laqgħat tal-club Italia, li kkonċernaw l-attribuzzjoni ta’ kwoti u l-iffissar tal-prezzijiet fis-suq Taljan. Tali arranġamenti jaqgħu, minħabba n-natura tagħhom, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Din il-parteċipazzjoni bdiet fil-15 ta’ April 1997 u kompliet, mingħajr waqfien sinjifikattiv, sal-jum li fih il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini ta’ CB, l-impriża l-oħra li fir-rigward tagħha s-Sur G. kien jeżerċita funzjonijiet.

454    Il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Italia, permezz tas-Sur G., li lilu Austria Draht kienet fdat is-setgħa li jinnegozja l-bejgħ tal-APS tagħha fl-Italja, hija element essenzjali għall-evalwazzjoni tas-sanzjoni.

455    Fit-tieni lok, jista’ ġustament jitqies li Austria Draht kienet “sporadikament implikata” fid-diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell pan-Ewropew. Dan jirriżulta kemm mill-parteċipazzjoni diretta ta’ rappreżentant ta’ Austria Draht fil-laqgħa tal-club Zurich tad-9 ta’ Jannar 1996 u fil-laqgħa tal-club Europe tas-27 ta’ Settembru 2001 u kemm mill-fatt li, permezz tal-preżenza tiegħu għal ċerti laqgħat tal-club Italia li fihom is-Sur G. aġixxa bis-saħħa tal-funzjonijiet fdati lilu minn Austria Draht, dan tal-aħħar seta’ jkollu għarfien ta’ informazzjoni li ma tikkonċernax biss l-aspetti domestiċi tas-suq Taljan iżda wkoll is-swieq li lejhom kienu jesportaw il-produtturi li jinsabu fl-Italja, b’mod partikolari, is-suq Ġermaniż, dak Spanjol u dak Franċiż.

456    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, b’mod inċidentali, l-implikazzjoni sporadika diretta u indiretta ta’ rappreżentanti ta’ Austria Draht f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell pan-Ewropew.

457    Fit-tielet lok, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni fil-ksur uniku li bih hija akkużata Austria Draht hija kkaratterizzata minn ċertu numru ta’ karatteristiċi partikolari.

458    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Austria Draht kienet ipparteċipat fil-club Zurich, fil-club Europe jew fil-club España, li jikkostitwixxu aspetti essenzjali tal-ksur uniku. Din il-karatteristika partikolari hija iktar u iktar notevoli fid-dawl tal-fatt li, fuq il-livell kummerċjali, Austria Draht, b’differenza mis-Sur G., ma kellhiex interess reali li tkun imsieħba fil-club Italia. Fil-fatt, jekk jitqies li Austria Draht kienet ipparteċipat fil-ksur uniku kif ikkaratterizzat mill-Kummissjoni permezz tar-riżorsi tagħha stess, u mhux permezz tas-Sur G., l-interessi kummerċjali kienu pjuttost li taħdem fi ħdan il-club Europe, li kien jiġbor fih il-produtturi li ma jwettqux il-parti essenzjali tal-bejgħ tagħhom fl-Italja, sabiex tiġġieled b’mod partikolari kontra l-esportazzjonijiet imwettqa fit-territorju tal-club Europe mill-produtturi essenzjalment preżenti fl-Italja.

459    Issa, ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li d-diskussjonijiet li għalihom rappreżentant ta’ Austria Draht seta’ assista fl-1996 u fl-2001 kienu segwiti b’laqgħat oħra li jippermettu li minflok tiġi stabbilita l-“implikazzjoni sporadika” ta’ Austria Draht fil-club Europe tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħha f’dan il-club. B’mod partikolari u bħala eżempju, għandu jiġi osservat li d-diversi provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma jippermettu li jiġi stabbilit li Austria Draht kellha aġir li jikkostitwixxi ksur fl-Awstrija. Anzi, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jsostnu, mingħajr ma ġew kontradetti b’mod probatorju mill-Kummissjoni, li l-membri tal-akkordju kienu jipperċepixxu lil din il-kumpannija bħala theddida u ostakolu għall-aġir tagħhom f’dan l-Istat Membru, bħal barra minn hekk fil-bqija taż-ŻEE.

460    Fir-rigward ta’ dan il-punt, jirriżulta effettivament, kif ġie rrikonoxxut matul is-seduta mill-Kummissjoni, li, fid-dawl tal-proċess, li huwa kkaratterizzat b’mod partikolari fir-rigward tal-club Europe mill-kooperazzjoni tas-sitt produtturi (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), xi waħda jew l-oħra minn dawn is-sitt produtturi kienet neċessarjament tinnota l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-club Europe li kieku dan kien il-każ.

461    Il-konklużjoni li Austria Draht u, għaldaqstant, voestalpine ma pparteċipawx fil-club Europe tgħodd ukoll kemm fil-każ ta’ parteċipazzjoni diretta ta’ Austria Draht fil-club Europe permezz tal-impjegati tagħha u kemm fil-każ ta’ parteċipazzjoni ta’ Austria Draht f’dan il-komponent tal-ksur uniku permezz tas-Sur G.

462    Fil-fatt, minbarra l-assenza ta’ provi li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod konklużiv li kien hemm tali parteċipazzjoni matul it-tul tal-ksur uniku li bih hija akkużata Austria Draht kif ukoll minbarra l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza li jistgħu jinvokaw ir-rikorrenti, għandu jiġi osservat ukoll, minn naħa, li l-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu, fil-premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx qiegħda żżomm lil Austria Draht responsabbli għal parteċipazzjoni diretta fil-club Europe, u lanqas barra minn hekk fil-club Zurich li kien ippreċedih. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni stess ikkunsidrat ukoll, fl-Annessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-club Europe, li l-aġir li jikkostitwixxi ksur li seta’ jiġi invokat fil-konfront tas-Sur G. fir-rigward ta’ dan il-club kien imputabbli lil CB u mhux lil Austria Draht, u dan minħabba l-limitazzjoni territorjali tal-attivitajiet fdati minn Austria Draht lis-Sur G.

463    It-tieni nett, jirriżulta, fi kwalunkwe każ, li matul it-tul kollu tal-ksur is-Sur G. wettaq tranżazzjonijiet fl-interess ta’ Austria Draht fir-rigward tas-suq Taljan biss. Din il-karatteristika tal-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku li tirriżulta mill-kuntratt konkluż mas-Sur G. kienet ikkonfermata wkoll mir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, mingħajr ma ġew kontradetti b’mod probatorju mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

464    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li Austria Draht kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-Sur G., u dan jgħodd kemm fir-rigward tas-suq Taljan, li fih is-Sur G. kien awtorizzat jintervjeni, u kemm fir-rigward tas-swieq l-oħra, li fihom huwa qatt ma wettaq tranżazzjonijiet fl-interess ta’ Austria Draht.

465    Għaldaqstant, jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku kienet dovuta għas-Sur G., l-aġent tagħha fl-Italja, li lilu Austria Draht kienet fdat l-attivitajiet kummerċjali tagħha f’dan il-pajjiż u li fir-rigward tiegħu ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li kien għadda lil Austria Draht l-iċken element dwar l-għarfien miksub minħabba l-aġir antikompetittiv tiegħu. Tali sitwazzjoni ma hijiex irrilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sanzjoni.

466    Għaldaqstant, huwa essenzjalment l-aġir antikompetittiv tas-Sur G., li għandu jitqies li twettaq fl-interess ta’ Austria Draht, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Austria Draht. Bħalma għamlet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa wkoll xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-implikazzjoni sporadika ta’ Austria Draht f’diskussjonijiet antikompetittivi fil-livell pan-Ewropew mingħajr ma dan jista’ madankollu jivvalida l-idea li jista’ jkun f’loku li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fid-dawl tal-bejgħ kollu ta’ APS imwettaq minn Austria Draht fi ħdan iż-ŻEE.

467    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li multa ta’ EUR 7.5 miljun tippermetti li jiġi ssanzjonat b’mod effikaċi l-aġir illegali ta’ Austria Draht b’mod li ma huwiex negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kwalunkwe multa ta’ ammont ogħla tkun sproporzjonata fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti u evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku.

468    Għar-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, għandu jitqies li voestalpine hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din il-multa.

469    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel nett, il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jimponi fuq ir-rikorrenti multa sproporzjonata sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni ta’ Austria Draht fil-ksur uniku mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, it-tieni nett, l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għandu jitnaqqas minn EUR 22 miljun għal EUR 7.5 miljun u, it-tielet nett, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

470    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

471    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, fid-dawl tat-tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti, li għalhekk għandhom ibatu terz tal-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010 u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal-4 ta’ April 2011, huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq voestalpine AG u fuq voestalpine Wire Rod Austria GmbH huwa mnaqqas minn EUR 22 miljun għal EUR 7.5 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ voestalpine u ta’ voestalpine Wire Rod Austria.

5)      Voestalpine u voestalpine Wire Rod Austria għandhom ibatu terz tal-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem

Werrej


Is-suġġett tat-tilwima

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-settur li huwa s-suġġett tal-proċedura

A –  Il-prodott

B –  L-istruttura tal-offerta

C –  L-istruttura tad-domanda

D –  Il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-ŻEE

II –  Voestalpine u Austria Draht

III –  Il-proċedura amministrattiva

A –  L-ewwel talba għal klemenza u immunità mogħtija lil DWK

B –  Ispezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni

C –  Talbiet oħra għal klemenza u r-risposti mogħtija mill-Kummissjoni

D –  Ftuħ tal-proċedura u dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

E –  Aċċess għall-fajl, smigħ u kapaċità ta’ ħlas

F –  Talbiet komplementari għal informazzjoni

IV –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Osservazzjonijiet preliminari

A –  Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Komponenti tal-akkordju u karatterizzazzjoni tal-ksur uniku

2.  Elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ Austria Draht u ta’ voestalpine

a)  Il-kuntratt mas-Sur G.

b)  Il-club Italia (mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002)

c)  Il-club Europe u s-sistema pan-Ewropea

3.  Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u tul individwali ta’ responsabbiltŕ

a)  Is-sitwazzjoni ta’ Austria Draht

b)  Is-sitwazzjoni ta’ voestalpine

4.  Kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq voestalpine u fuq Austria Draht

B –  Tfakkir tal-prinċipji

1.  Prova tal-eżistenza u tat-tul tal-ksur

2.  Kunċett ta’ ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless

3.  Kunċett ta’ tbegħid fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa

II –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li r-rikorrenti pparteċipaw f’komponent tal-ksur uniku permezz tal-aġent tagħhom fl-Italja

A –  Imputazzjoni tal-aġir tal-aġent lill-prinċipal

1.  Kundizzjonijiet għall-imputabbiltà tal-aġir tal-aġent lill-prinċipal

2.  Kuntratt ta’ aġenzija u teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku

3.  Impatt tar-rappreżentanza doppja eżerċitata mill-aġent

4.  Assenza ta’ għarfien, ta’ kontroll u ta’ approvazzjoni

B –  Provi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent

1.  Fuq il-laqgħa tal-15 ta’ April 1997

2.  Fuq il-laqgħa tal-24 ta’ Ġunju 1997

3.  Fuq il-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 1998

4.  Fuq il-laqgħa tat-30 ta’ Marzu 1998

5.  Fuq il-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 1998

6.  Fuq il-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1998

7.  Fuq il-laqgħa tat-18 ta’ Jannar 1999

8.  Fuq il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 1999

9.  Fuq il-laqgħa tat-12 ta’ Jannar 2000

10.  Fuq il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000

11.  Fuq il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2001

12.  Fuq il-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2001

13.  Fuq il-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002

14.  Fuq il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002

15.  Fuq il-laqgħat u d-dokumenti l-oħra ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata

C –  Fuq id-diversi dikjarazzjonijiet imsemmija mill-partijiet

D –  Tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ Austria Draht

E –  Konklużjoni dwar l-ewwel motiv

III –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljat meta qiest li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku li jiġbor fih b’mod partikolari l-club Italia u l-club Europe

A –  Parteċipazzjoni f’komponent tal-ksur uniku

B –  Għarfien tal-livell pan-Ewropew tal-akkordju

1.  Provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

2.  Analiżi tal-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

a)  Provi dwar il-club Zurich

Fuq il-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 1995

Fuq il-laqgħa tad-9 ta’ Jannar 1996

b)  Provi dwar il-club Europe

Fuq il-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1998

Fuq il-laqgħa tad-9 ta’ Novembru 1998

Fuq il-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000

Fuq il-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2001

c)  Provi li jippermettu li jiġi stabbilit l-għarfien tal-akkordju permezz tal-aġent

C –  Konklużjoni dwar it-tieni motiv

IV –  Fuq it-tielet motiv, dwar il-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sanzjoni

A –  Fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.  Proporzjonalità tas-sanzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha

2.  Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti

a)  Modalitajiet tal-parteċipazzjoni fil-club Italia

b)  Assenza ta’ parteċipazzjoni fil-club Europe u fl-arranġamenti l-oħra

B –  Konklużjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

V –  Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.