Language of document : ECLI:EU:T:2022:781

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Setgħat tal-BĊE – Setgħat ta’ investigazzjoni – Spezzjonijiet fuq il-post – Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Deċiżjoni tal-BĊE li titwettaq spezzjoni fil-bini ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Kompetenza tal-BĊE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Elementi ta’ natura li jiġġustifikaw spezzjoni – Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura – Talba għal seduta nieqsa minn motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑275/19,

PNB Banka AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrent,

vs

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, F. Bonnard u V. Hümpfner, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjent,


IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, PNB Banka AS, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), innotifikata b’ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, li jwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tiegħu.

I.      Ilkuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), fih Kapitolu III intitolat “Setgħat tal-BĊE”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Setgħat Investigatorji”, tinkludi l-Artikolu 12, intitolat “Spezzjonijiet fuq il-post”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sabiex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħħrajn li jinsabu fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’, skont l-Artikolu 13 u soġġett għal notifika minn qabel lill-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata, iwettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha neċessarji fis-sede kummerċjali tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) u kwalunkwe intrapriża oħra inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata fejn il-BĊE huwa s-superviżur konsolidanti skont il-punt (g) tal-Artikolu 4(1). Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu hekk, il-BĊE jista’ jwettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel lil dawk il-persuni ġuridiċi.

2.      L-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra awtorizzati minnu biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art fejn joperaw il-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-BĊE u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 11(1).

3.      Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post abbażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE.

4.      L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew nominati mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha ssir l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-BĊE, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-BĊE u lil persuni oħra awtorizzati minnu. Għal dak il-għan, huma għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandhom ukoll ikollhom id-dritt li jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.      Meta l-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra awtorizzati jew nominata mill-BĊE li jakkumpanjawhom jaraw li persuna topponi għal spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza neċessarja skont id-dritt nazzjonali. Sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni, din l-assistenza għandha tinkludi s-siġillar ta’ kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew reġistri. Meta s-setgħa ma tkunx disponibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata, hija għandha tuża s-setgħat tagħha biex titlob l-assistenza neċessarja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn.”

3        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja”, jipprovdi:

“1.      Jekk spezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 12(1) u (2) jew l-assistenza prevista fl-Artikolu 12(5) tesiġi awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għat-tali awtorizzazzjoni.

2.      Meta awtorizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun saret applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-BĊE tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi filwaqt li jitqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-BĊE għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-BĊE jkollu biex jissuspetta li jkun sar ksur tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tanalizza n-neċessità tal-ispezzjoni u lanqas ma għandha titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-BĊE. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE għandha tkun soġġetta għal analiżi mill-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea].”

4        Ir-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), jinkludi Parti XI, intitolata “Aċċess għal Informazzjoni, Rapportar, Investigazzjonijiet u Spezzjonijiet fuq il-Post”, li t-Titolu 5 tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 143 sa 146, huwa ddedikat għall-ispezzjonijiet fuq il-post. L-Artikolu 143, intitolat “Deċiżjoni tal-BĊE biex imexxi spezzjoni fuq il-post taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament [Nru 1024/2013]”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 142 u skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament [Nru 1024/2013], spezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE, li bħala minimu għandha tispeċifika dan li ġej:

a)      is-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post; u

b)      il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li suġġetta għaliha għandu jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont it-tifsira tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament [Nru 1024/2013], mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali kif stipulata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament [Nru 1024/2013].”

5        L-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Proċedura u notifika ta’ spezzjoni fuq il-post”, jipprovdi:

“1.      Il-BĊE għandu jinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għal spezzjoni fuq il-post bid-deċiżjoni tal-BĊE msemmija fl-Artikolu 143(2), u dwar l-identità tal-membri tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post, ta’ mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-ispezzjoni fuq il-post. Huwa għandu jinnotifika lill-NCA tal-Istat Membru fejn tkun ser issir l-ispezzjoni fuq il-post ta’ mill-inqas ġimgħa qabel ma jinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għall-ispezzjoni fuq il-post dwar dik l-ispezzjoni.

2.      Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu hekk, il-BĊE jista’ jwettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr ma jinnotifika minn qabel lill-entità ta’ superviżjoni kkonċernata. L-NCA għandha tiġi nnotifikata kemm jista’ jkun malajr qabel il-bidu ta’ dik l-ispezzjoni fuq il-post.”

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

6        Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent kien istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 (iktar ’il quddiem “istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva”) stabbilita fil-Latvja. Minħabba f’hekk, huwa tqiegħed taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”).

7        Il-mudell tan-negozju tar-rikorrent kien dak ta’ bank universali li jwettaq parti sinjifikattiva min-negozju tiegħu ma’ persuni mhux residenti. L-esponimenti prinċipali tiegħu għar-riskji kienu jikkonċernaw kontropartijiet li jinsabu fir-Russja, fl-Ukraina jew f’pajjiżi oħra tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti.

8        CR kien, fid-data tal-preżentata tar-rikors, l-azzjonist prinċipali tar-rikorrent.

9        Matul ix-xahar ta’ Frar 2016, il-KSFK imponiet fuq ir-rikorrent dispożizzjonijiet addizzjonali għal telf mis-self kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet. Hija talbitu wkoll biex, minn naħa, jirrimedja l-ksur tal-limiti tal-iskoperturi kbar u, min-naħa l-oħra, iżid il-fondi proprji tiegħu u jittrażmetti regolarment rapport dwar il-likwidità.

10      Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrent kif ukoll CR u membri oħra tal-familja tiegħu, azzjonisti tar-rikorrent, “innotifikaw”, skont ir-rikorrent, lir-Repubblika tal-Latvja b’tilwima dwar il-protezzjoni tal-investimenti tagħhom. Huma invokaw in-natura inġustifikabbli u irraġonevoli tar-rekwiżiti prudenzjali imposti mill-KSFK fuq ir-rikorrent.

11      Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2017, skont ir-rikorrent, CR ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar atti ta’ korruzzjoni li għalihom kien ħati A, Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja). L-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati kienu jikkonsistu fit-tentattivi ta’ dan tal-aħħar li jikseb, bis-saħħa tal-influwenza li huwa kellu fuq il-KSFK, kickbacks mingħand CR.

12      Fil‑31 ta’ Awwissu 2017, il-KSFK innotifikat lir-rikorrent b’deċiżjoni li timponi fuqu dispożizzjonijiet addizzjonali għat-telf mis-self, wara li kkonstatat, wara spezzjoni fuq il-post, ksur persistenti tal-limiti tal-iskoperturi kbar.

13      Matul ix-xahar ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent ġie kklassifikat bħala “istituzzjoni inqas sinjifikattiva fi kriżi”, fis-sens tal-qafas ta’ kooperazzjoni tal-ġestjoni ta’ kriżi għall-entitajiet inqas sinjifikattivi, u b’konsegwenza ta’ dan ir-rikorrent tpoġġa taħt superviżjoni speċifika minn grupp ta’ ġestjoni ta’ kriżi magħmul mill-KSFK u mill-BĊE.

14      Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent kif ukoll CR u membri oħra tal-familja tiegħu, azzjonisti tar-rikorrent, introduċew proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Latvja quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (iktar ’il quddiem l-“ICSID”), abbażi tat-Trattat tal‑24 ta’ Jannar 1994 għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-investimenti bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Latvja (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ arbitraġġ”). Huma sostnew li r-rikorrent kien ilu mill-aħħar tas-sena 2015 is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali eċċessiva u arbitrarja min-naħa tal-KSFK, li ssarrfet f’żidiet fil-fondi proprji regolatorji u fir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet. Huma indikaw li din is-superviżjoni prudenzjali eċċessiva u arbitrarja kienet dovuta għall-influwenza li A kien eżerċita fuq il-KSFK bl-għan li jikseb kickbacks min-naħa tar-rikorrent u ta’ CR.

15      Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, skont ir-rikorrent, CR irrapporta lill-awtoritajiet Latvjani l-atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

16      Fis‑17 ta’ Frar 2018, A ġie arrestat wara l-ftuħ, fil‑15 ta’ Frar 2018, ta’ investigazzjoni kriminali preliminari mibdija kontrih mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”). Din l-investigazzjoni kellha bħala suġġett akkużi ta’ korruzzjoni marbuta mal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali kontra bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018, mal-ħelsien ta’ A, il-KNAB imponielu diversi miżuri preventivi, fosthom il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

17      Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, A ġie mixli mill-prosekutur li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq. L-att ta’ akkuża, ikkompletat fl‑24 ta’ Mejju 2019, kien jinkludi tliet kapi ta’ akkuża. L-ewwel kap tal-akkuża kien jikkonċerna l-aċċettazzjoni, fl‑2010, ta’ offerta ta’ kickback mill-President tal-Bord Superviżorju ta’ bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent, u tal-kickback stess, li għalih A ta pariri intiżi sabiex dak il-bank ikun jista’ jevita s-sorveljanza tal-KSFK u astjena milli jipparteċipa fil-laqgħat tal-KSFK li matulhom ġew diskussi l-kwistjonijiet relatati mas-sorveljanza tal-imsemmi bank. It-tieni kap tal-akkuża kien jikkonċerna, minn naħa, l-aċċettazzjoni, wara t‑23 ta’ Awwissu 2012, ta’ offerta ta’ kickback mill-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi tal-istess bank, inkambju għall-pariri ta’ A sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ordnati mill-KSFK u sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet oħra, u, min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni minn A tal-ħlas ta’ nofs dan il-kickback. It-tielet kap ta’ akkuża kien jikkonċerna l-ħasil tal-flus intiż sabiex jaħbi l-oriġini, it-trasferimenti u s-sjieda tal-fondi mħallsa lil A fir-rigward tal-kickback imsemmi fit-tieni kap ta’ akkuża.

18      Permezz ta’ ittri tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent u CR informaw lill-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE li l-investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq kienet għaddejja. Huma indikaw li, wara l-arrest tiegħu fi Frar 2018, A kien għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi ostili u żbaljati fir-rigward tagħhom, fejn allega li l-akkwist tar-rikorrent minn CR kien ta’ natura frawdolenti. Huma qiesu li r-rekwiżiti prudenzjali tal-KSFK fir-rigward tar-rikorrent kienu eċċessivi u diskriminatorji. Huma talbu lill-BĊE jintervjeni billi jwettaq investigazzjoni u jieħu l-miżuri xierqa, bħal bidliet xierqa fil-persunal responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent. F’dik l-okkażjoni huma kitbu: “Waħda mill-ideat sottostanti tal-[mekkaniżmu superviżorju uniku (iktar ’il quddiem l-“MSU”)] kienet li tkun tista’ tiġi żgurata superviżjoni iktar oġġettiva u imparzjali mill-BĊE pjuttost milli mis-superviżuri lokali. [Ir-rikorrent] u [CR] huma ħerqanin li jikkooperaw mal-BĊE għal dan l-għan” (ittra tal‑5 ta’ Lulju 2018, paġna 13).

19      Fit‑30 ta’ Settembru 2018, l-ICSID ħareġ miżuri provviżorji li jirrakkomandaw li r-Repubblika tal-Latvja tastjeni milli tieħu miżuri sabiex tirtira l-approvazzjoni tar-rikorrent, b’riferiment għal allegat nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti regolatorji li kien is-suġġett tat-terminu ta’ skadenza finali stabbilit f’deċiżjoni tal-KSFK tas‑27 ta’ Frar 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-ICSID”).

20      Fit‑8 ta’ Ottubru 2018, il-Presidenta tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal-BĊE indikat lir-rikorrent u lil CR, bi tweġiba għall-ittri tagħhom tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018, li, fil-kuntest tal-kompitu tiegħu li jissorvelja l-funzjonament tal-MSU, il-BĊE kien tal-istess fehma bħall-KSFK li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-kapital proprju kienet teħtieġ superviżjoni speċifika. Il-BĊE indika li r-rikorrent kien ibbenefika minn estensjonijiet ripetuti tat-termini sa meta kellu jadotta miżuri fir-rigward tal-kapital proprju u li, minkejja l-persistenza ta’ tali problemi, ir-rikorrent ma kienx ġie suġġett, min-naħa tal-KSFK, għal miżuri superviżorji stretti minbarra talbiet sabiex jiżdied il-kapital proprju, miżuri ta’ rkupru u miżuri ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali. Huwa qies li r-rikorrent kien ilu diversi snin jikser il-limitu tal-iskoperturi kbar fir-rigward ta’ parti terza u ripetutament kien ingħata estensjonijiet tat-terminu sabiex jirrimedja dan. Huwa kkunsidra li ma kellu l-ebda indikazzjoni li l-miżuri superviżorji imposti fuq ir-rikorrent kienu eċċessivi jew sproporzjonati. Huwa kkonkluda billi ddikjara li kellu l-intenzjoni li jeżerċita l-funzjoni superviżorju tiegħu billi jagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri meħuda mir-rikorrent sabiex jirrimedja l-ksur tar-rekwiżiti prudenzjali.

21      Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, il-KSFK talbet lill-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent.

22      Fl‑10 ta’ Jannar 2019, il-Bord Superviżorju Prudenzjali approva l-abbozz ta’ deċiżjoni biex titwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent. Dan l-abbozz ġie ppreżentat lill-Kunsill Governattiv biex jadottah fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni. Peress li l-Kunsill Governattiv ma qajjem l-ebda oġġezzjoni, l-abbozz ta’ deċiżjoni tqis li ġie adottat fil‑21 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv” jew id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      L-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv jindika, fir-rigward tal-motivi tal-ispezzjoni, minn naħa, li ġew identifikati diversi nuqqasijiet u istanzi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fis-snin preċedenti u dawn ma kinux suġġetti għal miżuri adegwati. L-ewwel, ir-rikorrent ilu mill‑2016 jikser il-limiti tal-iskoperturi kbar stabbiliti fl-Artikolu 395 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2). It-tieni, ir-rikorrent ilu minn Frar 2018 jikser il-limiti għat-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati previsti mil-leġiżlazzjoni Latvjana, b’riżultat tal-esponimenti fir-rigward tal-azzjonist prinċipali tiegħu. It-tielet, mill‑2012, il-KSFK kienet obbligata tieħu miżuri ripetuti fir-rigward tar-rikorrent fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus. Minkejja multa imposta mill-KSFK f’Lulju 2017, ir-rikorrent baqa’ jikser ir-rekwiżiti relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-raba’ u l-aħħar nett, l-iżvilupp tal-proporzjonijiet ta’ fondi proprji matul l-aħħar tliet snin juri li, f’diversi okkażjonijiet, ir-rikorrent kien qrib li jikser ir-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji tal-pilastru 1 fil-livell tal-grupp. Mill-2018 ’l hawn, ir-rikorrent perjodikament kiser ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-pilastru 2. L-awditur ma tax opinjoni fl‑2015, filwaqt li għamel riferiment għal kwistjonijiet ta’ valutazzjoni tal-assi, u min-naħa l-oħra l-awditur il-ġdid imqabbad ta opinjonijiet kwalifikati fl‑2016 u fl‑2017, li wkoll għamlu riferiment għal kwistjonijiet ta’ valutazzjoni tal-assi.

24      Min-naħa l-oħra, l-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv isemmi li r-rakkomandazzjoni tal-ICSID timpedixxi lill-KSFK milli timplimenta l-miżuri superviżorji kollha fir-rigward tar-rikorrent. Dan jindika li, fuq talba tal-KSFK, il-BĊE għandu jipprepara sabiex jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent. Jenfasizza li spezzjoni fuq il-post ser tippermetti lill-BĊE jwettaq l-analiżi proprja tiegħu tas-sitwazzjoni tar-rikorrent u jippreċiża li din l-ispezzjoni fuq il-post hija possibbli indipendentement minn jekk il-BĊE jassumix ir-responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali diretta. L-abbozz isemmi li, flimkien mat-teħid tar-responsabbiltà għas-sorveljanza diretta, il-BĊE ser ikun f’pożizzjoni li jieħu l-miżuri superviżorji meħtieġa sabiex jiżgura li r-rikorrent josserva r-rekwiżiti prudenzjali.

25      Fir-rigward tal-portata u l-iskeda tal-ispezzjoni, l-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv jindika li huwa previst li l-BĊE jwettaq spezzjoni fuq il-post li ser ikollha bħala għan investigazzjoni bir-reqqa tar-riskji, tal-kontroll tar-riskji u tal-governanza tar-rikorrent, sabiex jiġu evalwati, fost l-oħrajn, il-proċeduri u s-sistemi tiegħu kif ukoll il-kwalità tal-ġestjoni tiegħu. Huwa jsemmi li din l-ispezzjoni fuq il-post ser tkun iffokata prinċipalment fuq ir-riskju ta’ kreditu.

26      L-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv isemmi wkoll li, fuq il-bażi tar-riżultati tal-ispezzjoni fuq il-post kif ukoll tal-valutazzjonijiet prudenzjali l-iktar reċenti tal-KSFK, ser jitħejja pjan ta’ azzjoni, flimkien ma’ skeda suffiċjentement qrib. Huwa jispeċifika li, jekk l-irregolaritajiet identifikati matul l-ispezzjoni fuq il-post ikunu tant serji u persistenti li l-ebda miżura superviżorja prudenzjali ma tkun tista’ tiżgura l-konformità mar-regoli f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, il-BĊE għandu jibda l-proċedura għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

27      L-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv jinkludi wkoll anness intitolat “Ħarsa ġenerali lejn l-istorja ta’ superviżjoni reċenti [tar-rikorrent] kif innotifikata lill-BĊE”.

28      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Sorveljanza Mikroprudenzjali III (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali”) informa lir-rikorrent li, skont l-Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 flimkien mal-Artikolu 12 ta’ dak ir-regolament u mal-Artikoli 143 sa 146 tar-Regolament Nru 468/2014, u skont deċiżjoni tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal‑10 ta’ Jannar 2019, kienet ser titmexxa spezzjoni fuq il-post fi ħdan il-grupp bl-għan li jiġi eżaminat ir-riskju ta’ kreditu. Huwa ppreċiża li l-portata ta’ din l-ispezzjoni setgħet tiġi estiża matul l-investigazzjoni, jekk ikun meħtieġ, u li, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien ser jiġi informat mill-kap tal-missjoni f’isem il-BĊE.

29      Fl-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, id-Direttur Ġenerali semma li l-ispezzjoni fuq il-post kienet skedata għax-xahar ta’ Marzu 2019 u speċifika l-isem tal-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni. Huwa indika li dan tal-aħħar kien ser jinforma lir-rikorrent, f’isem il-BĊE, bl-identità tal-membri tal-grupp ta’ spezzjoni u kellu jikkuntattjah fil-ġranet ta’ wara sabiex jorganizza l-ewwel laqgħa.

30      Fl-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, id-Direttur Ġenerali talab lir-rikorrent jiżgura li l-entitajiet ikkonċernati kienu ser jiġu informati bil-kontenut ta’ din l-ittra u b’kull bidla ulterjuri eventwali. Huwa talbu sabiex jikkoopera bis-sħiħ mal-ispezzjoni u fakkru li, skont l-Artikolu 143(2)(b) tar-Regolament Nru 468/2014, kull ostakolu għall-ispezzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li hija suġġetta għaliha kien jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE fis-sens tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, bla ħsara għad-dritt nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament.

31      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-KNAB tad‑19 ta’ Frar 2018 sa fejn din kienet tipprojbixxi lil A milli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja. Hija qieset li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx stabbilixxiet li t-tneħħija ta’ A mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur mill-Bank Ċentrali tal-Latvja kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti tal-fatt li dan kien ħati ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE.

32      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, il-BĊE nnotifika lir-rikorrent li huwa kien iddeċieda li jikklassifikah bħala entità sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl‑4 ta’ April 2019.

33      Fil‑5 ta’ Marzu 2019, il-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni ltaqa’ mad-diretturi tar-rikorrent f’laqgħa inizjali, imsejħa l-“laqgħa tal-ftuħ”. Huwa ppreżenta, bl-għajnuna ta’ dokument mogħti lir-rikorrent, il-portata tal-missjoni, bit-titolu “Riskju ta’ kreditu u governanza”, jiġifieri l-klassifika u l-akkwisti, ir-reġistrazzjoni ta’ inventarju (assi preklużi mibjugħa), il-valorizzazzjoni tal-garanziji u tal-fondi (assi miżmuma bl-għan li jinbiegħu), il-kwalità tad-data u l-governanza kif ukoll il-mudell tan-negozju. Huwa ppreżenta, għal kull parti tal-missjoni, il-membri tal-grupp ta’ spezzjoni. Huwa speċifika d-dokumentazzjoni mitluba mingħand ir-rikorrent, b’mod partikolari l-fajls ta’ kreditu u d-dokumentazzjoni ġenerali, u ppreżenta l-metodu ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz ta’ pjattaforma sikura. Huwa indika l-laqgħat li kellhom jiġu ppjanati fuq is-suġġetti tal-ispezzjoni fuq il-post. Huwa ppreċiża l-organizzazzjoni tal-ispezzjoni fuq il-post, b’mod partikolari s-setgħat tal-grupp ta’ spezzjoni (aċċess għall-bini, talba għal informazzjoni jew dokumenti li jaqgħu tal-ispezzjoni, aċċess għall-qari biss għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kollha, intervista ma’ kwalunkwe persuna, skambju ta’ informazzjoni mal-awdituri) u l-iskeda tal-ispezzjoni. Din l-iskeda semmiet l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali, talba inizjali għal informazzjoni tas‑26 ta’ Frar 2019, il-laqgħa tal-ftuħ, il-ħidma fuq il-post mill‑11 ta’ Marzu sal‑10 ta’ Mejju 2019, it-trażmissjoni ta’ abbozz ta’ rapport fit‑12 ta’ Lulju 2019, “laqgħa tat-tmiem” fid‑19 ta’ Lulju 2019, rapport finali, “laqgħa tal-għeluq” u fl-aħħar nett il-monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni tar-rikorrent.

34      L-ispezzjoni bdiet fil‑11 ta’ Marzu 2019.

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019, ir-rikorrent, CR u CT ippreżentaw dan ir-rikors.

III. Fatti li seħħew wara lpreżentata tarrikors

36      Fl‑14 ta’ Mejju 2019, il-KSFK impona fuq ir-rikorrent multa ta’ EUR 4 260 għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kredītiestāžu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 163) li jimponu l-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet annwali kkonsolidati flimkien mar-rapport ta’ awditur li ħa l-ġurament.

37      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2019 (Kawża T‑301/19), ir-rikorrent, CR u CT talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE, innotifikata permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, li r-rikorrent jiġi kklassifikat bħala entità sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

38      Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, tlestiet l-ispezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent.

39      Fil‑15 ta’ Awwissu 2019, il-BĊE kkonkluda li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). Fl-istess jum, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”) iddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tar-rikorrent.

40      Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, il-KSFK talbet lir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) tiddikjara lir-rikorrent insolventi.

41      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) iddikjarat lir-rikorrent insolventi. Hija ħatret prattikant fl-insolvenza inkarigat mill-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“prattikant fl-insolvenza”) u ttrasferixxietlu s-setgħat kollha tar-rikorrent u tal-bord tad-diretturi tiegħu. Hija ċaħdet it-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jżomm id-drittijiet tiegħu li jirrappreżenta lil dan tal-aħħar fil-kuntest tar-rikors kontra l-valutazzjoni tal-BĊE, tal‑15 ta’ Awwissu 2019, li kkonstatat li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli, kontra d-deċiżjoni tal-BUR, tal-istess jum, li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tiegħu, u kontra d-deċiżjoni tal-KSFK li tinbeda proċedura ta’ insolvenza. Dik il-qorti żiedet li dan ma kienx jeskludi l-possibbiltà għall-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata lill-prattikant fl-insolvenza fir-rigward tad-drittijiet ta’ rappreżentanza f’kompiti speċifiċi.

42      Fit‑12 ta’ Settembru 2019 ukoll, il-KSFK talbet lill-BĊE jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrent.

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ottubru 2019 (Kawża T‑732/19), ir-rikorrent kif ukoll azzjonisti attwali jew potenzjali oħra tar-rikorrent talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-BUR tal‑15 ta’ Awwissu 2019 li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrent.

44      Fil‑21 ta’ Diċembru 2019, A waqaf jokkupa l-kariga tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2020 (Kawża T‑50/20), ir-rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni li huwa għandu kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tiegħu.

46      Fis‑17 ta’ Frar 2020, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent. Dan l-irtirar daħal fis-seħħ l-għada.

47      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2020 (Kawża T‑230/20), ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.

IV.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

48      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2019, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni.

49      Fis‑16 ta’ Lulju 2019, il-BĊE ppreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

50      Fl‑10 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

51      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-BĊE jipproduċi l-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv.

52      Fl‑10 ta’ Jannar 2020, il-BĊE pproduċa verżjoni sħiħa kunfidenzjali tad-dokument mitlub, intiża għall-Qorti Ġenerali (Anness D.1), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan id-dokument. Fid‑29 ta’ Jannar 2020, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda li ma jinkludix il-verżjoni kunfidenzjali tal-imsemmi dokument fil-proċess.

53      Fit‑28 ta’ April 2020, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li jissospendi l-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha f’dik il-kawża u l-proċedura f’din il-kawża kompliet minn dik id-data.

54      Fit‑28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent, CR u CT talbu sospensjoni tal-proċedura, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fil-Kawża C‑321/21 P, dwar l-appell mid-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141). Fl‑20 ta’ Mejju 2021, u sussegwentement fis‑6 ta’ Awwissu 2021, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, wara li sema’ lill-BĊE, li ma jissospendix il-proċedura.

55      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2021, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx għadu qiegħed jirrappreżenta lil CR u lil CT. Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), abbażi tal-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn CR u minn CT.

56      Id-data ta’ skadenza għall-preżentata tar-replika ġiet stabbilita fl-aħħar lok għat‑30 ta’ Settembru 2021. Ir-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu stabbilit.

57      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE, “tal‑14 ta’ Frar 2019”, li jwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tiegħu u tal-kumpanniji tal-grupp tiegħu;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

58      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

V.      Iddritt

A.      Fuq leżistenza ta’ mandat tarrappreżentant li ppreżenta rrikors f’isem irrikorrent

59      Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.

60      Fil-proċess hemm mehmuż mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019 (Anness A.2).

61      Ir-rikorrent isostni li l-prattikant fl-insolvenza rrifjuta li l-avukat maħtur minnu sabiex jirrappreżentah ikollu aċċess għad-dokumenti tiegħu, għall-bini tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu. Huwa pproduċa, fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu tat‑13 ta’ Marzu 2020 għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ittra mingħand il-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019 li tindika li l-avukat tiegħu kellu, l-ewwel, “jippreżenta lill-prattikant [fl-insolvenza] rapport bil-miktub dwar l-istat ta’ progress tal-ftehim [dwar il-provvista ta’ servizzi legali], li jindika fid-dettall l-istruzzjonijiet mogħtija [mir-rikorrent], il-kompiti mwettqa [mill-avukat] u jekk effettivament hemmx xi xogħol li għaddej”, it-tieni, “jinforma lill-prattikant [fl-insolvenza] dwar il-ħlasijiet […]”, u t-tielet, “ma jwettaq l-ebda attività f’isem [ir-rikorrent] mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant [fl-insolvenza] minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward tat-twaqqif tal-forniment ta’ servizzi fatturabbli [lir-rikorrent]”.

62      Minkejja l-imsemmija ittra tal-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax, u lanqas ma huwa allegat mir-rikorrent jew mill-BĊE, li l-prattikant fl-insolvenza rrevoka l-mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019. L-imsemmija ittra ma ssemmix tali revoka, għalkemm tindika li l-avukat maħtur mill-President tal-bord tad-diretturi ma għandu jwettaq l-ebda attività f’isem ir-rikorrent mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant fl-insolvenza minn qabel.

63      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent ippreżenta mandat li jawtorizza lill-avukat tiegħu jippreżenta rikors skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.      Fuq ittalbiet għassospensjoni talproċedura ppreżentati fit28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit28 ta’ Ġunju 2021

64      Fit‑28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent talab is-sospensjoni tal-proċedura. Insostenn tat-talbiet tiegħu għas-sospensjoni, huwa sostna li kien jeħtieġ aċċess għall-bini tiegħu, għall-fajls tiegħu u għar-riżorsi finanzjarji tiegħu u li l-prattikant fl-insolvenza ma kienx qiegħed jikkoopera sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, minkejja s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923).

65      Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tiddeċiedi li tissospendi proċedura jew le, skont l-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, hija tqis li huwa utli, b’mod eċċezzjonali, li tindika dan li ġej.

66      Id-deċiżjoni li tissospendi proċedura jew le, abbażi tal-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, taqa’ taħt il-kompetenza diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑20 ta’ Ottubru 2011, DTL vs UASI, C‑67/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:683, punti 32 u 33; tal‑15 ta’ Ottubru 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑554/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:629, punt 37, u tas‑17 ta’ Jannar 2018, Josel vs EUIPO, C‑536/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:14, punt 5).

67      F’dan il-każ, fit‑28 ta’ April 2020, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20, li permezz tagħha r-rikorrent kien talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent l-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tiegħu.

68      Permezz tad-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-BĊE manifestament ma kellux il-kompetenza li jilqa’ t-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti aċċess lill-avukat imqabbad minn dan il-bord għall-bini, għall-informazzjoni, għall-membri tal-persunal u għar-riżorsi tar-rikorrent (punt 73). Hija qieset ukoll li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik li r-rikorrent huwa s-suġġett tagħha, bi tweġiba għal kwalunkwe talba għal aċċess għad-dokumenti, għall-bini, għall-persunal jew għar-riżorsi tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni, fil-prinċipju huma suġġetti għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE f’każ li jsibu diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (punt 72).

69      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, minkejja b’mod partikolari s-sospensjoni tal-proċedura mit‑28 ta’ April 2020 sat‑12 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent la jistabbilixxi u lanqas biss jallega, inkluż fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Ġunju 2021, li beda proċedura ġudizzjarja kontra l-prattikant fl-insolvenza, li madankollu jakkużah, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħħad lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tiegħu mill-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu minn tmiem is-sena 2019.

70      Wara li ppreżenta ittri u messaġġi tal-posta elettronika li ġew skambjati mal-prattikant fl-insolvenza fit‑12 u fis‑16 ta’ Settembru 2019 kif ukoll matul ix-xahar ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent sempliċement sostna, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, li huwa “kien qiegħed iżid l-isforzi tiegħu” fir-rigward tal-prattikant fl-insolvenza u tal-qrati Latvjani, mingħajr ma ppreċiża n-natura tal-imsemmija sforzi.

71      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2019 tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, ma jirriżultax li r-rikorrent kien imwaqqaf milli jressaq quddiem il-qrati Latvjani tilwima possibbli mal-prattikant fl-insolvenza. Mhux biss huwa l-każ li dik id-deċiżjoni ssemmi li l-possibbiltà tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata quddiem il-prattikant fl-insolvenza dwar id-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni f’kompiti speċifiċi ma hijiex eskluża, iżda wkoll li s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), invokata mir-rikorrent biex isostni li l-prattikant fl-insolvenza ma jikkooperax b’mod sodisfaċenti sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, ingħatat wara dik id-deċiżjoni, u għalhekk ir-rikorrent ma setax jinvoka, a priori, dik is-sentenza bħala element ġdid quddiem il-qorti nazzjonali.

72      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li l-proċedura tiġi sospiża għal darba oħra.

C.      Fuq ilfażi orali talproċedura

73      Skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura:

“1.      Fil-fażi orali tagħha, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi seduta għas-sottomissjonijiet orali li tiġi organizzata jew ex officio jew fuq it-talba ta’ parti prinċipali.

2.      It-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa minn parti prinċipali għandha tindika r-raġunijiet għaliex din il-parti tkun tixtieq tinstema’. […]

3.      Fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. […]”

74      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali li tindika r-raġunijiet għaliex parti prinċipali tkun tixtieq tinstema’, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

75      L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tar-Regoli tal-Proċedura tal‑14 ta’ Marzu 2014, aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkonferma barra minn hekk li, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura, “il-Qorti Ġenerali tixtieq tkun tista’ tiddeċiedi li ma torganizzax seduta jekk tqis li din ma tkunx neċessarj a, sakemm waħda mill-partijiet prinċipali ma tressaqx talba li fiha tindika r-raġunijiet għaliex tkun tixtieq tinstema’”.

76      Id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“DPI”) jipprovdu, fil-punt 142, li l-parti prinċipali li tkun tixtieq tinstema’ f’seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f’dan is-sens. Huwa ppreċiżat li din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-annessi tal-proċess tal-kawża “jew” l-argumenti li fil-fehma ta’ din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati “jew” ikkontestati b’mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. Huwa indikat li, sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, huwa “mixtieq” li l-motivazzjoni ma tkunx ta’ natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża. Il-punt 143 tad-DPI jipprovdi li, fl-assenza ta’ talba motivata mressqa fit-terminu mogħti minn parti prinċipali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

77      Għalhekk, mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-punti 142 u 143 tad-DPI jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali jew fil-preżenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mingħajr motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess tal-kawża.

78      F’dan il-każ, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021, esprima l-fehma tiegħu dwar l-organizzazzjoni ta’ seduta f’dawn it-termini:

“1. Nikkonferma li, għar-raġunijiet li spjegajt fid-dettall, attwalment ma hemm l-ebda rappreżentazzjoni effettiva [tar-rikorrent]. Bis-sempliċi għan li jiġi osservat it-terminu applikabbli, jiena b’din l-ittra qiegħed nitlob seduta. Madankollu, qabelxejn, għandha tiġi stabbilita mill-ġdid ir-rappreżentanza effettiva [tar-rikorrent].

2. Fiċ-ċirkustanzi attwali il-preparazzjoni għal seduta jew l-attendenza għaliha ma hijiex possibbli.”

79      Mill-imsemmija ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021 jirriżulta li t-talba sabiex tiġi organizzata seduta fformulata mir-rikorrent hija nieqsa minn motivazzjoni. Fil-fatt, din it-talba ma tindika l-ebda raġuni li għaliha r-rikorrent jixtieq jinstema’.

80      Barra minn hekk, fl-ittra tiegħu tal‑25 ta’ Ottubru 2021 li tinforma lill-partijiet prinċipali bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll dawk tal-punt 142 tad-DPI, u ġibed l-attenzjoni tal-partijiet prinċipali lejn il-fatt li, fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa, il-motivazzjoni kellha tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi punt tad-DPI.

81      Ċertament, ir-rikorrent sostna, fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, li huwa kien iqis li qiegħed jiġi mċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva.

82      Anki jekk jitqies li r-rikorrent b’dan il-mod kien qiegħed jipprova jiġġustifika b’mod impliċitu l-assenza ta’ motivazzjoni tat-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, aspett li madankollu ma jirriżultax b’mod ċar mill-imsemmija talba, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni effettiva ma jistax jitqies bħala ġustifikazzjoni għall-assenza ta’ motivazzjoni ta’ din it-talba. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent kien imċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva, fis-sens espost minnu, bl-ebda mod ma tipprekludih milli jippreżenta elementi ddettaljati insostenn tat-talba biex tiġi organizzata seduta.

83      Konsegwentement, ladarba r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda element ta’ motivazzjoni fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta u, barra minn hekk, billi l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dan tal-aħħar kien ġie mfakkar lilu b’mod espliċitu mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija talba biex tiġi organizzata seduta ma tissodisfax l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, f’konformità mal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

D.      Fuq issuġġett tarrikors

85      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE “tal‑14 ta’ Frar 2019” li jwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tiegħu u tal-kumpanniji tal-grupp tiegħu. Huwa jindika li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal‑10 ta’ Jannar 2019, iżda li din l-aħħar deċiżjoni ma ġietx żvelata lilu. Huwa jispeċifika li qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post li l-BĊE informah biha permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 “irrispettivament mid-data tal-adozzjoni interna ta’ din id-deċiżjoni fi ħdan il-BĊE”.

86      Mill-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, mir-risposta u mit-tweġiba tal-BĊE għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑19 ta’ Diċembru 2019 jirriżulta li l-abbozz ta’ deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent, approvat mill-Bord Superviżorju Prudenzjali fl‑10 ta’ Jannar 2019, tqies li ġie adottat mill-Kunsill Governattiv fil‑21 ta’ Jannar 2019, fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni msemmija fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament Nru 1024/2013.

87      Għandu jiġi kkunsidrat li l-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv fil‑21 ta’ Jannar 2019, li l-motivi prinċipali tiegħu tfakkru fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, formalment jikkostitwixxi d-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent approvata mill-Kunsill Governattiv, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrent kellu aċċess għal dan id-dokument, f’verżjoni fejn ċerta informazzjoni kienet tħalliet barra, biss wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2019.

88      Id-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv, ġiet innotifikata lir-rikorrent bl-ittra tad-Direttur Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019, li l-kontenut essenzjali tagħha ġie mqassar fil-punti 28 sa 30 iktar ’il fuq.

89      Konsegwentement, ir-rikors għandu jitqies li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post adottata mill-BĊE fil‑21 ta’ Jannar 2019, li l-kontenut essenzjali tagħha ġie nnotifikat permezz tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019.

E.      Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma millKummissjoni, ibbażata fuq iċ-ċirkustanza li deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq ilpost ma tibdilx is-sitwazzjoni legali talpersuna suġġetta għallinvestigazzjoni

90      Il-Kummissjoni ssostni li l-ispezzjonijiet imwettqa fil-kuntest tas-sorveljanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkostitwixxu mezz li permezz tiegħu awtorità kompetenti tiżgura sorveljanza kontinwa, jiġifieri tiġbor elementi fattwali li abbażi tagħhom hija possibbilment sussegwentement tieħu miżuri permezz ta’ deċiżjoni, li ċertament tkun att li jipproduċi effetti legali fuq il-persuna spezzjonata. Il-miżura ta’ spezzjoni ma tagħlaq l-ebda proċedura u ma tistabbilixxix il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni. Dan huwa stadju fi proċedura, li possibbilment jista’ jinkludi diversi fażijiet, li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali. Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha ma tibdilx, bħala tali, is-sitwazzjoni legali tal-persuna li hija s-suġġett tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

91      Għall-kuntrarju, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

92      Fir-rigward tal-kapaċità tal-Kummissjoni li tqajjem l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(3) tal-imsemmija regoli, l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża in statu et terminis.

93      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li parti li titħalla tintervjeni f’kawża insostenn tal-konvenut ma tistax tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ma tinsabx fit-talbiet ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kapaċità li tqajjem din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, u għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li twieġeb b’mod espliċitu fuq il-mertu tagħha.

95      Madankollu, peress li, f’konformità mal-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, fi kwalunkwe mument, ex officio, wara li tisma’ lill-partijiet prinċipali, teżamina l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hemm lok, f’dan il-każ, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiġi eżaminata l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 23, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 41 (mhux ippubblikata)).

96      Meta r-rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, dan jista’ jsir biss jekk l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37).

97      Mill-ebda dispożizzjoni jew prinċipju ma jirriżulta li kwalunkwe spezzjoni fil-bini ta’ impriża għandha, tkun xi tkun in-natura tagħha, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u lanqas a fortiori ta’ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja.

98      Fil-fatt, għalkemm, “f’ċerti ċirkustanzi”, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dwar ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jinkludu, għal kumpannija, id-dritt għar-rispett tal-uffiċċju reġistrat tagħha, tal-aġenzija tagħha jew tal-postijiet tan-negozju tagħha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, is‑16 ta’ April 2002, Société Colas Est et vs Franza, CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, punt 41), għanijiet ta’ interess ġenerali, bħas-sigurtà, is-saħħa, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema jew tal-pubbliku preżenti fuq il-post ta’ dik il-kumpannija, l-ordni pubbliku ekonomiku jew anki l-użu xieraq tal-fondi pubbliċi, huma tali li jiġġustifikaw it-twettiq ta’ spezzjonijiet previsti mil-leġiżlatur. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur ikollu marġni ta’ diskrezzjoni usa’ meta l-miżura tkun tikkonċerna persuni ġuridiċi, u mhux individwi (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir‑Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, punt 82).

99      Meta l-leġiżlatur jipprevedi li l-amministrazzjoni għandha twettaq spezzjonijiet fil-bini ta’ impriża, huwa għandu jiddefinixxi, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan imfittex kif ukoll tan-natura tan-negozju u tal-bini inkwistjoni, is-setgħat mogħtija lill-uffiċjali responsabbli mill-ispezzjoni kif ukoll il-garanziji relatati magħhom, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, sabiex kull interferenza possibbli fid-dritt ta’ kumpannija tar-rispett għall-bini tagħha kkawżata mill-ispezzjoni tkun neċessarja u proporzjonata.

100    Għalkemm ċerti spezzjonijiet, bħall-ispezzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jeħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi suġġetta għal rikors ġudizzjarju, dan ma japplikax għal tipi oħra ta’ spezzjonijiet, b’mod partikolari meta l-amministrazzjoni ma jkollhiex is-setgħa tal-infurzar tal-ispezzjoni, anki fil-każ fejn l-ispezzjoni tkun ta’ natura obbligatorja u li l-impriża tkun tista’ tiġi suġġetta għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jekk toġġezzjona għall-ispezzjoni.

101    Bħala eżempju, l-ispezzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-verifiki fuq il-post previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), u l-kontrolli mwettqa fl-Istati Membri skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Nru 81 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal‑11 ta’ Lulju 1947 dwar l-ispezzjoni tax-xogħol, ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva li tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

102    F’dan il-każ, billi adotta l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu ddeċieda, kif seta’ jagħmel, li l-ispezzjonijiet tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, kellhom jitwettqu mill-BĊE fuq il-bażi ta’ deċiżjoni.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha.

104    Għalhekk, billi ppreveda li persuna ġuridika għandha tiġi suġġetta għall-ispezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 abbażi ta’ deċiżjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni attribwixxa lill-att li jipprevedi din l-ispezzjoni effetti legali vinkolanti.

105    Barra minn hekk, l-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 468/2014 jindika l-informazzjoni minima li għandha tinkludi d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, jiġifieri s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post kif ukoll il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li hija suġġetta għall-ispezzjoni fuq il-post għandu jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bla ħsara għad-dritt nazzjonali applikabbli. L-Artikolu 145(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna suġġetta għall-ispezzjoni fuq il-post.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-post adottata abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 għandha effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tiġi nnotifikata lilha, billi tissuġġetta lil din tal-aħħar għal spezzjoni li hija tiddefinixxi s-suġġett u l-iskop tagħha.

107    Ċertament, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq “[l]-ispezzjoni ta’ siti oħra” prevista għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru fis-“sede kummerċjali tal-persuni ġuridiċi” kkonċernati, u mhux “f’siti oħra, art jew meżi [mezzi] tat-trasport, inkluż id-djar tad-diretturi, managers u membri oħra tal-istaff ta’ l-impriża u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża konċernati”. Minn din il-perspettiva, l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jistgħux jippreġudikaw id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata bl-istess mod bħall-ispezzjonijiet ta’ postijiet oħra previsti għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

108    Ċertament ukoll, anki jekk deċiżjoni tal-BĊE adottata abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 għandha effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha tiġi nnotifikata, il-possibbiltà li jintużaw miżuri koerċittivi sabiex tiġi implimentata dik id-deċiżjoni hija suġġetta, kif jipprevedi l-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament, għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

109    Ċertament ukoll, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza wkoll mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jsemmix l-eżistenza ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-post tal-BĊE. Huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, dwar l-awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li jipprevedu li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-BĊE jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

110    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta neċessarjament li, tal-inqas meta l-BĊE jitlob awtorizzazzjoni mingħand awtorità ġudizzjarja wara li jkun adotta deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-post, din l-aħħar deċiżjoni tista’ tiġi suġġetta għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

111    Barra minn hekk, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda, b’differenza minn dak previst fl-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti n-natura ta’ deċiżjonijiet lill-atti kollha li jippermettu lill-BĊE jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn l-atti skont jekk titressaqx talba mill-BĊE għal awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja. Fil-fatt, minn naħa, il-possibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra att ta’ istituzzjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ indikazzjoni espliċita f’dan is-sens fil-leġiżlazzjoni. Min-naħa l-oħra, soluzzjoni kuntrarja tista’ tippreġudika l-prinċipju taċ-ċertezza legali, peress li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-post tal-BĊE tiddependi għalhekk mill-għażla ta’ din l-istituzzjoni li titlob jew le, wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, l-awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1024/2013.

112    Ċertament, fl-aħħar, kif tfakkar il-Kummissjoni, miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jħejju d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, atti li jistgħu jiġu suġġetti għal rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10).

113    Madankollu, l-atti intermedji msemmija huma qabelxejn atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma huwiex il-każ għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-BĊE.

114    Barra minn hekk, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-BĊE jiddeċiedi li jwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma jinvolvix riskju ta’ taħwid bejn id-diversi stadji amministrattivi u ġudizzjarji. Fil-fatt, tali rikors ma għandux iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli dwar is-superviżjoni prudenzjali mill-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20).

115    Konsegwentement, filwaqt li jitfakkar li l-leġiżlatur iddeċieda, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, li jikklassifika bħala deċiżjonijiet l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 indipendentement mill-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali u li jsemmi l-eżistenza ta’ stħarriġ tal-legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-BĊE ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri intermedji li ma jistgħux jiġu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju.

116    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-post adottata abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013, bħad-deċiżjoni kkontestata, hija ta’ natura li taffettwa l-interessi tal-persuna ġuridika li lilha tkun ġiet innotifikata, billi tibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, b’tali mod li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn din il-persuna quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ċirkustanza li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-partijiet prinċipali.

117    Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli.

F.      Fuq ilmertu

118    Ir-rikorrent iqajjem għaxar motivi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors: l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata; it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni; it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-istess dispożizzjoni, sa fejn il-BĊE ma eżerċitax b’mod debitu s-setgħa diskrezzjonali tiegħu; ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jinstema’; is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-BĊE li jeżamina u jevalwa bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni; is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni; it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali; id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni; l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter.

119    Għandhom jiġu eżaminati l-motivi dwar il-legalità formali tad-deċiżjoni kkontestata qabel ma jiġu eżaminati l-motivi dwar il-fondatezza tagħha.

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ kompetenza talBĊE

120    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma kienx l-awtorità superviżorja kompetenti fid-data tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jwettaq spezzjonijiet fuq il-post biss għal istituzzjonijiet ta’ kreditu sinjifikattivi. Skont l-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-regolament, istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni diretta tal-awtorità kompetenti nazzjonali, sakemm il-BĊE ma jiddeċidix li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta billi jikkunsidra lill-istituzzjoni ta’ kreditu bħala sinjifikattiva.

121    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.

122    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-BĊE għandu kompetenza esklużiva sabiex iwettaq il-kompiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kollha” stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, mingħajr distinzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu sinjifikattivi u istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 37 u 38).

123    Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fil-kuntest tal-MSU, kompost mill-BĊE stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u għandu jiżgura l-funzjonament effikaċi u konsistenti tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 39).

124    L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament Nru 1024/2013, permezz ta’ implimentazzjoni deċentralizzata ta’ wħud minn dawn il-kompiti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 41).

125    L-Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li, fir-rigward tal-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, il-BĊE jista’ jeżerċita fi kwalunkwe mument is-setgħat investigattivi msemmija fl-Artikoli 10 sa 13 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jindirizza talbiet għal informazzjoni, iwettaq investigazzjonijiet ġenerali u jwettaq spezzjonijiet fuq il-post.

126    Iċ-ċirkustanza li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jimplimentaw, b’mod deċentralizzat u taħt il-kontroll tal-BĊE, ċerti kompiti ddefiniti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi ma taffettwax il-kompetenza tal-BĊE sabiex jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma, skont il- formulazzjoni stess tagħhom, “mingħajr preġudizzju” għall-Artikolu 6(5) tal-imsemmi regolament, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu ġew imfakkra hawnhekk fil-punt 125 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 6(6), il-kompetenza li għandhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex iwettqu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, spezzjonijiet fuq il-post fl-imsemmija istituzzjonijiet hija wkoll “mingħajr preġudizzju” għall-Artikoli 10 sa 13 tar-regolament ikkonċernat, dwar is-setgħat investigattivi tal-BĊE.

127    Il-kompetenza tal-BĊE li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattiva hija kkorroborata mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi li l-BĊE jista’ jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li l-punt (a) tiegħu jsemmi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, mingħajr distinzjoni bejn istituzzjonijiet sinjifikattivi u istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi.

128    Iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrent, li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li l-BĊE jista’ jwettaq spezzjonijiet fuq il-post f’kull impriża oħra taħt superviżjoni fuq bażi kkonsolidata fejn il-BĊE huwa s-superviżur konsolidanti skont l-Artikolu 4(1)(g) ta’ dan ir-regolament ma tibdilx din il-konklużjoni, peress li l-imsemmi Artikolu 12 sempliċement iżid mal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament entitajiet oħra li għalihom il-BĊE jista’ jwettaq spezzjoni fuq il-post.

129    L-Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn jagħti kompetenza lill-BĊE sabiex iwettaq spezzjoni fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, huwa wkoll koerenti mal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li l-BĊE għandu jkun jista’ jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kollha”, kif ukoll mal-premessa 47 tal-imsemmi regolament, li tipprovdi li, sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jkun jista’ jwettaq spezzjonijiet fuq il-post, “meta jkun il-każ” f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali.

130    Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 imfakkra iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊE huwa kompetenti sabiex jeżerċita, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, is-setgħat investigattivi previsti fl-Artikoli 10 sa 13 tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari s-setgħa li jwettaq spezzjoni fuq il-post.

131    Il-possibbiltà li l-BĊE li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi hija, barra minn hekk, imfakkra b’mod espliċitu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 468/2014.

132    Barra minn hekk, il-kompetenza tal-BĊE li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi ma hijiex invalidata minn ċerti pubblikazzjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni, bħall-Gwida għas-superviżjoni bankarja ppubblikata f’Novembru 2014, il-Gwida għall-ispezzjonijiet fuq il-post u l-investigazzjonijiet tal-mudelli interni ppubblikata f’Settembru 2018 jew il-konsultazzjoni pubblika mmexxija mill-BĊE qabel l-adozzjoni ta’ din l-aħħar gwida. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-pubblikazzjonijiet, nieqsa minn valur vinkolanti, kif tfakkar barra minn hekk kull waħda minnhom, ma jistgħux jillimitaw b’xi mod il-kompetenzi mogħtija lill-BĊE mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn il-pubblikazzjonijiet ma teskludi l-possibbiltà li l-BĊE jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi. Għall-kuntrarju, il-Gwida għas-superviżjoni bankarja (punt 75) u d-dokument intitolat “Superviżjoni tal-entitajiet inqas sinjifikattivi fi ħdan il-MSU”, ippubblikat f’Novembru 2017 (paġni 3 u 10), ifakkru f’din il-possibbiltà.

133    L-argumenti l-oħra tar-rikorrent iridu bilfors jiġu miċħuda.

134    L-ewwel, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jsostni, sabiex jistabbilixxi li l-kompetenza tal-BĊE sabiex iwettaq spezzjonijiet fuq il-post f’istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi tikkostitwixxi “anomalija” fil-MSU, li l-BĊE ma jistax jimponi obbligi fuq l-entitajiet ikkonċernati sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet misjuba matul l-ispezzjonijiet.

135    Fil-fatt, il-kompetenza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-BĊE sabiex iwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi hija konsistenti mal-ħolqien tal-MSU, ikkostitwit mill-BĊE stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u mal-kontroll eżerċitat mill-BĊE fuq l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, ta’ ċerti kompiti previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu, iżda li l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jippermetti l-implimentazzjoni deċentralizzata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 49).

136    F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu, minbarra l-possibbiltà li fi kwalunkwe mument iressaq talbiet għal informazzjoni, iwettaq investigazzjonijiet ġenerali jew iwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, diversi privileġġi relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ dawn l-istituzzjonijiet, bħal, pereżempju, il-possibbiltà li jitlob, fuq bażi ad hoc jew kontinwa, mingħand l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali informazzjoni dwar it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew inkella, jekk dan jirriżulta li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji għoljin, dik li jiddeċiedi, fi kwalunkwe mument, li jeżerċita huwa stess l-kompetenzi rilevanti kollha fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva jew iktar minn waħda. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, għalkemm l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu għadhom jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiksbu informazzjoni u jwettqu spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, huma għandhom jinformaw lill-BĊE bil-miżuri meħuda u jikkoordinaw “mill-qrib” dawn il-miżuri mal-BĊE.

137    It-tieni, l-affermazzjoni tar-rikorrent li l-BĊE qies li huwa ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata u, “parzjalment għal din ir-raġuni”, iddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata b’ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, li jikklassifika lir-rikorrent bħala entità sinjifikattiva, hija infondata. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ma jipprojbixxu lill-BĊE milli jwettaq spezzjoni fil-bini ta’ entità inqas sinjifikattiva u milli jikklassifika simultanjament jew sussegwentement lil din tal-aħħar bħala entità sinjifikattiva. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-BĊE qies li huwa ma kienx kompetenti hija kontradetta mid-deċiżjoni kkontestata, li ssemmi darbtejn li l-BĊE huwa kompetenti sabiex jadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva (ara l-paġni 1 u 4 ta’ dik id-deċiżjoni).

138    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

139    Ir-rikorrent jsostni li l-BĊE naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni peress li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 bl-ebda mod ma tesponi r-raġunijiet li għalihom il-BĊE ddeċieda li jwettaq spezzjoni fuq il-post.

140    Il-BĊE jsostni li l-motiv għandu jiġi miċħud.

141    Il-motivazzjoni meħtieġa b’mod partikolari mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    L-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit formali sostanzjali li jrid jitqies b’mod separat mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tirrelata mal-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni adottati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2014/2013, l-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 142 [tar-Regolament Nru 468/2014] u skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament [Nru 1024/2013], spezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE, li bħala minimu għandha tispeċifika dan li ġej:

a)      is-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post; u

b)      il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li suġġetta għaliha għandu jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont it-tifsira tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament [Nru 1024/2013], mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali kif stipulata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament [Nru 1024/2013].”

145    F’dan il-każ, l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 li tinnotifika d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrent ssemmi li ser titwettaq spezzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikoli 143 sa 146 tar-Regolament Nru 468/2014, skont deċiżjoni tal-Bord Superviżorju tal‑10 ta’ Jannar 2019. Din issemmi li l-għan ta’ din l-ispezzjoni huwa r-riskju ta’ kreditu u tippreċiża li din tikkonċerna lir-rikorrent u lill-kumpanniji tal-grupp tiegħu. Hija tindika li din l-ispezzjoni hija ppjanata għax-xahar ta’ Marzu 2019 u li l-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni ser jikkuntattja lir-rikorrent sabiex jorganizza l-ewwel laqgħa.

146    Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tindika li l-ispezzjoni fuq il-post għandha bħala għan ir-riskju ta’ kreditu, hija ssemmi b’mod ċertament sommarju iżda suffiċjentement ċar, f’konformità mal-Artikolu 143(2)(a) tar-Regolament Nru 468/2014, kemm is-suġġett tal-ispezzjoni, jiġifieri r-riskju ta’ kreditu, kif ukoll l-għan tagħha, jiġifieri l-analiżi ta’ dan ir-riskju mill-BĊE. F’dan ir-rigward, il-BĊE ma kellux l-obbligu li jsemmi f’din l-ittra suspett ta’ ksur, aspett li barra minn hekk ir-rikorrent ma jallegax (ara l-punti 188 u 226 iktar ’il quddiem).

147    Il-kunċett ta’ riskju ta’ kreditu huwa kunċett fundamentali tal-attività bankarja, mingħajr ambigwità u li essenzjalment jikkorrispondi għar-riskju li min jissellef ma jħallasx lura l-kreditu tiegħu. Dan jissemma fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 575/2013, l-Artikolu 79 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 176, p. 338, fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), u barra minn hekk huwa suġġett għall-Prinċipju 17 tal-Prinċipji Fundamentali għas-Superviżjoni Bankarja Effettiva ta’ Settembru 2012 tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (iktar ’il quddiem il-“Prinċipji Fundamentali għas-Superviżjoni Bankarja Effettiva”), li ma humiex vinkolanti iżda jikkostitwixxu, fi kliemhom stess, l-“istandard de facto minimu għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali tal-banek u tas-sistemi bankarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

148    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, matul il-laqgħa organizzata fil‑5 ta’ Marzu 2019, jiġifieri diversi ġranet qabel il-bidu tal-ispezzjoni, il-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni pprovda dettalji speċifiċi dwar l-ispezzjoni inkwistjoni, bl-għajnuna ta’ dokument ippreżentat lir-rikorrent. B’mod partikolari, huwa ppreċiża l-portata tal-missjoni, bit-titolu “Riskju ta’ kreditu u governanza”, billi spjega fid-dettall il-kontenut tal-ispezzjoni fir-rigward tal-klassifika u l-akkwisti, ir-reġistrazzjoni ta’ inventarju (assi preklużi mibjugħa), il-valorizzazzjoni tal-garanziji u tal-fondi (assi miżmuma bl-għan li jinbiegħu), il-kwalità tad-data, il-governanza u l-mudell tan-negozju (ara paġna 2 ta’ dak id-dokument).

149    Id-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk saret f’kuntest magħruf mir-rikorrent. Dan tal-aħħar kien f’kuntatt regolari mal-KSFK, li kienet ilha ssegwi bir-reqqa r-riskji li r-rikorrent kien espost għalihom fir-rigward tal-kreditu għal diversi snin u kienet adottat fil-konfront tiegħu, kif ġie indikat fil-punti 9 u 12 iktar ’il fuq, deċiżjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali relatati b’mod partikolari ma’ dawn ir-riskji fl‑2016 u fl‑2017. Ir-rikorrent kien f’kuntatt dirett mal-BĊE, billi huwa kien kitiblu fil‑5 ta’ Lulju u fit‑12 ta’ Settembru 2018 sabiex jitolbu jintervjeni fis-superviżjoni prudenzjali tiegħu u billi l-President tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal-BĊE kienet wiġbitu, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ottubru 2018, li hija kienet taqbel mal-fehma tal-KSFK li s-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet teħtieġ superviżjoni prudenzjali speċifika. Ir-rikorrent kien jaf bl-aspetti kollha tal-proċedura ta’ arbitraġġ, li kien ippreżenta huwa stess. Fl-aħħar, huwa kien ġie informat bil-proċedura intiża biex il-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu, peress li l-abbozz ta’ deċiżjoni relatat magħha ġie kkomunikat lilu permezz ta’ ittra tal-BĊE tal‑11 ta’ Frar 2019.

150    Konsegwentement, anki jekk l-applikant ma kellux quddiemu, fid-data tal-preżentata tar-rikors tiegħu, l-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv, li kien kunfidenzjali skont l-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punti 43 sa 46), huwa kien konxju biżżejjed tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħha.

151    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent irċieva verżjoni mhux kunfidenzjali tal-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali. Dan l-abbozz, li l-motivi prinċipali tiegħu ġew esposti fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, ifakkar l-istorja superviżorja reċenti tar-rikorrent u jsemmi li n-nuqqasijiet u l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li huwa jesponi fid-dettall, ġew identifikati fis-snin preċedenti u ma kinux ġew suġġetti għal miżuri adegwati min-naħa tar-rikorrent. Huwa jsemmi li r-rakkomandazzjoni tal-ICSID timpedixxi lill-KSFK milli timplimenta l-miżuri superviżorji kollha fir-rigward tar-rikorrent, li l-BĊE qiegħed iħejji sabiex jassumi r-responsabbiltà tas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent u li spezzjoni fuq il-post tippermetti lill-BĊE jwettaq l-analiżi proprja tiegħu tas-sitwazzjoni tar-rikorrent. L-abbozz iżid li, flimkien mat-teħid tar-responsabbiltà previst għas-sorveljanza diretta tar-rikorrent, il-BĊE ser ikun f’pożizzjoni li jieħu l-miżuri superviżorji meħtieġa sabiex jiżgura li r-rikorrent josserva r-rekwiżiti prudenzjali.

152    Għalhekk, l-imsemmija komunikazzjoni ppermettiet lir-rikorrent jikseb preċiżazzjonijiet dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom huwa kellu l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet fl-istadju tar-replika.

153    Konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur taddritt tarrikorrent li jinstema’

154    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE kiser id-dritt tiegħu li jinstema’ billi ma tahx l-opportunità li jesprimi l-fehma tiegħu fuq l-ispezzjoni fuq il-post prevista qabel ma adotta d-deċiżjoni kkontestata.

155    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.

156    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li jinstema’, ir-rikorrent sempliċement jindika b’mod sommarju li huwa ma ngħatax l-opportunità li jesprimi l-fehma tiegħu fuq l-ispezzjoni fuq il-post prevista qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

157    Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

158    F’dan il-każ, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1024/2013 jew tar-Regolament Nru 468/2014 ma tipprevedi li deċiżjoni ta’ spezzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha tkun ippreċeduta mill-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li tinstema’. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li teżenta lill-BĊE mill-obbligu tiegħu li jisma’ lill-entità destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni qabel l-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, id-dritt li tinstema’, dritt fundamentali ggarantit mill-Karta, huwa vinkolanti fuq il-BĊE mingħajr ma dan huwa previst b’mod espliċitu minn xi test ieħor.

159    Madankollu, fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Proċess dovut għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji”, jipprevedi, fil- 1 tiegħu, li l-BĊE għandu jagħti l-opportunità li jinstemgħu l-persuni suġġetti għal deċiżjonijiet ta’ superviżjoni f’konformità mal-Artikolu 4 mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu III, intitolat “Setgħat superviżorji speċifiċi”, tal-imsemmi regolament, dan l-Artikolu 22 ma jkoprix il-miżuri adottati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Setgħat Investigatorji”.

160    Barra minn hekk, l-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Proċedura u notifika ta’ spezzjoni fuq il-post”, jipprevedi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-BĊE għandu jinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għal spezzjoni bid-deċiżjoni tal-BĊE kif ukoll bl-identità tal-membri tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post, tal-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu ta’ dik l-ispezzjoni, iżda ma jsemmix li l-persuna kkonċernata għandha tibbenefika mid-dritt li tinstema’.

161    Fuq kollox, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Id-dritt li wieħed jinstema’”, jipprovdi b’mod espliċitu, fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li t-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1024/2013 ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu.

162    Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi li l-persuni ġuridiċi li jkunu s-suġġett ta’ waħda mill-miżuri investigattivi msemmija fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1024/2013, fosthom l-ispezzjoni fuq il-post, ma jibbenefikawx mid-dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżura.

163    Billi tipprevedi li l-persuni kkonċernati ma għandhomx jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija konsistenti man-natura ta’ tali miżura, li l-uniku għan tagħha huwa li tiġbor informazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, EU:C:1980:169, punt 21, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża Italmobiliare vs Il‑Kummissjoni, C‑268/14 P, mhux ippubblikati, EU:C:2015:697, punt 119).

164    Barra minn hekk, mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-BĊE jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ, li jimponi miżuri prudenzjali fid-dawl tal-informazzjoni miġbura waqt investigazzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura li tinkludi d-dritt tal-persuni kkonċernati li jinstemgħu.

165    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li proċedura ta’ spezzjoni tiżvolġi fuq diversi xhur, tinkludi verifiki fuq il-post u s-smigħ tal-impriża kkonċernata li d-dikjarazzjonijiet tagħha jiġu inklużi fil-fajl, jista’ jippermetti li jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata nstemgħet, b’għarfien sħiħ tal-fatti, matul l-ispezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 45 u 46).

166    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, skont il-preżentazzjoni li saret mill-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni fil‑5 ta’ Marzu 2019, kellhom jiġu ppjanati diversi laqgħat bejn il-membri tat-tim ta’ spezzjoni u l-persuni responsabbli tar-rikorrent fuq is-suġġetti rilevanti (ara p. 5 ta’ dik il-preżentazzjoni). Minn din il-preżentazzjoni jirriżulta wkoll li kienu previsti t-trażmissjoni ta’ abbozz ta’ rapport ta’ spezzjoni u laqgħa “tat-tmiem” qabel ma ntbagħat ir-rapport finali u saret il-laqgħa “tal-għeluq” (ara p. 7 ta’ dik il-preżentazzjoni).

167    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li deċiżjoni tal-BĊE li jwettaq spezzjoni fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 ma hijiex suġġetta għad-dritt tal-entità kkonċernata li tinstema’ qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

168    Huwa wara d-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni fuq il-post u qabel l-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1024/2013 li l-BĊE huwa obbligat jagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu.

169    Sussidjarjament, anki jekk jiġi preżunt li l-BĊE kien obbligat jisma’ lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt li jinstema’, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ jkollha riżultat differenti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Issa, f’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li, kieku r-rikorrent instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura seta’ jkollha riżultat differenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrent ma jallegax dan u li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet f’kuntest magħruf minnu, kif ġie rrilevat fil-punt 149 iktar ’il fuq.

171    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 12(1) tarRegolament Nru 1024/2013 sa fejn iddeċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja fissens ta’ din iddispożizzjoni u fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

172    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013, spezzjoni fuq il-post għandha tkun neċessarja. Issa, l-ispezzjoni fuq il-post li huwa ġie suġġett għaliha kienet miżura ta’ ritaljazzjoni li permezz tagħha l-BĊE wera li huwa ma jittollera l-ebda kritika. Fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, il-BĊE ma ddefinixxiex b’mod ċar il-portata u l-għan tal-ispezzjoni fuq il-post. Huwa ma spjegax kif spezzjoni fuq il-post kienet neċessarja sabiex jiġi analizzat ir-riskju ta’ kreditu. Dan ir-riskju fil-fatt kien ilu jiġi mmonitorjat bir-reqqa mill-KSFK għal diversi snin. Id-deċiżjonijiet kollha tar-rikorrent fir-rigward tal-kreditu ġew immonitorjati mill-KSFK u dawk kollha li kienu jirrigwardaw ammont ogħla minn EUR 50 000 kienu ġew suġġetti għall-approvazzjoni tagħha. Għal żmien twil, ma saret l-ebda modifika fil-portafoll tal-kreditu tar-rikorrent mingħajr l-approvazzjoni tal-KSFK.

173    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-BĊE kellu juża l-mezz l-inqas intrużiv sabiex jilħaq l-għan imfittex. Ir-rikorrent dejjem kien lest li jipprovdi lill-BĊE u lill-KSFK kull informazzjoni neċessarja. Ma ntweriex li spezzjoni fuq il-post, b’mod partikolari waħda mmexxija mill-BĊE, ma setgħetx tiġi evitata permezz ta’ miżuri oħra ta’ investigazzjoni adegwati. L-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-BĊE huma iktar restrittivi minn dawk imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, b’mod partikolari għaliex huma jsiru minn membri tal-persunal li ma jitkellmux bil-lingwa tal-pajjiż ikkonċernat. Dan huwa partikolarment minnu għal-Latvja, li l-lingwa tagħha ma hijiex mitkellma ħafna barra mill-fruntieri tal-pajjiż. Barra minn hekk, l-iskeda tal-ispezzjoni kienet abbużiva, peress li, fil-mument tal-ispezzjoni, ir-rikorrent kien qiegħed iwettaq l-awditu annwali tiegħu ma’ impriża terza u l-BĊE rrifjuta li jipposponi l-ispezzjoni b’xahar. Ir-rikorrent ma setax itemm l-awditu annwali tiegħu fi żmien xieraq u l-KSFK imponielu multa għal din ir-raġuni.

174    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.

175    Fid-dawl tar-rabtiet bejn it-tieni u r-raba’ motivi, dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

176    Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jwettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fis-sede kummerċjali tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni prudenzjali, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

177    Il-kwalifikatur “neċessarji”, użat fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 206).

178    L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura trid tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li seta’ ngħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta ġiet adottata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadotta, bħal f’dan il-każ, att relatat mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 86).

179    F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 177 iktar ’il fuq, in-neċessità u n-natura proporzjonata ta’ spezzjoni fuq il-post għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu huwa li tiġi żgurata s-sigurtà u s-solidità ta’ dawn l-istituzzjonijiet, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-protezzjoni tad-depożitanti (ara l-premessi 30 u 65 tar-Regolament Nru 1024/2013).

181    Il-ġestjoni tajba tar-riskju ta’ kreditu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-superviżjoni prudenzjali, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 575/2013, mill-Artikolu 79 tad-Direttiva 2013/36 u, barra minn hekk, mill-prinċipju 17 tal-Prinċipji Fundamentali għas-Superviżjoni Bankarja Effettiva.

182    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kull istituzzjoni ta’ kreditu hija suġġetta għal superviżjoni prudenzjali “kontinwa” mill-awtoritajiet kompetenti (ara l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-premessa 3 tad-Direttiva 2013/36 u l-premessa 25 tar-Regolament Nru 575/2013).

183    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36, setgħat li jippermettulhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu neċessarja sabiex teżerċita l-attività tagħha, li jopponu l-akkwist ta’ parteċipazzjoni f’dik l-istituzzjoni u li jimponu miżuri superviżorji, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-governanza tagħha, it-titjib tas-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-fondi proprji jew tal-likwidità, il-limitazzjoni tal-attività ekonomika, it-trasferiment tal-attivitajiet jew it-tneħħija ta’ membri tal-korp tat-tmexxija mill-qadi ta’ dmirijiethom.

184    L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll, f’konformità mal-Artikoli 9 sa 13 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 65(3) tad-Direttiva 2013/36, setgħat investigattivi li jippermettulhom jeżiġu l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluża l-informazzjoni li għandha tingħata f’intervall regolari u fil-forom speċifikati għall-finijiet tas-superviżjoni u għall-finijiet tal-istatistika relatati, li jwettqu investigazzjonijiet u li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post. Il-premessa 47 tar-Regolament Nru 1024/2013 issemmi li l-BĊE għandu jkun jista’ jitlob kwalunkwe informazzjoni li huwa jiġi bżonn u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post “[s]abiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effikaċi”.

185    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-Artikoli 97 u 99 tad-Direttiva 2013/36, iwettqu stħarriġ u evalwazzjoni prudenzjali. Huma għandhom jistabbilixxu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-frekwenza u l-intensità tal-istħarriġ u tal-evalwazzjoni, fid-dawl tad-daqs u tal-importanza sistemika tal-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tal-attivitajiet tagħha. Dak l-istħarriġ u dik l-evalwazzjoni għandhom isiru mill-inqas darba fis-sena għall-istituzzjonijiet koperti mill-programm tal-istħarriġ prudenzjali. Dan il-programm, li jinkludi pjan għall-ispezzjonijiet fuq il-post, ikopri l-istituzzjonijiet li għalihom ir-riżultati tat-testijiet tal-istress jew ir-riżultati tal-proċess ta’ stħarriġ u evalwazzjoni prudenzjali juru riskji sinjifikattivi fir-rigward tas-solidità finanzjarja tagħhom jew ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti, l-istituzzjonijiet li jippreżentaw riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja u kull istituzzjoni oħra jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dan huwa neċessarju. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fejn xieraq skont l-Artikolu 97, jimplimentaw miżuri bħal żieda fin-numru jew il-frekwenza ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-istituzzjoni jew il-preżenza permanenti tal-awtorità kompetenti fl-istituzzjoni.

186    Il-prinċipji 9 u 10 tal-Prinċipji Fundamentali għas-Superviżjoni Bankarja Effettiva jipprevedu, barra minn hekk, li l-awtorità ta’ kontroll għandha tuża r-riżorsi tagħha b’mod proporzjonat għall-profil tar-riskju u għall-importanza sistemika tal-bank. Huma jsemmu li din l-awtorità għandha tirrikorri għal metodu li jgħaqqad b’mod xieraq il-kontrolli fuq il-post u l-kontrolli dokumentarji. Minn naħa, l-awtorità superviżorja għandha tanalizza r-rapporti prudenzjali u d-dikjarazzjonijiet statistiċi pprovduti mill-banek. Min-naħa l-oħra, hija għandha tivverifika r-rapporti pprovduti mill-banek, fuq talba u f’intervalli regolari, b’indipendenza sħiħa, billi twettaq kontrolli fuq il-post jew billi tirrikorri għal awdituri esterni. Hija tkun f’kuntatt regolari mal-bord tad-diretturi, mal-amministraturi esterni, mad-diretturi u mal-membri tal-eżekuttiv. Hija tiltaqa’ regolarment mad-diretturi u mal-bord tat-tmexxija. Hija tista’ tirrikorri għal partijiet terzi indipendenti, iżda ma tistax tiddelega r-responsabbiltajiet prudenzjali tagħha lil partijiet terzi.

187    Mill-premessi, mid-dispożizzjonijiet u mill-prinċipji mfakkra fil-punti 182 sa 186 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għal superviżjoni prudenzjali “kontinwa”, li hija bbażata fuq taħlita ta’ kontrolli dokumentarji, imwettqa fuq il-bażi ta’ informazzjoni kkomunikata regolarment lill-awtoritajiet kompetenti, u kontrolli fuq il-post, li jippermettu li tiġi vverifikata l-informazzjoni kkomunikata. Il-kontrolli dokumentarji ma jistgħux, fil-prinċipju, jieħdu post l-ispezzjonijiet fuq il-post, li jippermettu b’mod partikolari lill-awtorità kompetenti tivverifika b’mod indipendenti l-informazzjoni ddikjarata minn dawn l-istituzzjonijiet.

188    Għandu jiġi ppreċiżat li, b’differenza mill-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li għandhom l-għan li jidentifikaw ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-BĊE huma intiżi li jivverifikaw, fil-kuntest ta’ superviżjoni kontinwa li tgħaqqad il-kontrolli dokumentarji u l-kontrolli fuq il-post, li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiżguraw ġestjoni u kopertura sodi tar-riskji tagħhom u li l-informazzjoni kkomunikata hija affidabbli, b’tali mod li l-implimentazzjoni ta’ dawn l-ispezzjonijiet ma tkunx suġġetta għall-eżistenza ta’ suspett ta’ ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jsostnix dan.

189    Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 188 iktar ’il fuq ma hijiex kontradetta mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1024/2013, li tgħid li meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-BĊE għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-BĊE jkollu biex jissuspetta li jkun sar ksur tal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament kif ukoll fuq il-gravità tal-ksur issuspettat u fuq in-natura tal-involviment tal-persuna suġġetta għall-miżuri koerċittivi.

190    Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma tikkonċernax in-neċessità tal-ispezzjoni fuq il-post, iżda l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi previsti, b’mod partikolari meta jiġi kkonstatat li persuna topponi spezzjoni.

191    Fl-aħħar, mid-dispożizzjonijiet, mill-premessi u mill-prinċipji mfakkra fil-punti 182 sa 186 iktar’ il fuq jirriżulta li l-frekwenza u l-intensità tal-ispezzjonijiet fuq il-post jiġu stabbiliti billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

192    F’dan il-każ, l-ewwel, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li n-nuqqasijiet u l-ksur ta’ dispożizzjonijiet applikabbli ġew identifikati mill-KSFK matul is-snin ta’ qabel l-ispezzjoni u li r-rikorrent ma adottax il-miżuri adegwati sabiex jirrimedja l-preokkupazzjonijiet prudenzjali li jirriżultaw minn dawn il-konstatazzjonijiet.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tat-tieni u r-raba’ motivi, ir-rikorrent ma jiżviluppa l-ebda argument intiż sabiex jikkontesta r-realtà tan-nuqqasijiet u tal-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, huwa ma jallegax li kkontesta quddiem il-qrati nazzjonali d-deċiżjonijiet tal-KSFK adottati fi Frar 2016 u f’Awwissu 2017, u ma jesponix ir-riżultat tal-proċeduri ġudizzjarji possibbli. Huwa ma jikkontestax il-konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li ma adottax il-miżuri adegwati sabiex jirrimedja l-preokkupazzjonijiet prudenzjali kkonċernati.

194    It-tieni, l-argument tar-rikorrent li huwa kien lest jikkomunika lill-BĊE kull informazzjoni neċessarja ma jistax jintlaqa’, peress li tali komunikazzjoni ma kinitx tkun ekwivalenti għall-possibbiltà tal-BĊE li jivverifika fuq il-post l-integrità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni trażmessa u li jkollu laqgħat fuq diversi suġġetti mar-rappreżentanti tar-rikorrent.

195    It-tielet, il-fatt li r-riskju ta’ kreditu li għalih kien espost ir-rikorrent kien ġie segwit mill-qrib mill-KSFK għal diversi snin, li jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet kollha tar-rikorrent dwar ammont ogħla minn EUR 50 000 kienu ġew suġġetti għall-approvazzjoni tal-KSFK, ma jikkonfutax in-neċessità tal-ispezzjoni fuq il-post. Dan il-monitoraġġ jikkorrobora l-attenzjoni mogħtija mill-KSFK għar-riskju ta’ kreditu u ma jikkontradixxix il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrent ma ħax il-miżuri adegwati sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet u l-ksur ta’ dispożizzjonijiet applikabbli diġà identifikati.

196    Ir-raba’, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ ritaljazzjoni fil-konfront tiegħu. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE, li saru waqt konferenza fil‑21 ta’ Novembru 2017, u li skonthom, fil-każ ta’ proċedura formali mibdija minn istituzzjoni ta’ kreditu fil-konfront tagħha, l-awtorità kompetenti tista’ tirreaġixxi billi tintensifika s-superviżjoni tagħha, ma jikkostitwixxux prova b’saħħa probatorja suffiċjenti li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura ta’ ritaljazzjoni, peress li dawn id-dikjarazzjonijiet qosra ngħataw “f’kapaċità personali”, ma jimplikawx neċessarjament l-eżistenza ta’ ritaljazzjoni u ma humiex iċċirkustanzjati.

197    Il-ħames, l-argument ibbażat fuq l-aspett li, fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali, il-BĊE ma esponiex b’mod ċar il-portata u l-għan tal-ispezzjoni fuq il-post u ma spjegax kif spezzjoni kienet neċessarja għall-analiżi tar-riskju ta’ kreditu, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 hijiex motivata biżżejjed diġà ġiet eżaminata fil-punti 145 sa 150 iktar ’il fuq u tikkonċerna fi kwalunkwe każ formalità ta’ notifika, prevista mill-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 468/2014, li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 143 iktar ’il fuq.

198    Is-sitt, l-argument tar-rikorrent li l-ispezzjonijiet tal-BĊE huma iktar restrittivi minn dawk tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt.

199    Fil-fatt, minn naħa, kif isostni l-BĊE, l-ispezzjonijiet imwettqa minn dan tal-aħħar u dawk imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma bbażati fuq l-istess regoli. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jikkontestax dan. Min-naħa l-oħra, kif isostni wkoll il-BĊE, l-użu tal-lingwa Ingliża mill-uffiċjali tal-ispezzjoni ma jistax jitqies f’dan il-każ bħala restrizzjoni sinjifikattiva, peress li r-rappreżentanti tar-rikorrent ma kinux obbligati jikkomunikaw b’din il-lingwa mal-uffiċjali tat-tim ta’ spezzjoni, u li, barra minn hekk, ir-rikorrent għażel sussegwentement l-Ingliż bħala l-unika lingwa ta’ komunikazzjoni mal-BĊE.

200    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-ispezzjonijiet tal-BĊE huma iktar restrittivi minn dawk tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tistabbilixxi li dawn huma sproporzjonati.

201    Is-seba’ u l-aħħar nett, in-natura abbużiva tal-iskeda tal-ispezzjoni ma ġietx ipprovata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-ispezzjoni bdiet iktar minn tliet ġimgħat wara li waslet l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 u li din kienet ippreċeduta minn laqgħa tal-ftuħ li kienet tinkludi preċiżazzjonijiet dwar l-iżvolġiment tagħha, li ppermettiet lir-rikorrent jieħu miżuri ta’ organizzazzjoni qabel il-bidu tal-ispezzjoni. Iċ-ċirkustanza li r-rikorrent wettaq l-awditu annwali tal-kontijiet tiegħu matul l-ispezzjoni ma tistax turi n-natura abbużiva ta’ din l-iskeda. Minn naħa, li l-BĊE jiġi obbligat jipposponi spezzjoni għar-raġuni unika li l-istituzzjoni ta’ kreditu trid twettaq l-awditu annwali tal-kontijiet tagħha jista’ jippreġudika l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja, filwaqt li l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi, għall-kuntrarju, li l-BĊE jista’ jeżerċita “f’kull ħin” is-setgħa tiegħu li jwettaq spezzjoni fuq il-post. Min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li l-ispezzjoni impedixxiet lir-rikorrent milli jlesti l-awditu annwali tal-kontijiet tiegħu fi żmien xieraq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel, huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex josservaw it-termini legali għall-preżentata tal-kontijiet awditjati tagħhom, it-tieni, skont id-deċiżjoni tal-KSFK tal‑14 ta’ Mejju 2019 li imponiet sanzjoni fuq ir-rikorrent, dan kien diġà ttardja fil-preżentata tal-kontijiet tiegħu fl‑2017 u, it-tielet, id-dewmien tar-rikorrent fil-preżentata tal-kontijiet annwali awditjati tiegħu jista’ jiġi spjegat ukoll, fejn xieraq, min-nuqqas ta’ mezzi implimentati mit-tim tal-awditu.

202    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE seta’ ġustament jikkunsidra, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu, li t-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent kien neċessarju, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, sabiex jitwettaq eżami tar-riskju ta’ kreditu li għalih kien espost ir-rikorrent, u b’mod iktar wiesa’ sabiex jiġu żgurati s-solidità ta’ dik l-istituzzjoni, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-protezzjoni tad-depożitanti. Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li l-BĊE seta’ jirrikorri għal miżura inqas restrittiva mill-ispezzjoni fuq il-post li huwa wettaq u lanqas li l-iżvantaġġi kkawżati minn din il-miżura ta’ spezzjoni kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan segwit.

203    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni u r-raba’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

5.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 12(1) tarRegolament Nru 1024/2013 sa fejn ilBĊE ma eżerċitax b’mod debitu ssetgħa diskrezzjonali tiegħu u fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu talBĊE li jeżamina u jevalwa birreqqa u b’mod imparzjali laspetti rilevanti kollha talkaż inkwistjoni

204    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni n-natura diskrezzjonali ta’ deċiżjoni li jwettaq spezzjoni fuq il-post. Ma ntweriex li l-BĊE eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk spezzjoni fuq il-post kinitx xierqa. L-assenza ta’ kwalunkwe kunsiderazzjoni “rilevanti” tirriżulta b’mod ċar min-natura mhux tas-soltu ħafna ta’ deċiżjoni tal-BĊE li jwettaq spezzjoni fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva.

205    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrent isostni li l-BĊE naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu, f’konformità mal-ġurisprudenza, li jeżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti “rilevanti” kollha tal-każ inkwistjoni. Il-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-abbundanza ta’ informazzjoni rilevanti li kellha l-KSFK dwar kull riskju ta’ kreditu potenzjali.

206    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li t-tielet u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda.

207    Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet motiv għandu jitqies li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-BĊE ma użax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk spezzjoni fuq il-post kinitx xierqa, kif jeżiġi l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali ma ssemmi l-ebda ċirkustanza “rilevanti”.

208    Permezz tas-sitt motiv tiegħu, ir-rikorrent iqajjem mill-ġdid motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ eżami, bir-reqqa u b’mod imparzjali, tal-aspetti “rilevanti” tal-każ inkwistjoni.

209    Dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati simultanjament, peress li t-tnejn huma intiżi sabiex jikkritikaw lill-BĊE talli wettaq żball ta’ liġi meta ma eżaminax jew ma evalwax l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta rikorrent iqajjem motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi ta’ din in-natura, huwa jkollu l-oneru li jippreżenta l-provi li jippermettu li jiġi konkluż li seħħ tali żball.

211    Issa, insostenn ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrent isostni, b’mod sommarju, li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali hija nieqsa “minn kull kunsiderazzjoni rilevanti”. Huwa jenfasizza li spezzjoni fuq il-post mill-BĊE ma hijiex normali f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva u li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni ħafna informazzjoni li kellha l-KSFK fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu li huwa kien espost għalih.

212    Madankollu, mill-abbozz ta’ deċiżjoni meqjus adottat mill-Kunsill Governattiv, b’mod partikolari mill-Anness tiegħu, jirriżulta li l-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kellha l-KSFK fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu li kien espost għalih ir-rikorrent. Minn dan jirriżulta wkoll li l-BĊE ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li r-rikorrent kien istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, billi qies f’żewġ okkażjonijiet differenti li din ma kinitx timpedixxi t-twettiq tal-ispezzjoni fuq il-post, kif ġie rrilevat fil-punt 137 iktar ’il fuq. Fl-aħħar, minn dan jirriżulta li l-BĊE evalwa b’mod debitu jekk kinitx xierqa spezzjoni fuq il-post u kkonkluda fl-affermattiv, fid-dawl b’mod partikolari tan-nuqqasijiet u tal-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli li kienu ġew identifikati fis-snin preċedenti u tal-fatt li r-rikorrent ma kienx ħa l-miżuri adegwati sabiex jirrimedjahom.

213    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, bħalma jirriżulta mir-risposta għat-tieni u għar-raba’ motivi, li r-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE ma eżaminax iċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni tiegħu jew ma evalwax jekk kinitx neċessarja spezzjoni fuq il-post fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi.

214    Għaldaqstant, it-tielet u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

6.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

215    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li l-portata u l-għan tagħha ma humiex ċari. Minħabba li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali ssemmi biss ir-riskju ta’ kreditu, ir-rikorrent ma huwiex f’pożizzjoni li jkun jaf il-firxa tal-effett vinkolanti tagħha u li jkun jaf sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ talba tal-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni jista’ jitqies bħala ostakolu. Din l-ittra tindika wkoll li l-portata tal-ispezzjoni setgħet tiġi estiża mingħajr limitu matul l-ispezzjoni. Il-Gwida dwar is-superviżjoni bankarja tenfasizza madankollu li spezzjoni fuq il-post għandu jkollha portata ddefinita minn qabel. Il-mistoqsijiet magħmula mill-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni kienu jkopru diversi oqsma li huma irrilevanti għall-analiżi tar-riskju ta’ kreditu. Ċerti mistoqsijiet ma kinux jikkorrispondu għal għan ta’ superviżjoni prudenzjali identifikabbli, iżda kienu iktar jaqgħu taħt investigazzjoni profonda fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, qasam li fih il-BĊE ma huwiex l-awtorità kompetenti, lanqas fir-rigward tal-istituzzjonijiet sinjifikattivi. Barra minn hekk, anki fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-talba indirizzata lir-rikorrent sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-pagamenti deħlin u ħerġin kollha għall-klijenti kollha tagħha matul l-aħħar sentejn kienet tkun irraġonevoli.

216    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.

217    Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi, fost oħrajn, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari fejn jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi għall-individwi u l-impriżi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112).

219    Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi li l-ispezzjoni għandha bħala għan investigazzjoni profonda dwar ir-riskji, il-kontroll tar-riskji u l-governanza tar-rikorrent, sabiex jiġu evalwati, fost l-oħrajn, il-proċeduri, is-sistemi u l-kwalità tal-ġestjoni tiegħu, u li din l-ispezzjoni kienet ser tiffoka prinċipalment fuq ir-riskju ta’ kreditu.

220    Il-fatt li l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019 kienet tindika li l-ispezzjoni fuq il-post għandha bħala għan ir-riskju ta’ kreditu ma jippreġudikax il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

221    Fil-fatt, ir-riskju ta’ kreditu huwa kunċett fundamentali tal-attività bankarja, kif ġie rrilevat fil-punt 147 iktar ’il fuq, li huwa mifhum mill-atturi f’dan is-settur. Barra minn hekk, il-portata tal-ispezzjoni ġiet esposta b’mod iktar preċiż matul il-laqgħa tal‑5 ta’ Marzu 2019, diversi ġranet qabel il-bidu tal-ispezzjoni. Kif ġie rrilevat fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-kap tal-missjoni ta’ spezzjoni ppreċiża, bl-għajnuna ta’ dokument mogħti lir-rikorrent, il-portata tal-missjoni, bit-titolu “Riskju ta’ kreditu u governanza”, jiġifieri l-klassifika u l-akkwisti, ir-reġistrazzjoni ta’ inventarju (assi preklużi mibjugħa), il-valorizzazzjoni tal-garanziji u tal-fondi (assi miżmuma bil-għan li jinbiegħu), il-kwalità tad-data u l-governanza kif ukoll il-mudell tan-negozju.

222    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019, sa fejn għamlet riferiment għar-riskju ta’ kreditu, ma kinitx ċara u li, konsegwentement, huwa ma setax ikun jaf sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ talba tal-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni jista’ jitqies bħala ostakolu għall-ispezzjoni.

223    Barra minn hekk, il-fatt li l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019 semmiet li l-portata tal-ispezzjoni tista’ tiġi estiża matul l-ispezzjoni u li, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien ser jiġi informat b’dan mill-kap tal-missjoni f’isem il-BĊE ma jiksirx il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

224    Fil-fatt, l-imsemmija ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 semmiet li tali estensjoni tal-portata tal-ispezzjoni kienet ser tfisser li r-rikorrent jiġi informat minn qabel. Għaldaqstant minn din l-ittra jirriżulta li, fl-assenza ta’ tali informazzjoni, is-suġġett tal-ispezzjoni kien ser jibqa’ limitat għar-riskju ta’ kreditu.

225    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-punt 69 tal-Gwida għas-superviżjoni bankarja jsemmi li l-ispezzjonijiet fuq il-post għandu jkollhom portata ddefinita minn qabel, għandu jiġi kkunsidrat li dan kien tabilħaqq il-każ fl-ispezzjoni inkwistjoni, peress li hija kienet iffokata fuq riskju speċifiku.

226    Barra minn hekk, skont il-punt 73 tal-Gwida għas-superviżjoni bankarja, l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jkunu “ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri jkopru firxa wiesgħa ta’ riskji u attivitajiet sabiex tiġi pprovduta stampa kompluta tal-istituzzjoni ta’ kreditu kollha, “immirati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri jiffokaw fuq parti partikolari mill-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu, fuq problema jew riskju speċifiku, jew “tematiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri jiffokaw fuq kwistjoni (pereżempju, il-qasam ta’ attività jew it-tipi ta’ tranżazzjonijiet) fi grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kredituri paragunabbli. Huwa jippreċiża li t-timijiet ta’ superviżjoni konġunti, li jinkludu l-persunal tal-BĊE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jistgħu jitolbu eżami tematiku tal-kontroll ta’ riskju partikolari jew tal-proċess ta’ tmexxija fl-istituzzjonijiet kollha. Huwa jsemmi li jistgħu jsiru wkoll eżamijiet tematiċi abbażi ta’ analiżi makroprudenzjali u settorjali li jidentifikaw theddid għall-istabbiltà finanzjarja minħabba d-dgħufija tas-setturi ekonomiċi jew it-tixrid ta’ prattiki riskjużi fis-settur bankarju.

227    L-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li, matul l-ispezzjoni, l-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni talbu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma hijiex relatata mar-riskju ta’ kreditu għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

228    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jaffettwawx, bħala tali, il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, peress li jikkonċernaw fatti sussegwenti għal dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ dan it-tip ma tistax għalhekk tiddependi fuq il-mod kif l-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni jeżegwixxuha.

229    Għandu jiġi ppreċiżat li, fejn l-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni jitolbu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tmur lil hinn mis-suġġett tal-ispezzjoni, l-entità kkonċernata għandha d-dritt tirrifjuta li tikkomunika tali informazzjoni, ħlief jekk il-BĊE jipproċedi, permezz ta’ miżuri koerċittivi, għall-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni kkonċernata.

230    Jekk jitqies li l-BĊE jiddeċiedi li jadotta deċiżjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ persuna ġuridika talli tostakola t-twettiq ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, dik id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ tali rikors, il-persuna ġuridika kkonċernata tista’ ssostni, jekk taħseb li dan huwa fondat, li l-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni talbu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tmur lil hinn mis-suġġett tal-ispezzjoni.

231    L-entità kkonċernata tista’ wkoll, mingħajr ma tirrifjuta talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ spezzjoni, tippreżenta oġġezzjonijiet għal din il-komunikazzjoni u titlob lill-BĊE sabiex ma jużax l-informazzjoni inkwistjoni għar-raġuni li ma taqax taħt is-suġġett tal-ispezzjoni. Ir-rifjut mill-BĊE li jilqa’ t-talbiet leġittimi tal-persuna ġuridika kkonċernata jista’ jagħmel lill-BĊE responsabbli u, skont il-każ, jivvizzja b’illegalità l-atti li l-BĊE jadotta sussegwentement.

232    Fi kwalunkwe każ, insostenn tal-argument tiegħu li l-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni talbu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma hijiex relatata mar-riskju ta’ kreditu, ir-rikorrent jagħmel riferiment, fl-ewwel lok, b’mod ġenerali, għall-Anness A.12, li jinkludi talbiet għal informazzjoni indirizzati bil-miktub lir-rikorrent mill-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni matul ix-xhur ta’ Marzu u April 2019. Billi llimitata ruħu li sempliċement isostni li dan l-anness, ta’ madwar għaxar paġni, jinkludi eżempji ta’ kwistjonijiet mhux relatati mar-riskju ta’ kreditu, mingħajr ma identifika l-kwistjonijiet ikkonċernati u mingħajr ma indika r-raġunijiet għaliex dawn il-kwistjonijiet ma humiex rilevanti għall-analiżi tar-riskju ta’ kreditu, ir-rikorrent ma poġġiex lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tal-argument tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il‑Kummissjoni, C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115).

233    Għalkemm ir-rikorrent isostni b’mod konkret, fit-tieni lok, li l-BĊE talbu jipprovdi informazzjoni dwar il-ħlasijiet deħlin u ħerġin tal-klijenti tal-bank matul l-aħħar sentejn, li tabilħaqq jirriżulta mill-Anness A.12, huwa ma indikax li kien qajjem xi oġġezzjoni għal din it-talba bil-miktub mill-uffiċjali inkarigati mill-ispezzjoni. Madankollu, anki jekk jitqies li l-imsemmija talba marret lil hinn mill-portata tal-ispezzjoni jew li kienet ta’ natura sproporzjonata fid-dawl tal-ammont ta’ informazzjoni mitluba, dan ma jippermettix li jintwera li d-deċiżjoni kkontestata stess, li ma hijiex ambigwa, tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

234    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fittrattament u ta’ nondiskriminazzjoni

235    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. L-ispezzjonijiet fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva huma rari ħafna u l-BĊE ma spjegax għaliex huwa kien adotta din il-miżura mhux tas-soltu f’dan il-każ. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-BĊE naqas milli jwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mir-rikorrent fl-ittri tiegħu tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018 fir-rigward tal-problemi ta’ korruzzjoni u l-kummenti ostili fformulati pubblikament minn uffiċjali Latvjani. Il-BĊE ma weriex li wettaq investigazzjoni f’dan ir-rigward u ma rrikonoxxiex li t-theddid pubbliku min-naħa ta’ A ma kienx xieraq. Is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), ma solvietx il-problema, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-miżuri imposti mir-Repubblika tal-Latvja kontra A minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet il-provi tal-atti tal-korruzzjoni fi żmien xieraq. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minkejja li kien hemm provi sodi li jissostanzjaw l-ilmenti ta’ korruzzjoni u ta’ aġir illegali, u l-BĊE rrifjuta li jinvestiga u jirrimedja din is-sitwazzjoni. Ir-rikorrent jikkonkludi minn dan li, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni, it-trattament mhux tas-soltu li huwa kien is-suġġett tiegħu għandu jiġi interpretat bħala att diskriminatorju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, sadanittant, A reġa’ ngħata l-kariga tiegħu ta’ gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

236    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

237    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

238    Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati huma paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25).

239    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent ma jindikax liema istituzzjonijiet kienu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu u ma kinux suġġetti għal trattament tal-istess natura.

240    Fit-tieni lok, jekk jitqies li r-rikorrent qiegħed jilmenta dwar trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi li ma kinux suġġetti għal spezzjoni mwettqa mill-BĊE stess, għandu jitfakkar li l-BĊE mhux biss għandu s-setgħa li jwettaq spezzjonijiet fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, iżda li huwa fil-fatt għamel dan f’istituzzjonijiet oħra minbarra r-rikorrent, kif isostni l-BĊE u kif barra minn hekk jirrikonoxxi r-rikorrent.

241    Għalkemm mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-ispezzjonijiet imwettqa mill-BĊE stess fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi huma tabilħaqq ħafna inqas frekwenti minn dawk li l-BĊE jwettaq fl-istituzzjonijiet meqjusa bħala sinjifikattivi, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-motiv li r-rakkomandazzjoni tal-ICSID timpedixxi lill-KSFK milli timplimenta l-miżuri kollha ta’ superviżjoni fir-rigward tar-rikorrent, jistgħu jispjegaw kif is-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet waħda partikolari, u minħabba dan il-fatt ma kinitx paragunabbli mas-sitwazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi oħra li ma ġewx suġġetti għal spezzjoni fuq il-post imwettqa mill-BĊE, u għalhekk għaliex il-BĊE ddeċieda, f’dan il-każ, li jwettaq tali spezzjoni.

242    Anki jekk jitqies li r-rikorrent qiegħed jilmenta dwar aġir diskriminatorju meta mqabbel ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li, għall-kuntrarju tiegħu, l-azzjonist prinċipali tagħhom ma rrapportax atti ta’ korruzzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ tali denunzja.

243    Barra minn hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-investigazzjoni kriminali li tat lok għall-akkuża ta’ A ma tikkonċernax lir-rikorrent, iżda lil bank Latvjan terz, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, ir-rikorrent jindika mingħajr ma jippreċiża iktar li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

244    Fit-tieni lok, għalkemm ir-rikorrent iqis li l-BĊE kellu l-obbligu li jwettaq investigazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, il-BĊE ġustament isostni li huwa ma għandux il-kompetenza li jwettaq investigazzjoni huwa stess fuq tali atti u li huwa jikkoopera f’dan ir-rigward mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

245    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-BĊE wettaq żball meta ma wettaqx investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR jew fuq il-kummenti magħmula minn A fir-rigward tar-rikorrent, ma ntweriex li dan l-iżball kien ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, li ma tiddeċidix dwar jekk huwiex xieraq li titwettaq tali investigazzjoni, iżda dwar jekk għandhiex issir spezzjoni fuq il-post.

246    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tidher li twieġeb parzjalment b’mod favorevoli għat-talbiet tar-rikorrent, esposti fl-ittri tiegħu tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018 imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, peress li dik id-deċiżjoni kellha bħala effett li l-BĊE jintervjeni iktar fis-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent.

247    Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.      Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 19 u talpremessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

248    Ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 19 u l-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 jeżiġu lill-BĊE jwettaq il-kompiti fdati lilu indipendentement minn kull influwenza politika indebita. Id-deċiżjonijiet tal-BĊE ma għandhomx ikunu influwenzati minn kunsiderazzjonijiet oħra għajr dawk prudenzjali.

249    Ir-rikorrent jisħaq li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura ta’ ritaljazzjoni adottata peress li flimkien mal-azzjonisti tiegħu kien iddenunzja l-aġir illegali ta’ membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Dan jirriżulta mid-deċiżjoni li permezz tagħha l-BĊE ddeċieda li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, li l-unika raġuni għaliha kienet il-bidu tal-proċedura ta’ arbitraġġ mir-rikorrent, jiġifieri l-eżerċizzju leġittimu ta’ rimedju ġudizzjarju. Dan jirriżulta wkoll mill-ittra tal‑14 ta’ Frar 2019 tad-Direttur Ġenerali, li ma tipprovdi l-ebda motiv insostenn tad-deċiżjoni mhux tas-soltu li titwettaq spezzjoni fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva.

250    Ir-rikorrent isostni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ tweġiba mill-BĊE għat-tentattivi tiegħu li jistabbilixxi djalogu dwar il-problemi ta’ korruzzjoni, tat-trattament regolatorju inġust li huwa kien suġġett għalih u tal-kummenti ostili u mhux xierqa li saru pubblikament minn uffiċjali Latvjani, b’mod partikolari t-theddida ta’ rtirar tal-approvazzjoni li saret minn A. Dawn il-problemi ta’ korruzzjoni huma rikonoxxuti sew, inkluż mill-awtoritajiet Latvjani, mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u mill-Istati Uniti tal-Amerika. Fi Frar 2018, l-imsemmija problemi ta’ korruzzjoni wasslu għad-detenzjoni ta’ A kif ukoll għat-teħid ta’ miżuri preventivi, li fil-prattika impedixxew lil dan tal-aħħar milli jaqdi dmirijietu bħala l-gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja u ta’ Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. L-unika reazzjoni tal-BĊE kienet li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑238/18) sabiex jiddefendi l-indipendenza tiegħu kontra interferenza allegatament imwettqa mir-Repubblika tal-Latvja. Il-BĊE ma għamel xejn sabiex jinvestiga u jirrimedja l-problemi inkwistjoni sabiex terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-proċess regolatorju. Bi tweġiba għall-imsemmi rikors tal-BĊE, ir-Repubblika tal-Latvja kkonfermat li kienu jeżistu provi tal-atti ta’ korruzzjoni mwettqa minn A, iżda ma pproduċietx dawn l-elementi. Ir-rikorrent iqis li, f’dan il-każ, huwa l-BĊE, u mhux ir-rikorrent, li għandu jipprova li s-superviżjoni prudenzjali kienet implimentata b’mod regolari.

251    Minn dan ir-rikorrent jikkonkludi li, f’dan il-każ, il-BĊE ma investigax problemi serji relatati mal-kwalità tas-superviżjoni prudenzjali, iżda adotta d-deċiżjoni mhux tas-soltu li jwettaq spezzjoni fuq il-post f’istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva mingħajr ma pprovda l-iċken motiv. Dan għandu jiġi interpretat bħala li jesprimi l-messaġġ li l-kritika tal-awtoritajiet regolatorji twassal għal ritaljazzjonijiet kbar.

252    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-BĊE u lir-Repubblika tal-Latvja jiżvelaw il-korrispondenza rilevanti kollha bejn il-BĊE u l-KSFK sabiex il-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata jkunu jistgħu jiġu ddeterminati.

253    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

254    Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom minn dan ir-regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jaġixxu fi ħdan il-MSU għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u l-membri tal-Bord Superviżorju u tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

255    Il-premessa 75 ta’ dan ir-regolament issemmi li, sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jkun jista’ jeżerċitahom b’indipendenza sħiħa, b’mod partikolari b’mod ħieles minn kull influwenza politika żejda u minn kull interferenza min-naħa tal-industrija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali tiegħu.

256    Att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ttieħed esklużivament jew tal-inqas prinċipalment għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħata l-poter inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura speċjali prevista mit-Trattat FUE sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 75, u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 82).

257    Fl-ewwel lok, sabiex jipprova juri li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura ta’ ritaljazzjoni adottata għaliex huwa, flimkien mal-azzjonisti tiegħu, iddenunzja l-aġir illegali ta’ membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, ir-rikorrent jinvoka l-motivi tad-deċiżjoni tal-BĊE, innotifikata b’ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, li tikklassifika lir-rikorrent bħala istituzzjoni sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

258    Madankollu, anki jekk jitqies li l-imsemmija deċiżjoni tal-BĊE kienet ivvizzjata b’illegalità, dan ma jkollux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ibbażata fuq id-deċiżjoni invokata mir-rikorrent.

259    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, id-deċiżjoni tal-BĊE li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent ma ġietx adottata minħabba li r-rikorrent beda l-proċedura tal-arbitraġġ. Fil-fatt, f’dik id-deċiżjoni, il-BĊE ma bbażax ruħu fuq il-ftuħ ta’ dik il-proċedura, bħala tali, iżda essenzjalment fuq il-motiv li, wara r-rakkomandazzjoni tal-ICSID li saret fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, il-KSFK kienet tqis lilha nnifisha totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fir-rigward tar-rikorrent u kienet talbet lill-BĊE sabiex jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent.

260    Għalhekk, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li d-deċiżjoni tal-BĊE li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu hija bbażata fuq l-eżerċizzju leġittimu ta’ rimedju ġudizzjarju, jiġifieri l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ, u lanqas, fi kwalunkwe każ, li l-motivi tagħha juru rieda tal-BĊE li jadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra r-rikorrent talli beda tali proċedura.

261    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tesponi l-motivi li għalihom il-BĊE ddeċieda li jwettaq spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent.

262    Issa, minn dawn il-motivi jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata għal għan konformi mar-regoli prudenzjali. Fil-fatt, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq nuqqasijiet u ksur relatati ma’ rekwiżiti prudenzjali identifikati fis-snin preċedenti, din hija koerenti mal-għan ta’ stabbiltà finanzjarja. Sa fejn il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rakkomandazzjoni tal-ICSID kienet timpedixxi lill-KSFK milli timplimenta l-miżuri ta’ sorveljanza kollha fir-rigward tar-rikorrent u ddeċieda li jwettaq huwa stess spezzjoni fuq il-post fil-bini tar-rikorrent, huwa ma segwiex għan li ma kienx relatat mal-kompitu tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, iżda sempliċement implimenta, billi ħa inkunsiderazzjoni din ir-rakkomandazzjoni, modalità ta’ superviżjoni prudenzjali prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013.

263    Barra minn hekk, mit-tweġiba għat-tieni u għar-raba’ motivi jirriżulta li l-BĊE ma kisirx il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu meta qies li t-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post kien neċessarju fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi element addizzjonali insostenn tal-konstatazzjoni li l-BĊE ma vvizzjax id-deċiżjoni tiegħu b’użu ħażin ta’ poter.

264    Fit-tielet lok, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 243 sa 245 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrent li l-BĊE ma bediex investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR jew dwar il-kummenti li saru minn A wara l-arrest tiegħu, ma huwiex prova b’saħħa probatorja li turi li l-BĊE kellu l-għan, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jieħu miżura ta’ ritaljazzjoni fil-konfront tar-rikorrent b’rabta mad-denunzja ta’ dawn l-atti ta’ korruzzjoni.

265    Fir-raba lok, fir-rigward tal-allegat trattament regolatorju inġust assoċjat mal-atti ta’ korruzzjoni li huwa ddenunzja, ir-rikorrent ma jesponix b’mod preċiż liema atti amministrattivi huma, fil-fehma tiegħu, ivvizzjati b’illegalità, u lanqas, fi kwalunkwe każ, kif l-illegalità ta’ dawn l-atti, anki jekk titqies li hija pprovata, hija ta’ natura li tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

266    Fil-ħames lok, għalkemm ir-rikorrent isostni li A kien membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil‑21 ta’ Jannar 2019, filwaqt li, skont ir-rikorrent, f’dik id-data, il-miżuri preventivi adottati mill-KNAB fid‑19 ta’ Frar 2018 kienu jipprekludu fil-prattika lil A milli jaqdi dmirijietu bħala membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE u milli jaġixxi fi ħdan dik l-istanza.

267    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 257 sa 266 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrent li l-Qorti Ġenerali tordna lill-BĊE u lir-Repubblika tal-Latvja jiżvelaw “il-korrispondenza rilevanti kollha bejn il-BĊE u l-KSFK sabiex il-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata jkunu jistgħu jiġu ddeterminati”.

268    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali għandha f’idejha elementi li jippermettulha tiddeċiedi dwar din il-kawża u tqis, b’mod partikolari, li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw b’mod ċar minn din tal-aħħar.

269    Għalhekk, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1024/2013. Lanqas ma jidher, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bl-għan ta’ ritaljazzjoni fil-konfront tar-rikorrent b’rabta mad-denunzja tal-aġir allegatament illegali min-naħa ta’ A u li hija, għal din ir-raġuni, ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter.

270    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

271    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

VI.    Fuq lispejjeż

272    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

273    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PNB Banka AS għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.