Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' April 2010 - Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-202/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Woonlinie (Woudrichem, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stichting Allee Wonen (Roosendaal, il-Pajjiżi l-Baxxi), Woningstichting Volksbelang (Wijk bij Duurstede, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stichting Wooninvest (Leidschendam-Voorburg, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stichting Woonstede (Ede, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: E. Henny, T. Ottervanger u P. Glazener, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 263 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)9963 finali, tal-15 ta' Diċembru 2009, dwar sistema ta' għajnuna E 2/2005 u N 642/2009 (il-Pajjiżi l-Baxxi) - għajnuna eżistenti u għajnuna favur proġett speċjali maħsub għal kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali. Ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat li l-miżuri kollha jifformaw parti minn skema ta' għajnuna. Skont ir-rikorrenti, it-tielet u r-raba' miżuri ċċitati mill-Kummissjoni ġew ikkunsidrati b'mod żbaljat bħala li jiffurmaw parti minn skema ta' għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 659/19991, minkejja l-fatt li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Konsegwentement, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha billi inkludiet iż-żewġ miżuri fl-eżami tagħha dwar il-kompatibilità ta' skema ta' għajununa eżistenti mas-suq komuni.

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni addottata fil-Każ E 2/2005 hija bbażata fuq analiżi mhux kompluta u manifestament mhux eżatta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u tal-fatti tal-kawża. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk id-definizzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li tinsab fis-sistema attwali tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali fihiex effettivament żball manifest.

Fit-tielet lok il-Kummissjoni pproċediet b'analiżi mhux eżatta u negliġenti meta kkonkludiet li l-kiri ta' akkomodazzjoni lill-persuni li għandhom dħul relattivament għoli jifforma parti mill-funzjoni ta' servizz pubbliku mogħtija lil kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali.

Fir-raba' lok, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u abbużat mis-setgħat tagħha sa fejn ippretendiet definizzjoni ġdida ta' "akkomodazzjoni soċjali" mill-Pajjiżi l-Baxxi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha billi tat id-definizzjoni tagħha ta' akkomodazzjoni soċjali kif ukoll ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali meta l-Pajjiżi l-Baxxi suppost igawdu minn marġni ta' diskrezzjoni wiesa' meta jiġu biex jiddeterminaw huma stess il-politika tagħhom f'dan il-qasam.

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi billi ma għamlitx distinzjoni bejn id-definizzjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali u l-mezz ta' finanzjament tiegħu.

Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ma osservatx id-Deċiżjoni 2005/842/KE 2 billi stenniet definizzjoni speċifika ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet b'mod żbaljat li Stat Membru għandu jiddefinixxi s-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali abbażi ta' livell ta' riżorsi.

Fis-seba' lok, il-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi u injorat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842/KE, billi din ma stabbilixxietx li l-mezz ta' finanzjament ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali kien manifestament inadegwat. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma vverifikatx, fid-dawl tad-definizzjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, jekk kienx possibbli kumpens addizzjonali.

Fit-tmien lok, il-Kummissjoni abbużat mill-proċedura ta' evalwazzjoni ta' skemi ta' għajnuna eżistenti, billi rrikjediet, abbażi ta' tali proċedura, lista limitattiva ta' bini li jista' jikkwalifika bħala bini soċjali anki jekk il-bini li ma jidhirx f'tali lista ma jikkwalifikax iktar bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (notifikata bid-dokument numru C(2005)2673) (ĠU L 327M, p. 488)