Language of document : ECLI:EU:C:2019:252

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawżi magħquda C-95/18 u C-96/18

Sociale Verzekeringsbank

fil-preżenza ta’

F. van den Berg,

H.D. Giesen (C-95/18),

C.E. Franzen (C-96/18)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 13(2) – Attivitajiet professjonali minuri li ma jaqbżux ċertu limitu fir-rigward ta’ sigħat jew ta’ dħul fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza – Leġiżlazzjoni applikabbli – Rifjut ta’ għoti ta’ allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat Membru ta’ residenza – Restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 17 – Ftehim bejn żewġ Stati Membri li jipprevedi, fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni, eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13”






1.        Permezz tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawżi prinċipali, l-Istati Membri ma għadx għandhom biss il-possibbiltà (2), iżda possibbilment l-obbligu, minkejja l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (3), u bħala Stati Membri ta’ residenza, li jagħtu benefiċċji soċjali lil ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg.

I.      Il-kuntest ġuridiku, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

2.        Dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxu sitwazzjoni pjuttost inabitwali sa fejn, wara l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4), din intalbet tiddeċiedi mill-ġdid fuq waħda mill-kwistjonijiet legali mqajma fl-ewwel sentenza.

3.        Minħabba dan, ma hemmx bżonn li jerġgħu jiġu diskussi f’dawn il-konklużjonijiet il-kuntest ġuridiku, il-proċedura jew il-fatti tal-kawżi prinċipali, li ġew esposti kemm fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar (5) kif ukoll fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6).

4.        Min-naħa l-oħra, sabiex il-kwistjonijiet taż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari jidhru b’mod ċar, għandha titfakkar l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza u jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet taż-żewġ proċeduri prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti.

5.        Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Franzen et, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.        Bħala risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li resident ta’ Stat Membru li jaħdem matul ċerti ġranet kull xahar fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażżjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, kemm waqt il-ġranet li fihom iwettaq attività bi ħlas, u kemm waqt il-ġranet li fihom ma jaħdimx.

7.        B’risposta għat-tieni domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jipprekludix li ħaddiem migrant, suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jirċievi, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, benefiċċji li jirrigwardaw l-assigurazzjoni għax-xjuħija u allowances tal-familja mingħand dan l-Istat tal-aħħar.

8.        Finalment, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda u tal-fatt li l-qorti tar-rinviju pprevediet, billi bbażat ruħha fuq klawżola msejħa “ta’ ekwità” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (7), li ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li jiġu esklużi F. van den Berg u H.D. Giesen kif ukoll C.E. Franzen (8) mill-iskema ta’ sigurtà soċjali Olandiża fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

9.        Is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) sussegwentement tat, fis-6 ta’ Ġunju 2016, żewġ sentenzi li fihom qieset, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali (9) setgħet tiġi ammessa. Konsegwentement, hija applikat l-klawżola ta’ ekwità u laqgħet it-talbiet tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali.

10.      Is-SVB (10) appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti, minn dawn is-sentenzi, minħabba l-fatt li l-klawżola ta’ ekwità ma tippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 6a u tal-Artikolu 6a(b), tal-AKW u tal-AOW.

11.      Il-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex f’pożizzjoni, fid-dawl tas-sentenza Franzen et, sabiex tirrispondi, mingħajr ma jkollha dubju raġonevoli, fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jimplikax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux madankollu applikati.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

Fil-kawża van den Berg u Giesen (C–95/18):

“1)      a)      L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, regola nazzjonali bħall-parti inizjali tal-Artikolu 6a, u l-Artikolu 6a(b), tal-AOW? Din ir-regola timplika li resident [tal-Pajjiżi l-Baxxi] ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, jekk jaħdem fi Stat Membru ieħor u huwa suġġett, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Il-karatteristika ta’ dawn il-kawżi hija li taħt is-sistema legali tal-Istat ta’ impjieg il-persuni kkonċernati ma humiex eliġibbli għal pensjoni tax-xjuħija minħabba l-volum limitat tal-attività tagħhom f’dan l-Istat.

1)      b)      L-assenza ta’ obbligu, għal resident ta’ Stat mhux kompetenti abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jħallas kontribuzzjonijiet taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat għandha effett fuq ir-risposta għad-domanda 1(a)? Fil-fatt, għall-perijodi ta’ xogħol imwettqa fi Stat Membru ieħor, dan ir-resident jaqa’ esklużivament, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg u f’tali każ il-leġiżlazzjoni nazzjonali Olandiża lanqas ma tipprevedi obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni.

2)      Il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jidħlu f’assigurazzjoni volontarja taħt l-AOW, jew li jitolbu lill-Svb li jistabbilixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

3)      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li persuna bħall-konjuġi ta’ H.D. Giesen li, qabel l-1 ta’ Jannar 1989, kienet, abbażi biss tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, assigurata taħt l-AOW fl-Istat ta’ residenza tagħha, il-Pajjiżi l-Baxxi, takkumula dritt għal benefiċċji tax-xjuħija taħt din l-assigurazzjoni, sa fejn jirrigwarda perijodi li matulhom, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament, hija kienet taqa’, minħabba l-attività li hija kienet teżerċita fi Stat Membru ieħor, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ta’ impjieg? Jew inkella, id-dritt għal benefiċċju taħt l-AOW għandu jitqies bħala dritt għal benefiċċju li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, b’mod konformi mas-sentenza Bosmann, b’tali mod li r-raġunament segwit f’din is-sentenza jista’ japplika fil-każ tagħha?”

Fil-kawża Franzen (C-96/18):

“1)      L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, f’każ bħal dak inkwistjoni, regola nazzjonali bħall-parti inizjali tal-Artikolu 6a u l-Artikolu 6a(b), tal-AKW? Din ir-regola timplika li resident tal-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, jekk huwa jaħdem fi Stat Membru ieħor u huwa suġġett, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Il-karatteristika ta’ din il-kawża hija li taħt l-iskema legali […] tal-Istat ta’ impjieg, il-persuna kkonċernata ma hijiex eliġibbli għall-allowances tal-familja minħabba l-volum limitat tal-attività tagħha f’dan l-Istat.

2)      Il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li titlob lill-Svb li jistabbilixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti?”

13.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn F. van den Berg, mis-SVB, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, dawn il-partijiet, kif ukoll C.E. Franzen dehru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li nżammet fit‑23 ta’ Jannar 2019 u ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

II.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18)

14.      F. van den Berg isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18) ma hijiex ammissibbli. Għal dan il-għan, huwa jsostni li appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi ppreżentat kontra kawżi li jikkonċernaw l-Artikolu 6a tal-AOW, peress li din ma kellhiex teżamina l-mertu tal-kawża u ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

15.      Sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ttiħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċeduri ġudizzjarji (11), inqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud u li t-talba għal domanda preliminari fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18) hija ammissibbli.

B.      Fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-kawża van den Berg u Giesen (C95/18) kif ukoll fuq id-domandi fil-kawża Franzen (C-96/18)

16.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18) kif ukoll permezz taż-żewġ domandi fil-kawża Franzen (C-96/18), li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekudu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ħaddiem migrant li jirresjedi f’dan l-Istat Membru, suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg għall-perijodi inkwistjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, ma huwiex assigurat abbażi ta’ assigurazzjonijiet soċjali u, għaldaqstant, la għandu dritt għal pensjoni tax-xjuħija u lanqas għal allowances tal-familja, minkejja li d-dritt applikabbli tal-Istat Membru ta’ impjieg ma jtih ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għal allowances tal-familja fir-rigward tal-imsemmija perijodi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-possibbiltà li tinħareġ assigurazzjoni volontarja abbażi tal-AOW jew li jintalab li jiġi implementat ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

17.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandhom isiru diversi kunsiderazzjonijiet preliminari.

18.      L-ewwel nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi u tas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali, infakkar, qabel kollox, li, minħabba l-attivitajiet professjonali tagħhom, dawn ma jaqbżux ċertu limitu f’termini ta’ sigħat jew ta’ dħul, peress li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kienu affiljati b’mod obbligatorju mal-Unfallversicherung (skema legali Ġermaniża għall-inċidenti fuq ix-xogħol), li aktarx tipproteġi iktar lil min jimpjega milli lill-ħaddiem impjegat, mingħajr ma kellhom aċċess għal ebda skema ta’ sigurtà soċjali oħra f’dan l-Istat Membru fil-perijodi inkwistjoni. Sussegwentement, mid-diskussjonijiet waqt is-seduta jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali kienu ġew imħeġġa mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jaċettaw impjieg fil-Ġermanja, minkejja nuqqas ta’ protezzjoni soċjali li tirriżulta min-natura ta’ dawn l-impjiegi, pjuttost milli jibqgħu qiegħda fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ġie enfasizzat ukoll waqt is-seduta li, kieku l-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali kienu baqgħu fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma eżerċitaw attività professjonali, kienu jiġu affiljati fl-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u kienu jibbenefikaw mill-allowances tal-familja jew jingħataw kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni, liema kontribuzzjonijiet kienu jitħallsu mill-Istat stess. Finalment, fil-każ ta’ C.E. Franzen, hija kienet tilfet kompletament il-benefiċċju tal-allowances tal-familja mogħtija għat-tifla tagħha li kienet qiegħda trabbi waħedha filwaqt li l-pensjonijiet tax-xjuħija jew l-allowance tal-imsieħba ta’ F. van den Berg u H.D. Giesen kienu tnaqqsu b’10% u b’16% rispettivament, li jikkostitwixxi, inkontestabbilment, tnaqqis sostanzjali (12).

19.      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest ġuridiku tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li l-klawżola ta’ esklużjoni Olandiża, li tipprovdi li ma hijiex ikkunsidrata bħala assigurata persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru abbażi ta’ Trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali, timplimenta l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

20.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali previst minn dan ir-regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan, hekk kif jiddikjaraw it-tieni u r-raba’ premessi tiegħu, li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u tal-ħaddiema mhux impjegati fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu osservati l-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali (13). Konsegwentment, il-prinċipji fundamentali tal-imsemmi regolament jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiem mingħajr ma madankollu titwettaq armonizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali (14).

21.      F’dan il-kuntest, abbażi tal-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsab stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-ħaddiem li għalih dan ir-regolament huwa applikabbli huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (15).

22.      Barra minn hekk, l-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi Regolament Nru 1408/71, li abbażi tiegħu, il-persuna li twettaq attività bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, anki jekk tirresjedi fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jipprevedi l-applikazzjoni tal-lex loci laboris.

23.      Il-prinċipju ta’ unċità li ġie introdott formalment mir-Regolament Nru 1408/71 (16) huwa regola ta’ kunflitt tal-liġijiet li, bħar-regoli ta’ kunflitt abbażi tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, għandhom bħala għan li jevitaw il-kunflitti tal-liġijiet li fin-nuqqas ta’ dan jistgħu jkunu ostakolu għall-moviment liberu.

24.      Konkretament, il-prinċipju ta’ uniċità jipprevedi, minn naħa, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali waqt perijodu ta’ xogħol partikolari u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha (17) u, min-naħa l-oħra “li jiġi prekluż li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom” (18).

25.      Il-koordinazzjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1408/71 u b’mod partikolari mill-Artikolu 13 tiegħu hija bbażata wkoll fuq l-idea li, fin-nuqqas ta’ differenzi bejn is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, il-ħaddiem migrant jiddisponi abbażi ta’ kull waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, minn protezzjoni ġenerali, relattivament ekwivalenti, u li tkopri, ftit jew wisq, ir-riskji kollha koperti minn dan ir-regolament (19).

26.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata tal-priniċpju ta’ uniċità ma hijiex riġida daqs kemm setgħu taw l-impressjoni l-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għall-Istat Membru imsejjaħ “mhux kompetenti”, jiġifieri l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex applikabbli.

27.      Huwa minnu, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem kellha bħala effett li kienet biss din il-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli fir-rigward tiegħu, u ostakolat b’hekk lil Stat Membru mhux kompetenti milli jagħtih benefiċċji (20). Bħala konsegwenza, hija qieset ukoll li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 kien jeskludi li l-Istat Membru mhux kompetenti jeżiġi ġbir ta’ kontribuzzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni li jirċievi ħaddiem għal xogħol imwettaq fi Stat Membru ieħor u minħabba dan il-fatt, suġġetta għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat (21).

28.      Madankollu, sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja immoderat ftit din il-pożizzjoni.

29.      B’hekk, fis-sentenza Bosmann, minkejja li kienet qieset li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istat Membru mhux kompententi abbażi tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex jagħti benefiċċji, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu żiedet li l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix li ħaddiem migrant, suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, jirċievi, skont leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, benefiċċji tal-familja f’dan l-Istat tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (22), li fiha qieset ukoll li, fid-dawl tad-disparitajiet li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-użu tal-moviment liberu jista’ jkun ftit jew wisq vantaġġjuż jew żvantaġġjuż fuq il-livell tal-protezzjoni soċjali u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jiggarantixxu lil persuna assigurata li trasferiment lejn Stat Membru ieħor ikun newtrali f’dan ir-rigward. Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfassizzat li skema ta’ sigurtà soċjali ma tistax titqies bħala l-kawża ta’ diskriminazzjoni jew ta’ żvantaġġ minħabba s-sempliċi raġuni li għandha konsegwenzi sfavorevoli meta tiġi applikata, konformement mal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, flimkien ma’ skema ta’ Stat Membru ieħor (23).

30.      Fl-aħħar nett, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (24), żiedet il-possibbiltajiet, li rriżultaw mis-sentenza Bosmann għall-Istat Membru mhux kompetenti, sa fejn is-sitwazzjonijiet ta’ W. Hudzinski u J. Wawrzyniak kienu differenti ħafna minn dik ta’ B. Bosmann. Minn naħa, minn din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li l-ħaddiema inkwistjoni ma tilfux id-drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew li dawn il-benefiċċji ma tnaqqsux fl-Istat Membru kompetenti (il-Polonja), minħabba l-użu tad-dritt għal moviment liberu, ma jistax, fih innifsu jeskludi li Stat Membru mhux kompetenti jista’ jagħti benefiċċji soċjali. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li r-residenza ma tikkostitwixxix l-uniku kriterju ta’ rabta mal-Istat Membru mhux kompetenti, iżda li kriterji ta’ rabta oħra, bħall-issuġġettar tad-dħul għat-taxxa, jistgħu jitqiesu li huma suffiċjentement stretti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti tal-benefiċċju.

31.      F’dawn is-sentenzi, huwa evidenti li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxiet ebda obbligu min-naħa tal-Istat Membru mhux kompetenti sabiex jagħti benefiċċji soċjali, il-prinċipju ta’ uniċità ma ġiex ikkontestat. Madankollu, analiżi ta’ dawn is-sentenzi u, b’mod partikolari, tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (25), lil hinn mill-każwistika li tirriżulta mid-differenzi fattwali, turi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (26).

32.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

33.      Fil-kawża preżenti, il-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali, ċittadini Olandiżi residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, eżerċitaw lid-dritt għal moviment liberu tagħhom, irrikonoxxut fl-Artikolu 45 TFUE, sabiex imorru jaħdmu l-Ġermanja.

34.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni “huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom”. B’hekk, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali, tal-Istat Membru ospitanti jew tal-Istat Membru ta’ oriġini, li tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-Artikolu (27).

35.      Hekk kif sostnew il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li trasferiment fi Stat Membru ieħor ikun newtrali fir-rigward tas-sigurtà soċjali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-applikazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, jekk ikun il-każ, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inqas favorevoli fir-rigward ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali tista’, bħala regola, tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni (28).

36.      Din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq il-fatt li l-Artkolu 48 TFUE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat Membri u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom. Minn dan isegwi li d-differenzi sostantivi u proċedurali bejn l-iskemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni li huma affiljati magħhom, ma humiex affettwati minn din id-dispożizzjoni, peress li kull Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjonijiet, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ skema ta’ sigurtà soċjali, b’osservanza għad-dritt tal-Unjoni.

37.      Madankollu, meta jkunu qegħdin jistabbilixxu dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti, l-Istati Membri huma limitati, fost kundizzjonijiet oħra, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ esklużjoni. B’hekk, dan il-prinċipju jippermetti li jinstab l-ekwilibriju tajjeb bejn il-prinċipju ta’ uniċità stabbilit mir-Regolament Nru 1408/71 u l-protezzjoni li għandha tingħata lill-ħaddiema migranti, permezz tal-possibbiltà bħal dik diġà rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Istat mhux kompetenti sabiex jagħti benefiċċji.

38.      F’dan ir-rigward, ninnota li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ esklużjoni ma toħloqx sempliċi żvantaġġ għall-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali, iżda twassal sabiex iċaħħadhom minn kopertura fl-Istat Membru ta’ residenza minħabba s-sempliċi fatt li ħadmu fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jiġu esklużi, fl-Istat Membru tal-impjieg, minn kull protezzjoni soċjali waqt il-perijodi inkwistjoni (29). Għaldaqstant, il-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali huma ttrattati mhux biss b’mod iktar sfavorevoli minn ħaddiem li kellu l-karriera kollha tiegħu fl-Olanda, iżda wkoll b’mod li jmur lil hinn mil-limiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

39.      Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ esklużjoni mil-leġiżlazzjoni Olandiża ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ uniċità twassal għal konsegwenzi li huma evidentement sproporzjonati u (ovvjament) għandhom bħala effett li jostakolaw jew irendu inqas attraenti, għaċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-moviment liberu tal-ħaddiema. Din is-sitwazzjoni ma hijiex sempliċi żvantaġġ li tirriżulta minn nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi ħdan l-Unjoni. Din hija konsegwenza diretta tal-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ esklużjoni Olandiżi.

40.      Barra minn hekk, tali restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta’ dan il-prinċipju klassiku tad-dritt tal-Unjoni (30).

41.      F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet Olandiżi u Svediżi sostnew, partikolarment waqt is-seduta, li r-regoli ta’ kunflitt u ta’ tqassim tal-kompetenzi stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71 għandhom bħala għan, minbarra l-protezzjoni tal-ħaddiema, li jiggarantixxu tqassim ġust u ekwu tal-piż finanzjarju bejn l-Istati Membri skont l-adegwatezza bejn il-finanzjament tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-ispejjeż relatati, jekk Stat Membru huwa, skont dan ir-Regolament, l-Istat Membru kompetenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ta’ ħaddiem, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji għandhom jiġu ffinanzjati u mħallsa konformement mad-dritt ta’ dak l-Istat.

42.      Filwaqt li ma għandix dubju dwar il-leġittimità ta’ tali għan, u dan iktar u iktar meta l-prinċipji tar-Regolament Nru 1408/71 u l-koordinazzjoni li huwa jistabbilixxi għandhom jiggarantixxu wkoll l-integrità tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u, b’mod partikolari, id-differenzi tagħhom kemm f’termini ta’ kopertura kif ukoll ta’ finanzjament (31), jidhirli li, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni Olandiża tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

43.      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru mhux kompetenti skont ir-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jimponi kontribuzzjonijiet u li l-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali ma kinux, għalhekk, ħallsu kontribuzzjonijiet fl-iskema Olandiża ta’ assigurazzjoni soċjali għal perijodi li matulhom huma ħadmu fil-Ġermanja.

44.      Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi seta’ jipprevedi miżuri alternattivi għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni li huma adattati għas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali li jippermettulhom jingħaqdu mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi inkambju ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.

45.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet sew li l-Istati mhux kompetenti ma jistgħux jimponu obbligu ta’ kontribuzzjoni, fil-fehma tiegħi, din il-limitazzjoni ma tipprekludix li huma jipproponu l-għoti ta’ benefiċċji bħala korrispettiv għal kontribuzzjoni volontarja, jekk tali possibbiltà tikkorrispondi effettivament għall-kundizzjonijiet għall-għoti lil persuni oħra koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, infakkar li, li kieku huma baqgħu qiegħda fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-partijiet ikkonċernati kienu jkunu affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża, u dan bi spejjeż ta’ dan l-Istat Membru (32).

46.      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi seta’ jagħti bidu u jinnegozja ftehim, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 (33), mar-Repubblika tal-Ġermanja. Tali ftehim seta’ jipprevedi l-konnessjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Olandiza, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet adattati mal-livell ta’ dħul tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali, kif ukoll ftehim bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-parti tal-kontribuzzjonijiet normalment imħallsa minn min jimpjega.

47.      Bl-istess mod, il-possibbiltà ta’ affiljazzjoni ma’ assigurazzjoni volontarja abbażi tal-AOW ma tistax tiggarantixxi l-konformità tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 6(b) tal-AOW mad-dritt tal-Unjoni jekk din il-possibbiltà ma hijiex intiża li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ ħaddiema bħal F. van den Berg u ta’ H.D. Giesen, u, b’mod partikolari, tad-dħul baxx tagħhom.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ esklużjoni u t-tneħħija kompleta tal-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali mill-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

49.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-Artikoli 45 u 48 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 6(b) tal-AOW.

C.      Fuq it-tielet domanda fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18)

50.      Permezz tat-tielet domanda fil-kawża van den Berg u Giesen (C-95/18), il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-dritt għal benefiċċju abbażi tal-AOW għandux jitqies bħala dritt għal benefiċċju li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet tal-impjieg jew ta’ assigurazzjoni.

51.      Permezz ta’ din id-domanda, li tikkonċerna s-sitwazzjoni tal-mara ta’ H.D. Giesen (34), il-qorti tar-rinviju tistaqsi fil-fatt dwar il-portata tas-sentenza Bosmann. B’mod partikolari, tfittex li tiddetermina jekk, f’din is-sentenza u fis-sentenza Franzen et, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettatx il-possibbiltà tal-Istat Membru ta’ residenza li jagħti l-benefiċċji inkwistjoni għall-fatt li, fil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, dawn is-servizzi ma kinux suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni.

52.      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema kienu, matul il-perijodu inkwistjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tax-xjuħija, min-naħa l-oħra, hija naturalment il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-prerogattivi tagħha fil-qasam preliminari, li għandha tiddefinixxi l-portata u l-interpretazzjoni tas-sentenzi Bosmann u Franzen et.

53.      Huwa minnu li, fis-sentenza Bosmann, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza kbira liċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-kawża. Għalhekk, hija enfasizzat, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, B. Bosmann setgħet tibbenefika mill-allowances tal-familja sempliċement minħabba r-residenza tagħha fil-Ġermanja. Hija għamlet referenza wkoll, fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza, għall-fatt li d-dritt għal benefiċċju tal-familja ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg. Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni tali ċirkustanza abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma jfissirx, fl-opinjoni tiegħi, li hija ssuġġettat il-possibbiltà tal-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għal tali kundizzjonijiet.

54.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-analiżi hija kkorroborata mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (35), li fiha l-fatt li l-benefiċċju inkwistjoni ma kienx suġġett għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni ma kienx jikkostitwixxi kundizzjoni tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u ma għandhiex, fl-opinjoni tiegħi, tinbidel fis-sentenza Franzen et.

55.      Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 64 tas-sentenza Franzen et jikkostitwixxu estensjoni tal-analiżi mibdija fil-punt preċedenti, fejn kien indikat li kien jidher li l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni Olandiża kienu ssodisfatti u li l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji ma jagħtix lok għal akkumulazzjoni ta’ benefiċċji.

56.      It-tieni nett, ninnota li mill-konklużjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 65 tas-sentenza Franzen et (li, b’mod analogu għas-sentenza Bosmann, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 ma tipprekludix l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji mill-Istat Membru ta’ residenza) jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, li l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ uniċità rrikonoxxuta f’din l-aħħar sentenza ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-Istat Membru ta’ residenza ma jissuġġettax l-għoti tad-drittijiet għal benefiċċju soċjali għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni.

57.      Madankollu, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li din il-possibbiltà għall-Istat Membru ta’ residenza teżisti biss jekk l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u l-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu proporzjonati mas-sitwazzjoni ta’ dan il-ħaddiem u ma jkunux iktar stretti minn dawk li japplikaw għal benefiċjarji oħra ta’ dan il-benefiċċju.

58.      F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-punt 64 tas-sentenza Franzen et, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li hija kienet sostniet, waqt is-seduta, li l-kundizzjoni ta’ residenza hija biżżejjed sabiex hija tibbenefika minn affiljazzjoni fl-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija Olandiża. Barra minn hekk, mill-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet kkonstatat li l-affiljazzjoni kienet kundizzjoni għall-għoti ta’ benefiċċji tax-xjuħija. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż indika waqt is-seduta fil-kawżi preżenti li, għalkemm ir-rekwiżit ta’ residenza huwa effettivament suffiċjenti għall-affiljazzjoni fl-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija Olandiża, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet huwa neċessarju għall-għoti tal-benefiċċji tax-xjuħija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema kienu, matul il-perijodu inkwistjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tax-xjuħija.

59.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, enfasizzat fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li, mid-dehra, għall-persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li huma qiegħda, l-Istat jħallas huwa stess il-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ sigurtà soċjali.

60.      Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix li persuna li kienet meqjusa bħala persuna assigurata fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, tingħata dritt għal benefiċċji tax-xjuħija skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, għal perijodu li fih dik il-persuna kienet taħdem fi Stat Membru ieħor. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li l-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan.

III. Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

1)      L-Artikoli 45 u 48 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom, ħaddiem migrant residenti f’dan l-Istat Membru, suġġett, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1997, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1992/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006, għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, ma huwiex assigurat għall-finijiet tal-assigurazzjoni soċjali, u għaldaqstant, ma għandux dritt, la għal pensjoni tax-xjuħija, u lanqas għall-benefiċċji tal-familja, minkejja li d-dritt applikabbli tal-Istat Membru ta’ impjieg ma jagħtih ebda dritt għall-benefiċċji soċjali waqt il-perijodi ta’ impjieg tiegħu, għajr protezzjoni kontra l-inċidenti fuq ix-xogħol.

2)      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, ma jipprekludix li persuna, li kienet meqjusa bħala persuna assigurata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, tingħata dritt għal benefiċċji tax-xjuħija, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, għal perijodu li fih din il-persuna kienet taħdem fi Stat Membru ieħor. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li l-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Possibbiltà rrikonoxxuta b’effett mis-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C-352/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bosmann”, EU:C:2008:290). Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


3      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU 1971, L 149, p. 2), fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1992/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 392, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).


4      Sentenza tat-23 ta’ April 2015, Franzen et (C-382/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Franzen et”, EU:C:2015:261).


5      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Franzen et (C-382/13, EU:C:2014:2190). Il-kuntest ġuridiku huwa espost fil-punti 3 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li l-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari huma deskritti fil-punti 25 sa 42 tal-imsemmija konklużjonijiet.


6      Il-kuntest ġuridiku huwa espost fil-punti 3 sa 22 tas-sentenza Franzen et, u l-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari huma deskritti fil-punti 23 sa 38 ta’ din is-sentenza.


7      Infakkar li, il-klawżola ta’ ekwità hija prevista mill-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen (id-Digrieti dwar l-Estensjoni u l-Limitazzjoni tal-Kategoriji ta’ Persuni Affiljati mal-Assigurazzjoni Soċjali) tat-3 ta’ Mejju 1989 (Stb. 1989, Nru 164, iktar ’il quddiem il-“BUB 1989”) u tal-24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 1998, Nru 746, iktar ’il quddiem il-“BUB 1999”). Dawn id-digrieti, li huma applikabbli għall-partijiet ikkonċernati, jippermettu lir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Bord Maniġerjali tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“SVB”), fil-kuntest tal-BUB 1989, sabiex jidderoga, f’ċerti sitwazzjonijiet, minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan id-digriet sabiex jiġu rrimedjati inġustizzji serji ħafna li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni ta’ dan abbażi tal-imsemmi digriet, jew, fil-kuntest tal-BUB 1999, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan id-digriet jew ukoll sabiex jidderoga minnu peress li din l-applikazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tal-estensjoni u tal-limitazzjoni tal-kategorija ta’ persuni affiljati, twassal għal inġustizzja serja ħafna u li tirriżulta esklużivament mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni tiegħu abbażi tat-tieni digriet.


8      Iktar ’il quddiem, flimkien, il-“partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali”.


9      Infakkar li, abbażi tal-klawżoli ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 6a u l-Artikolu 6a(b) tal-Algemene Kinderbijslagwet (il-Liġi Ġenerali dwar l-Allowances tal-Familja, iktar ’il quddiem l-“AKW”) (Stb. 1962, Nru 160), tas-26 ta’ April 1962, u tal-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali għax-Xjuħija, iktar ’il quddiem l-“AOW”) (Stb. 1956, Nru 281), tal-31 ta’ Mejju 1956, li abbażi tagħhom il-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ Trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali, il-partijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali ma jitqiesux bħala persuni assigurati fil-Pajjiżi l-Baxxi.


10      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Promociones y Construcciones BJ 200 (C-125/12, EU:C:2013:392, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Mid-dokumenti li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, il-pensjoni titnaqqas b’2% għal kull sena li fiha l-ħaddiem ma kienx assigurat fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan il-każ, il-pensjoni ta’ F. van den Berg kienet qabel kollox tnaqqset b’14%, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li għal seba’ snin huwa kien ħadem il-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni li jingħata pensjoni tax-xjuħija mnaqqsa kien ġie ddikjarat bħala parzjalment ammissibbli u t-tnaqqis ġie stabbilit għal 10%. Fil-każ ta’ H.D. Giesen, l-allowance tal-imsieħeb li kien jibbenefika minnu abbażi tal-konjuġi tiegħu tnaqqset b’16%.


13      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula (C-50/05, EU:C:2006:493, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, Kessler, F., “Sécurité sociale: Coordination des régimes de base – Champ d’application – Principes généraux”, Répertoire de droit européen, Encyclopédie juridique Dalloz, Dalloz, Pariġi, Jannar 2016, punt 153.


15      Ara s-sentenza Franzen et (punti 41 u 42).


16      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 3 li jikkonċerna lis-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, P 30, p. 561) ma jistabbilixxix dan il-prinċipju bħala tali. Madankollu, fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1964, Nonnenmacher (92/63, EU:C:1964:40), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-obbligu li tiġi prevista l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni partikolari jikkostitwixxi l-element essenzjali tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament.


17      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punt 19).


18      Sentenza tat-3 ta’ Mejju 1990, Kits van Heijningen (C-2/89, EU:C:1990:183, punt 12), enfasi miżjuda minni.


19      Dan jispjega għalfejn ir-regoli ta’ kunflitt huma, bħala prinċipju, indifferenti fir-rigward tal-protezzjoni offerta mis-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u newtrali fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.


20      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punti 19 sa 23), u tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (60/85, EU:C:1986:307, punti 12 sa 16).


21      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1977, Perenboom (102/76, EU:C:1977:71, punti 10 sa 15).


22      C-208/07, EU:C:2009:455, punti 55 u 56.


23      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C-208/07, EU:C:2009:455, punti 84, 85 u 87).


24      C-611/10 u C-612/10, EU:C:2012:339.


25      C-611/10 et C-612/10, EU:C:2012:339.


26      Rennuy, N., “The emergence of a parallel system of social security coordination”, Common market law review, Nru 50, Issue 5, Kluwer Law International, 2013, p. 1221 sa 1266, b’mod partikolari, p. 1256 et seq.


27      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C-566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), enfasi miżjuda minni.


28      Ara, partikolarment, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C-208/07, EU:C:2009:455, punt 85), u tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (C-611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


29      Apparti mill-assigurazzjoni obbligatorja li tkopri r-riskji tal-inċidenti fuq ix-xogħol waqt dawn l-istess perijodi ddefiniti sew. Infakkar, għal kull finijiet utli, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita bil-kwistjoni ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li ma ntalbitx tiddeċiedi jew tieħu pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ effett ta’ dumping soċjali ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fuq il-kwistjoni ta’ dumping soċjali fi ħdan l-Unjoni, ara, Mazuyer, E., Carpano, E., u Chastagnaret, M., La concurrence réglementaire, sociale et fiscale dans l’Union européenne, Larcier, Brussell, 2016, kif ukoll Defossez, A., Le dumping social dans l’Union européenne, Larcier, Brussell, 2014.


30      Fil-fatt, tali miżura ma tistax tiġi ammessa ħlief taħt il-kundizzjoni li ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li hija adattata sabiex twettaq dan l-għan u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Wencel (C-589/10, EU:C:2013:303, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


31      Dwar mudelli ta’ sigurtà soċjali, ara, b’mod partikolari, Omarjee, I., Droit européen de la protection sociale, Bruylant, Brussell, 2018, p. 5 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 29 u 30; Paolillo, M., u Morsa, M., La sécurité sociale des travailleurs salariés, Larcier, Brussell, 2010, p. 174. Ara, ukoll, Pennings, F., “Co-ordination of social security on the basis of the State-of-employment principle: Time for an alternative?”, Common Market Law Review, Nru 42, Issue 1, Kluwer Law International, Alphen-sur-le-Rhin, 2005, p. 67 sa 89, partikolarment p. 77. Għal spjegazzjoni tas-sistemi ta’ finanzjament fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni, ara Omarjee, I., op. cit., p. 6 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 34 sa 38.


32      Ara l-punt 18 hawn fuq.


33      Fil-każ fejn din id-dispożizzjoni hija, essenzjalment, l-istess bħal dik tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2004, L 166, p. 1), ara, għal kummentarju, Steinmeyer, H-D., “Article 16 Exceptions to articles 11 à 15”, EU Social Security Law: a Commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009, Hart Publishing, Oxford, 2015, p. 188 sa 192.


34      Infakkar li, waqt il-perijodu bejn id-19 ta’ Mejju 1988 sal-1 ta’ Jannar 1989, il-mara ta’ H.D. Giesen kienet assigurata abbażi tal-AOW bħala residenti, filwaqt li l-Artikolu 6a u 6a(b) tal-AOW irriżulta mill-wet tot wijziging van een aantal sociale verzekeringswetten strekkend tot verduidelijking van het in die wetten opgenomen begrip verzekerde en de met het verzekerd zijn onlosmakelijk verbonden premieplicht (wet verduidelijking verzekerings- en premieplicht) (il-Liġi li temenda ċerti liġijiet fuq is-sigurtà soċjali sabiex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ assigurat li jidher f’din il-liġi u l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet li ma jistax jiġi sseparat min-natura tal-assigurat (il-Liġi li Tiċċara l-Obbligi ta’ Assigurazzjoni u ta’ Ħlas ta’ Kontribuzzjonijiet) (Stb. 1998, Nru 267)), tad-29 ta’ April 1998, u huwa applikabbli retroattivament biss mill-1 ta’ Jannar 1989. Waqt dan l-istess perijodu, is-Sinjura Giesen kienet taħdem il-Ġermanja, u konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, kienet taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża mingħajr ma kienet madankollu tibbenefika minn skema legali dwar il-benefiċċji tax-xjuħija f’dan l-Istat Membru.


35      C-611/10 u C-612/10, EU:C:2012:339.