Language of document : ECLI:EU:C:2023:883

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C654/22

FOD Volksgezondheid, Veiligheid van de voedselketen & Leefmilieu

vs

Triferto Belgium NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, Taqsima ta’ Gent, Awla Ċivili, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, Valutazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi – REACH – Kamp ta’ applikazzjoni – Eċċezzjoni għas-sustanzi li huma suġġetti għas-sorveljanza doganali – Obbligu ta’ reġistrazzjoni – Importatur – Importazzjoni – Persuna b’obbligu ta’ reġistrazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        L-urea tintuża minn ħafna konsumaturi fil-forma ta’ materjal konsumabbli għall-vetturi b’magna diżil, l-hekk imsejjaħ AdBlue (2). Dan l-użu jnaqqas ir-rilaxx tal-ossidi tan-nitroġenu. Madankollu, din is-sustanza għandha ħafna użi oħra, pereżempju fl-agrikoltura jew fil-farmaċija u fl-industrija tal-kożmetika (“Urea”). Għalhekk, ta’ kull sena jiġu prodotti jew importati 10 miljun tunnellata fl-Unjoni Ewropea:

2.        Ma humiex magħrufa riskji partikolari (3). Madankollu, l-importaturi jeħtieġu li jirreġistraw din is-sustanza, skont ir-Regolament REACH, mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) meta din tiġi importata (4). Għaldaqstant, f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddeterminat jekk impriża, li tkun ordnat l-urea fi Stat terz, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala importatur u għalhekk hijiex suġġetta għal dan l-obbligu jew jekk persuni oħra apparti min jordna jistgħux jieħu responsabbiltà għal dan l-obbligu billi jorganizzaw l-importazzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

3.        L-għan u l-prinċipji fundamentali tar-Regolament REACH jirriżultaw mill-Artikolu 1:

“(1)      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

(2)      […]

(3)      Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li hija r-responsabbiltà tal-manifatturi, ta’ l-importaturi u ta’ l-utenti ‘downstream’ li jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq, jew jużaw tali sustanzi li ma jolqtux b’mod ħażin is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni.”

4.        Skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH, dan ma japplikax għas-“sustanzi waħedhom, fi taħlitiet jew f’oġġett, li jkunu suġġetti għal sorveljanza doganali, sakemm ma jkunu sottoposti għal ebda taħlita jew proċessar, u li jkunu f’ħażna temporanja, jew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles bl-iskop ta’ l-esportazzjoni mill-ġdid, jew fi transitu”.

5.        L-għaxar premessa tar-Regolament REACH tispjega din l-eċċezzjoni kif ġej:

“Is-sustanzi taħt sorveljanza doganali li jkunu f’ħażna temporanja, f’żoni liberi jew ġewwa mħażen liberi bl-iskop li ji[ġu] esportati mill-ġdid jew li jkunu fi transitu ma jkunux qegħdin jiġu użati fis-sens ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tiegħu. […]”

6.        L-Artikolu 3(10) sa (13) tar-Regolament REACH jiddefinixxi kunċetti differenti:

“10.      importazzjoni: tfisser l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Komunità;

11.      importatur: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun responabbli għall-importazzjoni;

12.      tqegħid fis-suq: tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq;

13.      utent ‘downstream’: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li juża sustanza, kemm waħidha jew fi taħlita, fl-attivitajiet industrijali jew professjonali tiegħu. Id-distributur jew il-konsumatur mhumiex utenti downstream. Re-importatur eżentat skond l-Artikolu 2(7)(ċ) għandu jitqies bħala utent downstream”.

7.        L-Artikolu 5 tar-Regolament REACH jirregola l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni:

“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi taħlitiet jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati fil-Komunità jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ.”

8.        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH jistabbilixxi obbligu ta’ reġistrazzjoni:

“Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi taħlita (wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija.”

9.        Il-funzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tirriżulta mill-premessi 16, 17 u 19 tar-Regolament REACH:

“(16)      Dan ir-Regolament jistabbilixxi dmirijiet u obbligi speċifiċi għal manifatturi, importaturi u utenti ‘downstream’ ta’ sustanzi waħedhom, fi taħlitiet preparati u f’oġġetti. Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq il-prinċipju li l-industrija għandha timmanifattura, timporta jew tuża sustanzi jew tqegħidhom fis-suq b’tali responsabbiltà u attenzjoni li jkunu meħtieġa sabiex ikun żgurat li, taħt kondizzjonijiet raġonevolment prevedibbli, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma jkunux milquta ħażin.

(17)      L-informazzjoni kollha disponibbli u relevanti dwar sustanzi waħedhom, fi taħlitiet preparati u f’oġġetti għandha tinġabar sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ proprjetajiet perikolużi, u għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji b’mod sistematiku, permezz tal-katini ta’ provvista, skond kif ikun raġonevolment meħtieġ, sabiex jiġu evitati effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. […]

[…]

(19)      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu li l-manifatturi u l-importaturi jiġġeneraw data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jagħmlu stima tar-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti ta’ l-immaniġġar tar-riskji. Sabiex jiġi żgurat li huma fil-fatt jissodisfaw dawn l-obbligi, kif ukoll għal raġunijiet ta’ trasparenza, ir-reġistrazzjoni għandha teħtieġ li huma jippreżentaw dossier li jkun fih din l-informazzjoni kollha lill-Aġenzija. Is-sustanzi reġistrati għandhom ikunu permessi jiċċirkolaw fis-suq intern.”

10.      L-Artikolu 7 tar-Regolament REACH jirregola r-reġistrazzjoni u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sustanzi li jinsabu f’oġġetti, l-Artikolu 8 l-ħatra ta’ rappreżentanti uniċi minn manifatturi li ma humiex stabbiliti fl-Unjoni. Meta tali rappreżentant ikun ġie maħtur, l-importaturi tal-prodotti tal-manifattur għandhom jitqiesu bħala utenti downstream li ma humiex obbligati għar-reġistrazzjoni.

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

11.      Il-fatti li ġejjin jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll minn informazzjoni oħra pprovduta mill-qorti tar-rinviju fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

12.      Fit‑3 ta’ Lulju 2019, ġiet mgħobbija total ta’ 7 873.167 tunnellata ta’ urea minn Transvostok Group Limited (probabbilment stabbilita f’Ċipru) fuq il-bastiment MV “HC SVEA KIM” fil-port ta’ Kavkaz, mal-kosta Russa tal-Baħar l-Iswed, f’isem Dreymoor Fertilizers Overseas PTE LTD (stabbilita f’Singapor) u Belor-Eurofert GmbH (stabbilita f’Bamberg, il-Ġermanja). Oriġinarjament, din l-urea kienet ġiet immanifatturata minn impriża f’Mary, it-Turkmenistan.

13.      NV Triferto Belgium (stabbilita f’Gent, il-Belġju) (iktar ’il quddiem “Triferto”) ordnat total ta’ 4 000 tunnellata ta’ urea mingħand Dreymoor fis‑7 ta’ Lulju 2019 permezz tal-metodu ta’ kunsinna CFR Ghent (Incoterms 2010). Incoterms tfisser “International Commercial Terms” (klawżoli kummerċjali internazzjonali). Waħda minn dawn l-Incoterms hija CFR, li tirreferi għal “cost and freight” (kost u nol). Dan ifisser li l-bejjiegħ iġarrab in-nol iżda mhux ir-riskju ta’ telf ta’ merkanzija matul it-trasport. Skont dan il-ftehim, il-post ta’ kunsinna huwa Gent.

14.      Fid‑9 ta’ Awwissu 2019, Belor importat fl-Unjoni Ewropea, f’isem Dreymoor, it-tagħbija ta’ urea f’maħżen doganali f’Gent. Hemmhekk, Belor inkarigat lil impriżi oħra b’diversi funzjonijiet relatati mal-ħatt l-art u l-ħżin tat-tagħbija. Belor kienet preċedentement irreġistrat l-urea mal-ECHA bħala importatur fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH. Hija ppreżentat ukoll id-dikjarazzjoni doganali għal din is-sustanza.

15.      Wara l-ewwel xiri u talba għal kunsinna, Triferto xtrat u talbet il-kunsinna ta’ 700 tunnellata addizzjonali fil‑21 ta’ Awwissu 2019 kif ukoll 1 176.173 tunnellata fis‑26 ta’ Awwissu 2019 minn din il-kunsinna taħt il-klawżola CIF Ghent (Incoterms 2010). CIF tirreferi għal “cost, insurance and freight” u tfisser li l-bejjiegħ ma jġarrabx biss l-ispejjeż tat-trasport, iżda jassigura wkoll il-merkanzija.

16.      Waqt awditjar li seħħ fil‑11 ta’ Frar 2020, il-Federale Overheidsdienst Volksgezondheid, Veiligheid van de voedselketen en Leefmilieu (is-Servizz Pubbliku Federali tas-Saħħa Pubblika, tas-Sigurtà tal-Katina Alimentari u tal-Ambjent, iktar ’il quddiem “FOD Volksgezondheid”) sar jaf li Triferto xtrat il-kwantitajiet ta’ urea msemmija mingħand Dreymoor fl-2019.

17.      Jeżisti kuntratt bejn Dreymoor u Belor, li fih Belor tikkonferma li hija responsabbli għall-importazzjoni fiżika tal-urea 46 % fl-Unjoni Ewropea permezz tal-bastiment MV “HC SVEA KIM”, “f’konformità mad-Direttivi REACH”.

18.      Madankollu, il-FOD Volksgezondheid iqis li mhux Belor iżda Triferto għandha titqies bħala importatur fis-sens tal-Artikolu 6 moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH. Għalhekk kellha tkun hi li tirreġistra l-urea, rekwiżit li ma ssodisfatx. Għalhekk, il-FOD Volksgezondheid impona multa ta’ EUR 32 856.00 fuq Triferto.

19.      Il-FOD Volksgezondheid u Triferto adixxew flimkien lir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, Taqsima ta’ Gent, Awla Ċivili, il-Belġju, iktar ’il quddiem ir-“Rechtbank”) sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tal-multa.

20.      Għaldaqstant, ir-Rechtbank għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1) u l-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [REACH] għandhom jiġu interpretati fis-sens li obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa impost fuq il-persuna li tordna jew tixtri sustanza mingħand manifattur mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea, anki meta terz iwettaq il-formalitajiet kollha għall-finijiet tal-introduzzjoni fiżika ta’ din is-sustanza fit-territorju doganali tal-Unjoni, u dan it-terz jikkonferma wkoll b’mod espliċitu li jieħu r-responsabbiltà għal dan?

Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, il-punt dwar jekk il-kwantità ordnata jew mixtrija tas-sustanza tirrappreżenta biss parti (iżda iktar minn tunnellata) minn tagħbija ikbar tal-istess sustanza li ġejja mill-istess manifattur mhux stabbilit fl-Unjoni, introdotta fiżikament minn dan it-terz fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex titqiegħed hemmhekk f’maħżen doganali?

2)      L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament [REACH] għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza mqiegħda f’maħżen doganali (billi tiddaħħal taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, fil-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku) hija wkoll eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sal-ħruġ sussegwenti tagħha u t-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali oħra (pereżempju, rilaxx għal ċirkulazzjoni libera)?

Fl-affermattiv, l-Artikolu 6(1) u l-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [REACH] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa impost, f’tali sitwazzjoni, fuq il-persuna li xtrat direttament is-sustanza barra mill-Unjoni u li titlob il-kunsinna tagħha (mingħajr ma qabel tkun introduċiet fiżikament is-sustanza fit-territorju doganali tal-Unjoni), anki jekk is-sustanza diġà ġiet irreġistrata mill-impriża terza li introduċietha preċedentement fiżikament fit-territorju doganali tal-Unjoni?”

21.      Triferto, ir-Renju tal-Belġju kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑12 ta’ Ottubru 2023.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

22.      Permezz tal-ewwel domanda kif ukoll permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, ir-Rechtbank tixtieq tkun taf min għandu jiġi kkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, bħala l-importatur ta’ kwantità ta’ sustanza li jeħtieġ li jirreġistraha mal-ECHA. Sabiex tiġi ċċarata din id-domanda, huwa utli li l-ewwel tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni domanda, li hija intiża sabiex tiddetermina meta ġiet importata l-kwantità tas-sustanza kontenzjuża fl-Unjoni.

A.      Data talimportazzjoni

23.      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk sustanza mqiegħda f’maħżen doganali (billi tiddaħħal taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, fil-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku) hijiex ukoll eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sal-ħruġ sussegwenti tagħha u t-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali oħra (pereżempju, rilaxx għal ċirkulazzjoni libera).

24.      Jista’ jidher sorprendenti li din id-domanda tirrigwarda regoli doganali, madankollu dan jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH, li jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għas-sustanzi suġġetti għal ċerti regoli doganali.

25.      Kieku din l-eċċezzjoni kienet applikabbli f’dan il-każ, l-urea ċertament kienet tkun l-ewwel introdotta fiżikament fit-territorju doganali tal-Unjoni, iżda tkun għadha ma ġietx introdotta fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, bħalma l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u għaldaqstant ta’ din id-definizzjoni, kienet eskluża skont l-Artikolu 2(1)(b).

26.      Fil-prattika, din id-domanda hija intiża għalhekk sabiex tiddetermina jekk il-kwantità tas-sustanza kontenzjuża ġietx importata biss waqt il-kunsinna lil Triferto jew jekk dan kienx seħħ diġà minn meta Belor daħħlitha għall-ewwel darba fit-territorju doganali tal-Unjoni u ħażnitha f’maħżen doganali.

27.      L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH jipprevedi li dan ir-regolament ma japplikax għas-sustanzi “li jkunu suġġetti għal sorveljanza doganali, sakemm ma jkunu sottoposti għal ebda trattament jew proċessar, u li jkunu f’ħażna temporanja, jew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles bl-iskop ta’ l-esportazzjoni mill-ġdid, jew fi transitu”.

28.      Din l-eċċezzjoni fir-Regolament REACH tirrigwarda s-sustanzi suġġetti għas-sorveljanza doganali. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li, skont id-domanda preliminari, l-urea tqiegħdet f’maħżen doganali billi ddaħħlet taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, fil-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku.

29.      Madankollu, l-eċċezzjoni tapplika biss jekk, barra minn hekk, l-ewwel tkun issodisfatta l-kundizzjoni negattiva dwar l-assenza ta’ trattament jew ta’ pproċessar tas-sustanza inkwistjoni u t-tieni jekk is-sustanza tkunx suġġetta għal waħda mit-tliet regoli doganali speċjali.

30.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha l-ebda indikazzjoni li turi trattament jew ipproċessar qabel ma l-urea ġiet mgħoddija lil Triferto. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni negattiva kienet issodisfatta fil-kawża prinċipali.

31.      Madankollu, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Belġju, it-tieni kundizzjoni, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ waħda mit-tliet regoli doganali speċjali, ma ġietx issodisfatta.

32.      Skont id-domanda preliminari, l-urea tqiegħdet f’maħżen doganali billi ddaħħlet taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, fil-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku. Il-kodiċi 71 00 tal-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku jesprimi dan ukoll. Huwa jistipula li l-merkanzija tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali (71) u preċedentement ma kienet suġġetta għall-ebda proċedura doganali (00) (5).

33.      Il-ħażna f’maħżen doganali hija rregolata mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali (6) (Artikoli 240 sa 242). Din hija proċedura doganali partikolari. Madankollu, din ma hijiex waħda mit-tliet regoli doganali speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH.

34.      Il-ħażna temporanja tal-merkanzija, skont il-punti 11 u 17 tal-Artikolu 5 kif ukoll tal-Artikoli 144 sa 152 tal-Kodiċi Doganali, hija l-ewwel regola doganali speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH. Din hija alternattiva għall-introduzzjoni ta’ proċedura doganali, jiġifieri għall-ħażna f’maħżen doganali wkoll.

35.      It-tieni regola doganali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH hija l-ħażna f’żona ħielsa għar-riesportazzjoni. Ċertament li din hija simili ħafna għall-ħażna f’maħżen doganali, madankollu din hija rregolata minn taqsima oħra tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri mit-Taqsima 3 (Artikoli 243 sa 249, ara wkoll il-punt 14 tal-Artikolu 5, iżda mhux l-Artikolu 270). Iż-żewġ forom ta’ ħażna huma proċeduri doganali partikolari. Għalhekk dawn jeskludu lil xulxin.

36.      Il-ħażna f’maħżen ħieles, imsemmija wkoll fl-Artikolu 2(1)(b) u fl-għaxar premessa tar-Regolament REACH, kienet għadha suġġetta għall-istess regoli bħall-ħażna f’żona ħielsa fil-Kodiċi Doganali l-antik li kien fis-seħħ (7) meta ġie adottat ir-Regolament REACH, madankollu l-maħżen ħieles ma għadux previst illum. B’mod partikolari, maħżen ħieles ma jistax jiġi assimilat ma’ maħżen doganali, li kien ukoll previst diġà mill-Kodiċi Doganali l-antik u li hemmhekk kien suġġett għal regoli differenti minn dawk ta’ maħżen ħieles.

37.      Fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH, it-tielet regola doganali speċjali hija msejħa “Transitverkehr” [tranżitu]. Madankollu, dan il-kunċett ma jinsabx fil-Kodiċi Doganali. Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH jużaw il-kelma “transit” prevista mill-verżjonijiet lingwistiċi korrispondenti tal-Kodiċi Doganali. Dan il-kunċett huwa indikat fil-verżjoni Ġermaniża tal-Kodiċi Doganali bħala “Versand”. L-użu tal-kunċett “Transitverkehr” fil-verżjoni Ġermaniża jindika għalhekk, fil-fehma tiegħi, żball tat-traduzzjoni.

38.      It-tranżitu jinkludi, bħala alternattiva għall-ħażna, proċeduri doganali partikolari oħra li huma rregolati mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali u li, minħabba f’hekk, jeskludu wkoll il-ħażna f’maħżen doganali.

39.      Fil-qosor, huwa għalhekk stabbilit li s-sustanzi maħżuna f’maħżen doganali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH peress li ma huma suġġetti għall-ebda waħda mill-proċeduri doganali speċjali msemmija fih. Għaldaqstant, ir-Regolament japplika għal tali sustanzi. Għalhekk dawn jiġu importati diġà fil-mument tal-introduzzjoni fiżika tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni fis-sens tad-definizzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u jeħtieġu li jiġu rreġistrati diġà mal-ECHA qabel din id-data.

40.      Din il-konklużjoni hija konformi mal-għan tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH. Fil-fatt, ir-Regolament REACH ma huwiex intiż li jirregola l-esportazzjoni ta’ sustanzi, iżda biss li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija u livell għoli ta’ protezzjoni fis-suq intern (8). F’dan il-kuntest, skont il-premessa 16, il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream tas-sustanzi għandhom jimmanifatturawhom, jimportawhom, jużawhom jew iqegħduhom fis-suq b’din ir-responsabbiltà u b’din id-diliġenza dovuta bħalma huwa neċessarju, sabiex jiġi żgurat li s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma jsofrux danni taħt kundizzjonijiet tal-użu li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli.

41.      Għalhekk, l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH huwa intiż li jeżenta l-merkanzija mir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament meta – bħal fil-każ tat-tliet regoli doganali msemmija – hemm lok li jitqies li l-merkanzija tinsab biss temporanjament fl-Unjoni mingħajr ma tkun suġġetta għal trattament jew ipproċessar addizzjonali. Kif imsemmi fl-għaxar premessa, dawn is-sustanzi ma jintużawx skont it-tifsira tar-Regolament REACH. F’dan il-każ, huwa improbabbli li r-riskji assoċjati ma’ dawn is-sustanzi jseħħu fl-Unjoni. Madankollu, sustanzi perikolużi ħafna jistgħu jkunu suġġetti għal regoli speċjali (9).

42.      Għall-kuntrarju, jekk is-sustanza tiġi ttrattata jew ipproċessata fl-Unjoni, ir-Regolament REACH jeħtieġ li japplika sabiex jiġi żgurat il-livell ta’ protezzjoni mfittex fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ir-riskji marbuta mas-sustanza ma jseħħux waqt it-trattament jew l-ipproċessar. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk is-sustanza jew il-prodotti dderivati minnha humiex suġġetti għal regoli doganali intiżi għal esportazzjoni ulterjuri, ma taffettwax il-ġestjoni ta’ dan ir-riskju.

43.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH tapplika biss jekk is-sustanzi kkonċernati jkunu suġġetti għal waħda mir-regoli doganali speċjali msemmija fih, jiġifieri l-ħażna temporanja (il-punti 11 u 17 tal-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikoli 144 sa 152 tal-Kodiċi Doganali), il-ħażna f’żoni ħielsa għar-riesportazzjoni (il-punt 14 tal-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikoli 243 sa 249, iżda mhux l-Artikolu 270 tal-Kodiċi Doganali) jew it-tranżitu (Artikoli 226 sa 236 tal-Kodiċi Doganali) u jekk dawn la jiġu ttrattati u lanqas ipproċessati f’dawn il-postijiet.

B.      Lidentifikazzjoni talimportatur

44.      Madankollu, issa għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna, li tordna jew tixtri ċerta kwantità ta’ sustanza mingħand manifattur stabbilit barra mill-Unjoni, għandhiex titqies bħala l-importatur tagħha, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, li huwa obbligat jirreġistra din is-sustanza mal-ECHA.

45.      L-importazzjoni ta’ sustanza hija kkunsidrata bħala tqegħid fis-suq skont il-punt 12 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH. Peress li, skont l-Artikolu 5, sustanza tista’ titqiegħed fis-suq biss jekk tkun ġiet irreġistrata, hija tista’ tiġi importata biss wara r-reġistrazzjoni. L-Artikolu 21(1) jipprevedi saħansitra li l-importazzjoni hija awtorizzata biss jekk, fit-tliet ġimgħat wara r-reġistrazzjoni, l-ECHA ma tilmentax dwar nuqqasijiet li jaffettwaw il-fajl tar-reġistrazzjoni.

46.      Iżda min għandu l-obbligu ta’ reġistrazzjoni? Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH, l-importatur ta’ sustanza fi kwantitajiet ta’ mill-inqas tunnellata fis-sena għandu jippreżenta fajl ta’ reġistrazzjoni lill-ECHA. Il-punt 11 tal-Artikolu 3 jiddefinixxi l-importatur bħala l-persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li hija responsabbli għall-importazzjoni. L-importazzjoni fiha nnifisha tikkostitwixxi, skont il-punt 10 tal-Artikolu 3, l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Unjoni.

47.      Għaldaqstant, meta jiġu importati sustanzi, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jiddependi minn min hu responsabbli għall-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Unjoni.

48.      Skont is-sens komuni tal-kliem, wieħed jista’ jimmaġina numru kbir ta’ persuni responsabbli. Jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH ma tapplikax, l-ekwipaġġ, b’mod partikolari l-kaptan, tal-bastiment MV “HC SVEA KIM” kif ukoll l-impriża tat-trasport huma direttament responsabbli għall-introduzzjoni fiżika. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-impriża Belor importat is-sustanza fl-Unjoni, jiġifieri probabbilment inkarigat u ssorveljat lit-trasportatur. Anki din l-impriża tista’ għalhekk tkun responsabbli għall-importazzjoni. Madankollu, Belor taġixxi f’isem Dreymoor, għalhekk din tista’ tkun responsabbli min-naħa tagħha. Sa fejn din l-ordni hija bbażata, għall-inqas parzjalment, fuq il-fatt li Triferto kienet diġà xtrat u ordnat parti kbira mill-kunsinna, din tista’ tkun responsabbli wkoll.

49.      Madankollu, kuntrarjament, pereżempju, għad-dritt kriminali, il-punt 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH ma humiex intiżi li jidentifikaw il-persuni kollha responsabbli u li jissanzjonawhom skont il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Skont il-premessa 17, għandu pjuttost jiġi żgurat li l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli dwar is-sustanzi tinġabar sabiex tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi. Sabiex il-piż fuq l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jitqassam b’mod xieraq fost l-utenti tas-sustanza, jeħtieġ li tiġi rreġistrata kwalunkwe kwantità ta’ sustanza mmanifatturata jew importata fl-Unjoni. Huwa għalhekk neċessarju, iżda suffiċjenti wkoll, li persuna waħda tirreġistra l-kwantità ta’ sustanza kkonċernata.

50.      Madankollu, ir-Regolament REACH, u b’mod partikolari l-punt 11 tal-Artikolu 3 tiegħu, huwa ta’ utilità limitata għall-identifikazzjoni ta’ din il-persuna, peress li l-kunċett ta’ “responsabbli” huwa wiesa’ ħafna, kif indikat fil-punt 48 iktar ’il fuq. Ċertament, iċ-ċirku tal-persuni responsabbli huwa limitat mill-fatt li huma biss il-persuni stabbiliti fl-Unjoni li huma eliġibbli bħala importaturi, li jeskludi b’mod partikolari lil Dreymoor u forsi wkoll il-kaptan u l-ekwipaġġ tal-vapur. Madankollu, f’dan il-każ, jibqgħu mill-inqas Triferto u Belor bħala responsabbli potenzjali.

51.      Fil-linji gwida tagħha dwar l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, l-ECHA tipproponi li jiġi ddeterminat min huwa l-importatur abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. Bħala eżempju, hija tiddetermina fuq din il-bażi min għandu jkun responsabbli f’ċerti sitwazzjonijiet. F’ħafna każijiet, huwa d-destinatarju finali tal-merkanzija, jiġifieri dak li ordna u xtara s-sustanza importata, li għandu jitqies bħala l-importatur, iżda f’ċerti ċirkustanzi, dan għandu jkun il-persuna li torganizza l-importazzjoni wkoll (10). Il-Kummissjoni u l-Belġju jinvokaw dawn il-linji gwida fl-argumenti tagħhom.

52.      Madankollu, l-ECHA ma hijiex awtorizzata tikkonkretizza l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH permezz ta’ interpretazzjoni vinkolanti, kif hija tenfasizza espressament ukoll fil-linji gwida tagħha (11). Għalhekk, dawn ma humiex vinkolanti; madankollu, huma jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet utli għall-interpretazzjoni ta’ kunċett ġuridiku indeterminat, bħall-persuna responsabbli għall-importazzjoni. Għalhekk jidher konvinċenti li ħafna drabi huwa d-destinatarju finali tal-kunsinna li għandu jassumi r-responsabbiltà prinċipali għaliex dan għandu interess li l-kunsinna tiġi ttrasportata fl-Unjoni. Fl-assenza tal-inizjattiva tiegħu, bħala regola ma jkunx hemm importazzjoni tas-sustanza. Ċertament, il-bejjiegħ ikollu ħafna drabi tali interess ukoll, madankollu, skont il-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, huwa ma jitqiesx bħala persuna responsabbli meta – bħal f’dan il-każ – ma jkunx stabbilit fl-Unjoni.

53.      Madankollu, l-interess tax-xerrej fl-importazzjoni ma jeskludix li persuna oħra – bħal f’dan il-każ Belor – tassumi r-responsabbiltà minflok id-destinatarju tal-merkanzija sabiex issir importatur fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH u tissodisfa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

54.      B’mod ġenerali, sempliċi dikjarazzjoni, jew anki kuntratt, ma humiex suffiċjenti għal dan l-għan, peress li, fil-każ kuntrarju, ikun hemm lok għal biża’ li jiġu evitati l-obbligi tal-importatur skont ir-Regolament REACH. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi evitat li l-importatur reali tas-sustanza jqassam il-kwantità importata tiegħu bejn “importaturi fittizji” differenti, b’tali mod li kull wieħed minnhom jibqa’ taħt il-limitu tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jew sal-limitu tat-talba għal iktar dettalji. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1), l-importaturi li jimportaw iktar minn tunnellata fis-sena biss huma suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni u, skont l-Artikolu 12, l-obbligi ta’ reġistrazzjoni jiżdied skont iż-żieda fil-kwantitajiet annwali għal kull importatur (10 100 jew 1000 tunnellata).

55.      Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ma hijiex sempliċi formalità, iżda piż kunsiderevoli. Għalhekk, skont l-Artikolu 10 u annessi differenti tar-Regolament REACH, ir-reġistrant jeħtieġ li jippreżenta fajl komplut dwar is-sustanza kif ukoll Rapport dwar is-Sigurtà Kimika. Barra minn hekk, wara r-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 22, huwa suġġett għal obbligi oħra ta’ informazzjoni.

56.      Għaldaqstant, it-teħid effettiv tar-responsabbiltà u tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jippresupponi, tal-inqas, l-aspettattivi leġittimi tal-atturi involuti fl-importazzjoni li l-persuna li tassumi r-responsabbiltà jkollha l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex tissodisfa l-imsemmija obbligi. Dawn l-atturi, b’mod partikolari l-persuna li tordna s-sustanza, ma jistgħux ikollhom fiduċja għamja f’dan, iżda jeħtieġ li juru d-diliġenza meħtieġa fl-għażla u, tal-inqas qabel l-importazzjoni, jeħtieġ li jkollhom evidenza li r-reġistrant effettivament irreġistra l-kwantità ta’ sustanza mal-ECHA.

57.      Jekk il-persuna li tassumi r-responsabbiltà għall-importazzjoni, iżda li – bħal f’dan il-każ – effettivament issodisfat l-obbligi tal-importatur, jiġifieri, b’mod partikolari, irreġistrat il-kunsinna mal-ECHA kif ukoll tkun organizzat b’mod determinanti l-intoduzzjoni fiżika tal-kunsinna fl-Unjoni u ġaladarba ma jkunux jeżistu indikazzjonijiet ta’ evażjoni jew ta’ ksur ta’ obbligi skont ir-Regolament REACH, jidher għalhekk raġonevoli li jiġi aċċettat it-teħid tar-responsabbiltà. Għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Belġju, ma huwiex determinanti jekk dan it-teħid jirriżultax minn kuntratt konkluż max-xerrej tal-merkanzija jew minn ċirkustanzi oħra – f’dan il-każ il-ftehim konkluż bejn Dreymoor u Belor.

58.      L-Artikolu 8 tar-Regolament REACH jipprevedi saħansitra espressament il-possibbiltà ta’ ftehim ma’ attur mhux stabbilit fl-Unjoni f’każ partikolari, jiġifieri meta l-manifattur ta’ sustanza stabbilit barra mill-Unjoni jinnomina, bi ftehim komuni, persuna stabbilita fl-Unjoni li, fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant uniku, tissodisfa l-obbligi imposti fuq l-importaturi. Dan ifisser li l-importaturi għandhom jiġu eżentati mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, peress li mbagħad dawn jitqiesu bħala utenti downstream.

59.      Kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, dawn ir-regoli dwar ir-rappreżentant uniku ma jipprekludux it-teħid tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’każijiet oħra. Huwa minnu li r-Regolament ma jinkludix dispożizzjoni komparabbli mal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà, għall-atturi involuti fl-importazzjoni, li jiftiehmu dwar persuna li tissodisfa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, sa fejn ir-Regolament ma jispeċifikax b’mod ċar fuq liema persuna huwa impost dan l-obbligu, filwaqt li jibbaża ruħu fuq reġistrazzjoni waħda tal-kwantitajiet ta’ sustanzi importati, jeħtieġ li jkun possibbli li wieħed jiftiehem dwar min jieħu responsabbiltà għal dan l-obbligu.

60.      Din l-interpretazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament REACH tippreżenta barra minn hekk il-vantaġġ li jkopri wkoll il-każ fejn impriża kummerċjali stabbilita barra mill-Unjoni, bħal Dreymoor, timporta fl-Unjoni kwantità ta’ sustanza prodotta minn manifattur ieħor mingħajr ma jkollha diġà riċevitur fl-Unjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, ħadd ma jkun jista’ jirreġistra l-kunsinna, b’tali mod li l-importazzjoni tkun legalment inammissibbli. Tali impriża kummerċjali ma tkunx manifattur tas-sustanza u għalhekk ma tkunx tista’ taħtar rappreżentant uniku skont l-Artikolu 8. Lanqas ma tkun tista’ tirreġistra l-kunsinna nnifisha jekk ma tkunx stabbilita fl-Unjoni. U jekk ir-riċevituri jkunu għadhom ma humiex magħrufa, huma lanqas ma jistgħu jerfgħu r-responsabbiltà għall-importazzjoni. Sabiex tali importazzjonijiet ikunu permessi, jeħtieġ għalhekk li jkun possibbli li attur stabbilit fl-Unjoni jieħu r-responsabbiltà għall-importazzjoni.

61.      Fil-kawża prinċipali, tali soluzzjoni tkun neċessarja tal-inqas għall-kwantitajiet mixtrija minn Triferto wara l-importazzjoni, inkluż, eventwalment, il-proporzjon tat-tagħbija, jiġifieri 2 000 tunnellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx informata dwarhom. Fil-fatt, skont ir-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, il-kwantitajiet mibjugħa sussegwentement lil Triferto kienu mill-inqas diġà ġew importati qabel ma ġie ddeterminat ir-riċevitur.

62.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda u għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li, skont il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH, ix-xerrej ta’ iktar minn tunnellata ta’ sustanza importata fl-Unjoni ma huwiex obbligat jirreġistra huwa stess din is-sustanza, meta persuna oħra stabbilita fl-Unjoni tkun ħadet ir-responsabbiltà għall-importazzjoni tas-sustanza u tkun wettqet ir-reġistrazzjoni u meta ma jkunx hemm indikazzjonijiet ta’ evitar tal-obbligi marbuta mar-reġistrazzjoni tas-sustanza.

V.      Konklużjoni

63.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)      L-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi hija applikabbli biss jekk is-sustanzi ikkonċernati jkunu suġġetti għal waħda mir-regoli doganali speċjali msemmija fih, jiġifieri l-ħażna temporanja (il-punti 11 u 17 tal-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikoli 144 sa 152 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni), il-ħażna f’żoni ħielsa għar-riesportazzjoni (il-punt 14 tal-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikoli 243 sa 249, iżda mhux l-Artikolu 270 tal-Kodiċi Doganali) jew it-tranżitu (Artikoli 226 sa 236 tal-Kodiċi Doganali) u jekk dawn la jiġu ttrattati u lanqas ipproċessati f’dawn il-postijiet.

2)      Skont il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, ix-xerrej ta’ iktar minn tunnellata ta’ sustanza importata fl-Unjoni ma huwiex obbligat jirreġistra din is-sustanza huwa stess meta persuna oħra stabbilita fl-Unjoni tkun ħadet ir-responsabbiltà għall-importazzjoni tas-sustanza u tkun wettqet ir-reġistrazzjoni u meta ma jkunx hemm indikazzjonijiet ta’ evitar tal-obbligi marbuta mar-reġistrazzjoni tas-sustanza.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Din id-denominazzjoni hija protetta mit-trade marks 003945938, 008526717 u W01042880 tal-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-manifatturi tal-vetturi.


3      ECHA, Substance Infocard Urea, https://www.echa.europa.eu/de/substance-information/-/substanceinfo/100.000.286.


4      Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 136, p. 3); il-verżjoni rilevanti hija dik tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/957 tal‑11 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 154, p. 37).


5      Ara r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi elettroniċi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU 2016, L 69, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 101, p. 33, fil-ĠU 2017, L 281, p. 34, fil-ĠU 2018, L 152, p. 61 u fil-ĠU 2019, L 96, p. 55), b’mod partikolari l-Anness D1 tiegħu.


6      Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 (ĠU 2019, L 111, p. 54).


7      Artikoli 166 sa 181 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 4, p. 307) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 13).


8      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Pinckernelle (C‑535/15, EU:C:2017:315, b’mod partikolari l-punt 43).


9      Ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU 2012, L 201, p. 60).


10      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, Leitlinien zur Registrierung (Linji Gwida dwar ir-Reġistrazzjoni), Awwissu 2021, Verżjoni 4.0, p. 21 (mhux disponibbli bil-Malti).


11      Ibid., p. 2. Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 123).