Language of document : ECLI:EU:C:2021:1019

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑16 ta’ Diċembru 2021 (1)

Kawżi magħquda C562/21 PPU u C563/21 PPU

X (C562/21 PPU)

Y (C563/21 PPU)

vs

Openbaar Ministerie

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Konsenja tal-persuni rikjesti lill-awtorità ġudizzjarja emittenti – Raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti – Assenza ta’ rimedju effettiv li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin fl-Istat Membru emittenti – Riskju serju, għall-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq – Kriterji ta’ verifika tal-indipendenza mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta, minħabba r-riskju, fir-rigward ta’ din il-persuna, ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti fl-Istat Membru emittenti (3).

2.        Il-kwistjoni ewlenija f’dawn il-kawżi hija li jiġu speċifikati, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (4), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (5), jekk u sa fejn l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti tista’, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, twassal lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex topponi l-konsenja tal-persuna rikjesta.

3.        L-isfond ta’ dawn il-kawżi huwa l-iżvilupp u r-riformi reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka (iktar ’il quddiem ir-“riformi inkwistjoni”) (6), li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara, essenzjalment, li diversi dispożizzjonijiet introdotti mil-leġiżlatur Pollakk kienu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (7) u li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni f’diversi aspetti (8) (iktar ’il quddiem, indistintament, il-“ġurisprudenza dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Pollakka”) (9). F’dan il-kuntest, is-sentenza reċenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (K 3/21) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali”), deċiża wara d-deċiżjonijiet ta’ rinviju, tippreżenta sfidi addizzjonali għall-qorti tar-rinviju (10).

4.        Fid-dawl ta’ analiżi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, nippreċiża l-kundizzjonijiet skont liema nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, u b’mod partikolari l-ndħil mill-poter eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju f’dak li jikkonċerna l-ħatra tal-imħallfin, jirriskjaw li jaffettwaw s-sitwazzjoni individwali tal-persuni rikjesti ladarba kkonsenjati u għalhekk jistgħu jwasslu lill-awtorità’ ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni biex tirrifjuta l-konsenja tagħhom.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

5.        Skont l-Artikolu 2 TUE:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

6.        L-Artikolu 7 TUE jistabbilixxi:

“1.      Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’ maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2.      Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

3.      Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill- applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

4.      Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

5.      L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 [TFUE].”

7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

2.      Il-Karta

8.        L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprevedi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

3.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

9.        Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-[MAE] hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [TUE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-[Karta], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ [MAE] meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.”

10.      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”:

“1.      Il-[MAE] hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

11.      L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jelenkaw ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju u fakultattiv tal-MAE.

12.      L-Artikolu 15 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprevedi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

B.      Id-dritt Olandiż

13.      L-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja), tad‑29 ta’ April 2004 (11), kif emendata l-aħħar bil-Liġi tas‑17 ta’ Marzu 2021 (12), tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Olandiż.

14.      L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konsenja jaqra kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

g)      ‘qorti’ tfisser il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam;

[…]”

15.      L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ma għandux jingħata segwitu għal [MAE] f’każijiet fejn, skont il-qorti, ikunu jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna rikjesta, wara li tiġi kkonsenjata, taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha ggarantiti mill-[Karta].”

16.      L-Artikolu 26 tal-imsemmija liġi jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qorti għandha teżamina […] il-possibbiltà ta’ konsenja. […]”

17.      L-Artikolu 28 tal-istess liġi jistabbilixxi:

“1.      Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja mhux iktar tard minn erbatax-il jum wara l-għeluq tal-istruttorja tas-seduta. Is-sentenza għandha tkun immotivata.

2.      Jekk il-qorti tikkonstata […] li l-konsenja ma tistax tiġi awtorizzata […], hija għandha tirrifjuta din il-konsenja fid-deċiżjoni tagħha.

3.      Fil-każijiet differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 2, il-qorti għandha tawtorizza l-konsenja fis-sentenza tagħha, ħlief jekk tqis li ebda segwitu ma għandu jingħata għall-[MAE] skont l-Artikolu 11(1) […]”

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Kawża C562/21 PPU

18.      Fis‑6 ta’ April 2021, awtorità ġudizzjarja Pollakka ħarġet MAE kontra X, ċittadin Pollakk, bil-għan li jiġi arrestat u kkonsenjat lil din il-qorti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, imposta permezz ta’ sentenza definittiva tat‑30 ta’ Ġunju 2020 għal estorsjoni u theddida ta’ vjolenza.

19.      Il-persuna kkonċernata tqiegħdet taħt detenzjoni provviżorja sakemm tingħata d-deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam), il-qorti tar-rinviju, dwar il-konsenja tagħha u ma tatx il-kunsens tagħha għaliha.

20.      Dik il-qorti, li ġiet adita fil-kuntest tat-talba għall-eżekuzzjoni tal-MAE, ikkonstatat il-preżenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, li jinvolvu riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal qorti indipendenti, stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta bħala kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

21.      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti rrilevat li, għalkemm kien possibbli, għal persuna li ntalbet il-konsenja tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, li tispeċifika, fil-proċedura ta’ konsenja, liema mħallfin tal-Istat Membru emittenti pparteċipaw fil-proċeduri kriminali kontra tagħha, din il-persuna ma tistax tikkontesta b’mod effettiv, wara l-konsenja tagħha, il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, skont leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (13).

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Liema kriterju għandha tapplika awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE sabiex tiġi eżegwita piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà definittiva meta hija teżamina jekk, fl-Istat Membru emittenti, matul proċedura li tkun wasslet għall-kundanna, id-dritt stabbilit preċedentement mil-liġi ta’ proċess quddiem qorti [id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi] jkun ġie miksur, meta f’dan l-Istat Membru, eventwali ksur ta’ dan id-dritt ma seta’ jkun suġġett għal ebda rimedju ġudizzjarju effettiv?”

B.      Kawża C563/21 PPU

23.      Awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki ħarġu sitt MAE kontra Y, ċittadin Pollakk, bil-għan li jiġi arrestat u kkonsenjat lil dawn il-qrati. Żewġ MAE nħarġu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà u l-erba’ MAE l-oħra nħarġu għall-finijiet tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali għal diversi reati, fosthom dak ta’ frodi. Il-kawża li ntbagħtet mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-MAE relatat ma’ dan l-aħħar reat, maħruġ fis‑7 ta’ April 2020.

24.      Il-persuna kkonċernata tqiegħdet taħt detenzjoni provviżorja sakemm tingħata d-deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam), il-qorti tar-rinviju, dwar il-konsenja tagħha u ma tatx il-kunsens tagħha għaliha.

25.      Dik il-qorti, li ġiet adita fil-kuntest tat-talba għall-eżekuzzjoni tal-MAE, ikkonstatat, fid-dawl ta’ dak li għamlet fil-Kawża C‑562/21 PPU, il-preżenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, li jinvolvu riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal qorti indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 47(2) tal-Karta (14).

26.      Barra minn hekk, minn naħa, l-imsemmija qorti rrilevat li ma kienx possibbli, għal persuna li ntalbet il-konsenja tagħha għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, li tispeċifika, fil-proċedura ta’ konsenja, liema mħallfin tal-Istat Membru emittenti ser jeżaminaw il-kawżi tagħha wara l-konsenja tagħha, peress li l-kawżi huma assenjati b’mod każwali lill-imħallfin ta’ qorti u peress li għalhekk huwa impossibbli għal din il-persuna li tinvoka, b’mod individwalizzat, l-irregolaritajiet imwettqa fil-ħatra ta’ mħallef wieħed jew iktar. Min-naħa l-oħra, l-istess qorti kkonstatat li persuna rikjesta ma tistax tikkontesta b’mod effettiv, wara l-konsenja tagħha, il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (15).

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Għandu jiġi applikat il-kriterju stabbilit fis-sentenza (Minister for Justice and Equality) u kkonfermat permezz tas-sentenza (Openbaar Ministerie) meta jkun hemm riskju reali li l-persuna kkonċernata titressaq quddiem qorti li ma tkunx ġiet stabbilita minn qabel mil-liġi?

2)      Għandu jiġi applikat il-kriterju stabbilit fis-sentenza (Minister for Justice and Equality) u kkonfermat permezz tas-sentenza (Openbaar Ministerie) meta l-persuna rikjesta li tixtieq tikkontesta l-konsenja tagħha ma tistax tissodisfa dan il-kriterju għaliex ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata, f’dak il-mument, il-kompożizzjoni tal-qrati li hija ser titressaq quddiemhom, minħabba l-modalitajiet aleatorji ta’ attribuzzjoni tal-kawżi?

3)      L-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja, f’ċirkustanzi fejn ikun ċar li l-persuna rikjesta ma tistax tistabbilixxi, f’dak il-mument, li l-qrati li hija ser titressaq quddiemhom huma komposti minn imħallfin mhux maħtura b’mod validu tikkostitwixxi ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, li jimplika l-obbligu għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta?”

IV.    Il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

28.      L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑30 ta’ Settembru 2021, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dawn iż-żewġ kawżi jiġu ssuġġettati għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li d-domandi preliminari magħmula kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni qafas li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u, min-naħa l-oħra, li dik il-qorti kienet indikat li X u Y kienu mqiegħda taħt detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-konsenja tagħhom.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza, fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom.

30.      X, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), il-Gvern Olandiż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet li nżammet fis‑16 ta’ Novembru 2021.

V.      Analiżi

31.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha fiż-żewġ kawżi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, b’applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi Minister for Justice and Equality u Openbaar Ministerie, hijiex obbligata tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

–        minn naħa, fl-eżami ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà definittiva, meta, fl-Istat Membru emittenti, (i) id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi jkun inkiser matul proċeduri li wasslu għall-kundanna u (ii) eventwali ksur ta’ dan id-dritt ma jista’ jkun suġġett għal ebda rimedju ġudizzjarju effettiv (16);

–        min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ MAE maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, meta (i) ikun jeżisti riskju reali li, fl-Istat Membru emittenti, il-persuna rikjesta tiġi ġġudikata minn qorti li ma tkunx ġiet stabbilita minn qabel bil-liġi (17), (ii) din il-persuna ma tistax tiddetermina l-kompożizzjoni tal-qrati li ser tiġi ġġudikata quddiemhom, minħabba l-modalitajiet ta’ assenjazzjoni każwali tal-kawżi (18) u (iii) ma jkunx jeżisti rimedju effettiv sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin (19).

32.      Infakkar qabelxejn il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mill-ġurisprudenza rilevanti (A), sabiex sussegwentement nirrispondi għad-domandi preliminari (B).

A.      Fuq il-prinċipji li joħorġu mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mill-ġurisprudenza rilevanti

33.      Iktar ’il quddiem ser infakkar il-prinċipji li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE marbuta mar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta (1), kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom irregolarità fil-ħatra ta’ mħallef tista’ twassal sabiex jitqiegħed fid-dubju d-dritt tal-partijiet f’kawża għal smigħ xieraq (2).

1.      Ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE marbuta mar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta

34.      Kif jirriżulta mill-premessi 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-MAE, li jippermetti li jitneħħew il-kumplessità u r-riskji ta’ dewmien inerenti fil-proċeduri ta’ estradizzjoni, tikkostitwixxi l-miżura konkreta, fil-qasam tad-dritt kriminali, li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew ikkwalifika bħala l-“ġebla tax-xewka” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, u hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri (20). L-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) TUE, ikkonstatat mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan it-trattat, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(2) tiegħu. Il-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas, madankollu, tispeċifika li din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta (21).

35.      Dawn iż-żewġ “prinċipji gwida” tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma riflessi fl-Artikolu 1 tagħha, li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe MAE, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, u, fil-paragrafu 3 tiegħu, jispeċifika li l-imsemmija deċiżjoni qafas ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti mill-Artikolu 6 TUE.

36.      Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, bħala prinċipju, jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss għar-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (22) jew, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’“ċirkustanzi eċċezzjonali” li, minħabba l-gravità tagħhom, jimponu l-limitazzjoni tal-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (23).

37.      Għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, fosthom il-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, introduċiet eżami f’żewġ stadji (iktar ’il quddiem l-“eżami f’żewġ stadji” jew l-“eżami” (24)):

–        permezz tal-ewwel stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa r-riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-Istat Membru emittenti;

–        permezz tat-tieni stadju, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistix riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna rikjesta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ (25).

38.      Sussegwentement, dawn il-prinċipji, u b’mod partikolari l-eżami f’żewġ stadji, ġew applikati fir-rigward tas-sitwazzjoni li fiha, wara l-eżekuzzjoni ta’ MAE, ikun jeżisti riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura u għalhekk jikkawżaw ksur ta’ dan id-dritt.

39.      Fis-sentenza Minister for Justice and Equality, li tirrigwarda MAE maħruġ minn awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki meta, wara l-ewwel stadju tal-eżami, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi, bħal dawk li jinsabu fi proposta motivata tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(1) TUE, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, li jidhru li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (26), din l-awtorità hija obbligata wkoll, fil-kuntest tat-tieni stadju, tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti (27). F’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni kriterji, bħas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, in-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-kuntest fattwali, li fuqhom ikun ibbażat il-MAE (iktar ’il quddiem il-“kriterji rilevanti”), kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (28).

40.      Fis-sentenza Openbaar Ministerie, li tirrigwarda MAE maħruġ minn awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, li kienu jeżistu fil-mument tal-ħruġ jew li seħħew wara, din l-awtorità ma tistax iċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 lill-qorti li tkun ħarġet il-MAE (29). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, anki meta tikkonstata l-eżistenza tan-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati msemmija iktar ’il fuq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tastjeni milli twettaq it-tieni stadju tal-eżami. Fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju, huwa l-obbligu ta’ din l-awtorità li tevalwa jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE ser taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (30). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kriterji rilevanti, żviluppati fis-sentenza Minister for Justice and Equality (31), filwaqt li speċifikat li l-imsemmija awtorità tista’, fl-ambitu tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-MAE, tieħu inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament li għandu jingħata lil każ individwali (32).

41.      Essenzjalment, fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, filwaqt li żammet il-prinċipju ta’ konsenja tal-persuna rikjesta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ riskju reali li din il-persuna, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, iġġarrab ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tagħti segwitu għal dan il-MAE, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (33).

42.      Din il-verifika, li hija riflessa fl-eżami f’żewġ stadji, teħtieġ, essenzjalment, evalwazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni fl-Istat Membru emittenti, segwita minn evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li minnha jirriżulta li din tal-aħħar hija konkretament esposta għar-riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni.

2.      Iċ-ċirkustanzi li fihom irregolarità fil-ħatra ta’ mħallef tista’ tippreġudika d-dritt tal-partijiet f’kawża għal smigħ xieraq

43.      Peress li l-qorti tar-rinviju tirrileva li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw id-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi fl-Istat Membru emittenti jirriżultaw prinċipalment minn irregolarità fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura (34), jidhirli li huwa opportun li nsemmi fil-qosor, iktar ’il quddiem, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom irregolarità fil-ħatra ta’ mħallef tista’ tqiegħed fid-dubju d-dritt tal-partijiet f’kawża għal smigħ xieraq.

44.      Fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-effett ta’ irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fuq id-dritt tal-partijiet għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.

45.      F’dik is-sentenza, filwaqt li rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt li tiġi ġġudikata minn qorti “stabbilita bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li għalih jikkorrispondi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (36), jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (37), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li irregolarità mwettqa matul il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta jkunu inkwistjoni r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (38).

46.      Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallef inkwistjoni fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (jiġifieri s-sejħa għal kandidaturi), li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kienet ikkonstatat l-irregolarità tagħha, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli fundamentali dwar il-ħatra tal-Imħallfin f’dik il-qorti (jiġifieri r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE u l-Artikolu 3 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) u kkonkludiet li s-sempliċi ksur tal-proċedura ta’ ħatra ma kienx biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur ta’ regola fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ natura u ta’ gravità tali li ħoloq riskju reali li l-Kunsill għamel użu inġustifikat mis-setgħat tiegħu billi pperikola l-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ta’ ħatra u billi b’hekk ħoloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef maħtur fit-tielet pożizzjoni, jew fl-awla li lilha dan l-Imħallef ġie assenjat (39). Dawn l-istess prinċipji ġew applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Pollakka fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (40).

47.      Essenzjalment, din il-ġurisprudenza tgħallimna li irregolaritajiet fil-ħatra ta’ ċerti mħallfin jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq is-sitwazzjoni konkreta tal-partijiet f’kawża meta dawn joħolqu r-riskju ta’ ndħil tal-poter eżekuttiv fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u b’hekk joħolqu dubju, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin u tal-qrati li lilhom ikunu assenjati. Dan it-tagħlim iwassalni sabiex nikkonkludi li, fil-kuntest tat-tieni stadju tal-eżami fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tal-persuni rikjesti, fid-dawl tal-kriterji rilevanti, tippreżentax, għall-poter eżekuttiv, interess li jmur lil hinn mill-elementi konkreti tar-reati allegati u li jesponihom għal riskju li l-kawża tagħhom ma tiġix ittrattata b’mod imparzjali kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

B.      Fuq id-domandi preliminari

48.      Dawn il-kawżi jidħlu f’kuntest kważi identiku għal dak li ta lok għas-sentenzi Minister for Justice and Equality u Openbaar Ministerie, kif ukoll għal dak li huwa s-suġġett tal-kawża pendenti C‑480/21, Minister for Justice and Equality (41). Huma jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ minn awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà. Kif diġà ġie rrilevat, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għandhiex tapplika u kif għandha tapplika t-tieni stadju tal-eżami (42) fil-kuntest partikolari tal-każ.

1.      Fuq l-ewwel stadju tal-eżami

49.      Preliminarjament, f’dak li jirrigwarda l-ewwel stadju tal-eżami, il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tqajjem ebda domanda preliminari f’dan ir-rigward, tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, li kienu jeżistu meta nħareġ il-MAE, li għadhom jeżistu u li saħansitra ġarrbu aggravazzjoni li żdiedet matul l-aħħar snin. Dik il-qorti tibbaża din il-konstatazzjoni prinċipalment fuq il-ħatra tal-imħallfin fuq proposta tal-KRS skont il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-KRS u Ċerti Liġijiet Oħra, tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (43), kif ukoll fuq l-impossibbiltà, għal persuna kkonsenjata, li tikkontesta b’mod effettiv il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu skont leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (44).

50.      Mingħajr ma nixtieq nidħol fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju u bla ħsara għall-verifiki li din għandha twettaq fir-rigward tal-attwalità ta’ din l-analiżi u tal-eventwali żviluppi fis-sitwazzjoni fuq livell nazzjonali (45), nista’ naqbel, bħala prinċipju, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, mal-konstatazzjonijiet magħmula minn dik il-qorti (46).

2.      Fuq it-tieni stadju tal-eżami

51.      F’dak li jirrigwarda t-tieni stadju tal-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara l-applikazzjoni tal-kriterji rilevanti fil-każ, minn naħa, tal-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà u, min-naħa l-oħra, tal-eżekuzzjoni ta MAE maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali (47).

52.      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, meta dawn jinkludu jew jistgħu jinkludu nuqqasijiet speċifiċi fil-ħatra tal-imħallfin li kkundannaw lill-persuna rikjesta jew li huwa maħsub li ser jiġġudikawha wara l-konsenja tagħha, jistgħux iwasslu, f’dan il-każ, għal ksur tad-dritt ta’ din il-persuna għal qorti indipendenti, iggarantit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tastjeni, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, milli tagħti segwitu għall-MAE, filwaqt li, fil-każ oppost, din għandha twettaq l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar (48).

53.      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, il-qorti tar-rinviju tirrileva li jeżisti riskju reali li mħallef wieħed jew iktar maħtura wara r-riformi inkwistjoni (49) pparteċipaw fil-proċeduri kontra l-persuna li tkun is-suġġett ta’ tali MAE. Dik il-qorti żżid li, għalkemm huwa fiżikament possibbli għal din il-persuna li tispeċifika liema mħallfin tal-Istat Membru emittenti pparteċipaw fil-proċeduri kontra tagħha, l-imsemmija persuna ma tistax tikkontesta b’mod effettiv il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, skont emenda leġiżlattiva li ddaħħlet matul is-sena 2020 fil-kuntest tar-riformi inkwistjoni (50).

54.      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, il-qorti ta’ rinviju tikkonstata li persuna rikjesta ma hijiex f’pożizzjoni li tkun taf liema mħallfin ser jeżaminaw il-kawża tagħha wara l-konsenja tagħha, fid-dawl tal-mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni każwali tal-kawżi lill-imħallfin f’qorti, li wkoll iddaħħal fil-kuntest tar-riformi inkwistjoni.

55.      Nirrileva li, f’dawn iż-żewġ xenarji, jistgħu jiġu previsti żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, is-sitwazzjoni li fiha huwa possibbli li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fil-ħatra ta’ mħallef wieħed jew iktar li ttrattaw jew li huwa maħsub li ser jittrattaw il-kawża tal-persuni rikjesti (a) u, is-sitwazzjoni li fiha jeżistu irregolaritajiet jew jeżisti r-riskju reali ta’ irregolaritajiet f’tali ħatra (b). F’din it-tieni sitwazzjoni, li hija s-suġġett tad-domandi preliminari, għandu jiġi speċifikat jekk u sa fejn l-eżistenza jew ir-riskju ta’ tali irregolaritajiet jistgħu jwasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE. Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa opportun li nagħti xi indikazzjonijiet dwar il-konsegwenzi possibbli, fir-rigward tal-eżami msemmi iktar ’il fuq, tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, li, minkejja li ngħatat sussegwentement għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, tikkostitwixxi element li l-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha(c).

a)      Fuq l-assenza ta’ irregolaritajiet fil-ħatra tal-imħallfin nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni

56.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, abbażi tal-verifiki tagħha u eventwalment ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tista’ tasal għall-konklużjoni li l-awtorità ġudizzjarja li ddeċidiet dwar il-piena jew il-miżura li ċċaħħad il-libertà kontra l-persuna rikjesta ma kinitx komposta minn imħallfin maħtura skont ir-regoli li jirriżultaw mir-riformi inkwistjoni (51), jew li ma hemmx riskju konkret li l-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali tiġi ġġudikata minn awtorità ġudizzjarja komposta minn imħallfin maħtura abbażi ta’ dawn ir-regoli.

57.      F’tali sitwazzjonijiet, in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ma għandhomx jostakolaw il-konsenja tal-persuna kkonċernata lejn dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ raġunijiet oħra li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ din il-konsenja (52).

b)      Fuq l-eżistenza jew ir-riskju konkret ta’ irregolaritajiet fil-ħatra tal-imħallfin nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni

58.      L-awtorità nazzjonali ta’ eżekuzzjoni, dejjem abbażi tal-verifiki tagħha u eventwalment ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tista’ tikkonstata li l-awtorità ġudizzjarja li ddeċidiet dwar il-piena jew il-miżura li ċċaħħad il-libertà kienet fil-fatt komposta minn imħallef wieħed jew iktar maħtura abbażi tar-regoli li jirriżultaw mir-riformi inkwistjoni, jew li hemm riskju konkret li l-imħallfin li ddeċidew dwar il-kundanna tal-persuna rikjesta jew li ser jeżaminaw il-kawża ta’ din il-persuna wara l-konsenja tagħha jaqgħu taħt il-kategorija tal-imħallfin maħtura skont dawn ir-regoli. Dawn is-sitwazzjonijiet, li huma s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑563/21 PPU, huma kkaratterizzati mid-dubju tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, dwar l-impatt effettiv tal-parteċipazzjoni (effettiva jew probabbli) tal-imħallfin maħtura irregolarment fir-rigward tar-rispett għad-dritt fundamentali tal-imsemmija persuna għal qorti indipendenti.

59.      Issa jidhirli li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata fil-punti 37 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan id-dubju ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna rikjesta għal qorti indipendenti fil-kuntest tat-tieni stadju tal-eżami u għalhekk sabiex jiġi ġġustifikat eventwali rifjut min-naħa ta’ din l-awtorità li teżegwixxi l-MAE. Fil-fatt, bħan-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, is-sempliċi riperkussjoni ta’ dawn in-nuqqasijiet fuq il-proċeduri nazzjonali nnifishom, mitmuma jew futuri, fil-konfront tal-persuna rikjesta, filwaqt li l-imsemmija awtorità hija inkoraġġita teżerċita viġilanza ikbar fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi relatati mal-ħruġ tal-MAE (53), ma tistax teżenta lill-istess awtorità milli teżamina l-kriterji rilevanti.

60.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Polonja, permezz tar-riformi inkwistjoni, ippermettiet lill-poter eżekuttiv jindaħal b’mod deċiżiv fil-ħatra tal-imħallfin u fis-sistema dixxiplinari tagħhom. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifikat li irregolarità fil-ħatra tal-imħallfin tinvolvi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta toħloq ir-riskju ta’ ndħil tal-poter eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju, u b’hekk tippermetti lill-poter eżekuttiv jeżerċita influwenza fuq dan tal-aħħar u tippreġudika s-separazzjoni tal-poteri u għalhekk l-indipendenza tal-ġudikatura (54).

61.      Għalhekk inqis li l-evalwazzjoni tal-effetti tan-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuni rikjesti għandha titwettaq skont in-natura tan-nuqqasijiet irrilevati. F’dan il-każ, fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati li jirrigwardaw l-indħil tal-poter eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju, il-kwistjoni hija jekk dan l-indħil huwiex tali li jaffettwa t-trattament tal-kawżi li jirrigwardaw il-persuni rikjesti.

62.      Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, abbażi tal-provi prodotti mill-persuna rikjesta u tal-informazzjoni li eventwalment tkun irċeviet mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li ħareġ l-MAE, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tivverifika jekk in-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati Pollakki, dovut għal indħil tal-poter eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-poter ġudizzjarju, jistax jikser id-dritt tal-persuni rikjesti għal qorti indipendenti, fid-dawl tal-kriterji rilevanti, kif ukoll tal-eventwali żviluppi fil-kuntest leġiżlattiv u ġudizzjarju tal-Istat Membru emittenti (55).

63.      Il-kriterji rilevanti għalhekk għandhom jiġu applikati, fil-każijiet inkwistjoni, fid-dawl tal-eventwali riskju ta’ ndħil tal-poter eżekuttiv fil-kawżi li jirrigwardaw il-persuni rikjesti. B’mod iktar partikolari, skont dawn il-kriterji, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju ser ikollha l-kompitu li tevalwa jekk is-sitwazzjoni personali tal-persuni rikjesti tistax tinvolvi riskju li dawn jiġu ġġudikati abbażi ta’ provi li ma jkunux dawk li huma rilevanti għall-eżami tal-aġir allegatament illegali tagħhom, bħalma huma l-eventwali parteċipazzjoni ta’ dawn il-persuni fil-ħajja politika jew l-appartenenza tagħhom għal kategorija, minorità jew stat soċjali partikolarment esposti għall-indħil tal-poter eżekuttiv, fid-dawl tal-politiki mħaddna minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, dik il-qorti ser tkun obbligata tivverifika jekk in-natura tar-reati li fir-rigward tagħhom l-imsemmija persuni jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni tistax tinvolvi riskju li dawn l-istess persuni ma jiġux iġġudikati b’mod indipendenti (56). Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti ser ikollha tevalwa jekk tali riskju jistax jirriżulta mill-kuntest fattwali li fuqu huwa bbażat il-MAE, fid-dawl tal-eventwali dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament li għandu jingħata lil każ individwali.

64.      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi preċedenti, il-qorti tar-rinviju jista’ wkoll ikollha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti tiggarantixxix lill-persuni rikjesti rimedju ġudizzjarju effettiv li jippermetti li tiġi invokata l-eventwali irregolarità tal-ħatra tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati (ara punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet), liema aspett huwa s-suġġett tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑562/21 PPU u tat-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑563/21 PPU (57).

65.      F’dak li jirrigwarda l-portata tal-analiżi li għandha twettaq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jidhirli li l-persuna rikjesta għandha l-kompitu li tipproduċi lill-qorti tar-rinviju l-provi li minnhom jirriżulta, prima facie, riskju konkret li, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kawża tagħha tista’ tiġi ġġudikata b’mod mhux indipendenti. Għalkemm ma tistax tintalab prova kompleta f’dan ir-rigward, din il-prova ma tistax tkun limitata għal riferiment għar-riskju ġeneriku li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-kawża tagħha, peress li din l-evalwazzjoni taqa’ wkoll taħt l-ewwel stadju tal-eżami. Fil-fehma tiegħi, huwa l-kompitu tal-persuna rikjesta, minn naħa, li tipproduċi provi li minnhom jirriżulta li l-imħallfin involuti jew probabbilment involuti fil-proċeduri kontra tagħha jagħmlu parti mill-imħallfin maħtura skont ir-riformi inkwistjoni jew li l-awtorità ġudizzjarja emittenti nnifisha hija vvizzjata b’nuqqas ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi r-raġunijiet li għalihom jidhrilha li tali sitwazzjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq il-kawża tagħha, fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, man-natura tar-reati inkwistjoni u mal-kuntest fattwali li fuqu jkun ibbażat il-MAE (58). Fil-fehma tiegħi, tali provi normalment ser ikunu suffiċjenti sabiex iwasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna, sakemm l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tipprovdix hija stess assigurazzjonijiet jew impenji konkreti fir-rigward tat-trattament li ser jingħata lill-imsemmija persuna wara l-konsenja tagħha b’mod li jiġi eliminat kull d-dubju dwar ir-riskji msemmija mill-istess persuna.

c)      Fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali

66.      Minkejja li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ngħatat wara li ntbagħtu dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, din, peress li hija fatt magħruf, tikkostitwixxi element li l-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni fil-mument tad-deċiżjoni tagħha.

67.      Għalkemm il-motivazzjoni tagħha għadha ma hijiex disponibbli, mid-dispożittiv ta’ dik is-sentenza jirriżulta li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tqiegħed fid-dubju l-applikabbiltà nnifisha ta’ ċerti dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattat UE f’dan l-Istat Membru, kif ukoll ir-rwol primarju tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li d-dritt jiġi osservat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 19(1) TUE, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ddibattuta tal-indipendenza tal-istanzi ġudizzjarji, li hija waħda mill-karatteristiċi fundamentali tal-Istat tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 2 TUE (59). Kuntrarjament għall-assigurazzjonijiet ipprovduti waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-Gvern Pollakk, jidher li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali ma tista’ tkun is-suġġett ta’ ebda stħarriġ fis-sitwazzjonijiet legali li fihom it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li għandha tingħata interpretazzjoni partikolari abbażi tal-Kostituzzjoni Pollakka.

68.      Prima facie, l-imsemmija sentenza tirrappreżenta l-espressjoni ta’ politika ġudizzjarja, fl-ogħla livell kostituzzjonali, intiża li tqiegħed fid-dubju l-kondiviżjoni tal-prinċipji u tal-valuri fundamentali tal-Unjoni mill-imsemmi Stat Membru (60), minkejja li l-parteċipazzjoni ta’ dan l-istess Stat Membru fl-Unjoni ma tidhirx, madankollu, li qiegħda titqiegħed fid-dubju (61).

69.      Huwa minnu li, qabel ma tinsilet kwalunkwe konklużjoni mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali għall-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ser ikollha teżerċita prudenza kbira ħafna, fid-dawl tal-fatt li l-implikazzjonijiet ta’ dik is-sentenza ser ikollhom jiġu vverifikati, permezz ta’ eżami bir-reqqa tal-motivazzjoni tagħha u tal-modalitajiet konkreti tal-applikazzjoni tagħha (62), u wkoll fid-dawl tal-fatt li din hija sitwazzjoni li qiegħda tiżviluppa kontinwament (63). B’mod partikolari, l-affermazzjoni li, de facto, l-imsemmija sentenza minn issa ’l quddiem timplika l-impossibbiltà li jiġu eżegwiti l-MAE kollha maħruġa mill-Istat Membru inkwistjoni twassal għall-impunità ta’ diversi reati kriminali, filwaqt li tikser id-dritt tal-vittmi tar-reati inkwistjoni, u tikkostitwixxi ċaħda tal-ħidma professjonali tal-imħallfin tar-Repubblika tal-Polonja li jagħmlu sforz sabiex jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja previsti mid-dritt tal-Unjoni (64). Dan fih innifsu jista’ jikkostitwixxi ċaħda tal-ġustizzja u jista’ jwassal għal konsegwenzi gravi, anki lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (65).

70.      Madankollu, jidhirli li tali approċċ jista’ jqiegħed fid-dubju l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-qrati tal-Istati Membri kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxu s-sisien tas-sistema tal-MAE. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, ma narax kif jista’ jiġi ggarantit il-livell għoli ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-MAE.

71.      L-interpretazzjoni li tidher li tirriżulta mid-dispożittiv ta’ dik is-sentenza hija ta’ natura li toħloq dubju dwar jekk parti f’kawża, suġġetta għal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja Pollakka, tistax, sal-lum, tibbaża ruħha fuq il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu rrimedjati eventwali inkompatibbiltajiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli kostituzzjonali tagħha. F’dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, l-imsemmija sentenza tista’ timplika, b’mod partikolari, l-impossibbiltà li tiġi rrimedjata, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ supremazija u l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni, l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jippermetti li jiġu protetti l-individwi, inklużi l-persuni kkonsenjati, kontra eventwali ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq (66).

72.      Għaldaqstant, il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali jista’ jkollhom rwol, mhux b’mod assolut iżda fl-analiżi tar-riskji konkreti, għall-persuni rikjesti, ladarba jiġu kkonsenjati, ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u b’mod partikolari sa fejn din is-sentenza tipprekludi milli tiġi rrimedjata l-assenza ta’ motiv ta’ rikors (rikuża, appell, eċċ.) li jippermetti li tiġi kkontestata l-ħatra irregolari tal-imħallfin involuti fil-proċeduri li għalihom ser ikunu suġġetti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika (67), meta dawn il-persuni jipproduċu provi f’dan ir-rigward.

73.      F’tali ċirkustanzi, ma neskludix li, sakemm tibqa’ tippersisti din is-sitwazzjoni u li l-persuna rikjesta tipprova, minn naħa, l-eżistenza ta’ riskju konkret ta’ trattament mhux imparzjali fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħha, abbażi tal-kriterji rilevanti, u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà li tinvoka l-kompożizzjoni irregolari tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun obbligata tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni, minkejja l-konsegwenzi, ta’ min jiddispjaċih minnhom, ta’ din is-sospensjoni għall-għan, speċifiku għall-MAE, ta’ ġlieda kontra l-impunità tal-persuni rikjesti li jkunu jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu allegatament wettqu reati. Huwa l-kompitu ta’ dik il-qorti li tevalwa n-neċessità ta’ tali rifjut, fid-dawl tal-kriterji rilevanti indikati fil-punti 61 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet u tal-eventwali konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, u wkoll fid-dawl tal-fatt li din hija sitwazzjoni li qiegħda tiżviluppa kontinwament.

74.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li nirrispondi għad-domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE, maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, ikollha għad-dispożizzjoni tagħha provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, kif ukoll tan-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u tal-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-MAE u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lill-imsemmi Stat Membru

75.      F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi li jeżisti riskju reali li, wara l-konsenja tagħha, il-persuna kkonċernata tiġi ġġudikata minn qorti li ma ġietx stabbilita minn qabel bil-liġi jew li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-qrati li quddiemhom hija ser tiġi ġġudikata, kif ukoll l-assenza ta’ rimedju effettiv sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin ikkonċernati, ma jeżentawx lill-qorti tar-rinviju milli tevalwa r-riskju konkret ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ din il-persuna fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

76.      Huwa l-kompitu, b’mod partikolari, tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni relatata mas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, li tivverifika jekk il-persuna rikjesta, ladarba tiġi kkonsenjata, taffaċċjax ir-riskju li d-dritt tagħha għal smigħ xieraq ikun influwenzat minn indħil tal-poter eżekuttiv fil-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, fid-dawl tal-eventwali assenza ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju effettiv li jippermetti li tiġi kkontestata l-ħatra irregolari tal-imħallef jew tal-imħallfin li ttrattaw jew li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jittrattaw il-kawża ta’ din il-persuna, u ta’ prassi ġurisprudenzjali kostituzzjonali li, peress li tqiegħed fid-dubju s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma tippermettix li din l-assenza tiġi rrimedjata.

VI.    Konklużjoni

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi):

–        L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE), maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, ikollha għad-dispożizzjoni tagħha provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, kif ukoll tan-natura tar-reat li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u tal-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-MAE u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lill-imsemmi Stat Membru;

–        F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi li jeżisti riskju reali li, wara l-konsenja tagħha, il-persuna kkonċernata tiġi ġġudikata minn qorti li ma ġietx stabbilita minn qabel bil-liġi jew li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-qrati li quddiemhom hija ser tiġi ġġudikata, kif ukoll l-assenza ta’ rimedju effettiv sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin ikkonċernati, ma jeżentawx lill-qorti tar-rinviju milli tevalwa r-riskju konkret ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ din il-persuna fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq;

–        Huwa l-kompitu, b’mod partikolari, tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni relatata mas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, li tivverifika jekk il-persuna rikjesta, ladarba tiġi kkonsenjata, taffaċċjax ir-riskju li d-dritt tagħha għal smigħ xieraq ikun influwenzat minn indħil tal-poter eżekuttiv fil-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, fid-dawl tal-eventwali assenza ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju effettiv li jippermetti li tiġi kkontestata l-ħatra irregolari tal-imħallef jew tal-imħallfin li ttrattaw jew li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jittrattaw il-kawża ta’ din il-persuna, u ta’ prassi ġurisprudenzjali kostituzzjonali li, peress li tqiegħed fid-dubju s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma tippermettix li din l-assenza tiġi rrimedjata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


3      Id-domandi preliminari mqajma f’din il-kawża huma, essenzjalment, identiċi għal dawk magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) fil-kawża pendenti Minister for Justice and Equality (C 480/21), li ma hijiex suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.


4      C‑216/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality”, EU:C:2018:586.


5      C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie”).


6      Dawn ir-riformi, li jirrigwardaw il-qrati kostituzzjonali u dawk ordinarji, il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur, saħħew l-influwenza tal-poter eżekuttiv u tal-poter leġiżlattiv fuq is-sistema tal-ġustizzja u, għaldaqstant, naqqsu l-indipendenza tal-ġudikatura. Nirreferi, b’mod partikolari, għall-emendi li saru matul is-sena 2018 għall-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), li taw lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), kif ukoll għall-emendi tas-sena 2019 għall-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), għal- Liġi dwar il-Qorti Suprema, u għall-emendi tas-sena 2017 għall-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-KRS), li kienu s-suġġett tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li jemendaw il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra kienu s-suġġett, fil-kuntest tal-proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, tad-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021”, EU:C:2021:593), li ordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati, għad-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑204/21 R‑RAP, EU:C:2021:834), li ċaħad it-talba intiża sabiex id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jiġi rrevokat, kif ukoll tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Ottubru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:877), li impona pagament ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja sal-jum li fih dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jew, fin-nuqqas ta’ dan, sal-jum tal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21. Il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati Pollakki hija wkoll is-suġġett ta’ deċiżjonijiet preliminari pendenti fil-Kawżi C‑181/21 (G), u C‑269/21 (BC u DC). Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi, b’mod partikolari, l- ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-KRS u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3), li daħlet fis-seħħ matul is-sena 2018, li tirrigwarda r-rwol tal-KRS fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura Pollakka, peress li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) ikkonstatat, fir-riżoluzzjoni tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2020 (BSA I‑4110‑1/20) li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ matul is-sena 2018, il-KRS ma kienx korp indipendenti iżda kien direttament suġġett għall-awtoritajiet politiċi.


7      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234); tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931).


8      Sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531); tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924), kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596). Ir-raba’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja li tirrigwarda s-sistema dixxiplinari ġdida hija attwalment pendenti (Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, ara d-digrieti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


9      Din is-sitwazzjoni, barra minn hekk, wasslet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta, fl‑20 ta’ Diċembru 2017, proposta motivata abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja (Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, COM(2017) 835 final), li dwarha l-Kunsill għadu ma ddeċidiex. Iktar reċentement, tqajjem tħassib gravi mill-Kummissjoni fir-Rapport tagħha tal‑2021 dwar l-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2021) 700 final) – Il-Kapitolu tal-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja, (SWD(2021) 722 final) Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, l-imsemmija sitwazzjoni kienet is-suġġett tar-Riżoluzzjoni 2316 (2020) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea, dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Polonja, tat‑28 ta’ Jannar 2020, kif ukoll tal-Opinjoni Nru 977/2020 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ta’ Venezia”), tat‑22 ta’ Ġunju 2020 dwar l-emendi għal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, għal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u għal Ċerti Liġijiet Oħra fil-Polonja (CDL‑AD (2020)017). Nirrimarka wkoll li l-Assemblea Ġenerali tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (NEKĠ), li nżammet f’Vilnjus (il-Litwanja) fit‑28 ta’ Ottubru 2021 iddeċidiet li teskludi lill-KRS mill-NEKĠ.


10      F’din is-sentenza, li għalissa d-dispożittiv tagħha biss huwa disponibbli, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, essenzjalment, li ċerti dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 4(3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE), b’mod partikolari meta jaffermaw il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jiksru ċerti dispożizzjonijiet fundamentali tal-Kostituzzjoni Pollakka u, konsegwentement, antiċipat li ma teskludix li tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni tagħha u li tistħarreġ direttament il-kostituzzjonalità tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll li tikkonstata li dawn ma japplikawx fl-ordinament ġuridiku Pollakk.


11      Stb. 2004, Nru 195.


12      Stb. 2021, Nru 155.


13      Din tirrigwarda l-emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-ġudikatura, fosthom l-ustawa. o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190). Skont din il-leġiżlazzjoni, il-qrati Pollakki ma jistgħux jeżaminaw motiv ta’ rikors ibbażat fuq il-ħatra ta’ mħallef jew fuq il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni Nru 977/2020 tal-Kummissjoni ta’ Venezia.


14      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Domanda unika fil-Kawża C‑562/21 PPU.


17      L-ewwel domanda fil-Kawża C‑563/21 PPU.


18      It-tieni domanda fil-Kawża C‑563/21 PPU.


19      It-tielet domanda fil-Kawża C‑563/21 PPU.


20      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-mekkaniżmu tal-MAE huwa intiż b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-impunità tal-persuna rikjesta li tkun tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun allegatament wettqet reat (ara s-sentenza Openbaar Ministerie, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara s-sentenzi Minister for Justice and Equality (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Openbaar Ministerie (punt 37)).


22      Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas.


23      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, (EU:C:2014:2454, punt 191), kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru”, EU:C:2016:198, punt 82). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda L u P (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:925, punt 39).


24      Ara s-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punti 88, 89, 92 u 94).


25      Dak il-każ kien jirrigwarda riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti tal-persuni taħt detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta.


26      B’mod iktar speċifiku, in-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dan l-Istat Membru (sentenza Minister for Justice and Equality (punti 61 sa 67)) jinvolvi l-ksur tad-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (sentenza Minister for Justice and Equality (punt 75)).


27      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, f’dan ir-rigward, li huwa biss fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tikkonstata, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) TUE, ksur serju u persistenti fl-Istat Membru emittenti tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, bħal dawk inerenti għall-Istat tad-dritt, segwita mis-sospensjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kull MAE maħruġ mill-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma jkollha twettaq kwalunkwe evalwazzjoni konkreta tar-riskju reali mġarrab mill-persuna kkonċernata li jkun affettwat il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (punt 72), kif ukoll il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584).


28      Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (punt 79).


29      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma setgħetx iċċaħħad mill-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata lil kull imħallef u lil kull qorti tal-Istat Membru emittenti, li jaġixxu, min-natura tagħhom, b’indipendenza sħiħa mill-poter eżekuttiv, u li l-eżistenza tan-nuqqasijiet irrilevati ma kellhiex neċessarjament effett fuq kull deċiżjoni li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru seta’ jkollhom jadottaw f’kull każ partikolari (sentenza Openbaar Ministerie, punti 41 u 42).


30      Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (punt 60).


31      Sentenza Minister for Justice and Equality (punt 79). Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (punt 61).


33      Ara s-sentenzi Minister for Justice and Equality (punt 59) u Openbaar Ministerie (punt 61). Nirrileva li, għalkemm, fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni inkwistjoni tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tagħti segwitu għall-MAE, fit-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, f’din is-sitwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tastjeni milli tagħti segwitu għall-MAE.


34      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ħatra tal-imħallfin fuq proposta tal-KRS, skont il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-KRS u Ċerti Liġijiet Oħra, tat‑8 ta’ Diċembru 2017.


35      C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eżami mill-ġdid Simpson”, EU:C:2020:232.


36      Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


37      Sentenza Eżami mill-ġdid Simpson (punt 74). Ara l-Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 226 sa 228), u Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il-Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punt 218).


38      Sentenza Eżami mill-ġdid Simpson (punt 75).


39      Sentenza Eżami mill-ġdid Simpson (punt 79).


40      C‑487/19, EU:C:2021:798 (punt 130).


41      Din il-kawża wkoll tirrigwarda MAE maħruġa minn awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà. Permezz tar-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) irrilevat, minn naħa, li ma huwiex possibbli għaliha li tidentifika l-kompożizzjoni tal-qorti li quddiemha għandhom jidhru l-persuni kkonċernati, minħabba sistema ta’ assenjazzjoni każwali tal-kawżi, u, min-naħa l-oħra, li dawn il-persuni kkonċernati ma humiex ser ikunu jistgħu jikkontestaw quddiem qorti l-kompożizzjoni tal-qorti li quddiemha ser jidhru, anki li kieku kellhom iqisu li din hija komposta b’mod irregolari. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fis-sistema ġudizzjarja Pollakka humiex ta’ tali portata li jimplikaw, fihom innifishom, ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, ħaġa li, essenzjalment, teżentaha mit-tieni stadju tal-eżami f’żewġ stadji.


42      Ara l-punti 37 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      F’dan ir-rigward, jiddispjaċini nikkonstata li, minn mindu tressqu dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, is-sitwazzjoni żviluppat b’mod partikolarment inkwetanti, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.


46      Fil-fatt, permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li diversi aspetti tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka kienu jmorru kontra d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ ċerti qrati ta’ dan l-Istat Membru. Ara b’mod partikolari s-sentenza reċenti tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798).


47      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Nosserva li eventwali rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE jkun bla ħsara, b’mod partikolari għall-possibbiltà li, meta dan huwa permess mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jittieħdu proċeduri kontra l-persuna li tkun is-suġġett ta’ dan il-MAE fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-istess fatti li fuqhom ikun ibbażat il-MAE jew li dan l-Istat Membru jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni li għaliha nħareġ il-MAE. Barra minn hekk, tali possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 4(2) u (6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE.


49      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għall-ħatra tal-imħallfin fuq proposta tal-KRS skont il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-KRS u Ċerti Liġijiet Oħra, tat‑8 ta’ Diċembru 2017.


50      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-argumenti ta’ X, li skonthom, anki f’tali xenarju, minn naħa, ma huwiex eskluż li, f’mument partikolari wara l-konsenja, jitressqu quddiem imħallef tilwimiet jew talbiet marbuta mal-eżekuzzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà, bħal talbiet għar-reviżjoni tal-kundanna, għal libertà kkundizzjonata, għas-sospensjoni tal-piena jew għal maħfra u, min-naħa l-oħra, huwa żbaljat li wieħed jitlaq mill-prinċipju li teżisti sentenza definittiva, ħaġa li jixtieq jinvoka quddiem qorti. Fil-fatt, ma jidhirlix li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata teżamina, b’mod ġenerali u ipotetiku, is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti sabiex jiġi evitat li, fi kwalunkwe stadju eventwali u suċċessiv tal-kawża, il-persuna kkonsenjata tista’ tkun esposta għal riskju li l-kawża tagħha ma tiġix iġġudikata b’mod indipendenti.


52      Nixtieq nispeċifika li din il-konklużjoni hija marbuta mal-kwistjoni tal-effetti, fil-każijiet konkreti, tan-nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati tal-Istat Membru emittenti msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dawk li jirrigwardaw l-assenza ta’ indipendenza tal-qrati minħabba l-irregolaritajiet fil-ħatra ta’ diversi mħallfin. Din ma tirrigwardax l-eventwali konsegwenzi, fl-istess każijiet, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati oħra tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, bħal dawk li jirrigwardaw is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596)). F’tali xenarju, fil-każ li l-persuna rikjesta kellha tipprovdi elementi li jnisslu dubji konkreti dwar l-effetti tan-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tas-sistema dixxiplinari tal-imħallfin fuq is-sitwazzjoni tagħhom, ikun il-kompitu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika, eventwalment abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jekk, fid-dawl tal-kriterji rilevanti, ikunx hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex tqis li l-eżistenza jew ir-riskju ta’ proċeduri dixxiplinari setgħu influwenzaw id-deċiżjoni (ta’ kundanna jew ta’ teħid ta’ proċeduri) li fuqha jkun ibbażat il-MAE. Madankollu, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li din il-kwistjoni tqajmet fil-kawżi prinċipali.


53      F’dak li jirrigwarda l-aggravazzjoni tan-nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda L u P (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:925, punt 76), kif ukoll is-sentenza Openbaar Ministerie (punt 60).


54      Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni kienet tkun differenti li kieku dawn in-nuqqasijiet kienu jirrigwardaw aspett differenti, bħar-regoli li jiggarantixxu l-kompetenza tal-imħallfin maħtura jew it-tul tal-mandat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eżami mill-ġdid Simpson (punti 77 sa 81)).


55      Nirreferi b’mod partikolari għad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 li permezz tiegħu ġie ordnat lir-Repubblika tal-Polonja tissospendi diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, sal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21, kif ukoll għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Ottubru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:877), li permezz tiegħu dan tal-aħħar impona pagament ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja sabiex jiddisswadi lil dan l-Istat Membru milli jdewwem it-tqegħid f’konformità tal-aġir tiegħu ma’ dan id-digriet. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-Repubblika tal-Polonja speċifika li l-applikazzjoni tal-liġi inkwistjoni ġiet sospiża wara d-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, liema ċirkustanza għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.


56      Peress li r-reati msemmija mill-qorti tar-rinviju jirreferu għal reati li jaqgħu taħt id-dritt ordinarju – u mhux, pereżempju, għal reati li għalihom il-persuni kkonċernati jistgħu jibżgħu li jkun hemm indħil tal-poter eżekuttiv –, jidhirli prima facie li ma huwiex probabbli li, f’dan il-każ, in-natura ta’ dawn ir-reati tista’ tinvolvi, waħedha u bla ħsara għal evalwazzjoni konkreta minn dik il-qorti, riskju reali li l-persuni kkonċernati ma jiġux iġġudikati b’mod indipendenti.


57      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għal-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dik il-qorti għandha l-kompitu li tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni humiex ser ikunu fis-seħħ meta ssir l-eventwali konsenja tal-persuni rikjesti, fid-dawl tad-dettalji pprovduti mir-rappreżentant tar-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


58      Fil-fehma tiegħi, f’dan il-kuntest, jista’ jkun utli għall-persuna rikjesta li tipprova li hija qajmet il-kwistjoni, sa fejn kien possibbli, quddiem l-istanzi tal-Istat Membru emittenti li għandhom ġurisdizzjoni, b’mod partikolari billi eżawrixxiet ir-rimedji ġudizzjarji permessi mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru, u li eżerċitat diliġenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dehra tagħha fil-proċeduri quddiem il-qorti tal-imsemmi Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni.


59      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Fil-fatt, kuntrarjament għal ċerti deċiżjonijiet tal-qrati kostituzzjonali ta’ Stati Membri oħra, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ma tipprevedix purament u sempliċement stħarriġ tal-eventwali natura ultra vires tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tqiegħed fid-dubju l-karatteristiċi speċifiċi marbuta man-natura stess tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ supremazija (ara b’mod partikolari l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 166).


61      Fil-fatt, jidhirli li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tissostitwixxi notifika fis-sens tal-Artikolu 50 TUE, fid-dawl tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999) (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, Repasi, R., “Poland’s withdrawal from the “Community of Law” is no withdrawal from the EU”, tal‑15 ta’ Ottubru 2021 (https://eulawlive.com), kif ukoll Curti Gialdino, C., “In cammino verso la Polexit? Prime considerazioni sulla sentenza del Tribunale costituzionale polacco del 7 ottobre 2021” (https://www.federalismi.it/); fis-sens oppost, ara, b’mod partikolari, Hofmann, H., “Sealed, Stamped and Delivered. The Publication of the Polish Constitutional Court’s Judgement on EU Law Primacy as Notification of Intent to Withdraw under Art. 50 TEU?”, fil-Verfassungsblog, 13 ta’ Ottubru 2021). Barra minn hekk, sal-lum, il-Gvern Pollakk jidher li qiegħed jiċħad kwalunkwe intenzjoni ta’ ħruġ (ara b’mod partikolari “Letter from Prime Minister Mateusz Morawiecki to the Heads of Governments and the Presidents of the European Council, the European Commission and the European Parliament on relations between national law and European law”, tat‑18 ta’ Ottubru 2021, disponibbli fuq is-sit internet tal-Gvern Pollakk, https://www.gov.pl/web/primeminister/letter-from-prime-minister-mateusz-morawiecki-to-the-heads-of-governments-and-the-presidents-of-the-european-council-the-european-commission-and-the-european-parliament-on-relations-between-national-law-and-european-law).


62      Infakkar, barra minn hekk, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qiegħdet inkwistjoni l-klassifikazzjoni nnifisha tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala “qorti stabbilita bil-liġi”, wara l-ħatra irregolari ta’ wħud mill-membri tagħha (ara Qorti EDB, 7 ta’ Awwissu 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il-Polonja, CE:ECHR:2021:0507JUD000490718), u li l-legalità tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija kkontestata minn ex imħallfin tal-istess qorti (ara “Statement of retired judges of the Constitutional Tribunal”, tal‑10 ta’ Ottubru 2021 (http://themis-sedziowie.eu/)).


63      Pereżempju, il-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Istqarrija mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, 21/5163, Strasbourg, 8 ta’ Ottubru 2021). Barra minn hekk, in-natura dikjaratorja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, li permezz tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) wieġbet għal mistoqsijiet magħmula mill-Gvern, qajmet ukoll kummenti kritiċi ferm dwar il-possibbiltà li dik is-sentenza hija l-prodott ta’ inizjattiva strumentali tal-Gvern. Ċerti awturi jitkellmu dwar “tweġiba sterjotipika” għal mistoqsijiet magħmula mill-Gvern Pollakk intiżi li jipprovokaw kriżi ġuridika (Atik, J., u Groussot, X., “Constitutional attack or political feint? – Poland’s resort to lawfare in Case K 3/21”, tat‑18 ta’ Ottubru 2021 (https://eulawlive.com)).


64      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda L u P (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:925 (punti 50 sa 52)).


65      Nirreferi b’mod partikolari għall-qasam tal-kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, pereżempju għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali.


66      Fi kliem ieħor, f’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali normalment tkun f’pożizzjoni li teskludi kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt nazzjonali u li tiggarantixxi lill-persuna kkonsenjata l-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet iggarantiti mill-Unjoni u b’mod partikolari mill-Karta. F’dan il-każ, huwa evidenti li l-applikazzjoni uniformi u effettiva tal-mekkaniżmu tal-MAE fit-territorju tal-Unjoni jiġi affettwat b’mod gravi, ħaġa li twassal lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tal-Istati Membri l-oħra sabiex ma jafdawx l-indipendenza tal-qrati Pollakki u sabiex jopponu iktar u iktar sikwit l-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġa minn dan l-Istat Membru.


67      Skont il-qorti tar-rinviju, dan jidher li huwa l-każ wara l-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, li, madankollu, jidher li ġiet sospiża, skont l-allegazzjonijiet tar-rappreżentant tar-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.