Language of document : ECLI:EU:C:2016:29

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2016 (1)

Kawża C‑25/15

Proċeduri kriminali

kontra

István Balogh

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni, l-Ungerija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni – Direttiva 2010/64/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘proċeduri kriminali’ – Proċeduri previsti fi Stat Membru intiżi għar-rikonoxximent ta’ sentenza f’materji kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor – Spejjeż marbuta mat-traduzzjoni tas-sentenza – Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI – Deċiżjoni 2009/316/ĠAI – Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni, l-Ungerija) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju dwar ir-rikonoxximent fl-Ungerija tal-effetti ta’ sentenza definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija, li tikkundanna lil I. Balogh għal piena ta’ priġunerija minħabba li wettaq reat kriminali kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri.

3.        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, li saret definittiva fit-8 ta’ Ottubru 2014 (3), il-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija) ikkundannat lil I. Balogh, ċittadin Ungeriż, għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u sitt xhur minħabba serq aggravat bi żgass, kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri. I. Balogh qed jinżamm fl-Awstrija fejn irid jiskonta l-piena tiegħu sal-24 ta’ Diċembru 2017.

4.        Id-diskussjonijiet li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak irrilevaw li, fil-15 ta’ Settembru 2014, il-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) bagħtet l-informazzjoni prinċipali tas-sentenza mogħtija kontra I. Balogh lis-servizz Awstrijak tar-rekords kriminali (österreichisches Strafregisteramt), fejn semmiet, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (4), il-kodiċi previst mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) li jikkorrispondi għar-reati li taw lok għall-kundanna.

5.        Fil-21 ta’ Settembru 2014 (5), is-servizz Awstrijak tar-rekords kriminali, bħala l-awtorità ċentrali Awstrijaka fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (6), u skont l-obbligu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, informa lill-awtorità ċentrali Ungeriża, jiġifieri l-uffiċċju ċentrali tas-servizzi amministrattivi u pubbliċi elettroniċi (Közigazgatási és Elektronikus Közszolgáltatások Központi Hivatala), bis-sentenza, taħt il-forma elettronika prevista fil-kuntest tal-ECRIS.

6.        Wara, il-Ministeru tal-Ġustizzja Ungeriż (magyar Igazságügyi Minisztérium), indika lil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) li kien neċessarju li tinkiseb il-komunikazzjoni tas-sentenza sabiex tiġi rrikonoxxuta l-effikaċja tagħha fl-Ungerija. Huwa żied li s-sentenza barranija, ladarba jkun hemm rikonoxximent tagħha fl-Ungerija, tkun ekwivalenti għal kundanna nazzjonali li titniżżel fir-rekord kriminali.

7.        Huwa fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin previst mid-dritt Ungeriż, li fir-rigward tagħha l-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni) hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li din tal-aħħar tistaqsi dwar jekk l-ispejjeż marbuta mat-traduzzjoni tas-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) jistgħux jew le jiġu imputati lil I. Balogh.

8.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ungeriż huma dawn li ġejjin.

9.        L-Artikolu 46 tal-Ligi Nru XXXVIII tal-1996 dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali (a nemzetközi bűnügyi jogsegélyről szóló 1996. évi XXXVIII. törvény) huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandu jirċievi n-notifikazzjonijiet li jippermettu r-rikonoxximent tal-effikaċja ta’ sentenza barranija kif ukoll it-talbiet li ġejjin minn barra intiżi għat-trażmissjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li tneħħi l-libertà, ta’ konfiska jew ta’ konfiska ta’ assi, jew ukoll ta’ miżura li twassal sabiex tkun inaċċessibbli definittivament informazzjoni elettronika, u, jekk l-Artikolu 2 tal-liġi preżenti ma jipprojbixxix dan, jibgħathom lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Il-Fővárosi Törvényszék [(qorti ta’ Budapest)] għandha materjalment u territorjalment ġurisdizzjoni sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li tneħħi l-libertà, ta’ konfiska jew ta’ konfiska ta’ assi, jew ukoll ta’ miżura li twassal sabiex tkun inaċċessibbli definittivament informazzjoni elettronika, kif previsti fil-liġi preżenti, ġewx issodisfatti.

[...]

(3)      Sakemm ma jkunx ipprovdut b’mod ieħor f’din il-liġi, il-proċedura ġudizzjarja hija rregolata mir-regoli ġenerali tal-Kapitolu XXIX [tal-Liġi Nru XIX tal-1998 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura kriminali (a büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. Törvény; iktar ’il quddiem il-‘kodiċi tal-proċedura kriminali’) ], dwar il-proċeduri speċjali – bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 555(2)(b) u (d).”

10.      Barra minn hekk, l-Artikolu 48 tal-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali jipprovdi:

“(1)      Meta tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti hija marbuta bil-fatti hekk kif ġew ikkonstatati mill-qorti barranija.

(2)      Fil-proċeduri li jiżvolġu quddiemha, il-qorti għandha tikkonstata liema huma l-konsegwenzi ġuridiċi li l-liġi Ungeriża torbot mal-kundanna. Jekk il-piena jew il-miżura imposta mis-sentenza tal-qorti barranija ma tkunx kompletament kompatibbli mal-liġi Ungeriża, il-qorti għandha tikkonstata fid-deċiżjoni tagħha liema hija l-piena jew il-miżura applikabbli skont il-liġi Ungeriża, filwaqt li tiżgura li din tikkorrispondi mill-iktar viċin possibbli għall-piena jew għall-miżura li imponiet il-qorti barranija u – fil-każ ta’ domanda dwar l-eżekuzzjoni –konsegwentement tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura.

(3)      Fil-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli, irid isir riferiment għal-liġi applikabbli fil-mument li fih twettaq il-ksur; jekk mil-liġi Ungeriża applikabbli fil-mument tal-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli jirriżulta li l-att inkwistjoni ma għadux reat kriminali jew li dan għandu jiġi kkastigat b’mod inqas sever, hija din il-liġi l-ġdida li għandha tiġi applikata.”

11.      L-Artikolu 9(1) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali jipprevedi li l-lingwa tal-proċeduri kriminali hija l-Ungeriż.

12.      B’applikazzjoni tal-Artikolu 338(1) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, il-qorti għandha tikkundanna lill-persuna akkużata għall-ispejjeż jekk din tkun tinstab ħatja jew jekk ir-responsabbiltà tagħha tkun stabbilita minħabba li hija tkun wettqet ksur ta’ regola. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-ispejjeż tal-proċeduri kriminali li l-liġi timponi li għandhom jiġu sostnuti minn xi persuna oħra. L-Artikolu 338(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-persuna akkużata tista’ tiġi kkundannata biss għall-ispejjeż li ġew sostnuti fil-kuntest tal-att jew tal-parti tal-fatti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet stabbilita l-ħtija jew ir-responsabbiltà tagħha. Hija ma tistax tiġi kkundannata għal spejjeż sostnuti mingħajr bżonn, sakemm dawn ma ġewx sostnuti minħabba n-negliġenza tagħha.

13.      Skont l-Artikolu 339(1) tal-imsemmi kodiċi, l-Istat għandu jbati l-ispejjeż li ma għandhiex issostni l-persuna akkużata.

14.      B’applikazzjoni tal-Artikolu 555(1) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, il-proċeduri speċjali huma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrarji previsti fil-kapitolu ddedikat għalihom.

15.      L-Artikolu 555(2)(j) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li, fil-kuntest tal-proċeduri speċjali, l-ispejjeż huma imposti fuq il-persuna akkużata meta din tkun ġiet ikkundannata għall-ispejjeż fil-proċeduri prinċipali.

16.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-dritt Ungeriż, il-proċeduri magħrufa bħala “speċjali”, iservu sabiex tingħata deċiżjoni, wara deċiżjoni definittiva li tkun iddeċidiet il-kwistjonijiet prinċipali ta’ dritt kriminali, dwar kwistjonijiet ta’ dritt kriminali ta’ natura anċillari, marbuta b’mod strett mal-kwistjoni prinċipali. Fi kliem ieħor, dawn huma proċeduri semplifikati, ta’ natura anċillari.

17.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-proċedura speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplikax kundanna ġdida u hija limitata sabiex tirrikonoxxi lil sentenza mogħtija minn qorti barranija l-istess valur daqslikieku ngħatat minn qorti Ungeriża.

18.      Peress li s-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) hija redatta bil-Ġermaniż, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din il-proċedura speċjali, hija għandha tiżgura t-traduzzjoni tagħha bil-lingwa tal-proċedura, li f’dan il-każ hija l-Ungeriż. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, fl-Ungerija, l-ispejjeż ta’ traduzzjoni huma meqjusa bħala parti mill-ispejjeż tal-proċeduri kriminali.

19.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li fl-Ungerija, ġew żviluppati żewġ prattiki differenti fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni bħala spejjeż tal-proċeduri kriminali.

20.      Skont l-ewwel prattika, għandu jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 li l-ispejjeż ta’ traduzzjoni, fir-rikonoxximent tal-effikaċja ta’ sentenza barranija, jikkostitwixxu spejjeż tal-proċeduri kriminali sostnuti mill-Istat. B’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li din tistabbilixxi regoli dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, dawn tal-aħħar għandhom jinftehmu bħala li jinkludu wkoll il-proċeduri speċjali.

21.      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jimponu fuq il-persuna kkundannata għall-ispejjeż fil-proċeduri prinċipali l-ispejjeż tal-proċedura speċjali marbuta mal-ispejjeż tat-traduzzjoni, ma għandhomx jiġu applikati.

22.      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 9 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, li jipprovdi li persuna akkużata ta’ nazzjonalità Ungeriża għandha d-dritt għall-użu tal-lingwa materna tagħha, b’mod li l-Istat għandu jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-traduzzjoni ta’ sentenza barranija fil-kuntest tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent. Barra minn hekk, ir-regola li l-Istat għandu jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-traduzzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 339(1) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, hija applikabbli wkoll fir-rikonoxximent tal-effikaċja ta’ sentenza barranija.

23.      It-tieni prattika fis-seħħ fl-Ungerija hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li t-traduzzjoni bl-Ungeriż ta’ sentenza barranija li hija neċessarja għall-iżvolġiment tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ din is-sentenza ma għandha l-ebda rabta mad-dritt li wieħed juża l-lingwa materna tiegħu. Għaldaqstant, il-persuna akkużata jkollha tbati l-ispejjeż ta’ traduzzjoni relatati ma’ din il-proċedura speċjali. Sa fejn il-proċeduri barranin jikkostitwixxu, fil-każ preżenti, il-proċeduri prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 555(2)(j) tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, u sa fejn il-qorti barranija kkundannat lill-persuna akkużata għall-ispejjeż tal-proċeduri kriminali, din il-persuna għandha tbati l-ispejjeż kollha, inkluż fil-kuntest tal-proċedura speċjali.

24.      Peress li qieset li kien neċessarju li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/64, il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64[...] li tgħid li ‘[d]in id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew’, għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti Ungeriża għandha l-obbligu li tapplika din id-direttiva fil-kuntest, ukoll, ta’ proċedura speċjali [Kapitolu XXIX [tal-kodiċi tal-proċedura kriminali]]; fi kliem ieħor, għandu jitqies li l-‘proċedimenti kriminali’ msemmija minn din id-dispożizzjoni jinkludu l-proċeduri speċjali, bħal dawk previsti mid-dritt Ungeriż, jew li huma jirreferu esklużivament għal proċeduri li jintemmu b’deċiżjoni definittiva dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-akkużat?”

I –    Analiżi

25.      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/64 sabiex issir taf, essenzjalment, jekk din tipprekludix prattika nazzjonali li timponi fuq ċittadin Ungeriż, ikkundannat fi Stat Membru ieħor għal piena li tneħħi l-libertà, l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sentenza kriminali fil-kuntest ta’ proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin.

26.      Qabel ma neżamina l-problema marbuta mat-traduzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent li teżisti fid-dritt Ungeriż, għandu jiġi ppreċiżat li persuna kkundannata bħal I. Balogh, għandha, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64, dritt li s-sentenza li l-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) tat kontriha tiġi tradotta bl-Ungeriża.

27.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali “[għandu japplika] għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru […] li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

28.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dritt għat-traduzzjoni, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, “persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.”

29.      Skont il-premessa 30 tad-Direttiva 2010/64, “[i]s-salvagwardja tal-ġustizzja fil-proċedimenti teħtieġ li d-dokumenti essenzjali, jew tal-anqas il-partijiet rilevanti ta’ tali dokumenti, għandhom jiġu tradotti għall-benefiċċju tal-persuni suspettati jew akkużati b’konformità ma’ din id-Direttiva. Ċerti dokumenti għandhom dejjem jitqiesu bħala dokumenti essenzjali għal dak il-għan u għalhekk għandhom jiġu tradotti, bħal kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza”.

30.      Din il-premessa hija kkonkretizzata fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li jipprovdi li “[i]d-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza”.

31.      Il-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa għaldaqstant dak ta’ traduzzjoni bil-miktub ta’ sentenza bħal dik li l-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) tat kontra I. Balogh.

32.      Permezz ta’ talba għal kjarifika mressqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni) ġiet mistiedna sabiex tippreċiża jekk is-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) kinitx, bħala dokument essenzjali fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/64, ġiet tradotta, fl-Awstrija, bil-lingwa tal-persuna akkużata u, jekk dan kien il-każ, kinitx ġiet innotifikata lilha f’din il-lingwa.

33.      Fit-tweġiba tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tar-rinviju indikat li, sa fejn taf hi, is-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) ma kinitx ġiet tradotta u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ġiet innotifikata lil I. Balogh. Madankollu, hija ppreċiżat li s-seduta nżammet fil-preżenza ta’ interpretu Ungeriż.

34.      Madankollu, skont il-preċiżazzjonijiet mogħtija dwar dan il-punt mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, is-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) kienet ġiet tassew tradotta bl-Ungeriż, taħt forma orali fit-tmiem tas-seduta miżmuma quddiem din il-qorti, u wara bil-miktub. Din it-traduzzjoni bil-miktub tas-sentenza inkwistjoni kienet disponibbli minn Awwissu 2015, u kienet ġiet innotifikata lil I. Balogh.

35.      Minn dawn il-preċiżazzjonijiet għaldaqstant jirriżulta li I. Balogh ibbenefika mid-dritt għat-traduzzjoni tas-sentenza mogħtija kontrih, kif previst mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64.

36.      Peress li dan il-punt ġie kkjarifikat, nirrileva li t-traduzzjoni bl-Ungeriż tas-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) li tixtieq tipproċedi biha l-qorti tar-rinviju, hija intiża sabiex timplementa proċedura speċjali fid-dritt Ungeriż li hija intiża għar-rikonoxximent, f’dan id-dritt, tal-effikaċja tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra.

37.      Bħall-Gvern Ungeriż u dak Awstrijak, u kif ukoll bħall-Kummissjoni Ewropea, nikkunsidra li din il-proċedura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/64, hekk kif ġie ddefinit fl-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, inqis li, f’kwalunkwe każ, il-legalità tal-imsemmija proċedura fir-rigward ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni hija dubjuża. Għaldaqstant, ma huwiex taħt il-perspettiva ta’ din id-direttiva li, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi eżaminata l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju.

38.      Barra minn hekk, infakkar li “il-fatt li qorti nazzjonali fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima” (7). B’mod iktar ġenerali, l-osservazzjonijiet kemm bil-miktub u kemm dawk orali li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri preżenti ppermettew li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

39.      Il-Gvern Ungeriż jippreċiża li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 46 u 48 tal-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, il-qorti Ungeriża li għandha ġurisdizzjoni ma twettaqx evalwazzjoni tal-fatti jew tal-grad ta’ responsabbiltà kriminali (hija, fil-fatt, marbuta f’dan ir-rigward), iżda taġġusta l-konsegwenza ġuridika stabbilita fis-sentenza barranija sabiex din tkun konformi mas-sistema ġuridika Ungeriża, li jfisser li ma tiġix imposta sanzjoni kriminali ġdida, iżda li tiġi ssodisfatta kundizzjoni proċedurali li hija indispensabbli għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni fl-Ungerija tas-sentenza barranija kif ukoll tas-sanzjoni kriminali inkluża f’din is-sentenza. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin ma tagħmel xejn għajr taġġusta, b’mod formali, is-sanzjoni stabbilita fis-sentenza barranija sabiex din tkun konformi mal-liġi Ungeriża. B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan, it-traduzzjoni bl-Ungeriż tas-sentenza barranija hija għodda neċessarja tal-proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tar-rikonoxximent.

40.      Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-proċedura speċjali tidher li hija simili għal proċedura ta’ exequatur, fatt li d-diskussjonijiet li seħħew waqt is-seduta ppermettew li jiġi kkonfermat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija proċedura speċjali hija, fil-prinċipju tagħha stess, kuntrarja għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE, li jipprovdi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

41.      Kemm it-tweġiba mogħtija mill-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifiki mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja (8) u kemm id-diskussjonijiet li seħħew quddiemha waqt is-seduta ppermettew li tingħata prova tal-fatt li l-proċedura speċjali inkwistjoni hija implementata b’mod sistematiku mill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex ikun hemm rikonoxximent tal-validità u tal-effikaċja tas-sentenzi barranin fid-dritt Ungeriż. B’mod partikolari, hekk kif tirrileva l-kawża prinċipali, din il-proċedura speċjali hija implementata mill-awtoritajiet Ungeriżi b’mod indipendenti mill-eżekuzzjoni ta’ piena fl-Ungerija jew mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali sentenza fil-kuntest ta’ proċeduri penali li jseħħu f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, la d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill  2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (9), u lanqas id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (10), ma huma applikabbli fil-kuntest tal-kawża preżenti.

42.      Barra minn hekk, l-iskrizzjoni fir-rekord kriminali Ungeriż ta’ kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor hija kkundizzjonata mill-implementazzjoni minn qabel tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent, li timplika, skont il-qorti tar-rinviju, it-traduzzjoni minnha tas-sentenza Awstrijaka bl-Ungeriż.

43.      Issa, dan il-metodu ta’ proċediment, kif ser nuri, huwa kuntrarju għall-mekkaniżmu Ewropew ta’ skambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bejn l-Istati Membri stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u mid-Deċiżjoni 2009/316.

44.      Fil-fatt, minn dawn iż-żewġt atti jirriżulta li iskrizzjoni tas-sentenza tal-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) fir-rekord kriminali Ungeriż għandha ssir mhux fil-kuntest ta’ proċedura speċjali ta’ rikonoxximent bħal dik prevista fid-dritt Ungeriż, iżda direttament fuq il-bażi tan-notifikazzjoni mill-Istat Membru li jikkundanna fil-kuntest tal-ECRIS. Bħala prinċipju, it-trażmissjoni tas-sentenza ma hijiex neċessarja u lanqas ma hija neċessarja t-traduzzjoni tagħha.

45.      Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-miżura Nru 3 tal-programm ta’ miżuri intiż għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali (11) adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Novembru 2000, b’mod konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999. Effettivament, il-miżura Nru 3 ta’ dan il-programm tipproponi l-istabbiliment ta’ formola standard, tradotta bid-diversi lingwi tal-Unjoni, għat-talbiet dwar rekords kriminali. L-użu ta’ formoli standard għandu bħala għan li tiġi ffaċilitata l-assistenza reċiproka ġudizzjarja f’materji kriminali (12).

46.      Kif tindika l-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, din hija intiża sabiex “tissostitwixxi l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali[, iffirmata fi Strasbourg fl-20 ta’ April 1959]. Minbarra l-obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna li jittrasmetti l-informazzjoni lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija kontra ċ-ċittadini tiegħu, li din id-Deċiżjoni Qafas tinkorpora u tiddefinixxi aktar, ġie introdott ukoll obbligu fuq l-Istati Membri taċ-ċittadinanza tal-persuna, li jaħżnu l-informazzjoni trasmessa, sabiex jiżguraw li jkunu kapaċi jwieġbu bis-sħiħ talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra.”

47.      Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 b’hekk tirrimedja għal waħda mill-funzjonijiet ħżiena tas-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-assistenza reċiproka f’materji kriminali, jiġifieri d-diffikultà sabiex tinftiehem l-informazzjoni eventwalment trażmessa. Id-diffikultajiet ta’ traduzzjoni jistgħu jispjegaw, parzjalment, dan in-nuqqas ta’ ftehim (13).

48.      Konsegwentement, din id-deċiżjoni qafas hija intiża sabiex ittejjeb iċ-ċirkulazzjoni tal-informazzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ sistema informatizzata. Kull sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali għandha jkollha bħala għan li tippermetti lill-utent finali sabiex jikseb, permezz tar-rekord kriminali nazzjonali tiegħu, f’termini qosra ħafna, b’mod elettroniku u protett, informazzjoni kompleta u li tinftiehem faċilment fuq il-kundanni kriminali li persuna kienet is-suġġett tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. L-użu ta’ format Ewropew standardizzat irrikonoxxut mill-Istati Membri kollha, ibbażat fuq l-użu ta’ kodiċijiet, jiffaċilita t-traduzzjoni tal-informazzjoni skambjata u għaldaqstant din tkun tista’ tinftiehem minn kulħadd.

49.      Kif tindika l-premessa 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, “[i]t-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni ftit li xejn huwa utli jekk din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinftiehem mill-Istat Membru li jirċeviha. Il-ftehim reċiproku jista’ jikber permezz tal-ħolqien ta’ ‘format Ewropew standardizzat’ li jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni b’mod uniformi, elettroniku u li huwa faċilment tradott b’mezzi mekkaniċi”. Minn din il-premessa jirriżulta li “[l]-informazzjoni dwar kundanni trasmessa mill-Istat Membru li jikkundanna għandha tiġi hekk trasmessa fil-lingwi uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jikkundanna”.

50.      Skont l-Artikolu 1(a) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 għandha bħala għan li tiddefinixxi l-modi kif l-Istat Membru li jikkundanna jittrażmetti l-informazzjoni dwar tali kundanna lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata. Skont l-Artikolu 1(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, din hija intiża wkoll sabiex “tistabbilixxi l-qafas għal sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri”.

51.      L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kundanni kollha mogħtija fit-territorju tiegħu jkunu akkumpanjati, meta provduti għar-rekord kriminali tiegħu, minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew iċ-ċittadinanzi tal-persuna kkundannata jekk din tkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor”.

52.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 jipprovdi li “[l]-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali.”

53.      Ma’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-Istat Membru li jikkundanna jiżdied l-obbligu għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza li jaħżen l-informazzjoni trażmessa, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

54.      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri li għandhom, b’mod partikolari, bħala għan, skont l-Artikolu 11(4)(a) “id-definizzjoni ta’ kull mezz li bis-saħħa tiegħu jiġu ffaċilitati l-fehim tal-informazzjoni trasmessa u t-traduzzjoni awtomatika tagħha”.

55.      Huwa b’hekk li, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/316, din tistabbilixxi l-ECRIS. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, din hija “sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru.”

56.      Hekk kif tindika l-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni, din “għandha l-għan li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2009/315[...] sabiex toħloq u tiżviluppa sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri. Tali sistema għandha tkun tista’ tikkomunika informazzjoni dwar kundanni kriminali f’forma li tkun faċilment intelliġibbli. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti kemm format standardizzat li jippermetti li l-informazzjoni tkun skambjata b’mod uniformi u elettroniku u [l]i jippermetti t-traduzzjoni kompjuterizzata tagħha kif ukoll kwalunkwe mezz ieħor li jorganizza u jiffaċilita l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri”.

57.      B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2009/316, “[i]t-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji ta’ reati u l-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u għandhom jippermettu l-għarfien reċiproku tal-informazzjoni trasmessa bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi”.

58.      F’din il-perspettiva, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li “[m]eta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315[...], relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A”.

59.      Bl-istess mod, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/316 jipprevedi li, “[m]eta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315[...] relattivament għall-kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B”.

60.      Dawn il-miżuri jippermettu li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri filwaqt li jippermettu li din tinftiehem reċiprokament.

61.      Hekk kif espona b’mod ċar ħafna il-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra li hija implementata mill-awtoritajiet Ungeriżi ma hijiex kompatibbli mal-mekkaniżmu stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u mid-Deċiżjoni 2009/316. Dawn lanqas ma jipprevedu t-traduzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali li huma fil-bażi tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni.

62.      Minn naħa, tali traduzzjonijiet tas-sentenzi ma humiex neċessarji. Fil-fatt, bl-użu ta’ kodiċijiet standard u ta’ format ta’ komunikazzjoni uniformi, l-informazzjoni dwar il-kundanni tiġi trażmessa taħt forma li faċilment tinftiehem li tippermetti t-twettiq ta’ traduzzjoni awtomatika. Dan huwa suffiċjenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ kundanna fir-rekord kriminali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza.

63.      Min-naħa l-oħra, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-traduzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma hijiex ammissibbli. Fil-fatt, hekk kif rajna, l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 huwa li tiżgura tixrid aħjar bejn l-Istati Membri tal-informazzjoni dwar il-kundanni. Barra minn hekk, l-assistenza reċiproka ġudizzjarja fir-rigward tal-konsultazzjoni tar-rekords kriminali nazzjonali għandha tiġi organizzata b’mod rapidu u effikaċi. Fi kliem ieħor, iż-żmien li jiddekorri bejn ir-reġistrazzjoni ta’ kundanna fir-rekord kriminali tal-Istat Membru fejn żvolġew il-proċeduri kriminali u r-reġistrazzjoni fir-rekord kriminali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. F’din il-perspettiva, kieku r-reġistrazzjoni tal-kundanna ta’ I. Balogh fir-rekord kriminali Ungeriż kellha tiġi ppreċeduta minn traduzzjoni tas-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt), dan ikun imur kontra dan l-għan ta’ ħeffa. Is-simplifikazzjoni u l-veloċità tal-iskambju ta’ informazzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 jiġu b’hekk ippreġudikati.

64.      Huwa minnu li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 tipprevedi l-possibbiltà li l-Istat Membru li jikkundanna jkollu jikkomunika informazzjoni supplementari lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza. Fil-fatt, l-Artikolu 4(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi li “Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta’ din tal-aħħar f’każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista’ tkkunsidra jekk dawn jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.” (14).

65.      Madankollu, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-trażmissjoni ta’ sentenzi fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 hija maħsuba bħala li għandha tkun eċċezzjonali. Fil-fatt, trażmissjoni sistematika tas-sentenzi tmur kontra, hekk kif indikajt preċedentement, l-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas li tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bejn l-Istati Membri. Issa, huwa effettivament b’mod sistematiku li l-awtoritajiet Ungeriżi jitolbu mingħand il-qrati tal-Istati Membri l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura speċjali tagħhom ta’ rikonoxximent, il-komunikazzjoni tas-sentenzi ta’ kundanna. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż ma indikax liema kienu r-raġunijiet speċifiċi li wassluh, fil-każ partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jitlob lil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) tikkomunika s-sentenza tagħha. Għall-kuntrarju, hija l-applikazzjoni awtomatika tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin li mmotivat din it-talba. Il-prattika tal-awtoritajiet Ungeriżi ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315.

66.      Għaldaqstant, il-komunikazzjoni tas-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) la kienet neċessarja u lanqas ammissibbli fil-kuntest tal-ECRIS. A fortiori, minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-ispejjeż sostnuti mill-qorti tar-rinviju sabiex tipproċedi għat-traduzzjoni ta’ tali sentenza ma jistgħux jiġu imposti fuq I. Balogh.

67.      Konsegwentement, l-iżviluppi kollha preċedenti jwassluni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti ta’ Stat Membru tipprevedi li tipproċedi għat-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedura ta’ dan l-Istat ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent tal-effikaċja tas-sentenzi barranin. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 kif ukoll id-Deċiżjoni 2009/316 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-iskrizzjoni fir-rekord kriminali ta’ Stat Membru ta’ kundanna kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta għall-implementazzjoni minn qabel ta’ tali proċedura.

II – Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li d-domanda tal-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni) tingħata r-risposta li ġejja:

L-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/64 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti ta’ Stat Membru tipprevedi li tipproċedi għat-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedura ta’ dan l-Istat ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent tal-effikaċja tas-sentenzi barranin.

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-iskrizzjoni fir-rekord kriminali ta’ Stat Membru ta’ kundanna kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta għall-implementazzjoni minn qabel ta’ tali proċedura.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 280, p. 1.


3 – Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Awstrijak jindika li, madankollu, is-sentenza li ngħatat mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) saret definittiva fil-5 ta’ Settembru 2014.


4 – ĠU L 93, p. 33.


5 – Din id-data ġiet indikata mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, filwaqt li semma dik tad-19 ta’ Settembru 2014 fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


6 – ĠU L 93, p. 23.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Essent Energie Productie (C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – B’applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Budapest Környéki Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Agglomerazzjoni) sabiex tippreċiża jekk is-sentenza mogħtija mil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) intbagħtitx lill-awtoritajiet Ungeriżi esklussivament għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha fir-rekords kriminali tal-persuna kkundannata jew ukoll bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-piena fl-Ungerija. Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju wieġbet li, fit-talba tiegħu tal-1 ta’ Ottubru 2014, il-Ministeru tal-Ġustizzja (Igazságügyi Minisztérium) kien indika lil-Landesgericht Eisenstadt (qorti reġjonali ta’ Eisenstadt) li kien neċessarju li tinkiseb il-komunikazzjoni tas-sentenza għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-effikaċja tagħha fl-Ungerija. Huwa żied li s-sentenza barranija, ladarba tkun irrikonuxxuta fl-Ungerija, tkun ekwivalenti għal kundanna nazzjonali li hija mniżżla fir-rekords kriminali.


9 – ĠU L 327, p. 27.


10 – ĠU L 220, p. 32.


11 – ĠU 2001, C 12, p. 10.


12 – Ara l-premessi 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas.


13 – Ara l-punti 11 u 14 tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u l-effett tagħhom fl-Unjoni Ewropea [COM(2005) 10 finali].


14 – Korsiv miżjud minni.