Language of document : ECLI:EU:T:2012:215

Kawża T-529/09

Sophie in ‘t Veld

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Parir tas-servizz legali tal-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali — Preġudizzju konkret u prevedibbli għall-interess inkwistjoni — Interess pubbliku superjuri”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Mejju 2012 ?II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Kamp ta’ applikazzjoni — Parir tas-servizz legali tal-Kunsill dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Għażla li għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 5 TUE)

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Żvelar ta’ parir legali dwar il-ftuħ ta’ negozjati li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali — Riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku protett minħabba l-iżvelar tal-eżistenza ta’ dubju dwar l-għażla tal-bażi legali — Assenza

(Artikolu 218(11) TFUE, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

6.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-pariri legali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

7.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-pariri legali — Żvelar ta’ parir legali dwar il-ftuħ ta’ negozjati li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2)

8.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-pariri legali — Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti — Obbligu għall-istituzzjoni li toħloq bilanċ bejn l-interessi preżenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, il-premessi 2 u 6 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

9.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-pariri legali — Portata — Żvelar ta’ parir legali dwar negozjati internazzjonali — Obbligu ta’ trasparenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2)

10.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu li jingħata aċċess parzjali għall-partijiet tad-dokument mhux koperti mill-eċċezzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u Artikolu 6)

11.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

1.      Meta istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li l-komunikazzjoni tiegħu tkun intalbet, hija għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi spjegazzjoni għall-kwistjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li din l-istituzzjoni tkun qed tinvoka.

F’dan ir-rigward, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Applikazzjoni bħal din, bħala regola ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument setax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Il-fatt li dokument jiġi kklassifikat bħala “Kunfidenzjali UE”, abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, li jista’ għalhekk jindika l-kontenut sensittiv tad-dokument hekk ikklassifikat, ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 19-21)

2.      Id-deċiżjoni li għandha tittieħed minn istituzzjoni, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li abbażi tagħha l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, hija ta’ natura kumplessa u delikata li teħtieġ livell ta’ prudenza partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura singolarment sensittiva u essenzjali tal-interess protett. Peress illi deċiżjoni bħal din teħtieġ marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità tagħha għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 23-25)

3.      Parir tas-servizz legali tal-Kunsill, mogħti bi ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, f’isem l-Unjoni, intiżi għal ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u Stat terz, sabiex id-data ta’ messaġġi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor ta’ dan l-Istat tal-aħħar, fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu kif ukoll il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni, essenzjalment jirrigwarda l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni u, għalhekk, il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Komunità, jista’ jaqa’, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-kuntest li fih huwa ġie stabbiliti, taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

Fil-fatt, sa fejn tali dokument ġie redatt speċifikament għall-ftuħ tan-negozjati li għandhom iwasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-analiżi magħmula mis-servizz legali tal-istituzzjoni kkonċernata hija neċessarjament marbuta mal-kuntest speċifiku tal-ftehim internazzjonali previst u din, għalkemm l-imsemmi dokument jirrigwarda l-kwistjoni tal-bażi legali, hija kwistjoni tad-dritt intern tal-Unjoni.

Għalhekk, l-iżvelar tal-elementi li għandhom rabta mal-għanijiet imfittex mill-Unjoni fin-negozjati, b’mod partikolari, għaliex jiddiskutu l-kontenut speċifiku tal-ftehim previst, jolqot ħażin lis-sentiment ta’ fiduċja fin-negozjati.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika b’mod validu mill-fatt li ċerta informazzjoni dwar il-kontenut tal-ftehim internazzjonali previst kienet saret pubbliku, kemm mill-Kunsill innifsu kif ukoll fil-kuntest tad-dibattiti fi ħdan il-Parlament.

Fil-fatt, ir-riskju ta’ preġudizzju invokat mill-Kunsill jirriżulta mill-iżvelar tal-evalwazzjoni partikolari magħmula fir-rigward ta’ dawn l-elementi mis-servizz legali tiegħu u, għalhekk, is-sempliċi fatt li l-imsemmija elementi stess kienu magħrufa mill-pubbliku ma jikkontradixxix din il-kunsiderazzjoni.

(ara l-punti 26, 28, 29, 35-38)

4.      L-għażla tal-bażi legali xierqa, għall-azzjoni kemm interna kif ukoll internazzjonali tal-Unjoni, hija ta’ importanza ta’ natura kostituzzjonali. Fil-fatt, peress illi l-Unjoni għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, hija għandha ta’ bilfors torbot l-att li hija tixtieq tadotta ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tawtorizzaha sabiex tapprova tali att. Barra minn hekk, l-għażla tal-bażi legali ta’ att, inkluż dik adottata għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ma tirriżultax biss mir-rieda tal-awtur tagħha, iżda għandha tkun ibbażata fuq l-elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, bħalma huma, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ att.

(ara l-punti 47, 48)

5.      Meta l-għażla tal-bażi legali hija bbażata fuq elementi oġġettivi u ma jaqgħux taħt marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni, l-eventwali diverġenza ta’ opinjonijiet fuq dan is-suġġett ma tistax titqies bħala diverġenza bejn l-istituzzjonijiet fuq l-elementi dwar il-kontenut tal-ftehim. Konsegwentement, is-sempliċi biża’ li tiġi żvelata pożizzjoni eventwalment diverġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni ma hijiex biżżejjed biex minnha jiġi dedott riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Għalkemm huwa minnu li l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jinvalida l-att ta’ konklużjoni nnifsu u, għalhekk, jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bi ftehim, tali riskju ma jistax, madankollu, jiġi preżunt mill-eżistenza ta’ dibattitu legali dwar il-portata tal-kompetenzi istituzzjonali dwar l-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni.

Fil-fatt, konfużjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, ta’ natura li ddgħajjef lil din tal-aħħar fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha matul in-negozjati internazzjonali, li tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-bażi legali, tista’ tkompli tiġi aggravata minħabba n-nuqqas ta’ dibattitu preliminari u oġġettiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-bażi legali tal-azzjoni prevista.

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni għandu proċedura prevista fl-Artikolu 300(6) KE (li sar l-Artikolu 218(11) TFUE) li l-għan speċifiku tagħha huwa li tipprevjeni l-kumplikazzjonijiet, kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, li jistgħu jirriżultaw minħabba għażla żbaljata tal-bażi legali.

(ara l-punti 49-54)

6.      Il-Kunsill, jekk jixtieq juża d-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jipproċedi b’eżami fi tliet stadji, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjonijiet. Fl-ewwel stadju, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab l-iżvelar tiegħu jikkonċerna tassew parir legali u, fl-affermattiv, jiddetermina liema huma l-partijiet effettivament ikkonċernati u, b’hekk, li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni. Fit-tieni stadju, il-Kunsill għandu jeżamina jekk l-iżvelar tal-partijiet mid-dokumenti inkwistjoni, identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali, jippreġudika l-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Fit-tielet stadju, fil-każ li l-Kunsill jikkunsidra li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, huwa għandu l-obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn dan għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

(ara l-punti 63, 64)

7.      Ir-riskju li l-iżvelar ta’ dokument ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-interess ta’ istituzzjoni li titlob parir legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti għandu jkun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

Is-sempliċi fatt li parir legali jirrigwarda l-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni ma huwiex waħdu biżżejjed biex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għaliex din l-ipoteżi hija diġà koperta mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. Għalkemm jista’ jiġi aċċettat li din is-sitwazzjoni ta’ protezzjoni rinforzata hija applikata għad-dokumenti tal-istituzzjoni, sabiex jiġi eskluż kull preġudizzju għall-interess tal-Unjoni matul in-negozjati internazzjonali, din il-kunsiderazzjoni hija diġà kkunsidrata permezz tal-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament.

Issa, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, il-Kunsill ma jistax validament jibbenefika mill-kunsiderazzjoni ġenerali li tipprovdi li preġudizzju għall-interess pubbliku protett jista’ jiġi preżunt f’qasam sensittiv meta, b’mod partikolari, hemm involut parir legali mogħti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ negozjazzjoni ta’ ftehim internazzjonali. Ksur konkret u prevedibbli għall-interess inkwistjoni lanqas ma jista’ jiġi stabbilit mis-sempliċi biża’ li jiġi żvelat liċ-ċittadini l-fatt li hemm diverġenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni u, għalhekk, li jinħoloq dubju dwar il-legalità ta’ din l-azzjoni.

Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni, li tipprovdi li r-riskju ta’ żvelar tal-pariri legali dwar il-proċess deċiżjonali jista’ jwassal għal dubji dwar il-legalità tal-atti adottati ma hijiex biżżejjed biex tikkaratterizza preġudizzju għall-protezzjoni tal-pariri legali, tapplika, bħala regola ġenerali, għall-qasam tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni, peress illi l-prinċipju tat-trasparenza japplika fil-proċess deċiżjonali ta’ dan il-qasam.

(ara l-punti 69, 71, 73-76)

8.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-pariri legali previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa l-Kunsill li għandu joħloq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u l-eventwali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar. Għandu jiġi b’mod partikolari kkunsidrat l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, sehem aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, ovvjament, ta’ rilevanza partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li f’tali każ għandu jingħata aċċess ikbar għad-dokumenti.

F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(3) KE u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2006/683 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill għandhom biss valur indikattiv f’dak li jirrigwarda l-fatt li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill aġixxiex jew le fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

Issa, l-inizjattiva u t-tmexxija tan-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jaqgħu, bħala regola ġenerali, taħt ir-responsabbiltà tal-eżekuttiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-interess leġittimu li l-elementi strateġiċi tan-negozjati ma jiġux żvelati, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura dwar in-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament limitata. Għalhekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma aġixxiex fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur. Madankollu, l-applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni, ma tistax tiġi eskluża fir-rigward tal-azzjoni internazzjonali, b’mod partikolari meta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tirrigwarda ftehim internazzjonali li jista’ jkollu konsegwenzi f’qasam tal-attività leġiżlattiva tal-Unjoni, bħall-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija, li jista’ wkoll jinfluwenza l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

Konsegwentement, hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ dokument li jinkludi parir legali, sa fejn dan tal-aħħar jikkontribwixxi biex jagħti leġittimità ikbar lill-istituzzjonijiet u jżid il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej f’dawn l-istituzzjonijiet billi jkun possibbli li ssir diskussjoni miftuħa dwar il-punti li fuqhom hemm diverġenza ta’ opinjoni, meta, b’mod partikolari, hemm involut dokument li jiddiskuti l-bażi legali ta’ ftehim li, wara li jiġi konkluż, ikollu effett fuq id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

(ara l-punti 81-83, 87-90, 93)

9.      Fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-biża li l-iżvelar tal-pariri legali interni lil istituzzjoni dwar in-negozjati internazzjonali pendenti bejn l-Unjoni u Stat terz joħolqu preġudizzju għall-interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali ma tistax tintlaqa’ peress li hija preċiżament it-trasparenza fil-qasam tal-pariri legali li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn il-perspettivi differenti jiġu diskussi b’mod miftuħ, tikkontribwixxi biex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u biex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, hija pjuttost l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ diskussjoni li tista’ tnissel dubji f’moħħ iċ-ċittadini dwar mhux biss il-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll dwar il-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu.

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li dokument jirrigwarda qasam potenzjalment kopert mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, ma huwiex rilevanti biex tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni distinta, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

Min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tkun għadha pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal parir legali dwar dan il-ftehim jista’ jiġi invokat fil-kuntest tal-eżami ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali, dan l-argument ma huwiex madankollu deċiżiv fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar, minkejja dan ir-riskju ta’ preġudizzju.

Fil-fatt, l-interess pubbliku marbut mat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali jitlef is-sens tiegħu jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jiġi limitat għal-każ meta l-proċedura deċiżjonali tiġi konkluża.

(ara l-punti 96, 97, 99-101)

10.    L-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija minn dan l-artikolu. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tgħatti s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett.

(ara l-punti 105, 106)

11.    Fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, hija l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jikkonċernax qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali.

Barra minn hekk, in-natura ġenerali ta’ motivazzjoni, fis-sens li l-Kunsill ma jidentifikax il-kontenut sensittiv li jista’ jiġi rrivelat mill-iżvelar, hija ġġustifikata mit-tħassib li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija koperta mill-eċċezzjoni relattiva għall-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

(ara l-punti 118, 121)