Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2010 - Ayadi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-527/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Chafiq Ayadi (rappreżentanti: H. Miller Solicitor, B. Emmerson u S. Cox, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 954/2008, sa fejn tapplika għar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 954/2009, tat-13 ta' Ottubru 2009, li jemenda għall-114-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban 1, sa fejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.

Ir-rikorrent jinvoka erba' motivi insostenn tat-talbiet tiegħu.

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha billi inkludiet lir-rikorrent fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 mingħajr ma eżaminat b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ tar-rikorrent.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv peress li r-regolament ma kellux bażi ta' prova u, bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax lanqas tibda teżerċita d-dmir tagħha li tikkunsidra l-provi.

It-tielet nett, ir-rikorrent issostni li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dritt ta' difiża tar-rikorrent. Huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi dikjarazzjoni ta' provi iżda għamlet biss allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Mingħajr il-provi, ir-rikorrent ma setax jindirizza l-Kummissjoni dwar difetti f'dawn il-provi jew dwar interpretazzjonijiet żbaljati.

Ir-raba' nett, huwa jsostni li r-regolament ikkontestat, li jiffriża l-assi tar-rikorrent kemm retroattivament u, għal perijodu indeterminat, għall-futur, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għad-dritt fundamentali tiegħu ta' proprjetà.

____________

1 - ĠU L 269, 14.10.2009, p. 20.