Language of document : ECLI:EU:T:2015:142

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Marzu 2015 (*)

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija minn komun Olandiż favur klabb professjonali tal-futbol — Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE — Miżura ta’ għajnuna implementata kompletament fid-data tad-deċiżjoni — Ammissibbiltà — Att li jista’ jiġi kkontestat”

Fil-Kawża T‑251/13,

Gemeente Nijmegen (Il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn H. Janssen u S. van der Heul, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 1152 finali, tas-6 ta’ Marzu 2013, dwar l-għajnuna mogħtija lill-klabbs professjonali tal-futbol Olandiżi Vitesse, NEC, Willem II, MVV, PSV u FC Den Bosch bejn l-2008 u l-2011 [Għajnuna mill-Istat SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)].

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Insegwitu għal diversi lmenti li numru ta’ komuni Olandiżi taw għajnuna lil klabbs professjonali tal-futbol li kellhom diffikultà finanzjarja, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat, fis-27 ta’ Mejju 2011 u fis-6 ta’ Lulju 2011, talbiet għal informazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet wasslu, rispettivament, fis-26 u fit-28 ta’ Lulju 2011 u fl-1 ta’ Settembru 2011.

2        Għajnuna inkwistjoni partikolari tirrigwarda l-fidi mir-rikorrent, Gemeente Nijmegen, ta’ dritt ta’ akkwist (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni ta’ fidi”), fit-28 ta’ Settembru 2010, li jirrigwarda kumpless sportiv polivalenti “De Eendracht”. Dan id-dritt ingħata lill-klabb professjonali tal-futbol Nijmegen Eendracht Combinatie (NEC) fi tmiem ta’ kuntratt ta’ kiri li kien jirrigwarda dan il-kumpless u li kien jorbot lir-rikorrent u lil NEC.

3        Permezz tad-Deċiżjoni C (2013) 1152 finali, tas-6 ta’ Marzu 2013, dwar l-għajnuna mogħtija lill-klabbs professjonali tal-futbol Olandiżi Vitesse, NEC, Willem II, MVV, PSV u FC Den Bosch bejn l-2008 u l-2011 [Għajnuna mill-Istat SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tranżazzjoni ta’ fidi.

4        Wara li wettqet evalwazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkunsidrat provviżorjament, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tranżazzjoni ta’ fidi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara l-premessi 45 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata), u li kien hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

7        Ir-rikorrent issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-26 ta’ Settembru 2013.

8        Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, Ġabra, EU:C:2013:755), u tad-digriet tal-4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (C‑27/13, EU:C:2014:240). Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti.

9        Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, “sa fejn tirrigwarda l-allegata għajnuna mill-Istat [mogħtija] lil NEC”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–      tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–      tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

11      Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–      tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Konformement mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni kuntrarja.

13      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li hija għandha informazzjoni suffiċjenti mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Fl-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura preliminari jew ta’ natura purament preparatorja u li l-pożizzjoni finali tagħha dwar l-għajnuna inkwistjoni għandha tittieħed fid-deċiżjoni meħuda wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

15      Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata, f’din il-kawża, tirrigwarda miżura implementata kompletament, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma tobbligax lill-Istati Membri li jissospendu l-applikazzjoni tal-miżura, kuntrarjament għal miżura li qed tiġi implementata.

16      Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jordnaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, peress li din tal-aħħar diġà kienet ingħatat.

17      Fir-rigward tal-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 8 iktar ’il fuq (EU:C:2013:755), u tad-digriet Flughafen Lübeck, punt 8 iktar ’il fuq (EU:C:2014:240), il-Kummissjoni essenzjalment issostni, li dawn id-deċiżjonijiet ma humiex determinanti. Hija tenfasizza li skont il-ġurisprudenza, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ għajnuna implementati, bħat-tranżazzjoni ta’ fidi, u l-miżuri ta’ għajnuna li qed jiġu implementati. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-ammissibbiltà tar-rikors hija suġġetta għall-eżistenza ta’ rikors pendenti quddiem il-qrati nazzjonali intiż għall-waqfien tal-implementazzjoni tal-għajnuna u għall-irkupru tas-somom diġà mħallsa u tfakkar li huwa dejjem possibbli għall-benefiċjarju tal-għajnuna li jikkontesta deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ deċiżjoni preliminari.

18      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li fil-każ li tintlaqa’ l-ammissibbiltà tar-rikors dan la jkun kompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Unjoni Ewropea u hija nnifisha, la mar-rimedji ġudizzjarji previsti mit-Trattat, u lanqas mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ żvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva quddiemha, billi l-qorti tal-Unjoni tintalab twettaq evalwazzjoni fuq il-kwistjonijiet li fuqhom hija għad ma kellhiex l-opportunità tesprimi ruħha. L-eżami fil-mertu ta’ tali rikors għalhekk ikollu l-konsegwenza li jantiċipa dibattiti fuq il-mertu u jwassal għal konfużjoni tal-istadji differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

19      L-ewwel nett, ir-rikorrent jikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-miżuri li diġà ġew implementati u dawk li qed jiġu implementati.

20      Skont ir-rikorrent, ma jistax jiġi eskluż li deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tipproduċi effetti legali bbażati fuq l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni.

21      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li l-qorti nazzjonali hija marbuta mal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-qorti nazzjonali tista’ u, jekk ikun meħtieġ, għandha tordna l-irkupru provviżorju tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet differenti mill-Kummissjoni u mill-qorti nazzjonali, din tal-aħħar ma tistax tiċħad talba għall-irkupru tal-għajnuna, sa kemm ma tagħmilx qabel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

22      Fir-rigward tal-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 8 iktar ’il fuq (EU:C:2013:755), u tad-digriet Flughafen Lübeck, punt 8 iktar ’il fuq (EU:C:2014:240), ir-rikorrent isostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, għandha effett vinkolanti u inkundizzjonat li jimplika li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jassumu li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni, previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, u għandhom jadottaw miżuri adegwati fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiemhom. Skont ir-rikorrent, qorti nazzjonali ma hijiex awtorizzata tivverifika hija stess, fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha, jekk il-miżura li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, anki jekk l-evalwazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni huma ta’ natura preliminari.

23      Ir-rikorrent isostni wkoll, li d-deċiżjoni kkontestata għandha konsegwenzi negattivi, minħabba d-dubju sinjifikattiv dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni. Skont ir-rikorrent, il-possibbiltà li tinvoka d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali u l-assenjazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ NEC jikkostitwixxu effetti legali ta’ din id-deċiżjoni, li huma indipendenti mill-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

24      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li dawn huma l-konsegwenzi ta’ fatt li ma jistgħux jitqiesu li huma effetti legali vinkolanti li jbiddlu sostanzjalment is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

25      Skont ir-rikorrent, id-dubju dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni għandu wkoll effetti negattivi fuq l-istħarriġ tal-legalità previst mil-liġi tal-komun u mwettaq mill-kontabilist tiegħu. Għalhekk, fejn, fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu, il-kontabilist isib li hemm riskji ta’ illegalità li r-rikorrent ma jistax jispjega, huwa għandu jindika dan fir-rapport tiegħu, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni tagħha.

26      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkunsidra li n-natura provviżorja tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ għajnuna mill-Istat ma għandu l-ebda effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn id-deċiżjoni tipproduċi jew għandha tipproduċi effetti legali awtonomi. Il-Qorti Ġenerali għandha, bħala prinċipju, teżerċita stħarriġ sħiħ fuq deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-istħarriġ huwa madankollu limitat għall-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni setgħet legalment tikkonkludi, provviżorjament, l-eżistenza ta’ għajnuna jew, għall-inqas, l-eżistenza ta’ dubji sinjifikattivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

27      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitqies ukoll li fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’numru ta’ fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni wara din il-proċedura, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 10; tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra, EU:T:1992:123, punt 28; u d-digriet tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il‑Kummissjoni, T‑426/04, Ġabra, EU:T:2005:405, punt 25).

29      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-ġurisprudenza li tali deċiżjoni tista’ tkun att li jista’ jiġi kkontestat, sa fejn hija jista’ jkollha effetti legali awtonomi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tirrenia”, Ġabra, EU:C:2001:528, punti 62 u 69; tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, C‑77/12 P, EU:C:2013:695, punt 53; u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/99 sa T‑348/99, Ġabra, EU:T:2002:259, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri meta deċiżjoni bħal din tipproduċi effett legali vinkolanti li huwa suffiċjentement immedjat u ċert, fuq l-Istat Membru li huwa d-destinatarju tiegħu u fuq il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

30      Dan huwa partikolarment il-każ tal-obbligu ta’ sospensjoni, li huwa r-responsabbiltà tal-Istat Membru, ta’ miżura ta’ għajnuna li qed tiġi implementata mingħajr ma ġiet innotifikata u li għadha qed tiġi implementata fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tirrenia, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2001:528, punti 59 u 62, u Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2013:695, punt 52).

31      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qed tiġi implementata u li tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida mill-Kummissjoni tibdel neċessarjament il-portata legali tal-miżura kkunsidrata, kif ukoll is-sitwazzjoni legali tal-impriżi li jkunu l-benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u hekk kif barra minn hekk huwa ammess mill-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija l-każ mhux biss fejn il-miżura li qed tiġi implementata hija kkunsidrata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti iżda wkoll fil-każ fejn dawn l-awtoritajiet jemmnu li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tirrenia, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2001:528, punti 57 sa 59; Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2013:695, punt 52; u Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2002:259, punti 33 u 34).

32      Konsegwentement, ġie deċiż li meta l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qed tiġi implementata, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġu dedotti l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura.

33      Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-implementazzjoni tal-miżura ineżami u li jordnaw l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li jordnaw miżuri provviżorji bil-għan li jissalvagwardaw, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza Deutsche Lufthansa, punt 8 iktar ’il fuq, EU:C:2013:755, punti 42 u 43).

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-miżura inkwistjoni, tipproduċix effett legali vinkolanti li huwa suffiċjentement immedjat u ċert, fuq l-Istat Membru destinatarju u fuq il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura ineżami.

35      F’din il-kawża, minn naħa, għandu jiġi madankollu kkonstatat li t-tranżazzjoni ta’ fidi kienet diġà ġiet implementata kompletament fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

36      Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni tikkonċerna manifestament miżura ta’ għajnuna ġdida mhux notifikata, fejn ir-rikorrent qatt ma allega li din kienet tirrigwarda għajnuna eżistenti sabiex jiddeduċi li din id-deċiżjoni kellha effetti legali awtonomi minħabba fl-għażla magħmula mill-Kummissjoni tal-proċeduri skont l-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑312/90, Ġabra, EU:C:1992:282, punti 20 sa 24).

37      B’differenza minn deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qed tiġi implementata, deċiżjoni ta’ din in-natura li tikkonċerna miżura implementata kompletament ma tagħtix lok, bħala prinċipju, għal effetti legali awtonomi, minħabba nuqqas ta’ effett legali vinkolanti suffiċjentement immedjat u ċert fir-rigward tal-Istat Membru destinatarju u l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

38      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, huwa stabbilit li l-miżura inkwistjoni ma tistax tiġi sospiża, minħabba li kienet diġà ġiet implementata kompletament fid-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata.

39      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda s-sospensjoni tal-miżura inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma setax ikollha effett legali vinkolanti suffiċjentement immedjat u ċert fir-rigward tal-Istat Membru, u, b’mod partikolari, tal-qrati nazzjonali.

40      Fit-tieni lok, minħabba fil-kontenut tagħha u l-portata tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġġenera għall-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu li tittieħed azzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija permezz tal-miżura inkwistjoni.

41      Fil-fatt, jirriżulta l-ewwel nett mir-Regolament Nru 659/1999, li l-Kummissjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti meta tikkunsidra li tirrikjedi mill-Istat Membru kkonċernat li jirkupra provviżorjament l-għajnuna.

42      Għaldaqstant, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jeżiġi li ma jkun hemm ebda dubju dwar il-karattru tal-għajnuna tal-miżura kkonċernata, li hemm urġenza għall-azzjoni u li hemm riskju serju ta’ dannu sostanzjali u irrimedjabbli għal kompetitur.

43      Tali kundizzjonijiet, filwaqt li huma stabbiliti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni separata u ta’ portata differenti minn dawk għad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu indizji dwar l-ineżistenza, għall-Istat Membru destinatarju, ta’ obbligu ġenerali ta’ rkupru ta’ għajnuna mħallsa illegalment, li jirriżulta biss minn din l-aħħar imsemmija deċiżjoni.

44      Barra minn hekk, anki meta l-qorti nazzjonali, adita b’talba f’dan is-sens, tkun tista’ tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, kemm jekk il-miżura inkwistjoni qed tiġi implementata jew le fid-data tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dan ma jagħtix lil din id-deċiżjoni effett legali vinkolanti suffiċjentement immedjat u ċert.

45      Fil-fatt, l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li tadotta miżuri ta’ salvagwardja f’tilwima li tista’ twassal għal miżura ta’ għajnuna tirrikjedi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali miżuri, jiġifieri jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, jekk l-implementazzjoni tal-għajnuna tkun imminenti jew tkun diġà twettqet u jekk ma jkunux ġew ikkonstatati ċirkustanzi eċċezzjonali li jagħmlu l-irkupru inadegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C‑1/09, Ġabra, EU:C:2010:136, punt 36).

46      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li ma hemm l-ebda obbligu assolut u inkundizzjonat li jeħtieġ li l-qorti nazzjonali awtomatikament timxi fuq l-evalwazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, diġà ġie deċiż, li meta l-qorti nazzjonali għandha dubji dwar il-punt jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minn naħa, hija tista’ titlob lill-Kummissjoni għal kjarifiki u, min-naħa l-oħra, hija tista’ jew għandha, skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Deutsche Lufthansa, punt 8 iktar ’il fuq, EU:C:2013:755, punt 44).

47      Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu jiġi nnotat li, f’din il-kawża, ir-rikorrent bl-ebda mod ma jkun għamel użu minn rimedju quddiem il-qorti nazzjonali.

48      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma timplika l-ebda effett legali vinkolanti li huwa suffiċjentement immedjat u ċert fuq l-Istat Membru u, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali.

49      Fit-tielet lok, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-bidla fir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ NEC, li tirriżulta mill-inċertezza dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni, tista’ tikkostitwixxi effett legali awtonomu tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Fil-fatt, l-ebda rabta kawżali ċara ma tista’ tiġi stabbilita bejn id-dubju dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni u l-assenjazzjoni tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

51      Barra minn hekk, l-inċertezza kummerċjali u l-perċezzjonijiet tal-operaturi l-oħra dwar is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna, bħalma huwa r-rikorrent f’din il-kawża, ma jistgħux jitqiesu li huma effetti legali vinkolanti, peress li dawn huma sempliċi konsegwenzi ta’ fatt u mhux effetti legali vinkolanti li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża li tipproduċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas-7 ta’ Lulju 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81 R u 190/81 R, Ġabra, EU:C:1981:165, punt 19; sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra, EU:C:2005:727, punt 30; u tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑258/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punt 151).

52      Għalhekk, ir-rikorrent ma’ jistax jippretendi li d-deċiżjoni kkontestata pproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi tiegħu b’mod illi jbiddlu kunsiderevolment il-pożizzjoni legali tiegħu.

53      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax, f’din il-kawża, tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

54      Għalhekk, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi deċiż li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Gemeente Nijmegen huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2015.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Prek


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.