Language of document : ECLI:EU:T:2019:650

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Fastidju psikoloġiku – Sanzjoni dixxiplinari – Tnaqqis ta’ grad u aġġustament għal żero tal-punti ta’ promozzjoni – Ċaħda tat-talba għal assistenza tar-rikorrenti – Modalitajiet tal-investigazzjoni amministrattiva – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Dritt għal smigħ – Irregolarità proċedurali – Konsegwenzi tal-irregolarità proċedurali”

Fil-Kawża T‑47/18,

UZ, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, irrappreżentata minn J.‑N. Louis, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn V. Montebello‑Demogeot u Í. Ní Riagáin Düro, sussegwentement minn Montebello‑Demogeot u I. Lázaro Betancor, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament tas-27 ta’ Frar 2017 li timponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni dixxiplinari ta’ tnaqqis mill-grad AD 13 skala 3, għall-grad AD 12 skala 3 flimkien ma’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu akkwistati fil-grad AD 13, u, min-naħa l-oħra, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, UZ, kienet ilha tokkupa kariga ta’ kap ta’ unità fil-Parlament Ewropew sa mill-1 ta’ Jannar 2009. Fl-aħħar lok, hija kienet ġiet ikklassifikata fil-grad AD 13 skala 3.

2        Fl-24 ta’ Jannar 2014, erbatax minn ħmistax‑il membru tal-unità tagħha (iktar ’il quddiem il-“lanjanti”) indirizzaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fejn argumentaw fastidju psikoloġiku min-naħa tar-rikorrenti.

3        Wara din it-talba, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2014, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠ PERS”) indika lil-lanjanti li kienu ġew adottati miżuri provviżorji. Dawn kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-għoti tal-ġestjoni tal-persunal tal-unità kkonċernata lil persuna oħra u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.

4        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.

5        Ir-rikorrenti nstemgħet fl-20 ta’ Novembru 2014 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS.

6        Żewġ investigaturi, li wieħed kien issostitwixxa lill-ieħor għax kien irtira, stabbilixxew żewġ rapporti, datati 3 ta’ Marzu u 17 ta’ Novembru 2015. Wara dawn ir-rapporti, ir-rikorrenti nstemgħet mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS fis-17 ta’ Ġunju u fit-2 ta’ Diċembru 2015 rispettivament.

7        Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti kienet informata mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal.

8        Ir-rikorrenti nstemgħet mill-Bord Dixxiplinari fis-17 ta’ Frar, fid-9 ta’ Marzu, fit-8 ta’ April u fis-26 ta’ Mejju 2016.

9        Ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS fil-25 ta’ Frar 2016, li wieġeb permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ Marzu 2016.

10      Fil-25 ta’ Lulju 2016, il-Bord Dixxiplinari adotta b’unanimità l-opinjoni tiegħu li l-konklużjonijiet tagħha kienu jaqraw kif ġej:

“28.      Fid-dawl tal-preċedenti, il-Bord Dixxiplinari jipproponi lill-[Awtorità tal-Ħatra] li n-nuqqasijiet kollha mwettqa minn [UZ] jiġu ssanzjonati b’sanzjoni globali li tikkonsisti fi tnaqqis ta’ grad fl-istess grupp ta’ funzjonijiet.

29.      Fid-dawl tan-nuqqasijiet serji ta’ [UZ] fil-ġestjoni tal-persunal u fid-dawl tad-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni lejn [UZ] u persuni oħra li jistgħu jkunu affettwati bl-aġir tagħha, il-Bord Dixxiplinari jqis li l-[Awtorità tal-Ħatra], fid-dawl tal-possibbiltajiet li joffrulha r-Regolamenti tal-Persunal, għandha tikkunsidra serjament l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’tip ta’ impjieg ieħor fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali, f’kull każ, kif titlob hija stess, f’[Direttorat Ġenerali] minbarra […]”

11      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2016, il-Bord Dixxiplinari bagħat l-opinjoni tiegħu lir-rikorrenti.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament awtorizza lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS jirrappreżentah waqt is-smigħ tar-rikorrenti previst mill-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u qabbdu jibgħatlu l-eventwali osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar l-opinjoni mogħtija mill-Bord Dixxiplinari u mibgħuta fis-7 ta’ Settembru 2016.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Ottubru 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS stieden lir-rikorrenti tidher għal seduta fl-20 ta’ Ottubru 2016, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari.

14      Ir-rikorrenti tat konferma ta’ rċevuta ta’ din l-istedina fis-6 ta’ Ottubru 2016, u permezz ta’ posta elettronika tal-11 ta’ Novembru 2016 indirizzat l-osservazzjonijiet tagħha lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS.

15      Fl-14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti nstemgħet mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS. Matul dan is-smigħ, ir-rikorrenti ppreżentat nota u talbet l-assistenza tal-Parlament minħabba theddid li kien sar fil-konfront tagħha minn membri tal-unità tagħha.

16      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS ippropona t-trasferiment tar-rikorrenti, temporanjament, għal unità oħra.

17      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti aċċettat dan it-trasferiment.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ħa d-deċiżjoni li jimponi fuq ir-rikorrenti s-sanzjoni dixxiplinari ta’ tnaqqis tal-grad, fl-istess grupp ta’ funzjonijiet, mill-grad AD 13 skala 3 għall-grad AD 12 skala 3, flimkien ma’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu akkwistati fl-ex grad AD 13 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu”).

19      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu u pproponielha assenjazzjoni mill-ġdid għal pożizzjoni ta’ amministratur f’unità oħra.

20      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2017, ir-rikorrenti indirizzat lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament osservazzjonijiet dwar il-proposta tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’unità oħra.

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Mejju 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ta konferma ta’ rċevuta tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u informaha bid-deċiżjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid f’unità oħra fil-pożizzjoni ta’ “direttur amministrattiv”.

22      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti adixxiet lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tal-Parlament bi lment kontra d-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu.

23      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ressqet quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ilment kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba għal assistenza tagħha.

24      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2017, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS ċaħad it-talba għal assistenza tar-rikorrenti.

25      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2017, il-President tal-Parlament ċaħad l-ilmenti tar-rikorrenti magħmula fl-ittri tas-6 u tal-14 ta’ Ġunju 2017.

26      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti talbet lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jekk l-amministrazzjoni kinitx identifikat pożizzjoni vakanti korrispondenti għat-taħriġ tagħha, għall-esperjenza professjonali tagħha, għall-kapaċitajiet tagħha u għax-xewqat tagħha.

27      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2018, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament wieġeb li l-assenjazzjoni tar-rikorrenti għal pożizzjoni ta’ “direttur amministrattiv” f’unità oħra kellha tiġi kkunsidrata permanenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, kompluta permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2018, hija ppreżentat talba bbażata fuq l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u intiża sabiex tikseb l-anonimat, li l-Qorti Ġenerali laqgħet permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2018. Fit-23 ta’ April 2018, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu.

29      Fis-6 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika, u fl-4 ta’ Ottubru 2018, il-Parlament ippreżenta l-kontroreplika.

30      Permezz ta’ att motivat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti talbet li tinstema’ fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu ċerti mistoqsijiet u stiednet lill-Parlament jippreżenta diversi dokumenti.

32      Fit-18 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti u l-Parlament wieġbu għall-mistoqsijiet u l-Parlament ipprovda d-dokumenti mitluba.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ April 2019.

34      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġdida adottata waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Parlament iwieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet oħra u jipprovdi dokumenti oħra. Il-Parlament wieġeb għall-imsemmija mistoqsijiet u pprovda l-imsemmija dokumenti fis-16 ta’ April 2019 u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fis-6 ta’ Mejju 2019.

35      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

36      Il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq id-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu

37      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ regolarità fl-investigazzjoni amministrattiva, u t-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ regolarità fix-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari u li ma nstemgħetx mill-awtorità kompetenti fl-aħħar tagħhom.

 Fuq in-nuqqas ta’ regolarità tal-investigazzjoni amministrattiva

38      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-proċeduri amministrattivi jiżvolġu fl-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn il-garanziji, hemm l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ. Id-dritt ta’ kull persuna li jkollha l-kawża tagħha ttrattata b’mod imparzjali jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex, f’dan ir-rigward, jiġi eskluż kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati essenzjalment, l-ewwel nett, fuq il-fatt li ma nstemgħetx mill-awtorità kompetenti, it-tieni nett, fuq il-preżenza ta’ diversi investigaturi matul il-proċedura amministrattiva, it-tielet nett, fuq nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigaturi, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-lanjanti, u l-ħames nett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tax-xhieda favur tagħha.

40      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument li r-rikorrenti ma nstemgħetx mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, hija indikat li ma hijiex ser issostni dan l-argument, u ta’ dan ittieħed nota fil-proċess verbal tas-seduta.

41      Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument ibbażat fuq il-preżenza ta’ diversi investigaturi matul l-investigazzjoni amministrattiva, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament li din l-investigazzjoni amministrattiva kienet tinkludi żewġ aspetti. Kienu ġew innominati żewġ investigaturi fil-kuntest tal-aspett “dixxiplinari”, li kien jirrigwarda diversi nuqqasijiet ta’ twettiq min-naħa tar-rikorrenti ta’ obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal bl-eċċezzjoni ta’ fastidju, u t-tielet investigatur kien innominat fil-kuntest tal-aspett tal-“fastidju”.

42      Għandu jitfakkar li s-smigħ fl-istadju tal-investigazzjoni amministrattiva, fuq talba tal-Awtorità tal-Ħatra, huwa intiż sabiex jippermetti lil din tal-aħħar teżamina jekk hemmx lok li jiġi adit il-Bord Dixxiplinari skont l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u f’dak il-każ, li jiġi stabbilit ir-rapport li jindika l-aġir allegat, u jekk ikun il-każ, iċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat (ara b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, EU:T:1998:58, punt 340).

43      F’dan ir-rigward, l-awtorità responsabbli minn investigazzjoni amministrattiva għandha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-tmexxija tal-investigazzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 124, u tat-18 ta’ Settembru 2014, CV vs CESE, F‑54/13, EU:F:2014:216, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 38).

44      Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma wrietx kif il-preżenza ta’ diversi investigaturi matul l-investigazzjoni amministrattiva kkostitwixxiet preġudizzju għad-drittijiet tagħha, dan it-tieni argument għandu jiġi miċħud.

45      Għal dak li jirrigwarda t-tielet argument ibbażat fuq nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigaturi, ir-rikorrenti targumenta, b’mod partikolari, minn naħa, li wieħed mill-investigaturi responsabbli mill-aspett “dixxiplinari”, qabel il-ftuħ ta’ kull proċedura fil-konfront tagħha, intervjena bħala avukat ta’ wieħed mil-lanjanti. Għalhekk, dan l-investigatur ma kienx fadallu l-indipendenza u l-imparzjalità neċessarja sabiex jipparteċipa fl-investigazzjoni amministrattiva. Minn dan jirriżulta ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, l-investigatur responsabbli mill-aspett tal-“fastidju” kien ta informazzjoni ineżatta lil wieħed mil-lanjanti billi, fil-kuntest tas-smigħ tiegħu, qallu li huwa kien informat bil-kawża inkwistjoni, peress li kien ikkonsultat sa mit-talba għal assistenza tal-lanjanti. Huwa qatt ma kellu jaċċetta r-rwol ta’ investigatur għall-akkużi ta’ fastidju, peress li l-opinjonijiet tiegħu kienu neċessarjament influwenzati mix-xhieda miġbura waqt l-investigazzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

46      Il-Parlament isostni, fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ investigaturi responsabbli mill-aspett “dixxiplinari”, li s-Segretarju Ġenerali diġà indika lir-rikorrenti li s-suġġett tal-laqgħa inkwistjoni kien prinċipalment il-modalitajiet ta’ talba għal leave parentali u li, fil-mument li fih seħħet din l-intervista, il-membru tad-DĠ PERS li kien iltaqa’ mal-imsemmi lanjant kien għadu ma jafx li ser jiġi nnominat bħala investigatur. Barra minn hekk, ma ngħatat ebda informazzjoni dwar din il-kawża. Fir-rigward tal-investigatur responsabbli mill-aspett tal-“fastidju”, waqt is-seduta l-Parlament spjega li dan l-investigatur kien il-President tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol u kien minħabba din il-kapaċità li kien jaf b’din il-kawża, mingħajr ma għandu jiġi konkluż kunflitt ta’ interess f’dan ir-rigward.

47      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ imparzjalità ta’ wieħed mill-investigaturi tal-aspett “dixxiplinari”, mir-risposta tar-rikorrenti għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li, waqt is-smigħ tagħha, fis-26 ta’ Mejju 2016, wieħed mil-lanjanti indika li kien iltaqa’ ma’ dan l-investigatur f’data preċedenti għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva li tirrigwarda r-rikorrenti. Skont ix-xhieda ta’ dan il-lanjant, dan kien seħħ fil-Lussemburgu sabiex jinforma ruħu dwar eventwali investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) miftuħa fil-konfront tiegħu, peress li xi kollegi kienu spjegawlu li r-raġel tar-rikorrenti kien irrappurtah, fuq inizjattiva ta’ din tal-aħħar, lil dan il-korp, fir-rigward ta’ allegati irregolaritajiet marbuta ma’ leave parentali, “bħala tpattija”, “għaliex il-kollega kkonċernat [kien] ippreġudika x-xogħol tiegħu”.

48      Il-Parlament ma jinnegax l-eżistenza ta’ din il-laqgħa qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva bejn wieħed mil-lanjanti u investigatur futur, iżda jsostni, l-ewwel nett, li ebda informazzjoni dwar il-kawża inkwistjoni ma kienet ikkomunikata minn dan tal-aħħar waqt din il-laqgħa, u t-tieni nett, li l-membru tad-DĠ PERS ma setax ikun jaf li kien ser jiġi nnominat investigatur.

49      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument tal-Parlament, skont ir-risposta tiegħu wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ma jeżisti ebda sostenn tal-kontenut tal-konverżazzjoni bejn wieħed mil-lanjanti u l-membru tad-DĠ PERS.

50      Fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tal-Parlament, kif ser jitfakkar, l-imparzjalità oġġettiva tippreżumi li l-istituzzjoni toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kull dubju leġittimu (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

51      F’dan il-każ, mix-xhieda ta’ wieħed mil-lanjanti (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) jirriżulta li membru tad-DĠ PERS kien iltaqa’ ma’ dan tal-aħħar qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni u li, waqt din il-laqgħa, huwa kien informa lill-membru fuq imsemmi, sussegwentement innominat investigatur, li kien ġie rrappurtat lill-OLAF mir-rikorrenti u, b’mod iktar speċifiku, bl-intervent ta’ żewġha, “bħala tpattija”, fir-rigward ta’ allegati irregolaritajiet.

52      Bilfors għandu jiġi kkonstatat li tali xhieda tista’ tqajjem fir-rikorrenti dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tal-investigatur, li seta’ kien influwenzat min-natura partikolarment malizzjuża tal-allegat aġir tagħha kif ġie rrappurtat.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienet ilmentat dwar dan in-nuqqas ta’ imparzjalità fin-nota ppreżentata lill-Parlament waqt is-smigħ tagħha tal-14 ta’ Novembru 2016 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn ma jindika li kien diffiċli għall-Parlament sabiex jagħżel, minn fost l-uffiċjali tiegħu, persuna li ma għandha ebda konoxxenza minn qabel tal-fatti tal-kawża u, għalhekk, li ma tqajjem ebda dubju leġittimu fir-rigward tar-rikorrenti.

55      Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-Parlament ma kellux jinnomina investigatur li kien iltaqa’ ma’ wieħed mil-lanjanti qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni.

56      Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-indikazzjoni mogħtija mill-Parlament waqt is-seduta li ma kienx hemm ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF f’dan ir-rigward.

57      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigatur tal-aspett tal-“fastidju”, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Parlament waqt is-seduta jirriżulta li qabel ma kien innominat investigatur għall-aspett tal-“fastidju” fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien ippresieda l-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol li kien ikkonkluda, wara t-talba għal assistenza tal-lanjanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ġestjoni tal-unità li tagħha r-rikorrenti kienet il-kap tiġi fdata lil persuna oħra.

58      Għalhekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-konklużjoni tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol, li meta ġie nnominat investigatur tal-aspett tal-“fastidju”, huwa diġà kellu opinjoni negattiva tar-rikorrenti. Dan il-fatt għandu wkoll natura li tikkontesta l-imparzjalità oġġettiva tal-investigaturi.

59      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li kemm billi nnomina bħala investigatur, fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva, membru tad-DĠ PERS li kien diġà ltaqa’ ma’ wieħed mil-lanjanti, kif ukoll billi nnomina bħala investigatur ieħor il-President tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol li ddeċieda dwar it-tneħħija tar-rikorrenti, il-Parlament ma offriex il-garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi kull dubju leġittimu fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq.

60      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ tiġġustifika l-annullament tal-att, għandu jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, ġie deċiż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fir-rigward tal-garanziji li l-uffiċjal seta’ jibbenefika minnhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2015, Pipiliagkas vs Il-Kummissjoni, F‑96/13, EU:F:2015:29, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Issa, il-proċedura dixxiplinari stabbilita mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi żewġ fażijiet distinti. L-ewwel fażi hija kkostitwita mit-twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva imparzjali (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), mibdija b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, segwita b’redazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni, u magħluqa, wara li l-persuna kkonċernata tinstema’ dwar il-fatti allegati fil-konfront tagħha, permezz ta’ konklużjonijiet ibbażati fuq l-imsemmi rapport. It-tieni fażi hija kkostitwita mill-proċedura dixxiplinari nnifisha, mibdija mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni, u li tikkonsisti jew fil-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari mingħajr konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari, jew fit-tressiq tal-każ quddiem l-imsemmi Bord, abbażi ta’ rapport stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħhom.

63      Minn dan isegwi li l-investigazzjoni amministrattiva tissuġġetta l-eżerċizzju mill-Awtorità tal-Ħatra tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-azzjoni li għandha tittieħed u li din l-azzjoni tista’ twassal, fl-aħħar, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari. Fil-fatt, huwa abbażi ta’ din l-investigazzjoni u tas-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat li l-Awtorità tal-Ħatra tevalwa, l-ewwel nett, jekk hemmx lok jew le li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, it-tieni nett, jekk din għandhiex, skont il-każ, tikkonsisti fit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari jew le u, it-tielet nett, meta tibda l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-fatti li għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-imsemmi Bord.

64      Għalhekk, peress li l-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta, ma jistax jiġi eskluż li, jekk l-investigazzjoni amministrattiva twettqet b’reqqa u imparzjalità, l-imsemmija investigazzjoni setgħet twassal għal evalwazzjoni inizjali oħra tal-fatti, u għalhekk tirriżulta f’konsegwenzi differenti (sentenza tal-14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 82).

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu għandhom jiġu milqugħa.

66      Madankollu, għal raġunijiet marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli li jiġi eżaminat it-tieni motiv, dwar in-nuqqas ta’ regolarità tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari u dwar in-nuqqas ta’ smigħ tar-rikorrenti mill-awtorità kompetenti fl-aħħar tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari.

 Fuq in-nuqqas ta’ regolarità tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari u n-nuqqas ta’ smigħ mill-awtorità kompetenti fl-aħħar tagħhom

67      Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta, minn naħa, li x-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari ma twettqux b’mod regolari u, min-naħa l-oħra, li hija ma nstemgħetx mill-awtorità kompetenti fl-aħħar ta’ dawn ix-xogħlijiet.

68      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ regolarità tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment, minn naħa, li, waqt waħda mis-sitt laqgħat tal-Bord Dixxiplinari, il-Parlament kien irrappreżentat minn żewġ membri u li, fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, hija u l-avukat tagħha kienu mitluba jħallu s-sala fl-aħħar tas-smigħ tagħha, filwaqt li ż-żewġ rappreżentanti tal-Parlament baqgħu jiddeliberaw mal-membri tal-Bord Dixxiplinari. Minn dan jirriżulta ksur tal-Artikolu 16(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-laqgħat l-oħra, il-membri tal-Bord Dixxiplinari mhux kollha kienu preżenti, filwaqt li kollha pparteċipaw fid-deliberazzjoni u fl-adozzjoni tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari. Dan jikkonsisti fi ksur tad-drittijiet tad-difiża peress li l-Parlament ma setax jikkonferma li, kieku l-membri tal-Bord Dixxiplinari kienu kollha preżenti għal-laqgħat kollha, l-opinjoni tal-Bord kienet tkun identika.

69      Il-Parlament isostni li l-preżenza ta’ żewġ rappreżentanti tiegħu f’waħda mil-laqgħat tal-Bord Dixxiplinari hija spjegata bil-fatt li, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), l-investigazzjoni amministrattiva kienet tinkludi żewġ aspetti, jiġifieri aspett “dixxiplinari” u aspett tal-“fastidju”. L-intervent ta’ investigaturi differenti f’dawn iż-żewġ aspetti jiġġustifika l-preżenza ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali quddiem il-Bord Dixxiplinari. Fir-rigward tal-fatt li l-membri kollha tal-Bord Dixxiplinari ma kinux preżenti għal-laqgħat kollha, il-Parlament jispjega li, peress li l-Bord Dixxiplinari kien kompost minn membri u membri supplenti, kull wieħed minnhom seta’ jiddelibera u jadotta l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari fl-aħħar tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u istruzzjoni.

70      Dwar il-fatt li, waqt waħda mis-sitt laqgħat tal-Bord Dixxiplinari, il-Parlament kien irrappreżentat minn żewġ membri, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-awtorità responsabbli minn investigazzjoni amministrattiva għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-tmexxija tal-investigazzjoni (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), il-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari hija, fiha nnifisha, strettament limitata permezz tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      Għalhekk, l-Artikolu 16(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jindika espressament li l-istituzzjoni kkonċernata hija rrappreżentata quddiem il-Bord Dixxiplinari minn uffiċjal innominat għal dak l-iskop mill-Awtorità tal-Ħatra u li għandu drittijiet ekwivalenti għal dawk tal-uffiċjal ikkonċernat.

72      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Parlament ma jistax ikun irrappreżentat b’mod validu, waqt waħda mis-sitt laqgħat tiegħu, minn żewġ uffiċjali. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li l-interessi tagħha kienu difiżi minn rappreżentant wieħed, kienet, b’hekk, f’sitwazzjoni fil-prinċipju żvantaġġata. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Parlament ma kellhomx jibqgħu fis-sala tal-laqgħat sabiex jiddeliberaw mal-membri tal-Bord Dixxiplinari ladarba r-rikorrenti u l-avukat tagħha kienu ġew mitluda jħallu l-imsemmija sala. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura kontenzjuża hija vvizzjata b’irregolarità proċedurali dwar dan il-punt ukoll.

73      Fir-rigward tal-fatt li l-membri tal-Bord Dixxiplinari ma kinux kollha preżenti għal-laqgħat kollha, iżda kultant kienu ssostitwiti minn membri supplenti, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi n-nomina ta’ membri supplenti.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-aħħar deliberazzjonijiet tal-Bord Dixxiplinari saru abbażi ta’ informazzjoni u traskrizzjonijiet tax-xhieda kollha li nstemgħet, jiġifieri l-erba’ xhieda ppreżentati mil-lanjanti u l-erba’ xhieda ppreżentati mir-rikorrenti.

75      Għalhekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-membri tal-Bord Dixxiplinari ma kinux kollha preżenti għal-laqgħat kollha għandu jiġi miċħud.

76      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ smigħ mill-awtorità kompetenti wara l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, ir-rikorrenti targumenta, b’mod partikolari, li huwa biss is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li jista’ jisma’ uffiċjal qabel jiddeċiedi li jimponi fuqu sanzjoni dixxiplinari. Madankollu, tali smigħ ma seħħx.

77      Il-Parlament isostni li d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2014 tipprovdi li s-Segretarju Ġenerali huwa l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22 tal-Anness IX sabiex tisma’ l-uffiċjal wara l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari qabel tadotta sanzjoni dixxiplinari bħat-tnaqqis tal-grad. Il-Parlament jispjega li, f’dan il-każ, huwa d-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS li sema’ lir-rikorrenti akkumpanjata mill-avukat tagħha billi aġixxa abbażi ta’ delega tas-Segretarju Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha xahrejn sabiex tikkompleta l-proċess verbal ta’ din is-seduta sabiex tindika bil-miktub l-eventwali osservazzjonijiet tagħha. Finalment, anki kieku l-intervista seħħet fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali minflok id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, is-sanzjoni mogħtija kienet tkun l-istess waħda, peress li s-Segretarju Ġenerali kellu l-proċess kollu, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-intervista tar-rikorrenti, tal-avukat tagħha u ż-żieda tal-osservazzjonijiet tagħhom.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tafferma l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika għal kull proċedura li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Id-dritt għal smigħ għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, li din tal-aħħar tkun tista’ tikkorreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jsostnu s-sens li fih id-deċiżjoni għandha tittieħed, jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37).

81      Id-dritt għal smigħ jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Id-dritt għal smigħ għandu jippermetti wkoll lill-amministrazzjoni li tistudja l-fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata u li timmotivaha b’mod xieraq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ azzjoni tagħha b’mod validu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 59).

83      Finalment, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi evalwata skont, b’mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, M., C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha, u timmotivaha, wara li tisma’ l-uffiċjal ikkonċernat, f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari.

85      Kif jirrileva l-Parlament stess, id-deċiżjoni tal-uffiċċju tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2014 tipprovdi li s-Segretarju Ġenerali huwa l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tisma’ l-uffiċjal wara l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari qabel tadotta sanzjoni dixxiplinari bħat-tnaqqis tal-grad (“Tabella VI – Dixxiplina” tal-imsemmija deċiżjoni).

86      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minħabba l-gravità tas-sanzjonijiet li għalihom tista’ twassal il-proċedura prevista mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u fid-dawl tal-kliem użat, id-dispożizzjoni li dakinhar kienet fis-seħħ, korrispondenti għall-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet dispożizzjoni ta’ dritt stretta u għandha tiġi interpretata bħala li timponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra l-obbligu li tisma’ hija stess lill-uffiċjal. Huwa biss f’osservanza ta’ dan il-prinċipju u fil-kundizzjonijiet li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati li l-Awtorità tal-Ħatra tista’, għal raġunijiet li jirrigwardaw il-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti, tafda lil wieħed jew iktar mill-membri tagħha bil-funzjoni li jisma’ l-uffiċjal (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni, 35/67, EU:C:1968:39, pp. 503 u 504).

87      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tafda l-funzjoni li tisma’ l-persuna kkonċernata, f’każ bħal dak inkwistjoni, ħlief lil wieħed jew iktar mill-membri tagħha stess, u dan biss għal raġunijiet li jirrigwardaw il-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti. Madankollu, huwa manifest li dan ma jistax ikun il-każ fil-każ inkwistjoni, peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex komposta minn diversi membri.

88      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Parlament qatt ma invoka l-eżistenza ta’ raġunijiet relattivi għall-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti sabiex jiġġustifika l-fatt li r-rikorrenti ma nstemgħetx mis-Segretarju Ġenerali, iżda mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS.

89      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu kienet adottata mingħajr osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

90      L-argumenti mressqa mill-Parlament ma jistgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni.

91      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Parlament isostni li l-qorti tal-Unjoni aċċettat, f’kawżi iktar reċenti, li d-dritt għal smigħ għandu jiġi kkunsidrat irrispettat ladarba l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesponi l-fehma tagħha oralment jew bil-miktub qabel deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju.

92      Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mis-sentenzi ċċitati mill-Parlament fir-risposti tiegħu tas-16 ta’ April 2019 ma tirrigwarda proċedura dixxiplinari rregolata mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-gravità tas-sanzjonijiet li għalihom tista’ twassal. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

93      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li, sabiex id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti jiġi rrispettat, huwa suffiċjenti li din tal-aħħar tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39) jirriżulta li dawn l-osservazzjonijiet kellhom jiġu ppreżentati direttament lill-Awtorità tal-Ħatra, sabiex din tkun tista’ tagħti l-opinjoni proprja tagħha dwar l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, qabel tieħu d-deċiżjoni informata tagħha inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun suffiċjenti l-fatt li, qabel ħa d-deċiżjoni tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament seta’ kellu l-proċess verbal tas-smigħ tar-rikorrenti jew tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni mogħtija mill-Bord Dixxiplinari.

94      It-tieni nett, il-Parlament isostni wkoll li l-kontenut tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li kienet fis-seħħ dakinhar, jiġifieri t-tielet paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, timponi interpretazzjoni iktar stretta peress li tgħid li “l-persuna kkonċernata għandha tinstema’ mill-[Awtorità tal-Ħatra]”. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma tħalli ebda possibbiltà ta’ interpretazzjoni inqas stretta, peress li hija tipprovdi wkoll li “l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha wara li tisma’ l-uffiċjal”.

95      It-tielet nett, il-Parlament isostni li r-Regolamenti tal-Persunal kif kienu fis-seħħ fl-epoka tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), ma kinux jinkludu dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 4 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal li tippermetti espressament il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub mill-uffiċjal ikkonċernat.

96      Madankollu, skont it-termini tal-Artikolu 4 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal ikkonċernat seta’ jiġi mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub jekk ma jkunx jista’ jinstema’ “għal raġunijiet oġġettivi”. F’dan il-każ, il-Parlament ma qajjimx l-eżistenza ta’ tali raġunijiet oġġettivi. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

97      Fir-risposti tiegħu tas-16 ta’ April 2019, il-Parlament invoka sentenzi li permezz tagħhom il-qorti tal-Unjoni kienet aċċettat il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija ma kienet tirrigwarda proċedura dixxiplinari rregolata mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

98      Ir-raba’ nett, skont il-Parlament, filwaqt li l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), kienet tirrigwarda r-revoka ta’ uffiċjal, dik inkwistjoni f’dan il-każ hija ferm inqas gravi, peress li tirrigwarda biss it-tnaqqis ta’ grad wieħed filwaqt li nżammet l-iskala 3. Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, kien għadu possibbli li tiġi promossa għal kariġa fit-tmexxija.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), ma hijiex limitata għall-każ ta’ sanzjoni ta’ revoka, iżda tipprevedi, b’mod ġenerali, kull proċedura dixxiplinari, minħabba l-gravità tal-konsegwenzi li tali proċedura jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata. Madankollu, ma jistax jiġi kkontestat li t-tnaqqis tal-grad minn kariga fit-tmexxija tal-grad AD 13 għal kariga ta’ amministratur tal-grad AD 12 hija sanzjoni gravi, għaliex din tinvolvi t-telf ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija. Barra minn hekk, jista’ jiġi preżunt li ċ-ċansijiet li terġa’ tingħata kariga fit-tmexxija, wara t-telf ta’ tali kariga wara proċedura dixxiplinari, huma partikolarment minimi. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

100    Finalment u l-ħames nett, il-Parlament jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), kienu differenti, peress li f’dik il-kawża ma nżammet ebda seduta qabel it-tkeċċija, filwaqt li r-rikorrenti f’dan il-każ instemgħet abbażi ta’ delega tas-setgħa tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, setgħet tibgħat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u setgħet tkun akkumpanjata u rrappreżentata mill-avukat tagħha.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument milqugħ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), kien ibbażat fuq il-fatt li l-missjoni mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni, li jisma’ lill-persuna kkonċernata, kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti vinkolanti fuqha. F’dan ir-rigward, mill-imsemmija sentenza mkien ma jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza invokata mill-Parlament. Għalhekk, dan l-aħħar argument għandu jiġi miċħud.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv tar-rikorrenti dwar nuqqas ta’ smigħ mill-awtorità kompetenti fl-aħħar tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari għandu jiġi milqugħ ukoll.

 Fuq id-deċiżjoni taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza

103    Ir-rikorrenti tindika li, waqt is-smigħ tagħha tal-14 ta’ Novembru 2016 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, hija talbet formalment l-assistenza tal-Parlament minħabba theddid speċifiku u serju magħmul fil-konfront tagħha mil-lanjanti. Ma huwiex ikkontestat li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS intervjena darbtejn mal-avukat tar-rikorrenti minħabba theddid magħmul minn uħud mil-lanjanti fil-konfront tagħha. Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS talab lill-avukat tar-rikorrenti jintervjeni sabiex hija tirrinunzja għall-parteċipazzjoni tagħha f’żewġ avvenimenti pubbliċi li fihom isimha kien jinsab fil-programm tal-kelliema. Permezz tal-ittra tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2016, li permezz tagħha ppropona t-trasferiment temporanju tar-rikorrenti fl-interess tagħha u sabiex jiżgura l-protezzjoni tagħha, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS kien irrikonoxxa li s-serjetà tat-theddid kien jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni favur tagħha. Finalment, l-Awtorità tal-Ħatra kellha tisma’ lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, qabel tiċħad it-talba tagħha għal assistenza.

104    Il-Parlament isostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex tassisti uffiċjal issuspettat, fid-dawl ta’ elementi speċifiċi u rilevanti, li naqas b’mod serju mit-twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu u li f’dan ir-rigward huwa suġġett għal proċeduri dixxiplinari. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra responsabbli mill-assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal adottat miżuri konkreti intiżi sabiex jipproteġu lir-rikorrenti f’sitwazzjonijiet differenti, filwaqt li rrakkomandatilha li tevita kull kuntatt mal-kollegi tagħha u assenjatha temporanjament għal unità oħra.

105    Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li hija aċċettat din l-assenjazzjoni mill-ġdid temporanja biss, minħabba t-theddid serju magħmul fil-konfront tagħha minn uħud mil-lanjanti. L-eżistenza tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari ma tistax, fiha nnifisha, tiġġustifika li l-lanjanti ma kinux ikkunsidrati ħatja tal-fatti sanzjonabbli fil-konfront tagħha.

106    Għandu jitfakkar li, meta quddiem l-Awtorità tal-Ħatra titressaq, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija regolamenti, hija għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għat-talba għal assistenza, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqitha (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 84; u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46).

107    Madankollu, l-amministrazzjoni ma għandhiex tkun marbuta tassisti uffiċjal issuspettat, fid-dawl ta’ elementi speċifiċi u rilevanti, li naqas b’mod serju mit-twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu u li f’dan ir-rigward huwa suġġett għal proċeduri dixxiplinari, anki meta tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun seħħ favur aġir irregolari ta’ terz (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑75/09, EU:F:2010:150, punt 49).

108    Għalhekk, f’dan il-każ, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ PERS, permezz tal-ittra tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2017, indika lir-rikorrenti li l-amministrazzjoni ma kellhiex tassisti uffiċjal issuspettat li kien naqas b’mod serju mill-obbligi professjonali tiegħu.

109    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-introduzzjoni tat-talba għal assistenza ppreżentata mir-rikorrenti, kienet diġà nfetħet investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tagħha, għal fatti li jekk jiġu pprovati jkunu suġġetti għal proċeduri dixxiplinari. Fi kwalunkwe każ, mill-fajl jirriżulta li, matul l-investigazzjoni fuq imsemmija, ħarġu elementi speċifiċi u rilevanti, li jippermettu lill-Parlament jissuspetta li r-rikorrenti kienet naqset b’mod serju mill-obbligi professjonali tagħha u jikkunsidra li hija setgħet tkun suġġetta għal proċeduri dixxiplinari.

110    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Parlament ġustament ċaħad, mingħajr smigħ minn qabel, it-talba għal assistenza tar-rikorrenti.

111    Għalhekk it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 134(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

113    F’dan il-każ, peress li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-grad u ta’ aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu ġiet milqugħa u t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tar-rikorrenti ġiet miċħuda, ir-rikorrenti u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2017 li timponi fuq UZ sanzjoni dixxiplinari ta’ tnaqqis mill-grad AD 13 skala 3, għall-grad AD 12 skala 3, u aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu akkwistati fil-grad AD 13, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      UZ u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.