Language of document : ECLI:EU:T:2009:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

5 ta’ Ottubru 2009

Kawża T-58/08 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Anton Pieter Roodhuijzen

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Skema konġunta tal-assigurazzjoni għall-mard – Kopertura tas-sieħeb mhux miżżewweġ”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L‑Ewwel Awla) tas-27 ta’ Novembru 2007, Roodjuijzen vs Il‑Kummissjoni (F-122/06, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti minn Anton Pieter Roodhuijzen f’din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura – Rikorsi – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja – Limiti – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita

2.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal – Kunċett – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja għall-interpretazzjoni tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1); Anness VII, Artikolu 1(2)(c)(i))

3.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Prinċipji – Interpretazzjoni awtonoma – Limiti – Riferiment, f’ċerti każijiet, għad-dritt tal-Istati Membri

4.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal – Kunċett – Kunċett awtonomu użat fir-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1); Anness VII, Artikolu 1(2)(c)(i))

1.       Peress li l-qorti Komunitarja li tkun ġiet adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, hija la tista’ tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett prinċipali tar-rikors, u lanqas ma tista’ tqajjem motiv ex officio ħlief f’każijiet partikolari fejn l-interess pubbliku jeħtieġ li hija tintervjeni. Fil-kuntest tal‑kwistjoni kif definita mill-partijiet, il-qorti Komunitarja, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella tkun kostretta, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati.

F’kawża bejn il-partijiet għal dak li jikkonċerna l‑interpretazzjoni u l‑applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hija l‑qorti Komunitarja li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas‑soluzzjoni tal-kawża għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet. Skont il-prinċipju iura novit curia, id determinazzjoni tat-tifsira tal-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal- prinċipju ta’ dispożizzjioni libera tal-partijiet li jiddeterminaw il-portata tal-kwistjoni bejniethom filwaqt li l-qorti Komunitarja b’hekk ma hijiex obbligata tiżvela lill-partijiet l interpretazzjoni li għandha l-intenzjoni tagħti sabiex ikunu jistgħu jagħtu l fehma tagħhom f’dan ir-rigward

(ara l-punti 34 sa 36)

Referenza:

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Léger fil-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421, I‑7422, punt 36; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Cosmas fil-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Jannar 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il‑Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, I‑3, punti 95 u 96; Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69; Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 41; Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Ġunju 2007, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni, T‑246/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 102; Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 72 sa 75

2.      Huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jinterpreta u japplika l‑kunċett użat fir-Regolamenti tal-Persunal ta’ “sħubija mhux maritali” msemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat u suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju taħt l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat.

L-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” ma taffettwax il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-istat ċivili tal‑persuni u tad-determinazzjoni tal-benefiċċji li jitnisslu minnu. Fil-fatt, sa fejn id-definizzjoni mogħtija għandha x’taqsam ma’ kunċett użat fir-Regolamenti tal‑Persunal, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hija neċessarjament limitata mill‑qafas tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tkopri biss l-għoti ta’ ċerti vantaġġi soċjali mogħtija mill-imsemmija regolamenti lill-uffiċjali jew lill-membri tal‑persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u ma tipproduċi ebda effett fl-Istati Membri, li jistgħu jiddeterminaw liberament l-applikazzjoni ta’ sistemi legali li jagħtu rikonoxximent legali lil tipi oħrajn ta’ unjoni differenti miż-żwieġ.

(ara l-punti 44, 45 u 87)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, Ġabra p. 1283, punti 13 sa 15; Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, Ġabra p. I‑1757, punti 59 u 73; Il-Belġju vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l‑ġurisprudenza ċċitata.

3.       Il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tiegħu għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u l-interpretazzjoni għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l‑għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta’ riferiment espress, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri meta l-qorti Komunitarja ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt komunitarju jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju l-kriterji li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata tiegħu, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma.

(ara l-punt 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/84, Ġabra p. 107, punt 11; Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il‑Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 36; Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Diċembru 1992, Khouri vs Il-Kummissjoni, T‑85/91, Ġabra p.  II‑2637, punt 32

4.      Fir-rigward tad-drittijiet għal benefiċċji ta’ assigurazzjoni għall-mard kif stipulati fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” huwa kunċett uniku. Fil-fatt, fid-dawl tad-differenzi kbar fil‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni ta’ sistemi legali li jagħtu rikonoxximent legali lil diversi tipi ta’ unjoni li ma jkunux iż‑żwieġ, il-kunċett ta’ “uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal, ma jistax, bħala tali, jiġi interpretat bħala li jirreferi għal sistema ta’ “sħubija rreġistrata” identifikata b’mod ċar fl-Istati Membri kollha. Taħt dan l-aspett, u f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-diversi sistemi legali nazzjonali, il-kunċett ta’ “sħubija rreġistrata” huwa b’hekk differenti minn dak ta’ “żwieġ”, li l-karatteristiċi prinċipali tiegħu huma ddeterminati b’mod ċar fl-Istati Membri kollha.

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “sħubija rreġistrata” msemmi fir-Regolamenti tal‑Persunal jista’ jiġi ddefinit biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kunċett aċċettat b’mod ġenerali ta’ “sħubija rreġistrata”, is-sempliċi riferiment għal tali sħubija fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu ma jagħtix biżżejjed informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, it-terminu “irreġistrat” li jinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi biss għal ċerti aspetti formali li huma speċifikati fl-ewwel kundizzjoni msemmija fl-istess artikolu u b’hekk ma tistax tinftiehem bħala li timponi kundizzjoni ta’ “reġistrazzjoni” speċifika jew bħala li teżiġi li s-sħubija tkun “irregolata mil-liġi”, bħaż-żwieġ.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”, kif dedott mill‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 723/2004, li fiha l-leġiżlatur Komunitarju ried jestendi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-vantaġġi mogħtija lill-koppji miżżewġin lill-“uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli”.

Konsegwentement, l-eżistenza ta’ sħubija mhux maritali, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, tinvolvi, minn naħa, unjoni bejn żewġ persuni, bl-esklużjoni ta’ persuni dipendenti, imsemmija f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, ċerti formalitajiet, bħal li jiġi pprovdut dokument legali li jirrikonoxxi l-istatus tal-partijiet ikkonċernati bħala msieħba mhux miżżewġa u, ir-rikonoxximent tan-natura legali ta’ dan id-dokument mill-Istat Membru kkonċernat.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettu li l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” jiġi ddefinit bħala li għandu ċerti similaritajiet maż-żwieġ. Dawn id‑dispożizzjonijiet madankollu ma jirrikjedux li s-“sħubija mhux maritali” tkun ekwivalenti għaż-żwieġ. Tali rekwiżit ifisser li tkun qed tiġi imposta kundizzjoni addizzjonali li mhijiex prevista fir-Regolamenti tal-Persunal li tinvolvi diskriminazzjoni kontra ċerti uffiċjali minħabba l-forma astratta tas-sħubija tagħhom, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tirrikonoxxi din is‑sħubija u l-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regolamenti tal-Persunal ikunu sodisfatti. Jekk ir-Regolamenti tal-Persunal jeżiġu, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ “sħubija mhux maritali”, il-prova ta’ ħajja flimkien ikkaratterizzata minn ċerta stabbiltà, dawn ma jirrikjedux li l-imsieħba jkunu marbutin bi drittijiet u obbligi reċiproċi speċifiċi. Ix-xebh maż-żwieġ meħtieġ mir-Regolamenti tal‑Persunal jirriżulta preċiżament minn tali ħajja flimkien kif ukoll mir-rekwiżit ta’ xi formalitajiet.

(ara l-punti 73, 75 sa 77, 81 sa 86, 91 u 96)