Language of document : ECLI:EU:C:2022:786

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Ottubru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 124(a) u (d) – Artikolu 128 – Ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni għall-kontrafazzjoni – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Rinunzja tal-azzjoni għal ksur – Eżitu tal-kontrotalba – Natura awtonoma tal-kontrotalba”

Fil-Kawża C‑256/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021, fil-proċedura

KP

vs

TV,

Gemeinde Bodman-Ludwigshafen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič, D. Gratsias (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, minn E. Stolz, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, É. Gippini Fournier u T. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124(a) u (d), kif ukoll tal-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        Din ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn KP fuq naħa u TV u Gemeinde Bodman-Ludwigshafen (il-Komun ta’ Bodman-Ludwigshafen, il-Ġermanja) fuq in-naħa l-oħra, dwar azzjoni għal ksur ta’ trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 4 u 32 tar-Regolament Nru 2017/1001:

“4. […] Sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-istess Unjoni, jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti fl-Unjoni għar-rigward ta’ trademarks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trademark tal-UE taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trademark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fl-ispazju kollu tal-Unjoni. Jinħtieġ li dejjem japplika l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat- trademark tal-UE, espress f’dan is-sens, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

[…]

(32)      Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-ksur ta’ trademarks tal-UE jkollhom effett u ikopru t-territorju kollu tal-Unjoni, peress li dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti min-naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju [tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)], u kif jista’ jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat- trademarks tal-UE ma jiġix imxejjen. Id-disposizzjonijiet tar-Regolament [(UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1)] jenħtieġ li japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trademarks tal-UE, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “It- trademark tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“ It- trademark tal-UE għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma għandhiex tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma għandu jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kif tinkiseb trademark tal-UE”, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni.

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut” jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, it-tipi ta’ sinjali u trade marks li ma jistgħux jiġu rreġistrati. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, b’mod partikolari:

“ Dawn li ġejjin ma għandhomx jiġu rreġistrati:

[…]

(b)      trademarks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(c)      trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

(d)      trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[…]”

7        L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Trademark tal-UE għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur,

(a)      meta trademark tal-UE tkun ġiet irreġistrata kuntrarju għad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

[…]”

8        L-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1. Applikazzjoni għal revoka tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trademark tal-UE jew għal dikjarazzjoni li t-trade mark hija invalida tista’ tiġi preżentata lill-[EUIPO]:

(a)      meta japplikaw l-Artikoli 58 u 59, minn kull persuna fiżika jew ġuridika u minn kull grupp jew organu mwaqqfa bil-għan li jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, li għandhom il-kapaċità li jfittxu jew li jiġi mfittxija f’isimhom stess, skont il-liġi li tirregolahom;

[…]

3.      Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli meta applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata fuq il-merti tagħha, jew mill-Uffiċċju jew permezz ta’ qorti għat-trademarks tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 123, u d-deċiżjoni tal-Uffiċċju jew dik il-qorti dwar dik l-applikazzjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ deċiżjoni finali.”

9        Skont l-Artikolu 122(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “L-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-Unjoni f’materji ta’ ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”:

“1. Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, r-regoli tal-Unjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it- trademarks tal-UE u l-applikazzjonijiet għal trademarks tal-UE, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trademarks tal-UE u trade marks nazzjonali.

2. F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 124:

(a)      l-Artikoli 4 u 6, il-punti 1, 2, 3 u 5 tal-Artikolu 7 l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ma japplikawx;

(b)      l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 125(4) ta’ dan ir-Regolament;

(c)      id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 li huma applikabbli għal persuni domiċiljati fi Stat Membu għandhom ikunu applikabbli wkoll għal persuni li m’għandhomx domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.

[…]”

10      L-Artikolu 123 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “L-użu ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea]” jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

11      L-Artikolu 124 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni fuq ksur u validità”, huwa redatt kif ġej:

“Il-qrati tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a)      kull kawża ta’ ksur u — jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali — kawżi dwar theddida ta’ ksur ta’ trademarks tal-UE;

[…]

(d)       kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trademark tal-UE skont l-Artikolu 128.”

12      L-Artikolu 127 tal-imsemmi regolament, intitolat “Preżunzjoni ta’ validità — Id-difiża fir-rigward tal-merti”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tat- trademarks tal-UE għandhom jikkunsidraw it- trademark tal-UE bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

[…]”

13      L-Artikolu 128 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Kontrotalbiet” jipprevedi:

“1. Kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament.

2. Il-qorti għat-trademarks tal-UE għandha tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

[…]

4. Il-qorti għat-trademarks tal-UE li permezz tagħha kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trademark tal-UE tkun ġiet ippreżentata ma għandhiex tipproċedi b’eżami tal-kontrotalba, sakemm jew il-parti interessata jew il-qorti tkun infurmat lill-[EUIPO] bid-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba. L-[EUIPO] għandu jirreġistra dik l-informazzjoni fir-Reġistru. Jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trademark tal-UE tkun diġà ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba, il-qorti għandha tkun infurmata b’dan mill-[EUIPO] u twaqqaf il-proċedimenti skont l-Artikolu 132(1) sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tkun finali jew sakemm l-applikazzjoni tiġi rtirata.

[…]

6.      Fejn qorti għat-trademarks tal-UE tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trademark tal-UE, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-[EUIPO] mingħajr dewmien, jew mill-qorti jew minn kwalunkwe parti fil-proċedimenti nazzjonali. L-[EUIPO] jew kwalunkwe parti interessata oħra tista’ titlob informazzjoni dwar tali trasmissjoni. L-[EUIPO] għandu jsemmi s-sentenza fir-Reġistru u għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-parti operattiva tiegħu.

7.      Il-qorti għat-trademarks tal-UE li tkun qiegħda tismal-kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tissospendi l-proċedimenti meta jsir rikors mill-proprjetarju ta’ trademark tal-UE u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn u tista’ titlob lill-konvenut sabiex jippreżenta applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lill-Uffiċċju fi żmien stabbilit minnha. Jekk l-applikazzjoni ma tiġix preżentata fiż-żmien stipulat, il-proċedimenti għandhom jitkomplew; il-kontrotalba għandha titqies li ġiet irtirata. Artikolu 132(3) għandu japplika f’dan il-każ. Artikolu 132(3) għandu japplika f’dan il-każ.”

14      Skont l-Artikolu 129 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1. Il-qrati għat-trademarks tal-UE għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. Dwar il-kwistjonijiet kollha relattivi għat-trademarks mhux koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti rilevanti għat-trademark tal-UE għandha tapplika d-dritt nazzjonali.

3. Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti għat-trademarks tal-UE għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti.”

15      L-Artikolu 132 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċifiċi dwar il-konnessjoni”, jipprevedi:

“1. Qorti għat-trademarks tal-UE li tkun qiegħda tisma’ kawża msemmija fl-Artikolu 124, ħlief għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur għandha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddha u wara li tisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn, tissospendi il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trademark tal-UE tkun diġa’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti għat-trademarks tal-UE oħra fuq bażi ta’ kontrotalba jew jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun diġa’ ġiet ippreżentata l-[EUIPO].

2. L-[EUIPO], meta jkun qiegħed jisma’ applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu, sakemm ma jkunx hemm Raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddu wara li jisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li jisma’ lill-partijiet l-oħrajn, iwaqqaf il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trademark tal-UE tkun diġa’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti tat-trademarks tal-UE oħra fuq bażi ta’ kontrotalba. Madanakollu, jekk issir talba minn waħda mill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-qorti għat-trademarks tal-UE, il-qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti, tissospendi il-proċedimenti. F’dan il-każ l-[EUIPO] għandu jkompli l-proċedimenti li jkunu pendenti quddiemu.”

3. Meta l-qorti tat-trademarks tal-UE tissospendi l-proċedimenti hija tista’ tordna miżuri proviżorji u protettivi għal waqt il-perjodu tas-sospensjoni.”

 Iddritt Ġermaniż

16      Skont l-Artikolu 33(1) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), kontrotalba tista’ titressaq quddiem il-qorti adita b’azzjoni meta jkun hemm rabta ġuridika bejn is-suġġett tal-kontrotalba u s-suġġett tat-talba prinċipali jew l-eċċezzjonijiet ippreżentati kontra t-talba prinċipali.

17      Il-punt 2 tal-Artikolu 261(3) taz-ZPO, intitolat “Lis alibi pendens”, jipprevedi, li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti adita ma hijiex affettwata minn bidla fiċ-ċirkustanzi li fuqhom hija fondata din il-ġurisdizzjoni.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

18      KP hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Apfelzügle iktar ’il quddiem it- “trade mark ikkontestata”), irreġistrata fid‑19 ta’ Ottubru 2017 għal servizzi fil-klassijiet 35, 41 u 43 (4) fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Ma huwiex ikkontestat li t-terminu “Apfelzügle” jirreferi għal konvoj għall-ħsad tat-tuffieħ, magħmul minn diversi karrijiet miġbuda minn trattur.

19      Fis‑26 ta’ Settembru 2018, TV, li jopera razzett tal-frott, u l-komun ta’ Bodman-Ludwigshafen ippubblika informazzjoni promozzjonali dwar attività ta’ ħsad u ta’ ħatt tat-tuffieħ fil-kuntest ta’ ċirkwit f’Apfelzügle.

20      KP għalhekk ressqet azzjoni għal ksur tat-trade mark quddiem il-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali, ta’ München, il-Ġermanja), li fiha talbet li TV u l-Komun ta’ Bodman-Ludwigshafen jiġu pprojbiti milli jużaw it-terminu “Apfelzügle” għas-servizzi koperti minn dik it-trade mark. Quddiem din l-istess qorti, TV u l-komun ta’ Bodman-Ludwigshafen ippreżentaw kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), (c) u (d) tiegħu.

21      Waqt is-seduta quddiem il-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München), KP irtirat l-azzjoni għal ksur.

22      TV u l-komun ta’ Bodman-Ludwigshafen żammew il-kontrotalbiet tagħhom minkejja din ir-rinunzja għall-atti, il-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München), permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2020, qieset li dawn it-talbiet kienu ammissibbli, iddikjarat l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi fil-klassi 41 u ċaħdet il-kumplament tal-imsemmija talbiet.

23      Il-Komun ta’ Bodman-Ludwigshafen appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata anki fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 43.

24      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha tevalwa preliminarjament l-ammissibbiltà tal-kontrotalbiet ippreżentati mill-konvenuti fid-dawl tar-rinunzja ta’ KP, billi tirrileva li hija ma hijiex marbuta fuq dan il-punt mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.

25      F’dan ir-rigward, billi tinvoka s-sens u l-iskop tal-kontrotalba prevista mir-Regolament 2017/1001, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-possibbiltà għal qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi fuq tali kontrotalba meta jkun hemm rinunzja għall-azzjoni għal kontrafazzjoni li sussegwentement għaliha tkun tressqet il-kontrotalba.

26      B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tfakkar li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea hija att ta’ korp tal-Unjoni Ewropea u li l-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jannullaw dawn l-atti, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni espressament prevista, bħal dik tal-preżentata ta’ kontrotalba, fatt li, barra minn hekk, huwa kkonfermat fl-Artikolu 128(7) tar-Regolament 2017/1001. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-EUIPO għandu, f’dan il-qasam, “ġurisdizzjoni fil-prinċipju”, li tingħata “bħala prijorità”. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2017/1001.

27      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-duttrina tal-maġġoranza Ġermaniża, każ bħal dak inkwistjoni ma jaqax taħt ir-Regolament 2017/1001, iżda, skont l-Artikolu 129(3) ta’ dan ir-regolament, taħt ir-regoli li jirregolaw il-proċedura ċivili Ġermaniża u, b’mod iktar partikolari, tal-punt 2 tal-Artikolu 261(3) taz-ZPO, li jipprovdi li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-trade marks stabbilita minħabba t-tressiq ta’ kontrotalba hija indipendenti mill-eżitu tal-azzjoni għal kontrafazzjoni u għalhekk ma tistax tisparixxi fil-każ li din tal-aħħar tiġi rrinunzjata.

28      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, in-neċessità li jingħata possibbiltà li jiddefendi ruħu għall-konvenut ma tibqax teżisti meta, minħabba rinunzja għall-atti, ma jkunx hemm iktar lok għall-qorti tat-trade marks tal-Unjoni li tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal kontrafazzjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Raimund (C‑425/16, EU:C:2017:776). Għalhekk, id-dritt proċedurali nazzjonali għandu japplika biss sakemm rikors previst mid-dritt tal-Unjoni jkun pendenti. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma timponix fuq ir-rikorrenti oneru eċċessiv u sproporzjonat, peress li din dejjem ikollha l-possibbiltà li tressaq kawża quddiem l-EUIPO skont l-Artikolu 63 tar-Regolament 2017/1001.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 124(d) u l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni sostnuta permezz ta’ kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 128 ta’ dan ir-regolament anki wara li l-kawża ta’ ksur ta’ trade mark ibbażata fuq din it-trade mark tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 124(a) tkun ġiet irtirata?”.

 Fuq iddomanda preliminari

30      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 124(a) u (d) u l-Artikolu 128 tar-Regolament 2017/1001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, adita b’azzjoni għal kontrafazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni li l-validità tagħha hija kkontestata permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tibqa’ kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ din it-trade mark, minkejja l-irtirar tal-azzjoni prinċipali.

31      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu ppreċiżati s-sens u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċett ta’ “kontrotalba”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-intier tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Zinātnes parks, C‑347/20, EU:C:2022:59, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, ir-Regolament 2017/1001 ma jinkludix riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata li għandu jingħata lil dan il-kunċett. L-imsemmi kunċett għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli), C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001 għar-regoli proċedurali nazzjonali, għalkemm dan ir-regolament “ma tipprovdix mod ieħor”, ma jistax jikkontradixxi din il-konstatazzjoni.

35      Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li l-imsemmi regolament ma għandux il-kwistjoni dwar jekk kontrotalba tissussisti minkejja r-rinunzja tal-azzjoni għal kontrafazzjoni li sussegwentement tressqet. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi preċiżament mill-portata li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jattribwixxi għal dan ir-rimedju legali.

36      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontrotalba” fir-Regolament 2017/1001, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan normalment jinftiehem, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jikkorrobora l-kliem użat, b’mod partikolari, fil-verżjonijiet tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta’ dan ir-regolament bil-lingwa Daniża (Modkrav), bil-lingwa Ġermaniża (Widerklage) u bil-lingwa Griega (ανταγωγή), bl-Ingliż (counterclaim), bħala li jirreferi għal kontrorikors ippreżentat mir-rikorrent quddiem l-istess qorti.

37      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok, l-ewwel, li jiġi rrilevat li, kif tiddikjara l-premessa 32 tar-Regolament 2017/1001, l-Artikolu 122 tiegħu jirrendi r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali applikabbli għall-proċeduri li jikkonċernaw it-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “kontrotalba”, fis-sens tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi interpretat b’mod koerenti ma’ dawn ir-regoli u mal-ġurisprudenza relatata magħhom.

38      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza dwar is-sistema maħluqa mill-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], kif emendata u riprodotta sussegwentement, suċċessivament, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 42) u mir-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li kontrotalba ma għandhiex tiġi konfuża ma’ sempliċi difiża ta’ difiża. Għalkemm ippreżentata fil-kuntest ta’ proċess mibdi permezz ta’ rimedju legali ieħor, din hija talba separata u awtonoma, li l-ipproċessar proċedurali tagħha huwa indipendenti mit-talba prinċipali u li tista’, għalhekk, titkompla anki jekk l-applikant prinċipali jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec, C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fid-dawl ta’ dak li għadu kif ġie espost, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “kontrotalba” fis-sens tar-Regolament 2017/1001, għandu jinftiehem bħala rimedju legali li jibqa’, ċertament, ikkundizzjonat mit-tressiq ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni u li huwa, konsegwentement, marbut ma’ din tal-aħħar. Madankollu, dan ir-rimedju legali huwa intiż sabiex jestendi s-suġġett tal-kawża u sabiex tiġi rrikonoxxuta pretensjoni distinta u awtonoma tat-talba prinċipali, b’mod partikolari sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkonċernata.

40      Għalhekk, billi timplika l-estensjoni tas-suġġett tal-kawża u minkejja din ir-rabta bejn ir-rikors prinċipali u l-kontrotalba, din tal-aħħar issir awtonoma u teżisti fil-każ ta’ rinunzja għar-rikors prinċipali. Għaldaqstant, il-kontrotalba tiddistingwi ruħha minn sempliċi motiv ta’ difiża u d-destin tagħha ma jiddependix minn dak tal-azzjoni għal kontrafazzjoni li matulha tressqet.

41      It-tieni, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li, bl-użu tal-espressjoni “kontrotalba” fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni li jagħtiha tifsira u portata identika għal dawk li ġew speċifikati fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza.

42      Ċertament, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-imsemmi regolament jirriżerva għall-EUIPO ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ oppożizzjoni għal din ir-reġistrazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs L-EUIPO, C-226/15 P, EU:C:2016:582, punt 50). Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-validità ta’ dawn it-trade marks. Jekk l-istess regolament jagħżel, bħala prinċipju, iċ-ċentralizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u għal revoka quddiem l-EUIPO, dan il-prinċipju huwa madankollu mtaffi u l-ġurisdizzjoni sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità jew ir-revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet attribwita, skont l-Artikoli 63 u 124 tar-Regolament 2017/1001, b’mod kondiviż, lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, indikati mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 123(1) tiegħu, u lill-EUIPO (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Celaya Emparanza y Galdos International, C‑488/10, EU:C:2012:88, punt 48).

43      F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-portata eżatta ta’ dan it-tqassim ta’ ġurisdizzjoni, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ġurisdizzjoni mogħtija lil dawn il-qrati tat-trade marks tikkostitwixxi l-applikazzjoni diretta ta’ regola ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista mir-Regolament 2017/1001 u għalhekk ma tistax titqies li tikkostitwixxi “eċċezzjoni” għall-ġurisdizzjoni tal-EUIPO f’dan il-qasam.

44      Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni inkwistjoni hija eżerċitata skont il-prinċipju ta’ prijorità tal-istanza adita. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 132(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001 u “sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ”, hija l-ewwel istanza adita b’kawża dwar il-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li għandha ġurisdizzjoni f’dan il-qasam.

45      Il-fatt li, skont l-Artikolu 128(7) tar-Regolament 2017/1001, il-proprjetarju ta’ trade mark li l-validità tagħha hija kkontestata quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ kontrotalba jista’ jiżgura li d-deċiżjoni dwar il-validità ta’ din it-trade mark tittieħed fi tmiem proċedura quddiem l-EUIPO ma jikkontestax dan il-prinċipju ta’ prijorità. Kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, din tirrikonoxxi sempliċi possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura, peress li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tiddeċiedi dwar il-kontrotalba.

46      L-istess japplika fir-rigward tal-każ imsemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 132 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemha biss jekk talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni tkun diġà tressqet quddiem l-EUIPO qabel il-preżentata tal-kontrotalba, konformement mal-Artikolu 128(4) tal-imsemmi regolament.

47      Għalhekk, fid-dawl tas-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni deskritta fil-punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament 2017/1001 li, konformement mal-premessa 4 u mal-Artikolu 1(2) tiegħu, jistabbilixxi n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bħall-EUIPO, jagħti lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, abbażi tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq talbiet rikonvenzjonali, ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-validità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

48      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet dwar il-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom effett erga omnes fl-Unjoni kollha, kemm meta jkunu joriġinaw mill-EUIPO kif ukoll meta jingħataw fuq kontrotalba mressqa quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Raimund, C‑425/16, EU:C:2017:776, punti 28 u 29).

49      Dan l-effett erga omnes huwa kkonfermat fl-Artikolu 128(6) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tittrażmetti kopja tad-deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata fuq kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO li għandha tirreġistra din id-deċiżjoni fir-reġistru u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożittiv tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Raimund, C‑425/16, EU:C:2017:776, punt 30).

50      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea dwar azzjoni għal kontrafazzjoni tgawdi biss minn effikaċja inter partes, b’tali mod li, ladarba tkun saret definittiva, din id-deċiżjoni torbot biss lill-partijiet li jkunu ħadu sehem f’din l-azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Raimund, C‑425/16, EU:C:2017:776, punt 31).

51      Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet li tali qorti hija obbligata tiddeċiedi dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li tressaq konformement mal-Artikolu 128(1) tar-Regolament 2017/1001, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ din trade mark, fis-sens tal-Artikolu 124(a) ta’ dan ir-regolament, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi dwar din l-aħħar azzjoni li għaliha hija invokata l-istess raġuni assoluta ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Raimund, C‑425/16, EU:C:2017:776, punti 33 u 34).

52      Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-sistema li tirregola l-kontrotalba, interpretazzjoni ta’ dan ir-rimedju legali awtonomu li għandu l-għan li jevalwa l-validità tat-trade marks tal-Unjoni fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni jista’, billi jirtira l-azzjoni għal kontrafazzjoni tiegħu, iċċaħħad lill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea mill-possibbiltà li tiddeċiedi fuq il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa fil-kuntest ta’ din l-azzjoni twassal sabiex tiġi injorata l-portata tal-ġurisdizzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk mill-istruttura ġenerali tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li tali talba tibqa’ teżisti f’każ li r-rikors prinċipali jiġi rtirat.

53      Fl-aħħar, fit-tielet lok, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kontrotalba”, fis-sens tar-Regolament 2017/1001, kif ippreċiżati fil-punti 39 u 52 ta’ din is-sentenza, huma kkonfermati mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/1001.

54      Minn naħa, mill-ġurisprudenza dwar is-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968, kif emendata u riprodotta sussegwentement mir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012, jirriżulta li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-possibbiltà li titressaq kontrotalba tippermetti lill-partijiet jirregolaw, matul l-istess proċedura u quddiem l-istess qorti, il-pretensjonijiet reċiproċi kollha tagħhom li għandhom oriġini komuni u, b’dan il-mod, hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tipprevjeni l-proċeduri superfluwi u multipli, li jimplikaw riskju ta’ sentenzi kontradittorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy, C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif jirriżulta mill-premessa 32 tar-Regolament 2017/1001, tali għanijiet huma koperti mis-sistema prevista minn dan ir-regolament fl-intier tiegħu u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikoli 124 u 128 tiegħu.

55      Minn dan isegwi li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jimplika li qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talba mressqa mill-konvenut għal azzjoni għal kontrafazzjoni permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkonċernata, minkejja r-rinunzja tal-azzjoni prinċipali.

56      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-parti li tkun ressqet kontrotalba tiġi mġiegħla tibda proċedimenti quddiem l-EUIPO f’każ li r-rikorrent prinċipali jirtira sabiex jiżgura li ma jkollux iktar jiddefendi ruħu, fil-futur, quddiem dan tal-aħħar imur kontra l-prinċipju ta’ ekonomija proċedurali.

57      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrotalba” fis-sens li, fil-każ ta’ rinunzja għall-azzjoni prinċipali, ma jkunx iktar possibbli, għal qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, li tiddeċiedi kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, billi jirtira minn proċedimenti għal kontrafazzjoni li huwa stess ikun beda, ikompli juża, jekk ikun il-każ b’mala fide, trade mark tal-Unjoni Ewropea li jista’ jkun ġiet irreġistrata bi ksur tar-raġunijiet assoluti għal rifjut tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2017/1001. Issa, tali sitwazzjoni tikkomprometti t-twettiq effettiv tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ April 2015, Castel Frères vs EUIPO, C‑622/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:297, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 124 (a) u (d) kif ukoll l-Artikolu 128 tar-Regolament 2017/1001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, adita b’azzjoni għal kontrafazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea li l-validità tagħha hija kkontestata permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tibqa’ kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ din it-trade mark, minkejja l-irtirar tal-azzjoni prinċipali.

 Fuq lispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 124(a) u (d) kif ukoll l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, adita b’azzjoni għal kontrafazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea li l-validità tagħha hija kkontestata permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tibqa’ kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ din it-trade mark, minkejja l-irtirar tal-azzjoni prinċipali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.