Language of document : ECLI:EU:T:2024:332

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

29 ta’ Mejju 2024 (*)

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali tar-Regolament Nru 806/2014 – Artikolu 114 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑360/21,

Portigon AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Bliesener, V. Jungkind u C. van Kampen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja li tinsab fi proċess ta’ żmantellament. Hija għad għandha ċerti awtorizzazzjonijiet sabiex twettaq tranżazzjonijiet bankarji u tipprovdi servizzi finanzjarji, bħal tranżazzjonijiet ta’ depożiti u ta’ kreditu u servizzi ta’ ħlas. Madankollu, hija għadha tgawdi minn dawn l-awtorizzazzjonijiet biss sabiex l-iżmantellament tagħha jitwettaq b’mod ordnat.

3        Fost it-tranżazzjonijiet imwettqa għal dan il-għan huma, b’mod partikolari, rilevanti għal din il-kawża dawk li jinvolvu lil Erste Abwicklungsanstalt (iktar ’il quddiem l-“EAA”).

4        L-EAA twaqqfet bis-saħħa tal-Finanzmarktstabilisierungsfondsgesetz (il-Liġi li tistabbilixxi Fond ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji) tas‑17 ta’ Ottubru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1982), għall-finijiet tal-iżmantellament u tal-protezzjoni ta’ parti mit-tranżazzjonijiet bankarji tar-rikorrenti.

5        Ir-rikorrenti ttrasferixxiet parti kbira mill-attiv u mill-passiv tagħha lill-EAA għall-finijiet tal-iżmantellament tagħha. Parti minn dan l-attiv u minn dan il-passiv ġiet effettivament ittasferita lill-EAA permezz ta’ diviżjoni. Din il-parti mill-attiv u mill-passiv ma għadhiex imniżżla fil-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti.

6        Parti oħra mill-attiv u mill-passiv tar-rikorrenti ma kinitx is-suġġett ta’ din id-diviżjoni, iżda biss ta’ trasferiment imsejjaħ “ekonomiku” jew ta’ garanzija min-naħa tal-EAA. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti kkonkludiet mal-EAA ftehimiet intiżi sabiex jiġu ttrasferiti r-riskji lil din tal-aħħar, filwaqt li hija baqgħet is-sid effettiv ta’ din il-parti mill-attiv u mill-passiv tagħha.

7        L-attiv u l-passiv tar-rikorrenti li kienu biss is-suġġett ta’ trasferiment ekonomiku lill-EAA jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi tal-portafoll ta’ strumenti derivattivi barra mill-borża (over-the-counter derivatives) (iktar ’il quddiem il-“portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC”). Dan tal-aħħar huwa essenzjalment magħmul, minn naħa, minn drittijiet u obbligi tar-rikorrenti mnissla minn, jew marbuta ma’, ċerti strumenti derivattivi u, min-naħa l-oħra, minn garanziji li jiggarantixxu l-krediti li jirriżultaw minn dawn l-istrumenti derivattivi.

8        Ir-rikorrenti għandha r-responsabbiltà legali u regolatorja tal-amministrazzjoni tal-attiv tal-portafoll tal-EAA li ma ġewx effettivament ittrasferiti lil din tal-aħħar permezz ta’ diviżjoni. Peress li l-EAA ma tistax, hija stess, tagħmel użu minn dan l-attiv, ir-rikorrenti tamministrah bħala mandatarju fiduċjarju bis-saħħa ta’ kuntratti konklużi mal-EAA. Ir-rikorrenti qiegħda tintervjeni f’isimha stess, iżda skont l-istruzzjonijiet u għan-nom tal-EAA.

9        Sakemm jitwettqu jew jiġu ttrasferiti lill-EAA, l-elementi tal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC għandhom jidhru fil-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti bħala attiv jew passiv fiduċjarju.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għall‑2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021”) tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), moqrija flimkien, fosthom ir-rikorrenti.

11      Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal‑21 ta’ April 2021, il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin, l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja), fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”), fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordna lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif kienet ġiet iddeterminata mis-SRB.

12      Ir-rikorrenti, minn naħa, u s-SRB u l-BaFin, min-naħa l-oħra, ma humiex jaqblu fir-rigward tal-elementi li għandhom jintużaw sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li, f’dan ir-rigward, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-passiv li jagħmel parti mill-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC u li hija ma tagħmilx parti minn grupp li ġie rristrutturat wara li rċieva għajnuna mill-Istat jew finanzjament ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44). Is-SRB u l-BaFin iqisu, għall-kuntrarju, li l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għandha tiġi kkalkolata abbażi tat-total tal-karta tal-bilanċ tagħha u li r-rikorrenti hija istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni.

[omissis]

IV.    Iddritt

[omissis]

A.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014, tadDirettiva 2014/59 u tarRegolament Delegat 2015/63

1.      Fuq lewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità

34      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59, it-tieni nett, tressaq ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet nett, tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63.

35      Qabelxejn, għandhom jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, billi l-ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata huma evalwati fil-punti 337 sa 351 iktar ’il quddiem.

a)      Fuq lewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014 u tadDirettiva 2014/59

36      Ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, b’mod żbaljat, l-Artikolu 114(1) TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħhom.

37      Minn naħa, l-imsemmija atti ma għandhom ebda rabta mas-suq intern, peress li, kieku l-kontribuzzjonijiet ex ante kienu previsti fil-livell tal-Istati Membri, dawn ma jkunux jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tas-servizzi u lanqas ma jwasslu għal distorsjoni sinjifikattiva fil-kompetizzjoni.

38      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex awtorizzat jibbaża s-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq l-Artikolu 114(1) TFUE, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet jaqgħu taħt “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE. B’mod partikolari, il-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Artikolu 114(2) TFUE juru li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jmur lil hinn mill-kunċett ta’ “taxxa”. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 113 jew 115 TFUE sabiex jistabbilixxi l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante.

39      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argumenti.

40      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut tal-att (ara l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36).

41      L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom bħala għan it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 100).

42      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta joħroġ ċar oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar ikollu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jitwaqqaf u jiffunzjona s-suq intern (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/59, jirriżulta, b’mod partikolari, li dawn l-atti ġew adottati f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, li wriet, fil-kuntest tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju li joħolqu l-istituzzjonijiet f’diffikultajiet finanzjarji, ħaġa li ġiegħlet lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex jgħinu lil tali istituzzjonijiet.

44      Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta wkoll li din il-kriżi wriet it-theddid għall-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi bankarji u r-riskju ta’ frammentazzjoni finanzjarja li kulma jmur jiżdied. Dan kien tassew sors ta’ inkwiet fi ħdan is-suq intern li fih il-banek kellhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu attivitajiet transkonfinali sinjifikattivi, minkejja li kien ġie kkonstatat tnaqqis f’dawn l-attivitajiet, marbut ma’ biża’ ta’ kontaġju.

45      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 2 sa 4 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2014/59, li d-diverġenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni u fil-prassi amministrattivi korrispondenti, kif ukoll l-assenza ta’ proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni f’unjoni bankarja wasslu sabiex is-sistemi bankarji nazzjonali jitilfu l-fiduċja f’dawk tal-Istati Membri l-oħra, inklużi l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fis-SRM, u kkontribwixxew għall-instabbiltà tas-suq billi ma ggarantixxew ebda prevedibbiltà dwar x’jiġri fil-każ li jfalli bank. Dawn id-diverġenzi setgħu wasslu wkoll għal spejjeż ta’ self ogħla għal ċerti banek u għall-klijenti tagħhom sempliċement minħabba l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn il-banek u indipendentement mis-solvenza effettiva tagħhom.

46      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-premessi 9 u 19 tar‑Regolament Nru 806/2014, enfasizza l-fatt li sakemm il-leġiżlazzjonijiet u l-prassi fil-qasam tar-riżoluzzjoni, kif ukoll il-modalitajiet ta’ qsim tal-piżijiet, ma jaqbżux il-livell nazzjonali u sakemm ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-finanzjament tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni jibqgħu jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, ir-rabta bejn l-Istati Membri u s-settur bankarju ma tinkisirx totalment u s-suq intern jibqa’ fframmentat. Din is-sitwazzjoni tirrestrinġi l-attivitajiet transkonfinali tal-banek, toħloq ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u xxekkel il-kompetizzjoni fis-suq intern.

47      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li tevita li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhomx l-istess livell ta’ kontroll fuq l-istituzzjonijiet jew ma jkollhomx l-istess kapaċità sabiex jipproċedu għar-riżoluzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, aspett li jista’ jinfluwenza b’mod varjabbli l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet minn Stat Membru għal ieħor, u b’hekk jostakola l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment li jagħtihom is-suq intern.

48      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Regolament Nru 806/2014 ifittex li jdgħajjef ir-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif interpretata, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, kif ukoll li jqiegħed ir-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu.

49      B’hekk, kif jindika l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex jiġi indirizzat it-theddid invokat fil-punti 43 sa 46 iktar ’il fuq.

50      Bl-istess mod, id-Direttiva 2014/59 tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli armonizzati u proċedura armonizzata għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-leġiżlatur tal-Unjoni deskritt fil-punti 43 sa 45 u 47 iktar ’il fuq.

51      Is-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali huma elementi essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura, li, kif jirriżulta mill-Artikoli 67 u 76 u mill-premessa 107 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mill-Artikoli 100 u 101 u mill-premessi 103, 104 u 108 tad-Direttiva 2014/59, jippermettu li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jiġu ffinanzjati l-għodod ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom.

52      Sabiex jiġu ggarantiti biżżejjed mezzi finanzjarji fis-SRF u fl-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ffinanzjati, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 43 sa 46 u 48 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet.

53      Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi jew armonizzati u tal-proċedura uniformi jew armonizzata ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. Ir-regoli li jiddeterminaw l-imsemmija kontribuzzjonijiet jippermettu, min-naħa tagħhom, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 19 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2014/59, li jiġi evitat li prassi nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq intern.

54      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet li fihom jitwaqqaf u jiffunzjona s-suq intern.

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 114(1) TFUE, li l-att tal-Unjoni kkonċernat għandu jinkludi miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 4 tad-Direttiva 2014/59, minn naħa, li ma kienx hemm proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li kien hemm differenzi sostanzjali u proċedurali kbar bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirregolaw l-insolvenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri.

56      F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq regoli u proċedura uniformi, fil-livell tal-unjoni bankarja, u armonizzati, fil-livell tal-Istati Membri, għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, kif ukoll proċedura uniformi għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn il-proċeduri, kif ġie spjegat fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(1) TFUE.

58      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqiesu bħala “dispożizzjonijiet fiskali” u ma humiex, għalhekk, koperti mill-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114(2) TFUE.

59      L-Artikolu 114(2) TFUE jipprevedi li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax, b’mod partikolari, għad-“dispożizzjonijiet fiskali”.

60      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-frażi “dispożizzjonijiet fiskali”, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma fihx definizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63).

61      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li imposta mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma tkunx ta’ natura fiskali fejn, b’mod partikolari, hija tkun direttament allokata biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż ikunu neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, EU:C:1989:303, punti 9 u 10).

62      Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur.

63      B’hekk, fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet ex ante, diġà ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 kienu ġew adottati f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja li kienet uriet, fil-kuntest tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju li joħolqu l-istituzzjonijiet f’diffikultajiet finanzjarji, ħaġa li ġiegħlet lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex jgħinu lil tali istituzzjonijiet. L-għan tas-SRM huwa li jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet li seħħew waqt tali kriżijiet, peress li l-falliment tal-istituzzjonijiet fi Stat Membru wieħed jista’ jqiegħed f’periklu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji kollha kemm huma, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014. L-istess japplika għad-Direttiva 2014/59, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 5 tagħha.

64      F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa s-settur finanzjarju kollu kemm hu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 100 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 103 tad-Direttiva 2014/59.

65      Fid-dawl ta’ dan, in-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti, kif jixhdu l-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u l-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

66      Konsegwentement, skont l-Artikolu 67(2) u (4) u l-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikoli 101 u 103 u l-premessa 49 tad-Direttiva 2014/59, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jinġabru mingħand l-operaturi ekonomiċi tas-settur finanzjarju sabiex isostnu s-SRF, li jista’ jintuża biss għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u tal-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni meta jirriżulta li tali miżuri jkunu neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja ta’ dan is-settur.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/59, il-miżuri msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq japplikaw biss għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet marbuta jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante.

68      Huwa minnu li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 ma jistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Din hija r-raġuni għaliex il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums tal-assigurazzjoni li jkunu jistgħu jitħallsu kull xahar u li jkunu jistgħu jiġu rrimborsati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 u 73).

69      Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’żewġ modi mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, li huma ffinanzjati speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom.

70      Minn naħa, f’sitwazzjoni fejn il-falliment tal-istituzzjonijiet tkun qiegħda sseħħ jew x’aktarx ser isseħħ, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favur tagħhom kemm‑il darba l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jew fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59 ikunu wkoll issodisfatti. B’hekk, tali proċedura tippermetti li jintużaw mezzi finanzjarji tas-SRF jew arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għall-benefiċċju ta’ tali istituzzjonijiet, peress li dawn il-mezzi jkunu ġew sostnuti mill-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

71      Min-naħa l-oħra, kull istituzzjoni tibbenefika mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, liema stabbiltà hija żgurata mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali.

72      Fil-fatt, ir-riskju kopert mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali huwa dak li s-settur finanzjarju kollu joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 72).

73      Dan ifisser li s-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali ifittxu, minn perspettiva ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, u mhux fiskali, li jiggarantixxu l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni kontra l-kriżijiet tiegħu stess għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha.

74      Dan l-iskop ta’ ordni ta’ assigurazzjoni huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn tal-aħħar ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi taxxabbli, iżda, skont l-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, imbagħad ta’ livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Dan it-tqassim tal-livell fil-mira annwali huwa bbażat, b’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 109 ta’ dan ir-regolament, fuq ir-riskju li kull istituzzjoni tirrappreżenta għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, ħaġa li tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

75      Mill-premess jirriżulta li l-istituzzjonijiet iħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, billi dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li jagħmlu parti minnu dawn l-istituzzjonijiet u billi jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh fil-każ ta’ falliment ta’ ċerti istituzzjonijiet u sabiex jillimitaw l-effetti ta’ kontaġju.

76      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u jispeċifikaw il-metodi li bihom dawn jiġi kkalkolati ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

77      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li, skont ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 114(2) TFUE, il-kliem “dispożizzjonijiet fiskali” għandu jkollu portata usa’.

78      Fil-fatt, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, l-istess importanza. Għalhekk, sabiex tiġi ppreżervata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li, fil-każ ta’ diverġenzi f’dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni kkonċernata tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      B’hekk, il-kliem użat f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ att partikolari ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dak l-att jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fid-dawl tal-premess, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq lewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tarRegolament Delegat 2015/63

81      Ir-rikorrenti tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63.

82      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante li kull istituzzjoni għandha tħallas approporzjon tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar u skont il-metodu stabbilit fl-Artikoli 4 sa 13 ta’ dan ir-regolament delegat.

83      L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika”, jindika, b’mod partikolari, il-passiv li huwa eskluż mill-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jelenka l-pilastri u l-indikaturi ta’ riskju li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwa l-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament delegat jispeċifika l-piż relattiv ta’ kull pilastru ta’ riskju u indikatur ta’ riskju li għandu jiġi applikat mis-SRB huwa u jevalwa l-profil ta’ riskju ta’ kull istituzzjoni.

84      L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa, min-naħa tiegħu, relatat mal-applikazzjoni tal-indikaturi ta’ riskju f’każijiet speċifiċi.

85      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika” [“Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju għall-kontribuzzjoni annwali bażika”], jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-multiplikatur ta’ aġġustament abbażi tal-indikaturi ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat skont il-formula u l-proċeduri spjegati fl-Anness I tal-imsemmi regolament delegat u jikkalkola l-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni billi jimmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika b’dan il-multiplikatur ta’ aġġustament, skont il-formula u l-proċeduri spjegati fl-Anness I ta’ dan l-istess regolament delegat.

86      Fl-aħħar nett, l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxi d-diversi stadji tal-proċedura li biha jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet.

1)      Fuq lewwel eċċezzjoni ta’ illegalità, fissens li rRegolament Delegat 2015/63 imur lil hinn millkompetenzi mogħtija lillKummissjoni midDirettiva 2014/59

87      Fil-fehma tar-rikorrenti, ir-Regolament Delegat 2015/63 imur lil hinn mil-limiti ddefiniti mid-Direttiva 2014/59, li hija l-att ta’ delega. Peress li l-kuntest ta’ din id-direttiva huwa stabbilit mill-Artikolu 114(1) TFUE, huwa pprojbit li att iddelegat jitbiegħed mill-kuntest iddefinit minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar u li japplika għal istituzzjonijiet li ma għandhom ebda relazzjoni mas-suq intern. Dan huwa l-każ tar-rikorrenti, li qiegħda fil-proċess li tiżmantella l-attivitajiet tagħha.

88      Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

89      Għandu jiġi rrilevat li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rikorrenti “ma għandha ebda relazzjoni mas-suq intern”.

90      Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti tinsab fi proċess ta’ żmantellament tal-attivitajiet tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-indikazzjonijiet tagħha stess, hija għadha twettaq tranżazzjonijiet bankarji u tipprovdi servizzi finanzjarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi u f’dan ir-rigward, hija tipparteċipa fil-kummerċ fi ħdan is-suq intern.

91      Sussegwentement, anki jekk jitqies li l-ilment tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni kienet marbuta teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63 l-istituzzjonijiet b’livell baxx ta’ attivitajiet fis-suq intern, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

92      Il-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi nazzjonali huma imposti abbażi tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

93      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mill-“istituzzjonijiet” fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59.

94      Mill-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li jagħmlu parti minn dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), li ma jinsabux fost l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

95      Issa, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, “istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser impriża li l-attività tagħha hija li tirċievi mingħand il-pubbliku depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li tagħti krediti f’isimha stess, u dan indipendentement mill-importanza ta’ dawn l-attivitajiet.

96      Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36 jeskludi ċerti entitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jeskludix istituzzjonijiet b’livell baxx ta’ attivitajiet fis-suq intern, bħal istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament.

97      Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 jissuġġetta lill-istituzzjonijiet kollha koperti minnu għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, indipendentement mill-intensità tal-attivitajiet tagħhom fis-suq intern.

98      Barra minn hekk, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li huwa l-bażi legali tar-Regolament Delegat 2015/63, ma jobbligax lill-Kummissjoni teżenta mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante ċerti istituzzjonijiet li, minħabba li jkunu qegħdin jiġu żmantellati, il-livell ta’ attivitajiet tagħhom fis-suq intern ikun wieħed baxx.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li r-Regolament 2015/63 jikser id-Direttiva 2014/59 minħabba li ma eżentax mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tali istituzzjonijiet ma jistax ħlief jiġi miċħud.

100    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Delegat 2015/63, kif ukoll mill-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 114 TFUE, jirriżulta li dawn l-atti ma jissuġġettawx għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ex ante istituzzjonijiet li jkunu fi proċess ta’ żmantellament u li ma jkunux f’kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra li joperaw fis-suq intern.

101    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 93, 94 u 98 iktar ’il fuq huwa ċar u preċiż fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan l-obbligu u tal-fatt li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu teżenta ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-punt 90 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti għadha teżerċita attivitajiet fis-suq intern.

102    Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ittieni eċċezzjoni ta’ illegalità, fissens li rRegolament Delegat 2015/63 jikser elementi essenzjali tadDirettiva 2014/59

103    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċess li bih tfassal il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jikser dispożizzjoni essenzjali tad-Direttiva 2014/59, jiġifieri l-Artikolu 103(7) tagħha.

104    Dan il-ksur jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedi ebda tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, il-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet, bħalma hija r-rikorrenti, li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti.

105    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

106    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, hija u teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta hija tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Dan huwa l-każ fir-rigward tal-mod li bih jiġu ffissati l-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju, konformement mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

109    F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessa 114 tad-Direttiva 2014/59, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-mod kif il-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati għall-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni approporzjon tal-profil ta’ riskju tagħhom.

110    Fid-dawl ta’ dan, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tispeċifika li, sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet u titħeġġeġ l-adozzjoni ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiddependu mir-riskju tal-kreditu, tal-attiv likwidu u tas-suq tal-istituzzjonijiet.

111    Mill-premess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tfassal regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet fid-dawl ta’ żewġ għanijiet marbutin flimkien, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi riskji li joħolqu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, ta’ natura bankarja jew, b’mod iktar wiesa’, ta’ natura finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, li tħeġġeġ lil dawn l-istess istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

112    Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission 2 level legislation on risk based contributo the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC insostenn tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji għall-fond ta’ riżoluzzjoni (uniku), iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku tal-JRC”), u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the calculation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodu propost għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet), it-tfassil ta’ tali regoli kien jinvolvi evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni inkwantu din tal-aħħar kellha teżamina d-diversi elementi li fid-dawl tagħhom kienu ġew ikkunsidrati t-tipi differenti ta’ riskju fis-setturi bankarji u finanzjarji.

113    Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni kellha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tadotta, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, ir-regoli li jippreċiżaw il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk din tal-aħħar marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60).

115    Konsegwentement, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat b’tali nuqqasijiet.

116    F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-punti 92 sa 97 iktar ’il fuq jirriżulta li d-Direttiva 2014/59 ma tipprevedi ebda eżenzjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma negliġibbli. Lanqas ma hija prevista eżenzjoni simili fir-Regolament Nru 806/2014.

117    Bl-istess mod, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma pprevedew, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, xi eżenzjoni fir-rigward ta’ ċertu passiv tal-istituzzjonijiet, bħall-passiv miżmum fiduċjarjament.

118    B’hekk, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, kull istituzzjoni hija, bħala prinċipju, suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ex ante u kull passiv ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, sabiex jiġu kkalkolati dawn il-kontribuzzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti.

119    Tali approċċ jaqbel mal-loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni tas-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li abbażi tagħha s-settur finanzjarju kollu għandu jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Fil-fatt, skont din il-loġika, l-istituzzjonijiet kollha, inklużi dawk li l-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom hija allegatament iktar dgħajfa fir-rigward tal-passiv miżmum minnhom, jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja żgurata mis-SRF.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kienet marbuta teskludi mis-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-istituzzjonijiet li għandhom passiv miżmum fiduċjarjament jew li hija kienet obbligata teskludi tali passiv mill-imsemmija sistema, u dan għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar joħloq riskju iktar baxx jew li istituzzjoni li għandha l-imsemmi passiv għandha inqas probabbiltà ta’ riżoluzzjoni jew inqas importanza għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

121    Sussegwentement, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni ex ante għandha tiġi aġġustata skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. B’hekk, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni hija awtorizzata tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-modalitajiet ta’ dan l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-imsemmija istituzzjonijiet.

122    Għal dan il-għan, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali aġġustament. Issa, minkejja li l-“espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni”, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni tkun suġġetta għal riżoluzzjoni” u l-“importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew iktar jew tal-Unjoni” jinsabu fost dawn il-fatturi, b’tali mod li l-Kummissjoni hija marbuta teħodhom inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ att iddelegat, bħalma huwa r-Regolament Delegat 2015/63, dawn jikkostitwixxu biss tlieta mit-tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni hija u tfassal tali att.

123    Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 li jindika li l-Kummissjoni hija marbuta tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-imsemmija fatturi.

124    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, it-tliet fatturi li tirreferi għalihom ir-rikorrenti fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tagħha, jiġifieri l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, ittieħdu tabilħaqq inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, b’tali mod li s-sitwazzjoni partikolari ta’ tali istituzzjonijiet hija riflessa fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 kien ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew li, bl-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni marret manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, il-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet, bħalma hija r-rikorrenti, li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma allegatament tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti.

126    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedi ebda mekkaniżmu li jieħu inkunsiderazzjoni mudell ta’ impriża b’riskju partikolarment baxx u dan jintwera mill-fatt li, skont l-Artikolu 6(6)(a) ta’ dan ir-regolament delegat, il-“mudell ekonomiku globali” ta’ istituzzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss mis-SRB sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni kkonċernata.

127    Fil-fatt, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni, meta tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta din id-dispożizzjoni, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fil-punti (a) sa (h) tal-imsemmija dispożizzjoni, sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”. Issa, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) ta’ din id-direttiva li jobbligaha tipprevedi pilastru jew indikatur ta’ riskju li fil-kuntest tiegħu l-mudell ta’ impriża ta’ istituzzjoni jista’, bħala tali, iwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ din tal-aħħar.

128    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, id-diversi pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod immirat, diversi karatteristiċi ta’ mudell ta’ impriża b’riskju baxx, b’tali mod li istituzzjoni li jkollha tali mudell tiġi suġġetta għal kontribuzzjoni ex ante inqas għolja.

129    Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq ittielet eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażata fuq issuddelega ta’ setgħa lisSRB

130    Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 jikser l-Artikolu 290(1) TFUE, peress li l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti lis-SRB is-setgħa li jiddetermina indikaturi ta’ riskju addizzjonali. Issa, mill-Artikolu 290(1) TFUE u mill-Artikolu 103(7)(d) tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet skont il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħhom u li l-Kummissjoni ma tistax tissuddelega din is-setgħa.

131    Din l-illegalità tar-Regolament Delegat 2015/63 la tista’ tiġi rrimedjata mill-Artikolu 6(5) sa (8) ta’ dan l-istess regolament delegat, li permezz tiegħu ġew stabbiliti dettalji dwar id-determinazzjoni ta’ diversi sottoindikaturi ta’ riskju, u lanqas mill-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament delegat, li jipprevedi sistema li permezz tagħha jiġu mwieżna s-sottoindikaturi ta’ riskju.

132    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

133    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan l-ilment huwa ineffettiv, peress li r-Regolament Delegat 2015/63, ikkunsidrat waħdu, ma huwiex indirizzat lis-SRB, iżda huwa indirizzat biss lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u li huwa biss bis-saħħa tar-regola stabbilita fl-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 li s-SRB huwa marbut bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2015/63.

134    Huwa minnu li r-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u li, b’hekk, l-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament delegat huwa, inizjalment, indirizzat biss lill-ANR. Kien biss permezz tal-Artikolu 70(6) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdu li l-atti ddelegati adottati taħt l-imsemmi Artikolu 103(7) japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante bis-saħħa tar-Regolament Nru 806/2014, u li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu jitqies bħala ANR huwa u jwettaq funzjonijiet u jeżerċita setgħat fdati lill-ANR bis-saħħa ta’ din id-direttiva, li din id-dispożizzjoni ġiet estiża għas-SRB.

135    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni jista’ jinftiehem fis-sens li s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63 ġew fdati lis-SRB mhux b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-Regolament Delegat 2015/63, iżda b’deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li tinsab fir-Regolament Nru 806/2014. B’hekk, din ma hijiex suddelega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB, iżda delega diretta tal-leġiżlatur tal-Unjoni lis-SRB f’att leġiżlattiv.

136    Madankollu, tali konklużjoni ma hijiex kompatibbli mal-kronoloġija tal-adozzjoni tal-atti inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ġie adottat qabel ir-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 806/2014 ġie adottat fil‑15 ta’ Lulju 2014, jiġifieri xahrejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/59, kien biss fil‑21 ta’ Ottubru 2014 li ġie adottat ir-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara.

137    Dan ifisser, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jikkonvalida l-għoti eventwali lis-SRB, permezz tar-Regolament Delegat 2015/63, ta’ parti mis-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet tabilfors konxja, fil-mument li fih ġie adottat ir-Regolament Delegat 2015/63, li, meta hija fdat – bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament – ċerti setgħat lill-“awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni”, hija fdat dawn is-setgħat, fir-rigward tal-Istati Membri li għalihom kien indirizzat ir-Regolament Nru 806/2014, lis-SRB.

138    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kienet ben konxja ta’ dan huwa kkonfermat mill-kliem tal-premessa 7 tar-Regolament Delegat 2015/63, li tgħid li l-“kunċett ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni taħt dan ir-[regolament delegat] jinkludi wkoll [is-SRB]”.

139    Id-deċiżjoni li ċerti setgħat jiġu fdati lis-SRB fil-kuntest tal-pilastru ta’ riskju “indikaturi ta’ riskju addizzjonali li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni” (iktar ’il quddiem il-“pilastru ta’ riskju IV”) – u dan indipendentement min-natura tagħhom – tirriżulta għalhekk minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, liema deċiżjoni ttieħdet meta hija adottat ir-Regolament Delegat 2015/63.

140    Sussegwentement, għandha tiġi analizzata n-natura tas-setgħat mogħtija lis-SRB sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni ddelegatlux setgħat skont l-Artikolu 290(1) TFUE.

141    Skont l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-pilastru ta’ riskju IV huwa magħmul mill-indikaturi ta’ riskju addizzjonali li għandhom jiġu ddeterminati mill-ARN.

142    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-pilastru ta’ riskju IV huwa magħmul minn tliet indikaturi ta’ riskju, jiġifieri, l-ewwel wieħed, l-“[a]ttivitajiet ta’ negozjar, skoperturi barra l-karta bilanċjali [off-balance sheet exposure], derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, it-tieni wieħed, is-“[s]ħubija fi Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali” u, it-tielet wieħed, id-“[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

143    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni, huwa u jiddetermina dawn l-indikaturi ta’ riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f’riżoluzzjoni u [l]-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”.

144    Mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ evalwazzjoni lis-SRB fir-rigward tal-mod kif dan tal-aħħar għandu “jqis”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmija indikaturi ta’ riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f’riżoluzzjoni u [l]-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”, peress li l-kriterji indikati fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jiġu speċifikati mis-SRB sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati għal każ partikolari.

145    Fir-rigward tal-ewwel indikatur ta’ riskju li jaqa’ taħt il-pilastru ta’ riskju IV u li huwa relatat mal-attivitajiet ta’ negozju, mal-espożizzjonijiet barra mill-karta tal-bilanċ, mal-istrumenti derivattivi, mal-kumplessità u mal-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni, l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi diversi fatturi li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ dan l-indikatur, li wħud minnhom jistgħu jwasslu sabiex jiżdied il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u oħrajn sabiex dan jitnaqqas.

146    B’hekk, il-fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda f’dan il-profil ta’ riskju huma erbgħa, jiġifieri, l-ewwel wieħed, “l-importanza ta’ attivitajiet ta’ negozjar meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv”, it-tieni wieħed, “l-importanza tal-iskoperturi barra l-karta bilanċjali meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi”, it-tielet wieħed, “l-importanza tal-ammont ta’ derivattivi meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv” u, ir-raba’ wieħed, “il-punt safejn [i]l-mudell kummerċjali u struttura organizzazzjonali ta’ istituzzjoni jitqiesu kumplessi”.

147    Il-fatturi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-imsemmi profil ta’ riskju huma tnejn, jiġifieri “l-ammont relattiv tad-derivattivi li huma kklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali” u l-“punt safejn istituzzjoni tista’ tiġi riżolta fil-pront u mingħajr impedimenti legali”.

148    Mill-kliem tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-SRB marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-“importanza” li s-SRB għandu jagħti lill-“attivitajiet ta’ negozjar”, lill-“iskoperturi barra l-karta bilanċjali” u lill-“ammont ta’ derivattivi” u fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-diversi fatturi msemmija f’din id-dispożizzjoni.

149    B’hekk, għalkemm mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li, skont l-ewwel sottoindikatur ta’ riskju msemmi f’din id-dispożizzjoni, l-importanza tal-“attivitajiet ta’ negozjar” għandha tiġi pparagunata mad-daqs tal-karta tal-bilanċ, mal-livell tal-fondi proprji, mal-livell ta’ riskju tal-iskoperturi u mal-mudell ekonomiku globali tal-istituzzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix kjarifiki dwar l-implimentazzjoni konkreta ta’ dan il-paragun.

150    L-istess japplika fir-rigward tat-tieni u t-tielet sottoindikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6(6)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Delegat 2015/63.

151    Fir-rigward, barra minn hekk, tad-determinazzjoni tal-indikatur ta’ riskju s-“[s]ħubija fi Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali”, mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-adegwatezza tal-ammont tal-fondi immedjatament disponibbli fir-rigward tal-fondi neċessarji “biex jippermetti għajnuna kredibbli u effettiva [għall-istituzzjoni kkonċernata]” u l-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward tal-fatt li dawn il-fondi “se jintużaw b’mod sħiħ qabel ma tkun tista’ tintalab kwalunkwe għajnuna pubblika straordinarja”.

152    Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-SRB għandu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjonijiet, marbuta mal-adegwatezza tal-fondi disponibbli tas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali kkonċernata fir-rigward tal-fondi neċessarji għall-finanzjament tal-istituzzjoni inkwistjoni u mal-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn il-fondi.

153    L-istess japplika fir-rigward tal-mod li bih jitwieżnu d-diversi indikaturi ta’ riskju fil-kuntest tal-pilastru ta’ riskju IV, previst fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63.

154    Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jindika b’mod ċar il-piż relattiv tat-tliet indikaturi ta’ riskju li jagħmlu l-pilastru ta’ riskju IV u li jissemmew fil-punt 142 iktar ’il fuq, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax b’liema mod għandhom jitwieżnu d-diversi sottoindikaturi ta’ riskju fi ħdan l-ewwel żewġ indikaturi ta’ riskju. B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk dan il-piż għandux jinqasam bejn tali sottoindikaturi ta’ riskju b’mod proporzjonali. B’hekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mod kif jitwieżnu d-diversi sottoindikaturi ta’ riskju li jikkostitwixxu dawn l-indikaturi ta’ riskju, li, skont l-Artikolu 6(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2015/63, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

155    Mill-premess jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(5) sa (7) u fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, relatati mal-pilastru ta’ riskju IV, jagħtu setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB.

156    Madankollu, l-għoti ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni ma hijiex ekwivalenti għal delega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE.

157    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħa msemmija fl-Artikolu 290(1) TFUE, jiġifieri dik li jiġu adottati atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, u s-setgħa li jiġu applikati l-atti ta’ portata ġenerali – leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi – għall-persuni jew għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali atti.

158    Issa, minn naħa, ir-Regolament Delegat 2015/63 ma fih ebda dispożizzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tat lis-SRB delega bil-għan li tadotta atti ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 jew ta’ dan ir-regolament delegat. Mill-banda l-oħra, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament delegat, bħall-Artikoli 4 u 6 sa 9 tiegħu, jikkonfermaw is-setgħa mogħtija lis-SRB mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014 li tapplika dawn l-atti ta’ portata ġenerali billi tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

159    Min-naħa l-oħra, minkejja l-isem tal-pilastru ta’ riskju IV li jinsab fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri “[i]ndikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni”, il-prinċipji essenzjali li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan il-pilastru ta’ riskju ġew ippreċiżati mill-Kummissjoni stess fl-Artikolu 6(5) sa (8) ta’ dan ir-regolament delegat. Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament delegat, stabbilixxiet ir-regoli dwar il-mod li bih għandhom relattivament jitwieżnu l-indikaturi ta’ riskju fi ħdan dan il-pilastru ta’ riskju.

160    Dan ifisser li r-Regolament Delegat 2015/63 ma tax lis-SRB is-setgħa li jadotta atti ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE.

161    Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità, għandu jiġi miċħud ukoll.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014, tadDirettiva 2014/59 u tarRegolament Delegat 2015/63, minħabba li jiksru lArtikolu 41(2)(c) u lArtikolu 47 talKarta

162    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jippermettix lis-SRB jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod suffiċjenti u qiegħda għalhekk teċċepixxi l-illegalità tar-Regolament Nru 806/2014, tad-Direttiva 2014/59 u ta’ dan ir-regolament delegat minħabba ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

[omissis]

b)      Fuq ilmertu

170    It-tieni motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet.

1)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 41(2)(c) talKarta

171    Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jippermettix lis-SRB jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod suffiċjenti u qiegħda għalhekk teċċepixxi l-illegalità ta’ dan ir-regolament delegat minħabba ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta. B’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilit minn dan ir-regolament delegat jinvolvi eżerċizzju komparattiv tad-diversi istituzzjonijiet li għandhom iħallsu dawn il-kontribuzzjonijiet, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha mingħajr ma jkollha aċċess għad-data tal-istituzzjonijiet l-oħra, aċċess li, madankollu, hija ma għandhiex.

172    Barra minn hekk, li kellha tiġi invokata l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet l-oħra, id-dritt għal deċiżjoni motivata jitlef is-sens tiegħu. Billi pprovda data aggregata, is-SRB ma sabx bilanċ xieraq bejn id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet l-oħra.

173    Fl-aħħar nett, inkwantu l-Qorti Ġenerali tqis li d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014 jimponu l-metodu ta’ kalkolu ddefinit mir-Regolament Delegat 2015/63, din id-direttiva u dan ir-regolament jiksru huma wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta.

174    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

175    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxu, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq, ir-regoli li s-SRB għandu japplika sabiex jiddetermina l-kontribuzzjoni annwali bażika u sabiex jaġġusta din tal-aħħar skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Dawn ir-regoli jiġu mbagħad implimentati, b’mod iktar konkret, fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat.

176    Skont l-Anness I, taħt it-titolu “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa s-SRB li għandu jikkalkola, fl-ewwel lok, in-numru ta’ intervalli (bins) sabiex iqabbel l-istituzzjonijiet fid-dawl tad-diversi indikaturi u sottoindikaturi ta’ riskju. Fit-tieni lok, huwa s-SRB li għandu jassenja, bħala prinċipju, l-istess numru ta’ istituzzjonijiet lil kull intervall u jibda billi jassenja lill-ewwel intervall l-istituzzjonijiet li għalihom il-valuri tal-indikatur gross huma l-iktar baxxi. Fit-tielet lok, huwa s-SRB li għandu jassenja l-istess punteġġ lill-istituzzjonijiet kollha li jinsabu f’intervall partikolari, imsejjaħ “indikatur diskretizzat”, li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-bqija tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħhom.

177    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom ikunu motivati. Bl-istess mod, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

178    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari inkwantu tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk ikunx vallapena tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti kemm‑il darba jkun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma flus (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    It-tieni nett, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, marbuta, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, espress, b’mod partikolari, fl-Artikolu 339 TFUE, ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    It-tielet nett, li wieħed iqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante għandha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi prekluż milli jistabbilixxi metodu li bih tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni li tinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, tiġi mnaqqsa s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollu, għal dan il-għan, il-leġiżlatur, billi jinżamm, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura aġġustament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru li jipparteċipa fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

183    Ir-raba’ nett, għalkemm mill-premess jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu tal-aħħar ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li l-obbligu ta’ motivazzjoni jitlef is-sens tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120).

184    Madankollu, fil-kuntest tal-eżerċizzju li bih l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi bbilanċjat mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, ma jistax jitqies li motivazzjoni għal deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, f’kull każ, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 121).

185    Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li jkun ġie osservat meta l-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, mingħajr ma tintbagħtilhom data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u biżżejjed informazzjoni sabiex jifhmu, essenzjalment, il-mod li bih ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet kkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

186    F’każ bħal dan, dawn il-persuni jkunu effettivament f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom ġietx iddeterminata b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data implawżibbli dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju. L-imsemmija persuni jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF u jevalwaw jekk ikunx jidher utli li jiġi ppreżenat rikors kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123).

187    Mill-premess jirriżulta li s-SRB ma huwiex, b’mod partikolari, marbut jipprovdi lil istituzzjoni d-data li tippermettilha tivverifika, b’mod sħiħ, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament, peress li din il-verifika tkun teħtieġ data koperta mis-sigriet kummerċjali relatata mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 135).

188    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat 2015/63 bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà għas-SRB li jiżvela, f’forma kollettiva u anonimizzata, biżżejjed informazzjoni sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem il-mod li bih is-sitwazzjoni individwali tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 139).

189    B’mod partikolari, ir-Regolament Delegat 2015/63 jippermetti lis-SRB jiżvela, mingħajr ma jonqos mill-obbligu tiegħu li josserva s-sigriet kummerċjali, jiżvela l-valuri limitu ta’ kull “intervall” u l-indikaturi relatati miegħu, sabiex jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiżgura ruħha, b’mod partikolari, li l-punteġġ mogħti lilha waqt id-diskretizzazzjoni tal-indikaturi ta’ riskju, kif iddefinita fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, ikun effettivament jikkorrispondi għas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li din id-diskretizzazzjoni tkun saret b’mod konformi mal-metodu ddefinit mill-imsemmi regolament delegat abbażi ta’ data plawżibbli u li l-fatturi ta’ riskju kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll ir-Regolament Delegat 2015/63, ikunu tabilħaqq ittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 137).

190    Mill-premess jirriżulta li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jżommx lis-SRB milli jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, billi jippermettilu jipprovdi lill-istituzzjonijiet ikkonċernati biżżejjed informazzjoni sabiex jifhmu r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 141).

191    L-istess japplika għad-Direttiva 2014/59 u għar-Regolament Nru 806/2014, li jistabbilixxu l-prinċipji tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fir-rigward ta’ din id-direttiva, il-prinċipji previsti fiha ġew sussegwentement implimentati mir-Regolament Delegat 2015/63, li ġie adottat skont l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva. Finalment, permezz tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014, is-sistema ta’ dan ir-regolament delegat saret applikabbli għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura abbażi ta’ dan ir-regolament.

192    Dawn il-konklużjonijiet ma ġewx ikkontradetti mill-argumenti tar-rikorrenti.

193    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu li ma jissuġġettax il-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ kull istituzzjoni għal dawk dovuti mill-istituzzjonijiet l-oħra kollha, għandu jiġi rrilevat li tali interdipendenza tal-kontribuzzjonijiet ex ante tirriżulta minn għażla leġiżlattiva espressa fl-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll fl-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.

194    Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, b’mod leġittimu, tali metodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 116), ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li temendah permezz ta’ att iddelegat.

195    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-legalità tar-Regolament Delegat 2015/63 billi toqgħod fuq il-prassi ta’ awtoritajiet finanzjarji oħra, b’mod partikolari dik tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), li turi li hija possibbli sistema oħra ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet ex ante.

196    Fil-fatt, kif ġie stabbilit fil-punti 107 sa 113 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tippreċiża, permezz tar-Regolament Delegat 2015/63, ir-regoli dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk l-approċċ adottat mill-Kummissjoni kienx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk dan kienx manifestament mhux xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 83). Konsegwentement, is-sempliċi fatt li jeżistu approċċi alternattivi ma jfissirx li dan ir-regolament delegat huwa illegali.

197    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet għandu jgawdi inqas protezzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien.

198    Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, hija għandha, bħala prinċipju, titqies, minħabba l-mogħdija taż-żmien, storika u li, għaldaqstant, tkun tilfet in-natura sigrieta tagħha, sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja iż-żmien tagħha, din l-informazzjoni tkun għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Madankollu, id-data użata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal perjodu ta’ kontribuzzjoni partikolari għandha tkun inqas minn ħames snin. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(1) sa (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-istituzzjonijiet li tkun disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

200    Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

3.      Fuq issitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq lillegalità tarRegolament Delegat 2015/63

219    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti essenzjalment ressqet erba’ lmenti. Permezz tal-ewwel żewġ ilmenti, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63. Permezz taż-żewġ lmenti l-oħra, hija tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

220    Għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn, l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, peress li l-ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata huma evalwati fil-punti 403 sa 420 iktar ’il quddiem.

a)      Fuq lilment dwar inkompatibbiltà tarRegolament Delegat 2015/63 malArtikolu 103(2) u (7) tadDirettiva 2014/59

221    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jobbliga lill-Kummissjoni li, meta hija tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta din id-dispożizzjoni, teskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-passiv mhux espost għar-riskju, bħall-passiv fiduċjarju tagħha. Peress li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedix tali esklużjoni, huwa jikser l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva.

222    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

223    Kif ġie spjegat fil-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, il-passiv kollu tal-istituzzjonijiet għandu, bħala prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

224    Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 li jobbliga lill-Kummissjoni teskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ċertu passiv li allegatament huwa bla riskju. Minn naħa, kif ġie spjegat fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, il-fattur “espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni”, previst fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss fattur wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni hija u tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta l-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija dispożizzjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni għandha tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-imsemmija fatturi.

225    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li r-Regolament Delegat 2015/63 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

226    B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq lilment dwar linkompatibbiltà tarRegolament Delegat 2015/63 malArtikolu 114 TFUE, sa fejn ilKummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni lmodalitajiet nazzjonali diverġenti ta’ implimentazzjoni tadDirettiva 86/635

227    Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 jikser l-Artikolu 114 TFUE sa fejn, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ma jeskludix mill-passiv miżmum il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ oħrajn, u dan minħabba li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-modalitajiet nazzjonali diverġenti ta’ implementazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat‑8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 157).

228    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

229    Skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu jikkalkola kontribuzzjoni annwali bażika għal kull istituzzjoni. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun approporzjon tal-ammont tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata mqabbel mal-passiv nett akkumulat ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti – għall-parti minn dik il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi tal-unjoni – u ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha s-sede tagħha – għall-parti minn dik il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali.

230    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-passiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, għandu jiġi rrilevat li l-punt 11 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jiddefinixxi l-“obbligazzjonijiet totali” bħala l-“obbligazzjonijiet totali kif definit fit-Taqsima 3 tad-[Direttiva 86/635] jew kif definit skont l-Istandards Internazzjonali tar-rapportar finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad‑19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU 2002, L 243, p. 1)]”.

231    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635, li jagħmel parti mit-Taqsima 3 ta’ din id-direttiva, il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandhom, bħala regola ġenerali, jidhru fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-istituzzjoni meta din tal-aħħar tkun id-detentur tal-attiv korrispondenti.

232    Madankollu, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jinkludu dawn il-fondi barra mill-karta tal-bilanċ bil-kundizzjoni li jkun hemm sistema speċjali li tippermetti li, fil-każ ta’ stralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-imsemmija fondi jiġu esklużi mill-massa.

233    F’dan ir-rigward, il-partijiet iddikjaraw li, skont id-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 86/635, il-passiv relatat mal-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti kellhom jiġu inklużi fil-karta tal-bilanċ tagħha.

234    Il-partijiet indikaw ukoll, bħala eżempju, li r-Repubblika tal-Awstrija kienet għamlet użu mill-possibbiltà mogħtija mit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 li tippermetti lill-istituzzjonijiet jindikaw, barra mill-karta tal-bilanċ, il-fondi amministrati f’isimhom stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.

235    Dan ifisser, fil-fehma tar-rikorrenti, li, jekk istituzzjoni jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru bħar-Repubblika tal-Awstrija minflok ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija tista’ tinkludi l-passiv relatat ma’ tali attivitajiet fiduċjarji barra mill-karta tal-bilanċ, b’mod li dan il-passiv ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha.

236    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fir-Regolament Delegat 2015/63, din id-differenza bejn ir-regoli ta’ kontabbiltà tad-diversi Stati Membri fir-rigward tal-attivitajiet fiduċjarji, ħolqot distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jmorru kontra l-Artikolu 114 TFUE.

237    Issa, sa fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni toħloq bażi legali għall-Parlament u għall-Kunsill sabiex jiġu adottati atti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn differenzi bejn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Brunswick Bowling Products vs Il‑Kummissjoni, T‑152/19, EU:T:2021:539, punt 37 (mhux ippubblikata)).

238    Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 114 TFUE ma jawtorizzax lill-Kummissjoni, hija u tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 TFUE, taġixxi lil hinn mid-delega mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Konsegwentement, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha ssib soluzzjoni għad-diverġenzi fil-modalitajiet nazzjonali ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għal dan il-għan permezz ta’ att leġiżlattiv.

239    F’dan il-każ, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma awtorizzaw lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli nazzjonali ta’ kontabbiltà li jikkonċernaw il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.

240    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni, billi allegatament ħolqot distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jmorru kontra din id-dispożizzjoni bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, kisret l-Artikolu 114 TFUE.

241    Dan ifisser li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq ilmotivi dwar illegalità taddeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell filmira annwali

242    Preliminarjament, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet ex officio lill-partijiet dwar kull nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

244    Sabiex jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’tali nuqqas, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

245    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’kemm jista’ jkun uniformi sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 244 iktar ’il fuq, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jistgħu jħallu fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

246    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jispeċifika li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

247    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena ta’ qabel, ikkalkolat kull tliet xhur, għal kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ kull Stat Membru parteċipanti.

248    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, liema livell għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u skont il-metodu spjegat fir-Regolament Delegat 2015/63.

249    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iffissa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56.

250    Fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin ta’ qabel, ta’ kull żvilupp rilevanti fis-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll abbażi ta’ analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u dwar l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiffissa koeffiċjent ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali.

251    Fil-premessi 38 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB fisser il-mod kif wasal għall-koeffiċjent.

252    Fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kontinwa ta’ żieda fid-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2020, kien jammonta għal EUR 6.689 triljun.

253    Fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin li kien jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ żieda fid-depożiti koperti sal-aħħar tal-perijodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

254    Fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-effett proċikliku li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex isir dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni taż-żieda fil-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u bħall-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew f’dan ir-rigward, jew bħall-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross.

255    Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, għalkemm kien raġonevoli li wieħed jistenna li jkomplu jiżdiedu d-depożiti koperti fi ħdan l-unjoni bankarja, ir-ritmu ta’ din iż-żieda jkun inqas minn dak tal‑2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ żieda fid-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

256    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, iffissa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Huwa kkalkola mbagħad l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida bi tmienja r-riżultat ta’ dan il-kalkolu, skont il-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

257    Mill-ispjegazzjonijiet tas-SRB waqt is-seduta essenzjalment jirriżulta li huwa ddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 bil-mod kif ġej.

258    L-ewwel nett, is-SRB iffissa, abbażi ta’ analiżi prospettiva, l-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM, imbassar sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ żieda annwali fid-depożiti koperti ta’ 4 %, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad jifdal sa tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

259    It-tieni nett, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn is-EUR 7.5 triljun sabiex jasal għall-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

260    It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex wasal għall-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal qabel tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun.

261    Ir-raba’ nett, is-SRB iddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal. B’hekk, il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie ffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 249 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

262    Is-SRB iddikjara wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien ippubblika informazzjoni li fuqha kien ġie bbażat il-metodu deskritt fil-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq u li, abbażi tagħha, ir-rikorrenti seta’ jifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, skeda informattiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB iddikjara li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien ukoll disponibbli fuq is-sit internet tiegħu, kif ukoll fuq sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

263    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni. (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

264    Tali motivazzjoni tista’ tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti kemm‑il darba jkun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

265    Barra minn hekk, din il-motivazzjoni għandha tkun, fost oħrajn, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet veri għal din id-deċiżjoni u sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

266    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jagħti ċerti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet imfissra f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

267    Fil-fatt, jekk il-kunsiderazzjonijiet imfissra fid-deċiżjoni kkontestata ma jkunux konsistenti ma’ tali spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma taqdix il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 178 u 179 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkonsistenza żżomm, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu, qabel il-preżentata tar-rikors, ir-raġunijiet veri għad-deċiżjoni kkontestata, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet u żżomm ukoll, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika r-raġunijiet li jkunu servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

268    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jieħu deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

269    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis f’dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

270    Mill-premess jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa marbut jagħti lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu effettivament applikat.

271    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

272    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-deċiżjoni kkontestata fissret, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sa tmiem il-perijodu inizjali, u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma jissemmew imkien fl-imsemmija formula matematika.

273    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontradetta mid-dikjarazzjoni tas-SRB li, f’Mejju 2021, huwa ppubblika l-iskeda informattiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ kalkoli msemmija fil-punt 272 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li, barra minn hekk, il-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas biss semmiethom.

274    Inkonsistenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li, madankollu, jaqdi rwol importanti fil-formula matematika msemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq iż-żieda mbassra fid-depożiti koperti matul is-snin li jifdal mill-perijodu inizjali. Issa, dan ma huwiex bi qbil mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB waqt is-seduta, li minnhom jirriżulta li dan il-koeffiċjent ġie ffissat b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji mfissra fil-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, billi jiddividi bi tlieta l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ b’ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

275    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda informattiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien bejn EUR 70 u EUR 75 biljun. Issa, jirriżulta li din il-firxa hija inkonsistenti mal-firxa tar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li, b’hekk, kien wasal għal-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk, jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom wasslet, madankollu, għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk l-ammonti inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għaliex is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex jasal għalihom, kien meħtieġ li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li, madankollu, ma hijiex inkluża fil-firxa relatata mar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

276    Dan ifisser li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod li r-raġunijiet veri, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

277    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

278    Fid-dawl tal-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, ikun, madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi mqajma mir-rikorrenti.

2.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali u talArtikolu 5(1) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

279    Ir-raba’ motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, li, min-naħa tagħhom, jinqasmu f’diversi lmenti.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq assenza ta’ awtentifikazzjoni taddeċiżjoni kkontestata

1)      Fuq lewwel ilment, li jikkonċerna ksur talArtikolu 5(1) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

280    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jeżiġi li l-SRB għandu jikkomunika lill-ANR id-“deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali”. Is-SRB ma ssodisfax dan ir-rekwiżit, billi lill-BaFin bagħatlu biss l-abbozz ta’ tali deċiżjoni, u mhux id-deċiżjoni finali. Dan jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, kif innotifikata mill-BaFin, waslet għand ir-rikorrenti biss f’verżjoni mhux iffirmata, jiġifieri mingħajr firma bl-idejn u mingħajr indikazzjoni ta’ firma elettronika, u ma kellhiex numru li jirriżulta mis-sistema dokumentarja msejħa “Advanced Records System” (iktar ’il quddiem l-“ARES”).

281    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

282    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti qiegħda tinvoka biss ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

283    Issa, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddikjara li s-SRB huwa obbligat jikkomunika d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-ANR ikkonċernati tal-Istati Membri parteċipanti. Hija ma teżiġix li s-SRB għandu jikkomunika lil dawn l-ARN verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li tkun iffirmata u li jkollha numru li jirriżulta minn sistema ta’ dokumentazzjoni, bħal numru li jirriżulta mill-ARES. Bl-istess mod, hija ma tobbligax lis-SRB jiżgura li l-ANR jittrażmettu tali verżjoni lill-istituzzjonijiet.

284    Dan ifisser li r-rikorrenti ma tistax tallega li s-SRB, billi kkomunika lill-BaFin verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata li ma kinitx iffirmata u li ma kinitx tinkludi numru li jirriżulta mill-ARES, kiser l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

285    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali fih żewġ verżjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel waħda hija l-verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li ma hijiex iffirmata u li, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, ġiet innotifikata mis-SRB lill-BaFin, u mbagħad lilha. It-tieni verżjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li r-rikorrenti kisbet direttament mis-SRB wara talba għal aċċess għall-fajl, għandha l-firma elettronika tal-President tas-SRB, kif ukoll numru li jirriżulta mill-ARES u data speċifika u ħin speċifiku fuq l-ewwel paġna tagħha.

286    Issa, ir-rikorrenti ma identifikat ebda differenza bejn dawn iż-żewġ verżjonijiet fir-rigward tal-kontenut sostanzjali tagħhom, b’mod li hija ma tistax issostni li l-verżjoni nnotifikata lill-BaFin ma kinitx il-verżjoni finali tad-deċiżjoni kkontestata.

287    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, li jikkonċerna lawtentifikazzjoni skorretta taddeċiżjoni kkontestata

288    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx awtentifikata b’mod korrett, ħaġa li l-SRB qiegħed jikkontesta.

289    Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tressaq żewġ argumenti.

290    Fl-ewwel lok, minkejja li d-dokumenti li r-rikorrenti kisbet wara t-talba tagħha għal aċċess għall-fajl fihom firma elettronika u numru li jirriżulta mill-ARES, dawn il-fatturi ma jikkostitwixxux awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

291    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-awtentifikazzjoni ta’ att, li hija rekwiżit formali essenzjali, huwa li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali billi jkun żgurat li t-test adottat mill-awtur tal-att isir definittiv, u b’hekk tippermetti li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, jiġi vverifikat li t-testi nnotifikati jkunu jaqblu b’mod sħiħ ma’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    Fir-risposta tiegħu, is-SRB spjega li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet awtentifikata permezz tal-għodda informatika “EU Sign”. Permezz ta’ din l-għodda, il-President tas-SRB iffirmat elettronikament fuq id-dokument li jinkludi din id-deċiżjoni u niżżlet fuqu data speċifika u ħin speċifiku, kif ukoll numru li jirriżulta mill-ARES.

293    Dwar dan il-punt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li metodu ta’ awtentifikazzjoni bbażat fuq l-użu ta’ tali sistema huwa ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ awtentifikazzjoni mfakkra fil-punt 291 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 157 sa 161).

294    Konsegwentement, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

295    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li mid-dokumenti li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-firma tal-President tas-SRB tkopri biss il-korp tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-rikorrenti għad ma għandhiex verżjoni ffirmata tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

296    Issa, l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif jinqara fil-paġna 51 tal-korp ta’ din id-deċiżjoni fil-verżjoni tagħha bil-Ġermaniż, jipprovdi li “[i]l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante annwali individwali għas-[SRF] għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif spjegat fl-Anness I, huwa approvat”. Minn dan jirriżulta li dan l-Anness I jagħmel parti integrali mill-imsemmija deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ma huwiex marbut jawtentifika tali anness separatament mill-korp tal-imsemmija deċiżjoni.

297    Konsegwentement, it-tieni argument tar-rikorrenti u, għaldaqstant, it-tieni lment fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

3)      Fuq ittielet ilment, li jikkonċerna lproċess deċiżjonali tasSRB

298    Ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex “evidenti” li s-SRB iddeċieda dwar ir-riżultati tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet ex ante. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li s-SRB għandu japprova l-kalkoli msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Issa, deċiżjoni adottata b’riferiment għal anness ma hijiex suffiċjenti, għaliex ma tikkostitwixxix deċiżjoni dwar il-kalkolu effettiv tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata fih biss riżultati intermedji arrotondati, bl-esklużjoni tal-valuri sħaħ, u huwa biss strument li jiżgura l-pubbliċità tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet. Issa, il-proċess deċiżjonali tas-SRB għandu jirrigwarda d-“deċiżjoni materjali riprodotta fl-istrumenti li jiżguraw il-pubbliċità tagħha”. Deċiżjoni li tirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tagħha tkun insuffiċjenti, jekk ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni materjali.

299    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

300    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB, li hija l-korp deċiżjonali ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-mod li bih jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ex ante, iddeċidew dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante individwali ta’ kull istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif indikati fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni.

301    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Anness A.20 tar-rikors, l-estratt mill-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li kien jikkonċerna lir-rikorrenti, kif ġie kkomunikat mill-BaFin lil din tal-aħħar, fih dettalji dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u d-data li hija l-bażi ta’ dan il-kalkolu.

302    Fir-rigward tan-natura suffiċjenti ta’ din id-data għall-informazzjoni tal-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB li adottaw id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti sempliċement tikkritika lis-SRB dwar il-fatt li d-data numerika fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni kienet arrotondata.

303    Issa, id-data numerika kollha, li tagħmel parti minn dan l-anness u li tinkludi ċifri wara l-virgola, hija arrotondata għal erba’ punti deċimali, bl-eċċezzjoni tad-data numerika relatata mal-multiplikatur ta’ aġġustament, li hija arrotondata għal tnax‑il punt deċimali.

304    Tali livell ta’ dettall kien biżżejjed sabiex jippermetti lill-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB jadottaw id-deċiżjoni kkontestata b’għarfien sħiħ tal-fatti.

305    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti taddeċiżjoni kkontestata

306    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax ir-rekwiżiti fir-rigward tal-motivazzjoni, peress li ma huwiex possibbli li jiġu kkalkolati mill-ġdid u b’mod sħiħ il-kontribuzzjonijiet ex ante li hija għandha tħallas.

307    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

308    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li li wieħed iqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante kellha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi prekluż milli jistabbilixxi metodu li bih tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni li tinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, tiġi mnaqqsa s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollu, għal dan il-għan, il-leġiżlatur, billi jinżamm, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura aġġustament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru li jipparteċipa fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

309    Dan ifisser li r-rikorrenti ma tistax tallega li s-SRB, minħabba li ma huwiex possibbli li jiġu kkalkolati mill-ġdid u b’mod sħiħ il-kontribuzzjonijiet ex ante li hija għandha tħallas, naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

310    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex il-multiplikaturi ta’ aġġustament tagħha kienu żdiedu, filwaqt li t-total tal-bilanċ tagħha u l-portata tal-istrumenti derivattivi tagħha, fid-data ta’ referenza determinanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante 2021, kienu qegħdin jonqsu meta mqabbla maċ-ċiklu preċedenti.

311    Fil-fatt, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ dik ta’ deċiżjoni tas-SRB dwar perijodu ieħor ta’ kontribuzzjoni.

312    Fi kwalunkwe każ, bħalma rrileva s-SRB u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 iktar ’il fuq, l-istruttura tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante timplika li r-riżultat tal-evalwazzjoni annwali tar-riskji ta’ istituzzjoni jiddependi mil-livell ta’ riskju li hija tidħol għalih imqabbel mal-livell ta’ riskju tal-istituzzjonijiet l-oħra. Issa, il-livell ta’ riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet jista’ jonqos minn sena għal oħra. Konsegwentement, tnaqqis fil-karta tal-bilanċ totali u fil-portata tal-istrumenti derivattivi ma jwassalx awtomatikament għal titjib fil-multiplikatur ta’ aġġustament ta’ istituzzjoni.

313    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

3.      Fuq lewwel motiv, li jikkonċerna ksur taddispożizzjonijiet tattieni subparagrafu talArtikolu 70(2) tarRegolament Nru 806/2014, talArtikolu 8(1)(f) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u talArtikolu 103(7) tadDirettiva 2014/59

337    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, billi ssuġġettaha għall-obbligu li tikkontribwixxi għas-SRF, kiser id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, moqrija flimkien.

338    Huwa minnu li skont il-kliem tar-Regolament Nru 806/2014, kull istituzzjoni li għandha liċenzja bankarja, inkluża r-rikorrenti, hija suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu li tikkontribwixxi għas-SRF. Madankollu, il-kliem ta’ dispożizzjoni ma jippermettix, waħdu, li tiġi stabbilita s-sustanza vera tagħha. Minn naħa, l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju għandha tabilfors tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li jirregolaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Min-naħa l-oħra, is-sustanza vera ta’ dispożizzjoni legali tista’ tiġi ddeterminata biss fid-dawl tas-sens u tal-iskop tagħha, kif ukoll tal-korrelazzjoni sistematika tagħha ma’ dispożizzjonijiet oħra.

339    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

340    F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq jirriżulta li kull istituzzjoni, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva u mal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandha tħallas kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi nazzjonali skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

341    L-istess japplika għall-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi tal-unjoni. Fil-fatt, skont qari flimkien tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 3(2) ta’ dan l-istess regolament u tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, kull istituzzjoni, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tħallas tali kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

342    Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija istituzzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

343    Konsegwentement, ir-rikorrenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014 bħala istituzzjoni marbuta tħallas kontribuzzjonijiet ex ante.

344    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argumenti tar-rikorrenti.

345    Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punt 101 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li mill-Artikolu 114 TFUE, li huwa bażi legali kemm tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll tad-Direttiva 2014/59, jirriżulta li l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament ma għandhomx, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal kontribuzzjoni ex ante.

346    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament, tillimita d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante”, peress li, fil-każ ta’ istituzzjoni fi proċess ta’ żmantellament, bħalma hija r-rikorrenti, ebda wieħed mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu 14 ma jkun jista’ jintlaħaq iktar. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-għan imsemmi fl-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li tiġi żgurata il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi, u għall-għan imsemmi fl-Artikolu 14(2)(b) tal-imsemmi regolament, jiġifieri li jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju.

347    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti ma jippreċiżawx l-għanijiet tar-Regolament Nru 806/2014 bħala tali, iżda dawk tar-riżoluzzjoni. Issa, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jadotta miżura ta’ riżoluzzjoni biss meta jkunu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal riżoluzzjoni jistgħu jikkostitwixxu kategorija iktar ristretta minn dik tal-istituzzjonijiet suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, l-għanijiet tar-riżoluzzjoni ma humiex determinanti għall-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante.

348    Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni għas-SRF lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-fatturi li jinsabu fl-Artikolu 103(7)(a), (d) u (g) tad-Direttiva 2014/59.

349    Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 103(2) ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva ma huwiex intiż sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante. Din id-dispożizzjoni sempliċement telenka l-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni hija u tadotta atti ddelegati sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, imsemmi fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

350    Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ma ġġib ebda argument awtonomu u mmirat dwar l-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, liema dispożizzjoni tmur lil hinn mill-argumenti eżaminati iktar ’il fuq. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi miċħud.

351    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 20 u 16 talKarta

352    It-tielet motiv essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 20 talKarta

353    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, peress li hija qiegħda tiġi ttrattata bl-istess mod bħal istituzzjonijiet li ma humiex fi proċess ta’ żmantellament. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, minn naħa, li hija qiegħda tuża l-awtorizzazzjonijiet bankarji tagħha biss għall-finijiet tal-iżmantellament tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-espożizzjoni tagħha għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħha u l-importanza tagħha għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti.

354    Il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jasal għal kontribuzzjonijiet ex ante differenti minn istituzzjoni għal oħra ma jeskludix l-inugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod xieraq, is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti għandha twassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjoni tagħha għal żero, ħaġa li ma hijiex possibbli minħabba l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, li jipprevedi li l-multiplikatur ta’ aġġustament għandu jiġi ffissat f’firxa ta’ bejn 0.8 u 1.5.

355    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

356    L-Artikolu 20 tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, liema prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95).

357    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk istituzzjoni fi proċess ta’ żmantellament, bħalma hija r-rikorrenti, tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ istituzzjonijiet oħra suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante.

358    Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura paragunabbli ta’ tali sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-att li jagħmel id-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

359    Fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha d-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li din il-leġiżlazzjoni taqa’ fil-qasam tas-SRM, li nħoloq bil-għan li, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, jiżgura approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet f’inkwiet finanzjarju, isaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u jipprevjeni l-possibbiltà ta’ tixrid ta’ kriżijiet lejn l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern kollu kemm hu.

360    Bil-għan li jiġi żgurat finanzjament tal-attivitajiet tas-SRM, id-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 stabbilixxew il-kontribuzzjonijiet ex ante li n-natura speċifika tagħhom tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

361    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn l-għanijiet, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament jinsabu, minħabba dan l-iżmantellament, f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet l-oħra suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante.

362    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 102 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jinġabru mill-istituzzjonijiet qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha.

363    It-tieni nett, skont l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante japplika għal kull istituzzjoni li għandha awtorizzazzjoni bankarja bħala istituzzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien.

364    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat, hija kienet istituzzjoni li operat b’awtorizzazzjoni bankarja fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 363 iktar ’il fuq, u dan indipendentement mill-iżmantellament tagħha.

365    Dan ifisser li r-rikorrenti setgħet teżerċita attivitajiet bankarji li permezz tagħhom hija setgħet tesponi s-sistema finanzjarja għal ċertu riskju.

366    It-tielet nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif stabbilit mir-Regolament Delegat 2015/63, jista’ jirrifletti – b’mod paragunabbli ma’ dak tal-istituzzjonijiet l-oħra – il-karatteristiċi partikolari tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati.

367    Fil-fatt, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-istituzzjonijiet permezz tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, billi din tal-aħħar hija bbażata fuq ammont proporzjonali tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata, meta mqabbel mal-passiv nett ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. B’hekk, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ istituzzjoni tonqos meta mqabbla ma’ dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u, b’hekk, tirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tagħha, kemm‑il darba, fil-kuntest ta’ żmantellament, din l-istituzzjoni tnaqqas l-ammont tal-passiv nett tagħha. Barra minn hekk, id-diversi pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod immirat, diversi karatteristiċi tal-istituzzjonijiet, inklużi l-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati, b’mod li tiġi imposta fuq tali istituzzjoni kontribuzzjoni ex ante inqas għolja meta l-profil ta’ riskju tagħha jonqos minħabba tali żmantellament.

368    Ir-raba’ nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament ma humiex esklużi minn kull benefiċċju li toffri l-eżistenza tas-SRF.

369    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, is-sempliċi eżistenza ta’ dan il-fond tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-settur finanzjarju, liema stabbiltà tibbenefika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati.

370    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà mhux biss li tiskatta r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni li tkun ser tfalli jew falliet, iżda wkoll li tiffaċilitaha, hija konsistenti mal-għan imfittex mill-ħolqien tas-SRF. Issa, l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tikkontribwixxi sabiex tiġi ffaċilitata tali riżoluzzjoni, peress li din iżżid il-prevedibbiltà u l-effikaċja ta’ din tal-aħħar.

371    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet li ma humiex fi proċess ta’ żmantellament, fid-dawl tal-prinċipji u tal-għanijiet stabbiliti fil-punti 359 u 360 iktar ’il fuq.

372    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li l-kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxu “taxxa bankarja” li tikser “ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fiskali impost mill-Artikolu 20 tal-Karta”.

373    Dwar dan il-punt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la tippreċiża l-kontenut u lanqas il-portata tar-“rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fiskali impost mill-Artikolu 20 tal-Karta”. Min-naħa l-oħra, il-premessa li fuqha toqgħod ir-rikorrenti, jiġifieri dik li l-kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxu “taxxi” jew dispożizzjonijiet fiskali, hija żbaljata għar-raġunijiet imfissra fil-punti 59 sa 76 iktar ’il fuq.

374    Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 16 talKarta

375    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-libertà ta’ intrapriża, kif stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, peress li din id-deċiżjoni tqegħedha fi żvantaġġi sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li l-imsemmija deċiżjoni tfittex li tilħaq. Fil-fatt, huwa eskluż, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjonijiet ex ante jistgħu qatt jintużaw għall-benefiċċju tagħha jew għal dak ta’ istituzzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjoni simili, peress li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni ma humiex issodisfatti fil-każ tagħha.

376    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

377    Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tinvolvi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni ħielsa (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

378    Madankollu, il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta. Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ ndħil mill-amministrazzjoni pubblika li jista’ jistabbilixxi, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 80 u 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

379    Issa, din iċ-ċirkustanza hija, b’mod partikolari, riflessa fil-mod ta’ kif għandhom jiġu evalwati l-atti tal-Unjoni fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 47 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

380    Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun neċessarja u effettivament tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew tissodisfa l-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 48 u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 83).

381    F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ intrapriża tagħha, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li dan l-obbligu jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li dan l-obbligu huwa previst fil-liġi.

382    Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għandu għan ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Delegat 2015/63, l-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jippermettu funzjonament effikaċi tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, is-SRB jista’ jiġbor kontribuzzjonijiet ex ante mingħand l-istituzzjonijiet ikkonċernati sabiex jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu, peress li dan tal-aħħar ifittex li jsaħħaħ l-istabbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni l-possibbiltà ta’ tixrid ta’ kriżijiet lejn l-Istati Membri mhux parteċipanti, kif ġie rrilevat fil-punti 43 sa 53 iktar ’il fuq.

383    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għas-SRF jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat jew inaċċettabbli li huwa ta’ ħsara għas-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża tagħha.

384    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ma turix, b’mod partikolari, li jeżistu mezzi inqas restrittivi mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu b’mod daqstantieħor effettiv l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-Direttiva 2014/59, bħal, b’mod partikolari, dak li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji għas-SRM sabiex dan ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

385    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta.

386    B’hekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

387    Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-ilment imressaq fil-kuntest tat-tielet motiv li l-fatt li s-SRB jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-Regolament Delegat 2015/63 u li dan tal-aħħar ma jipprevedix eżenzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal istituzzjonijiet bħar-rikorrenti ma jistax jirrimedja l-ksur, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-Artikoli 20 u 16 tal-Karta, peress li dan ir-regolament delegat jikser, huwa wkoll, dawn id-dispożizzjonijiet inkwantu għandu l-effett li jobbliga lir-rikorrenti tħallas kontribuzzjonijiet ex ante.

388    Fil-fatt, peress li tali riferiment għar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti qiegħda tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dan ir-regolament delegat, minħabba ksur tal-Artikoli 20 u 16 tal-Karta, tali eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet imfissra fil-punti 357 sa 363 u 378 sa 384 iktar ’il fuq.

389    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

6.      Fuq is-sitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq lapplikabbiltà diretta talArtikolu 103(7)(a) tadDirettiva 2014/59, kif ukoll fuq applikazzjoni b’analoġija talArtikolu 5(1)(f) tarRegolament Delegat 2015/63

403    Is-sitt motiv fih żewġ ilmenti, li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

a)      Fuq lilment dwar lapplikabbiltà diretta talArtikolu 103(7)(a) tadDirettiva 2014/59

404    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, billi rrifjuta li jeskludi l-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kiser l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jistabbilixxi l-kriterji għall-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Tranżazzjonijiet fiduċjarji, bħall-amministrazzjoni ta’ dan il-portafoll, li r-rikorrenti tamministra fiduċjarjament f’isem l-EAA, ma jesponux lir-rikorrenti għar-riskju. Tali assenza ta’ espożizzjoni għar-riskju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 103(7)(a) tad-Direttiva 2014/59. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament Nru 806/2014.

405    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

406    Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni għandu jkun ibbażat fuq kontribuzzjoni aġġustata skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

407    Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tgħidx li s-SRB huwa marbut jaġġusta l-kontribuzzjoni ex ante direttament fid-dawl ta’ tali kriterji.

408    Għall-kuntrarju, mill-kliem stess tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u li jipprevedi l-adozzjoni ta’ att iddelegat sabiex jiġu implimentati l-kriterji previsti f’dan l-Artikolu 103(7), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li dawn il-kriterji tal-aħħar japplikaw direttament għall-ARN, bħalma huwa s-SRB.

409    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-atti ddelegati li jippreċiżaw il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ dan ir-regolament.

410    Mill-premess jirriżulta li ma kienx il-kompitu tas-SRB li jaġġusta l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti direttament fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, iżda li huwa kellu jagħmel dan abbażi tal-kriterji iktar preċiżi previsti fir-Regolament Delegat 2015/63 u li jimplimentaw dawn il-kriterji tal-ewwel.

411    Issa, l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63 jelenka, b’mod eżawrjenti, il-passiv li s-SRB huwa marbut jeskludi għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-passiv miżmum fiduċjarjament ma huwiex imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

412    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-SRB kellu, abbażi tal-Artikolu 103(7)(a) tad-Direttiva 2014/59, u indipendentement mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, jeskludi l-passiv relatat mal-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha, minħabba li dan il-passiv ma joħloqx riskju.

413    Konsegwentement, dan l-ilment tas-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq lilment, invokat sussidjarjament, dwar lanaloġija masself promozzjonali

414    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li s-SRB kellu japplika b’analoġija l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC li hija żżomm fiduċjarjament. Fil-fatt, bħall-istituzzjoni intermedjarja fil-qasam tas-self promozzjonali, il-mandatarju fiduċjarju huwa, għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-passiv fiduċjarju, intermedjarju bejn is-sieħeb oriġinali fil-kuntratt derivattiv u l-fiduċjant.

415    Is-SRB  u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

416    L-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jeskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ċertu passiv miżmum fil-każ tal-istituzzjonijiet li jamministraw self promozzjonali.

417    Il-kunċett ta’ “self promozzjonali” huwa ddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 fis-sens li jkopri s-self mogħti minn bank promozzjonali jew minn istituzzjoni intermedjarja fuq bażi mhux kompetittiva u mingħajr skop ta’ qligħ bil-għan li jiġu promossi l-għanijiet tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru.

418    Issa, minn naħa, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma hijiex tamministra tali self, b’mod li hija ma tikkostitwixxix istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63.

419    Min-naħa l-oħra, is-SRB ma jistax japplika b’analoġija l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-passiv marbut ma’ attivitajiet fiduċjarji. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħtix lis-SRB is-setgħa ta’ evalwazzjoni li jeskludi ċertu passiv, fil-kuntest tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, mill-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi, iżda telenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż u eżawrjenti, il-kundizzjonijiet li fihom passiv ikun is-suġġett ta’ tali esklużjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 93).

420    B’hekk, it-tieni lment tas-sitt motiv u, għaldaqstant, is-sitt motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

7.      Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 5(3) u (4) tarRegolament Delegat 2015/63, moqri flimkien malArtikolu 70(6) tarRegolament Nru 806/2014, minħabba nnuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni lvalur nett talpassiv marbut malkuntratti ta’ strumenti derivattivi

421    Qabel ma jiġi eżaminat is-seba’ motiv, għandu jitfakkar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat 2015/63.

422    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, li jagħmel parti mit-Taqsima 2 tal-imsemmi regolament delegat, jelenka sitt każijiet li fihom il-passiv ikun eskluż mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

423    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, għall-finijiet ta’ din it-taqsima, l-ammont annwali medju, ikkalkolat kull tliet xhur, tal-passiv imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi, għandu jiġi vvalutat skont l-Artikoli 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013.

424    Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li l-valur assenjat lill-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi ma jistax ikun inqas minn 75 % tal-valur tal-istess passiv li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kontabbiltà li japplikaw għall-istituzzjoni kkonċernata għall-finijiet tal-mod li bih jitfasslu r-rapporti finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“valur kontabbli”).

425    Fl-aħħar nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li, għall-finijiet tat-Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament delegat, it-total tal-passiv imsemmi fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament delegat jeskludi l-valur kontabbli tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi u jinkludi l-valur korrispondenti kkalkolat skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess regolament delegat.

426    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li s-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha abbażi ta’ valur tal-kuntratti derivattivi tagħha li hija ssejjaħ “valur gross” minflok abbażi ta’ valur ta’ dawn il-kuntratti li hija ssejjaħ “valur nett”.

427    Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li b’dan il-kunċett ta’ “valur nett”, ir-rikorrenti tifhem valur tal-passiv tagħha li jeskludi passiv li ma joħloqx riskju, filwaqt li l-“valur gross” jinkludi tali passiv. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-passiv mingħajr riskju huwa, b’mod partikolari, dak marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC, peress li hija tgawdi minn protezzjoni sħiħa u effettiva kontra r-riskji li jirriżultaw minn dan il-passiv.

428    Din il-protezzjoni tirriżulta minn ftehim ta’ kumpens konkluż bejn ir-rikorrenti u l-EAA, li permezz tiegħu din tal-aħħar titgħabba bir-riskji marbuta mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC.

429    F’dan il-kuntest, il-mod kif id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013 jittrattaw id-diversi passivi marbuta mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC ftit li xejn jimporta. Dan ir-regolament ifittex għan differenti minn dak tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa minnu li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li, fir-rigward tat-tipi ta’ passiv li għandhom jiġu esklużi mill-passiv ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat, l-ammont tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti derivattivi għandu jiġi vvalutat skont l-Artikoli 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jirregolaw il-kalkolu ta’ dak li jissejjaħ il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja (leverage ratio), li, kif jirriżulta mill-premessi 91 sa 94 tar-Regolament Nru 575/2013, huwa parametru li ma għandux x’jaqsam mar-riskju li joriġina mid-dritt prudenzjali.

430    Mill-banda l-oħra, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante aġġustati skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet għandu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-espożizzjoni għar-riskju tat-tranżazzjonijiet. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-inklużjoni tal-passiv fil-bażi taxxabbli tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ma huwiex possibbli li jinżamm il-passiv kopert mill-ftehim ta’ kumpens li r-rikorrenti kkonkludiet mal-EAA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħmel għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013 ma jistax ikopri l-passiv kollu li jirriżulta minn strumenti derivattivi, iżda biss il-passiv li joħloq, tal-inqas, riskju wieħed.

431    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

432    Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, għall-finijiet tat-Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament delegat, li tinkludi dan l-Artikolu 5, it-total tal-“obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” tal-imsemmi Artikolu 5 għandu jeskludi l-valur kontabbli tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi u jinkludi l-valur korrispondenti kkalkolat skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu.

433    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, l-ammont medju annwali, ikkalkolat kull tliet xhur, tal-“obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” tal-imsemmi Artikolu 5 li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi, għandu jiġi vvalutat skont l-Artikolu 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013.

434    B’hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-passiv imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

435    Issa, mill-punt 419 iktar ’il fuq jirriżulta li l-passiv marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63.

436    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax liema każ ieħor previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 japplika għall-passiv marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC.

437    Dan ifisser li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, li huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa ineffettiv u li s-seba’ motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

8.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 6(8)(a) tarRegolament Delegat 2015/63, moqri flimkien malArtikolu 70(6) tarRegolament Nru 806/2014, minħabba lklassifikazzjoni tarrikorrenti bħala istituzzjoni fissens ta’ din iddispożizzjoni talaħħar

438    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqrija flimkien, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifika lir-rikorrenti bħala istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, liema klassifikazzjoni żżid il-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha.

439    Peress li r-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat bis-saħħa tal-Artikolu 103(7) u (8) tad-Direttiva 2014/59 u li din tal-aħħar stabbilixxiet fil-livell tal-Unjoni l-ewwel sistema unifikata ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet bankarji, l-għajnuna mill-Istat jew finanzjament ekwivalenti, li huma msemmija fl-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, kienu jirreferu biss għall-benefiċċji ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest tad-Direttiva 2014/59 jew sa mid-dħul fis-seħħ tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-premessi 41 u 55, mill-punt 28 tal-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 31(2)(c) tal-imsemmija direttiva.

440    Issa, il-benefiċċji mħallsa lir-rikorrenti mill-EAA kienu ngħatawlha, dak iż-żmien, minn fondi tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59, u mhux minn riżorsi tas-SRF skont din id-direttiva jew ir-Regolament Nru 806/2014. Konsegwentement, is-SRB ma kellux japplika fil-konfront tagħha l-valur massimu għall-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

441    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

442    L-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li l-pilastru ta’ riskju IV jinkludi, fost indikaturi oħra ta’ riskju, l-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

443    Skont il-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” tfisser għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika oħra fil-livell supranazzjonali li, jekk jingħata fil-livell nazzjonali, ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mogħtija bil-għan li jiġu ppreżervati jew irrestawrati l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni.

444    F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li r-rikorrenti ġiet irristrutturata wara li rċeviet tali għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

445    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li din l-għajnuna ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59 ma jaffettwax il-fatt li din taqa’ taħt l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

446    Fil-fatt, la l-kliem tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 u lanqas dak tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma fih ebda indikazzjoni li tillimita l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar fis-sens allegat mir-rikorrenti.

447    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għan tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, kif essenzjalment isostni s-SRB, ir-riskju li istituzzjoni li tkun ġiet irristrutturata wara li tkun ingħatat għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ssib ruħha mill-ġdid f’diffikultajiet finanzjarji ma jitnaqqasx bis-sempliċi fatt li din l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59.

448    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB qies, ġustament, li r-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 u applika fil-konfront tagħha, skont din id-dispożizzjoni, il-valur massimu għall-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

449    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 55 u tal-Artikolu 31(2)(c) tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li l-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikkonċerna biss il-perijodu wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59.

450    Skont il-premessa 55 tad-Direttiva 2014/59, “l-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati qabel kwalunkwe injezzjoni ta’ kapital mis-settur pubbliku jew għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ekwivalenti lill-istituzzjoni”. Skont l-Artikolu 31(2)(c) ta’ din id-direttiva, wieħed mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni huwa li “li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

451    Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-premessa 55 u l-Artikolu 31(2)(c) tad-Direttiva 2014/59 jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni eventwali tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni stabbiliti mid-Direttiva 2014/59, u mhux il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, minn dan ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63.

452    L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-estratt mill-premessa 41 tad-Direttiva 2014/59 li jgħid li “[i]stituzzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli unikament abbażi tal-fatt li ġie pprovdut dak l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva”.

453    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq qari parzjali ta’ din il-premessa. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-imsemmija premessa (jiġifieri l-“qafas ta’ riżoluzzjoni għandu jipprovdi għad-dħul f’waqtu tar-riżoluzzjoni qabel istituzzjoni finanzjarja ssir insolventi fuq il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa kompletament fix-xejn l-ekwità kollha”), din tal-aħħar tirreferi għall-modalitajiet li jiskattaw riżoluzzjoni. Konsegwentement, minn dan ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri fid-dawl tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

454    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li parti mill-kliem tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 (jiġifieri “li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni”) hija fformulata fil-preżent indikattiv.

455    Fil-fatt, kif il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Inkriminazzjoni doppja), C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 20), il-preżent indikattiv jiġi spiss użat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi espressa n-natura obbligatorja ta’ dispożizzjoni. Dan ifisser li ma tista’ tinstilet ebda indikazzjoni dwar l-effetti ratione temporis tagħha.

456    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-miżuri ta’ għajnuna adottati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59 tkun ta’ ħsara għall-proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, bi ksur tal-effett utli ta’ din id-direttiva.

457    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva stess, fl-Artikolu 103(7)(e) tagħha, tipprevedi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, id-daqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja li l-istituzzjoni tkun preċedentement ibbenefikat minnha, mingħajr ma tippreċiża li din l-għajnuna għandha tkun ingħatat wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

458    Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punti 71 u 370 iktar ’il fuq, wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/59 huwa li tissaħħaħ l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, liema stabbiltà tgħin lill-istituzzjonijiet bħar-rikorrenti jwettqu l-proċess ta’ żmantellament tagħhom, kemm jekk dan ikun beda qabel jew kemm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

459    Fid-dawl tal-premess, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

C.      Konklużjoni

460    Wara l-eżami ex officio tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Billi dawn in-nuqqasijiet huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li din tal-aħħar tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għas-sena 2021 hija annullata safejn tikkonċerna lil Portigon AG.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil Portigon AG, għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Portigon AG.

4)      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.