Language of document : ECLI:EU:T:2024:334

Kawża T-116/22

Belavia - Belarusian Airlines AAT

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Mejju 2024

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u tal-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi – Organizzazzjoni tal-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni jew kontribuzzjoni għall-imsemmija attivitajiet – Profitt mir-reġim ta’ Lukashenka – Żball ta’ evalwazzjoni”

1.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Inklużjoni fil-listi bbażata fuq sensiela ta’ indizji preċiżi, konkreti u konkordanti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness)

(ara l-punti 26 sa 29)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li jorganizzaw l-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni – Kunċett – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, Nru 2021/2124 u Nru 2023/419, Anness)

(ara l-punti 45, 48 sa 52, 57 sa 60, u 63 sa 66)

3.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija awtorità kompetenti – Rilevanza tal-provi prodotti abbażi ta’ inklużjoni preċedenti fl-assenza ta’ emenda tar-raġunijiet, ta’ bdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrent jew ta’ evoluzzjoni tal-kuntest fil-Bjelorussja – Bdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrent u evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness)

(ara l-punti 76 sa 84)

4.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew li jappoġġawh – Kunċett ta’ profitt – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006 u Nru 2023/419, Anness)

(ara l-punti 92 sa 100)

Sunt

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Belavia - Belarusian Airlines AAT kontra l-atti li permezz tagħhom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inkluda, fl-2021 (1), u sussegwentement żamm, fl-2023 (2), lil din il-kumpannija fil-lista ta’ persuni u entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja. Din il-kawża ppermettiet lill-Qorti Ġenerali tinterpreta għall-ewwel darba l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 4(1)(c)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642 (3), dwar l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Din is-sentenza kienet tifforma parti minn kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mill-2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja f’dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti, li hija kumpannija tal-ajru nazzjonali tal-Istat, ġew iffriżati minħabba li kienet tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka u kienet issostnieh, u minħabba li kienet tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta’ dan ir-reġim intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, billi tipparteċipa fit-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni mil-Lvant Nofsani lejn il-Bjelorussja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti fil-listi abbażi tal-kriterju previst fl-Artikolu 4(1)(c)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kellu sensiela ta’ indizji suffiċjentement preċiżi, konkreti u konkordanti sabiex jistabbilixxi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom l-intenzjoni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni mingħajr ma jikkonformaw ruħhom mar-regolamenti rilevanti marru Minsk (il-Bjelorussja) abbord titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija. Barra minn hekk, il-Kunsill kellu indizji suffiċjenti sabiex jallega li, sabiex tiffaċilita din il-prattika, ir-rikorrenti żiedet in-numru ta’ titjiriet fuq rotot eżistenti u li operaturi turistiċi lokali kellhom rwol ta’ intermedjarji billi biegħu biljetti tal-ajru tar-rikorrenti lill-persuni msemmija iktar ’il fuq, u b’dan il-mod għenuha sabiex ma tagħtix fil-għajn.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontesta din is-sensiela ta’ indizji. Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li, matul is-sena 2021, hija kienet ittrasportat inqas passiġġieri minn kumpanniji tal-ajru oħra li wkoll joperaw kemm fuq ir-rotot tal-ajru bejn Istanbul (it-Turkija) u Minsk, kif ukoll fuq ir-rotot tal-ajru bejn Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) u Minsk, u li n-numru ta’ persuni li hija kienet ittrasportat fuq ir-rotta tal-ajru bejn Bejrut (il-Libanu) u Minsk kien inqas minn dak tal-persuni ttrasportati fuq rotot tal-ajru oħra bi tluq minn jew b’destinazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra minbarra l-Libanu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dawn iċ-ċirkustanzi ma jurux li r-rikorrenti ma kkontribwixxietx, permezz tal-operazzjonijiet rispettivi tagħha ta’ trasport ta’ persuni mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija, lejn il-Bjelorussja, għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont id-data trażmessa mir-rikorrenti, matul is-sena 2021, in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati minnha bi tluq minn Istanbul jew minn Bejrut lejn Minsk żdied sostanzjalment.

It-tieni nett, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li, minn naħa, it-titjiriet tagħha li jservu l-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija ma ġewx inolleġġjati mill-Istat Bjelorussu u li, min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ trasport rispettivi tagħha kienu profittabbli ma jistgħux juru li l-imsemmija titjiriet u operazzjonijiet ma kinux jifformaw parti mill-kuntest tal-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-provi fil-proċess jirriżulta li r-reġim ta’ Lukashenka organizza t-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja permezz tal-ajru billi ffavorixxa l-ħruġ ta’ viżi għall-Bjelorussja, li l-effett ta’ din il-miżura kienet żieda fid-domanda għal servizzi ta’ trasport bl-ajru lejn il-Bjelorussja u li kumpanniji tal-ajru kienu jibbenefikaw mill-operat kummerċjali tat-titjiriet li jissodisfaw din id-domanda.

It-tielet nett, il-fatt li r-rikorrenti kienet wettqet il-kontrolli meħtieġa waqt ir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ pussess ta’ viża, ma jeskludix li hija pparteċipat fl-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill ma kienx jirriżulta li, hekk kif jirriżulta mill-motivi kontenzjużi, ir-rikorrenti fetħet rotot ġodda tal-ajru sabiex tiffaċilita t-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi deċiż li l-atti inizjali għandhom jiġu annullati. Il-motivi mressqa mill-Kunsill insostenn tal-evalwazzjoni li tgħid li r-rikorrenti kkontribwixxiet għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, li huma suffiċjentement preċiżi u konkreti u li ma humiex mittiefsa minn żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew minn żball ta’ liġi, kienu jikkostitwixxu fihom infushom bażi suffiċjenti sabiex l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi tkun iġġustifikata.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi abbażi tal-istess kriterju, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt tal-miżuri preċedentement adottati fid-dawl tal-għan tagħhom, fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati. Sabiex jiġġustifika din iż-żamma, il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, sakemm il-motivi għall-inklużjoni jkunu għadhom l-istess u l-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kunsill ammetta impliċitament li l-provi li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti inizjali, relatati mat-titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq mil-Libanu u mill-Emirati Għarab Magħquda, kienu saru obsoleti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li r-rikorrenti kompliet topera titjiriet fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk ma setax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi. Għaldaqstant, il-Kunsill ma pproduċiex il-prova b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fil-jum tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, ir-rikorrenti kienet għadha involuta fl-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni minħabba titjiriet li hija kienet topera fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kellu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex jistabbilixxi li r-rikorrenti kienet kisbet benefiċċju konkret mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka li jħabbru li l-Istat Bjelorussu kien ser jagħtiha l-appoġġ kollu possibbli.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2125 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 16), u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2124 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”).


2      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal‑24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 41, rettifiki fil-ĠU 2023, L 70, p. 56 u fil-ĠU 2023, L 90, p. 66), u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal‑24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 20, rettifiki fil-ĠU 2023, L 71, p. 42 u fil-ĠU 2023, L 90, p. 65).


3      Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1) u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas-6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1).