Language of document : ECLI:EU:T:2024:329

Kawżi T200/22 u T314/22

Ir-Repubblika tal-Polonja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tad-29 ta’ Mejju 2024

“Ambjent – Attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite f’minjiera miftuħa – Minjiera tal-linjite ta’ Turów (il-Polonja) – Dritt istituzzjonali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li joħroġ ordni – Pagamenti ta’ penalità – Irkupru ta’ krediti permezz ta’ tpaċija – Artikolu 101(1) u Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Tħassir tal-kawża prinċipali – Assenza ta’ effett retroattiv fuq il-miżuri provviżorji ordnati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Proċeduri għal miżuri provviżorji – Miżuri provviżorji – Impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ li l-parti kkonċernata tonqos milli tosserva ordni maħruġa – Ftehim bonarju bejn il-partijiet u tħassir tal-kawża prinċipali – Effett tat-tħassir fuq l-ammont dovut abbażi tal-pagamenti ta’ penalità

(Artikolu 2 TUE; Artikolu 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 160(1) u (2), u 162(3))

(ara l-punti 31 sa 42, u 47 sa 49)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, b’awla estiża bħala kulleġġ ġudikanti, ċaħdet żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati mir-Repubblika tal-Polonja kontra diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħhom din tal-aħħar irkuprat is-somom dovuti bħala pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, f’kawża bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba għal miżuri provviżorji, kienet adottat miżuri provviżorji sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali futura tagħha. Peress li l-Polonja ma kinitx osservat dawn il-miżuri provviżorji, hija ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri provviżorji. Il-kawża prinċipali tħassret wara ftehim bonarju konkluż bejn il-partijiet. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċċarat il-konsegwenzi ta’ dan it-tħassir fuq l-obbligu tal-Polonja li tħallas l-ammont dovut bħala pagamenti ta’ penalità.

Fis-26 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Polonja minħabba l-estensjoni u t-titwil tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera miftuħa ta’ Turów (il-Polonja), li tinsab qrib il-fruntieri tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’mod parallel, hija ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tikseb il-waqfien immedjat tal-imsemmija attivitajiet ta’ estrazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba fil-21 ta’ Mejju 2021 (1).

Peress li qieset li l-Polonja ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ dan id-digriet, ir-Repubblika Ċeka ressqet, fis-7 ta’ Ġunju 2021, talba ġdida għal miżuri provviżorji intiża sabiex jiġu imposti pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fuq il-Polonja. Fl-20 ta’ Settembru 2021 (2), din tal-aħħar ġiet ikkundannata tħallas lill-Kummissjoni, minn din id-data, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 500 000 kuljum u sakemm tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji.

Il-Kummissjoni intimat lill-Polonja tħallas is-somom dovuti bħala pagamenti ta’ penalità u indikatilha li, fin-nuqqas ta’ ħlas, hija kienet ser tipproċedi għall-irkupru tagħhom permezz ta’ tpaċija skont ir-Regolament Finanzjarju (3).

Peress li l-Polonja ma wettqitx dawn il-pagamenti, il-Kummissjoni adottat il-ħames deċiżjonijiet ikkontestati (4), li permezz tagħhom hija wettqet it-tpaċija tad-dejn tagħha ma’ diversi krediti li l-Polonja kellha fil-konfront tal-Unjoni, għal ammont ta’ madwar EUR 68 500 000 għall-perijodu mill-20 ta’ Settembru 2021 sat-3 ta’ Frar 2022.

Ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja kkonkludew ftehim bonarju fit-3 ta’ Frar 2022 u talbu t-tħassir tal-kawża.

Peress li l-kawża prinċipali tħassret (5), il-Polonja ressqet talba intiża sabiex id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021 li jimponilha pagamenti ta’ penalità jiġi rrevokat. Hija talbet ukoll lill-Kummissjoni ttemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità u tirtira d-deċiżjonijiet ikkontestati diġà adottati sa dik id-data. Il-Kummissjoni indikat li, sakemm id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021 ma jiġix “annullat”, hija kienet ser tkompli bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti sad-data tal-konklużjoni tal-ftehim bonarju. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Mejju 2022 (6), it-talba għar-revoka tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq ġiet miċħuda.

Permezz ta’ żewġ rikorsi separati, il-Polonja talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati adottati mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ftehim bonarju li wassal għat-tħassir tal-kawża prinċipali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Polonja essenzjalment sostniet li l-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 kienu wasslu għall-waqfien retroattiv tal-effetti tal-miżuri provviżorji ordnati f’din il-kawża, b’tali mod li d-dejn irkuprat kien ineżistenti u li l-irkupru tiegħu kien jikser l-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fid-dawl tan-natura anċillari tal-proċedura għal miżuri provviżorji meta mqabbla mal-proċedura prinċipali, id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021 li jordna l-waqfien tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów u dak tal-20 ta’ Settembru 2021 li jimponi pagamenti ta’ penalità għal dan l-għan ma kinux baqgħu applikabbli b’effett mid-data tat-tħassir tal-kawża prinċipali, fl-4 ta’ Frar 2022.

Fir-rigward tal-konsegwenzi tat-tħassir tal-kawża prinċipali fir-rigward tal-eżistenza tad-dejn tal-Polonja, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, l-ewwel nett, id-digriet ta’ tħassir la kien isemmi l-miżuri provviżorji imposti bid-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021 u lanqas il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum. It-tieni nett, it-talba tal-Polonja intiża sabiex id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, li jimponi l-imsemmija pagamenti ta’ penalità, jiġi revokat kienet ġiet miċħuda. It-tielet nett, id-digriet li jiċħad din it-talba kien jippreċiża espliċitament li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum kienu ddekadew b’effett mill-4 ta’ Frar 2022. Konsegwentement, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum kienu effettivament jiddekorru mid-data tan-notifika tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021 sad-data tat-tħassir tal-kawża prinċipali mir-Reġistru, fl-4 ta’ Frar 2022.

Li kieku kellha tiġi adottata konklużjoni differenti, dan ikun ifisser li jiġi injorat l-għan tal-pagamenti ta’ penalità, li huwa dak li tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, inerenti għall-valur tal-Istat tad-dritt sanċit fl-Artikolu 2 TUE.

Din il-konklużjoni ma setgħetx tiġi kkonfutata mill-argument tal-Polonja, li kien jgħid li t-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji minkejja t-tħassir tal-kawża prinċipali kienet tmur lil hinn mis-sempliċi għan imfittex minn dawn il-miżuri, jiġifieri, l-ewwel u qabel kollox, dak li tiġi ggarantita l-effikaċja tas-sentenza fuq il-mertu. Fil-fatt, il-pagamenti ta’ penalità imposti mill-qrati tal-Unjoni ma humiex intiżi biss sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tas-sentenza fuq il-mertu, iżda huma intiżi wkoll li jiżguraw l-osservanza tal-miżuri provviżorji u li jiddiswadu, f’dan il-każ, lill-Polonja milli ddewwem it-tqegħid f’konformità tal-aġir tagħha ma’ dawn il-miżuri. L-argument tal-Polonja jwassal sabiex tinġieb fix-xejn is-sustanza tal-mekkaniżmu tal-pagamenti ta’ penalità, peress li dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-parti deliberatament tonqos mili twettaq l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-miżuri provviżorji, ordnati fi proċeduri għal miżuri provviżorji, sat-tmiem tat-tilwima fil-kawża prinċipali u għalhekk tippreġudika l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

Bl-istess mod, l-argument tal-Polonja li jgħid li l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità tagħmel il-konklużjoni ta’ ftehim bonarju inqas attraenti ma setax jintlaqa’ fid-dawl tal-għan tal-pagamenti ta’ penalità u tal-fatt li t-tħassir tal-kawża prinċipali kellu effetti vantaġġużi għall-Polonja, fis-sens li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum waqfu jiddekorru fl-4 ta’ Frar 2022 u mhux fid-data tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, kuntrarjament għal dak li sostniet l-Polonja, ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tannulla kreditu kkonstatat. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet previsti għal irkupru permezz ta’ tpaċija kienu ssodisfatti, peress li l-Kummissjoni kienet tabilħaqq ivverifikat l-eżistenza tad-dejn tal-Polonja u kienet iddeterminat l-ammont tiegħu.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv. Peress li t-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ġie miċħud ukoll bħala infondat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi fl-intier tagħhom.


1      Digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420).


2      Digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752).


3      Iktar speċifikament, l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).


4      Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2022, tas-16 u tal-31 ta’ Marzu 2022 u tas-16 ta’ Mejju 2022.


5      Digriet tal-4 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21, EU:C:2022:82).


6      Digriet tad-19 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21 R, EU:C:2022:408).