Language of document : ECLI:EU:T:2024:332

Kawża T360/21

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Portigon AG

vs

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
u
IlParlament Ewropew
u
IlKunsill talUnjoni Ewropea
u
IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza talQorti Ġenerali (ItTmien Awla Estiża) tad29 ta’ Mejju 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali tar-Regolament Nru 806/2014 – Artikolu 114 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri intiżi li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern fil-qasam finanzjarju – Leġiżlazzjoni dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-unjoni bankarja – Regolament Nru 806/2014 – Direttiva 2014/59 – Setgħa tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li jiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante u li jiġġestixxi l-mezzi finanzjarji tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessi 1 sa 4, 9, 12, 19 u 107, u Artikoli 67 u 76; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/69, premessi 3 sa 5, 9, 10, 103, 104 u 108, u Artikoli 100 u 101)

(ara l-punti 41, 42, 48, u 53 sa 57)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Natura – Assenza ta’ natura fiskali – Loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni intiża li tiggarantixxi l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu – Finanzjament mis-settur finanzjarju kollu kemm hu – Kontribuzzjonijiet direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u li huma neċessarji għall-funzjonament tiegħu – Bażi legali – Artikolu 114(2) TFUE

(Artikolu 114(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 67(2) u (4), 69 u 70; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, premessi 3, 5, 103 u 105 sa 107, u Artikoli 32, u 101 sa 103)

(ara l-punti 61 sa 66, u 68 sa 76)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati – Portata – Evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi – Marġni wiesgħa ta’ evalwazzjoni – Direttiva 2014/59/UE li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment – Iffissar tal-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 290 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 41; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 106, 108, 113 u 114)

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Kompetenza – Determinazzjoni mis-SRB ta’ indikaturi u ta’ sottoindikaturi ta’ riskju addizzjonali għall-aġġustament tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Allegata delega ta’ setgħa mill-Kummissjoni lis-SRB – Assenza – Setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tas-SRB

(Artikolu 290(1) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 6(1)(d))

(ara l-punti 141, 144, 148, 152, u 156 sa 160)

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Esklużjoni mill-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ta’ ċertu passiv allegatament bla riskju – Esklużjoni tal-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-imsemmi kalkolu – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 70(2); Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 5(1)(e); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikoli 103(2) u (7))

(ara l-punti 223, 224, 411 u 412)

6.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Prinċipju ta’ inklużjoni ta’ dan il-passiv fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni kkonċernata – Possibbiltà ta’ deroga mogħtija lill-Istati Membri li tippermetti lill-istituzzjonijiet jinkludu l-imsemmi passiv barra mill-karta tal-bilanċ – Eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-kompetizzjoni minħabba dawn id-differenzi ta’ kontabbiltà fil-varji leġiżlazzjonijiet nazzjonali – Assenza

(Artikolu 114 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikolu 103(2); Direttiva tal-Kunsill 86/635, Artikolu 10(1))

(ara l-punti 229 sa 232, u 237 sa 239)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-att mogħtija mill-awtur tiegħu matul il-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kontradizzjonijiet u obbligu li l-ispjegazzjonijiet ikunu konsistenti mal-imsemmija raġunijiet

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 265 u 266)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Obbligu tas-SRB li jikkomunika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-metodu li bih jiġu kkalkolati dawn il-kontribuzzjonijiet u l-metodu li bih jiġi ddeterminat l-ammont tal-livell fil-mira annwali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kunsill 2015/81, Artikolu 4; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 9; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 268 u 269)

9.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Istituzzjoni ta’ kreditu fi proċess ta’ ristrutturazzjoni – Żieda fil-multiplikatur ta’ aġġustament tal-imsemmija kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata – Kundizzjoni – Għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali li tibbenefika minnha din l-istituzzjoni – Għajnuna mill-Istat mogħtija lill-istituzzjoni kkonċernata qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(8)(a); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-punt 28 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 103(7)(e))

(ara l-punti 442, 443, 445, 446 u 457)

Sunt

Adita b’rikors għal annullament, li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) dwar id-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2021 (1) għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), minħabba l-ksur minn dan tal-aħħar tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-konformità tar-Regolament Nru 806/2014 (2) u, għall-ewwel darba, dwar il-konformità tad-Direttiva 2014/59 (3), meħuda flimkien, mal-Artikolu 114(1) u (2) TFUE, billi għamlet kjarifiki fir-rigward tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet fiskali”, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali pprovdiet kjarifika dwar il-kompetenza tas-SRB fid-determinazzjoni ta’ indikaturi u sottoindikaturi ta’ riskju li jikkonċernaw il-multiplikatur ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, billi għamlet distinzjoni bejn id-delega ta’ setgħa tal-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE u l-għoti ta’ marġni ta’ evalwazzjoni lis-SRB u pprovdiet kjarifika wkoll dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja pubblika, li tippreċedi d-Direttiva 2014/59, fil-kalkolu ta’ dan il-multiplikatur.

Portigon hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja. Fl‑14 ta’ April 2021, is-SRB adotta d-Deċiżjoni kkontestata li fiha ddetermina (4) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għas-SRF tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment, fosthom ir-rikorrenti.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivi bbażati fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, liema motivi l-Qorti Ġenerali ċaħdet, ir-rikorrenti kkontestat b’mod partikolari l-bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE, li abbażi tagħha ġew adottati d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, minn naħa, u l-għażla li jiġi applikat il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u dan minkejja li l-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ta’ natura fiskali u kienu jaqgħu għalhekk taħt il-paragrafu 2.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-bażi legali magħżula, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut tal-att. L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ikollhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Qabel xejn, hija ppreċiżat li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jkun jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar ikollu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern. Issa, mill-premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li jillimita r-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif ipperċepita, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, u kif ukoll li jgħabbi lis-settur finanzjarju kollu kemm hu bir-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja. B’hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex jiġi indirizzat it-theddid irriskontrat. Bl-istess mod, id-Direttiva 2014/59 tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli armonizzati u proċedura armonizzata għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-leġiżlatur tal-Unjoni mfisser fil-premessi tal-imsemmija direttiva. Is-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali huma elementi essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura, li jippermettu, kif jirriżulta mir-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mid-Direttiva 2014/59, li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jingħata kontribut għall-finanzjament tal-għodod ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom. Sabiex jiġu ggarantiti biżżejjed mezzi finanzjarji fis-SRF u fl-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, dawn tal-aħħar huma ffinanzjati, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet.

Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi jew armonizzati u tal-proċedura uniformi jew armonizzata għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet b’tali mod li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 114(1) TFUE, li l-att tal-Unjoni kkonċernat għandu jinkludi miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri, jirriżulta, minn naħa, li ma kienx hemm proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li kien hemm differenzi sostantivi u proċedurali kunsiderevoli fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirregolaw l-insolvenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq regoli u proċedura uniformi, fil-livell tal-unjoni bankarja, u armonizzati, fil-livell tal-Istati Membri, għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, kif ukoll proċedura uniformi għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn il-proċeduri.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(1) TFUE.

It-tieni nett, fir-rigward tal-għażla li jiġi applikat il-paragrafu 1 tal-Artikolu 114 TFUE, minkejja li l-kontribuzzjonijiet ex ante kienu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tiegħu minħabba n-natura fiskali tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u li jispeċifikaw ir-regoli li bihom dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati, ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

Fil-fatt, imposta mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma hijiex ta’ natura fiskali f’sitwazzjoni fejn, b’mod partikolari, tkun direttament allokata biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż ikunu neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh. Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur.

Huwa minnu li, peress li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 ma jistabbilixxu ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata, il-kontribuzzjonijiet ex ante ma setgħux jitqiesu bħala primjums ta’ assigurazzjoni li jkunu jistgħu jitħallsu kull xahar u li jkunu jistgħu jiġu rrimborsati. Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’mod doppju mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, li huma ffinanzjati speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom. Minn naħa, f’sitwazzjoni fejn il-falliment tal-istituzzjonijiet tkun qiegħda sseħħ jew x’aktarx ser isseħħ, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favur tagħhom. B’hekk, tali proċedura tippermetti li jintużaw mezzi finanzjarji tas-SRF jew tal-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għall-benefiċċju ta’ tali istituzzjonijiet, liema mezzi jkunu ġew iffinanzjati bil-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet kollha jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, liema stabbilità hija żgurata mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali.

Dan ifisser li s-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali jfittxu, minn perspettiva ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, u mhux fiskali, li jiggarantixxu l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi l-għan tagħhom huwa li jiżguraw protezzjoni kontra l-kriżijiet tiegħu stess għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha. Dan l-iskop ta’ ordni ta’ assigurazzjoni huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn tal-aħħar ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi taxxabbli, iżda mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, imbagħad ta’ livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet. Mill-premess jirriżulta li l-istituzzjonijiet iħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, bl-intendiment li dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li jagħmlu parti minnu dawn l-istituzzjonijiet u li dawn l-ispejjeż jirriżultaw neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh fil-każ ta’ falliment ta’ ċerti istituzzjonijiet u sabiex jillimitaw l-effetti ta’ kontaġju.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq is-suddelega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB, il-Qorti Ġenerali, konformement mal-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam (5), fakkret li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(5) sa (7) u fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 (6), li jikkonċernaw il-pilastru ta’ riskju IV, jagħtu setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB. Madankollu, l-għoti ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni ma huwiex ekwivalenti għal delega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn tali setgħa ta’ delega msemmija fl-Artikolu 290(1) TFUE (7), u s-setgħa li tapplika l-atti ta’ portata ġenerali – leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi – għall-persuni jew għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali atti. Issa, minn naħa, ir-Regolament Delegat 2015/63 ma fih ebda dispożizzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni setgħet tat delega lis-SRB bil-għan li jiġu adottati atti ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 jew ta’ dan ir-regolament delegat. Għall-kuntrarju, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament delegat (8) jikkonfermaw is-setgħa mogħtija lis-SRB mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014 li japplikaw dawn l-atti ta’ portata ġenerali huma u jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, minkejja l-isem tal-pilastru ta’ riskju IV li jinsab fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri “[i]ndikaturi tar-riskju addizzjonali li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni”, il-prinċipji essenzjali li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan il-pilastru ta’ riskju ġew ippreċiżati mill-Kummissjoni stess fl-Artikolu 6(5) sa (8) ta’ dan ir-regolament delegat. Bl-istess mod, fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament delegat, hija stabbilixxiet ir-regoli dwar il-mod li bih għandhom relattivament jitwieżnu l-indikaturi ta’ riskju fi ħdan dan il-pilastru ta’ riskju.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament Delegat 2015/63 ma tax lis-SRB is-setgħa li jadotta atti ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, u ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata kklassifikat lir-rikorrenti bħala “istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni” minħabba għajnuna finanzjarja pubblika mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59, fatt li wassal għal żieda fil-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha skont il-profil ta’ riskju, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li l-pilastru ta’ riskju IV huwa kompost, fost indikaturi oħra ta’ riskju, mill-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”. Skont id-Direttiva 2014/59 (9), moqrija flimkien mar-Regolament ta’ Delega 2015/63 (10), “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” tfisser għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika oħra fil-livell supranazzjonali li, li kellha tingħata fil-livell nazzjonali, tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mogħtija bil-għan li tippreserva jew tirrestawra l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ġiet ristrutturata wara li rċeviet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-għajnuna ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59 ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li din l-għajnuna taqa’ taħt l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, la l-kliem tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 u lanqas dak tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma fihom indikazzjoni li tillimita l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li s-SRB ġustament qies li r-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 u applika fir-rigward tagħha, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-valur massimu għall-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.


1      Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2021/22 tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).


2      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


3      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


4      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.


5      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden‑Württemberg vs SRB (T‑0389/21, EU:T:2023:827, punti 73 sa 85).


6      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


7      Jiġifieri dik is-setgħa li jiġu adottati atti mhux leġislattivi ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv.


8      B’mod partikolari l-Artikoli 4 u 6 sa 9 tar-Regolament Delegat 2015/63.


9      Ara l-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59.


10      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63.