Language of document : ECLI:EU:C:2021:520

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑24 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawża C371/20

Peek & Cloppenburg KG, irrapreżentata legalment minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär BV

vs

Peek & Cloppenburg KG, irrapreżentata legalment minn Van Graaf Management GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali – Reklamar – Promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tal-impriża tal-midja u tal-kummerċjant”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont kwotazzjoni attribwita lil H.G. Wells, “ir-reklamar huwa l-gideb legalizzat”. Mingħajr ma nidħol f’dibattitu dwar il-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni, huwa minnu li fid-dritt tal-Unjoni, ir-reklamar li jippreżenta ruħu taħt il-forma ta’ kontenut editorjali, mingħajr ma jiżvela b’mod ċar il-kontenut promozzjonali tiegħu, ma huwiex “legalizzat”.

2.        Fil-fatt, skont il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE (2), rapporti pubbliċitarji jikkostitwixxu prattika kummerċjali żleali fi kwalunkwe ċirkustanza, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ta’ kull każ abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija direttiva timponi fuq l-impriżi li jagħmlu r-reklami, l-obbligu li jindikaw b’mod ċar li huma ffinanzjaw kontenut editorjali fil-midja meta dan il-kontenut għandu bħala għan il-promozzjoni ta’ prodott jew servizz ta’ dawn il-kummerċjanti (3).

3.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab, iktar preċiżament, sabiex tinterpreta t-terminu “ħlas”, li jintuża f’din id-dispożizzjoni sabiex jiddeskrivi l-vantaġġ li impriża li tagħmel ir-reklami tipprovdi lil kumpannija tal-midja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 jiddisponi:

“Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

5.        Il-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva huwa miktub kif ġej

“Fejn il-kummerċjant juża kontenut editorjali fil-medja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur advertorial). […]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

6.        Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“UWG”) (4) ittrasponiet lid-Direttiva 2005/29. L-Artikolu 3 tal-UWG, intitolat “Projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1. Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.

[…]

3. Ir-reklamar indirizzat lejn il-konsumaturi li huma ċċitati fl-anness mehmuż mal-liġi preżenti għadhom illegali. […]

[…]”

7.        Il-punt 11 tal-Anness tal-imsemmija liġi, dwar l-Artikolu 3(3), jipprovdi kif ġej:

“[L]-użu, imħallas minn imprenditur, ta’ kontenut editorjali sabiex jippromwovi prodott, mingħajr ma din ir-rabta tirriżulta b’mod ċar mill-kontenut jew mill-preżentazzjoni viżwali jew awdjo (rapport pubbliċitarju).”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

8.        Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B. V. (iktar ’il quddiem “P&C Düsseldorf”) u Peek & Cloppenburg, irrappreżentata minn Van Graaf Management GmbH (iktar ’il quddiem “P&C Hambourg”) huma żewġ kumpanniji legalment u ekonomikament indipendenti waħda mill-oħra li t-tnejn jeżerċitaw il-bejgħ bl-imnut tal-ħwejjeġ, taħt l-isem tal-kumpannija “Peek & Cloppenburg”, permezz ta’ sussidjarji differenti. Dawn joperaw f’reġjuni differenti tat-territorju tal-Ġermanja u, f’kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, hija biss waħda miż-żewġ partijiet li topera ħwienet tal-ħwejjeġ. Il-partijiet jirreklamaw il-kummerċ tal-ħwejjeġ tagħhom b’mod separat u indipendenti.

9.        Fix-xahar ta’ Marzu 2011, artiklu ta’ paġna doppja ppubblikat fir-rivista tal-moda GRAZIA stieden lill-qarrejja, taħt it-titolu “Offerta għall-qarrejja”, għal “serata tax-xiri esklużiva”, imsemmija “GRAZIA StyleNight by Peek&Cloppenburg”.

10.      Fuq l-isfond tar-ritratti tal-ħwienet, fejn setgħu jinqaraw il-kliem “Peek & Cloppenburg” b’ittri luminużi ’il fuq mit-test, it-test kien ippreċiża “Serata għall-GRAZIA-Girls kollha: Innavigaw magħna fit-tempju tal-moda wara x-xogħol! Bil-crémant u stilista personali. Kif tista’ ssir V.I.S. (Very important Shopper)? Għaġġlu u rreġistraw!”. Fl-artiklu, kien ġie indikat li jeżistu żewġ impriżi indipendenti msemmija Peek & Cloppenburg u li din kienet tirrigwarda, f’dan il-każ, informazzjoni maħruġa mill-kumpannija “Peek & Cloppenburg KG Düsseldorf”.

11.      Permezz ta’ kawża mressqa quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), P&C Hamburg sostniet li tali prattika kummerċjali hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ riklam editorjali li tidher fl-Artikolu 3(3) tal-UWG, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Anness ta’ din il-liġi. P&C Hamburg talbet sabiex P&C Düsseldorf tiġi pprojbita milli turi, bħala kompetitriċi, reklamar li ma huwiex identifikabbli b’mod ċar bħala tali, sabiex tiġi kkundannata li tikkomunika xi informazzjoni u sabiex jiġi deċiż li din tal-aħħar għandha l-piż tal-obbligu li tikkumpensa d-dannu subit.

12.      Il-qorti fl-ewwel distanza laqgħat it-talbiet ta’ P&C Hamburg. L-appell ta’ P&C Düsseldorf ippreżentat quddiem il-qorti tal-appell, l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), ġie miċħud. Permezz tal-appell għal Reviżjoni tagħha, P&C Düsseldorf talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex tiċħad il-kawża ta’ P&C Hamburg.

IV.    Iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

13.      Adita bl-appell għal reviżjoni ta’ P&C Düsseldorf, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), b’Deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, li wasslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2020, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Azzjoni għall-promozzjoni tal-bejgħ hija “mħallsa” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE biss fil-każ fejn, għall-użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-finijiet ta’ promozzjoni tal-bejgħ, jingħata korrispettiv fi flus, jew inkella l-kunċett ta’ ‘ħlas’ ikopri kull tip ta’ korrispettiv, indipendentement minn jekk jikkonsistix fi flus, f’oġġetti jew f’servizzi jew f’elementi oħra b’valur patrimonjali?

2)      L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tippreżupponi li l-professjonist jipprovdi lill-kumpannija ta’ media b’benefiċċju ta’ valur monetarju bħala korrispettiv għall-użu ta’ kontenut editorjali u, jekk iva, tali korrispettiv jeżisti wkoll fil-każ fejn il-kumpannija ta’ media tirrapporta dwar operazzjoni promozzjonali organizzata b’mod konġunt mal-professjonist, li fil-kuntest tagħha dan tal-aħħar ikun ipprovda drittijiet fuq l-immaġni lill-kumpannija ta’ media għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, iż-żewġ impriżi ikunu kkontribwixxew fl-ispejjeż u x-xogħol tal-operazzjoni promozzjonali, u din isservi sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti taż-żewġ impriżi?”

14.      Xi osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn P&C Düsseldorf, P&C Hamburg, mill-Gvern Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. F’dan il-każ, ma seħħitx seduta.

V.      Analiżi

15.      Il-qorti tar-rinviju spjegat, fl-espożizzjoni tal-motivi li wasslitha sabiex tifformulha ż-żewġ domandi preliminari tagħha, li s-suċċess tal-appell li ġiet adita bih, jiddependi fuq l-interpretazzjoni li tingħata lill-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Hija tindika li l-Artikolu 5(5) u l-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva kienu ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż rispettivament, fl-Artikolu 3(3) u fil-punt 11 tal-Anness tal-UWG, dwar l-Artikolu 3(3), u li, konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-imsemmija direttiva.

16.      B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, jidhirli li jkun opportun li jiġu fformulati, qabel kollox, xi osservazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 qabel ma nipproċedu għall-eżami tad-domandi preliminari.

17.      B’mod iktar preċiż, ser neżamina, l-ewwel nett, jekk il-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u jekk hijiex, għaldaqstant, suġġetta għall-preskrizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva u, it-tieni, jekk il-fatt li d-domandi preliminari ġew magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ kompetituri jistax jeskludi l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva.

A.      Il-prattika kkontestata fil-kawża prinċipali bħala prattika kummerċjali

18.      Billi twettaq referenza għall-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tal-appell, il-qorti tar-rinviju tindika li l-prattika kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali tipprevedi mhux biss it-twettiq ta’ xi avvennimenti ddikjarati fl-artiklu inkwistjoni, iżda l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu (5).

19.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li ma tidhirx ivvizzjata bi żball ta’ liġi l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell li tipprovdi li l-pubblikazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi prattika kummerċjali konġunta ta’ P&C Düsseldorf u r-rivista GRAZIA, intiża sabiex tippromwovi l-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ impriżi. Il-kawża ta’ P&C Hamburg hija madankollu diretta kontra P&C Düsseldorf biss.

20.      Sabiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-prattika kkontestata fil-kawża prinċipali għandha tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva.

21.      Għaldaqstant, din il-prattika għandha, minn naħa, titwettaq minn “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-fatt li persuna li taġixxi “għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha” jew kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant (6). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija prattika għandha tikkostitwixxi att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni jew komunikazzjoni kummerċjali “f’rabta diretta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi” (7).

22.      Kif tindika l-qorti tar-rinviju billi tagħmel referenza għall-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell, il-prattika inkwistjoni saret minn P&C Düsseldorf (8) u intużat għall-iskopijiet tal-promozzjoni ta’ bejgħ ta’ dan l-operatur. Din il-prattika mnedija minn P&C Düsseldorf, minn naħa, hija parti mill-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ din il-kumpannija u tipprevedi direttament il-promozzjoni u l-fluss tal-bejgħ tagħha min-naħa l-oħra. L-imsemmija prattika, għaldaqstant, tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u taqa’, bħala konsegwenza, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (9).

23.      Din il-kunsiderazzjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni la mill-fatt li l-artiklu ppubblikat mir-rivista GRAZIA kienet tirrigwarda operazzjoni promozzjonali organizzata minn P&C Düsseldorf f’kooperazzjoni ma’ din ir-rivista, u lanqas mill-fatt li dan l-artiklu kien intiż sabiex jippromwovi l-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ operaturi.

24.      Hekk kif diġa indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” li tidher fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-prattiki kummerċjali ta’ operatur huma użati minn impriża oħra, li jaġixxu għan-nom u/jew għal dan l-operatur, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jistgħu, f’ċerti sitwazzjonijiet, jorbtu kemm l-imsemmi operatur kif ukoll din l-impriża, meta dawn it-tnejn tal-aħħar jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “kummerċjant” (10). A fortiori, ma huwiex eskluż li l-unika prattika kummerċjali tkun attribwibbli lil żewġ operaturi distinti meta dawn jaġixxu kemm f’isimhom u kemm f’isem ta’ min jikkoopera magħhom. Tali prattika kummerċjali taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Dan premess, kif diġa indikajt fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikors ta’ P&C Hamburg huwa dirett biss kontra P&C Düsseldorf, fis-sens li l-kwistjoni tal-opponibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għar-rivista GRAZIA ma tirriżultax f’dan il-każ (11).

25.      Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika esposta fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik miżmuma mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din il-qorti tindika li, skont il-qorti tal-appell, il-pubblikazzjoni tal-artiklu kien jikkostitwixxi prattika kummerċjali kemm fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-UWG kif ukoll fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, hija tafferma li l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi. Jien nifhem din l-aħħar affermazzjoni fis-sens li tipprevedi wkoll il-klassifikazzjoni ġuridika tal-pubblikazzjoni tal-artiklu fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni lejn id-differenza li tikkaratterizza l-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” hekk kif iddefinit fid-dritt Ġermaniż. Hija tispjega li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-UWG bħala kull azzjoni ta’ persuna għall-benefiċċju tal-impriża tagħha stess jew għal impriża terza, qabel, waqt jew wara l-konklużjoni ta’ operazzjoni kummerċjali u li tippreżenta konnessjoni oġġettiva mal-promozzjoni tal-bejgħ jew il-provvista ta’ prodotti jew servizzi. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” miżmuma fid-dritt Ġermaniż huwa usa’ minn dak miżmum fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, peress li jinkludi wkoll l-azzjonijiet ta’ partijiet terzi intiżi sabiex jippromwovu l-bejgħ jew ix-xiri ta’ kumpannija terza li ma taġixxix f’isem kummerċjant. Madankollu, hija tikkunsidra li d-Direttiva 2005/29 ma tipprekludix li l-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” jirċievu definizzjoni usa’ fid-dritt nazzjonali, peress li din id-direttiva tirregola biss “aspett parzjali” tad-dritt fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali.

27.      Dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx sabiex tikkjarafika l-punt sabiex isir magħruf jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-UWG jikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Lanqas ma jkun neċessarju, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, li jiġi ddeterminat sa fejn id-definizzjoni mogħtija lid-dritt Ġermaniż hija iktar wiesgħa minn dik miżmuma fid-dritt tal-Unjoni. Huwa importanti biss li jiġi ddeterminat jekk il-prattika kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali tikkostitwixxix prattika kummerċjali ta’ P&C Düsseldorf fis-sens ta’ din id-direttiva, li hekk kif diġà indikajt (12), huwa l-każ.

B.      Fuq il-kontestazzjoni ta’ prattika kummerċjali fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ kompetituri

28.      Ir-rinviju għal domanda preliminari preżenti jsib l-oriġini tiegħu f’kawża li fil-kuntest tagħha P&C Hamburg talbet li jkun ipprobjit għal P&C Düsseldorf sabiex turi, bħala kompetitriċi tagħha, reklami li ma humiex identifikabbli b’mod ċar bħala tali, li tiġi obbligata sabiex tikkomunika xi informazzjoni u li tiġi kkundannata sabiex tikkumpensa d-dannu subit. Huwa fil-kuntest ta’ din il-kawża li l-qorti tar-rinviju tfittex sabiex issir taf jekk il-pubblikazzjoni tal-artiklu inkwistjoni jikkostitwixxix prattika kummerċjali prevista fil-punt 11 tal-Anness I, tad-Direttiva 2005/29, u għandux għaldaqstant, jiġi meqjus bħala żleali f’kull ċirkustanza.

29.      Huwa minnu li l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2005/29 ma tistax tiġi amessa ħlief jekk tikkonċerna kummerċjant minn naħa, u konsumatur min-naħa l-oħra (13).

30.      Madankollu, l-fatt li l-kawża prinċipali hija bejn żewġ kummerċjanti li jidhru li huma kompetituri ma jimplikax awtomatikament li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponew lid-Direttiva 2005/29 ma humiex applikabbli fil-kawża preżenti.

31.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu, taħt piena ta’ sanzjonijiet, prattika kummerċjali żleali fl-interess tal-konsumaturi (14). L-interess tal-konsumaturi jista’ jiġi protett permezz ta’ tilwim imressaq bejn kompetituri, billi jieħdu f’dan il-każ il-forma ta’ infurzar privat tad-dritt tal-protezzjoni tal-konsumaturi, previst fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tistipula li l-Istati Membri għandhom jaraw li jeżistu mezzi adegwati u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali. Dawn il-mezzi jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet legali li abbażi tagħhom, il-kompetituri jkunu jistgħu jressqu rikors kontra dawn il-prattiki.

32.      Il-fatt li kompetitur għandu l-interess tiegħu stess f’tali rikors ma jistax jipprekludi l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29.

33.      Fil-fatt, id-Direttiva 2005/29 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE u, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 tagħha, wieħed mill-għanijiet li hija ssegwi huwa l-kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern (15). F’dan il-kuntest, il-premessi 6 u 8 ta’ din id-direttiva jindikaw li hija tipproteġi direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi kontra l-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tagħhom u, għaldaqstant, tipproteġi wkoll indirettament l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi (16). Kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja billi għamlet referenza għall-premessa 6 tal-imsemmija direttiva, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss dawk il-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw “[biss]” l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti (17).

C.      Kummenti fuq is-suġġett u l-portata tad-domandi preliminari

34.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u, b’mod iktar preċiż, tal-benefiċċji pprovduti minn P&C Düsseldorf lill-kumpannija tal-midja, jiġifieri l-editur tar-rivista GRAZIA, il-prattika kummerċjali kkontestata tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali f’kull ċirkustanza, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I, tad-Direttiva 2005/29. Filwaqt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi diversi kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza, dawn iż-żewġ domandi preliminari jikkonċernaw biss il-kundizzjoni dwar il-ħlas tal-promozzjoni ta’ prodott.

35.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kontenut editorjali jintuża sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott, dan huwa “mħallas” mill-kummerċjant mhux biss meta jipprovdi benefiċċju bi flus lill-kumpannija tal-midja sabiex tagħmel din il-promozzjoni iżda wkoll meta pprovda benefiċċju li jikkonsisti f’oġġetti, f’servizzi jew f’elementi oħra ta’ valur patrimonjali (18).

36.      It-tieni domanda preliminari hija komposta minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, li ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tfittex sabiex issir taf jekk, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, tali benefiċċju ta’ valur patrimonjali jikkostitwixxix korrispettiv għall-użu ta’ kontenut ta’ reklamar sabiex titwettaq il-promozzjoni ta’ prodott.

37.      Għalkemm, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, l-użu tal-kunċett ta’ “korrispettiv”, ipprovdut “għall-użu ta’ kontenut editorjali”, jista’ jissuġġerixxi li din il-mistoqsija tikkoinċidi mal-ewwel parti tat-tieni domanda, madankollu dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel domanda tikkonċerna l-punt sabiex isir magħruf jekk il-ħlas jistax jieħu forma differenti minn dak ta’ ħlas bi flus, l-ewwel parti tat-tieni domanda tikkonċerna l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk tali ħlas għandux jikkostitwixxi, kif tispjega l-qorti tar-rinviju fl-espożizzjoni tal-motivi tat-talba għal domanda preliminari, korrispettiv ta’ valur patrimonjali, “fis-sens ta’ relazzjoni bilaterali”.

38.      Din id-domanda ttenni l-argument invokat minn P&C Düsseldorf fl-appell għal Reviżjoni tagħha, li sostna li, sabiex tkun tista’ tiġi konkluża l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza, benefiċċju pprovdut minn kummerċjant għandu jippreżenta rabta mal-kontenut editorjali, fis-sens li jkun jista’ jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-ħlas, ir-rapport “inxtara” minn dan il-kummerċjant. Bil-kontra, din il-konklużjoni ma tistax tittieħed, skont P&C Düsseldorf, mill-fatt li l-kummerċjant jipparteċipa fl-ispejjeż tal-operazzjoni promozzjonali organizzata flimkien ma’ kumpannija tal-midja u li jibbenefikaw liż-żewġ operaturi. Dak li jitħallas b’mod konġunt f’tali każ ikun biss l-avveniment ippjanat flimkien, filwaqt li l-kumpannija tal-midja tiddikjara l-operazzjoni promozzjonali, f’artiklu, unikament fl-interess tagħha biss.

39.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rabta li tagħmel referenza għaliha P&C Düsseldorf tista’ tiġi stabbilita mis-sempliċi fatt li l-operazzjoni promozzjonali u l-artiklu jistgħu jitqiesu bħala elementi tal-unika u l-istess operazzjoni promozzjonali, li ma tistax tiġi evalwata u kklassifikata għajr ġeneralment. Tali soluzzjoni ma hijiex imposta b’mod inevitabbli. Fir-rigward ta’ din l-affermazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell, P&C Düsseldorf partikolarment qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-kumpannija tal-midja d-drittijiet tal-użu marbuta mal-istampi li ntużaw f’dan l-artiklu. Skont il-qorti tar-rinviju, mill-inqas parti tas-servizzi ta’ valur patrimonjali pprovduti minn P&C Düsseldorf jidhru li jippreżentaw rabta konkreta mal-pubblikazzjoni tal-imsemmi artiklu.

40.      Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tieni domanda, it-tieni parti tagħha titressaq biss fil-każ fejn l-ewwel parti teħtieġ risposta affermattiva. Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex sabiex tiddetermina jekk l-użu ta’ kontenut ta’ reklamar huwiex “[im]ħallas”, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, jekk il-kummerċjant qegħedx għad-dispożizzjoni tal-kumpannija tal-midja xi drittijiet fuq l-istampi u meta ż-żewġ operaturi pparteċipaw għall-ispejjeż tal-operazzjoni promozzjonali intiża sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tagħhom.

41.      B’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett komuni taż-żewġ domandi kif ukoll tal-fatt li dawn huma marbuta b’mod strett, nikkunsidra li dawn għandhom jiġu analizzati b’mod strett u jeħtieġu risposta waħda.

42.      Bħala konsegwenza, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta reklam jintuża għall-promozzjoni ta’ prodott, dan huwa “mħallas” mill-kummerċjant mhux biss meta jipprovdi benefiċċju bi flus lill-kumpannija tal-midja sabiex twettaq din il-promozzjoni, iżda wkoll meta pprovda barra minn hekk, benefiċċju li jikkonsisti f’oġġetti, f’xi servizzi jew xi elementi oħra ta’ valur patrimonjali (titolu D).

43.      Jekk din id-domanda tingħata risposta affermattiva, ikun neċessarju, it-tieni, li jiġi ddeterminat jekk, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, tali benefiċċju ta’ valur patrimonjali jikkostitwixxix korrispettiv għall-użu tar-reklamar għall-promozzjoni ta’ prodott, fis-sens li teżisti rabta bejn il-benefiċċju u l-promozzjoni inkwistjoni. Jekk dan ikun il-każ, ikun hemm lok sabiex jiġi vverifikat jekk, meta kumpannija tal-midja tinforma dwar is-suġġett ta’ operazzjoni promozzjonali organizzata flimkien ma’ kummerċjant, jikkostitwixxix tali korrispettiv it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kumpannija tal-midja tad-drittijiet tal-użu tal-istampi u/jew il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ din l-operazzjoni promozzjonali (titolu E).

D.      Ilħlas bħala benefiċċju ta’ valur patrimonjali

1.      Interpretazzjoni litterali

44.      Hekk kif jirriżulta mill-qari tal-premessa 5 tad-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-ostakoli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u l-merkanzija kif ukoll għal-libertà tal-istabbilment jistgħu jiġu eliminati biss permezz tal-adozzjoni ta’ regoli uniformi u permezz tal-kjarifikazzjoni ta’ xi kunċetti ġuridiċi. Minn dan niddeduċi li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kunċetti li jintużaw f’din id-direttiva jikkostitwixxu, bħala prinċipju, kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

45.      Skont verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2005/29 u l-kliem li jintużaw, il-punt 11 tal-Anness I tagħha, jista’ jinftiehem fis-sens li ħlas għandu jieħu l-forma ta’ benefiċċju ta’ flus (19) jew, skont it-termini usa’ li jintużaw f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, fis-sens li l-ħlas jista’ jieħu l-forma ta’ benefiċċju ta’ valur patrimonjali (20).

46.      Minħabba dawn id-differenzi, ma huwiex possibbli li jkun hemm konklużjoni unika fir-rigward tal-benefiċċju li jista’ jikkostitwixxi ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandna nirrikorru għaldaqstant għal metodi ta’ interpretazzjoni minbarra l-interpretazzjoni litterali (21).

2.      Interpretazzjoni sistematika

47.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 huma mfassla primarjament mill-perspettiva tal-konsumatur bħala destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (22). Fis-sistema hekk imfassla, il-prattika kummerċjali deskritta fil-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 tikklassifika bħala “prattika kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza” u, hekk kif jirriżulta mit-titoli li jintużaw f’dan l-anness, “prattika kummerċjali qarrieqa”.

48.      Id-dikotomija bejn il-prattiċi kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza u dawk li jistgħu biss jiġu ddikjarati żleali wara evalwazzjoni ta’ kull każ abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29, hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li huma biss il-prattiki kummerċjali l-iktar dannużi għall-konsumaturi li huma suġġetti għal projbizzjoni assoluta (23).

49.      Mill-perspettiva ta’ konsumatur, ma tantx jimporta li ħlas għall-użu tal-kontenut editorjali jiħux il-forma jew le ta’ benefiċċju ta’ flus. Il-prattika kummerċjali deskritta fil-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 hija meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza, minħabba l-qerq li tista’ tikkawża. Huwa sabiex jiġi evitat dan, hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja diġà, li, “id-Direttiva 2005/29, b’mod partikolari l-punt 11 tal-Anness I tagħha, timponi ċertament fuq l-impriżi li jagħmlu r-reklami, l-obbligu li jindikaw b’mod ċar li huma ffinanzjaw kontenut editorjali fil-media meta dan il-kontenut għandu bħala għan li jiġi promoss prodott jew servizz ta’ dawn il-kummerċjanti” (24).

50.      B’hekk l-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2005/29 targumenta favur it-teżi li tipprovdi li l-forma ta’ ħlas, kemm jekk taħt forma ta’ benefiċċju fi flus jew f’benefiċċju ta’ valur patrimonjali, ma hijiex importanti.

3.      Interpretazzjoni teleoloġika

51.      Billi għamlet referenza għall-punti 46 u 47 tas-sentenza Purely Creative et, P&C Düsseldorf affermat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva 2005/29 ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ din id-direttiva, l-interpretazzjoni tal-eżempji differenti li jagħtu lok għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet timplika evalwazzjoni diffiċli każ b’każ.

52.      Inqis li din l-affermazzjoni ma hijiex sostnuta mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2005/29 u tirriżulta min qari selettiv ta’ din is-sentenza.

53.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Purely Creative et, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet l-interpretazzjoni tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 sabiex tikkjarifika jekk, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, prattika kummerċjali hija meqjusa żleali, f’kull każ, meta spiża, anki negliġibbli, tiġi imposta fuq konsumatur li jkun ġie informat li rebaħ premju.

54.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fuq il-bażi tal-interpretazzjoni litterali u sistematika tal-punt 31 ta’ dan l-anness, li l-projbizzjoni li tiġi imposta spiża għanda natura assoluta (25). Fit-tieni lok, sabiex jiġi kkonfermat ir-riżultat tal-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal interpretazzjoni teleoloġika (26). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, hekk kif tindika l-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29, iċ-ċertezza legali hija element essenzjali tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li huwa fid-dawl li jintlaħaq dan l-għan li l-leġiżlatur ġabar flimkien, fl-Anness I ta’ din id-direttiva, il-prattiki kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza (27).

55.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan ma jistax jintlaħaq jekk il-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jiġi interpretat, minn naħa, bħala li jinkludi element ta’ qerq, distint miċ-ċirkustanzi deskritti fit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, bħala li jawtorizza li jiġu imposti fuq il-konsumatur “spejjeż negliġibbli” fir-rigward tal-valur tal-premju (28). Hija fformulat ukoll il-konstatazzjonijiet li għamlet referenza għalihom P&C Düsseldorf u li jipprovdu li interpretazzjoni differenti teħtieġ xi evalwazzjonijiet diffiċli, imwettqa każ b’każ, li l-inklużjoni tal-prattika f’dan l-Anness I hija intiża preċiżament sabiex tevita.

56.      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal interpretazzjoni teleoloġika biss sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni litterali tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 li, b’differenza għall-kawża preżenti, ippermettiet li tintlaħaq konklużjoni inekwivoka.

57.      Fit-tieni lok, dan l-użu ta’ interpretazzjoni teleoloġika ppermetta li tiġi eskluża l-eżistenza, fid-deskrizzjoni ta’ prattika kummerċjali li taqa’ taħt l-Anness I, ta’ element distint miċ-ċirkustanzi espliċitament previsti f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, huwa dejjem neċessarju li jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni ta’ prattika kummerċjali li jaqgħu taħt l-Anness I humiex issodisfatti fil-każ preżenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ dan l-anness jeħtieġ il-klassifikazzjoni ta’ xi ċirkustanzi bħala “primarji” jew “prinċipali” u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi marbuta indirettament ma’ oħrajn (29).

58.      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-riżultat tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-oppost ta’ dak li tixtieq tikseb P&C Düsseldorf. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għall-interpretazzjoni teleoloġika sabiex ma tirrestrinġix id-definizzjoni tal-“prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali”, filwaqt li P&C Düsseldorf tfittex li jiġi eskluż minn din id-definizzjoni kull forma ta’ ħlas li ma huwiex bi flus.

59.      Fir-raba’ lok, nikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa perfettament kompatibbli mat-tieni għan tad-Direttiva 2005/29, evokat ukoll fis-sentenza Purely Creative et (30), jiġifieri li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumaturi.

60.      Fil-ħames lok, ir-restrizzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali”, li jaqa’ taħt il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għal benefiċċju fi flus jirriskja li din id-definizzjoni tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha, sa fejn din il-miżura jew tali restrizzjoni tippermetti li tiġi evalwata b’mod faċli l-projbizzjoni ta’ rapport pubbliċitarju (31). F’dan ir-rigward, kif tindika P&C Hamburg, distinzjoni bejn l-benefiċċji fi flus u benefiċċji oħra ta’ valur patrimonjali ma tkun adattata fl-ebda mod għar-realtà tal-prattika ġurnalistika.

61.      L-għanijiet tad-Direttiva 2005/29 għaldaqstant tikkonferma li ma tantx huwa importanti li ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jieħu l-forma ta’ benefiċċju fi flus jew ta’ benefiċċju ieħor ta’ valur patrimonjali.

4.      Interpretazzjoni storika

62.      Waqt ix-xogħol preparatorju, il-Parlament Ewropew ippropona, permezz tal-emenda 72 (32), li jiddeskrivi l-prattika kummerċjali prevista fil-punt 11 tal-Anness I, tad-Direttiva 2005/29 kif ġej: “Reklami, avviżi jew promozzjonijiet, xi kultant imsejħa ‘rapporti pubbliċitarji’, li huma mxerrda permezz ta’ ħlas jew ftehim reċiproku ieħor għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jekk huma l-operaturi tas-suq u mhux l-edituri li jikkontrollaw il-kontenut tagħhom. Il-kummerċjalisti u l-edituri jiddikjaraw li r-reklami huma avviżi, pereżempju billi jtuhom titlu ta’ ‘reklam’” (33). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

63.      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea oppona lil din l-emenda billi indika li “[din] ma tistax tiġi aċċettata peress li ma tiddefinixxix prattika li hija żleali f’kull ċirkustanza, li huwa l-kriterju għall-inklużjoni fl-Anness” (34). Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma aċċettatx l-emenda inkwistjoni u l-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma nbidilx b’mod sostanzjali waqt ix-xogħol preparatorju (35). Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jinftehmu fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni oppona interpretazzjoni li tipprovdi li rapport pubbliċitarju jixxandar mhux biss abbażi ta’ ħlas iżda wkoll permezz ta’ ftehim reċiproku ieħor.

64.      Minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-oppożizzjoni tal-Kunsill, l-emenda 72 setgħet effettivament tinqara fis-sens li ma rrigwardatx deskrizzjoni tal-prattika kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza iżda pjuttost istruzzjoni li tippermetti li jiġi evitat li kontenut editorjali jiġi kkunsidrat bħala tali prattika (“għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva […] Il-kummerċjanti u l-edituri li jiddikjaraw li r-reklami huma avviżi”). Għaldaqstant, ma huwiex sorprendenti li din l-emenda ma nżammitx mill-Kummissjoni taħt il-forma proposta mill-Parlament.

65.      Min-naħa l-oħra, l-emenda 72 wettqet preċiżazzjoni fir-rigward tal-benefiċċju li għandu jiġi pprovdut mill-kummerċjant (“mxerrda permezz ta’ ħlas jew ftehim reċiproku ieħor”). Issa, il-Parlament immotiva lil din l-emenda billi invoka l-għan li tiġi ostakolata interpretazzjoni wiesgħa wisq tat-terminu “rapporti pubbliċitarji”, li jista’ jinftiehem bħala li jinkludi (“involontarjament”) il-parti editorjali. Minn dan niddeduċi li, għall-Parlament, iż-żieda tal-paragrafu li jipprovdi li rapporti pubbliċitarji huma kkaratterizzati mill-fatt li “huma l-operaturi tas-suq u mhux l-edituri li jikkontrollaw [il-kontenut ta’ pubblikazzjoni]” tikkostitwixxi emenda tad-deskrizzjoni inizjalment proposta mill-Kummissjoni. Jista’ anki jitqies li l-Parlament ikkunsidra li d-deskrizzjoni inizjalment proposta kienet timplika diġà li benefiċċju pprovdut minn kummerċjant ma għandux neċessarjament jieħu l-forma ta’ ħlas. Dan il-qari tal-emenda 72 jidher kkonfermat mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-emendi mhux aċċettati, inkluża l-emenda 72, setgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni mill-inqas parzjalment (36).

66.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li tipprovdi li kull benefiċċju ta’ valur patrimonjali jista’ jikkostitwixxi ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għaldaqstant, ma tiddaħħalx inkwistjoni mix-xogħol preparatorju li jirrigwarda lil din id-direttiva.

5.      Konklużjoni intermedjarja

67.      Fir-rigward tal-fatt li l-interpretazzjoni litterali tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma tippermettix li tiġi fformulata konklużjoni sodisfaċenti, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet inekwivoċi li jirriżultaw mill-interpretazzjonijiet sistematiċi u teleoloġiċi, li ma humiex opposti minn dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni storika, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta jintuża kontenut editorjali sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott, dan huwa “mħallas” mill-kummerċjant meta dan jipprovdi lill-kumpannija tal-midja benefiċċju li jikkonsisti f’oġġetti, f’servizzi jew f’elementi oħra ta’ valur patrimonjali.

68.      Id-domanda li ser nikkunsidra issa hija dik sabiex isir magħruf jekk, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, tali benefiċċju ta’ valur patrimonjali jikkostitwixxix korrispettiv għall-użu tal-kontenut editorjali sabiex jitwettaq promozzjoni ta’ prodott u, fl-affermattiv, jekk tali korrispettiv ġiex ipprovdut fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

E.      Ħlas bħala korrispettiv għallużu ta’ kontenut editorjali

69.      L-użu tat-terminu “ħallas” u tat-termini ta’ verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jissuġġerixxi li benefiċċju ta’ valur patrimonjali għandu jiġi pprovdut għall-użu ta’ kontenut editorjali intiż għall-promozzjoni ta’ prodott u li għaldaqstant teżisti rabta ċerta bejn tali benefiċċju u din il-promozzjoni tal-prodott.

70.      Huwa utli li wieħed jinnota, f’dan ir-rigward, li hemm, a priori, differenza li tiddistingwi d-deskrizzjoni li tidher f’din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn dik li tidher fid-dritt Ġermaniż. Fil-fatt, skont il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, il-prattika kummerċjali msejħa “rapport pubbliċitarju” tikkonsisti fl-użu ta’ kontenut editorjali għall-promozzjoni ta’ prodott u li din il-promozzjoni hija mħallsa mill-kummerċjant, filwaqt li, skont il-punt 11 tal-Anness tal-UWG, dan jipprovdi l-użu tal-kontenut editorjali għall-promozzjoni ta’ prodott li huwa ffinanzjat mill-kummerċjant. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat fis-sentenza RLvS (37), il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, billi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni timponi ċertament fuq l-impriżi li jagħmlu r-reklami, l-obbligu li jindikaw b’mod ċar li huma ffinanzjaw kontenut editorjali. Għaldaqstant, din is-sentenza tikkonferma l-interpretazzjoni tat-terminu “ħallas” li ser nesponi.

71.      Minħabba l-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda (38), nistgħu nargumentaw li l-interpretazzjoni storika targumenta wkoll favur din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, l-emenda 72, proposta mill-Parlament, kienet intiża sabiex twettaq, fir-rigward tar-rapporti pubbliċitarji, preċiżazzjoni li tipprovdi li din tinkludi r-reklami, l-avviżi u l-promozzjonijiet li huma mxerrda permezz ta’ ħlas jew ftehim reċiproku ieħor. Kif spjegajt, iċ-ċaħda ta’ din l-emenda ma tidhirx li tagħti importanza għaż-żieda ta’ din il-preċiżazzjoni.

72.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, benefiċċju ta’ valur patrimonjali pprovdut mill-kummerċjant lill-kumpannija tal-midja jikkostitwixxi korrispettiv għall-użu tal-kontenut editorjali sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott, fis-sens li teżisti rabta ċerta bejn tali benefiċċju u din il-promozzjoni ta’ prodott.

73.      F’dan il-kuntest, nikkunsidra li l-għoti tad-drittijiet għall-użu tal-istampi, li għalihom tagħmel referenza l-qorti tar-rinviju fit-tieni parti tat-tieni domanda, huwa korrispettiv għall-użu tal-kontenut editorjali sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott.

74.      Fil-fatt, minn naħa, teżisti rabta ċerta u diretta bejn il-benefiċċju pprovdut minn P&C Düsseldorf u l-promozzjoni mwettqa permezz ta’ dan il-kontenut editorjali, sa fejn id-drittijiet tal-użu tal-istampi tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kumpannija tal-midja sabiex tinforma dwar operazzjoni promozzjonali organizzata wkoll minn dak il-kummerċjant u fejn, dwar dawn l-istampi, użati fil-kontenut, ġew ippreżentati ritratti tal-ħwienet ta’ P&C Düsseldorf kif ukoll ta’ xi prodotti offerti minn dan il-kummerċjant għall-bejgħ.

75.      Min-naħa l-oħra, il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma jipprevedi l-ebda ammont minimu li għandu jirrappreżenta benefiċċju ta’ valur patrimonjali sabiex dan jiġi kkunsidrat bħala ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (39). Bħala konsegwenza, il-fatt li l-kumpannija tal-midja sostniet hija wkoll parti mill-ispejjeż li jirrigwardaw pubblikazzjoni ma huwiex importanti. Il-pubblikazzjoni ta’ kontenut editorjali dejjem jinvolvi tali spejjeż għal kumpannija tal-midja. A fortiori, peress li l-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma jipprevedi l-ebda ammont minimu għall-benefiċċju ta’ valur patrimonjali pprovdut mill-kummerċjant, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li għandu jkun hemm ekwivalenza bejn dan il-benefiċċju u l-ispejjeż mġarrba mill-kumpannija tal-midja.

76.      Il-kunsiderazzjoni ppreżentata fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet tista’ għaldaqstant ittemm l-analiżi tat-tieni domanda u tipprovdi risposta utli għall-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni tippermetti li jiġi konkluż li l-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju ta’ valur patrimonjali għandu jikkostitwixxi korrispettiv għall-użu ta’ kontenut editorjali sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott, fis-sens li teżisti rabta ċerta bejn dan il-benefiċċju u din il-promozzjoni. Partikolarment, tali rabta teżisti meta kumpannija tal-midja tagħti xi informazzjoni dwar operazzjoni promozzjonali organizzata b’mod komuni ma’ kummerċjant li, minn naħa tiegħu, sabiex isseħħ din il-promozzjoni, iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-kumpannija tal-midja d-drittijiet għall-użu tal-istampi li fuqhom huma ppreżentati ritratti tal-ħwienet tiegħu kif ukoll il-prodotti offerti minn dan il-kummerċjant għall-bejgħ.

77.      Dan premess, għall-finijiet ta’ kompletezza, nistgħu nistaqsu wkoll dwar il-punt sabiex isir magħruf jekk rabta ċerta bejn benefiċċju ta’ valur patrimonjali u l-użu ta’ kontenut editorjali għat-twettiq ta’ promozzjoni ta’ prodott tistax tgawdi wkoll natura indiretta u, jekk ikun il-każ, jekk tali rabta ċerta u indiretta teżistix, f’dan il-każ, bejn il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ operazzjoni promozzjonali organizzata b’kooperazzjoni ma’ kumpannija tal-midja u l-pubblikazzjoni tal-artiklu kkontestat. Meħuda waħedha, l-organizzazzjoni b’kooperazzjoni ta’ tali operazzjoni promozzjonali ma tippreżentax rabta diretta ma’ din il-pubblikazzjoni. Hija biss l-assenza ta’ tali rabta diretta li jidher li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprevedi li din l-operazzjoni promozzjonali u dan l-artiklu jikkostitwixxu ħaġa waħda (40).

78.      Qabel kollox ma neskludix li rabta indiretta bejn benefiċċju ta’ valur patrimonjali mogħti lill-kumpannija tal-midja u l-użu tal-kontenut editorjali tagħha għall-promozzjoni ta’ prodott tkun suffiċjenti sabiex tiġi konkluża prattika kummerċjali żleali f’kull ċirkustanza, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Interpretazzjoni kuntrarja tirriskja li din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha, peress li r-rekwiżit ta’ rabta diretta jippermetti li tiġi evitata faċilment il-projbizzjoni assoluta ta’ rapporti pubbliċitarji (41).

79.      Madankollu, ir-rabta indiretta bejn il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ operazzjoni promozzjanali organizzata f’kooperazzjoni ma’ kumpannija tal-midja u l-pubblikazzjoni tal-artiklu kkontestat, hija stabbilita biss fuq il-bażi ta’ preżunzjoni dubjuża u għaldaqstant mhux ċerta.

80.      Fil-fatt, qabel kollox, nikkunsidra li l-kummerċjant iffinanzja l-użu tal-kontenut editorjali sabiex jippromwovi prodott, meta l-kumpannija tal-midja tinforma fuq operazzjoni promozzjonali organizzata f’kooperazzjoni ma’ kummerċjant iwassal għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ preżunzjoni li tipprovdi li dan il-kummerċjant assoċja ruħu ma’ din il-kumpannija sabiex iwettaq din il-promozzjoni. Sussegwentement, li tiġi aċċettata r-rilevanza ta’ din il-preżunzjoni fil-kuntest tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 iwassal sabiex jagħti lill-imsemmija preżunzjoni natura irrefutabbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li din hija prattika kummerċjali żleali f’kull ċirkustanza. Fl-aħħar, din il-prattika kummerċjali tiġi kkunsidrata bħala l-għemil ta’ dan il-kummerċjant, anki jekk l-impenn tiegħu fl-użu tal-kontenut editorjali sabiex titwettaq il-promozzjoni huwa bbażat biss fuq l-imsemmija preżunzjoni.

81.      Issa, billi juża l-libertà ta’ impriża, kummerċjant jista’ jidħol f’kooperazzjoni ma’ kumpannija tal-midja, li teżerċita attivitajiet differenti, mhux sabiex jiżgura espożizzjoni fil-midja, iżda sabiex jibbenefika min-notorjetà ta’ din il-kumpannija, tal-għarfien tagħha, tar-riżorsi tagħha, jew tal-kuntatti kummerċjali tagħha.

82.      Jekk il-finanzjament fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ikun nieqes, prattika kummerċjali ma tistax tiġi meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Tali prattika kummerċjali, li ma tidhirx f’dan l-anness, tista’ sussegwentement tiġi ddikjarata żleali wara eżami każ b’każ tal-karatteristiċi tagħha, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva.

83.      Bla ħsara għall-kummenti preċedenti dwar il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ operazzjoni promozzjonali organizzata f’kooperazzjoni ma’ kumpannija tal-midja, ser inżomm il-konklużjoni fformulata fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

84.      Barra minn hekk, ninnota li, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza, prevista fil-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu dejjem jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, minbarra dawk relattivi għall-finanzjament tal-promozzjoni ta’ prodott humiex issodisfatti wkoll. F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hemm lok sabiex jiġi vverifikat, partikolarment, jekk dan jirrigwarda “kontenut editorjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan il-kunċett ma kienx is-suġġett ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, u jekk jirriżultax b’mod ċar mill-artiklu inkwistjoni li dan kien jirrigwarda kontenut iffinanzjat flimkien mal-kummerċjant. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet l-oħra ma kinux is-suġġett tad-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja u, minħabba din ir-raġuni ma ġewx eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet.

VI.    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta li ġejja lill-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

Il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kontenut editorjali jintuża sabiex isseħħ il-promozzjoni ta’ prodott, dan huwa “[m]ħallas” minn kummerċjant ukoll meta dan il-kummerċjant jipprovdi lill-kumpannija tal-midja benefiċċju li jikkonsisti f’xi oġġetti, f’servizzi jew f’elementi oħra ta’ valur patrimonjali.

Tali benefiċċju ta’ valur patrimonjali għandu jikkostitwixxi korrispettiv għall-użu tal-kontenut editorjali sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ prodott, fis-sens li għandha teżisti rabta ċerta bejn dan il-benefiċċju u din il-promozzjoni.

Partikolarment, tali rabta teżisti meta kumpannija tal-midja tagħti xi informazzjoni dwar operazzjoni promozzjonali organizzata b’mod komuni ma’ kummerċjant li, min-naħa tiegħu, sabiex isseħħ din il-promozzjoni, iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-kumpannija tal-midja d-drittijiet għall-użu tal-istampi li fuqhom huma ppreżentati ritratti tal-ħwienet tiegħu kif ukoll il-prodotti offerti minn dan il-kummerċjant għall-bejgħ.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


3      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 48).


4      BGB1. 2010, p. 254.


5      Fl-espożizzjoni tal-motivi tar-rinviju preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li l-“operazzjoni promozzjonali kkontestata f’dan il-każ teżisti biss fil-pubblikazzjoni tal-artiklu u mhux fit-twettiq ta’ avvenimenti mħabbra u deskritti fih”, u li “is-suġġett tal-kawża hija operazzjoni promozzjonali ta’ portata nazzjonali mnedija [minn P&C Düsseldorf] fir-rivista tal-moda”. Madankollu, fil-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari kif ukoll f’xi paragrafi oħra tal-espożizzjoni tal-motivi tar-rinviju preliminari, it-terminu “operazzjoni promozzjonali” jintuża sabiex jiddeskrivi avvenimenti organizzati fil-ħwienet ta’ P&C Düsseldorf, li kienu s-suġġett tal-artiklu ppublikat fir-rivista GRAZIA. Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni nikkunsidra li l-prattika kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali tipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, u t-terminu “operazzjoni promozzjonali” ser jintuża, f’dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiddeskrivi l-avvenimenti mħabbra u deskritti fih.


6      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 32). L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-kummerċjant bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”.


7      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:808, punti 42 u 43).


8      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet b’mod partikolari l-indikazzjoni li tipprovdi li “is-suġġett tal-kawża hija operazzjoni promozzjonali ta’ portata nazzjonali mnedija [minn P&C Düsseldorf] fir-rivista tal-moda”.


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 36).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 38).


11      Mingħajr ma tiġi ppreġudikata r-risposta li għandha tingħata għal tali domanda, huwa minnu li l-punt 39 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669), tista’ tissuġġerixxi li l-pubblikazzjoni ta’ artiklu ma tistax tikkostitwixxi prattika kummerċjali li ġejja minn editur tal-istampa. Madankollu, l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kkonċernat artikli li rrigwardaw avvenimenti esterni għall-editur tal-istampa, filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ artiklu li jirrigwarda operazzjoni promozzjonali organizzata minn editur tal-istampa f’kooperazzjoni ma’ P&C Düsseldorf.


12      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:378, punt 40).


14      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 33).


15      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:378, punt 32). F’dak li jikkonċerna r-rabta bejn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-forom differenti ta’ infurzar privat tad-dritt tal-Unjoni ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola (C‑253/00, EU:C:2002:497, punti 29 sa 32).


16      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 40), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 hija intiża sabiex tipproteġi lill-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi ta’ dawn l-istess impriżi kif ukoll il-kompetituri leġittimi tagħhom.


17      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, EU:C:2010:12 punt 39), u tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 30).


18      Nosserva li l-qorti tar-rinviju ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara jekk il-ħlas jistax jieħu l-forma ta’ benefiċċju mhux patrimonjali. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li tweġiba affermattiva għal din id-domanda hija prevista fid-duttrina. Ara Namysłowska, M., Sztobryn, K., “Ukryta reklama po implementacji dyrektywy o nieuczciwych praktykach rynkowych”, Państwo i Prawo, 2008, Vol. 11, p. 61.


19      Jistgħu jiġu ċċitati l-verżjonijiet bl-Ispanjol (“pagando”), biċ-Ċek (“zaplatil”), bid-Daniż (“betalt”), bil-Ġermaniż (“bezahlt”), bl-Estonjan (“maksnud”), bl-Ingliż (“paid for”), bil-Latvjan (“ir samaksājis”), bil-Litwan (“sumokėjo”), bl-Olandiż (“betaald”), bil-Pollakk (“zapłacił”), bir-Rumen (“a plătit”), bis-Slovakk (“zaplatil”), bis-Sloven (“plačal”), bil-Finlandiż (“maksanut”) u bl-Isvediż (“betalat”) li jużaw forom grammatikali differenti tal-verb “ħlas”.


20      Hija speċjalment il-verżjoni bit-Taljan (“costi […] sostenuti”) li tfisser f’traduzzjoni libera “ħlas tal-ispejjeż ta’ promozzjoni”. Taħt dan l-angolu, il-kliem tal-verżjonijiet bil-Franċiż (“financer”), bl-Ungeriż (“fizetett”) u bil-Portugiż (“financiar”) ma jidhrux li jeskludu l-forom ta’ benefiċċju ta’ valur patrimonjali li ma humiex flus.


21      Fis-sentenza 4finance, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-riżultat tal-interpretazzjoni litterali tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma’ dak tal-interpretazzjoni teleoloġika, billi fakkret li r-rekwiżit ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni jeskludi li dan jiġi kkunsidrat biss f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, iżda jeżiġi li jiġi interpretat abbażi kemm tar-rieda reali tal-awtur tiegħu u kemm tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, partikolarment, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, C‑515/12, EU:C:2014:211, punti 19, 20 u 24). Dejjem fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Trento Sviluppo u Centrale Adriatica, li, f’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, C‑281/12, EU:C:2013:859, punt 26). Barra minn hekk, fis-sentenza Purely Creative et, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal domandi preliminari li rrigwardaw il-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 billi rrikorriet għall-interpretazzjoni litterali (punti 25 u 26), storika (punt 28), sistematika (punti 35 u 42) u teleoloġika (punt 43) ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, C‑428/11, EU:C:2012:651, iktar ’il quddiem is-sentenza “Purely Creative et”). L-istess, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza, fis-sentenza Wind Tre u Vodafone Italia, sabiex tirrispondi għal domanda preliminari dwar il-punt 21 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għall-interpretazzjonijiet litterali, (punt 43), sistematika (punt 45) u teleoloġika (punt 54) (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710). Huwa minnu li, f’dawn iż-żewġ sentenzi tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva. Madankollu, l-approċċ teleoloġiku adottat f’dawn is-sentenzi jikkonferma li r-riżultat li jirriżulta minn interpretazzjoni litterali ma jistax jaħbi lil dawk li jirriżultaw minn metodi oħra ta’ interpretazzjoni.


22      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország (C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 52).


23      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 32). Waqt ix-xogħol preparatorju, il-Kummissjoni indikat li l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 fih il-prattiki kummerċjali li jibdlu sostanzjalment id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi. Ara l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2003 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern u li temenda d-Direttivi 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) COM (2003) 356 finali) p. 10.


24      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 48).


25      Sentenza Purely Creative et, punti 30 u 36.


26      Sentenza Purely Creative et, punt 43.


27      Sentenza Purely Creative et, punt 46.


28      Sentenza Purely Creative et, punti 46 u 47.


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nationale Loterij (C‑667/15, EU:C:2016:958, punt 30). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 33).


30      Sentenza Purely Creativ et, punti 48 u 49.


31      Ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna lill-punt 14 ta’ dan l-anness, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nationale Loterij (C‑667/15, EU:C:2016:958, punt 31).


32      Rapport tat‑18 ta’ Marzu 2004 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern u li temenda d-Direttivi 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) (COM(2003) 356 – C5-0288/2003 – 2003/0134(COD)) (A5-0188/2004 finali).


33      Korsiv miżjud minni.


34      Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2004, deċiża mill-Kunsill, li tiddeċiedi konformi mal-proċedura previst fl-Artikolu 251 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea, bil-għan tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE u d-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU 2005, C 38 E, p. 1), p. 20.


35      Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, id-deskrizzjoni ta’ din il-prattika ġiet ifformulata kif ġej: “L-użu ta’ reklam fil-midja għall-promozzjoni ta’ prodott li kummerċjant iffinanza huwa stess, mingħajr ma jindika dan b’mod ċar fil-kontenut (rapporti pubbliċitarji).” Ara l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern u li temenda d-Direttivi 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) (COM(2003) 356 finali).


36      Kommunikazzjoni tas‑16 ta’ Novembru 2004 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, (COM(2004) 753 finali), p. 6.


37      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013 (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 48).


38      Ara l-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Barra minn hekk, l-għan sabiex tingħata ċertezza legali iktar fl-identifikazzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali, previst fil-premessa 17 ta’ din id-direttiva, ma jkunx żgurat jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu liema huma l-ammonti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala finanzjament fis-sens tal-punt 11 tal-Anness I, tad-Direttiva 2005/29. Ara, bħala anoloġija, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 26).


40      Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara bħala analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nationale Loterij (C‑667/15, EU:C:2016:958, punt 31). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet sabiex tikkjarifika fuq il-punt sabiex isir magħruf jekk il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” anki fil-każ li tkun teżisti biss rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda għal tali skema u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħlas ta’ kumpens li membru jista’ jirċievi jista’ jiddependi indirettament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa fis-sistema mill-parteċipanti l-ġodda.