Language of document : ECLI:EU:T:2010:537

Kawża T-281/09

Deutsche Steinzeug Cremer & Breuer AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CHROMA — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

1.      Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, jekk għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Lanqas ma huwa neċessarju, sabiex l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jopponi tali rifjut, li s-sinjal inkwistjoni jkun effettivament użat għal skopijiet deskrittivi, iżda huwa biżżejjed li dan is-sinjal ikun jista’ jintuża għal dawn l-iskopijiet.

Barra minn hekk, ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li jistgħu jiġu deskritti mis-sinjal inkwistjoni humiex, fuq il-livell kummerċjali, essenzjali jew sempliċement sekondarji, jiġifieri jekk jeżistux jew le sinonimi li jippermettu li jissemmew l-istess karatteristiċi.

(ara l-punti 28, 29)

2.      Jiddeskrivi l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-konsumatur li jitkellem bil-Grieg, is-sinjal CHROMA, li għalih saret l-applikazzjoni għal “Sinkijiet ta’ utilità, trays tax-shower, showers u banjijiet, sinkijiet, bidets, awrinari, WC, sistemi ta’ flushing, kollha taċ-ċeramika” u “Materjali tal-bini mhux tal-metall; madum, pjattaformi, forom, pajpijiet u kisi għall-kostruzzjoni, kollha mhux tal-metall, twavel taċ ċeramika, tal-mużajk u bċejjeċ ifformati għall-kostruzzjoni, materja prima għall-kostruzzjoni” li jaqgħu fil-klassijiet 11 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice rispettivament.

It-transkrizzjonijiet b’karattri Latini ta’ kliem Griegi għandhom jiġu assimilati, għall-finijiet b’mod partikolari tal-evalwazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-imsemmi regolament, ma’ kliem miktuba b’karattri Griegi. Din il-kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar fil-każ tas-sinjal CHROMA. li huwa transkrizzjoni fidila tal-kelma Griega “xρώμα” li tfisser “kulur”, b’ittri tal-alfabet Latin magħruf mill-konsumatur ikkonċernat li jitkellem bil-Grieg.

L-użu tat-terminu “kulur” jittrażmetti b’hekk messaġġ li jista’ immedjatament jinftiehem mill-konsumatur ikkonċernat, billi jindika l-preżenza ta’ serje ta’ prodotti f’kuluri differenti, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ apparat sanitarju taċ-ċeramika u ta’ materjal ta’ kostruzzjoni taċ-ċeramika għall-kmamar tal-banju, f’kuluri oħra minbarra l-abjad klassiku. Barra minn hekk, il-prodotti inkwistjoni jistgħu probabbilment jintalbu skont l-iskala tal-kulur sabiex jitqabbel il-kulur fil-kuntest ta’ kreazzjonijiet dekorattivi. Minn dan jirriżulta li mill-perspettiva tal-konsumatur ikkonċernat li jitkellem bil-Grieg, is-sinjal CHROMA jista’ jservi sabiex jindika li l-prodotti kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 11 u 19 kienu disponibbli f’kuluri differenti, u li għalhekk kien jindika karatteristika rilevanti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

(ara l-punti 33-35, 39, 41)