Language of document : ECLI:EU:T:2007:218

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ħatra – Dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda– Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fil-grad meta jsir ir-reklutaġġ –Artikolu 12 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”

Fil-kawża T‑58/05

Isabel Clara Centeno Mediavilla, residenti f’Sivilja (Spanja),

Delphine Fumey, residenti f’Evere (il-Belġju),

Eva Gerhards, residenti fi Brussell (il-Belġju),

Iona M. S. Hamilton, residenti fi Brussell,

Raymond Hill, residenti fi Brussell,

Jean Huby, residenti fi Brussell,

Patrick Klein, residenti fi Brussell,

Domenico Lombardi, residenti fi Brussell,

Thomas Millar, residenti Londra (ir-Renju Unit),

Miltiadis Moraitis, residenti f’Woluwe-Saint-Lambert (il-Belġju),

Ansa Norman Palmer, residenti fi Brussell,

Nicola Robinson, residenti fi Brussell,

François-Xavier Rouxel, residenti fi Brussell,

Marta Silva Mendes, residenti fi Brussell,

Peter van den Hul, residenti f’Tervuren (il-Belġju),

Fritz Von Nordheim Nielsen, residenti f’Hoeilaart (il-Belġju),

Michaël Zouridakis, residenti fi Brussell,

l-ewwel irrappreżentati minn G. Vandersanden, L. Levi u A. Finchelstein, imbagħad minn G.Vandersanden u L. Levi, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u H. Kraemer, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ewwel irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz, M. Sims u I. Sulce, wara minn M. Arpio Santacruz u I. Sulce, bħala aġenti

intervenjent

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jaħtru lir-rikorrenti uffiċjali taħt prova, safejn dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 124, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest legali

1        Fil-verżjoni applikabbli sat-30 ta’ April 2004, l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal il-qodma”) kien jipprovdi li l-kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali magħżula mill-Awtorità tal-Ħatra minn fuq il-listi tal-kandidati xierqa stabbiliti mill-Bordijiet ta’ l-Għażla wara l-eżamijiet ta’ selezzjoni kienu maħtura uffiċjali tal-kategorija A, fil-grad bażiku, u uffiċjali ta’ kategoriji oħra, fil-grad bażiku li jikkorispondi għall-impjieg li għalih huma kienu ġew irreklutati.

2        Skond l-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

3        Dan ir-Regolament jintroduċi sistema ġdida ta’ karrieri fis-servizz pubbliku Komunitarju billi jissostitwixxi bil-gruppi l-ġodda tal-funzjoni ta’ amministraturi (AD) u ta’ assistenti (AST) il-kategoriji qodma ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej A, B, Ċ u D.

4        Minħabba din l-emenda, l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), issa jipprovdi dan li ġej:

“1. Il-posizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, fi grupp tal-funzjoni ta’ amministraturi (minn issa ’quddiem ‘AD’) u grupp tal-funzjoni ta’ l-assistenti (minn issa ’l quddiem ‘AST’).

2. Il-grupp tal-funzjoni AD għandu jkun fih tnax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet amministrattivi, ta’ konsulenza, lingwistiċi u xjentifiċi. Il-funzjoni tal-grupp AST għandu jkun fih ħdax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet esekuttivi, tekniċi u klerikali.

[…]

4. Tabella li turi t-tipi ta’ posizzjonijiet tingħata fl-Anness I, punt A. B’riferenza għal din it-tabella, kull istituzzjoni għandha tiddefinixxi d-dmirijiet u s-setgħat marbutin ma’ kull tip ta’ posizzjoni wara li tikkonsulta l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.

5. Kondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni.”

5        L-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula:

“1. Il-kandidati magħżula għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(2), l-uffiċjali għandhom ikunu reklutati biss taħt il-gradi AST 1 sa AST 4, jew AD 5 sa AD 8. Il-grad ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni għandu jkun stabbilit mill-istituzzjoni skond il-kriterji li ġejjin:

a)       l-iskop tar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali sa l-ogħla standard kif definit fl-Artikolu 27;

(b)       il-kwalità ta’ l-esperjenza professjonali meħtieġa.

Biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-istituzzjonijiet, il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jeżistu fil-Komunità jistgħu jkunu kkunsidrati wkoll meta jkunu reklutati l-uffiċjali.

[…]”

6        Fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolamenti tal-Persunal jinkludu anness ġdid, l-Anness XIII, intitolat “Miżuri tranżitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet”, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

Għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 t’April 2006 l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament[i] tal-Persunal huma mibdula b’dan li ġej:

’1. Il-postijiet koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-kariga.

2. Il-kategorija A jkun fiha tnax-il grad, il-kategorija B ikun fiha disa’ gradi, il-kategorija Ċ ikun fiha seba’ gradi, u l-kategorija D ikun fiha ħames gradi.’

2. Kull riferenza għad-data tar-reklutaġġ għandha titqies li tirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 2

1. Fl-1 ta’ Mejju 2004, u suġġetti għall-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness, il-gradi ta’ l-uffiċjali li għandhom wieħed mill-istati amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jingħataw isem mill-ġdid kif ġej:

Grad ta’ qabel

Grad il-ġdid (intermedju)

Grad ta’ qabel

Grad il-ġdid (intermedju)

Grad ta’ qabel

Grad il-ġdid (intermedju)

Grad ta’ qabel

Grad il-ġdid (intermedju)

A1

A*16

      

A2

A*15

      

A3/LA3

A*14

      

A4/LA4

A*12

      

A5/LA5

A*11

      

A6/LA6

A*10

B1

B*10

    
        

A7/LA7

A*8

B2

B*8

    

A8/LA8

A*7

B3

B*7

C1

C*6

  
  

B4

B*6

C2

C*5

  
  

B5

B*5

C3

C*4

D1

D*4

    

C4

C*3

D2

D*3

    

C5

C*2

D3

D*2

      

D4

D*1


[…]”

7        L-Artikolu 4 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula b’mod partikolari dan li ġej:

“Għall-iskopjiet ta’ dawn id-disposizzjonijiet u għall-perjodu speċifikat fis-sentenza tad-dħul ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness:

(a)       il-kliem ‘grupp tal-funzjoni’ għandu jinbidel bi ‘kategorija’:

         (i) fir-Regolamenti tal-Persunal fi:

                  – l-Artikolu 5(5),

                  – […]

                  – l-Artikolu 31(1),

         […]

b)       il-kliem ‘grupp tal-funzjoni ta’ l-AD’ għandu jinbidel bi ‘kategorija A*’:

(i) fir-Regolamenti tal-Persunal fi:

- l-Artikolu 5(3), punt (ċ);

[…]

e)      fl-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kliem ‘grupp tal-funzjoni ta’ l-AST’ jinbidel bi ‘kategoriji B* u Ċ *’;

[…]

n)      fl-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-riferenza għal ‘L-Anness I, punt A’ tinbidel b’riferenza għal ‘L-Anness XIII.1’;

[…]”

8        L-Artikolu 12 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula:

“ 1. Bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006, r-riferenza għall-gradi fil-gruppi tal-funzjoni ta’ l-AST u l-AD fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha ssir kif ġej:

–        AST1 sa AST4: Ċ*1 sa Ċ*2 u B*3 sa B*4,

–        AD5 sa AD8: A*5 sa A*8,

–        AD9, AD10, AD11, AD12: A*9, A*10, A*11, A*12.

2. Fil-każ ta’ l-uffiċjali reklutati mil-listi ta’ kandidati xierqa, li jirriżultaw minn kompetizzjonijiet ippubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandux japplika.

3. L-uffiċjali li kienu inklużi f’lista tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u huma reklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006, għandhom:

–        jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A*, B*, jew Ċ*, ikunu ggradati fil-grad ippubblikat fil-kompetizzjoni;

–        jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A, LA, B, jew Ċ, ikunu ggradati skond it-tabella li ġejja:


Grad tal-kompetizzjoni

Grad tar-reklutaġġ

A8/LA8

A*5

A7/LA7 u A6/LA6

A*6

A5/LA5 u A4/LA4

A*9

A3/LA3

A*12

A2

A*14

A1

A*15

B5 u B4

B*3

B3 u B2

B*4

C5 u C4

C*1

C3 u C2

C*2”


 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-perijodu bejn il-11 ta’ April 2001 u t-18 ta’ Ġunju 2002, diversi avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali maħsuba sabiex jikkostitwixxu riżervi ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi ta’ grad A 7/A 6 (COM/A/6/01, COM/A/9/01, COM/A/10/01, COM/A/1/02, COM/A/3/02 et CC/A/12/02), ta’ assistenti amministraturi ta’ grad A 8 (kompetizzjoni COM/A/2/02) u ta’ assistenti ta’ grad B 5/B 4 (kompetizzjoni COM B/1/02).

10      Is-17-ir rikorrent kienu ġew iskritti qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fuq id-diversi listi ta’ kandidati xierqa mħejijja wara li saru l-eżamijiet ta’ selezzjoni.

11      Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, l-avviżi ta’ kompetizzjoni kienu jippreċiżaw li l-iskrizzjoni tal-kandidtati magħżula fuq il-listi ta’ riżerva kienet tagħmilhom eliġibbli sabiex ikunu reklutati skond il-bżonnijiet tas-servizz.

12      Fil-punt D (“Informazzjoni ġenerali”), in fine, ta’ l-avviżi ta’ kompetizzjonijiet COM/A/l/02 u COM/A/2/02, issemma dan li ġej:

“Il-Kummissjoni bagħtet formalment lill-Kunsill proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proposta tinkludi b’mod partikolari sistema ġdida ta’ karriera. Il-kandidati magħżula ta’ din il-kompetizzjoni jkunu jistgħu għalhekk jiġu rreklutati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal , wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill.”

13      L-avviż ta’ kompetizzjoni COM/A/3/02 kien jinkludi riferenza kważi identika għad-“dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”.

14      Il-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/6/01, COM/A/9/01 u COM/A/10/01 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjonijiet ta’ l-2001”) kienu ġew ippubblikati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2002 (kompetizzjoni COM/A/6/01), fit-8 ta’ Marzu (kompetizzjoni COM/A/10/01) u fit-2 ta’ Lulju 2003 (kompetizzjoni COM/A/9/01).

15      L-ittri li bihom il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ta’ l-2001 kienu ġew infurmati bl-iskrizzjoni tagħhom fuq il-lista ta’ kandidati xierqa kienu jindikaw b’mod partikolari li din il-lista kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2003.

16      F’Diċembru ta’ l-2003, id-Diviżjoni Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni indirizzat ittra lil kull wieħed mill-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ta’ l-2001, fejn indikatilhom li l-validità tad-diversi listi ta’ kandidati xierqa kienet ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2004.

17      Il-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/l/02, COM/A/2/02, COM/A/3/02, COM/B/1/02 u CC/A/12/02 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjonijiet ta’ l-2002”) kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2003 (kompetizzjoni CC/A/12/02), fit-23 ta’ Marzu (kompetizzjoni COM/A/1/02 u COM/A/2/02) u fit-18 ta’ Mejju 2004 (kompetizzjoni COM/A/3/02 u COM/B/1/02).

18      Ir-rikorrenti kienu ġew maħtura uffiċjali taħt prova permezz ta’ deċiżjonijiet adottati wara l-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) u li jieħdu effett bi skadenza bejn din id-data u l-1 ta’ Diċembru 2004.

19      Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti kienu ġew ikklassifikati fil-grad skond l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fil-grad B*3 (kompetizzjoni COM/B/1/02) fil-grad A*5 (kompetizzjoni COM/A/2/02) jew fil-grad A *6 (il-kompetizzjonijiet l-oħra kollha).

20      Kull wieħed mir-rikorrenti, bejn is-6 ta’ Awwissu 2004 u l-21 ta’ Ottubru 2004, ippreżenta talba, abbażi ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li taħtru uffiċjal taħt prova safejn din kienet tistabbilixxi, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-klassifikazzjoni tiegħu fi grad anqas favorevoli minn dawk indikati fid-diversi avviżi ta’ kompetizzjoni.

21      B’deċiżjonijiet meħuda bejn il-21 ta’ Ottubru 2004 u t-22 ta’ Diċembru 2004, l- Awtorità tal-Ħatra ċaħdet it-talbiet imressqa mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

23      B’digriet tas-6 ta’ Ġunju 2005 tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill ġie ammess sabiex jintervjeni b’sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

24      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem ir-Raba’ Awla Estiża.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati safejn dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad skond l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tirrikostruwixxi l-karriera tagħhom (inkluż ir-rikonoxximent ta’ l-esperjenza tagħhom fil-grad kif emendat, id-drittijiet tagħhom għall-promozzjoni u għall-intitolament tagħhom għall-pensjoni), abbażi tal-grad li huma kellhom jiġu rreklutati fih f’konformità ma’ l-avviż tal-kompetizzjoni li abbażi tiegħu huma kienu ġew imqiegħda fuq il-lista tal-kandidati xierqa, jew fil-grad imsemmi f’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, jew f’dak li jikkorispondi għall-ekwivalent tiegħu skond il-klassifikazzjoni stabbilita permezz tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal (u fl-iskala approprjata skond ir-regoli applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004), mid-data tad-deċiżjoni ta’ ħatra;

–        tagħtihom id-dritt għall-interessi għal dewmien, ikkalkulati abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew, dovuti fuq is-somom kollha li jikkorispondu għad-differenza bejn is-salarju li jikkorispondi għall-klassifikazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni ta’ ħatra u l-klassifikazzjoni li huma kellhom ikunu intitolati għaliha, sad-data tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni regolari fil-grad;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

 Id-dritt

27      B’sostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jeċċepixxu, l-ewwel, l-illegalità ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni ddeterminat il-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

28      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru huma stess il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ premura, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fede, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ l-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad.

 Fuq l-illegalità ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal

29      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kuntrarju għall-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, jikser id-drittijiet akkwistati tagħhom, il-prinċipji ta’ sigurtà legali u ta’ non-retroattività, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, l-aspettattivi leġittimi tagħhom u jikser kemm l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikoli 5 u 7 tagħhom.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma

–       L-argumenti tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li naqset li tikkonsulta lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq emenda li saret għall-proposta ta’ regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u intiża għall-ħatra tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet li l-avviż tagħhom kien jindika l-gradi ta’ reklutaġġ A7 jew A 6, mhux fil-grad A *7, kif kien previst fit-test preċedentement sottomess lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal , iżda fil-grad anqas A *6.

31      Din l-emenda, introdotta fid-dispożizzjoni li saret l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, mhijiex, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, marġinali, mhux sostanzjali jew anki gradwali u mhux strutturali, għaliex din twassal għal tnaqqis konsiderevoli tad-drittijiet pekunjarji u tal-prospetti ta’ karriera tar-rikorrenti.

32      Billi naqset milli tikkonsulta lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq din l-emenda fundamentali tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni b’hekk kisret it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

33      Il-Kummissjoni toġġezzjona li konsultazzjoni ġdida tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal hija meħtieġa biss meta l-proposta li fuqha esprima ruħu dan il-korp ġiet emendata sal-punt li s-sostanza tagħha stess ġiet affettwata.

34      Issa, l-emenda li tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-grad ta’ reklutaġġ A *6 għall-grad A *7 mhijiex ta’ natura sostanzjali, għaliex il-portata tagħha hi limitata ħafna u għandu jiġi kkunsidrat li l-istruttura l-ġdida ta’ karrieri hi bbażata fuq ritmu aktar sostnut ta’ promozzjonijiet minn dik ta’ qabel.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Skond it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal hu kkonsultat mill-Kummissjoni fuq kull proposta ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ konsultazzjoni li jestendi ruħu, barra għall-proposti formali, għall-emendi sostanzjali ta’ proposti diġà eżaminati li għalihom hija tipproċedi, sakemm, f’dan l-aħħar każ, l-emendi jikkorispondu fil-parti l-kbira għal dawk proposti mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.

36      Din l-interpretazzjoni toħroġ kemm mill-kliem tad-dispożizzjoni in kwistjoni kif ukoll mir-rwol assunt mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minn naħa, billi tipprevedi l-konsultazzjoni mingħajr riżerva u lanqas eċċezzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq kull proposta ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tagħti portata wiesgħa lill-obbligu li hija tiddefinixxi. It-termini tagħha huma għaldaqstant manifestament inkonċiljabbli ma’ interpretazzjoni restrittiva tal-portata tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala organu paritarju li jiggruppa mill-ġdid ir-rappreżentanti ta’ l-amministrazzjonijiet u dawk tal-persunal, peress illi dawn ta’ l-aħħar huma demokratikament eletti, ta’ l-istituzzjonijiet kollha, hu mġiegħel sabiex jieħu in kunsiderazzjoni u jesprimi l-interessi tas-servizz pubbliku Komunitarju kollu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Busacca et vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑164/97, Ġabra p. I‑A‑565 u II‑1699, punti 91 sa 95).

37      Minn dan jirriżulta li, meta l-emendi għal proposta ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal huma introdotti matul in-negozzjar tat-test quddiem il-Kunsill, jeżisti obbligu ta’ konsultazzjoni mill-ġdid mal-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tad-dispożizzjonijiet regolamentari kkonċernati, meta dawn l-emendi jaffettwaw b’mod sostanzjali l-istruttura tal-proposta. Emendi speċifiċi u ta’ effett limitat ma jipprevedux tali obbligu, li jkollu, f’każ ta’ interpretazzjoni kuntrarja, l-effett li jirrestrinġi eċċessivament id-dritt ta’ emenda fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv Komunitarju.

38      In-natura kemm sostanzjali, kif ukoll speċifika u limitata ta’ l-emendi in kwistjoni għandha għalhekk tkun evalwata mill-perspettiva ta’ l-għan tagħhom u tal-pożizzjoni li jokkupaw id-dispożizzjonijiet emendati fid-dispożittiv kollu propost għall-adozzjoni, u mhux minn dik tal-konsegwenzi individwali li dawn jistgħu jkollhom fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati permezz ta’ l-implementazzjoni tagħhom.

39      F’dan il-każ, l-iskjerament mill-ġdid tal-gradi ta’ klassifikazzjoni u ta’ l-iskala tar-remunerazzjonijet ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jirriżulta mir-riforma tal-karrieri introdotta mil-leġiżlatur Komunitarju kellu bħala effett indott immedjat it-tbaxxija tal-gradi ta’ reklutaġġ ta’ l-uffiċjali l-ġodda, segwit fiż-żmien minn żvilupp tal-prospetti ta’ karriera tagħhom.

40      Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni tal-grad A *6 għall-grad A 7 inizjalment ikkunsidrat tikkostitwixxi element addizzjonali tar-riforma li jidħol fil-loġika u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri.

41      Din is-sostituzzjoni tikkostitwixxi aġġustament speċifiku tad-dispożizzjonijiet tranżitorji lejn l-istruttura l-ġdida tal-karrieri, li la l-istruttura ġenerali u lanqas is-sustanza tagħhom stess ma jidhru hekk imqiegħda in kwistjoni permezz ta’ dan l-aġġustament, sal-punt li jiġġustifikaw konsultazzjoni ġdida tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 41).

42      Ma jidhirx għaldaqstant li, billi ma pproċedietx għal konsultazzjoni ġdida mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ sempliċi addizzjoni indotta mill-istruttura ġenerali tal-proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, kif kienet ġiet preċedentement sottomessa lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni kisret it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, anki jekk is-sostituzzjoni tal-grad A *6 għall-grad A 7* li ġiet imdaħħla wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandha, fl-immedjat, effett finanzjarju konsiderevoli fuq il-livell tal-klassifikazzjoni inizjali ta’ l-uffiċjali kkonċernati u fuq ir-remunerazzjoni mħallsa lilhom fil-bidu tal-karriera.

43      Hemm għaldaqstant lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet akkwistati tar-rikorrenti, kif ukoll tal-prinċipji ta’ sigurtà legali u ta’ non-retroattività

–       L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti jqisu li d-dritt tagħhom li jiġu kklasifikati fil-grad previst fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni, li jorbtu l-Awtorità tal-Ħatra u jobbligaw lil din ta’ l-aħħar fil-konfront tagħhom, jirriżulta mill-iskrizzjoni tagħhom fuq lista tal-kandidati xierqa. Billi jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tagħhom fi grad ta’ reklutaġġ differenti, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser għalhekk id-drittijiet akkwistati tagħhom.

45      Din id-dispożizzjoni hi wkoll kuntrarja għall-prinċipju ta’ non-retroattività, safejn din temenda, bl-inserzjoni ta’ kriterji ġodda ta’ klassifikazzjoni, is-sitwazzjoni li r-rikorrenti setgħu jistennew fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet li jinstabu fl-avviżi ta’ kompetizzjoni.

46      Fl-aħħar, id-dispożizzjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sigurtà legali, li skond dan l-amministrati għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-avviżi ta’ kompetizzjoni. Issa, dawn ta’ l-aħħar jibqgħu validi sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux irċevew fi żmien raġonevoli informazzjoni ċara, kompluta u preċiża fuq dispożizzjonijiet ġodda applikabbli għall-grad tagħhom ta’ klassifika matul ir-reklutaġġ tagħhom.

47      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tqis li d-dispożizzjoni kkontestata mhijiex kuntrarja għall-prinċipji invokati mir-rikorrenti. Hija ssostni sostanzjalment li l-iskrizzjoni fuq lista tal-kandidati xierqa tagħti s-sempliċi possibbiltà, esklużiva minn kull dritt ieħor, li wieħed jiġi maħtur uffiċjal taħt prova u, a fortiori, ma tagħtix dritt li wieħed jiġi kklasifikat fi grad stabbilit, f’każ ta’ ħatra. Għaldaqstant din mhijiex kwistjoni ta’ tqegħid in kwistjoni ta’ xi dritt miksub, peress li l-ħolqien ta’ sitwazzjoni legali qabel emenda leġiżlattiva huwa kundizzjoni meħtieġa iżda mhux suffiċjenti tal-kostruzzjoni ta’ dritt miksub.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

48      Hu kostanti li r-Regolament Nru 723/2004 li jinserixxi l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fit-test tar-Regolamenti tal-Persunal daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri f’data li ġiet wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, fis-27 ta’ April preċedenti.

49      Peress li d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu mhijiex preċedenti għad-data tal-pubblikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 723/2004 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala retroattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 1996, Barreaux et vs Il-Kummissjoni, T‑177/95, Ġabra p. I‑A-541 u II‑1451, punti 45 u 46).

50      Safejn jiddefinixxi kriterji ġodda ta’ klassifikazzjoni fil-grad applikabbli matul ir-reklutaġġ tal-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni u li kienu iskritti fuq listi tal- kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 iżda maħtura uffiċjali taħt prova wara din id-data, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mhuwiex għalhekk kuntrarju għall-prinċipju ta’ non-retroattività.

51      Skond ġurisprudenza kostanti, hu fil-fatt stabbilit li, f’każ ta’ emenda ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, regola ġdida għandha tapplika b’effett immedjat għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet legali, li nħolqu, mingħajr mhuma madankollu interament ikkostitwiti, taħt l-influwenza tar-regola preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 7; tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD, 143/73, Ġabra p. 1433, punt 8, u ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31).

52      F’dan il-każ, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma setax jikser dritt għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni l-qodma tar-Regolamenti tal-Persunal li r-rikorrenti kien ikollhom dritt għalih. Fil-fatt, l-iskrizzjoni ta’ kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali fuq il-listi tal-kandidati xierqa mħejjija wara l-proċess ta’ selezzjoni tagħti biss, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, sempliċi possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali taħt prova, kif imfakkar, barra minn dan, fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T‑173/99, Ġabra p. I‑A‑101 u II‑433, punt 21).

53      Din il-possibbiltà hija neċessarjament esklużiva minn kull dritt akkwistat, peress li l-klassifikazzjoni fil-grad ta’ kandidat magħżul iskritt fuq il-lista tal-kandidati xierqa ta’ kompetizzjoni ġenerali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala akkwistata sakemm huwa ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra skond il-formalitajiet adatti u meħtieġa.

54      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ħatra ta’ uffiċjal għandha neċessarjament l-oriġni tagħha f’att unilaterali ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li jippreċiża d-data li fiha din il-ħatra jibda jkollha effett, kif ukoll il-pożizzjoni li l-persuna kkonċernata hija maħtura għaliha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 1992, Ventura vs Il-Parlament, T‑40/91, Ġabra p. II‑1697, punt 41).

55      Għaldaqstant, huwa biss wara li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tali li l-kandidat magħżul ta’ kompetizzjoni ġenerali jista’ jisħaq il-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u, b’hekk, jitlob il-benefiċċju ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il-Kummissjoni, T‑74/98, Ġabra p. I‑A‑151 u II‑797, punt 27).

56      Issa, fid-data tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Mejju 2004, ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti kienu għadhom ma ġewx ammessi b’att ta’ ħatra ta’ l-Awtorità tal-Ħatra għall-benefiċċju ta’ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal .

57      Għalhekk ir-rikorrenti mhumiex iġġustifikati jallegaw li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kiser drittijiet għall-klassifikazzjoni fil-gradi tal-karrieri l-qodma indikati fl-avviżi tal-kompetizzjoni in kwistjoni li huma kienu kisbu, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, minħabba l-iskrizzjoni tagħhom fuq il-listi ta’ kandidati xierqa mħejjija fit-tmiem tal-proċess ta’ selezzjoni.

58      Uffiċjal jista’ fil-fatt jipprevali ruħu minn dritt akkwistat biss jekk il-fatt li jiġġenera dan ta’ l-aħħar ipproduċa ruħu taħt l-influwenza ta’ statut stabbilit qabel l-emenda tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punt 5).

59      Minn dan jista’ jiġi dedott li f’dan ebda dritt akkwistat tar-rikorrenti għal klassifikazzjoni fi grad determinat ma jiġi miksur.

60      Fl-aħħar, il-prinċipju ta’ sigurtà legali invokat mill-partijiet ikkonċernati japplika għal sitwazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni biss meta att Komunitarju regolamentari jkollu l-punt ta’ tluq tiegħu stabbilit f’data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 1990, SAFA, C-337/88, Ġabra p. I‑1, punt 13), u meta r-regoli Komunitarji huma maħsuba għal sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13), li mhuwiex il-każ fil-każ in kwistjoni, kif għadu kif ġie kkonstatat.

61      Isegwi li ma setax kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ sigurtà legali mil-leġiżlatur Komunitarju.

62      Ir-rikorrenti mhumiex għalhekk iġġustifikati li jsostnu li d-dispożizzjoni kkontestata permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tikser id-drittijiet akkwistati tagħhom jew il-prinċipji ta’ sigurtà legali u ta’ non-retroattività.

63      Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Mingħajr ma jikkontestaw id-dritt tal-leġiżlatur li jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jittratta b’mod differenti kategorija identika ta’ persuni, ikkostitwita minn kandidati magħżula ta’ l-istess kompetizzjoni, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad u, konsegwentement, tas-salarju tagħhom ta’ kull xahar, skond jekk huma kinux ġew irreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jew minn din id-data.

65      Din l-iskadenza ma tistax tikkostitwixxi, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fil-grad matul ir-reklutaġġ, kriterju oġġettiv ta’ differenzjar, għaliex id-data ta’ ħatra ta’ uffiċjal tiddependi minn elementi li mhumiex oġġettivi u li ma jiddependux mir-rikorrenti.

66      L-uniku kriterju oġġettiv li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward hija d-data, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, ta’ l-ittra li tinforma lill-kandidati kollha magħżula tal-kompetizzjonijiet bl-iskrizzjoni tagħhom fuq lista tal-kandidati xierqa. Anki jekk huma ma kellhom ebda dritt li jiġu maħtura, huma kellhom minn din id-data, f’każ ta’ ħatra, id-dritt li jiġu rreklutati fil-grad imsemmi fl-avviż għal pożizzjoni vakanti u fl-avviż ta’ kompetizzjoni, u skond l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

67      Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il-Parlament (T‑92/96, Ġabra p. I‑A‑195 u II‑573), il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet qieset, minn naħa, li ma kienx hemm lok li tiġi kkunsidrata d-data ta’ reklutaġġ ta’ kandidat sabiex jiġu determinati d-dispożizzjonijiet li huma applikabbli għalih u, min-naħa l-oħra, li l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali teżiġi li l-kandidati kollha magħżula ta’ kompetizzjoni jkunu meqjusa bl-istess mod, indipendentement mill-intervent eventwali ta’ regoli ġodda qabel il-ħatra ta’ wħud minnhom.

68      Fattur ieħor ta’ diskriminazzjoni jikkonsisti fil-fatt li t-tbaxxija tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad kellha bħala effett l-assenjazzjoni lir-rikorrenti kollha ta’ pożizzjonijiet “senior” bi gradi “junior”. Safejn huma kienu diġà kisbu esperjenza professjonali konsiderevoli u safejn huma kienu fil-pussess ta’ kwalifiki u diplomi importanti, huma kienu s-suġġett, bi ksur ta’ l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età tagħhom, peress illi huma ma jkollhomx l-istess prospetti ta’ karriera bħal uffiċjali oħra ta’ età iżgħar li jibbenefikaw mill-istess klassifikazzjoni.

69      Barra minn dan, ir-rikorrenti, li kellhom, qabel il-ħatra tagħhom bħala uffiċjali taħt prova, il-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal awżiljarju tal-Komunitajiet Ewropej, ġew assenjati, taħt l-influwenza tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess pożizzjoni bl-istess dmirijiet, jiġifieri dmirijiet ta’ kalibru ikbar, filwaqt li, madankollu, il-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad ġiet imnaqqsa.

70      Il-Kummissjoni tqis għall-kuntrarju li l-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkontestati rispettivament maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u minn din id-data mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli.

71      Kif jirriżulta impliċitament mid-dispożizzjonijiet kombinati ta’ l-Artikolu 3 u ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-data rilevanti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-legalità ta’ att ta’ ħatra hija dik minn meta jibda jkollu effett. Issa, kemm id-dati ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll dawk li fihom jibdew jieħdu effett huma wara l-1 ta’ Mejju 2004.

72      Peress li l-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi mistħarrġa abbażi ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data meta jiġi adottat, il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkontestati maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom il-possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, filwaqt li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkontestati maħtura wara din id-data kellhom il-possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

73      B’differenza għall-kawża Monaco vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, din il-kawża ma tinvolvi la l-prattika amministrattiva ta’ istituzzjoni dwar il-klassifikazzjoni fil-grad ta’ l-uffiċjali li hija tirrekluta u lanqas direttiva interna dwar tali prattika amministrattiva, iżda dispożizzjoni maħluqa mil-leġiżlatur Komunitarju u li teskludi r-riskju arbitrarju inerenti f’emenda suġġerita minn istituzzjoni ta’ direttiva interna ta’ klassifikazzjoni fil-grad matul ir-reklutaġġ.

74      Il-leġiżlatur Komunitarju hu dejjem fi dritt li jadotta, għall-futur, l-emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jikkunsidra konformi ma’ l-interess tas-servizz, anki jekk tali emendi jwasslu għal sitwazzjoni aktar sfavorevoli għall-uffiċjali minn dik li kienet tirriżulta mid-dispożizzjonijiet preċedenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

75      Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux meqjusa b’mod differenti, sakemm divrenzjar ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, Ġabra p. I‑A 31 u II‑105, punt 87).

76      Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk ir-rikorrenti jistgħux jipprevalu ruħhom utilment minn dan il-prinċipju, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk il-kandidati kollha magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni iskritti fuq il-listi tal-kandidati xierqa stabbiliti fit-tmiem tal-proċess ta’ selezzjoni għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-istess kategorija waħda biss ta’ persuni, irrispettivament minn jekk kinux ġew maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jew minn din id-data.

77      Kif jirriżulta mill-iżviluppi iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni fil-grad tar-rikorrenti setgħet tkun legalment effettwata biss b’applikazzjoni tal-kriterji l-ġodda fis-seħħ fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li taħtarhom uffiċjali taħt prova.

78      Barra minn dan, ir-rikorrenti jammettu impliċitament li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli għalihom, safejn huma jitolbu l-benefiċċju ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

79      Min-naħa l-oħra, il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom jiġu neċessarjament ikklassifikati fil-grad abbażi tal-kriterji l-qodma li kienu għadhom fis-seħħ fid-data tal-ħatra tagħhom iżda li ġew imħassra wara din l-istess data, minħabba d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal .

80      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ persuni bħall-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni u li ġew maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

81      Ir-rikorrenti ma jistgħux għalhekk validament isostnu li l-iskrizzjoni tagħhom fuq lista tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tagħtihom dritt sabiex jiġu maħtura, f’każ ta’ reklutaġġ, fil-grad imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew fl-avviż tal-kompetizzjoni, jew fil-grad korrispettiv skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u skond l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

82      Sakemm il-ħatra tagħhom baqgħet ipotetika, huma ma kellhom fil-fatt ebda kwalità sabiex jagħmlu użu minn kriterji ta’ klassifikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli matul ir-reklutaġġ ta’ kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali.

83      Barra minn dan, billi tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti tal-Persunal ma jippreġudikawx id-drittjiet akkwistati tal-persunal fil-qafas tas-sistema tal-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ġdida tas-servizz pubbliku Komunitarju, is-37 premessa tar-Regolament Nru 723/2004 tikkonferma d-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkontestati maħtura uffiċjali qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u mill-1 ta’ Mejju 2004.

84      L-idea li l-uffiċjali kollha rreklutati minn istituzzjoni abbażi ta’ l-istess kompetizzjoni jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli ġiet imressqa fil-punt 55 tas-sentenza Monaco vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, biss għall-finijiet li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ l-applikazzjoni fir-rigward ta’ kandidat magħżul ta’ kompetizzjoni ġenerali ta’ direttivi interni ta’ klassifikazzjoni fil-grad aktar severi adottati mill-istituzzjoni stess li timpjega, wara l-iskrizzjoni tal-persuna kkonċernata fuq il-lista tal-kandidati xierqa, bl-għan ta’ l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li baqgħu l-istess.

85      F’dan il-każ, u f’kull każ, huwa għall-kuntrarju l-leġiżlatur Komunitarju li, fl-eżerċizzju ta’ dritt li r-rikorrenti jaffermaw huma stess li ma jikkontestawx l-eżistenza tiegħu, għażel li jemenda l-kriterji ta’ klassifikazzjoni fil-grad tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali l-ġodda matul ir-reklutaġġ tagħhom.

86      Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlatur jista’ f’kull ħin jagħmel, għall-futur, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi ma’ l-interess tas-servizz, anki jekk dawn huma, bħal f’dan il-każ, anqas favorevoli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punt 98).

87      Peress li l-pożizzjoni li uffiċjal jitqiegħed fiha hija wkoll iddeterminata bid-deċiżjoni ta’ ħatra (sentenza Ventura vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41) u din ta’ l-aħħar tista’ tiġi bbażata biss fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha, wieħed ma jista` lanqas jikkunsidra bħala diskriminatorja l-attribuzzjoni lil uħud mir-rikorrenti, fil-kuntest tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ klassifikazzjoni fil-grad inqas, anki jekk issa huma jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni li kienu okkupaw qabel l-1 ta’ Mejju 2004 bħala membru tal-persunal mhux stabbilit u jeżerċitaw dmirijiet identiċi, jekk mhux aktar importanti minn qabel.

88      Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-allegat tnaqqis tal-klassifikazzjoni fil-grad tar-rikorrenti li jwassal għalih it-tqegħid tagħhom f’pożizzjonijiet “senior” ikklasifikati fi gradi “junior” u l-ineżistenza ta’ prospetti ta’ karriera, li huma għall-kuntrarju miftuħa għal uffiċjali oħra ta’ età iżgħar u li jibbenefikaw mill-istess klassifikazzjoni.

89      Barra l-fatt li ma tistax tiġi kkwalifikata, kuntrarjament għal dak li jsostu r-rikorrenti, bħala diskriminazzjoni minħabba l-età fis-sens ta’ l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, in kwantu l-kriterji l-ġodda ta’ klassifikazzjoni fil-grad ma jeħdux in kunsiderazzjoni l-età tal-persuni kkonċernati, tali ċirkostanza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq.

90      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mhuwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ma jistax jiġi aċċettat.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, safejn huma kienu ġġustifikati sabiex jisperaw li jibbenefikaw, wara s-suċċess tagħhom fil-kompetizzjoni in kwistjoni, minn trattament konformi għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviżi ta’ kompetizzjoni.

93      Leġiżlazzjoni ġdida tista` tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt l-influwenza ta’ dispożizzjonijiet preċedenti, biss bil-kundizzjoni li ma temendax sostanzjalment sitwazzjonijiet akkwistati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, li tkun prevedibbli u ġġustifikata minn interess pubbliku perentorju.

94      Il-Kummissjoni tirrispondi sostanzjalment li r-rikorrenti ma kinux iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi fi klassifikazzjoni fil-grad indikat fl-avviżi tal-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

95      Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li uffiċjal ma jistax jipprevali ruħu mill-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi biex joġġezzjona għal-legalità ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, b’mod partikolari f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu, bħal f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontestaw il-prinċipju tagħha, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ riformi statutorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il-Parlament, T-30/02, Ġabra p. 1-A-41 u II-265, punt 55).

96      Mill-bidu nett, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja nisslet fih aspettattivi fondati, billi tipprovdilu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti, li jemanaw minn sorsi awtorizzati u kredibbli.

97      Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jista’ jiġi invokat ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li tkun ipprovdietu bihom l-amministrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra. p. II‑1093, punt 26).

98      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ma jikkontjeni ebda element li jippermetti lir-rikorrenti jikkonkludu li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu pprovdewhom b’xi garanziji li jistgħu jnisslu fihom aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-kriterji tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ta’ klassifikazzjoni fil-grad ta’ l-uffiċjali matul ir-reklutaġġ tagħhom. Avviżi ta’ kompetizzjoni u ittri tal-Kummissjoni rrilevaw ukoll li l-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet jistgħu jiġu offruti reklutaġġ fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal .

99      Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom utilment fuq emenda sostanzjali ta’ sitwazzjoni akkwistata taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, in kwantu, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, l-iskrizzjoni tar-rikorrenti fuq lista tal-kandidati xierqa ma setax jkollha bħala effett li tagħtihom il-benefiċċju ta’ sitwazzjoni tali.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ma jistax jiġi aċċettat.

 Fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal imur kontra l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal imur kontra l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skond dan, uffiċjal hu rreklutat fil-grad ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni ppubblikat. Minkejja li ssemmi l-kunċett ġdid ta’ “grupp tal-funzjoni”, din l-aħħar dispożizzjoni tapplika għall-kompetizzjonijiet kollha, inkluż dawk organizzati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-kandidati magħżula tagħhom kienu iskritti fuq lista tal-kandidati xierqa qabel din id-data.

102    L-amministrazzjoni ma tistax tidderoga unilateralment mill-avviż ta’ kompetizzjoni li hija l-awtur tiegħu u li jorbotha fl-elementi tiegħu kollha, peress li l-għan essenzjali tiegħu hu li jinforma eżattament kemm jista’ jkun lill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu maħtura għalihom.

103    Għalkemm l-avviżi ta’ kompetizzjoni in kwistjoni ma kkontenew ebda riferenza għad-data ta’ l-1 ta’ Mejju 2004 u ma pprevedew ebda emenda futura tal-klassifikazzjoni fil-grad tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni matul ir-reklutaġġ tagħhom, ir-rikorrenti kollha kienu ġew ikklassifikati, skond l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fi grad anqas minn dak imsemmi fl-avviżi ta’ kompetizzjoni u mingħajr ma t-traduzzjoni ta’ dawn il-gradi l-qodma ma kienet korrettament effettwata f’relazzjoni mal-gradi l-ġodda intermedji stabbiliti permezz ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

104    Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti jikkritikaw fir-realtà l-fatt li ma kinux ġew maħtura fil-grad indikat fl-avviżi ta’ kompetizzjoni, skond l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal.

105    Skond il-Kummissjoni, bħala regola ta’ dritt tranżitorja, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jikser l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fir-rigward tiegħu jikkostitwixxi lex specialis, mingħajr m’huwa meħtieġ li jiġi espressament ippreċiżat li huwa jidderoga minn dan ta’ l-aħħar.

106    Minħabba d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, il-gradi l-qodma kienu ġew sostitwiti bi gradi ġodda; l-Artikolu 8(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għall-“gradi introdotti mill-Artikolu 2(1)” u t-tabelli li jinsabu fl-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dan l-Anness jużaw l-espressjoni “gradi ġodda intermedji”.

107    Minn dan jirriżulta li l-avviżi ta’ kompetizzjoni ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 m’għadx għandhom skop, safejn huma jsemmu ir-reklutaġġ fi grad determinat, aktar u aktar safejn il-kompetizzjonijiet ikkontestati jirrigwardaw karriera determinata (żewġ gradi), skond l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Fil-fatt, minn din id-data, mhemmx iktar lok li ssir referenza għall-“karrieri”, billi kull riferenza għal dan il-kunċett sparixxiet mill-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-leġiżlatur kellu għalhekk jimla dan il-vojt billi jadotta “regoli ta’ tranżizzjoni ta’ grad”, jiġifieri billi jistabbilixxi huwa stess il-grad (il-ġdid) ta’ klassifikazzjoni ta’ uffiċjal irreklutat wara kompetizzjoni li l-avviż tagħha kien ġie ppubblikat qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Issa, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi preċiżament tali “regola ta’ tranżizzjoni ta’ grad”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

108    L-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha.

109    Għalkemm huwa neċessarjament dedott minn din id-dispożizzjoni l-ġdida li l-kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għandhom jinħatru uffiċjali taħt prova fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li permezz tiegħu huma ġew irreklutati, jirriżulta madankollu mir-risposta mogħtija għall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni li d-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet għal dawn il-pożizzjonijiet, li l-Kummissjoni kienet wettqet fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta kitbet l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ikkontestati, ma setgħetx tipprolonga l-effetti tagħha oltre d-data ta’ l-1 ta’ Mejju 2004 meqjusa mil-leġiżlatur Komunitarju għad-dħul fis-seħħ ta’ l-istruttura l-ġdida ta’ karrieri ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

110    It-tneħħija, mill-1 ta’ Mejju 2004, tal-gradi ta’ klassifikazzjoni fil-karrieri indikati fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet, li tirriżulta mill-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ karrieri, wasslet lil-leġiżlatur jadotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(3) sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni fil-grad ta’ kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet iskritti fuq il-listi ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 iżda maħtura uffiċjali taħt prova minn din id-data.

111    Għal dan il-għan, il-leġiżlatur issostitwixxa l-gradi intermedji B*3, A*5 u A*6 previsti mill-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-gradi ta’ karriera B5/B4, A8 u A7/A6 li jikkorispondu, rispettivament, għall-karrieri l-qodma ta’ assistenti, assistenti amministraturi u amministraturi li jidhru fl-avviżi ta’ kompetizzjoni in kwistjoni iżda li ġew imħassra mill-1 ta’ Mejju 2004.

112    Huwa veru li t-tabella ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tittrasponi l-gradi indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni fi gradi intermedji ta’ reklutaġġ titbiegħed mit-tabella ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness, li fiha l-gradi l-qodma ta’ l-uffiċjali fil-pożizzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 huma meqluba fi gradi ġodda intermedji.

113    Kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, huwa madankollu legali għal-leġiżlatur jaddotta għall-futur, fl-interess tas-servizz, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk id-dispożizzjonijiet emendati huma anqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet il-qodma (sentenza Ryan vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

114    Huwa inerenti għal dispożizzjoni tranżitorja bħal din in kwistjoni li tagħmel eċċezzjoni għal ċerti regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li l-applikazzjoni tagħhom hija neċessarjament affettwata mit-tibdil ta’ din is-sistema. F’dan il-każ, l-eċċezzjoni ma tmurx oltre minn dak li jirriżulta mill-ħatra bħala uffiċjali, fil-kuntest tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ persuni magħżula permezz ta’ proċeduri ta’ kompetizzjonijiet miftuħa u magħluqa taħt l-influwenza tad-dispożizzjonijiet il-qodma.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux raġonevolment jallegaw, biex juru li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal imur kontra l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kienu ġew ikklassifikati fi grad inqas minn dak imsemmi fl-avviżi ta’ kompetizzjoni jew skond tabella ta’ ekwivalenza ta’ gradi li titbiegħed mir-relazzjoni stabbilita bejn il-klassifikazzjoni fil-grad il-qadima u l-ġdida ta’ l-uffiċjali.

116    Minn dan jirriżulta li l-ilment ma jistax jiġi aċċettat.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal

–       L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti jallegaw ksur ta’ l-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal li jissuġġetta għal kundizzjonijiet identiċi ta’ reklutaġġ u ta’ żvilupp ta’ karriera lill-uffiċjali li jappartjenu għall-istess grupp tal-funzjoni. Filwaqt li l-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkontestati maħtura uffiċjali qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu bbenefikaw mill-klassifikazzjoni u mir-remunerazzjoni korrispettiva għall-grad imsemmi fl-avviżi ta’ kompetizzjoni, il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti kienet ġiet imwettqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

118    L-Artikolu 5(1) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal kien ġie miksur ukoll, billi, minħabba l-applikazzjoni “awtomatika” ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-pożizzjonijiet tagħhom ma kinux is-suġġett ta’ “klassifikazzjoni mill-ġdid” skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw f’kull tip ta’ pożizzjoni.

119    L-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser ukoll l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif implementat bl-Anness I.A ta’ dawn ir-Regolamenti, dwar ir-relazzjoni bejn it-tipi ta’ pożizzjonijiet u l-karrieri, safejn kellu bħala effett li jikklasifika mill-ġdid il-pożizzjonijiet tar-rikorrenti fuq grad anqas għad-dmirijiet li jirrelataw ma’ dawn il-pożizzjonijiet.

120    Fl-aħħar, il-prinċipju ta’ l-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad, garantit mit-trattament ugwali ta’ l-uffiċjali, stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien ukoll ġie miksur.

121    Il-Kummissjoni toġġezzjona li mhuwiex il-leġiżlatur Komunitarju iżda biss l-istituzzjonijiet inkarigati li japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom jaddotaw, skond l-Artikolu 5(4) ta’ dan it-test, id-deskrizzjoni tad-dmirijiet assoċjati ma’ kull tip ta’ pożizzjoni u li jirrispettaw l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet meta huma jiddeċiedu fuq l-ippostjar tal-membri tal-persunal tagħhom.

122    Ir-riferenza magħmula mir-rikorrenti għat-tabella ta’ l-Anness I.A tar-Regolamenti tal-Persunal mhijiex ammissibbli safejn, skond l-Artikolu 4(n) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness XIII.1, dwar it-tipi ta’ pożizzjonijiet matul il-perijodu tranżitorju, jissostitwixxi l-Anness I.A mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006,

123    Fl-aħħar, l-Artikolu 5(1) huwa biss deklaratorju u ma jsemmi ebda obbligu awtonomu ta’ l-istituzzjonijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

124    Kif jiġi dedott mir-risposta mogħtija iktar ’il fuq għall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, ma jistax jiġi validament sostnut li kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-klassifikazzjoni ta’ kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fil-grad imsemmi fl-avviżi ta’ kompetizzjoni, filwaqt li r-rikorrenti ġew ikklassifikati skond kriterji stabbiliti mill-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

125    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li fiż-żmien tal-ħatra tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u l-gradi ta’ klassifikazzjoni indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni, filwaqt li l-klassifikazzjoni fil-grad tar-rikorrenti waqgħet taħt id-dispożizzjonijiet il-ġodda fis-seħħ minn din id-data, inklużi dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

126    Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 12 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal hu kuntrarju għall-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal. Billi adotta din l-ewwel dispożizzjoni, il-leġiżlatur iddefinixxa l-gradi ta’ klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali rreklutati matul il-perijodu tranżitorju fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu li jemenda dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal .

127    L-Artikolu 12(2) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiddefinixxu l-livell ta’ kwalifiki mitluba għal ħatriet fil-pożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-istruttura ġdida tal-karrieri, ma japplikawx għall-uffiċjali rreklutati, bħar-rikorrenti, fuq listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara kompetizzjonijiet ippubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

128    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(n) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika li l-Anness I.A, intitolat “Tipi ta’ pożizzjonijiet f’kull grupp tal-funzjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 5(3)” u li jinkludi t-tabella deskrittiva tat-tipi ta’ pożizzjonijiet il-ġodda li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, hu ssostitwit mill-Anness XIII.1 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiddefinixxi t-tipi ta’ pożizzjonijiet matul il-perijodu tranżitorju.

129    L-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 4(n) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevalu għalhekk fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi jidderogaw minnhom in kwantu liġi speċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C-444/00, Ġabra p. I-6163, punt 57, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, Ġabra p. I‑A‑209 u II‑957, punt 122).

130    Ir-rikorrenti ma jistgħu lanqas jinvokaw ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li skond dan kull uffiċjal għandu jiġi maħtur għall-pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu li jikkorrospondi mal-grad tiegħu.

131    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha naturalment tinftiehem, ukoll, fis-sens li hija tirriżerva l-applikazzjoni tranżitorja, mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006, ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jakkumpanjawh.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ma jistax jiġi aċċettat.

133    Jirriżulta mill-iżviluppi li jippreċiedu li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jmorru kontra l-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ l-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad, ta’ bona fede u ta’ premura.

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-rikorrenti jikkunsidraw l-ewwel nett li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u għar-regola ta’ trasparenza, safejn huma ma kinux ġew infurmati b’mod preċiż u ċar bl-emenda essenzjali li kellha ssir għall-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad f’każ tal-ħatra tagħhom wara l-1 ta’ Mejju 2004.

135    Ir-rikorrenti kollha kienu ġew uffiċjalment infurmati bil-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal biss wara din id-data. Barra minn dan, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu espliċitament biss għall-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u għall-avviż ta’ kompetizzjoni u ma jsemmux l-Artikolu 12 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

136    Il-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 723/2004 tlitt ijiem qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, wara l-offerti ta’ impjieg indirizzati lir-rikorrenti, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala biżżejjed, meta jiġu kkunsidrati l-kumplessità u n-natura ermetika tat-test in kwistjoni, rikonoxxuta mill-Kummissjoni stess.

137    Kieku r-rikorrenti kienu ġew infurmati b’mod ċar, fi żmien raġonevoli, bl-impatt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida kien ser ikollha fuq il-klassifikazzjoni tagħhom f’każ ta’ reklutaġġ wara l-1 ta’ Mejju 2004, huma setgħu, għallinqas f’ċerti każijiet, jippruvaw jiġu rreklutati qabel din id-data, jew tabilħaqq jirrifjutaw li jiġu maħtura f’dawn il-kundizzjonijiet ġodda li jippreġudikawhom.

138    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew meħuda bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Uħud mir-rikorrenti kellhom, matul l-intervisti ta’ xogħol qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kuntatti ma’ persuni responsabbli ta’ l-amministrazzjoni li kienu kkonfermawlhom, xi minn daqqiet għal diversi drabi, klassifikazzjoni fil-grad li tikkorispondi ma’ dik imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Huma wkoll imsemmija testi u dokumenti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fuq is-sit Internet tal-Kummissjoni, kif ukoll ittri ta’ konvokazzjoni uffiċjali għall-vista medika u għal intervista amministrattiva.

139    Ir-rikorrenti jakkużaw ukoll lill-Awtorità tal-Ħatra li ma kinitx adottat l-istess imġiba fir-rigward tal-kandidati kollha magħżula tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Fil-fatt, għal ċerti raġunijiet, xi kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet in kwistjoni setgħu jiġu rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u oħrajn le.

140    Barra minn dan, il-Kummissjoni kinet kisret il-prinċipju ta’ l-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad billi ma wettqitx evalwazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabiltajiet tar-rikorrenti meta mqabbla mal-grad li kellhom jingħataw.

141    Huwa għaldaqstant leġittimu li wieħed jistaqsi jekk l-Awtorità tal-Ħatra verament aġixxietx in bona fede u skond il-prinċipju ta’ premura, meta setgħet hija stess tqis il-konsegwenzi – inaċċettabbli – tal-ħatra fi gradi differenti tal-kandidati magħżula ta’ l-istess kompetizzjoni, li setgħu jibbażaw ruħhom fuq il-klassifikazzjoni fil-grad li dehret fl-avviż ta’ kompetizzjoni u li ma kinux ġew infurmati bl-effetti preġudizzjali tar-Regolamenti tal-Persunal fuq il-klassifikazzjoni tagħhom futura fil-każ li jiġu rreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004.

142    Il-Kummissjoni tirrispondi li r-rikorrenti kienu ġew suffiċjentement infurmati. Ir-Regolament Nru 723/2004 kien ġie ppubblikat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri, f’ċerti każijiet, anki qabel ma r-rikorrenti kienu aċċettaw l-offerta ta’ xogħol li saritilhom. Barra minn dan, ir-riforma tas-sistema tal-karrieri kinet ġiet annunċjata fl-avviżi ta’ kompetizzjoni jew fl-ittri li jinfurmaw lir-rikorrenti bil-proroga tal-listi ta’ kandidati xierqa.

143    Kuntrarjament għal dak li jidhru jikkunsidraw ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet m’għandhomx obbligu ġenerali li jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-uffiċjali futuri tagħhom, qabel il-ħatra tagħhom, fuq l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

144    L-offerti ta’ xogħol indirizzati lir-rikorrenti kienu indikawlhom b’mod ċar li l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad kienet ser tiġi mwettqa skond l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn l-ittri kienu wkoll irreferew għal sit Internet fejn setgħet tinsab informazzjoni iktar iddettaljata.

145    Bl-ebda mod mhuwa muri li l-amministrazzjoni kienet ipprovdiet lir-rikorrenti garanziji preċiżi, inkondizzjonali u konkordanti fis-sens li l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad kienet ser tiġi mwettqa skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Barra minn dan, l-aspettattivi leġittimi setgħu jagħtu lok biss għal garanziji li huma konformi mar-regoli applikabbli. Issa, peress li l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa vinkolanti u ma jagħti ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-amministrazzjoni, wegħdiet eventwali ta’ din ta’ l-aħħar mhumiex ta’ natura li jistgħu joħolqu favur ir-rikorrenti aspettattivi leġittimi fi klassifikazzjoni fil-grad abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

146    Fl-aħħar, l-obbligu ta’ premura jista joħloq, akkarigu ta’ istituzzjoni, obbligi lejn persuna biss minn meta din tiġi maħtura bħala uffiċjal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

147    Jirriżulta mill-proċess li la l-avviżi ta’ kompetizzjoni u lanqas l-ittri ta’ proroga tal-validità tal-listi ta’ kandidati xierqa indirizzati lir-rikorrenti ma indikaw li l-kriterji l-ġodda ta’ klassifikazzjoni fil-grad matul ir-reklutaġġ setgħu jinkludu emenda għat-tbaxxija tal-gradi ta’ reklutaġġ li dehru fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet.

148    Huwa biss wara l-ħatra tagħhom bħala uffiċjali taħt prova li r-rikorrenti kienu ġew direttament infurmati bis-sistema l-ġdida ta’ klassifikazzjoni fil-grad imdaħħla permezz tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal u bit-tnaqqis korrispettiv fil-grad tagħhom ta’ reklutaġġ meta mqabbel ma’ dak indikat fl-avviżi ta’ kompetizzjoni.

149    Wieħed jinnota barra minn dan, f’dan ir-rigward, li l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludu fiċ-ċitazzjonijiet tagħhom ebda riferenza għall-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk il-grad ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja, li n-natura tagħha ta’ liġi speċjali fil-konfront ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ġiet irrilevata mill-Kummissjoni stess.

150    Madankollu, għalkemm insuffiċjenza ta’ informazzjoni preliminari hi ta’ natura li tikkostitwixxi argument effettiv għall-finijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward ta’ persuni kkonċernati, din mhijiex ta’ natura li twassal fiha nnifisha għall-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

151    Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti l-legalità ta’ att individwali kkontestat quddiem il-qorti Komunitarja għandha tiġi evalwata abbażi ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data li fiha l-att kien ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2004, W vs Il-Parlament, T‑69/03, Ġabra p. I‑A 153 u II‑687, punt 28).

152    Issa, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati kollha ġew adottati b’effett, l-iktar kmieni, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni setgħet tikklassifika fil-grad ir-rikorrenti fid-deċiżjonijiet ikkontestati biss skond id-dispożizzjonijiet il-ġodda imperattivi ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-illegalità tiegħu ma ġietx ippruvata.

153    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irregolaritajiet li r-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet fl-immaniġġar tar-reklutaġġ tagħhom, anki jekk jiġi presuppost li huma kuntrarji għall-prinċipji invokati mill-persuni kkonċernati, mhumiex, f’kull każ, ta’ natura li seta` kellhom l-inqas effett fuq il-legalità stess tal-klassifikazzjoni fil-grad ikkontestata mir-rikorrenti.

154    B’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet, bi ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, tirrekluta b’mod prijoritarju wħud mill-kandidati magħżula f’data preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004, ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

155    Fil-fatt, anki jekk jiġi presuppost li xi reklutaġġi setgħu b’hekk ġew itrattati bi prijorità, ir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-uffiċjali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità li permezz tiegħu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità li kienet ġiet imwettqa favur xi ħadd ieħor (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14).

156    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

157    Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr mhemm bżonn, għaldaqstant, li tingħata deċiżjoni fuq il-kapijiet ta’ talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkisbu mill-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, kostruzzjoni mill-ġdid tal-karriera tagħhom u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall- interessi għal dewmien fuq l-arretrati tar-remunerazzjoni li setgħu jirriżultaw minn sentenza ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-ispejjeż

158    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

159    Skond l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

160    Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) ta’ l-imsemmija Regoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

161    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, kif jirriżulta mill-iżviluppi iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx wissiet lir-rikorrenti b’mod ċar u preċiż bl-effett konkret previst fuq is-sitwazzjoni individwali tagħhom ta’ emenda proposta lir-Regolamenti tal-Persunal li hija stess kienet l-awtriċi tagħha.

162    Minħabba l-inċertezza li setgħet b’hekk teżisti fil-moħħ tar-rikorrenti dwar il-klassifikazzjoni fil-grad li jibbenefikaw minnha san-notifika tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-partijiet ikkonċernati setgħu ħasbu li kellhom raġun jikkontestaw il-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad quddiem il-qorti Komunitarja.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-proċedura tista’ tiġi kkunsidrata bħala li kienet ġiet parzjalment ikkawżata permezz ta’ l-imġiba tal-Kummissjoni safejn din ta’ l-aħħar setgħet, permezz ta’ nuqqas ta’ informazzjoni, tinstiga fi ħdan il-persuni kkonċernati mistoqsijiet ta’ natura raġonevoli dwar il-legalità tal-grad inizjali tagħhom ta’ klassifikazzjoni minħabba proċedura ta’ reklutaġġ ambigwa fir-rigward ta’ kundizzjoni ta’ reklutaġġ essenzjali.

164    Tali ċirkustanzi jikkostitwixxu raġuni eċċezzjonali li tiġġustifika qsim bejn l-istituzzjoni konvenuta u r-rikorrenti ta’ l-ispejjeż sostnuti minn dawn ta’ l-aħħar għall-finijiet ta’ l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ġunju 1967, Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja, 26/66, Ġabra p. 149, 166, u tal-11 ta’ Lulju 1968, Danvin vs Il-Kummissjoni, 26/67, Ġabra p. 463, 474).

165    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk il-Kummissjoni tiġi ordnata tbati n-nofs ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

166    Barra minn dan, l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

167    Minn dan jirriżulta li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u n-nofs ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu n-nofs ta’ l-ispejjeż tagħhom.

4)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Moavero Milanesi

 

      Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2007

E. Coulon

 

      H.Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.