Language of document : ECLI:EU:T:2011:285

Kawża T-199/08

Ziegler SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ — Multi — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Delimitazzjoni tas-suq — Skop

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ — Att ta’ natura vinkolanti

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafi 19 u 21 sa 23)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni — Esklużjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 29)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir antikompetittiv awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis minħabba diffikultajiet ekonomiċi — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 35)

1.      L-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk l-effett tal-akkordju fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni ma jkunx “sinjifikattiv”. Fil-fatt, ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 81(1) KE, meta jkun jillimita l-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri biss b’mod insinjifikanti. Konsegwentement, l-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE hija imposta lill-Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-fatt, kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament suxxettibbli li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jispiċċa mingħajr valur. Anki fil-każ ta’ ksur minħabba l-għan, huwa neċessarju li l-ksur ikun suxxettibbli li jaffettwa l-iskambji intra-Komunitarji b’mod sinjifikattiv. Dan jirriżulta mil-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, peress li l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-paragrafu 53 tagħhom, tapplika biss għall-ftehim jew prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Il-fatt li kumpannija ma tikkontestax l-eżistenza tal-akkordju ma jinkludix neċessarjament l-ammissjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ minn dan l-akkordju. In-nuqqas ta’ tali effett, kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi kif meħtieġ mil-liġi li t-tieni kundizzjoni alternattiva intiża fil-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida kienet sodisfatta billi tipprovdi deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika, hija tkun iddelimitat b’mod preċiż is-servizzi kkonċernati kif ukoll is-suq. Tali deskrizzjoni tas-settur tista’ tkun biżżejjed sa fejn hija biżżejjed dettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-affermazzjonijiet bażi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti l-limitu ta’ 5 %. Għalhekk, eċċezzjonalment, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 44, 45, 50, 53, 69, 70, 72, 73)

2.      Billi adottat regoli ta’ kondotta li huma l-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni illimitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punt 67)

3.      Il-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ġabu magħhom bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat għan-numru ta’ snin ta’ ksur” (paragrafu 19 tal-imsemmija linji gwida). Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 % (paragrafu 21). Fir-rigward tal-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, “li huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi”, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu ġeneralment jinżamm “fl-għoli tal-iskala” (paragrafu 23).

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax iktar, bħala regola, tikkuntenta b’li timmotiva biss il-kwalifika ta’ ksur bħala “gravi ħafna” u mhux l-għażla ta’ proporzjon ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif indikat iktar ’il fuq, il-konsegwenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-multi huwa obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti lill-persuna akkużata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Peress li l-Kummissjoni ffissat din ir-rata għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, jiġifieri 17 %, u mmotivat l-għażla tagħha sempliċement bin-natura “gravi ħafna” tal-ksur iżda ma spjegatx b’mod iktar dettaljat kif il-kwalifika ta’ ksur “gravi ħafna” wasslitha sabiex tiffissa r-rata ta’ 17 % u mhux proporzjon nettament iktar “fl-għoli tal-iskala”, din il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għall-impriża. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata.

(ara l-punti 91-93)

4.      Sempliċement abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża individwali kkonċernata bilkemm għandha l-possibbiltà li tivverifika jekk id-dħul mill-bejgħ użati sabiex jintwera l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istat Membri u l-ishma tas-suq kkonsolidati tal-membri kollha tal-akkordju jaqbżux il-limiti ta’ EUR 40 miljun jew ta’ 5 %. Kull impriża tista’ tikkonstata b’ċertezza ċ-ċifri tagħha biss. Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat id-daqs tas-suq u l-ishma tas-suq tal-kumpanniji l-oħra inkwistjoni u sabiex jiġu sostnuti l-argumenti rigward dawn iċ-ċifri, il-konoxxenza tal-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji oħra hija indispensabbli, u fin-nuqqas tagħha l-impriża kkonċernata ma hijiex f’pożizzjoni li turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar ir-relevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni.

(ara l-punt 118)

5.      L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni. Il-gravità tal-ksur tista’ tiġi stabbilita b’riferiment għan-natura u tal-għan tal-aġir abbużiv. L-elementi li jiffurmaw parti mill-iskop ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tagħhom.

Ksur li jkollu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq huwa, min-natura tiegħu, partikolarment gravi.

Barra minn hekk, il-paragrafu 20 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti relevanti kollha tal-każ”. L-imsemmija linji gwida introduċew skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Għalhekk, skont il-paragrafu 19 tal-imsemmija linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur”. Bħala regola ġenerali, skont il-paragrafu 21 tal-imsemmija linji gwida, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jkun iffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %”.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u għalhekk tiddetermina r-rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Il-paragrafu 22 tal-imsemmija linji gwida jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur”.

Din id-diffikultà li jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il-paragrafu 23 tal-imsemmija linji gwida, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment meħud għal livell li jinsab “fl-għoli tal-iskala”. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %.

Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li stabbilixxiet ir-rata ta’ 17 % sempliċement abbażi tan-natura intrinsikament gravi tal-ksur. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk għandha tinżamm ir-rata iktar għolja.

(ara l-punti 136, 137, 139-142)

6.      Il-waqfien tal-prattika li tikkostitwixxi ksur ma tikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis fil-multa meta l-kumpannija inkwistjoni tieqaf tipparteċipa għall-ksur sempliċement ftit jiem qabel l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni.

L-ewwel inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, għalkemm l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata tipprova li waqqfet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, dan “ma japplikax għall-ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari il-kartell)”. Barra minn hekk, il-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti huwa limitat għall-każijiet fejn il-ksur jieqaf sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 151, 152)

7.      Fl-ipoteżi li fatti magħrufa għal persuna li taħdem għall-Kummissjoni jistgħu jiġu attribwiti lil din bħala istituzzjoni, għandu jiġi osservat li s-sempliċi konoxxenza dwar aġir antikompetittiv ma timplikax li dan l-aġir ġie impliċitament “awtorizzat jew inkoraġġut” mill-Kummissjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Allegat nuqqas ta’ azzjoni fil-fatt ma jistax jitqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament. Barra minn hekk, meta l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun tant evidenti, operatur diliġenti ma jistax jinvoka li ħaseb leġittimament fil-legalità ta’ din il-prattika.

(ara l-punti 157, 158)

8.      Sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ tnaqqis eċċezzjonali tal-multa minħabba diffikultajiet ekonomiċi skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, minbarra talba, hemm żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, id-diffikultà insurmontabbli li titħallas il-multa u, it-tieni nett, il-preżenza ta’ “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”.

L-evalwazzjoni tal-ewwel kundizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni konkreta tal-impriża kkonċernata. Sempliċi kalkolu tal-perċentwali li jirrappreżenta l-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża ma jistax waħdu jkun ta’ bażi għall-konklużjoni li din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika ta’ din l-impriża. Kieku dan kien il-każ, ikun possibbli li jiġu indikati limiti konkreti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-imsemmija linji gwida.

(ara l-punti 165, 167)