Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2010 - Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-40/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Elf Aquitaine SA (Courbevoie, Franza) (rappreżentanti: É. Morgan de Rivery, S. Thibault-Liger u A. Noël-Baron, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

preliminarjament, tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), it-totalità tad-Deċiżjoni Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009 fil-Każ COMP/38589 - Stabilizzaturi Termiċi inkwantu tirrigwarda lil Elf Aquitaine;

sussidjarjament, tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE:

l-Artikolu 2(11), (13), (28) u (30) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009 inkwantu jimponi (i) żewġ multi ta' EUR 3 864 000 u ta' EUR 7 154 000 in solidum ma' Arkema France, CECA u Elf Aquitaine, u (ii) żewġ multi ta' EUR 2 704 800 u ta' EUR 5 007 800 lil Elf Aquitaine waħidha; u

l-Artikolu 1(1)(h) u (2)(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009 inkwantu dawn iż-żewġ paragrafi jikkonstataw li Elf Aquitaine kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE rispettivament (i) fis-settur tal-istabilizzaturi tal-landa bejn is-16 ta' Marzu 1994 u l-31 ta' Marzu 1996 u bejn id-9 ta' Settembru 1997 u l-21 ta' Marzu 2000, u (ii) fis-settur tal-ESBO/tal-esters bejn il-11 ta' Settembru 1991 u s-26 ta' Settembru 2000;

aktar sussidjarjament:

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 1(1)(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009 inkwantu tikkonstata li Elf Aquitaine kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fis-settur tal-istabilizzaturi tal-landa bejn is-16 ta' Marzu 1994 u l-31 ta' Marzu 1996;

u tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE:

il-multi ta' EUR 3 864 000 u ta' EUR 7 154 000 imposti in solidum fuq Arkema France, CECA u Elf Aquitaine rispettivament mill-Artikolu 2(11) u (28) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009; u

il-multi ta' EUR 2 704 800 u ta' EUR 5 007 800 imposti fuq Elf Aquitaine rispettivament mill-Artikolu 2(13) u (30) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 8682 finali tal-11 ta' Novembru 2009;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta' Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.589 - Stabbilizzaturi termiċi), fir-rigward tal-akkordji fuq is-swieq tal-istabilizzaturi tal-landa u tal-istabilizzaturi termiċi ESBO/esters, fiż-ŻEE kollha, dwar l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva jew, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Prinċipalment, ir-rikors huwa bbażat fuq żewġ motivi ta' annullament tat-totalità tad-deċiżjoni. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni hija vvizzjata b'diversi żbalji ta' liġi fir-rigward tar-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha Arkema u s-sottosussidjarja tagħha CECA.

Ir-rikors huwa wkoll ibbażat sussidjarjament fuq żewġ motivi, u iktar sussidjarjament fuq żewġ motivi oħra. Fit-tielet motiv (sussidjarju), ir-rikorrenti tinvoka diversi żbalji ta' liġi li għandhom iwasslu, tal-anqas, għall-annullament tal-erba' multi li huma imposti fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni. Fir-raba' motiv (sussidjarju), ir-rikorrenti tikkunsidra li jekk il-Qorti Ġenerali tilqa' it-tielet motiv, hija għandha wkoll tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni fil-konfront tagħha. Fil-ħames motiv (iktar sussidjarju), jekk il-Qorti Ġenerali twarrab l-ewwel parti tat-tielet motiv fuq il-ksur tar-regoli tal-preskrizzjoni, ir-rikorrenti tqis li tal-anqas l-Artikolu 1(1)(h) tad-deċiżjoni għandu jiġi annullat inkwantu jikkonstata li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 81 KE u 53 ŻEE fis-settur tal-istabilizzaturi tal-landa bejn is-16 ta' Marzu 1994 u l-31 ta' Marzu 1996. Fis-sitt motiv (iktar sussidjarju), ir-rikorrenti tqis li, jekk il-Qorti Ġenerali twarrab iż-żewġ motivi prinċipali u t-tielet motiv invokat sussidjarjament, il-ksur tad-drittijiet ta' difiża tagħha għandu, tal-anqas iwassal għat-tnaqqis tal-erba' multi imposti fuqha.

____________