Language of document :

Rikors ippreżentat fis- 7 ta' Settembru 2010 - Masco et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-378/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Masco Corp. (Taylor, l-Istati Uniti tal-Amerika), Hansgrohe AG (Schiltach, il-Ġermanja), Hansgrohe Deutschland Wertriebs GmbH (Schiltach, il-Ġermanja), Hansgrohe Handelsgesellschaft m.b.H. (Wiener Neudorf, l-Awstrija), Hansgrohe SA/NV (Anderlecht, il-Belġju), Hansgrohe B.V. (Westknollendam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Hansgrohe SARL (Antony, Franza), Hansgrohe Srl (Villanova d'Asti, l-Italja), Hüppe GmbH (Bad Zwischenahn, il-Ġermanja), Hüppe Gesellschaft m.b.H. (Laxenburg, l-Awstrija), Hüppe Belgium SA/NV (Zaventem, il-Belġju) u Hüppe B.V. (Alblasserdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: D. Schroeder, avukat u J. Temple Lang, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010 fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji, sa fejn tistabbilixxi li r-rikorrenti kienu pparteċipaw f'akkordju kontinwu jew fi prattika miftiehma fis-settur tal-"Installazzjonijiet sanitarji", u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħrajn kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f'akkordju kontinwu jew fi prattika miftiehma fis-"settur tal-Installazzjonijiet sanitarji", li tkopri t-territorju tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Italja, ta' Franza, tal-Belġju u tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed insostenn tat-talba tagħhom.

Ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifika legali tal-kondotta li, skont il-Kummissjoni, tikkonsisti fi ksur uniku u kumpless li jkopri t-tliet gruppi differenti ta' prodotti jiġifieri, viti u installazzjonijiet, diviżorji tad-doċċa u prodotti sanitarji taċ-ċeramika, meta jmissha kkonstatat tliet ksur awtonomi.

Ir-rikorrenti ma jipproduċux prodotti sanitarji taċ-ċeramika. Ir-rikorrenti jsostnu li billi kkonstatat li pparteċipaw fi ksur uniku kumpless li jkopri tliet gruppi differenti ta' prodotti, inklużi l-prodotti sanitarji taċ-ċeramika, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta' liġi. Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta' ksur uniku kumpless fid-deċiżjoni ma hijiex konformi ma' każijiet preċedenti tal-Kummissjoni (jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trasparenza, ta' ċertezza legali u ta' trattament ugwali. B'mod partikolari, il-fatti u l-provi ppreżentati fid-deċiżjoni ma jissostanzjawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hemm ksur uniku kumpless li jkopri tliet gruppi differenti ta' prodotti.

____________